Language of document : ECLI:EU:T:2011:361

Kawża T-59/07

Polimeri Europa SpA

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq tal-gomma butadiene u gomma styrene-butadiene magħmula bil-proċess ta’ polimerizzazzjoni permezz ta’ emulsjoni — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur — Ksur uniku — Prova tal-eżistenza tal-akkordju — Multi — Gravità u tul tal-ksur — Ċirkustanzi aggravanti”

Sommarju tas-sentenza

1.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Oneru tal-Kummissjoni fir-rigward tal-prova tal-ksur u tat-tul tiegħu — Portata tal-oneru probatorju

(Artikolu 81(1) KE u 82 KE)

2.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet — Natura ġuridika — Natura preparatorja

(Artikolu 81 KE)

3.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Setgħat tal-Kummissjoni — Setgħa li permezz tagħha żewġ proċeduri distinti jingħaqdu

(Artikolu 81 KE)

4.      Kompetizzjoni — Akkordji — Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Għan antikompetittiv — Konstatazzjoni suffiċjenti

(Artikolu 81(1) KE)

5.      Kompetizzjoni — Regoli Komunitarji — Ksur — Imputazzjoni

(Artikoli 81 KE u 82 KE)

6.      Proċedura — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali — Sunt tal-motivi invokati —Rekwiżiti analogi għall-ilmenti invokati insostenn ta’ motiv

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 21; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 44(1)(ċ))

7.      Kompetizzjoni — Akkordji — Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Għan antikompetittiv — Konstatazzjoni suffiċjenti

(Artikolu 81(1) KE)

8.      Kompetizzjoni — Akkordji — Ftehim bejn impriżi — Prova tal-ksur li taqa’ fuq il-Kummissjoni — Limiti

(Artikolu 81(1) KE)

9.      Kompetizzjoni — Akkordji — Prova — Risposta ta’ impriża għat-talba għal informazzjoni magħmula mill-Kummissjoni

(Artikoli 81 KE u 82 KE)

10.    Kompetizzjoni — Akkordji — Ftehim u prattiki miftiehma li jikkostitwixxu ksur uniku

(Artikolu 81(1) KE)

11.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur —Evalwazzjoni skont in-natura tal-ksur — Ksur serju ħafna

(Artikolu 81 KE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

12.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni — Obbligu li jiġi żgurat proporzjon bejn l-ammont tal-multi u l-volum globali tas-suq tal-prodott ikkonċernat — Assenza

(Artikoli 81 KE u 82 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(3))

13.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Natura dissważiva tal-multa

(Artikolu 81 KE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

14.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Dħul mill-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni

(Artikolu 81 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2))

15.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Ċirkustanzi aggravanti — Reċidiva — Kunċett

(Artikolu 81 KE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 2)

16.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Ċirkustanzi attenwanti — Nuqqas ta’ applikazzjoni effettiva ta’ ftehim — Evalwazzjoni

(Artikolu 81(1) KE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 3, it-tieni inċiż)

1.      F’dak li jikkonċerna l-amministrazzjoni tal-prova ta’ ksur tal-Artikolu 81(1) KE, il-Kummissjoni għandha tipproduċi l-prova tal-ksur li hija tkun ikkonstatat u tistabbilixxi l-provi li huma kapaċi juru, suffiċjentement skont il-liġi, l-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu ksur. Għalhekk, jeħtieġ li l-Kummissjoni tipproduċi provi preċiżi u konsistenti biex ikollha l-konvinzjoni ċerta li l-ksur seħħ.

Barra minn hekk, huwa normali li l-attivitajiet li jinkludu prattiki u ftehim antikompetittivi jsiru bil-moħbi, li l-laqgħat jinżammu b’mod sigriet, u li d-dokumentazzjoni relatata magħhom titnaqqas sal-minimu. Isegwi li, anki jekk il-Kummissjoni tiskopri dokumenti li juru b’mod espliċitu li kien hemm kuntatt illegali bejn l-operaturi, normalment dawn ikunu biss frammentati u mferrxa, b’tali mod li spiss ikun neċessarju li ċerti dettalji jinġabru permezz ta’ deduzzjonijiet. Għaldaqstant, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-eżistenza ta’ prattika jew ta’ ftehim antikompetittiv għandha tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u indizji, li, ikkunsidrati flimkien, jistgħu jikkostitwixxu, fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni koerenti oħra, il-prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

F’dan il-kuntest, ebda dispożizzjoni u ebda prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju ma jipprojbixxu lill-Kummissjoni milli tipprevalixxi ruħha minn dikjarazzjonijiet ta’ impriżi oħra akkużati sabiex tużahom kontra impriża. Kieku dan ma kienx il-każ, l-oneru tal-prova ta’ aġir li jmur kontra l-Artikoli 81 KE u 82 KE, li jaqa’ fuq il-Kummissjoni, ikun insostenibbli u inkompatibbli mal-missjoni ta’ sorveljanza tal-applikazzjoni tajba ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li ngħatatilha mit-Trattat.

Fir-rigward, b’mod partikolari, tad-dikjarazzjonijiet magħmula fil-kuntest tal-komunikazzjoni dwar l-immunità ta’ multi u t-tnaqqis tal-ammont tagħhom fil-kawżi li jirrigwardaw akkordji, ebda dispożizzjoni ma tipprojbixxi lill-Kummissjoni milli tuża dawn id-dikjarazzjonijiet biex turi l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. Tali dikjarazzjonijiet ma jistgħux jitqiesu bħala neqsin minn valur probatorju, peress li d-dikjarazzjonijiet li jmorru kontra l-interessi tad-dikjarant għandhom, bħala regola, jiġu kkunsidrati bħala provi partikolarment affidabbli. Għalkemm ġeneralment ix-xhieda mogħtija b’mod volontarju mill-parteċipanti prinċipali f’akkordju illegali tiġi ttrattata b’ċertu suspett, meta titqies il-possibbiltà li dawn il-parteċipanti jkollhom it-tendenza li jnaqqsu l-importanza tal-kontribut tagħhom fil-ksur u li jżidu dak tal-oħrajn, xorta jibqa’ l-fatt li, il-fatt li persuna titlob biex tibbenefika mill-applikazzjoni ta’ dan l-avviż fuq il-kooperazzjoni bil-għan li tikseb tnaqqis tal-multa mhux neċessarjament joħloq inċentiv biex jiġu ppreżentati provi li joħolqu distorsjoni fir-rigward tal-aġir reali tal-parteċipanti l-oħra fl-akkordju. Kull tentattiv biex il-Kummissjoni titwassal tagħmel żball jista’ jqajjem dubji dwar is-sinċerità kif ukoll il-kompletezza tal-kooperazzjoni ta’ min qed jagħmel it-talba u, għaldaqstant, jipperikola l-possibbiltà li dan jibbenefika b’mod sħiħ mill-Avviż dwar il-kooperazzjoni. B’mod partikolari, il-fatt li persuna tammetti li wettqet ksur u li tammetti għalhekk l-eżistenza ta’ fatti li jmorru lil hinn minn dawk li l-eżistenza tagħhom setgħet tiġi dedotta b’mod dirett mid-dokumenti inkwistjoni jimplika a priori, fin-nuqqas ta’ ċirkustanzi partikolari li jindikaw il-kuntrarju, li din il-persuna ddeċidiet li tgħid il-verità.

(ara l-punti 50-52, 58)

2.      Id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet hija dokument ta’ natura proċedurali u preparatorja li, bil-għan li tiżgura l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża, tillimita l-intenzjoni tal-proċedura amministrattiva mibdija mill-Kummissjoni, billi tipprojbixxi għalhekk lil din tal-aħħar milli tikkunsidra oġġezzjonijiet oħra fid-deċiżjoni tagħha li ttemm il-proċedura kkonċernata. Barra minn hekk, it-tfassil ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet mill-Kummissjoni fl-ebda każ ma jista’ jiġi kkunsidrat bħala prova tal-preżunzjoni tal-ħtija tal-impriża kkonċernata. Fil-każ kuntrarju, il-ftuħ ta’ kwalunkwe proċedura f’dan il-qasam jista’ potenzjalment jippreġudika l-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tfassil tal-ewwel, imbagħad tat-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma jistax iwassal, minnu nnifsu, biex tiġi kkonstatata xi irregolarità kwalunkwe.

Fir-rigward tat-tibdil eventwali li t-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tinkludi meta pparagunata mal-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, huwa inerenti għal dan l-att proċedurali li jkun provviżorju u li jkun jista’ jiġi emendat matul l-evalwazzjoni li l-Kummissjoni tagħmel sussegwentement, abbażi tal-osservazzjonijiet li jkunu ġew ippreżentati lilha bħala tweġiba mill-partijiet kif ukoll abbażi ta’ konstatazzjonijiet fattwali oħra. Fil-fatt, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-elementi li jirriżultaw mill-proċedura amministrattiva kollha kemm sabiex tabbanduna oġġezzjonijiet li jkunu infondati, kif ukoll biex tiżviluppa u tikkompleta kemm fil-fatt kif ukoll fil-liġi l-argument tagħha insostenn tal-oġġezzjonijiet li hija tqis. Għaldaqstant, jekk il-Kummissjoni hija ġġustifikata tbiddel, kemm fil-fatt u kif ukoll fil-liġi, l-argument tagħha bejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni finali tagħha, hija ġġustifikata a fortiori li tagħmel dan bejn żewġ dikjarazzjonijiet tal-oġġezzjonijiet.

(ara l-punti 68-70, 73)

3.      Fil-qasam tal-akkordji, il-Kummissjoni għandha d-dritt li tifred kif ukoll li tgħaqqad proċeduri minħabba raġunijiet oġġettivi. Jistgħu għalhekk jiġu magħquda żewġ proċeduri li kull waħda tirrigwarda prodott partikolari, meta dawn il-prodotti jappartjenu lill-istess settur ta’ attività, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-karatteristiċi fiżiċi tagħhom u l-użi tagħhom, u meta wħud mil-laqgħat illeċiti kienu jirrigwardaw wieħed minn dawn il-prodotti jew l-ieħor. Barra minn hekk, anki jekk jista’ jitqies li l-ksur ikkonċernat minn tgħaqqid jista’ jiġi kkunsidrat bħala li jkopri, fil-verità, żewġ ksur distinti, il-fatt li dan il-ksur jiġi kkonstatat f’diversi deċiżjonijiet jew f’deċiżjoni waħda ma huwiex importanti peress li l-ksur inkwistjoni ma huwiex preskritt.

Barra minn hekk, ksur tal-Artikolu 81(1) KE jista’ jirriżulta mhux biss minn att iżolat, iżda wkoll minn serje ta’ atti jew ukoll minn aġir kontinwu. Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi kkontestata minħabba li xi att wieħed jew diversi elementi minn dik is-serje ta’ atti jew minn dak l-aġir kontinwu jkunu jistgħu wkoll jikkostitwixxu minnhom infushom u waħedhom ksur ta’ din id-dispożizzjoni. Meta d-diversi azzjonijiet jifformaw parti minn pjan sħiħ, minħabba l-għan identiku tagħhom li joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq komuni, il-Kummissjoni jkollha d-dritt tattribwixxi r-responsabbiltà ta’ dawn l-azzjonijiet skont il-parteċipazzjoni fil-ksur meħud kollu kemm hu. Għalkemm il-Kummissjoni tista’ legalment tikkonkludi li l-manifestazzjonijiet differenti jifformaw parti minn ksur uniku minħabba li dawn jifformaw parti minn pjan sħiħ intiż sabiex joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni, il-fatt li n-numru u l-intensità tal-prattiki kollużorji jkunu jvarjaw skont is-suq ikkonċernat ma jfissirx li l-ksur ma jirrigwardax is-swieq fejn il-prattiki huma inqas intensi u inqas numerużi. Fil-fatt, ikun artifiċjali li aġir kontinwu, ikkaratterizzat minn skop wieħed, jiġi diviż f’diversi ċirkustanzi ta’ ksur distint minħabba li l-prattiki kollużorji jvarjaw skont is-suq ikkonċernat.

(ara l-punti 100, 272)

4.      Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti konkreti ta’ ftehim huwa superfluwu, meta jidher li għandu bħala għan ir-restrizzjoni, il-prevenzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni. Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-ftehim ta’ natura antikompetittiva li jimmanifestaw ruħhom matul il-laqgħat ta’ impriżi kompetituri, ksur tal-Artikolu 81(1) KE jseħħ meta dawn il-laqgħat għandhom bħala għan ir-restrizzjoni, il-prevenzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni u b’hekk intiżi bil-għan li jorganizzaw artifiċjalment il-funzjonament tas-suq. F’każ bħal dan, huwa suffiċjenti li l-Kummissjoni turi li l-impriża kkonċernata ħadet sehem f’laqgħat li fihom ġew konklużi ftehim ta’ natura antikompetittiva, sabiex jiġi ppruvat is-sehem tal-imsemmija impriża fl-akkordju. Meta jiġi stabbilit is-sehem f’dawn il-laqgħat, hija din l-impriża li għandha tipproduċi indizji tali li jistabbilixxu li l-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmija laqgħat ma kellha ebda spirtu antikompetittiv, billi turi li kienet indikat lill-kompetituri tagħha li hija kienet qiegħda tieħu sehem f’dawn il-laqgħat b’perspettiva differenti minn tagħhom.

Għalhekk, meta l-prova tal-ftehim bejn diversi impriżi ma jirriżultax mis-sempliċi konstatazzjoni ta’ paralleliżmu fl-aġir fis-suq, iżda minn provi li minnhom jirriżulta li l-prattiki illeċiti ta’ dawn l-impriżi huma r-riżultat ta’ ftehim, spjegazzjoni alternattiva rigward il-prezzijiet mitluba, skont liema allegat koordinament tal-prezzijiet jikkostitwixxi fil-verità r-reazzjoni tal-produtturi għall-ispiża tal-materja prima u għall-iżvilupp tas-suq, ma hijiex ta’ natura li tqajjem dubju dwar il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ akkordju mill-Kummissjoni.

(ara l-punti 103, 108,109)

5.      Meta entità li teżerċita attività ekonomika tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, hija għandha, skont il-prinċipju tar-responsabbiltà personali, twieġeb għal dan il-ksur. Madankollu, meta żewġ entitajiet jikkostitwixxu l-istess entità ekonomika, il-fatt li l-entità li wettqet il-ksur għadha teżisti ma jimpedixxix, fih innifsu, li tiġi ssanzjonata l-entità li lilha hija ttrasferiet l-attivitajiet ekonomiċi tagħha. B’mod partikolari, tali implementazzjoni tas-sanzjoni hija ammissibbli meta dawn l-entitajiet kienu taħt il-kontroll tal-istess persuna u, fid-dawl tar-rabtiet stretti li jgħaqqduhom fuq il-livell ekonomiku u organizzattiv, applikaw fil-biċċa l-kbira l-istess direttivi kummerċjali.

Għalhekk, meta, waqt l-aġir li jikkostitwixxi ksur tagħhom, żewġ kumpanniji huma direttament jew indirettament, kompletament miżmuma mill-istess kumpannija, il-prinċipju tar-responsabbiltà personali ma jipprekludix li s-sanzjoni għal ksur imwettaq l-ewwel mill-ewwel kumpannija u jitkompla sussegwentement, mit-tieni kumpannijia jkun impost kollu kemm hu fuq din tal-aħħar.

Fi kwalunkwe każ, sanzjoni imposta fuq impriża li tkompli teżisti legalment, iżda li teżerċitax iktar attività ekonomika, tirriskja li ma jkollhiex effett dissważiv. Minbarra dan, jekk ebda possibbiltà oħra ta’ impożizzjoni tas-sanzjoni fuq entità oħra għajr fuq dik li wettqet il-ksur ma tkun prevista, l-impriżi jkunu jistgħu jaħarbu sanzjonijiet bis-sempliċi fatt li l-identità tagħhom ġiet immodifikata wara ristrutturazzjonijiet, ċessjonijiet jew tibdil legali jew organizzattiv ieħor.

(ara l-punti 123-126, 129)

6.      Skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, kull rikors għandu jinkludi s-suġġett tal-kawża u s-sunt tal-motivi invokati. Sabiex rikors ikun ammissibbli, jeħtieġ li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat jirriżultaw, minn tal-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors stess. Għalkemm it-test proprju tar-rikors jista’ jiġi ssostanzjat u kompletat, fir-rigward ta’ punti speċifiċi, permezz ta’ riferimenti għal siltiet speċifiċi f’dokumenti li huma annessi miegħu, riferiment ġenerali għal dokumenti oħra, anki jekk ikunu annessi mar-rikors, ma jistax jikkumpensa n-nuqqas tal-elementi essenzjali tal-argumenti ta’ liġi li, skont id-dispożizzjonijiet imfakkra iktar ’il fuq, għandhom ikunu inklużi fir-rikors.

Barra minn hekk, ma huwiex id-dmir tal-Qorti Ġenerali li tfittex u tidentifika, fl-annessi, il-motivi u l-argumenti li fuqhom hija tista’ tikkunsidra li huwa bbażat ir-rikors, peress li l-funzjoni tal-annessi hija waħda purament probatorja u strumentali.

Rekwiżiti simili huma meħtieġa meta jiġi invokat ilment insostenn ta’ motiv. Għalhekk, ma ssodisfax l-imsemmija rekwiżiti l-ilment li l-punti essenzjali tiegħu jissemmew biss fl-annessi tar-rikors.

Impriża ma tistax tikkumpensa din l-insuffiċjenza billi tintroduċi, fl-istadju tar-replika, ċerta informazzjoni fattwali jew legali u billi tirreferi għal ċerti annessi tar-rikors jew billi tipprovdi annessi ġodda mar-replika. Fil-fatt, fl-eżami tal-konformità tar-rikors mar-rekwiżiti tal-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-kontenut tar-replika ma huwiex, bħala ipoteżi, rilevanti. B’mod partikolari, l-ammissibbiltà tal-motivi u tal-argumenti mressqa fir-replika bħala estensjoni tal-motivi li jinsabu fir-rikors ma tistax tiġi invokata bl-għan li tikkumpensa nuqqas, li sar fil-preżentata tar-rikors, tar-rekwiżiti tal-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ħlief biex iċċaħħad lil din id-dispożizzjoni tal-aħħar minn kull portata.

(ara l-punti 161, 162, 168, 169)

7.      Fil-każ ta’ ftehim li jsiru matul laqgħat bejn impriżi kompetituri, ikun hemm ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni meta dawn il-laqgħat ikollhom għan antikompetittiv u għaldaqstant ikunu intiżi sabiex jorganizzaw b’mod artifiċjali l-funzjonament tas-suq. F’każ bħal dan, ir-responsabbiltà ta’ impriża partikolari għall-ksur hija validament stabbilita meta din tkun ipparteċipat f’dawn il-laqgħat waqt li kienet taf x’kien l-iskop tagħhom, anki jekk sussegwentement hija ma tkunx implementat xi waħda jew oħra mill-miżuri li jinftehmu matulhom. Il-parteċipazzjoni bejn wieħed u ieħor frekwenti tal-impriża fil-laqgħat kif ukoll l-implementazzjoni bejn wieħed u ieħor sħiħa tal-miżuri miftiehma ma għandhomx konsegwenzi fuq l-eżistenza tar-responsabbiltà tagħha, iżda fuq il-portata ta’ din ir-responsabbiltà u għalhekk fuq l-ammont tas-sanzjoni.

(ara l-punt 173)

8.      Fil-prattika, il-Kummissjoni hija ta’ spiss obbligata tipprova l-eżistenza ta’ ksur għar-regoli tal-kompetizzjoni f’ċirkustanzi ftit adattati għal dan il-kompitu, inkwantu jistgħu jgħaddu numru ta’ snin miż-żmien tal-fatti li jikkostitwixxu l-ksur u li diversi mill-impriżi li jkunu s-suġġett tal-investigazzjoni ma jkunux ikkooperaw b’mod attiv magħha. F’dan il-kuntest, ikun wisq faċli għal impriża li tkun ħatja ta’ ksur li tevita kwalunkwe sanzjoni jekk hija setgħet tressaq argument dwar in-natura vaga tal-informazzjoni ppreżentata fir-rigward tal-funzjonament ta’ ftehim illegali f’sitwazzjoni fejn l-eżistenza tal-ftehim u l-iskop antikompetittiv tiegħu jkunu madankollu pprovati b’mod suffiċjenti. L-impriżi jistgħu jiddefendu rwieħhom effettivament f’sitwazzjoni bħal din sakemm ikollhom il-possibbiltà li jikkummentaw il-provi kollha prodotti kontrihom mill-Kummissjoni.

(ara l-punt 177)

9.      Fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, id-dikjarazzjonijiet magħmula għan-nom tal-impriżi għandhom valur probatorju kunsiderevoli, peress li dawn iwasslu għal riskji legali u ekonomiċi kunsiderevoli. Dan il-valur probatorju huwa partikolarment għoli meta d-dikjarazzjonijiet tal-impriżi jikkorroboraw dikjarazzjonijiet oħra tal-istess natura.

Minbarra dan, it-tweġibiet mogħtija għan-nom ta’ impriża, bħala tali, għandhom iktar kredibbiltà minn dik li jista’ jkollha t-tweġiba mogħtija minn membru tal-persunal tagħha, tkun xi tkun l-esperjenza jew l-opinjoni personali ta’ dan tal-aħħar.

(ara l-punti 179, 183, 267, 270)

10.    Impriża tista’ tinżamm responsabbli għall-akkordju komprensiv anki jekk jiġi stabbilit li ma pparteċipatx direttament ħlief f’xi wieħed jew iktar mill-elementi li jikkostitwixxuh peress li, minn naħa, hija kienet taf, jew kellha neċessarjament tkun taf, li l-kollużjoni li fiha pparteċipat, b’mod partikolari, bis-saħħa tal-laqgħat regolari organizzati matul diversi snin, kienet tagħmel parti minn pjan sħiħ intiż sabiex joħloq distorsjoni fl-andament normali tal-kompetizzjoni, u min-naħa l-oħra, li dan il-pjan kien ikopri l-elementi kollha li jikkostitwixxu l-akkordju. Bl-istess mod, il-fatt li diversi impriżi kellhom rwoli differenti sabiex jintlaħaq għan komuni ma jeliminax il-fatt li l-għan antikompetittiv u, għaldaqstant, il-ksur kien l-istess wieħed, sakemm kull impriża tkun ikkontribwixxiet, fil-livell tagħha, sabiex dan l-għan komuni jintlaħaq.

(ara l-punt 193)

11.    Mid-deskrizzjoni tal-ksur serju ħafna fil-linji gwida dwar il-metodi tal-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA jirriżulta li ftehim jew prattiki miftehma li jirrigwardaw b’mod partikolari l-iffissar ta’ miri ta’ prezzijiet jew it-tqassim ta’ ishma mis-suq jistgħu, abbażi biss tan-natura tagħhom stess, jiġu kklassifikati bħala “serji ħafna”, mingħajr ma jkun meħtieġ li l-Kummissjoni turi impatt konkret tal-ksur fis-suq. Bl-istess mod, l-akkordji orizzontali fil-qasam tal-prezzijiet jagħmlu parti mill-ksur l-iktar serju tad-dritt tal-kompetizzjoni u, għaldaqstant, waħedhom jistgħu jiġu kklassifikati bħala serji ħafna.

(ara l-punt 225)

12.    Matul id-determinazzjoni tal-ammont ta’ kull multa imposta għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni tiddisponi minn setgħa diskrezzjonali. Skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, l-ammont tal-multa huwa ddeterminat abbażi tal-gravità tal-ksur u t-tul tiegħu. Barra minn hekk, l-imsemmi ammont huwa r-riżultat ta’ sensiela ta’ evalwazzjonijiet ta’ ammonti magħmula mill-Kummissjoni b’mod konformi mal-linji gwida dwar il-metodi tal-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA. Id-determinazzjoni ta’ dan l-ammont hija, b’mod partikolari, ir-riżultat ta’ diversi ċirkustanzi relatati mal-aġir individwali tal-impriża inkwistjoni, bħall-eżistenza ta’ ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti.

Ma jistax jiġi dedott minn dan il-kuntest ġuridiku li l-Kummissjoni għandha tiżgura li jkun hemm proporzjonalità bejn l-ammont tal-multa, hekk ikkalkulat, u l-volum totali tas-suq tal-prodott ikkonċernat, matul sena partikolari tal-ksur, fid-dawl tal-fatt li l-ksur inkwistjoni dam għaddej għal iktar minn sitt snin u li l-ammont tal-multi jiddependi wkoll fuq ċirkustanzi oħra marbuta mal-aġir individwali tal-impriża.

(ara l-punt 232)

13.    Is-setgħa tal-Kummissjoni li timponi multi fuq l-impriżi li, intenzjonalment jew b’negliġenza, iwettqu ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81 KE tikkostitwixxi waħda mis-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni bl-għan li tippermettilha li twettaq il-missjoni ta’ sorveljanza li jagħtiha d-dritt Komunitarju, missjoni li tinkludi l-obbligu li ssegwi politika ġenerali bl-għan li tapplika fir-rigward tal-kompetizzjoni l-prinċipji stabbiliti mit-Trattat u torjenta f’dan is-sens l-aġir tal-impriżi. Isegwi li, sabiex tiġi evalwata l-gravità ta’ ksur bl-għan li jiġi stabbilit l-ammont tal-multa, il-Kummissjoni għandha tiżgura n-natura dissważiva tal-azzjoni tagħha, b’mod speċjali għat-tipi ta’ ksur b’mod partikolari dannużi għat-twettiq tal-għanijiet tal-Komunità.

Dan jitlob li l-ammont tal-multa jiġi aġġustat sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-impatt mixtieq fuq l-impriża li fuqha din tiġi imposta, u dan sabiex il-multa ma ssirx bla effett, jew għall-kuntrarju eċċessiva, b’mod partikolari fir-rigward tal-kapaċità finanzjarja tal-impriża inkwistjoni, skont ir-rekwiżiti bbażati, minn naħa, fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata l-effettività tal-multa u, min-naħa l-oħra, fuq l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Impriża ta’ daqs kbir, li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha riżorsi finanzjarji kunsiderevoli meta pparagunata ma’ dawk tal-membri l-oħra tal-akkordju, tista’ timmobilizza iktar faċilment il-fondi meħtieġa għall-ħlas tal-multa tagħha, li jiġġustifika, bil-għan li jiġi żgurat li l-multa jkollha effett dissważiv suffiċjenti, l-impożizzjoni, b’mod partikolari bl-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni, ta’ multa proporzjonalment iktar għolja minn dik li jissanzjona l-istess ksur imwettaq minn impriża li ma jkollhiex dawn ir-riżorsi. B’mod partikolari, it-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ globali ta’ kull impriża li tipparteċipa fl-akkordju huwa rilevanti sabiex jiġi ffissat l-ammont tal-multa.

L-għan ta’ dissważjoni li l-Kummissjoni għandha d-dritt li tfittex fl-iffissar tal-ammont ta’ multa huwa intiż li jiżgura li l-impriżi josservaw ir-regoli tal-kompetizzjoni stabbiliti mit-Trattat għat-tmexxija tan-negozju tagħhom fi ħdan it-territorju tal-Komunità jew fiż-Żona Ekonomika Ewropea. Minn dan isegwi li l-fattur ta’ dissważjoni li jista’ jiġi inkluż fil-kalkolu tal-multa għandu jiġi evalwat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni numru ta’ elementi, u mhux biss is-sitwazzjoni partikolari tal-impriża kkonċernata. Dan il-prinċipju japplika, b’mod partikolari, meta l-Kummissjoni tkun stabbilixxiet multiplikatur ta’ dissważjoni li bih tkun żdiedet il-multa imposta fuq impriża.

(ara l-punti 243-246)

14.    Il-fatt li multa tiġi imposta in solidum fuq diversi kumpanniji minħabba li huma jikkostitwixxu impriża fis-sens tal-Artikolu 81 KE ma jimplikax li, f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-limitu previst mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, l-obbligu ta’ kull waħda minnhom huwa limitat għal 10 % tad-dħul mill-bejgħ li hija tagħmel matul l-aħħar sena finanzjarja. Fil-fatt, il-limitu ta’ 10 %, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jiġi kkalkulat abbażi tad-dħul mill-bejgħ konġunt tal-kumpanniji kollha li jikkostitwixxu l-entità ekonomika unika li topera bħala impriża fis-sens tal-Artikolu 81 KE, peress li huwa biss id-dħul mill-bejgħ konġunt tal-kumpanniji li jikkostitwixxu l-impriża li jista’ jikkostitwixxi indikazzjoni tad-daqs u tas-saħħa ekonomika tal-impriża inkwistjoni.

(ara l-punti 253, 313)

15.    Il-punt 2 tal-linji gwida dwar il-metodi tal-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA jsemmi, bħala eżempju ta’ ċirkustanzi aggravanti, il-ksur ripetut tal-istess tip magħmul mill-istess impriża jew impriżi. Il‑kunċett ta’ reċidiva, hekk kif jinftiehem f’ċertu numru ta’ ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, jimplika li persuna tkun wettqet ksur mill‑ġdid wara li kienet ġiet issanzjonata għal ksur li jixxiebah. Ir-reċidiva eventwali tidher fost l-elementi li għandhom jiġu kkunsidrati waqt l-analiżi tal-gravità tal-ksur inkwistjoni.

F’dan ir-rigward, meta l-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-kunċett ta’ impriża fis-sens tal-Artikolu 81 KE, għall-finijiet tal-applikazzjoni taċ-ċirkustanza aggravanti marbuta mar-reċidiva, u tikkunsidra li l-istess impriża kienet irrepetiet aġir li jikkostitwixxi ksur, u dan anki jekk il-persuni ġuridiċi involuti fil-ksur inkwistjoni ma humiex identiċi, hija għandha tipproduċi provi dettaljati u preċiżi li jikkorroboraw l-asserzjoni tagħha.

Għalhekk, meta l-iżvilupp tal-istruttura u tal-kontroll tal-kumpanniji kkonċernati huwa partikolarment kumpless, hija l-Kummissjoni li għandha tagħti informazzjoni ddettaljata u preċiża biżżejjed tal-iżvilupp tal-kumpanniji miżmuma mill-kumpannija kkonċernata qabel il-ksur, u tipproduċi l-provi kollha meħtieġa biex tqis lill-kumpanniji destinatarji tad-deċiżjoni tagħha u l-kumpanniji destinatarji tad-deċiżjonijiet preċedenti jifformaw l-istess “impriża” fis-sens tal-Artikolu 81 KE.

(ara l-punti 293-295, 298, 299, 302)

16.    Skont it-tieni inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA, in-nuqqas ta’ implementazzjoni effettiva fil-prattika tal-ftehim jew prattiki illeċiti jista’ wkoll jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti. Madankollu, il-fatt li impriża, li l-parteċipazzjoni tagħha fi prattika miftiehma mal-kompetituri tagħha hija stabbilita, ma ġabitx ruħha fis-suq b’mod konformi mal-aġir miftiehem mal-kompetituri tagħha ma jikkostitwixxix neċessarjament element li għandu jiġi kkunsidrat, bħala ċirkustanza attenwanti, waqt id-determinazzjoni tal-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta.

Fil-fatt, impriża li ssegwi, minkejja l-prattika miftiehma mal-kompetituri tagħha, politika bejn wieħed u ieħor indipendenti fis-suq tista’ sempliċement tipprova tuża l-akkordju għal vantaġġ tagħha u impriża li ma tiddistakkax ruħha mill-konklużjonijiet ta’ laqgħa li għaliha tkun ipparteċipat iżżomm, bħala prinċipju, ir-responsabbiltà sħiħa tagħha minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju. Għaldaqstant, il-Kummissjoni hija obbligata li tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ ċirkustanza attenwanti minħabba n-nuqqas ta’ implementazzjoni ta’ akkordju biss jekk l-impriża li tinvoka din iċ-ċirkustanza tista’ turi li hija, b’mod ċar u kunsiderevoli, opponiet l-implementazzjoni ta’ dan l-akkordju, sal-punt li tkun fixklet it-tħaddim tiegħu stess, u li hija ma tkunx tat l-impressjoni li aderixxiet mal-akkordju u minħabba f’hekk, tkun ħeġġet lill-impriżi l-oħra sabiex jimplementaw l-akkordju inkwistjoni. Fil-fatt, ikun wisq faċli għall-impriżi li jimminimizzaw ir-riskju li jkollhom iħallsu multa ħarxa jekk huma jkunu jistgħu jibbenefikaw minn akkordju illegali u jibbenefikaw sussegwentement minn tnaqqis tal-multa minħabba li huma kellhom biss rwol limitat fl-implementazzjoni tal-ksur, meta l-aġir tagħhom ikun ħeġġeġ lill-impriżi l-oħra sabiex jaġixxu b’mod iktar ta’ ħsara għall-kompetizzjoni.

(ara l-punti 306, 307)