Language of document : ECLI:EU:C:2017:74

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla)

1 ta’ Frar 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali – Regolament (KEE) Nru 1408/71 – Element tad-dipendenza tal-allowance tas-sussistenza għal persuni b’diżabbiltà (disability living allowance) – Persuna assigurata kontra r-riskju tax-xjuħija li tkun waqfet definittivament kull attività professjonali – Kunċetti ta’ ‘benefiċċju tal-mard’ u ta’ ‘benefiċċju tal-invalidità’ – Esportabbiltà”

Fil-Kawża C‑430/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supreme Court of the United Kingdom (qorti suprema tar-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Lulju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Awwissu 2015, fil-proċedura

Secretary of State for Work and Pensions

vs

Tolley,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, J.C. Bonichot, A. Arabadjiev (Relatur), C. G. Fernlund u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Ġunju 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal L. Tolley (mejta, irrappreżentata fil-proċedura mill-amministratur tas-suċċessjoni tagħha), minn R. Drabble, QC, u T. Buley, barrister, li huma mogħtija mandat minn S. Clarke, solicitor,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn M. Holt u C. Crane, bħala aġenti, assistiti minn B. Kennelly, QC, u minn D. Blundell, barrister,

–        għall-Gvern Norveġiż, minn P. Wennerås, M. Schei u C. Rydning, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin u J. Tomkin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-5 ta’ Ottubru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fil-Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 307/1999, tat-8 ta’ Frar 1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 335) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn is-Secretary of State for Work and Pensions (ministru tax-xogħol u tal-pensjonijiet, ir-Renju Unit, iktar ’il quddiem il-“ministru”) u L. Tolley, li mietet fl-10 ta’ Mejju 2001 u rrappreżentata fil-proċedura tal-kawża prinċipali mir-raġel tagħha fil-kwalità tiegħu bħala amministratur tas-suċċessjoni ta’ L. Tolley, rigward it-trażżin tad-dritt tagħha li tirċievi l-element tad-dipendenza tal-allowance tas-sussistenza għal persuni b’diżabbiltà (disability living allowance, iktar ’il quddiem id-“DLA”) minħabba li hija ma kinitx tissodisfa iktar il-kundizzjonijiet ta’ residenza u ta’ preżenza fil-Gran Brittanja.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Ir-Regolament Nru 1408/71 ġie ssostitwit bir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), li sar applikabbli fl-1 ta’ Mejju 2010. Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti tal-kawża prinċipali, din tal-aħħar tibqa’ rregolata bir-Regolament Nru 1408/71.

4        L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Għall-iskop ta’ dan ir-Regolament:

(a)      persuna impjegata u persuna li taħdem għal persuna impjegata u persuna li taħdem għal rasha jfissru rispettivament:

(i)      kull persuna li hija assigurata, mingħajr għażla jew fuq bażi volontarja kontinwa, għal kontinġenza waħda jew aktar koperti minn fergħat ta’ skema ta’ sigurtà soċjali għal persuni impjegati jew li jaħdmu għal rashom jew bi skema speċjali għal persuni fis-servizz ċivili;

ii)      kwalunkwe persuna assigurata bilfors għall-kontinġenza waħda jew iktar koperti mill-friegħi tas-sigurtà soċjali li jaqgħu taħt dan ir-Regolament, taħt sigurtà soċjali li taqa’ taħt dan ir-Regolament, taħt skema ta’ sigurtà soċjali għar-residenti kollha jew għall-popolazzjoni kollha li taħdem, jekk tali persuna:

–        tista’ tkun identifikata bħala impjegata jew taħdem għal rasha minħabba l-metodu li bih tali skema hija amministrata jew iffinanzjata,

jew,

–        jekk ma taqax taħt tali kriterja, hija assigurata għal xi kontinġenza oħra speċifikata fl-Anness I taħt skema għall-impjegati jew dawk li jaħdmu għal rashom, jew taħt skema li għaliha hemm riferenza fi (iii), sew jekk bilfors u sew jekk fuq bażi b’għażla kontinwu, jew, fejn ebda skema ma teżisti fl-Istat Membru konċernat, taqbel mad-definizzjoni mogħtija fl-Anness I;

[…]

[…]

(o)      istituzzjoni kompetenti tfisser:

i)      l-istituzzjoni li magħha l-persuna kkonċernata hija assigurata fiż-żmien ta’ l-applikazzjoni għall-benefiċċji;

[…]

[…]

q)      Stat kompetenti jfisser l-Istat Membru fit-territorju ta’ liema tinsab l-istituzzjoni kompetenti;

[…]”

5        L-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1408/71 jistipula li:

“Dan ir-Regolament għandu japplika għall-persuni impjegati jew li jaħdmu għal rashom u għall-istudenti li huma jew kienu soġġetti għal-liġijiet ta’ Stat Membru jew aktar u li huma persuni ta’ nazzjonalità ta’ wieħed mill-Istati Membri jew li huma persuni bla stat jew refuġjati li jgħixu ġewwa t-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri, kif ukoll il-membri tal-familji tagħhom jew is-sopravissuti tagħhom.”

6        L-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament jistabbilixxi li:

“1.      Dan ir-Regolament jkun japplika għal-leġislazzjoni kollha li tikkonċerna l-friegħi segwenti tas-sigurtà soċjali:

a)      il-benefiċċji tal-mard u tal-maternità;

b)      il-benefiċċji ta’ l-invalidità, inklużi dawk intenzjonati għall-manteniment u l-miljorament tal-kapaċità tal-qliegħ;

(ċ)      il-benefiċċji tax-xjuħija;

[…]

2.      Dan ir-Regolament ikun japplika għall-iskemi kollha tas-sigurtà soċjali ġenerali u speċjali, kemm dawk kontributorji kif ukoll dawk non-kontributorji, u għal skemi li għandhom x’jaqsmu mal-lijabiltà ta’ xi ħadd li jħaddem jew sid ta’ vapur fejn jidħlu l-benefiċċji li għalihom hemm riferenza fil-paragrafu 1.

[…]”

7        L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(1) ta’ dan l-istess regolament huwa fformulat kif ġej:

“Barra fejn hu pprovdut mod ieħor f’dan ir-Regolament il-benefiċċji għall-invalidità, għax-xjuħija u għall-ħlas tas-superstiti, il-pensjoni għall-inċidenti fuq ix-xogħol jew għall-mard u l-mewt okkupazzjonali akkwistati taħt il-leġislazzjoni ta’ wieħed jew iktar Stati Membri ma jkunu suġġetti għall-ebda tnaqqis, modifika, sospensjoni, tneħħija jew konfiska minħabba l-fatt li r-reċipjent jabita fit-territorju ta’ Stat membru għajr dak li fih tinsab l-istituzzjoni responsabbli għall-ħlas.”

8        L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi:

“1.      Bla ħsara għall-Artikoli 14ċ u 14f, persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għall-liġijiet ta’ Stat Membru wieħed biss. Dawk il-liġijiet għandhom jiġu stabbiliti skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu.

2.      Suġġetti għall-Artikoli 14 sa 17:

a)      persuna impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat anke jekk ikun jabita fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jew jekk l-uffiċċju reġistrat inkella post tan-negozju ta’ l-impriża jew ta’ l-individwu li jimpjegah huwa stabbilit fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor;

[…]

f)      persuna li għaliha tispiċċa li tkun valida il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru, mingħajr ma ssir applikabbli għaliha leġislazzjoni ta’ Stat ieħor skond waħda mir-regoli stipulata fis-sottoparagrafi li għaddew jew skond waħda mill-eċċezzjonijiet jew dispożizzjonijiet speċjali stipulati fl-Artikoli 14 u 17 tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun tabita skond id-dispożizzjonijiet ta’ dik il-leġislazzjoni biss.”

9        It‑Titolu III tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “Dispożizzjonijiet speċjali dwar id-diversi kategoriji ta’ benefiċċji”, huwa maqsum fi tmien kapitoli fejn l-ewwel wieħed jirrigwarda l-mard u l-maternità. Fit-Taqsima 2 ta’ dan il-kapitolu, intitolat “Persuni impjegati jew jaħdmu għal rashom u membri tal-familji tagħhom”, hemm l-Artikolu 19 ta’ dan ir-regolament, li jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Persuna impjegata jew taħdem għal rasha li tabita fit-territorju ta’ Stat Membru li mhux l-Istat kompetenti, li tissodisfa l-kondizzjonijiet tal-leġislazzjoni ta’ l-Istat kompetenti għall-intitolar tal-benefiċċji, waqt li tieħu inkonsiderazzjoni fejn hemm bżonn tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 18, tirċievi fl-Istat li qiegħda tabita:

[…]

b)      benefiċċji fi flus ipprovduti mill-istituzzjoni kompetenti skond il-leġislazzjoni li hija tamministra. Madankollu, bi ftehim bejn l-istituzzjoni kompetenti u l-istituzzjoni tal-post ta’ residenza, tali benefiċċji jistgħu jkunu pprovduti mill-istituzzjoni ta’ l-aħħar f’isem ta’ l-ewwel, skond il-leġislazzjoni ta’ l-Istat kompetenti.”

10      L-Artikolu 22 tal-imsemmi regolament, li jinsab fl-istess taqsima, jipprovdi:

“1.      Persuna impjegata jew li taħdem għal rasha li tissodisfa l-kondizzjonijiet tal-leġislazzjoni ta’ l-Istat kompetenti għall-intitolar tal-benefiċċji, billi tieħu inkonsiderazzjoni fejn suppost tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 18, u:

[…]

b)      li, wara li saret intitolata għall-benefiċċji li għandhom ikunu ċċarġjati lill-istituzzjoni kompetenti, hija awtorizzata minn dik l-istituzzjoni biex tirritorna fit-territorju ta’ l-Istat Membru fejn tabita, jew li tittrasferixxi r-residenza tagħha fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor;

[…]

tkun intitolata:

[…]

ii)      għall-benefiċċji fi flus ipprovduti mill-istituzzjoni kompetenti skod id-dispożizzjonijiet tal-leġislazzjoni li hija tamministra. Madankollu, bi ftehim bejn l-istituzzjoni kompetenti u l-istituzzjoni tal-post tar-rimanenza jew residenza, tali benefiċċji jistgħu jkunu pprovduti mill-istituzzjoni ta’ l-aħħar f’isem ta’ l-ewwel, skond id-dispożizzjonijiet tal-leġislazzjoni ta’ l-Istat kompetenti.

2.      L-awtorizzazzjoni meħtieġa taħt il-paragrafu 1(b) tista’ tkun miċħuda biss jekk ikun stabbilit li l-moviment tal-persuna kkonċernata jkun ta’ preġudizzju għall-Istat ta’ saħħitha jew għar-riċeviment tal-kura medika.

[…]”

11      L‑Artikolu 89 tar-Regolament Nru 1408/71 huwa fformulat kif ġej:

“Proċeduri speċjali għall-implimentazzjoni tal-leġislazzjonijiet ta’ ċerti Stati Membri jinsabu fl-Anness VI.”

12      L‑Anness I tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “Persuni koperti mir-Regolament”, jinkludi t-Taqsima O, dwar ir-Renju Unit, huwa fformulat kif ġej:

“Kwalunkwe persuna li ‘taħdem bi qligħ’ jew ‘li taħdem għal rasha’ fit-tifsira tal-leġislazzjoni tal-Gran Brittanja jew tal-leġislazzjoni ta’ l-Irlanda ta’ Fuq tkun meqjusa rispettivament bħala persuna impjegata jew li taħdem għal rasha fit-tifsira ta’ l-Artikolu 1(a)(ii) tar-Regolament. Kwalunkwe persuna li f’isimha jitħallsu kontribuzzjonijiet bħala ‘persuna impjegata’ jew ‘persuna li taħdem għal rasha’ skond il-leġislazzjoni ta’ Ġibiltà tkun meqjusa bħala impjegata jew li taħdem għal rasha fit-tifsira ta’ l-Artikolu 1(a)(ii) tar-Regolament.”

13      It-Taqsima O, dwar ir-Renju Unit, tal-Anness VI tar-Regolament Nru 1408/71, hija stess intitolata “Proċeduri speċjali għall-applikazzjoni tal-leġislazzjonijiet ta’ ċerti Stati Membri”, tipprovdi, fil-punt 19 tagħha:

“Suġġetta għall-konvenzjonijiet konklużi ma’ Stati Membri individwali, għall-iskopijiet ta’ l-Artikolu 13(2)(f) tar-Regolament u l-Artikolu 10b tar-Regolament implimentattiv, il-leġislazzjoni tar-Renju Unit ma tibqax tapplika fl-aħħar mill-aħħar ta’ l-iktar tard tat-tlett ijiem segwenti għal kwalunkwe persuna suġġetta għal-leġislazzjoni tar-Renju Unit bħala persuna impjegata jew li taħdem għal rasha:

[…]

(ċ)      l-aħħar jum ta’ kwalunkwe perjodu tar-riċeviment tal-benefiċċju tal-mard jew maternità tar-Renju Unit (inklużi l-benefiċċji in natura li għalihom ir-Renju Unit huwa l-Istat kompetenti) jew tal-benefiċċju tad-disimpjieg li

i)      beda qabel id-data tat-trasferiment tar-residenza għal Stat Membru ieħor jew jekk wara,

ii)      segwa immedjatament l-impjieg jew l-impjieg għar-ras fi Stat Membru ieħor waqt li l-persuna kienet suġġetta għal-leġislazzjoni tar-Renju Unit.”

14      Il‑punt 20 ta’ din it-taqsima jipprovdi:

“Il-fatt li persuna saret suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor skond l-Artikolu 13(2)(f) tar-Regolament, l-Artikolu 10b tar-Regolament implimentattiv u l-punt 19 ta’ hawn fuq, ma jżommux:

a)      l-applikazzjoni għaliha mir-Renju Unit bħala l-Istat kompetenti tad-dispopżizzjonijiet relatati mal-persuna impjegata jew li taħdem għal rasha tat-Titolu III, il-Kapitolu 1 u l-Kapitolu 2, It-Taqsima 1 jew l-Artikolu 40(2) tar-Regolament jekk hija tibqa’ persuna impjegata jew taħdem għal rasha għal dawk l-iskopijiet u kienet assigurata l-aħħar taħt il-leġislazzjoni tar-Renju Unit;

b)      it-trattament tagħha bħala persuna impjegata jew li taħdem għal rasha għall-iskopijiet tal-Kapitoli 7 u 8 tat-Titolu III tar-Regolament jew l-Artikoli 10 jew 10a tar-Regolament implimentattiv, basta l-benefiċċju taħt il-Kapitolu 1 tat-Titolu III tar-Renju Unit huwa pagabbli lilha skond il-paragrafu (a).”

 Id-dritt tar-Renju Unit

15      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-DLA hija benefiċċju ta’ natura mhux kontributorja li għandu l-għan li jkopri l-ispejjeż addizzjonali meħtieġa għal ċerti tipi ta’ kura jew minħabba inkapaċità jew kważi inkapaċità li ma tippermettix il-mixi. Filwaqt li jikkonsisti f’element ta’ dipendenza u f’element ta’ mobbiltà, id-DLA ma huwa suġġett għal ebda kriterju ta’ riżorsi u ma huwiex benefiċċju ta’ sostituzzjoni ta’ dħul, peress li l-benefiċjarju jista’ jeżerċita attività professjonali.

16      Skont l-Artikolu 71(6) tas-Social Security Contributions and Benefits Act 1992 (liġi dwar il-kontribuzzjonijiet u l-benefiċċji tas-sigurtà soċjali tal-1992, iktar ’il quddiem il-“liġi tal-1992”), “[p]ersuna ma għandhiex dritt għad-[DLA] ħlief jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ residenza u ta’ preżenza fil-Gran Brittanja”.

17      Dawn il-kundizzjonijiet ta’ residenza u ta’ preżenza fil-Gran Brittanja huma ppreċiżati b’mod partikolari fl-Artikolu 2(1)(a) tas-Social Security (Disability Living Allowance) Regulations 1991 (regolament dwar is-sigurtà soċjali li jirrigwarda l-allowances tas-sussistenza għal persuni b’diżabbiltà tal-1991).

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18      L. Tolley, ċittadina Brittanika mwielda fis-17 ta’ April 1952, ħallset kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni nazzjonali matul is-snin 1967 sa 1984. Sussegwentement, hija ġiet ikkreditata b’kontribuzzjonijiet sas-sena 1993. Kieku kienet issodisfat il-kundizzjonijiet ta’ kontribuzzjoni meta laħqet l-età legali għall-irtirar, kienet tkun tista’ tikkwalifika għal pensjoni tal-irtirar tal-Istat.

19      Mis-26 ta’ Lulju 1993, L. Tolley ngħatat l-element tad-dipendenza tad-DLA għal żmien indeterminat, minħabba l-fatt li ma kinitx kapaċi tipprepara waħedha l-ikel tagħha.

20      Fil-5 ta’ Novembru 2002, L. Tolley u r-raġel tagħha ċċaqilqu definittivament fi Spanja sabiex jistabbilixxu ruħhom hemmhekk. L. Tolley ma kinitx, f’dan l-Istat Membru, ħaddiema impjegata u lanqas ma kienet ħaddiema li taħdem għal rasha.

21      Matul is-sena 2007, il-ministru ddeċieda li d-dritt ta’ L. Tolley li tirċievi l-element tad-dipendenza tad-DLA kien spiċċa fis-6 ta’ Novembru 2002. Huwa paċifiku li, skont il-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit, il-persuna kkonċernata tilfet, f’din id-data, id-dritt għal din l-allowance.

22      Għalhekk L. Tolley ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-First-tier Tribunal (qorti tal-prim’istanza, ir-Renju Unit). Din laqgħet dan ir-rikors, billi ddeċidiet li L. Tolley kellha d-dritt li tkompli tirċievi l-element tad-dipendenza tad-DLA wara ċ-ċaqliq tagħha lejn Spanja skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1408/71.

23      Il-ministru appella s-sentenza tal-First-tier Tribunal (qorti tal-prim’ istanza) quddiem l‑Upper Tribunal (qorti superjuri, ir-Renju Unit). Din l-aħħar qorti ddeċidiet li L. Tolley kellha dritt għall-element tad-dipendenza tad-DLA skont l-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament, minħabba li, sa fejn kienet assigurata kontra r-riskju tax-xjuħija minħabba l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tagħha, hija kienet ħaddiema impjegata fis-sens tal-Artikolu 1(a) ta’ dan ir-regolament.

24      Il‑Court of Appeal (England & Wales) [qorti tal-appell (Ingilterra u Wales), ir-Renju Unit] ċaħdet l-appell ippreżentat mill-ministru kontra d-deċiżjoni tal-Upper Tribunal (qorti superjuri). B’hekk, il-ministru ppreżenta rikors quddiem is-Supreme Court of the United Kingdom (qorti suprema tar-Renju Unit).

25      Din il-qorti tosserva li l-element tad-dipendenza tad-DLA jista’ jitqies bħala benefiċċju tal-invalidità fis-sens tar-Regolament Nru 1408/71, li jista’ jiġi esportat, skont l-Artikolu 10 tiegħu, lejn Stat Membru ieħor. Il-benefiċċji elenkati f’din id-dispożizzjoni għandhom bħala karatteristika prinċipali li huma ħlasijiet għal żmien twil jew ħlasijiet uniċi relatati ma’ kundizzjonijiet permanenti. Jekk, min-naħa l-oħra, din l-allowance kellha titqies bħala benefiċċju tal-mard, il-kwistjoni tqum dwar jekk id-definizzjoni ta’ “persuna impjegata” [ħaddiem impjegat] li tinsab fl-Artikolu 1(a)(ii) ta’ dan ir-regolament, tapplikax ukoll għad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 1 tat-Titolu III ta’ dan ir-regolament dwar il-mard. F’dan ir-rigward, ma jkunx loġiku li persuni mhux attivi mill-perspettiva ekonomika jitqiesu bħala ħaddiema li għandhom jiġu ttrattati iktar favorevolment mill-persuni li jkunu attivament qed ifittxu impjieg.

26      Minbarra dan, billi l-eventwali dritt ta’ L. Tolley għal pensjoni tal-irtirar skont il-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit kien inżamm wara ċ-ċaqliq tagħha lejn Spanja, il-qorti tar-rinviju tfittex tkun taf jekk il-formulazzjoni “persuna li għaliha tispiċċa li tkun valida il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru”, li tinsab fl-Artikolu 13(2)(f) tar-Regolament Nru 1408/71, tirreferix għal-leġiżlazzjoni kollha ta’ Stat Membru jew tassew unikament għal-leġiżlazzjoni tiegħu dwar il-benefiċċju inkwistjoni. Fl-ipoteżi fejn din l-aħħar leġiżlazzjoni biss tkun applikabbli, din il-qorti tqis li jista’ jiġi mistoqsi jekk il-punt 19(ċ) tat-Taqsima O tal-Anness VI ta’ dan ir-regolament, li jippreċiża l-mument li fih il-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit tieqaf milli tkun applikabbli, jirreferix għall-vantaġġ effettiv tal-benefiċċju jew minflok unikament għad-dritt għalih. Tqum ukoll il-kwistjoni jekk il-punt 20 ta’ din l-istess taqsima jimponi jew ma jimponix fuq ir-Renju Unit l-obbligu li jħallas l-element tad-dipendenza tad-DLA skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 1 tat-Titolu III ta’ dan ir-regolament.

27      F’dan iċ-ċirkustanzi, is-Supreme Court of the United Kingdom (qorti suprema tar-Renju Unit) iddeċidiet li tissospendi l-kawża quddiemha u tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-element tad-dipendenza tad-Disability Living Allowance tar-Renju Unit huwa kklassifikat b’mod xieraq bħala invalidità pjuttost milli bħala ‘benefiċċju tal-mard’ fi flus kontanti għall-finijiet tar-Regolament Nru 1408/71?

2)      a)     Persuna li ma tibqax intitolata [għall-element tad-dipendenza tad-]Disability Living Allowance tar-Renju Unit taħt id-dritt nazzjonali ta’ dan tal-aħħar, peress li tkun marret toqgħod fi Stat Membru ieħor, u li tkun temmet kull attività professjonali qabel din iċ-ċaqlieqa, iżda li tibqa’ koperta bl-assigurazzjoni għax-xjuħija tas-sistema ta’ sigurtà soċjali tar-Renju Unit, tibqa’ suġġetta għal-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit għall-finijiet tal-Artikolu 13(2)(f) tar-Regolament Nru 1408/71?

b)      Din il-persuna, fi kwalunkwe każ, tibqa’ suġġetta għal-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit fid-dawl tal-punt 19(c) tal-Anness IV tar-Renju Unit għar-Regolament Nru 1408/71?

c)      Jekk din il-persuna ma baqgħetx suġġetta għal-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit skont l-Artikolu 13(2)(f) tar-Regolament Nru 1408/71, ir-Renju Unit huwa obbligat jew sempliċiment awtorizzat, permezz tal-punt 20 tal-Anness VI ta’ dan ir-regolament, japplikalha d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 1 tat-Titolu III ta’ dan ir-regolament?

3)      a)     Id-definizzjoni wiesgħa ta’ persuna impjegata fis-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2005, Dodl u Oberhollenzer (EU:C:2005:364) tapplika, għall-finijiet tal-Artikoli 19 sa 22 tar-Regolament Nru 1408/71, fejn il-persuna tkun temmet kull attività professjonali qabel ma ċċaqilqet lejn Stat Membru ieħor, minkejja d-distinzjoni magħmula fil-Kapitolu 1 tat-Titolu III ta’ dan ir-regolament bejn, fuq naħa waħda, il-persuni impjegati u l-persuni li jaħdmu għal rashom u, min-naħa l-oħra, persuni qiegħda?

b)      Jekk tapplika din id-definizzjoni, din il-persuna hija intitolata li titrasferixxi l-benefiċċju permezz tal-Artikolu 19 jew l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71? L-Artikolu 22(1)(b) jista’ jipprevjeni li d-dritt tal-applikant li jkun intitolat għall-element tad-dipendenza tad-Disability Living Allowance jintgħeleb mir-rekwiżit ta’ residenza impost mil-leġiżlazzjoni nazzjonali meta jkun hemm trasferiment ta’ residenza minn Stat Membru għall-ieħor?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

28      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk benefiċċju bħall-element tad-dipendenza tad-DLA jikkostitwixxix benefiċċju tal-mard jew benefiċċju tal-invalidità fis-sens tar-Regolament Nru 1408/71.

 Fuq l-ammissibbiltà

29      Il-Gvern tar-Renju Unit isostni li l-ewwel domanda preliminari hija inammissibbli minħabba, minn naħa, li hija ma hijiex is-suġġett ta’ diskussjoni quddiem il-qorti tar-rinviju u, min-naħa l-oħra, li hija identika għal domanda magħmula fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑299/05, EU:C:2007:608).

30      Fir-rigward tal-ewwel motiv ta’ inammissibbiltà mqajjem minn dan il-gvern, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 267 TFUE jagħti lill-qrati nazzjonali possibbiltà mill-iktar wiesgħa sabiex jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk huma jqisu li kawża pendenti quddiemhom tqajjem kwistjonijiet li jeħtieġu interpretazzjoni jew evalwazzjoni ta’ validità tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni neċessarji għad-deċiżjoni tal-kawża mressqa quddiemhom. Il-qrati nazzjonali għalhekk għandhom il-possibbiltà u, jekk ikun il-każ, l-obbligu ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari minn meta jikkonstataw, kemm ex officio u kemm fuq talba tal-partijiet, li l-mertu tal-kawża jirrigwarda kwistjoni li għandha tiġi deċiża li tidħol fl-iskop tal-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu. Dan għaliex il-fatt li l-partijiet fil-kawża prinċipali ma kinux invokaw, quddiem il-qorti tar-rinviju, kwistjoni ta’ dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li din titressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal-15 ta’ Jannar 2013, Križan et, C‑416/10, EU:C:2013:8, punti 64 u 65 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

31      Fil-fatt, ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jistrieħ fuq djalogu bejn qorti u oħra, li l-ftuħ tiegħu jiddependi kollu kemm hu fuq l-evalwazzjoni magħmula mill-qorti nazzjonali tar-rilevanza u tan-neċessità ta’ dan ir-rinviju (sentenza tal-15 ta’ Jannar 2013, Križan et, C‑416/10, EU:C:2013:8, punt 66).

32      Minbarra dan, għalkemm jista’ jirriżulta mill-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja li domanda preliminari ssir biss wara trattazzjoni inter partes, għandu madankollu jiġi rrikonoxxut li l-eżistenza ta’ trattazzjoni inter partes ma hijiex fost in-numru ta’ kundizzjonijiet meħtieġa għall-implementazzjoni tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Marzu 1994, Eurico Italia et, C‑332/92, C‑333/92 u C‑335/92, EU:C:1994:79, punt 11).

33      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-fatt li l-partijiet f’kawża ma kellhomx trattazzjoni minn qabel quddiem il-qorti nazzjonali ta’ kwistjoni li tirrigwarda d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li din il-kwistjoni titressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

34      Fir-rigward tat-tieni motiv ta’ inammissibbiltà, huwa biżżejjed li jitfakkar li, anki quddiem ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li ssolvi l-punt ta’ liġi inkwistjoni, il-qrati nazzjonali jibqgħu kompletament liberi li jressqu talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jekk iqisu li dan ikun opportun, u l-fatt li d-dispożizzjonijiet li l-interpretazzjoni tagħhom tkun qiegħda tintalab ikunu diġà ġew interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja ma jċaħħadx lil din tal-aħħar milli tiddeċiedi mill-ġdid (sentenza tas-17 ta’ Lulju 2014, C‑58/13 u C‑59/13, EU:C:2014:2088, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel domanda hija ammissibbli.

 Fuq il-mertu

36      L-ewwel nett, għandu jiġi vverifikat jekk is-sitwazzjoni ta’ L. Tolley taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71.

37      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi li dan japplika għall-ħaddiema impjegati jew li jaħdmu għal rashom u għall-istudenti li huma jew li ġew suġġetti għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed jew iktar u li huma ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri jew ukoll persuni mingħajr stat jew refuġjati li jirrisjedu fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri kif ukoll għall-membri tal-familja tagħhom u għas-superstiti tagħhom.

38      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, persuna għandha l-kwalità ta’ “ħaddiem”, fis-sens tar‑Regolament Nru 1408/71, jekk hija tkun assigurata, anki jekk biss kontra riskju wieħed, taħt assigurazzjoni obbligatorja jew volontarja ma’ skema ġenerali jew speċifika tas-sigurtà soċjali msemmija fl-Artikolu 1(a) tal-istess regolament, u dan irrispettivament mill-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ xogħol (sentenza tal-10 ta’ Marzu 2011, Borger, C‑516/09, EU:C:2011:136, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Il-qorti tar-rinviju u l-gvern tar-Renju Unit madankollu jsostnu li s-sitwazzjoni ta’ L. Tolley taqa’ taħt it-tieni inċiż tal-Artikolu 1(a)(ii) tar-Regolament Nru 1408/71, minħabba li l-element tad-dipendenza tad-DLA huwa ta’ benefiċċju għar-residenti kollha, kemm jekk ikunu impjegati jew le. Billi din id-dispożizzjoni tirreferi għall-Anness I ta’ dan ir-regolament, L. Tolley ma tistax tiġi kklassifikata bħala “ħaddiem” ħlief jekk hija kienet issodisfat il-kundizzjonijiet stipulati mil-leġiżlazzjoni Brittanika. Issa, din il-leġiżlazzjoni tirreferi biss għall-persuni li jeżerċitaw attività remunerata.

40      F’dan il-każ, jirriżulta mill-fajl ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li, matul is-snin 1967 sa 1993, L. Tolley kienet assigurata fir-Renju Unit kontra r-riskju tax-xjuħija fil-kuntest ta’ skema ta’ sigurtà soċjali li kienet tapplika għar-residenti kollha. Ma huwiex ikkontestat li l-metodu ta’ ġestjoni u ta’ finanzjament ta’ din l-iskema kien jippermetti li din il-persuna tiġi identifikata bħala ħaddiema impjegata. Billi kienet għalhekk assigurata kontra l-eventwalità prevista fl-Artikolu 4(1)(ċ) tar-Regolament Nru 1408/71, L. Tolley għandha titqies bħala ħaddiem fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 1(a)(ii) ta’ dan ir-regolament.

41      Il-fatt li L. Tolley mietet qabel ma laħqet l-età tal-irtirar ma huwiex ta’ natura li jqajjem dubju dwar din il-konklużjoni. Fil-fatt, il-possibbiltà li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tar-Regolament Nru 1408/71 ma tiddependix mit-twettiq tar-riskju kopert (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2011, Borger, C‑516/09, EU:C:2011:136, punt 30).

42      Għalhekk, hemm lok li jiġi kkonstatat li sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tar-Regolament Nru 1408/71.

43      Sussegwentement għandu jitfakkar li benefiċċju jitqies bħala benefiċċju ta’ sigurtà soċjali meta jingħata, mingħajr ebda evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali, fuq il-bażi ta’ sitwazzjoni legalment iddefinita u meta dan ikun relatat ma’ wieħed mir-riskji espliċitament elenkati fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1408/71 (sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑299/05, EU:C:2007:608, punt 56 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

44      Konformement mal-Artikolu 4(1)(a) u (b) ta’ dan ir-regolament, dan japplika għal-leġiżlazzjonijiet relatati mal-fergħat tas-sigurtà soċjali li jikkonċernaw, rispettivament, il-benefiċċji tal-mard u l-benefiċċji ta’ invalidità, inklużi dawk li huma ddestinati sabiex iżommu jew itejbu l-kapaċità ta’ qligħ.

45      Sabiex tinħoloq distinzjoni bejn il-kategoriji differenti ta’ benefiċċji ta’ sigurtà soċjali, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni r-riskju kopert minn kull benefiċċju (sentenza tat-18 ta’ Lulju 2006, De Cuyper, C‑406/04, EU:C:2006:491, punt 27).

46      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li benefiċċji mogħtija b’mod oġġettiv abbażi ta’ sitwazzjoni ddefinita legalment u li huma intiżi sabiex itejbu l-istat ta’ saħħa kif ukoll il-ħajja tal-persuni dipendenti għandhom essenzjalment bħala għan li jikkompletaw il-benefiċċji tal-assigurazzjoni għall-mard u għandhom jitqiesu bħala “benefiċċji tal-mard” fis-sens tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 (sentenzi tal-5 ta’ Marzu 1998, Molenaar, C‑160/96, EU:C:1998:84, punti 23 sa 25, kif ukoll tat-18 ta’ Ottubru 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑299/05, EU:C:2007:608, punt 61 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

47      Fir-rigward tal-element tad-dipendenza tad-DLA, mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li dan il-benefiċċju fi flus li għandu natura mhux kontributorja, mogħti indipendentement mil-livell ta’ dħul tal-benefiċjarju tiegħu, għandu bħala għan li jikkumpensa l-ispejjeż supplimentari li persuna tista’ tħallas b’mod partikolari minħabba l-inkapaċità jew il-kważi inkapaċità tagħha li timxi.

48      Huwa paċifiku li l-għoti ta’ dan il-benefiċċju ma jiddependix minn evalwazzjoni individwali tal-bżonnijiet personali tal-applikant u li dan iseħħ abbażi ta’ kriterji oġġettivi, bħall-impossibbiltà għall-persuna li tipprepara waħedha l-ikel tagħha, li huma ddefiniti fil-liġi tal-1992.

49      Minbarra dan, ma huwiex ikkontestat li l-benefiċċju inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu l-istess karatteristiċi u jsegwi l-istess skop bħad-DLA, fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti tal-kawża li tat lok għas-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑299/05, EU:C:2007:608).

50      Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punti 65 et seq ta’ din is-sentenza, essenzjalment, li, anki jekk hija ma kellhiex essenzjalment bħala għan li tikkompleta benefiċċji ta’ assigurazzjoni għall-mard, din l-allowance kellha, ħlief f’dak li jikkonċerna l-element tal-mobbiltà tagħha, titqies bħala benefiċċju tal-mard fis-sens tar-Regolament Nru 1408/71.

51      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-benefiċċju inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi benefiċċju tal-mard fis-sens tar-Regolament Nru 1408/71.

52      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument imressaq mill-qorti tar-rinviju li l-allowance inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tiġi kklassifikata bħala “benefiċċju tal-invalidità” minħabba li tixbah il-benefiċċji elenkati fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1408/71, jiġifieri, b’mod partikolari, il-benefiċċji fi flus ta’ invalidità, li għandhom bħala karatteristika prinċipali li huma ħlasijiet għal żmien twil jew ħlasijiet uniċi relatati ma’ kundizzjonijiet permanenti.

53      Fil-fatt, iċ-ċirkustanza li, għall-finijiet tal-għoti tal-element tad-dipendenza tad-DLA, it-tnaqqis tal-mobbiltà għandu jirrigwarda perijodu ta’ żmien sostanzjali ma hijiex ta’ natura li tbiddel l-iskop ta’ din l-allowance, li huwa li tittejjeb il-ħajja ta’ persuni dipendenti (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑299/05, EU:C:2007:608, punt 63).

54      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li għandhom jiġu assimilati ma’ benefiċċji tal-mard, fis-sens tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, benefiċċji, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jirrigwardaw ir-riskju ta’ dipendenza, minkejja li, bid-differenza ta’ benefiċċji tal-mard stricto sensu, bħala prinċipju dawn ma humiex intiżi li jitħallsu għal żmien qasir u li huma jista’ jkollhom, b’mod partikolari permezz tal-metodi ta’ applikazzjoni tagħhom, karatteristiċi li, fil-fatti, huma viċin ukoll, sa ċertu punti, il-fergħat ta’ invalidità u ta’ xjuħija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2011, da Silva Martins, C‑388/09, EU:C:2011:439, punti 47 u 48).

55      Fid-dawl ta’ dan kollu, l-ewwel domanda għandha tiġi risposta li benefiċċju bħall-element tad-dipendenza tad-DLA jikkostitwixxi benefiċċju tal-mard fis-sens tar-Regolament Nru 1408/71.

 B –Fuq l-ewwel u t-tieni parti tat-tieni domanda preliminari

56      Permezz tal-ewwel u tat-tieni parti tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, minn naħa, jekk l-Artikolu 13(2)(f) tar-Regolament Nru 1408/41 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li persuna kisbet drittijiet għal pensjoni tax-xjuħija permezz tal-kontribuzzjonijiet imħallsa matul perijodu partikolari għall-iskema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru jipprekludi li l-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru tista’ sussegwentement tieqaf milli tkun applikabbli għal din il-persuna. Għalkemm ir-risposta għal din id-domanda teħtieġ risposta negattiva, din il-qorti tfittex tkun taf, minn naħa, f’liema mument il-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit waqfet milli tkun applikabbli għal L. Tolley fir-rigward tal-fatt li hija komplet tirċievi ħlasijiet skont l-element tad-dipendenza tad-DLA sas-sena 2007, għalkemm hija kienet, skont din il-leġiżlazzjoni, tilfet id-dritt li tirċievi dan il-benefiċċju minħabba ċ-ċaqliq tagħha lejn Spanja matul is-sena 2002.

57      Hemm lok li jiġi rrilevat li r-Regolament Nru 1408/71 ma jorganizzax skema komuni ta’ sigurtà soċjali, iżda jħalli jissussistu skemi nazzjonali distinti u għandu bħala għan biss li jiżgura koordinazzjoni bejn dawn l-iskemi. Huwa għalhekk iħalli jissussistu skemi distinti li joħolqu obbligi distinti fir-rigward ta’ istituzzjonijiet distinti li kontra tagħhom il-benefiċjarju għandu drittijiet diretti, kemm skont id-dritt intern waħdu, kif ukoll skont id-dritt intern ikkompletat jekk meħtieġ mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tal-21 ta’ Frar 2013, Dumont de Chassart, C‑619/11, EU:C:2013:92, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      Id-dispożizzjonijiet tat-Titolu II ta’ dan ir-regolament, li l-Artikolu 13 ta’ dan tal-aħħar jagħmel parti minnu, jikkostitwixxu sistema kompleta u uniformi ta’ regoli ta’ kunflitti tal-liġijiet. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom bħala għan mhux biss li tiġi evitata l-applikazzjoni simultanja ta’ diversi leġiżlazzjonijiet nazzjonali u l-komplikazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw minn dan, iżda wkoll li jiġi prekluż li l-persuni li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 jiġu mċaħħda minn protezzjoni fil-qasam ta’ sigurtà soċjali, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni li tkun applikabbli għalihom (sentenza tal-11 ta’ Ġunju 1998, Kuusijärvi, C‑275/96, EU:C:1998:279, punt 28).

59      Għalhekk, meta persuna taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tar-Regolament Nru 1408/71, kif iddefinit fl-Artikolu 2 ta’ dan tal-aħħar, ir-regola ta’ uniċità stabbilita fl-Artikolu 13(1) ta’ dan ir-regolament bħala prinċipju hija applikabbli u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli hija stabbilita skont id-dispożizzjonijiet tat-Titolu II ta’ dan ir-regolament (sentenza tad-19 ta’ Marzu 2015, Kik, C‑266/13, EU:C:2015:188, punt 47).

60      Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13(2) ta’ dan l-istess regolament, dawn għandhom unikament bħala għan li jiddeterminaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-persuni li jsibu ruħhom f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-punti (a) sa (f) tiegħu. (sentenza tal-11 ta’ Ġunju 1998, Kuusijärvi, C‑275/96, EU:C:1998:279, punt 29).

61      Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-Artikolu 13(2)(f) tar-Regolament Nru 1408/71, għandu jitfakkar li t-trażżin tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru jikkostitwixxi kundizzjoni għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2015, Kik, C‑266/13, EU:C:2015:188, punt 51).

62      Min-naħa l-oħra, xejn fil-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma jissuġġerixxi li l-fatt li persuna kisbet drittijiet għal pensjoni tax-xjuħija permezz tal-kontribuzzjonijiet imħallsa matul perijodu partikolari lill-iskema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru jipprekludi li l-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat tista’, f’mument sussegwenti, tieqaf milli tkun applikabbli għal din il-persuna.

63      Minbarra dan, billi l-kisba ta’ drittijiet għal pensjoni tax-xjuħija hija l-konsegwenza normali tal-eżerċizzju ta’ attività professjonali, li jiġi ammess li persuna ma tkunx tista’ tiġi suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru minbarra dak li fih hija kisbet tali drittijiet għall-ewwel darba jwassal sabiex l-Artikolu 13(2)(f) tar-Regolament Nru 1408/71 jiġi mċaħħad mis-sens tiegħu.

64      F’dak li jikkonċerna l-kundizzjonijiet li fihom il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tieqaf milli tkun applikabbli għal persuna, għandu jitfakkar li l-Artikolu 13(2)(f) tar-Regolament Nru 1408/71 ma jiddefinixxihomx. Għalhekk, hija l-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ kull Stat Membru li għandha tiddetermina dawn il-kundizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2015, Kik, C‑266/13, EU:C:2015:188, punt 51).

65      Fil-fatt, kif huwa ppreċiżat fl-Artikolu 10b tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72, tal-21 ta’ Marzu 1971, li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 83), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2195/91 tal-25 ta’ Ġunju 1991 (ĠU 1991, L 206, p. 2), id-data u l-kundizzjonijiet li fihom il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tieqaf milli tkun applikabbli għal persuna intiża fl-Artikolu 13(2)(f) tar-Regolament Nru 1408/71 huma ddeterminati skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-leġiżlazzjoni.

66      Barra minn hekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-mument li fih il-leġiżlazzjoni ta Stat Membru tieqaf milli tkun applikabbli għal persuna, skont il-każ, ukoll dispożizzjonijiet tal-Anness VI ta’ dan l-aħħar regolament, li jsemmi l-metodi partikolari ta’ applikazzjoni ta’ leġiżlazzjonijiet ta’ ċerti Stati Membri.

67      F’dan il-każ, billi L. Tolley ma kinitx ħallset iktar kontribuzzjonijiet għall-iskema ta’ sigurtà soċjali tar-Renju Unit mis-sena 1993, kienet waqfet kull attività professjonali u, matul is-sena 2002, kienet ħalliet dan l-Istat Membru, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, skont il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru, dawn iċ-ċirkustanzi wasslux għall-waqfien tal-affiljazzjoni ta’ L. Tolley ma’ din l-iskema u l-ħruġ tagħha minnha.

68      L-istess japplika fir-rigward tal-fatt li L. Tolley kompliet tirċievi ħlasijiet skont l-element tad-dipendenza tad-DLA sas-sena 2007, minkejja li hija kienet, skont il-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit, tilfet id-dritt li tirċievi dan il-benefiċċju minħabba ċ-ċaqliq tagħha lejn Spanja matul is-sena 2002.

69      Fid-dawl ta’ dan kollu, l-ewwel u t-tieni parti tat-tieni domanda għandhom jiġu risposti li l-Artikolu 13(2)(f) tar-Regolament Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li persuna kisbet drittijiet għal pensjoni tax-xjuħija permezz tal-kontribuzzjonijiet imħallsa matul perijodu partikolari lill-iskema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru ma jipprekludix li l-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membri tista’ sussegwentement tieqaf milli tkun applikabbli għal din il-persuna. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina, fir-rigward taċ-ċirkustanzi tat-tilwima mressqa quddiemha u tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali applikabbli, f’liema mument din il-leġiżlazzjoni waqfet milli tkun applikabbli għal din il-persuna.

 Fuq it-tielet parti tat-tieni domanda u t-tielet domanda

70      Permezz tat-tielet parti tat-tieni domanda tagħha u tat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 19(1) u/jew l-Artikolu 22(1)(b) tar-Regolament Nru 1408/71 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tissuġġetta l-benefiċċju ta’ allowance bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għal kundizzjoni ta’ residenza u ta’ preżenza, kif prevista fl-Artikolu 71(6) tal-liġi tal-1992.

71      Għandu l-ewwel nett jiġi rrilevat li l-Artikolu 19 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Residenza fi Stat Membru għajr l-Istat kompetenti – Regoli ġenerali”, jiżgura, akkarigu tal-Istat kompetenti, id-dritt, għall-ħaddiem impjegat jew għall-ħaddiem li jaħdem għal rasu kif ukoll għall-membri tal-familja tiegħu residenti fi Stat Membru ieħor, li s-sitwazzjoni tagħhom teħtieġ kura fit-territorju tal-Istat Membru ta’ residenza, li jibbenefikaw minn benefiċċji ta’ mard in natura mogħtija mill-istituzzjoni ta’ dan l-aħħar Stat Membru (sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, von Chamier-Glisczinski, C‑208/07, EU:C:2009:455, punt 42).

72      Konsegwentement, hekk kif essenzjalment irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 84 tal-konklużjonijiet tiegħu, din id-dispożizzjoni tirreferi biss għas-sitwazzjonijiet li fihom ħaddiem li jitlob lill-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru benefiċċju tal-mard jirrisjedi, fid-data tal-applikazzjoni tiegħu, fi Stat Membru ieħor.

73      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li L. Tolley kienet għadha residenti fir-Renju Unit meta hija talbet lill-istituzzjonijiet kompetenti ta’ dan l-Istat Membru l-benefiċċju tal-element tad-dipendenza tad-DLA. Għalhekk, is-sitwazzjoni tagħha manifestament ma taqax taħt dan l-Artikolu 19.

74      Sussegwentement, fir-rigward tal-Artikolu 22(1)(b) tar-Regolament Nru 1408/71, dan jikkonċerna b’mod partikolari l-ipoteżi tat-trasferiment, matul marda, tar-residenza ta’ ħaddiem impjegat jew ta’ ħaddiem li jaħdem għal rasu fi Stat Membru mhux dak tal-istituzzjoni kompetenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, von Chamier-Glisczinski, C‑208/07, EU:C:2009:455, punt 45).

75      Għalhekk għandu jiġi vverifikat jekk is-sitwazzjoni ta’ L. Tolley taqax taħt dan l-Artikolu 22(1)(b).

76      Il‑Gvern tar-Renju Unit isostni, minn naħa, li l-espressjoni “ħaddiem” użata f’din id-dispożizzjoni, tirreferi biss għall-persuni li, bid-differenza ta’ L. Tolley, ma waqfux definittivament kull attività professjonali.

77      Dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

78      Hemm lok li jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li, skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1408/71, id-definizzjonijiet li jinsabu f’din id-dispożizzjoni, fejn fosthom hemm dik ta’ “persuna impjegata” u dik ta’ “persuna li taħdem għal rasha” jingħataw “[g]ħall-iskop ta’ dan ir-Regolament” mingħajr ma eċċezzjoni li tikkonċerna ċerti dispożizzjonijiet tiegħu ma tkun prevista.

79      Issa, mill-punti 38 sa 40 ta’ din is-sentenza jirriżulta li L. Tolley għandha titqies bħala “ħaddiem” fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 1(a)(ii) tal-istess regolament, u dan indipendentement mill-fatt li hija waqfet definittivament kull attività professjonali.

80      Minbarra dan, għandu jiġi enfasizzat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, bir-riferiment għall-“ħaddiem”, li jinsab fl-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 1408/71, dan tal-aħħar ma huwiex intiż sabiex jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għall-ħaddiema attivi meta pparagunati mal-ħaddiema mhux attivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-31 ta’ Mejju 1979, Pierik, 182/78, EU:C:1979:142, punt 7).

81      Il‑Gvern tar-Renju Unit isostni, min-naħa l-oħra, li l-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit waqfet milli tkun applikabbli għal L. Tolley fil-mument taċ-ċaqliq tagħha lejn Spanja u li, skont l-Artikolu 13(2)(f) ta’ dan ir-regolament, hija kienet suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-aħħar Stat Membru. Għalhekk dan huwa l-Istat kompetenti, fis-sens tal-Artikolu 22(1)(b) ta’ dan ir-regolament.

82      F’dan ir-rigward, mill-qari flimkien tal-Artikolu 1(o)(i) u tal-Artikolu 1(q) tar-Regolament Nru 1408/71 jirriżulta li l-kunċett ta’ “Stat kompetenti” jindika, b’mod partikolari, l-Istat Membru fejn tinsab l-istituzzjoni li l-ħaddiem huwa affiljat magħha fil-mument tal-applikazzjoni għal benefiċċji.

83      Minbarra dan, mill-istruttura tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 1408/71, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet taż-żamma tas-servizz ta’ benefiċċji li għalihom ħaddiem għandu dritt skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat kompetenti b’mod partikolari f’każ ta’ trasferiment ta’ residenza “fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor” jirriżulta li, fir-rigward ta’ din l-ipoteżi, jikkostitwixxi l-“Istat kompetenti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, neċessarjament l-Istat Membru li kien kompetenti sabiex jagħti dawn il-benefiċċji qabel it-trasferiment ta’ residenza.

84      Fir-rigward tal-kawża prinċipali, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fil-mument meta L. Tolley talbet il-benefiċċju tad-DLA lill-istituzzjonijiet kompetenti tar-Renju Unit, hija kienet affiljata mal-iskema ta’ sigurtà soċjali ta’ dan l-Istat Membru. Konsegwentement, minkejja li l-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru kienet waqfet, sussegwentement, li tkun applikabbli għaliha, fis-sens tal-Artikolu 13(2)(f) tar-Regolament Nru 1408/71, huwa r-Renju Unit li jikkostitwixxi l-Istat kompetenti, fis-sens tal-Artikolu 22(1)(b) ta’ dan ir-regolament.

85      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-punt 20 tat-Taqsima O tal-Anness VI tar-Regolament Nru 1408/71, li jipprevedi li: “[i]l-fatt li persuna saret suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor skond l-Artikolu 13(2)(f) [ta’ dan ir-]Regolament […], ma jżommux [ma huwiex ta’ preġudizzju]”, b’mod partikolari għall-“applikazzjoni għaliha mir-Renju Unit bħala l-Istat kompetenti tad-dispopżizzjonijiet relatati mal-persuna impjegata jew li taħdem għal rasha tat-Titolu III, il-Kapitolu 1 […] jekk hija tibqa’ persuna impjegata jew taħdem għal rasha għal dawk l-iskopijiet u kienet assigurata l-aħħar taħt il-leġislazzjoni tar-Renju Unit”. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tipprevedi espressament il-possibbiltà għar-Renju Unit li jibqa’ l-Istat kompetenti fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 1 tat-Titolu III ta’ dan ir-regolament fil-każ fejn il-leġiżlazzjoni tiegħu tieqaf milli tapplika għall-ħaddiem, fis-sens tal-Artikolu 13(2)(f) ta’ dan l-istess regolament.

86      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt l-Artikolu 22(1)(b) tar-Regolament Nru 1408/71.

87      Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tipprevedi d-dritt, għal ħaddiem impjegat jew li jaħdem għal rasu li kien jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa mil-leġiżlazzjoni tal-Istat kompetenti li jirċievi l-benefiċċji fi flus mogħtija mill-istituzzjoni kompetenti wara t-trasferiment ta’ residenza tiegħu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

88      F’dan ir-rigward, ma jistax jintlaqa’ l-argument tar-Renju Unit li l-formulazzjoni “li tissodisfa l-kondizzjonijiet tal-leġislazzjoni ta’ l-Istat kompetenti” tippermetti lill-Istati Membri li jipprevedu kundizzjoni ta’ residenza għall-provvista tal-benefiċċji fi flus intiżi minn din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 119 tal-konklużjonijiet tiegħu meta rrefera għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Kuusijärvi (C‑275/96, EU:C:1997:613), tali interpretazzjoni, sa fejn tippermetti li jitrażżan id-dritt li jagħti l-Artikolu 22(1)(b) tar-Regolament Nru 1408/71, permezz ta’ kundizzjoni ta’ residenza magħmula mil-liġi nazzjonali, iċċaħħad għalkollox lil din id-dispożizzjoni mill-għan tagħha.

89      Isegwi li dan l-Artikolu 22(1)(b) jipprekludi li Stat kompetenti jissuġġetta ż-żamma ta’ benefiċċju bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali għal kundizzjoni ta’ residenza u ta’ preżenza fit-territorju tiegħu.

90      Fid-dawl ta’ dan, għandu jiġi ppreċiżat li din l-istess dispożizzjoni tissuġġetta d-dritt ta’ esportazzjoni ta’ benefiċċju bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali għall-kundizzjoni li l-ħaddiem ikun talab u kiseb mill-istituzzjoni kompetenti l-awtorizzazzjoni li jittrasferixxi r-residenza tiegħu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

91      Ċertament, hekk kif jirriżulta mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 1408/71, din l-awtorizzazzjoni tista’ tiġi rrifjutata biss jekk jiġi stabbilit li ċ-ċaqliq tal-persuna kkonċernata huwa ta’ natura li jikkomprometti l-istat ta’ saħħa tagħha jew l-applikazzjoni tat-trattament mediku.

92      Madankollu, hekk kif espona l-Avukat Ġenerali fil-punti 124 sa 126 tal-konklużjonijiet tiegħu, din id-dispożizzjoni ma tistax tobbliga lill-Istati Membri li jagħtu lil ħaddiem il-benefiċċju tal-Artikolu 22(1)(b) ta’ dan ir-regolament fil-każ fejn dan il-ħaddiem ikun ittrasferixxa r-residenza tiegħu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor fl-assenza ta’ kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija mill-istituzzjoni kompetenti.

93      Fid-dawl ta’ dan kollu, it-tielet parti tat-tieni domanda u t-tielet domanda għandhom jiġu risposti li l-Artikolu 22(1)(b) tar-Regolament Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-leġiżlazzjoni tal-Istat kompetenti tissuġġetta l-benefiċċju ta’ allowance bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għal kundizzjoni ta’ residenza u ta’ preżenza fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru. L-Artikolu 22(1)(b) u l-Artikolu 22(2) ta’ dan ir-regolament għandhom jiġu interpretati fis-sens li persuna li ssib ruħha f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali żżomm id-dritt li tirċievi l-benefiċċji intiżi f’din l-ewwel dispożizzjoni wara li tkun ittrasferixxiet ir-residenza tagħha fi Stat Membru li ma jkunx l-Istat kompetenti, bil-kundizzjoni li hija tkun kisbet awtorizzazzjoni għal dan il-għan.

 Fuq l-ispejjeż

94      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il‑Qorti tal-Ġustizzja (L‑Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Benefiċċju bħall-element tad-dipendenza tal-allowance tas-sussistenza għal persuni b’diżabbiltà (disability living allowance) jikkostitwixxi benefiċċju tal-mard fis-sens tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fil-Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 307/1999 tat-8 ta’ Frar 1999.

2)      L‑Artikolu 13(2)(f) tar-Regolament Nru 1408/71, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament Nru 118/97, kif emendat bir-Regolament Nru 307/1999, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li persuna kisbet drittijiet għal pensjoni tax-xjuħija permezz tal-kontribuzzjonijiet imħallsa matul perijodu partikolari lill-iskema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru ma jipprekludix li l-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membri tista’ sussegwentement tieqaf milli tkun applikabbli għal din il-persuna. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina, fir-rigward taċ-ċirkustanzi tat-tilwima mressqa quddiemha u tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali applikabbli, f’liema mument din il-leġiżlazzjoni waqfet milli tkun applikabbli għal din il-persuna.

3)      L‑Artikolu 22(1)(b) tar-Regolament Nru 1408/71, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament Nru 118/97, kif emendat bir-Regolament Nru 307/1999, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-leġiżlazzjoni tal-Istat kompetenti tissuġġetta l-benefiċċju ta’ allowance bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għal kundizzjoni ta’ residenza u ta’ preżenza fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.


4)      L-Artikolu 22(1)(b) u l-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 1408/71, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament Nru 118/97, kif emendat bir-Regolament Nru 307/1999, għandhom jiġu interpretati fis-sens li persuna li ssib ruħha f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali żżomm id-dritt li tirċievi l-benefiċċji intiżi f’din l-ewwel dispożizzjoni wara li tkun ittrasferixxiet ir-residenza tagħha fi Stat Membru li ma jkunx l-Istat kompetenti, bil-kundizzjoni li hija tkun kisbet awtorizzazzjoni għal dan il-għan.

Firem


** Lingwa tal-kawża: l‑Ingliż