Language of document : ECLI:EU:T:2013:635

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

11 ta’ Diċembru 2013 (*)

“Kompetizzjoni — Konċentrazzjonijiet — Swieq Ewropej tas-servizzi ta’ komunikazzjoni permezz tal-Internet — Deċiżjoni li tiddikjara l-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern — Żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni — Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑79/12,

Cisco Systems Inc., stabbilita f’San Jose, California (l-Istati Uniti),

Messagenet SpA, stabbilita f’Milano (l-Italja),

irrappreżentati minn L. Ortiz Blanco, J. Buendía Sierra, A. Lamadrid de Pablo u K. Jörgens, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn N. Khan, S. Noë u C. Hödlmayr, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Microsoft Corp., stabbilita f’Seattle, Washington (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn G. Berrisch, avukat,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għal annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2011) 7279, tas-7 ta’ Ottubru 2011, li tiddikjara kompatibbli mas-suq intern u l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) il-konċentrazzjoni ta’ impriżi intiża għall-akkwist minn Microsoft Corp. ta’ Skype Global Sàrl (Każ COMP/M.6281)

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn S. Papasavvas, li qed jaġixxi bħala President, M. van der Woude (Relatur) u C. Wetter, Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ Mejju 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 Partijiet fil-proċedura

1        Ir-rikorrenti, Cisco Systems Inc. (iktar ’il quddiem “Cisco”) u Messagenet SpA, huma impriżi li jipprovdu, b’mod partikolari, servizzi u softwer ta’ komunikazzjonijiet permezz tal-Internet, rispettivament, għall-impriżi u għall-pubblika b’mod ġenerali.

2        Microsoft Corp. tikkonċepixxi, tiżviluppa u tikkummerċjalizza selezzjoni vasta ta’ prodotti f’forma ta’ softwer intiż għal tipi differenti ta’ apparat informatiku. Dawn il-prodotti jinkludu servizzi u softwer ta’ komunikazzjonijiet permezz tal-Internet.

3        Skype Global Sàrl (iktar ’il quddiem “Skype”) tipprovdi servizzi u softwer ta’ komunikazzjonijiet permezz tal-Internet. Il-prodotti tagħha jippermettu l-messaġġi instantanji, it-telefonati awdjo u l-komunikazzjonijiet vidjo permezz tal-Internet.

 Proċedura amministrattiva

4        Fit‑2 ta’ Settembru 2011, Microsoft innotifikat, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, tal‑20 ta’ Jannar 2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40), konċentrazzjoni li permezz tagħha hija kellha l-intenzjoni li takkwista l-kontroll ta’ Skype.

5        Ir-rikorrenti pparteċipaw fl-investigazzjoni mmexxija mill-Kummissjoni Ewropea. F’dan ir-rigward, Cisco, saħansitra qabel in-notifika formali tal-konċentrazzjoni minn Microsoft, ħadet sehem f’laqgħa mal-Kummissjoni fl‑1 ta’ Awwissu 2011 u wieġbet għal mistoqsijiet tal-Kummissjoni fit‑12 u t‑18 ta’ Awwissu 2011, biex imbagħad ipprovdiet tweġibiet supplimentari fid‑9 ta’ Settembru 2011. Cisco wieġbet ukoll mistoqsijiet oħra magħmula mill-Kummissjoni fit‑13 ta’ Settembru 2011, fejn ipprovdiet informazzjoni supplimentari waqt vidjokonferenza fl‑14 ta’ Settembru 2011 u osservazzjonijiet bil-miktub fid‑19 u s‑26 ta’ Settembru 2011. Fir-rigward ta’ Messagenet SpA, hija bagħtet osservazzjonijiet bil-miktub lill-Kummissjoni fl‑20 ta’ Settembru 2011, ipparteċipat f’konferenza telefonika fl‑4 ta’ Ottubru 2011 u pprovdiet informazzjoni supplimentari fl-istess jum.

6        Fis‑7 ta’ Ottubru 2011, skont l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament Nru 139/2004, il-Kummissjoni tat deċiżjoni li tiddikjara kompatibbli mas-suq intern u mal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) il-konċentrazzjoni ta’ impriżi intiża għall-akkwist minn Microsoft ta’ Skype (Każ COMP/M.6281 – Microsoft/Skype) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Kontenut tad-deċiżjoni kkontestata

7        Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni  qieset li kellha ssir distinzjoni bejn is-servizzi ta’ komunikazzjonijiet permezz tal-Internet intiżi għall-klijenti mill-pubbliku inġenerali (iktar ’il quddiem il-“komunikazzjonijiet residenzjali”) u dawn intiżi għall-klijenti impriżi (iktar ’il quddiem il-“komunikazzjonijiet professjonali”) (premessi 10 sa 17 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni ma kkunsidratx li kien neċessarju, għall-finijiet tal-analiżi kompetittiva tagħha, li tipproċedi f’kull waħda minn dawn iż-żewġ kategoriji l-kbar ta’ komunikazzjonijiet għal frammentazzjoni iktar dettaljata, ġaladarba hija qieset li l-operazzjoni nnotifikata ma kinitx tagħti lok għal problemi ta’ kompetizzjoni, anki fis-swieq iddefiniti bl-iktar mod speċifiku (premessi 18 sa 63 tad-deċiżjoni kkontestata). Għaldaqstant il-Kummissjoni segwiet l-analiżi tagħha billi eżaminat l-effett tal-konċentrazzjoni fuq kull waħda miż-żewġ swieq li hija kienet identifikat.

8        Fir-rigward tad-dimensjoni ġeografika tas-swieq, sa fejn il-Kummissjoni qieset li t-tranżazzjoni ma kinitx tqajjem problemi ta’ kompetizzjoni, anki b’riferiment għall-iktar suq speċifiku, jiġifieri dak taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), hija ma adottatx pożizzjoni dwar id-definizzjoni preċiża tas-suq ġeografiku ta’ referenza (premessi 64 sa 68 tad-deċiżjoni kkontestata).

9        Fir-rigward tal-effett orizzontali tal-konċentrazzjoni fuq is-suq tal-komunikazzjonijiet residenzjali, wara li eżaminat il-karatteristiċi tas-suq (premessi 69 sa 95 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni għamlet riferiment għall-oqsma l-iktar speċifiċi possibbli li fuqhom teżisti l-ikbar intersekazzjoni bejn is-servizzi ta’ Microsoft u dawk ta’ Skype, jiġifieri l-qasam tal-messaġġi instantanji minn kompjuters personali (iktar ’il quddiem il-“PCs”) li jiffunzjonaw taħt is-sistema operattiva Windows (iktar ’il quddiem “Windows”), dak tat-telefonati awdjo magħmula minn PC li jiffunzjona permezz ta’ Windows u l-qasam tal-komunikazzjonijiet vidjo permezz ta’ dan l-istess tip ta’ PC. Il-Kummissjoni qieset li t-tranżazzjoni ma kinitx tqajjem dubji serji fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern, anki f’dawn l-oqsma speċifiċi (premessi 96 sa 132 tad-deċiżjoni kkontestata). B’mod partikolari, fir-rigward tal-qasam tal-komunikazzjonijiet vidjo fuq PC li jiffunzjona permezz ta’ Windows (iktar ’il quddiem is-“suq speċifiku”) fejn l-entità l-ġdida għandha sehem mis-suq ta’ bejn 80 % u 90 % mas-servizzi ta’ Skype u dawk ta’ Microsoft offerti taħt it-trade mark “Windows Live Messenger” (iktar ’il quddiem “WLM”), il-Kummissjoni kkunsidrat li Microsoft tbati minn pressjoni kompetittiva.

10      Id-deċiżjoni kkontestata analizzat ukoll il-kwistjoni dwar jekk il-konċentrazzjoni tiġġenerax effetti ta’ konglomerat fis-suq tal-komunikazzjonijiet residenzjali, b’mod partikolari fid-dawl tal-pożizzjoni importanti li minnha jibbenefikaw ċerti prodotti ta’ Microsoft, bħal Windows, il-browser Windows Internet Explorer u s-softwer Microsoft Office, fuq swieq oħra ta’ softwer informatiku. F’dan ir-rigward il-Kummissjoni qieset li l-entità l-ġdida kellha l-kapaċità, għalkemm ma hijiex inċentivata tagħmel dan, li tuża din il-pożizzjoni sabiex toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni favur prodotti ta’ Skype u ta’ Microsoft billi tiddegrada l-interoperabbiltà ta’ dawn il-prodotti ma’ prodotti kompetituri jew billi tuża prattiki ta’ ġemellaġġ jew ta’ bejgħ marbut. Minkejja li l-entità l-ġdida tipprova ssegwi strateġija ta’ esklużjoni, l-effetti antikompetittivi huma, skont il-Kummissjoni, limitati, jew saħansitra ineżistenti (premessi 133 sa 170 tad-deċiżjoni kkontestata).

11      Fir-rigward tal-effetti orizzontali tal-konċentrazzjoni fis-suq tal-komunikazzjonijiet professjonali, il-Kummissjoni kkonkludiet li t-tranżazzjoni ma kinitx tqajjem dubji serji fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern. Jidher li l-preżenza ta’ Skype f’dan is-suq huwa limitat u l-entità ġdida ma ssirx leader fis-suq, anki fl-iktar oqsma speċifiċi li fihom Skype hija xorta waħda attiva (premessi 177 sa 202 tad-deċiżjoni kkontestata).

12      Id-deċiżjoni kkontestata wieġbet ukoll għal ċertu tħassib li operaturi ta’ telefonija tradizzjonali u fornituri oħra ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet professjonali kienu esprimew matul l-investigazzjoni fir-rigward ta’ effetti possibbli ta’ konglomerat fis-suq tal-komunikazzjonijiet professjonali, billi qieset li dan it-tħassib ma kienx fondat (premessi 203 sa 221 tad-deċiżjoni kkontestata). Wieħed minn dan it-tħassib kien jikkonċerna l-possibbiltà li l-entità l-ġdida toħloq għaqda privileġġata tal-klijentela ta’ Skype ma’ dik marbuta ma’ Lync, li huwa softwer ta’ komunikazzjonijiet żviluppata minn Microsoft u intiża għall-impriżi, liema fatt kien jagħti vantaġġ importanti lill-entità l-ġdida fir-rigward tal-impriżi li joperaw call centres. Madankollu, skont id-deċiżjoni kkontestata, l-entità l-ġdida ma għandhiex il-kapaċità, u ma għandhiex inċentiv, sabiex tmexxi strateġija ta’ esklużjoni li fi kwalunkwe każ jidher li l-effetti antikompetittivi tagħha huma improbabbli (premessi 213 sa 221 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

13      Permezz ta’ talba ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Frar 2012, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

14      Permezz ta’ att separat ippreżentat fl-istess ġurnata, ir-rikorrenti ppreżentaw ukoll talba għal proċedura mħaffa, skont l-Artikolu 76a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, u, sussidjarjament, trattament prijoritarju fis-sens tal‑Artikolu 55(2) tal-istess regolament.

15      Fit‑22 ta’ Marzu 2012, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiċħad it-talba għal proċedura mħaffa. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma laqgħatx it-talba sabiex il-kawża tiġi deċiża bi prijorità.

16      Permezz ta’ digriet tat‑23 ta’ Mejju 2012, il-President tar-Raba’ Awla laqa’ t-talba għal intervent ta’ Microsoft, ippreżentata fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑2 ta’ Marzu 2012.

17      Fid‑29 ta’ Mejju 2012, il-partijiet ġew informati li ma kienx meħtieġ skambju ieħor ta’ noti, skont l-Artikolu 47(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

18      Fil-11 ta’ Lulju 2012, Microsoft issottomettiet nota ta’ intervent. Fl‑24 ta’ Ottubru 2012, ir-rikorrenti u l-Kummissjoni ssottomettew l-osservazzjonijiet tagħhom fir-rigward ta’ din in-nota.

19      Fit‑12 ta’ Settembru 2012, il-Qorti Ġenerali għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura. Il-partijiet wieġbu għal dawn il-mistoqsijiet fit-termini mogħtija.

20      Peress li żewġ membri tal-Awla ma setgħux jipparteċipaw fid-deliberazzjoni, il-President tal-Qorti Ġenerali nnomina żewġ Imħallfin, skont l-Artikolu 32(3) tar-Regoli tal-Proċedura, sabiex jikkompleta l-Awla.

21      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, għamlet mistoqsija bil-miktub lill-parti intervenjenti, fejn stednitha tweġibha matul is-seduta. L-intervenjenti kkonformat ruħha ma’ din it-talba.

22      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tad-29 ta’ Mejju 2013.

23      Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tordna l-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li l-Qorti Ġenerali tqis li huma neċessarji u, b’mod partikolari, tordna lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi lill-Qorti Ġenerali d-dokumenti kollha dwar in-negozjati li jikkonċernaw il-komunikazzjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-partijiet fit-tranżazzjoni fir-rigward ta’ impenji eventwali ta’ interoperabbiltà;

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

24      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

25      L-intervenjenti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

26      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti jressqu żewġ motivi, ibbażati fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni fl-implementazzjoni tal-Artikoli 2 u 6 tar-Regolament Nru 139/2004 u fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 296 TFUE. L-ewwel motiv jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-effetti orizzontali tal-konċentrazzjoni fis-suq tal-komunikazzjonijiet residenzjali. It-tieni motiv jikkonċerna żbalji mwettqa mill-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tal-effett fis-suq tal-komunikazzjonijiet professjonali li jkollha l-għaqda eventwali tal-bażi ta’ utenti ta’ Skype mas-servizzi ta’ Lync.

27      Bħala introduzzjoni għal dawn iż-żewġ motivi, ir-rikorrenti jsostnu argumenti dwar ir-rekwiżiti ta’ prova li għandha l-Kummissjoni meta tapplika r-Regolament Nru 139/2004 u l-intensità tal-kontroll ta’ legalità eżerċitat mill-Qorti Ġenerali f’dan il-qasam.

28      Mingħajr ma tqajjem formalment eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà b’att separata abbażi tal-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni ssostni fir-risposta li Cisco ma għandhiex interess ġuridiku meta titlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata taħt l-ewwel motiv tar-rikors u li Messagenet ma għandhiex locus standi fil-kuntest sħiħ tar-rikors.

 Fuq l-ammissibbiltà

29      Fir-rigward tal-ammissibbiltà tar-rikors fir-rigward ta’ Cisco, il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, ma tikkontestax il-fatt li Cisco hija individwalment u direttament ikkonċernata bid-deċiżjoni kkontestata u li għalhekk, f’dan is-sens, għandha locus standi kontra dan l-att, iżda hija tqis li Cisco ma għandhiex interess ġuridiku kontra din id-deċiżjoni inkwantu din tikkonċerna s-suq tal-komunikazzjonijiet residenzjali u, għaldaqstant, li l-ewwel motiv huwa inammissibbli. Fil-fatt, sa fejn din il-miżura hija intiża sabiex tistabbilixxi li l-Kummissjoni wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tal-effett kompetittiv tal-konċentrazzjoni fis-suq fejn Cisco ma hijiex preżenti, f’dan il-każ dak tal-komunikazzjonijiet residenzjali, l-implementazzjoni tal-imsemmi motiv ma jistax jiksbilha vantaġġ. Il-Kummissjoni tqis li r-rikorrenti ma għandhomx il-fakultà li jqajmu motivi fis-sempliċi interess tal-liġi.

30      Fir-rigward ta’ Messagenet, il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, issostni li l-parteċipazzjoni dgħajfa ta’ Messagenet fil-proċedura amministrattiva ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi rrikonoxxut locus standi lilha kontra d-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, hija tosserva li l-parteċipazzjoni ta’ Messagenet fl-imsemmija proċedura ma kellha ebda influwenza fuq il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata u li hija ma kinitx ġiet identifikata bħala kompetitur ta’ Skype matul din l-istess proċedura. Waqt is-seduta l-Kummissjoni ppreċiżat li Messagenet lanqas ma kienet tipprovdi softwer għall-komunikazzjonijiet vidjo.

31      Minn dan, il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkonkludu li l-ewwel motiv huwa inammissibbli sa fejn jikkonċerna Cisco u li r-rikors huwa kollu kemm hu inammissibbli sa fejn jikkonċerna Messagenet.

32      Ir-rikorrenti jikkontestaw l-argumenti tal-Kummissjoni dwar l-ammissibbiltà tar-rikors.

33      Fir-rigward tal-ammissibbiltà tar-rikors ta’ Cisco, għandu jitfakkar li r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jippermetti lil persuna li ma hijiex id-destinatarja ta’ att tippreżenta rikors għal annullament kontra dan l-att, jekk dan jikkonċernaha individwalment u direttament.

34      Skont il-ġurisprudenza, il-kwistjoni tal-locus standi ta’ rikorrent għandu jiġi evalwat fir-rigward tal-effetti li l-att ikkontestat ikollu fuq is-sitwazzjoni ġuridika tiegħu sa fejn l-imsemmi rikorrent ikun, minn naħa, direttament affettwat mill-att ikkontestat (ara, f’dan is-sens is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑26 ta’ Ġunju 1990, Sofrimport vs Il‑Kummissjoni, C‑152/88, Ġabra p. I‑2477, punt 9, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑24 ta’ Marzu 1994, Air France vs Il‑Kummissjoni, T‑3/93, Ġabra p. II‑121, punt 80) u, min-naħa l-oħra, individwalment affettwat b’dan l-istess att (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il‑Kummissjoni, 25/62, Ġabra p. 197, 223). Min-naħa l-oħra, il-locus standi tar-rikorrent ma jiġix iddeterminat skont il-motivi li huwa jressaq insostenn tar-rikors tiegħu.

35      L-istess jgħodd għall-kwistjoni dwar jekk rikorrent għandux interess ġuridiku. Dan l-interess jirriżulta mill-konsegwenzi li l-annullament tal-att ikkontestat jista’ jkollu fuq is-sitwazzjoni ġuridika tar-rikorrent (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑24 ta’ Ġunju 1986, AKZO Chemie u AKZO Chemie UK vs Il‑Kummissjoni, 53/85, Ġabra p. 1965, punt 21, u tal-Qorti Ġenerali tal‑25 ta’ Marzu 1999, Gencor vs Il‑Kummissjoni, T‑102/96, Ġabra p. II‑753, punt 40). Dan l-interess għandu jkun eżistenti u attwali, għandu jiġi evalwat fil-ġurnata li fiha jiġi ppreżentat ir-rikors u jeżisti biss jekk bir-riżultat tiegħu ir-rikors jista’ jikseb benefiċċju lill-parti li jkun ippreżentah (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑4 ta’ Lulju 2006, easyJet vs Il‑Kummissjoni, T‑177/04, Ġabra p. II‑1931, punt 40, u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Issa, f’dan il-każ, Cisco kellha, fil-ġurnata meta ppreżentat ir-rikors, interess eżistenti u attwali li tara d-deċiżjoni kkontestata annullata, minħabba li din kienet tawtorizza konċentrazzjoni li kienet tinvolvi wieħed mill-kompetituri ewlenin tagħha, li setgħet taffettwa s-sitwazzjoni kummerċjali tagħha. B’hekk, l-interess ġuridiku ta’ din ir-rikorrenti fid-dawl tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata ma jistax jiġi kkontestat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza easyJet vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41).

37      Għalkemm huwa minnu li l-Qorti Ġenerali għandha tipprekludi rikorrent milli jinvoka motivi la ma għandux interess individwali li jqajjem (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑30 ta’ Ġunju 1983, Schloh vs Il‑Kunsill, 85/82, Ġabra p. 2105, punti 13 u 14), dan ma huwiex il-każ tal-ewwel motiv invokat mir-rikorrenti hawnhekk. Fil-fatt, dan il-motiv jikkonċerna direttament l-evalwazzjoni tal-effetti orizzontali tal-konċentrazzjoni u, għalhekk, wieħed mill-punti bażiċi tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata. Filwaqt li Cisco għandha interess ġuridiku kontra dan id-dispożittiv, hija għandha wkoll interess li tikkontesta l-motivi u l-elementi ta’ raġunament li wasslu lill-Kummissjoni tadotta dan id-dispożittiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza easyJet, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41).

38      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-assenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn impriża rikorrenti u l-impriżi partijiet fil-konċentrazzjoni ma tfissirx neċessarjament li r-rikors ippreżentat minn tal-ewwel hija inammissibbli, b’mod partikolari meta topera f’suq ġar ta’ dak ta’ dawn tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑30 ta’ Settembru 2003, ARD vs Il‑Kummissjoni (T‑158/00, Ġabra p. II‑3825, punti 78 sa 95).

39      Issa, iż-żewġ motivi li r-rikorrenti jressqu insostenn tar-rikors tagħhom huma marbuta mill-qrib. It-tieni motiv għalhekk huwa bbażat fuq il-premessa li l-entità l-ġdida għandha tuża l-pożizzjoni importanti tagħha fis-suq tal-komunikazzjonijiet residenzjali, b’mod partikolari għall-komunikazzjonijiet vidjo, bħala lieva sabiex tinħoloq distorsjoni tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni fis-suq tal-komunikazzjonijiet professjonali. Ir-rikorrenti jsostnu, bl-istess loġika, li l-għan ekonomiku tal-konċentrazzjoni fis-suq tal-komunikazzjonijiet residenzjali huwa dovut, parzjalment, għall-possibbiltà ta’ vijabbiltà fis-suq tal-komunikazzjonijiet professjonali.

40      Fir-rigward tal-locus standi ta’ Messagenet, għandu jiġi osservat li Cisco u Messagenet ippreżentaw l-istess rikors waħdieni. Issa, skont ġurisprudenza li issa hija stabbilita sew, fir-rigward ta’ l-istess rikors waħdieni, ġaladarba wieħed mir-rikorrenti għandu locus standi, ma hemmx lok li jiġi eżaminat il-locus standi tar-rikorrenti l-oħra, ħlief sabiex wieħed jibbaża ruħu fuq kunsiderazzjonijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il‑Kummissjoni, C‑313/90, Ġabra p. I‑1125, punt 31, u tal-Qorti Ġenerali tad‑9 ta’ Lulju 2007, Sun Chemical Group et vs Il‑Kummissjoni, T‑282/06, Ġabra p. II‑2149, punti 50 sa 52). Fil-każ inkwistjoni, li kieku kellu jitqies li eżami separat tal-ammissibbiltà tar-rikors ta’ Messagenet jiżvela li din ma għandhiex locus standi, il-Qorti Ġenerali xorta waħda jkollha teżamina r-rikors fl-intier tiegħu. Għaldaqstant ma jeżistux raġunijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju li jiġġustifikaw li l-Qorti Ġenerali tbiegħdet mill-ġurisprudenza inkwistjoni.

41      Għalhekk jeħtieġ li tiġi miċħuda l-argumentazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-ammissibbiltà tar-rikorrenti u li r-rikors jiġi ddikjarat bħala ammissibbli.

 Fuq il-mertu

 Fuq ir-rekwiżiti ta’ prova tal-Kummissjoni u l-intensità tal-kontroll ġudizzjarju

42      Preliminarjament, ir-rikorrenti jressqu numru ta’ argumenti li jikkonċernaw ir-rekwiżiti ta’ prova li l-Kummissjoni għandha fil-kontroll tal-konċentrazzjonijiet u l-intensità tal-kontroll tal-legalità eżerċitat mill-Qorti Ġenerali f’dan il-qasam.

43      Ir-rikorrenti jsostnu li, b’differenza mid-deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 139/2004, il-Kummissjoni ma tgawdi minn ebda setgħa diskrezzjonali meta hija tiddeċiedi skont l-Artikolu 6(1)(b) tal-istess regolament. Il-kontroll tal-legalità li l-Qorti Ġenerali hija msejħa teżerċita għad-deċiżjonijiet meħuda abbażi ta’ din l-aħħar dispożizzjoni ma jikkonċernax il-kwistjoni dwar jekk il-konċentrazzjoni taħt eżami tostakolax b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni fis-suq intern, iżda dik dwar jekk il-konċentrazzjoni tqajjimx oġġettivament dubji serji li jeħtieġu eżami supplimentari. Ir-rikorrenti jqisu li dan it-tip ta’ kontroll għandu jikkorrispondi ma’ dak li teżerċita l-Qorti Ġenerali fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat fid-dawl tad-deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-Kummissjoni tiddeċiedi jekk għandhiex tiftaħ proċedura fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE jew le. Għaldaqstant il-Qorti Ġenerali ma tistax tillimita ruħha sabiex tivverifika jekk il-Kummissjoni wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni. Bil-kontra għandha teżamina jekk il-Kummissjoni setgħetx tikkonkludi, mingħajr dubju raġonevoli, li l-konċentrazzjoni kkontestata ma kinitx toħloq problemi ta’ kompetizzjoni, anki fl-iktar suq speċifiku possibbli.

44      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta dawn l-argumenti.

45      Għandu jitfakkar li, meta l-Kummissjoni tanalizza konċentrazzjoni fis-sens tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 139/2004, hija twettaq fażi preliminari ta’ investigazzjoni sabiex tistabbilixxi jekk il-konċentrazzjoni tqajjimx dubji serji dwar il-kompatibbiltà mas-suq intern skont l-Artikolu 6(1) tal-istess regolament. Jekk hija tikkonkludi li l-konċentrazzjoni li qed tiġi eżaminata tqajjem tali dubji, il-Kummissjoni tiftaħ fażi oħra ta’ investigazzjoni fejn fi tmiemha hija jkollha tiddeċiedi jekk il-konċentrazzjoni tostakolax b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni fis-suq intern fis-sens tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 139/2004.

46      Għalkemm huwa minnu li, b’differenza tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 139/2004, l-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament jirreferi għall-eżistenza jew għall-assenza ta’ dubji serji fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni nnotifikata mas-suq intern, xorta jibqa’ l-fatt li l-Kummissjoni għandha tibbaża ruħha fiż-żewġ każijiet fuq l-istess kriterji ta’ evalwazzjoni, hekk kif inhuma previsti fl-Artikolu 2 tal-istess regolament. Bl-istess mod, bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, ir-rekwiżiti ta’ prova ma humiex ogħla għad-deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 139/2004 minn dawk meħuda skont l-Artikolu 8 tal-istess regolament. Effettivament, il-fatt li l-Kummissjoni tawtorizza, bħal f’dan il-każ, konċentrazzjoni wara li tintemm fażi preliminari jew wara fażi ulterjuri ta’ eżami, ir-rekwiżiti ta’ prova meħtieġa huma identiċi. It-tweġiba għall-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni tistax tiddeċiedi abbażi tal-Artikolu 6 jew skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 139/2004 tiddependi għalhekk fuq id-disponibbiltà tal-provi tul iż-żmien, iżda mhux fuq il-livell tagħhom, hekk kif wara kollox jirriżulta mill-premessa 35 tar-Regolament Nru 139/2004.

47      Fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ prova, mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala (C‑413/06 P, Ġabra p. I‑4951, punti 50 sa 53) jirriżulta li l-Kummissjoni, bħala prinċipju, għandha l-obbligu li tieħu pożizzjoni jew fis-sens tal-awtorizzazzjoni tal-konċentrazzjoni li jkollha quddiemha, jew fis-sens tal-projbizzjoni tagħha, skont l-evalwazzjoni tagħha tal-iżvilupp ekonomiku attribwibbli għall-operazzjoni inkwistjoni bl-ogħla probabbiltà. Għaldaqstant din hija evalwazzjoni ta’ probabbiltajiet, hekk kif issostni l-Kummissjoni, u mhux, bħal ma jsostnu r-rikorrenti, obbligu li għandha l-Kummissjoni li tipprova mingħajr dubju raġonevoli li konċentrazzjoni ma tqajjimx problemi ta’ kompetizzjoni.

48      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar ġustament li r-Regolament Nru 139/2004 ma jistrieħx fuq preżunzjoni ta’ inkompatibbiltà tal-konċentrazzjonijiet mas-suq intern. Is-sistema ta’ kontroll ta’ konċentrazzjonijiet ma tistax għaldaqstant tiġi pparagunata mas-sistema ta’ kontroll stabbilita bl-Artikoli 107 TFUE u 108 TFUE, li tibbaża ruħha fuq sistema t’a projbizzjoni u ta’ derogi.

49      Ċertament, ir-rikorrenti josservaw, ukoll ġustament, li l-Artikolu 6(1)(ċ) tar-Regolament Nru 139/2004 ma jagħti lill-Kummissjoni ebda setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-ftuħ ta’ fażi ulterjuri ta’ investigazzjoni supplimentari meta hija jkollha dubji serji fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni mas-suq intern. Fil-fatt, meta l-Kummissjoni jkollha dubji serji dwar il-kompatibbiltà ta’ konċentrazzjoni mas-suq intern, hija għandha l-obbligu li tiftaħ fażi ulterjuri ta’ investigazzjoni. Madankollu, anki jekk il-kunċett ta’ “dubji serji” huwa ta’ natura oġġettiva, il-Kummissjoni tfakkar ġustament li xorta jibqa’ l-fatt li, qabel ma tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 6(1)(ċ) tar-Regolament Nru 139/2004, hija għandha twettaq evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi u li hija għandha, f’dan ir-rigward, ċerta marġni diskrezzjonali li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑3 ta’ April 2003, Royal Philips Electronics vs Il‑Kummissjoni, T‑119/02, Ġabra p. II‑1433, punt 77).

50      Konsegwentement, sew jekk fir-rigward tad-deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikolu 6 sew għal dawk adottati abbażi tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 139/2004, il-ġurisprudenza tipprovdi livell identiku ta’ kontroll ġudizzjarju. Fiż-żewġ każijiet, bħal ma ssostni l-Kummissjoni, il-kontroll eżerċitat mill-Qorti tal-Unjoni fuq l-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi tal-Kummissjoni għandu jillimita ruħu għall-verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti kif ukoll tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ abbuż ta’ poter. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Unjoni għandha mhux biss tivverifika l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà u l-koerenza tagħhom, iżda wkoll tikkontrolla jekk dawn il-provi jikkostitwixxux it-tagħrif kollu rilevanti li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex tali li jissostanzjaw il-konklużjonijiet li jinsiltu minnhom (ara, għad-deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 139/2004, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑15 ta’ Frar 2005, Il‑Kummissjoni vs Tetra Laval, C‑12/03 P, Ġabra p. I‑987, punt 39, u għad-deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikolu 6 tal-istess Regolament, is-sentenza Sun Chemical Group et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60).

 Fuq l-ewwel motiv, dwar l-effetti orizzontali tal-konċentrazzjoni fis-suq tal-komunikazzjonijiet residenzjali

51      Skont id-deċiżjoni kkontestata, l-attivitajiet ta’ Skype fil-qasam tal-komunikazzjonijiet residenzjali u l-attivitajiet eżerċitati minn Microsoft ma’ WLM jintersekaw. Din l-intersekazzjoni tikkonċerna b’mod partikolari l-komunikazzjonijiet vidjo magħmula minn PC li jaħdem bil-Windows, liema fatt jikkostitwixxi s-suq speċifiku. F’dan is-suq speċifiku, WLM għandha parti mis-suq ta’ bejn 30 % u 40 % u Skype ta’ bejn 40 % u 50 %, b’tali mod li l-konċentrazzjoni tagħti lok għal parti mis-suq magħqud ta’ bejn 80 % u 90 % (premessi 97 sa 102 u 109 tad-deċiżjoni kkontestata).

52      Madankollu l-Kummissjoni qieset li din l-għaqda ma kinitx tqajjem dubji serji fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni mas-suq intern. L-ewwel nett, f’dan ir-rigward, hija qieset li l-partijiet mis-suq ma humiex wisq indikattivi ta’ setgħa kompetittiva f’suq f’espansjoni sħiħa u li, sa fejn is-servizzi ta’ komunikazzjonijiet vidjo huma offruti b’xejn, kull tentattiv ta’ impożizzjoni ta’ prezz iħajjar lill-konsumaturi jbiddlu l-fornitur. L-istess jiġri jekk l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni kellha twaqqaf l-innovazzjoni, ġaladarba l-konsumaturi jagħtu importanza kbira lill-innovazzjoni tal-prodotti. It-tieni nett, l-entità l-ġdida tbati mill-pressjoni kompetittiva kemm min-naħa ta’ kompetituri ġodda li jipproponu prodotti innovattivi kif ukoll minn bosta operaturi eżistenti, fosthom b’mod partikolari Google u Facebook. It-tielet nett, id-domanda għall-komunikazzjonijiet vidjo offerti minn WLM jinsab f’deklin avvanzat. Barra minn hekk, il-preżenza ta’ WLM fis-suq tat-tablets u tal-ismartphones hija limitata ħafna, filwaqt li dawn huma pjattaformi ta’ użu li jinsabu f’espansjoni sħiħa. Ir-raba’ nett, l-effetti ta’ netwerk, li tista’ tagħti lok il-konċentrazzjoni, jitnaqqsu minħabba l-fatt li l-utenti għandhom it-tendenza jikkomunikaw fi gruppi ristretti żgħar u jużaw varjetà ta’ operaturi. Dawn il-fatturi juru l-faċilità li biha l-gruppi ta’ utenti jaqilbu lejn servizzi oħra ta’ komunikazzjonijiet.

53      Ir-rikorrenti jqisu li, għalkemm il-Kummissjoni kienet applikat korrettament il-Linji gwida fuq l-istima jew kalkolu tal-għaqdiet orizzontali taħt ir-Regolament tal-Kunsill dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-intrapriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 10, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida dwar il-konċentrazzjonijiet orizzontali”) u rrispettat il-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha, hija jmissha eżaminat ukoll l-effetti antikompetittivi tal-konċentrazzjoni. Huma jqisu li l-Kummissjoni jmissha eżaminat jekk dawn il-problemi setgħux jiġu solvuti permezz tal-impożizzjoni ta’ kundizzjonijiet intiżi sabiex jiżguraw l-interoperabbiltà bejn is-servizzi ta’ komunikazzjonijiet offerti mill-entità l-ġdida u dawk offerti minn fornituri kompetituri. Billi approvat it-tranżazzjoni fl-ewwel fażi mingħajr ma rrikjediet impenji f’dan is-sens, jidher li l-Kummissjoni wettqet numru ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni billi naqset milli tqajjem dubji serji fir-rigward tat-tranżazzjoni inkwistjoni.

54      Insostenn ta’ dan l-ewwel motiv, ir-rikorrenti essenzjalment isostnu tliet ilmenti.

55      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jakkużaw lill-Kummissjoni talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-effetti ta’ netwerk fis-swieq tal-komunikazzjonijiet residenzjali, b’mod partikolari dawk li jirriżultaw f’dan is-suq speċifiku. Skont ir-rikorrenti, l-analiżi tal-effetti ta’ netwerk mill-Kummissjoni tmur kontra l-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha u jidher li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha billi ma spjegatx ir-raġunijiet għalfejn hija ma segwietx din il-prassi.

56      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jippreċiżaw li l-għaqda ta’ parti mis-suq għolja ħafna u ta’ livell ta’ konċentrazzjoni ta’ 7 340 skont l-indiċi ta’ Herfindahl‑Hirschmann (iktar ’il quddiem l‑“IHH”) kienet tikkostitwixxi, mill-inqas, indikazzjoni qawwija tal-eżistenza ta’ problemi ta’ kompetizzjoni li jiġġustifikaw il-ftuħ ta’ investigazzjoni kumplimentari, fejn l-argumenti esposti fid-deċiżjoni kkontestata ma jaffettwawx il-valur probatorju ta’ dawn iż-żewġ elementi. Fl-aħħar nett, id-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi ebda prova tal-possibbiltà għall-konsumaturi li jbiddlu fornitur kieku l-entità l-ġdida kellha tieqaf mill-innovazzjoni jew milli tiżgura interoperabbiltà ma’ servizzi kompetituri.

57      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni evalwat b’mod żbaljat il-pressjonijiet kompetittivi li għalihom hija suġġetta l-entità l-ġdida.

58      Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jqisu li l-argumenti tar-rikorrenti ma humiex fondati.

59      Mill-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 130/2004 jirriżulta li huma biss il-konċentrazzjonijiet li jostakolaw b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva fis-suq intern jew parti sostanzjali tiegħu, b’mod partikolari minħabba l-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti, li għandhom jiġu ddikjarati inkompatibbli mas-suq intern.

60      Fir-rigward tal-konċentrazzjonijiet orizzontali, il-Linji gwida dwar il-konċentrazzjonijiet orizzontali jiddeskrivu l-kriterji li l-Kummissjoni għandha l-intenzjoni tapplika sabiex tiddetermina jekk konċentrazzjoni tissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ projbizzjoni previsti fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 139/2004. Mill-punt 22 ta’ dawn il-linji gwida jirriżulta li dawn il-kundizzjonijiet jistgħu jiġu sodisfatti b’mod partikolari meta konċentrazzjoni twassal għat-tneħħija ta’ pressjonijiet kompetittivi importanti fuq il-partijiet fil-konċentrazzjoni, fejn b’hekk is-setgħa tagħhom fis-suq tikber, mingħajr ma jirrikorru għal koordinazzjoni tal-aġiri tagħhom.

61      Skont il-punt 8 tal-Linji gwida dwar il-konċentrazzjonijiet orizzontali, il-fatt li impriża jew numru ta’ impriżi jkollhom żieda fis-setgħa tagħhom fis-suq jista’ jikkawża danni fuq il-kompetizzjoni, jekk din is-setgħa tippermetti lill-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni tipproċedi, billi tagħmel profitt, għal żidiet fil-prezzijiet, tnaqqis fil-produzzjoni, limitazzjonijiet fl-għażla jew tnaqqis fil-kwalità tal-beni u tas-servizzi proposti kif ukoll tnaqqis fl-innovazzjoni jew, ulterjorment, jekk din is-setgħa tippermettilhom jinfluwenzaw fatturi oħra ta’ kompetizzjoni.

62      Skont il-ġurisprudenza, l-oneru li jiġi pprovat li konċentrazzjoni tipproduċi tali danni fuq il-kompetizzjoni jaqa’ fuq il-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑21 ta’ Settembru 2005, EDP vs Il‑Kummissjoni, T‑87/05, Ġabra p. II‑3745, punt 61). Għandu jitfakkar ukoll li, meta l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq aġir futur li, skont hi, jiġi adottat minn entità li tkun ingħaqdet wara konċentrazzjoni, hija għandha l-obbligu li tistabbilixxi, abbażi ta’ provi solidi u b’livell ta’ probabbiltà suffiċjenti, li dan l-aġir verament ser jipproduċi ruħu (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑14 ta’ Diċembru 2005, General Electric vs Il‑Kummissjoni, T‑210/01, Ġabra p. II‑5575, punt 464).

63      Sa fejn il-Kummissjoni hija għalhekk imsejħa twettaq analiżi prospettiva li teħtieġ it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ bosta fatturi ekonomiċi, hija għandha marġni ta’ diskrezzjoni li l-Qorti Ġenerali għandha tieħu inkunsiderazzjoni fl-eżerċizzju tal-kontroll tagħha. Madankollu dan ma jfissirx li l-Qorti Ġenerali għandha tibqa’ lura milli tikkontrolla l-interpretazzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ tagħrif ta’ natura ekonomika, hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 50 iktar ’il fuq.

64      Huwa fir-rigward ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li jeħtieġ li jiġu eżaminati l-argumenti mressqa mir-rikorrenti insostenn tal-ewwel motiv tagħhom. Madankollu dan l-eżami għandu jsir f’ordni differenti minn dak li fih ir-rikorrenti ressqu l-argumenti tagħhom. Fil-fatt, qabel kollox għandhom jiġu eżaminati l-argumenti dwar il-parti mis-suq, sabiex sussegwentement jiġu evalwati dawk misluta mill-effetti ta’ netwerk. Fl-aħħar nett, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti li jikkonċernaw id-dannu li l-konċentrazzjoni kkontestata tista’ tikkawża lill-kompetizzjoni.

–       Fuq il-parti mis-suq

65      Fir-rigward tal-parti mis-suq għolja ħafna fis-suq speċifiku, mill-punt 17 tal-Linji gwida dwar il-konċentrazzjonijiet orizzontali kif ukoll mill-ġurisprudenza li għaliha jirreferi l-imsemmi punt jirriżulta li partijiet mis-suq ta’ 50 % u ogħla jistgħu jikkostitwixxu provi serji tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti. Madankollu għandu jiġi ppreċiżat li l-partijiet mis-suq jistgħu jintużaw biss bħala ħjiel ta’ problemi kompetittivi, sa fejn is-suq li għalih jirreferu dawn il-partijiet ikun ġie ddefinit minn qabel. L-istess jgħid għall‑IHH li għalih ir-rikorrenti jirreferu wkoll.

66      Issa, f’dan il-każ, il-Kummissjoni llimitat ruħha sabiex tagħmel differenza bejn il-komunikazzjonijiet residenzjali u l-komunikazzjonijiet professjonali (ara l-punt 7 iktar ’il fuq). Min-naħa l-oħra, hija ma adottatx pożizzjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk kienx meħtieġ li jiġi identifikat, fi ħdan il-kategorija tal-komunikazzjonijiet residenzjali, l-eżistenza ta’ swieq ta’ referenza iktar ristretti skont il-funzjonalitajiet, tal-pjattaformi tagħhom jew tas-sistemi operattivi ta’ dawn il-komunikazzjonijiet, peress li hija qieset li l-konċentrazzjoni nnotifikata ma kinitx tqajjem problemi kompetittivi anki fl-iktar swieq speċifiċi. Il-Kummissjoni kkonstatat b’mod partikolari li, anki billi bbażat ruħha fuq is-suq speċifiku, l-entità l-ġdida tibqa’ suġġetta għal pressjonijiet kompetittivi importanti.

67      Għaldaqstant ir-rikorrenti jibbażaw l-ilment tagħhom dwar setgħa fis-suq tal-entità l-ġdida fis-suq speċifiku fuq premessa ineżatta, inkwantu l-Kummissjoni ma ddefinixxietx l-eżistenza ta’ suq speċifiku ta’ komunikazzjonijiet vidjo residenzjali minn PC li jaħdem bil-Windows. Għaldaqstant il-Kummissjoni ma stabbilixxietx fid-deċiżjoni kkontestata li l-operaturi preżenti fis-suq speċifiku setgħu jaġixxu indipendentement mill-pressjoni kompetittiva li tkun ġejja minn mezzi oħra ta’ komunikazzjoni residenzjali, bħas-servizzi offerti minn pjattaformi oħra jew sistemi operattivi oħra. Barra minn hekk, ir-rikorrenti nnifishom ma pproduċew ebda prova jew studju li jippermettu li jiġi konkluż li jeżisti tali suq speċifiku. Huma llimitaw ruħhom, min-naħa l-oħra, sabiex jikkritikaw l-elementi li d-deċiżjoni kkontestata kienet esponiet sabiex tirrelativizza l-importanza tal-partijiet mis-suq (ara l-punt 56 iktar ’il fuq). Barra minn hekk din il-kritika ma hijiex fondata.

68      L-ewwel nett, fir-rigward tal-ammonti dwar l-użu ta’ WLM, jeħtieġ sempliċement li jiġi osservat li l-ammonti msemmija fid-deċiżjoni kkontestata juru fluttwazzjoni importanti tal-parti mis-suq ta’ WLM f’medda ta’ żmien relattivament limitata ta’ seba’ xhur. Indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk it-telf ta’ partijiet mis-suq ibbenefikax lil Skype jew lil fornituri oħra ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet vidjo, xorta jibqa’ l-fatt li dawn l-ammonti juru instabbiltà tal-partijiet mis-suq fuq is-suq speċifiku, li l-Kummissjoni kkonstatat għas-sempliċi finijiet tal-analiżi tagħha.

69      Barra minn hekk, u fuq kollox, hekk kif inhu enfasizzat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata u fir-risposta kif ukoll mill-intervenjenti, is-settur tal-komunikazzjonijiet residenzjali huwa settur reċenti f’espansjoni sħiħa li jikkaratterizza ruħu b’ċikli ta’ innovazzjoni qosra u li fihom partijiet kbar mis-suq jistgħu jirriżultaw effimeri. F’tali kuntest dinamiku, il-partijiet mis-suq elevati ma humiex neċessarjament indikattivi ta’ setgħa fis-suq u, għalhekk, tal-preġudizzju fit-tul fuq il-kompetizzjoni li r-Regolament Nru 139/2004 jipprova jipprevjeni.

70      It-tieni nett, minkejja li l-PCs jibqgħu l-iżjed pjattaforma li tintuża għall-komunikazzjonijiet vidjo residenzjali, parti sostanzjali u dejjem tikber tad-domanda ġdida għal dawn is-servizzi tiġi min-naħa tal-utenti tat-tablets u tal-ismartphones, fejn il-bejgħ ta’ dawn l-apparati qabeż dak tal-PCs fil-punent tal-Ewropa skont il-premessa 32 tad-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jsostnu ġustament l-importanza ta’ dan it-tkabbir, liema fatt ir-rikorrenti ma jikkontestawx, peress li kull tentattiv min-naħa tal-entità l-ġdida li teżerċita xi tip ta’ setgħa fis-suq speċifiku jista’ jsaħħaħ din it-tendenza b’detriment tal-entità l-ġdida. Fil-fatt, l-entità l-ġdida hija inqas preżenti fuq dawn il-pjattaformi l-oħra u għandha tiffaċċja kompetizzjoni qawwija tal-operaturi l-oħra, b’mod partikolari Apple u Google.

71      It-tielet nett, l-intervenjenti tosserva wkoll ġustament li l-użu dejjem iktar frekwenti ta’ tablets u ta’ smartphones għall-komunikazzjonijiet vidjo jimplika li numru jikber ta’ utenti jistenna li dawn il-komunikazzjonijiet ikunu jistgħu jseħħu mit-tipi kollha ta’ pjattaformi. Il-preżenza dgħajfa ta’ WLM fuq it-tablets u l-ismartphones ma jippermettilhiex li tissodisfa din id-domanda ġdida u tnaqqas, għalhekk, l-attraenza kummerċjali tagħha. Għaldaqstant il-Kummissjoni ġustament irreferiet għal din il-preżenza limitata sabiex tirrelativizza l-importanza tal-partijiet mis-suq elevati kkonstatati fis-suq speċjalizzat li hija kkunsidrat bħala punt tat-tluq tal-analiżi kompetittiva tagħha fid-deċiżjoni kkontestata.

72      Ir-raba’ nett, l-argument tar-rikorrenti li Facebook ma hijiex kompetitur effettiv tal-entità li tirriżulta minn konċentrazzjoni ma jistax jiġi milqugħ. Fil-fatt, is-sempliċi punt li huma jipproduċu insostenn ta’ dan l-argument huwa l-fatt li Facebook għandha liċenzja u hija alleata strateġika ta’ Skype, li ma tistax tuża s-softwer ta’ Skype sabiex toffri servizzi b’kompetizzjoni mas-servizzi bi ħlas ta’ Skype, imsemmija SkypeOut, li jippermettu b’mod partikolari li wieħed iċempel numri tat-telefon fissi jew ċellulari u li jsiru komunikazzjonijiet vidjo li jinvolvu iktar minn żewġ persuni. Madankollu huma ma jsostnux li dan il-ftehim jipprekludi lil Facebook milli toffri servizzi ta’ komunikazzjonijiet vidjo lil konsumaturi li jiddeċiedu jabbandunaw l-entità l-ġdida, li kieku din kellha tiddeċiedi li teżerċita xi tip ta’ setgħa fis-suq. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni u l-intervenjenti jsostnu ġustament li l-użu ta’ l-istess teknoloġija minn żewġ impriżi ma jaffettwax neċessarjament ir-relazzjonijiet kompetittivi tagħhom.

73      Il-ħames nett, bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, in-natura gratwita tas-servizzi hija fattur rilevanti għall-evalwazzjoni tas-setgħa fis-suq tal-entità l-ġdida. Fil-fatt, sa fejn l-utenti jistennew li jirċievu s-servizzi ta’ komunikazzjonijiet residenzjali b’xejn, il-possibbiltà għall-entità l-ġdida li tiddetermina liberament il-politika ta’ prezzijiet tagħha hija kunsiderevolment ristretta. Il-Kummissjoni tosserva, ġustament, li kull tentattiv sabiex l-utenti jħallsu joħloq ir-riskju li titnaqqas l-attraenza ta’ dawn is-servizzi u li tressaq lill-utenti lejn fornituri oħra li jkomplu joffru s-servizzi tagħhom b’xejn. Bl-istess mod, kieku l-entità l-ġdida kellha tiddeċiedi li ma tkomplix bl-innovazzjoni fir-rigward tas-servizzi tagħha ta’ komunikazzjonijiet, hija tirriskja wkoll li tnaqqas l-attraenza tagħhom fid-dawl tal-livell ta’ innovazzjoni fis-suq inkwistjoni. F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li ma jeżistux restrizzjonijiet tekniċi jew ekonomiċi li jipprekludu lill-utenti milli jbiddlu fornituri (ara l-punt 79 iktar ’il fuq).

74      Għalhekk il-partijiet mis-suq u l-livell ta’ konċentrazzjoni għolja ħafna fis-suq speċifiku, li l-Kummissjoni sempliċement ikkunsidrat bħala ipoteżi ta’ ħidma, ma humiex indikattivi ta’ setgħa fis-suq li tippermetti lill-entità l-ġdida milli tostakola b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva fis-suq intern.

–       Fuq l-effett ta’ netwerk

75      Fir-rigward tal-effetti ta’ netwerk li jirriżultaw mill-konċentrazzjoni inkwistjoni u li jostakolaw l-aċċess għas-suq, ir-rikorrenti jsostnu li l-effetti ta’ netwerk jipproduċu ruħhom fis-swieq kollha tal-komunikazzjonijiet residenzjali. Madankollu huma speċifikaw fis-seduta li dawn l-effetti ta’ netwerk isaħħu ulterjorment il-pożizzjoni dominanti tal-entità fis-suq speċifiku.

76      Qabel kollox għandu jiġi osservat li l-eżistenza ta’ effetti ta’ netwerk ma jiksbux neċessarjament vantaġġ kompetittiv lill-entità l-ġdida. Fil-fatt, fl-oqsma tas-suq tal-komunikazzjonijiet residenzjali minbarra dawk tal-komunikazzjonijiet vidjo minn PC li jaħdem bil-Windows, l-operaturi kompetituri għandhom partijiet mis-suq importanti biżżejjed biex jikkostitwixxu netwerks oħra. B’hekk mill-premessi 103 sa 105 tad-deċiżjoni kkontestata, li fir-rigward tagħha r-rikorrenti ma jikkontestawx il-portata, jirriżulta li, in-netwerk ta’ utenti ta’ messaġġi instantanji ta’ Facebook hija iktar importanti minn dik tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni. Bl-istess mod, mill-premessi 106 sa 108 tad-deċiżjoni kkontestata, li fir-rigward tagħha r-rikorrenti lanqas ma jikkontestaw il-portata, jirriżulta li, fil-qasam tat-telefonija vokali, il-konċentrazzjoni ma kellhiex tbiddel is-sitwazzjoni eżistenti, inkwantu l-parti mis-suq ta’ WLM hija dgħajfa ħafna.

77      Fir-rigward tal-effetti ta’ netwerk fis-suq speċifiku biss, ir-rikorrenti mkien ma sostnew, u lanqas urew, li l-livell ta’ użu tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet vidjo permezz ta’ PC li jaħdem bil-Windows offerti minn WLM u Skype jiżdiedu minħabba l-konċentrazzjoni. Fil-fatt, ir-rikorrenti jikkritikaw l-analiżi mill-Kummissjoni tal-effetti ta’ netwerk, iżda ma jipproduċux provi li jindikaw kif tali effetti jkollhom inċidenza fuq il-kompetizzjoni fis-suq speċifiku (ara l-punt 55 iktar ’il fuq).

78      Fi kwalunkwe każ, l-ilment ibbażat fuq l-effetti ta’ netwerk ma huwiex fondat.

79      L-ewwel nett, bil-kontra għas-sitwazzjonijiet li fuqhom kienu bbażati d-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni li huma invokati mir-rikorrenti, u hekk kif ġie indikat mill-intervenjenti, ma jeżistux ostakli tekniċi jew ekonomiċi li jipprekludu lill-utenti milli jniżżlu numru ta’ applikazzjonijiet ta’ komunikazzjonijiet fuq il-pjattaformi informatiċi tagħhom, u dan wisq iżjed ġaladarba dan huwa softwer b’xejn li jitniżżel faċilment u li jokkupa ftit spazju fil-ħardisks tagħhom.

80      It-tieni nett, l-argument tar-rikorrenti li ċ-ċaqliq tal-konsumaturi lejn fornituri alternattivi hija kkomplikata, minħabba l-appartenenza tagħhom għal numru ta’ gruppi żgħar interkonnessi, jistrieħ fuq il-preżunzjoni żbaljata li ċ-ċaqliq kellu jinvolvi lill-gruppi kollha f’operazzjoni waħda biss. Issa, il-Kummissjoni u l-intervenjenti josservaw ġustament li ma jeżisti ebda ostakolu ekonomiku jew tekniku sabiex iċ-ċaqliq isir bi gruppi żgħar u dan bil-għan li l-utenti jkomplu jużaw numru ta’ softwer ta’ komunikazzjonijiet fl-istess waqt.

81      Bil-kontra tal-affermazzjonijiet mhux issostanzjati tar-rikorrenti, il-Kummissjoni ressqet, fid-deċiżjoni kkontestata, indikazzjonijiet konkreti dwar l-eżistenza ta’ tali fenomenu ta’ hosting multiplu. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma rreferietx biss għal tali koeżistenza bejn WLM u Skype qabel il-konċentrazzjoni. Ir-rapport iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 52 tad-deċiżjoni kkontestata ssemmi numru ta’ eżempji oħra ta’ użu multiplu li jinvolvi Skype u fornituri alternattivi oħra bħal Yahoo!, AIM u Gmail. Barra minn hekk, il-premessa 93 tad-deċiżjoni appellata, li fir-rigward tagħha r-rikorrenti ma jikkontestawx il-portata, tindika l-wasla reċenti ta’ kompetituri bħal Facebook, Viber, Fring u Tango, liema fatt juri li l-effetti ta’ netwerk, fi kwalunkwe każ, ma jipprekludux l-aċċess għas-suq.

82      It-tielet nett, ir-rikorrenti lanqas ma jikkontestaw il-konstatazzjoni magħmula fil‑premessi 73 sa 74 tad-deċiżjoni kkontestata li ż-żieda fid-domanda għas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet vidjo għall-pubbliku inġenerali għandu jikkonċerna fil-parti l-kbira l-pjattaformi l-oħra minbarra l-PC, bħat-tablets u l-ismartphones. Filwaqt li l-attraenza ta’ softwer ta’ komunikazzjoni għandha tiżdied skont in-numru ta’ utenti, effetti ta’ netwerk jistgħu jkunu sinjifikattivi biss jekk dan is-softwer jippermetti li jiġu kkuntattjati wkoll il-konsumaturi li jużaw dawn il-pjattaformi l-oħra għall-komunikazzjonijiet vidjo tagħhom. Issa, f’dan il-każ, il-preżenza ta’ WLM fi pjattaformi oħra minbarra l-PC li jaħdmu permezz tal-Windows ma hijiex sinjifikattiva, b’tali mod li l-konċentrazzjoni ma tbiddilx is-sitwazzjoni kompetittiva.

83      Ir-raba’ nett, fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet ta’ natura kummerċjali tad-diriġenti tal-partijiet fil-konċentrazzjoni li l-valur ta’ Skype jikber bin-numru ta’ utenti tagħha, għandu jiġi speċifikat li l-Kummissjoni ma tikkontestax l-eżistenza ta’ effetti ta’ netwerk. Fil-fatt, skont il‑premessi 91 sa 94 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tqis biss li dawn l-effetti ta’ netwerk ma joħolqux barrieri għad-dħul. Barra minn hekk, l-imsemmija dikjarazzjonijiet jikkonfermaw pjuttost li huma ma jinvalidawx il-pożizzjoni difiża mill-Kummissjoni. Fil-fatt, dawn id-dikjarazzjonijiet jistgħu jiġu interpretati bħala li jirriflettu r-rieda tal-intervenjenti li tidħol, permezz ta’ l-akkwiżizzjoni ta’ Skype, fil-pjattaformi li WLM ma ppermettitilhiex li tikseb.

84      B’hekk l-ilment ibbażat fuq l-effetti ta’ netwerk u tal-barrieri għad-dħul li jirriżultaw minn dawn ma huwiex fondat.

–       Fuq id-dannu lill-kompetizzjoni

85      Minkejja li l-konċentrazzjoni żżid is-setgħa fis-suq tal-intervenjenti, ir-rikorrenti ma jipprovdu ebda indikazzjoni rilevanti fir-rigward tal-mod li bih din l-allegata setgħa fis-suq tippermetti lill-entità l-ġdida tikkawża dannu sinjifikattiv lill-kompetizzjoni.

86      L-ewwel nett, fir-rigward tal-prezzijiet, ir-rikorrenti ma jikkontestawx il-fatt li s-servizzi ta’ komunikazzjonijiet vidjo huma offerti b’xejn lill-utenti, iżda jsostnu li ż-żidiet fil-prezzijiet jistgħu jikkonċernaw is-servizzi ta’ Skype lejn netwerks oħra, id-dħul minn reklami kif ukoll id-dħul minn swieq konnessi. Ir-rikorrenti sostnew ukoll waqt is-seduta li Skype tista’ tipprova titlob flus għal ċerti servizzi li attwalment huma offruti b’xejn.

87      Dawn l-argumenti ma jistgħux jintlaqgħu.

88      Qabelxejn, is-servizzi bi ħlas ta’ Skype, b’mod partikolari s-servizzi SkypeOut, jikkonċernaw il-komunikazzjonijiet vidjo biss b’mod limitat ħafna. Fil-fatt, perċentwali minima tad-dħul minn SkypeOut jirriżulta mill-komunikazzjonijiet vidjo fi grupp, liema fatt jimplika iktar minn żewġ utenti fl-istess waqt. Barra minn hekk, kif ġie diġà enfasizzat mill-Kummissjoni, ebda operatur attwalment ma talab flus għas-servizzi tiegħu għal komunikazzjonijiet vidjo bejn żewġ parteċipanti. Il-konsumaturi jistennew li dawn is-servizzi jiġu offerti b’xejn. Issa, ir-rikorrenti ma pprovawx kif il-konċentrazzjoni tista’ tippermetti lil Skype tbiddel dawn il-kundizzjonijiet tas-suq, mingħajr ma l-konsumaturi jibdlu operatur.

89      Ir-rikorrenti naqsu wkoll milli jispjegaw kif setgħa eventwali fis-suq speċifiku tal-komunikazzjonijiet vidjo fuq PC li jaħdem bil-Windows tippermetti l-impożizzjoni ta’ żieda fil-prezzijiet għal servizzi ta’ komunikazzjonijiet differenti. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jeskludu totalment ir-restrizzjonijiet kompetittivi pprattikati mill-operaturi ta’ telefonija tradizzjonali u mill-fornituri ta’ telefonija vokali online minbarra Skype, fl-ipoteżi fejn l-entità l-ġdida tipprova żżid il-prezzijiet tal-komunikazzjonijiet vokali SkypeOut.

90      Sussegwentement, ir-rikorrenti lanqas ma jispjegaw kif l-entità l-ġdida hija kapaċi timponi żieda fil-prezzijiet fuq min jirreklama. Huma ma sostnewx u lanqas ma pprovaw li kien jeżisti suq tar-reklamar intiż speċifikament għas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet vidjo residenzjali minn PC li jaħdem bil-Windows. Issa, fin-nuqqas ta’ tali suq, min jirreklama jista’ faċilment jevita kull tip ta’ żieda billi jiffoka mill-ġdid l-ispejjeż pubbliċitarji tiegħu lejn mezzi oħra tax-xandir, sew fuq l-Internet kif ukoll lejn mezzi oħra.

91      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti lanqas ma jipprovdu informazzjoni dwar il-possibbiltà għall-entità l-ġdida li timponi żieda fil-prezzijiet fi swieq konnessi, bħas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet għal impriżi. Huma jillimitaw ruħhom biex jirreferu għat-tieni motiv tagħhom, li għandu jiġi eżaminat iktar ’il quddiem.

92      It-tieni nett, l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti fir-rigward tal-effett tal-konċentrazzjoni fuq il-kwalità u l-innovazzjoni tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet vidjo huma ulterjorment iktar astratti, inkwantu ma jqiegħdux inkwistjoni l-konstatazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fil-premessi 81 sa 84 tad-deċiżjoni kkontestata li s-servizzi ta’ komunikazzjonijiet għall-pubbliku inġenerali jiddependu mill-innovazzjoni. Kull tentattiv tal-entità l-ġdida li tiddegrada l-kwalità tas-servizzi tagħha fis-suq speċifiku, sempliċement jaċċellera t-telf ta’ importanza relattiva li minnha jbatu s-servizzi ta’ komunikazzjonijiet vidjo minn PC li jaħdem bil-Windows (ara l-punt 70 iktar ’il fuq).

93      It-tielet nett, ir-rikorrenti ma jistgħux jimlew in-nuqqasijiet tal-opinjonijiet tagħhom dwar id-dannu kompetittiv kkawżat mill-konċentrazzjoni kkontestata b’riferiment għall-prezz ta’ xiri ta’ USD 8.5 biljun. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni ġustament li, ġaladarba n-numru elevat ta’ mudelli kummerċjali possibbli u l-assenza ta’ tagħrif dwar is-suq affidabbli li jikkonċerna l-implementazzjoni tagħhom fi swieq ġodda, l-evalwazzjoni ta’ konċentrazzjoni ma jistax ikollha l-funzjoni li tbassar il-mudell li fil-prattika jrendi vijabbli t-telefonija vidjo u għaldaqstant isir vijabbli fil-futur. Fil-fatt, is-setgħat li r-Regolament Nru 139/2004 jagħti lill-Kummissjoni jillimitaw ruħhom għall-verifika tal-ostakli sinjifikattivi għall-kompetizzjoni li jistgħu jirriżultaw minn konċentrazzjoni. Madankollu dawn is-setgħat ma jippermettulux jispekula dwar il-livell tal-prezz ta’ akkwiżizzjoni jew li jissostitwixxi l-fehma tiegħu dwar il-valur ta’ tranżazzjoni ma’ dak tal-partijiet ikkonċernati, speċjalment minħabba l-fatt li r-raġunijiet wara dan kollu ma jirriżultawx dejjem minn razzjonalità purament ekonomika.

94      Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti ma pprovawx kif il-konċentrazzjoni setgħet tikkawża dannu fuq il-kompetizzjoni fis-suq tal-komunikazzjonijiet residenzjali.

95      Konsegwentement, ir-rikorrenti ma pprovawx li l-Kummissjoni kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi qieset li l-konċentrazzjoni ma kinitx tqajjem dubji serji fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern li jikkonċerna s-servizzi ta’ komunikazzjonijiet residenzjali.

96      Barra minn hekk, sa fejn ir-rikorrenti jilmentaw li l-Kummissjoni ma spjegatx ir-raġunijiet li wassluha ma ssegwix il-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha, jeħtieġ sempliċement li jitfakkar li, b’differenza tad-deċiżjonijiet preċedenti, il-każ inkwistjoni ma jikkaratterizzax ruħu bil-preżenza ta’ restrizzjonijiet tekniċi jew ekonomiċi li jipprekludu lill-utenti jniżżlu numru ta’ softwer ta’ komunikazzjonijiet f’daqqa (ara l-punt 79 iktar ’il fuq). Għaldaqstant din ma hijiex kwistjoni ta’ bidla kwalunkwe fil-politika li l-Kummissjoni jmissha mmotivat fid-deċiżjoni kkontestata. L-argument dwar il-ksur tal-Artikolu 296 TFUE, li r-rikorrenti jagħmlu insostenn tal-ewwel motiv tagħhom, għandu għaldaqstant jiġi miċħud.

97      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li l-ewwel motiv jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq it-tieni motiv, dwar l-effetti ta’ konglomerat tal-konċentrazzjoni fis-suq tal-komunikazzjonijiet professjonali

98      Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li terzi esprimew, waqt il-proċedura amministrattiva, il-biża’ li l-konċentrazzjoni tipproduċi effetti ta’ konglomerat fis-suq tal-komunikazzjonijiet professjonali. Wieħed mill-effetti kkritikati jikkonċerna l-ħolqien mill-entità l-ġdida ta’ rabta privileġġata bejn il-bażi tal-utenti ta’ Skype u l-prodott Lync ta’ Microsoft. Din l-integrazzjoni preferenzjali jikseb lill-entità l-ġdida vantaġġ kompetittiv mal-utenti professjonisti, b’mod partikolari dawk li joperaw call centres.

99      Il-Kummissjoni qieset fid-deċiżjoni kkontestata li din il-biża’ ma kinitx ġustifikata. Qabel kollox, l-entità l-ġdida ma għandhiex il-kapaċità li ssegwi tali strateġija, peress li Skype ma hijiex prodott adattat għall-bżonnijiet tal-impriżi li joperaw call centres. Sussegwentement, din l-entità lanqas ma hija inċentivata tipprekludi lil impriżi li jużaw servizzi oħra ta’ komunikazzjonijiet professjonali milli jikkuntattjaw l-utenti ta’ Skype. Dawn l-impriżi jżommu l-possibbiltà li jniżżlu b’xejn l-applikazzjoni Skype. Barra minn hekk, Skype ma hijiex prodott indispensabbli għall-operaturi ta’ call centres, peress li jeżistu ħafna soluzzjonijiet oħra li jippermettu li ssir komunikazzjoni mal-konsumaturi. Fl-aħħar nett, ma huwiex probabbli li jirriżultaw effetti antikompetittivi fit-tliet snin li ġejjin, inkwantu Lync tiffaċċja l-kompetizzjoni tal-atturi kbar oħra fis-suq, bħal Cisco u IBM.

100    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-istrateġija ta’ esklużjoni li l-entità l-ġdida tista’ ssegwi fis-suq tal-komunikazzjonijiet professjonali billi toħloq interoperabbiltà esklużiva jew preferenzjali bejn il-prodotti Lync u l-bażi wiesgħa ta’ klijenti ta’ Skype. Din l-istrateġija tippermetti lill-entità l-ġdida li tqiegħed lil Lync bħala l-uniku prodott li jista’ jissodisfa domanda tikber min-naħa tal-utenti professjonisti kbar li jixtiequ jkunu jistgħu jinteraġixxu mal-klijenti tagħhom u ma’ kuntatti professjonisti oħra. F’dan is-sens, l-entità l-ġdida tista’, fid-dawl tal-prattiki ta’ esklużjoni preċedenti ta’ Microsoft, issostni l-pożizzjoni tagħha ta’ setgħa fi swieq konnessi ma’ dak tal-komunikazzjonijiet professjonali kif ukoll tintegra l-offerta ta’ Lync ma prodotti oħra ta’ Microsoft. Billi ma eżaminatx din l-istrateġija bl-iktar dettall u billi marret kontra din id-domanda tikber, il-Kummissjoni mmotivat b’mod żbaljat id-deċiżjoni tagħha u wettqet numru ta’ żbalji fl-evalwazzjoni tar-rabta li teżisti bejn is-suq residenzjali u s-suq professjonist, li fuqu Skype hija barra minn hekk effettivament preżenti.

101    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jikkontestaw il-fatt li l-entità l-ġdida ma għandhiex il-kapaċità tagħlaq is-suq. Il-kwistjoni rilevanti ma hijiex dik dwar jekk Skype hijiex prodott għall-call centres, iżda dik intiża sabiex tiġi identifikata l-kapaċità tal-entità l-ġdida li tbiddel il-livell ta’ interoperabbiltà favur is-servizzi u prodotti tagħha stess. Issa, fil-premessa 143 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li dan kien il-każ.

102    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni kienet ukoll żbaljata fir-rigward tal-inċentivi tal-entità l-ġdida li tagħlaq is-suq. Il-Kummissjoni bbażat l-analiżi tagħha ta’ dawn l-inċentivi fuq premessi żbaljati. Dan ma huwiex każ ta’ konstatazzjoni dwar jekk Skype hijiex prodott indispensabbli, iżda jekk l-integrazzjoni ta’ Skype u ta’ Lync tagħmilx lil din tal-aħħar prodott indispensabbli biex tiġbed lejha l-bażi ta’ utenti enormi ta’ Skype u, għaldaqstant, prodott indispensabbli biex jiġu sodisfatti l-aspettattivi tal-utenti ta’ komunikazzjonijiet professjonali li jixtiequ jkunu jistgħu jikkomunikaw mal-utenti ta’ Skype. Fin-nuqqas ta’ interoperabbiltà ma’ Skype, il-kompetituri ta’ Lync ma jkollhomx possibbiltajiet oħra reali. B’hekk, il-fatt li Skype tibqa’ disponibbli b’xejn bħala applikazzjoni li tista’ titniżżel ma jweġibx għat-tħassib ikkawżat minn interoperabbiltà preferenzjali bejn Skype u Lync. Barra minn hekk, il-Kummissjoni nnifisha kkonstatat, fil-kuntest ta’ kawżi oħra li jinvolvu lill-intervenjenti, li l-utenti ġeneralment jibqgħu lura milli jniżżlu numru ta’ applikazzjonijiet ta’ softwer għall-istess funzjoni. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma tat ebda attenzjoni għar-raġunijiet li wasslu lill-intervenjenti toffri USD 8.5 biljun għall-akkwiżizzjoni ta’ Skype u li jikkonċernaw preċiżament ir-rabta privileġġata bejn Skype u Lync, fejn injorat b’mod partikolari d-dikjarazzjonijiet ta’ ċerti rappreżentanti tal-intervenjenti. Din l-ommissjoni hija ferm iżjed sorprendenti minħabba l-fatti li seħħew qabilha. Din l-impriża diġà ġiet ikkundannata numru ta’ drabi għal prattiki ta’ esklużjoni u tkompli teskludi l-interoperabbiltà tal-prodotti tagħha ma’ dawk tal-kompetituri tagħha.

103    Fit-tielet lok, skont ir-rikorrenti, l-analiżi tal-effetti ta’ strateġija ta’ esklużjoni hija vvizzjata bi żbalji ta’ evalwazzjoni. Il-Kummissjoni mhux biss issottovalutat l-importanza ta’ Lync fis-suq tal-komunikazzjonijiet professjonali fil-mument tal-proċedura amministrattiva, iżda injorat ukoll il-fatt li Lync kienet offerta flimkien mas-sistema operattiva Windows Server u prodotti oħra Microsoft li fir-rigward tagħhom l-entità l-ġdida kellha pożizzjoni ta’ qawwa. Fl-aħħar nett, l-istabbiliment ta’ interoperabbiltà preferenzjali jew esklużiva bejn Lync u Skype hija partikolarment dannuża fi swieq ikkaratterizzati mill-effetti ta’ netwerk.

104    Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jqisu li l-argumenti tar-rikorrenti ma humiex fondati.

105    Insostenn tat-tieni motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, żewġ ilmenti.

106    L-ewwel ilment huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 296 TFUE. Skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata ma tweġibx l-argumenti li Cisco u partijiet oħra interessati esponew matul il-proċedura amministrattiva fir-rigward tal-istrateġija ta’ esklużjoni li l-entità l-ġdida hija inklinata li ssegwi.

107    It-tieni lment jikkonċerna l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni wettqet billi eskludiet it-tħassib fil-qasam ta’ kompetizzjoni msemmija fil-punt preċedenti. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-effetti ta’ konglomerat li jirriżultaw mill-konċentrazzjoni. Il-Kummissjoni, b’mod partikolari, marret kontra l-kapaċità u l-inċentivi tal-entità l-ġdida li tuża l-pożizzjoni tagħha fis-suq tal-komunikazzjonijiet residenzjali bħala lieva biex twettaq distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tal-komunikazzjonijiet professjonali.

–       Fuq il-motivazzjoni

108    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-motivazzjoni mitluba mill-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’tali mod li l-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu bil-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u l-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenza Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, iċċitata iktar ’il fuq, punt 166). F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata, fil-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet adottati minnha sabiex tiżgura l-applikazzjoni tar-regoli ta’ kompetizzjoni, li tieħu pożizzjoni fuq l-argumenti kollha li l-partijiet interessati jinvokaw insostenn tat-talba tagħhom. Huwa biżżejjed li hija tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi b’importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑24 ta’ Jannar 1995, BEMIM vs Il‑Kummissjoni, T‑114/92, Ġabra p. II‑147, punt 41, u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-imsemmi Artikolu 296 għandha tiġi evalwata mhux biss b’riferiment għall-kliem tagħha, iżda wkoll għall-kuntest tagħha kif ukoll għar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 63; tat‑22 ta’ Ġunju 2004, Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni, C‑42/01, Ġabra p. I‑6079, punt 66; u tal‑15 ta’ April 2008, Nuova Agricast, C‑390/06, Ġabra p. I‑2577, punt 79).

109    B’mod simili, il-livell ta’ preċiżjoni tal-motivazzjoni ta’ deċiżjoni għandu jkun proporzjonali mal-possibbiltajiet materjali u mal-kundizzjonijiet tekniċi jew ta’ terminu li fihom din għandha tittieħed (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Diċembru 1965, Schwarze, 16/65, Ġabra p. 1081, 1096 u 1097, u tal-14 ta’ Frar 1990, Delacre et vs Il‑Kummissjoni, C‑350/88, Ġabra p. I‑395, punt 16; sentenza Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, iċċitata iktar ’il fuq, punt 167). Konsegwentement, il-Kummissjoni ma tiksirx l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni jekk, fid-deċiżjoni tagħha, hija ma tinkludix motivazzjoni preċiża fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ ċertu numru ta’ aspetti tal-konċentrazzjoni li jidhrulha manifestament mhux f’lokhom, neqsin minn sinjifikat jew kjarament sekondarji għall-evalwazzjoni minn din tal-aħħar (sentenzi Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, iċċitata iktar ’il fuq, punt 64, u Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, iċċitata iktar ’il fuq, punt 167). Tali rekwiżit huwa fil-fatt diffiċilment kompatibbli mal-ħtieġa ta’ kjarezza u mat-termini qosra ta’ proċedura li għandha l-Kummissjoni meta teżerċita s-setgħa tagħha ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet u li jagħmlu parti miċ-ċirkustanzi partikolari ta’ proċedura ta’ kontroll ta’ dawn il-konċentrazzjonijiet (sentenza Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, iċċitata iktar ’il fuq, punt 167).

110    Għaldaqstant il-Kummissjoni ma għandhiex obbligu li tirrispondi għall-argumenti kollha mressqa mill-partijiet u mit-terzi waqt il-proċedura amministrattiva, u lanqas li tipprovdi motivazzjoni preċiża dwar l-evalwazzjoni tagħha ta’ dawn l-argumenti.

111    F’dan il-każ, il-Kummissjoni rrispondiet għall-argumenti ppreżentati minn Cisco u minn partijiet oħra interessati fil-premessi 213 sa 221 tad-deċiżjoni kkontestata. Għalkemm huwa minnu li din il-motivazzjoni hija esposta fil-qosor, hija madankollu ma tmurx kontra r-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE, fid-dawl tal-kuntest speċifiku tal-każ inkwistjoni.

112    Fil-fatt, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni ssemmi li rċeviet numru relattivament għoli ta’ osservazzjonijiet ta’ terzi, li hija kellha teżamina f’medda ta’ żmien relattivament qasir. Barra minn hekk, it-teorija ta’ effetti ta’ konglomerat imressqa minn Cisco matul il-proċedura amministrattiva hija kumplessa u astratta (ara l-punti 124 sa 127 iktar ’il quddiem), meta l-konċentrazzjonijiet li jagħtu lok għal konglomerati ġeneralment ma joħolqux problemi ta’ kompetizzjoni (ara l-punti 115 u 116 iktar ’il quddiem).

113    F’tali kundizzjonijiet, ikun eċċessiv li wieħed jirrikjedi deskrizzjoni iktar iddettaljata ta’ kull wieħed mill-aspetti li fuqhom hija bbażata l-analiżi tat-teorija tal-effetti ta’ konglomerat fid-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni setgħet għaldaqstant tissodisfa ruħha billi tirrispondi fil-qosor għall-argumenti ta’ Cisco, tant li din setgħet perfettament tifhem ir-raġunament tagħha, bħal ma jixhed dan ir-rikors.

114    Għaldaqstant, l-ewwel ilment tat-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

–       Fuq l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni

115    Sabiex tispeċifika l-kriterji ta’ evalwazzjoni tagħha hekk kif imposti bl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 139/2004 fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet li jiġġeneraw effetti ta’ konglomerat, il-Kummissjoni ppubblikat Linji gwida dwar l-evalwazzjoni ta’ amalgamazzjonijiet mhux orizzontali taħt ir-Regolament tal-Kunsill dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (ĠU 2008, C 265, p. 6). Mill-punti 11 u 92 ta’ dawn il-linji gwida jirriżulta li dan it-tip ta’ konċentrazzjoni ma jinvolvix impriżi kompetituri, b’tali mod li dawn il-konċentrazzjonijiet jistgħu inqas joħolqu problemi ta’ kompetizzjoni milli jistgħu l-konċentrazzjonijiet orizzontali. Barra minn hekk, huma jistgħu jippermettu lill-partijiet ikkonċernati jagħmlu qligħ dovut għal effikaċja.

116    Madankollu, il-konċentrazzjonijiet li jiġġeneraw effetti ta’ konglomerat jistgħu f’ċerti ċirkustanzi jqajmu problemi ta’ kompetizzjoni. Dan jista’ jkun il-każ b’mod partikolari meta l-konċentrazzjoni tippermetti lill-entità l-ġdida ssegwi strateġija ta’ esklużjoni. Fil-fatt, skont il-punt 93 tal-Linji gwida dwar il-konċentrazzjonijiet mhux orizzontali taħt ir-Regolament tal-Kunsill dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi, esklużjoni tista’ tirriżulta jekk il-prodotti flimkien fi swieq marbuta jagħtu lill-entità li tirriżulta mill-amalgamazzjoni l-kapaċità u l-motivazzjoni sabiex topera, permezz ta’ effett ta’ lieva, il-pożizzjoni qawwija li hija tokkupa f’suq biex teskludi l-kompetizzjoni f’suq ieħor. Skont il-ġurisprudenza, dan l-effett fuq suq ieħor għandu jkun prevedibbli f’futur relattivament qarib sabiex il-konċentrazzjoni tkun tista’ tqajjem problemi ta’ kompetizzjoni taħt ir-Regolament Nru 139/2004 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑25 ta’ Ottubru 2002, Tetra Laval vs Il‑Kummissjoni, T‑5/02, Ġabra p. II‑4381, punti 148 sa 153).

117    Fir-rigward tal-prova ta’ tali effetti ta’ konglomerat, il-ġurisprudenza stabbilixxiet li l-kwalità tal-provi prodotti mill-Kummissjoni biex tistabbilixxi l-ħtieġa ta’ deċiżjoni li tiddikjara operazzjoni inkompatibbli mas-suq intern kien partikolarment importanti. Fil-fatt, l-evalwazzjoni ta’ konċentrazzjoni tat-tip konglomerat tistrieħ fuq analiżi prospettiva li fiha t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tul ta’ żmien estiż fil-futur, minn naħa, u l-effett ta’ lieva neċessarja sabiex ikun hemm ostakolu sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva, min-naħa l-oħra, jimplikaw li r-rabta ta’ kawża u effett ma hijiex wisq evidenti, hija inċerta u diffiċli li tiġi stabbilita (sentenza Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50; ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Tetra Laval, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44).

118    Għandu jitfakkar ukoll li l-Kummissjoni tista’ tiddikjara konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq intern biss jekk l-ostakolu sinjifikattiv għall-kompetizzjoni jkun konsegwenza diretta u immedjata tal-konċentrazzjoni. Tali ostakolu li jirriżulta mid-deċiżjonijiet futuri tal-entità li tirriżulta mill-amalgamazzjoni tista’ tiġi kkunsidrata bħala konsegwenza diretta u immedjata tal-konċentrazzjoni, jekk dan l-aġir isir possibbli u ekonomikament razzjonali permezz tat-tibdil fil-karatteristiċi u fl-istruttura tas-suq ikkawżat bil-konċentrazzjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Ġunju 2002, Airtours vs Il‑Kummissjoni, T‑342/99, Ġabra p. II‑2585, punt 58; ara, f’dan is-sens, is-sentenza Gencor vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 94).

119    F’dan il-każ, ir-rikorrenti jilmentaw b’mod partikolari dwar il-possibbiltà li għandha l-entità l-ġdida li toħloq distorsjoni fuq il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni fis-suq tal-komunikazzjonijiet professjonali favur Lync billi tiżgura interoperabbiltà preferenzjali ta’ dan il-prodott ma’ Skype u dan bil-parti l-kbira ta’ utenti ta’ dan is-softwer ta’ komunikazzjoni.

120    Huwa paċifiku li din l-interoperabbiltà ma kinitx għadha ġiet żgurata fid-data ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u li hija kienet għadha teħtieġ xogħol ta’ innovazzjoni relattivament twil u kumpless. Skont l-informazzjoni pprovduta mill-intervenjenti u li ma tqegħditx inkwistjoni mir-rikorrenti, il-ħolqien ta’ pont informatiku bejn Lync u Skype ma għandux iseħħ qabel l-2013. Barra minn hekk, li kieku kellu jitqies li dan iseħħ fit-termini previsti, l-entità l-ġdida jkun għad fadlilha tibda sforzi ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodott il-ġdid fi ħdan il-klijenti professjonisti li jistgħu jkunu interessati. Din l-inizjattiva kummerċjali għaldaqstant għandha tiżvolġi matul is-sena 2014. Fl-aħħar nett, sabiex l-effetti antikompetittivi li jħassbu lir-rikorrenti jkunu jistgħu jseħħu fl-istess sena, fejn il-Kummissjoni għamlet riferiment għal perijodu ta’ tliet snin wara d-data ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni, ikun jifdal li din l-inizjattiva jkollha suċċess kummerċjali ta’ daqs li joħloq ċaqliq, b’mod kważi instantanju, fis-suq tal-komunikazzjonijiet professjonali favur Lync u li jippermetti lill-entità l-ġdida twettaq esklużjoni f’dan is-suq. Dan is-suċċess kummerċjali jfisser tibdil ewlieni tal-pożizzjoni tal-operaturi fis-suq u jfisser b’mod partikolari li l-parti mis-suq ta’ Lync fis-suq tal-komunikazzjonijiet professjonali, li kienet ta’ 16 % fl‑2011, żviluppat b’mod sinjifikattiv meta pparagunata ma’ dik ta’ Cisco, li kienet ta’ 32 % matul l-istess sena.

121    L-effett ta’ esklużjoni li ħoloq tħassib fost ir-rikorrenti għaldaqstant jiddependi fuq serje ta’ fatturi li fir-rigward tagħhom ma huwiex ċert li jistgħu jseħħu kollha kemm huma f’futur biżżejjed qarib sabiex l-analiżi prospettiva tal-effetti tal-konċentrazzjoni ma ssirx purament spekulattiva (ara l-punt 116 iktar ’il fuq). F’dan ir-rigward, hekk kif issemma fil-punt preċedenti, il-Kummissjoni għamlet riferiment għal perijodu ta’ tliet snin wara d-data ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni. Dan il-perijodu, li barra minn hekk ir-rikorrenti ma kkontestawx, huwa relattivament twil meta jkun jirrigwarda, bħal f’dan il-każ, settur ta’ teknoloġija ġdida li tikkaratterizza ruħha b’ċikli ta’ innovazzjoni relattivament qosra. Fl-aħħar nett, ir-raġunament tar-rikorrenti mhux biss jibbaża ruħu fuq ġrajjiet futuri u inċerti, iżda jeskludi wkoll il-possibbiltà li l-kompetituri tal-entità l-ġdida jadattaw il-politiki kummerċjali u teknoloġiċi tagħhom sabiex jantiċipaw u jikkontrattakkaw strateġija eventwali ta’ esklużjoni.

122    Għalhekk għandu jiġi konkluż li l-effetti ta’ esklużjoni lmentati mir-rikorrenti huma wisq inċerti sabiex jiġu kkunsidrati bħala konsegwenza diretta u immedjata tal-konċentrazzjoni.

123    Barra minn hekk, filwaqt li l-effetti negattivi espressi fit-tħassib tar-rikorrenti jistgħu jiġu kkunsidrati bħala konsegwenza tal-konċentrazzjoni, ma jistax jiġi konkluż, għar-raġunijiet esposti iktar ’il quddiem, li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi eskludiet l-eżistenza ta’ dubji serji fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni mas-suq intern.

124    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kapaċità tal-entità l-ġdida li twettaq esklużjoni, l-ewwel nett, għandu jiġi osservat li l-ispjegazzjonijiet mogħtija mir-rikorrenti fir-rigward tal-vantaġġ kompetittiv li għandha l-entità l-ġdida jibqgħu vagi. Jidher li, permezz tal-integrazzjoni ta’ Lync u l-bażi ta’ utenti ta’ Skype, l-entità l-ġdida għandha titqies li għandha għodda kummerċjali importanti fis-suq tal-komunikazzjonijiet professjonali. Fil-fatt, din l-integrazzjoni tippermetti lill-utenti professjonisti li jikkomunikaw, b’mod partikolari viżwalment, mal-klijenti tagħhom u ma’ kuntatti ta’ natura professjonali oħra, bħall-fornituri u distributuri, li jużaw l-istess softwer bħal dak użat għall-komunikazzjonijiet fi ħdan l-impriża.

125    Madankollu r-rikorrenti ma jipprovdu ebda prova tanġibbli tal-eżistenza, tad-daqs jew tal-iżvilupp tad-domanda għal tali prodott. Huma jirreferu għall-informazzjoni li Cisco pprovdiet lill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva, li tillimita ruħha sabiex issemmi l-isem ta’ xi impriżi jew setturi kbar li jixtiequ jikkomunikaw mal-utenti ta’ Skype, mingħajr madankollu ma tippreċiża jekk dawn ix-xewqat jikkonċernawx il-prodott futur li jintegra Lync u Skype. Min-naħa l-oħra, l-intervenjenti pproduċiet indikazzjonijiet konkreti fir-rigward tan-nuqqas ta’ interess min-naħa ta’ klijenti ta’ Lync għal għodda ta’ komunikazzjoni għal messaġġi instantanji.

126    It-tieni nett, minkejja li teżisti domanda reali u sinjifikattiva għal għodda ta’ komunikazzjoni bħal dik li tirriżulta minn integrazzjoni ta’ Lync u ta’ Skype, ir-rikorrenti jibqgħu ma jonqsu milli jispjegaw ir-raġunijiet għalfejn l-utenti professjonisti jixtiequ speċifikament jikkomunikaw mal-utenti ta’ Skype. Huma jillimitaw ruħhom sabiex isostnu l-bażi kbira ta’ utenti ta’ Skype u pożizzjoni dominanti tal-entità l-ġdida fis-suq tal-komunikazzjonijiet residenzjali, b’mod partikolari għall-komunikazzjonijiet vidjo fuq PC li jaħdem bil-Windows. Hekk kif tosserva ġustament il-Kummissjoni, l-impriżi eventwalment interessati minn għodda ta’ komunikazzjoni integrata jixtiequ qabel kollox jikkomunikaw mal-konsumaturi tal-prodotti u tas-servizzi tagħhom u mhux mal-utenti ta’ Skype. Issa, ma jidhirx kjarament jekk dawn l-utenti humiex ukoll klijenti attwali jew potenzjali tal-impriżi li jistgħu jixtru l-prodott li jirriżulta mill-integrazzjoni ta’ Lync u ta’ Skype u wisq inqas li dawn l-utenti jixtiequ jikkomunikaw viżwalment ma’ dawn l-istess impriżi.

127    Barra minn hekk, li kieku kellu jitqies li l-utenti ta’ Skype jikkostitwixxu grupp ta’ konsumaturi kummerċjalment interessanti, Skype ma tippermettix lill-impriżi sabiex jeħduhomlha mis-suq b’mod attiv. Fil-fatt, hekk kif ġie indikat mill-Kummissjoni u mill-intervenjenti, ma huwiex possibbli li jiġu kkuntattjati l-utenti ta’ Skype, li normalment jagħmlu użu minn psewdonimu, mingħajr l-awtorizzazzjoni tagħhom minn qabel. Min-naħa l-oħra, fl-ipoteżi fejn l-interess kummerċjali tal-prodott li jirriżulta mill-integrazzjoni ta’ Lync u ta’ Skype jikkonċerna l-possibbiltà għall-utenti ta’ Skype li jikkuntattjaw l-impriżi li jbigħulhom prodotti u servizzi, ir-rikorrenti madankollu ma jipprovdu ebda preċiżazzjoni fir-rigward tal-vantaġġ kummerċjali ta’ dan il-prodott integrat meta mqabbel mal-metodi oħra ta’ komunikazzjonijiet bejn l-impriżi u l-konsumaturi, bħat-telefonija tradizzjonali. Fil-fatt, il-Kummissjoni u l-intervenjenti josservaw ġustament li ma huwiex plawżibbli, minħabba l-preżenza ta’ dawn il-metodi oħra ta’ komunikazzjonijiet, li l-prodott li jirriżulta mill-integrazzjoni ta’ Lync u ta’ Skype isir indispensabbli għall-impriżi li jixtiequ jikkomunikaw mal-konsumaturi tagħhom. Għandu jiġi osservat ukoll li l-applikazzjoni Skype tibqa’ disponibbli u tista’ titniżżel elettronikament wara l-konċentrazzjoni u li għaldaqstant huwa effettivament possibbli għal kull impriża li tippermetti lill-klijenti tagħha jikkuntattjawha permezz ta’ Skype billi tindika l-username Skype tagħha fuq il-prodotti tagħha, fir-reklami tagħha jew fuq is-sit Internet tagħha. Sabiex tikkomunika mal-utenti ta’ Skype, ma huwiex neċessarju għal impriża li jkollha l-prodott li jirriżulta mill-integrazzjoni ta’ Lync u ta’ Skype.

128    It-tielet nett, fl-ipoteżi fejn il-prodott li jirriżulta mill-integrazzjoni ta’ Lync u ta’ Skype jikseb lill-entità l-ġdida vantaġġ kummerċjali reali, din l-entità xorta waħda ma jkollhiex il-kapaċità li ssegwi strateġija ta’ esklużjoni. Minn naħa, mill-analiżi tal-ewwel motiv jirriżulta li l-konċentrazzjoni ma tqajjimx dubji serji fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern fir-rigward tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet residenzjali. Min-naħa l-oħra, hekk kif ġie osservat fil-punt 121 iktar ’il fuq, il-kompetituri ta’ Lync, fosthom Cisco, ikomplu jkollhom biżżejjed żmien sabiex jiżviluppaw politiki kummerċjali intiżi sabiex jikkontrattakkaw l-istrateġija ta’ esklużjoni li l-entità l-ġdida tista’ eventwalment tiddeċiedi li ssegwi. Fil-fatt, dawn il-kompetituri jistgħu jadattaw il-prezzijiet tagħhom, il-kwalità jew il-funzjonalitajiet tal-prodotti tagħhom jew ulterjorment jitolbu s-servizzi ta’ fornituri oħra kbar ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet residenzjali, bħal Facebook, Twitter u Google. Għandu jiġi osservat, f’dan ir-rigward, li bosta impriżi diġà huma konnessi ma’ dan it-tip ta’ netwerks, hekk kif issostni l-intervenjenti.

129    Ir-rikorrenti ma jistgħux jikkontestaw is-setgħa fis-suq dgħajfa tal-entità l-ġdida billi jirreferu għall-premessa 143 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-Kummissjoni rrikonoxxiet il-kapaċità ta’ Microsoft li tadotta politika ta’ esklużjoni fuq swieq oħra. Fil-fatt, din il-premessa ma tikkonċernax is-suq tal-komunikazzjonijiet professjonali, iżda s-suq tal-komunikazzjonijiet residenzjali u b’mod partikolari l-possibbiltà għall-entità l-ġdida li tgħaqqad prodotti oħra ta’ Microsoft, f’dan il-każ Windows, Windows Internet Explorer jew Microsoft Office, ma’ Skype.

130    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma pproduċew ebda element ieħor li jippermetti li jiġi pprovat li l-entità l-ġdida għandha l-kapaċità li tinvolvi ruħha fl-istrateġija ta’ esklużjoni mis-suq li huma jikkritikaw.

131    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-inċentivi għall-entità l-ġdida li ssegwi tali strateġija, għandu jitfakkar li r-rikorrenti ma pproduċew ebda prova konkreta fir-rigward tal-vantaġġi li din l-istrateġija tista’ tipprovdi lill-entità l-ġdida. Huma sempliċement jirreferu għad-daqs kbir tal-bażi ta’ utenti ta’ Skype, għall-valur tat-tranżazzjoni li tammonta għal USD 8.5 biljun, għal ċerti dikjarazzjonijiet tal-President-Direttur-Ġenerali ta’ Microsoft u għall-prattiki ta’ esklużjoni preċedenti tagħha.

132    Issa, fin-nuqqas ta’ kull informazzjoni fir-rigward tar-realtà, id-daqs u n-natura tad-domanda għal prodott li jintegra Skype u Lync, huwa diffiċli, jew saħansitra impossibbli, li jiġi evalwat jekk strateġija ta’ esklużjoni tistax tirriżulta vantaġġuża għall-entità l-ġdida. Barra minn hekk, sa fejn Skype tibqa’ disponibbli bħala softwer li tista’ titniżżel elettronikament għall-utenti kollha, inklużi l-impriżi, huwa wkoll diffiċli li tingħata tweġiba għall-kwistjoni dwar jekk dawn l-impriżi jippreferux il-prodott integrat meta mqabbel ma’ sistema ta’ komunikazzjonijiet professjonali kompetitur li fuqu huma jkunu niżlu s-softwer Skype. Riferimenti għal prattiki kummerċjali preċedenti li jikkonċernaw swieq oħra minbarra dak tal-komunikazzjonijiet residenzjali, għall-valur tat-tranżazzjoni u għal dikjarazzjonijiet kummerċjali ġenerali ta’ ċerti rappreżentanti ta’ Microsoft ma jistgħux itaffu dawn in-nuqqasijiet.

133    Għaldaqstant ma jeżistux fatturi tanġibbli li jippermettu li wieħed jikkonkludi li l-entità l-ġdida għandha inċentiv timplementa strateġija ta’ esklużjoni.

134    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-inċidenza globali probabbli ta’ tali strateġija fuq il-prezzijiet u fuq l-għażla, għandu jitfakkar, bħal ma għamlu l-Kummissjoni u l-intervenjenti, li l-preżenza ta’ Lync fis-suq tal-komunikazzjonijiet professjonali hija ċertament sinjifikattiva, iżda li hija inferjuri għal dik tal-kompetituri tagħha u, b’mod partikolari, għal dik ta’ Cisco. Peress li l-implementazzjoni tal-istrateġija għandha ddum diversi snin (ara l-punti 120 u 121 iktar ’il fuq), ma kienx previst meta ġiet adottata tali deċiżjoni kkontestata li tali strateġija tista’ twassal għal xaqliba fid-data kompetittiva favur Lync fis-snin ta’ wara din l-adozzjoni.

135    Il-fatt li Lync tista’ tinbiegħ flimkien ma’ prodotti oħra tal-linja Microsoft ma jbiddel xejn minn din il-konstatazzjoni, peress li tali strateġija ta’ bejgħ ma tiddependix mill-konċentrazzjoni kkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata.

136    Konsegwentement, il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest fl-evalwazzjoni tagħha tal-effetti ta’ konglomerat fis-suq tal-komunikazzjonijiet professjonali.

137    Għaldaqstant it-tieni lment tat-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat u, b’hekk, it-tieni motiv fl-intier tiegħu.

138    Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, it-talba għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi miċħuda.

139    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-ewwel parti tat-talbiet, ir-rikorrenti jitolbu essenzjalment sabiex il-Qorti Ġenerali tadotta miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li tobbliga lill-Kummissjoni tipprovdilha d-dokumenti kollha dwar in-negozjati li jikkonċernaw il-komunikazzjonijiet bejnha u l-partijiet fit-tranżazzjoni fir-rigward ta’ impenji eventwali ta’ interoperabbiltà. Sa fejn jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li l-Kummissjoni ma wettqet ebda żball ta’ evalwazzjoni manifesta billi approvat il-konċentrazzjoni abbażi tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 139/2004, ma hemmx iżjed lok li tiġi ttrattata, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni eventwalment setgħetx kellha diskussjonijiet dwar impenji ta’ interoperabbiltà. Konsegwentement, il-Kummissjoni tqis li ma huwiex neċessarju li tiġi adottata l-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura msemmija fl-ewwel parti ta’ konklużjonijiet.

 Fuq l-ispejjeż

140    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li jiġu kkundannati għall-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni u mill-intervenjenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Cisco Systems Inc. u Messagenet SpA għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk esposti mill-Kummissjoni Ewropea u minn Microsoft Corporation.

Papasavvas

van der Woude

Wetter

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-11 ta’ Diċembru 2013.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Partijiet fil-proċedura

Proċedura amministrattiva

Kontenut tad-deċiżjoni kkontestata

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq l-ammissibbiltà

Fuq il-mertu

Fuq ir-rekwiżiti ta’ prova tal-Kummissjoni u l-intensitŕ tal-kontroll ġudizzjarju

Fuq l-ewwel motiv, dwar l-effetti orizzontali tal-konċentrazzjoni fis-suq tal-komunikazzjonijiet residenzjali

– Fuq il-parti mis-suq

– Fuq l-effett ta’ netwerk

– Fuq id-dannu lill-kompetizzjoni

Fuq it-tieni motiv, dwar l-effetti ta’ konglomerat tal-konċentrazzjoni fis-suq tal-komunikazzjonijiet professjonali

– Fuq il-motivazzjoni

– Fuq l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.