Language of document :

Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Marzu 2018 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Awstrija

(Kawża C-209/18)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: G. Braun u H. Tserepa-Lacombe, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Awstrija

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tikkonstata li r-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 14(1), 15(1) u 2(b) u (ċ), u (3) kif ukoll l-Artikolu 25 tad-Direttiva dwar is-servizzi fis-suq intern 1 u taħt l-Artikoli 49 u 56 TFUE, peress li żammet fis-seħħ rekwiżiti dwar is-sede ta’ kumpannija legali fil-qasam tal-privattivi, skont l-Artikolu 29a(7) flimkien mal-Artikolu 2(1)(c) tal-Patentanwaltsgesetz (il-Liġi dwar il-Konsulenti fil-Qasam tal-Privattivi, iktar ’il quddiem il-“PatAnwG”), u ta’ kumpannija tal-inġinerija ċivili, skont l-Artikolu 25(1) taż-Ziviltechnikergesetz (il-Liġi dwar il-Periti u l-Inġinieri Ċivili, iktar ’il quddiem iż-“ZTG”), il-forma ġuridika u l-parteċipazzjoni fl-assi ta’ kumpannija tal-inġinerija ċivili, skont l-Artikoli 26(1) u 28(1) taż-ZTG, ta’ kumpannija legali fil-qasam tal-privattivi, skont l-Artikolu 29a(1), (2) u (11) tal-PatAnwG, u ta’ kumpannija veterinarja, skont l-Artikolu 15a(1) tat-Tierärztegesetz (il-Liġi dwar il-Veterinarji), kif ukoll ir-restrizzjoni ta’ attivitajiet multidixxiplinari għal kumpannija tal-inġinerija ċivili, skont l-Artikolu 21(1) taż-ZTG, u ta’ kumpannija legali fil-qasam tal-privattivi, skont l-Artikolu 29a(6) tal-PatAnwG.

tikkundanna lir-Repubblika tal-Awstrija għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti ssostni li:

Id-dritt Awstrijak fih rekwiżiti dwar is-sede ta’ kumpanniji professjonali tal-inġinerija ċivili u ta’ avukati fil-qasam tal-privattivi, li jiksru l-Artikolu 14(1)(b) tad-Direttiva dwar is-servizzi fis-suq intern. Ir-regoli jiddiskriminaw direttament fuq il-bażi tas-sede tal-kumpannija u indirettament fuq il-bażi tan-nazzjonalità tal-azzjonisti tagħha.

Ir-rekwiżiti fuq il-forma ġuridika u l-parteċipazzjoni fl-assi ta’ kumpannija ta’ inġiniera ċivili, ta’ avukati fil-qasam tal-privattivi u ta’ veterinarji jxekklu kemm il-fornituri Awstrijaki ta’ servizzi kif ukoll l-istabbiliment ta’ fornituri ġodda ta’ servizzi minn Stati Membri oħra li huma limitati fil-possibilitajiet tagħhom sabiex iwaqqfu stabbiliment sekondarju fl-Awstrija sakemm ma jadattawx l-istrutturi organizzattivi tagħhom għal dawn ir-regoli.

Ir-regoli Awstrijaċi li jirrikjedu li l-kumpanniji professjonali rispettivi jkunu limitati għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukati fil-qasam tal-privattivi u tal-professjoni ta’ inġinier ċivili, huma kuntrarji għall-Artikolu 25 tad-Direttiva dwar is-servizzi fis-suq intern peress li dawn jillimitaw kemm l-istabbiliment sekondarju ta’ kumpanniji professjonali multidixxiplinari minn Stati Membri oħra fl-Awstrija kif ukoll l-istabbiliment prinċipali ta’ kumpanniji professjonali Awstrijaċi. L-iżvilupp ta’ mudelli ta’ negozju ġodda u innovattivi li jippermettu lill-kumpanniji joffru firxa wiesgħa ta’ servizzi huwa wkoll imxekkel.

____________

1     Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36).