Language of document : ECLI:EU:C:2018:256

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

17 ta’ April 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ moviment u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri –Direttiva 2004/38/KE – Artikolu 28(3)(a) – Protezzjoni msaħħa kontra t-tkeċċija – Kundizzjonijiet – Dritt ta’ residenza permanenti – Residenza fl-Istat Membru ospitanti matul l-għaxar snin qabel id-deċiżjoni ta’ tkeċċija mit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat – Perijodu ta’ priġunerija – Konsegwenzi fir-rigward tal-kontinwità tar-residenza għal għaxar snin– Relazzjoni mal-evalwazzjoni globali ta’ rabta ta’ integrazzjoni – Mument li fih isseħħ din l-evalwazzjoni u kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni matulha”

Fil-Kawżi magħquda C‑316/16 u C‑424/16,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof Baden-Württemberg (il-Qorti Amministrattiva Superjuri tal-Land tal-Baden-Württemberg, il-Ġermanja) u mis-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjonijiet, rispettivament, tas-27 ta’ April u tas-27 ta’ Lulju 2016, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Ġunju u fl-1 ta’ Awwissu 2016, fil-proċeduri

B

vs

Land Baden-Württemberg (C‑316/16),

u

Secretary of State for the Home Department

vs

Franco Vomero (C‑424/16),

IL‑QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič, J. L. da Cruz Vilaça, A. Rosas u C. G. Fernlund, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, C. Toader, M. Safjan, D. Šváby, A. Prechal (Relatur) u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ Lulju 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal B, minn R. Kugler, Rechtsanwalt,

–        għal F. Vomero, minn R. Husain, QC, P. Tridimas u N. Armstrong, barristers, kif ukoll minn J. Luqmani, solicitor,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn C. Crane u C. Brodie kif ukoll minn S. Brandon, bħala aġenti, assistiti minn R. Palmer, barrister,

–        għall-Gvern Daniż, minn M. Wolff kif ukoll minn C. Thorning u N. Lyshøj, bħala aġenti,

–        għall-Irlanda, minn L. Williams, K. Skelly u E Creedon kif ukoll A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn K. Mooney u E. Farrel, BL,

–        għall-Gvern Elleniku, minn T. Papadopoulou, bħala aġent,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u B. Koopman, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Montaguti, M. Heller kif ukoll minn M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-24 ta’ Ottubru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).

2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tilwimiet bejn, minn naħa, B, ċittadin Grieg, u l-Land Baden-Württemberg (il-Land tal-Baden-Württemberg, il-Ġermanja), u, min-naħa l-oħra, Franco Vomero, ċittdin Taljan, u s-Secretary of State for the Home Department (il-Ministru tal-Affarijiet Interni, ir-Renju Unit), rigward deċiżjonijiet ta’ tkeċċija li kienu s-suġġett tagħhom B. u F. Vormero.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 17, 18, 23 u 24 tad-Direttiva 2004/38 jipprovdu li:

“(17) It-tgawdija ta’ residenza permanenti miċ-ċittadini ta’ l-Unjoni li għażlu li jittrasferixxu ruħhom għal perjodu indeterminat fl-Istat Membru ospitanti għandha ssaħħaħ is-sens ta’ ċittadinanza ta’ l-Unjoni u hi element prinċipali fil-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali, li hi waħda mill-għanijiet fondamentali ta’ l-Unjoni. Għandu għalhekk jiġi stabbilit dritt ta’ residenza permanenti għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni u għall-membri tal-familja tagħhom li għixu fl-Istat Membru ospitanti għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’din id-Direttiva u mingħajr ma jkunu suġġetti għal miżura ta’ tkeċċija.

(18)      Sabiex jikkostitwixxi mezz awtentiku ta’ integrazzjoni fis-soċjetà ta’ l-Istat Membru ospitanti li fih jgħix iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni, id-dritt ta’ residenza permanenti, ġaladarba miksub, m’għandux ikun suġġett għal xi kondizzjonijiet.

[…]

(23)      It-tkeċċija taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-familji tagħhom minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika hi miżura li tista’ tweġġa’ serjament persuni li, wara li utilizzaw id-drittijiet u l-libertajiet konferiti lilhom mit-Trattat, ġenwinament integraw rwieħhom fl-Istat Membru ospitanti. L-iskop ta’ dawn il-miżuri għandu għalhekk ikun limitat skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità, waqt li jkun ikkunsidrat il-grad ta’ integrazzjoni tal-persuni kkonċernati, it-tul tar-residenza tagħhom fl-Istat Membru ospitanti, l-età tagħhom, il-kondizzjonijiet ta’ saħħa, tas-sitwazzjoni familjari u ekonomika u r-rabtiet mal-pajjiż ta’ oriġini.

(24)      Għalhekk, aktar ma tkun kbira l-integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom fl-Istat Membru ospitanti, aktar għandha tkun kbira l-protezzjoni kontra tkeċċija. F’ċirkostanzi eċċezzjonali biss, fejn hemm raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika, għandha tittieħed miżura ta’ tkeċċija kontra ċ-ċittadini ta’ l-Unjoni li għexu għal diversi snin fit-territorju ta’ l-Istat Membru, b’mod partikolari meta jkunu twieldu u għexu hemm matul il-ħajja kollha tagħhom. B’addizzjoni, dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali għandhom japplikaw ukoll għal miżura ta’ tkeċċija meħuda kontra minorenni, sabiex jiġu protetti r-rabtiet tagħhom mal-familja, skond il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal, ta’ l-20 ta’ Novembru 1989.”

4        F’dan il-Kapitolu III tad-Direttiva 2004/38 intitolat “Dritt ta’ residenza”, l-Artikoli 6 u 7 ta’ din id-direttiva, rispettivament intitolati “Dritt ta’ residenza sa tliet xhur” u “Dritt ta’ residenza ta’ aktar minn tliet xhur”, jippreċiżaw il-kundizzjonijiet li taħthom iċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom għandhom tali drittijiet ta’ residenza fi Stat Membru għajr dak li fih dawn iċ-ċittadini għandhom in-nazzjonalità.

5        Filwaqt li jinsab fil-Kapitolu IV tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Dritt ta’ residenza permanenti”, l-Artikolu 16 tagħha jipprovdi:

“1.      Iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni li għex legalment għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin fl-Istat Membru ospitanti għandu d-dritt ta’ residenza permanenti hemmhekk. Dan id-dritt m’għandux ikun suġġett għall-kondizzjonijiet previsti fil-Kapitolu III.

[…]

3,      Il-kontinwità tar-residenza m’għandhiex tintlaqat minn assenzi temporanji li ma jaqbżux is-sitt xhur f’sena, jew minn assenzi ta’ dewma itwal għal servizz militari obbligatorju, jew minn assenza waħda ta’ massimu ta’ 12-il xahar konsekuttivi għal raġunijiet importanti bħal tqala u maternità, mard serju, studju jew taħriġ professjonali, jew kariga fi Stat Membru ieħor jew pajjiż terz.

4.      Meta jinkiseb, id-dritt ta’ residenza permanenti għandu jintilef biss permezz ta’ assenza mill-Istat Membru ospitanti għal perjodu ta’ sentejn konsekuttivi.”

6        Il‑Kapitolu VI tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Restrizzjonijiet fuq id-dritt ta’ dħul u fuq id-dritt ta’ residenza minħabba politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika”, jinkludi l-Artikoli 27 sa 33 ta’ din id-direttiva.

7        Intitolat “Prinċipji ġenerali”, l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, l-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu l-libertà ta’ moviment u residenza taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza, minħabba politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika. Dawn ir-raġunijiet m’għandhomx jiġu nvokati għal skopijiet ekonomiċi.

2.      Il-miżuri meħuda minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika għandhom ikunu skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità u għandhom ikunu bbażati esklussivament fuq il-kondotta personali ta’ l-individwu kkonċernat. Kundanni kriminali preċedenti m’għandhomx minnhom infushom jikkostitwixxu raġuni biex jittieħdu dawn il-miżuri.

Il-kondotta personali ta’ l-individwu kkonċernat għandha tirrappreżenta theddida ġenwina, attwali u serja biżżejjed li tolqot wieħed mill-interessi fondamentali tas-soċjetà. Ġustifikazzjonijiet li huma iżolati mill-partikolaritajiet tal-każ jew li jiddependu fuq konsiderazzjonijiet ta’ prevenzjoni ġenerali m’għandhomx jiġu aċċettati.”

8        Skont l-Artikolu 28 ta’ din id-direttiva intitolat “Protezzjoni minn tkeċċija”:

“1.      Qabel ma tittieħed deċiżjoni ta’ tkeċċija minħabba politika pubblika jew sigurtà pubblika, l-Istat Membru ospitanti għandu jqis l-konsiderazzjonijiet bħat-tul tar-residenza ta’ l-individwu kkonċernat fit-territorju tiegħu, l-età, l-istat ta’ saħħa, is-sitwazzjoni familjari u dik ekonomika, integrazzjoni soċjali u kulturali fl-Istat Membru ospitanti u l-limitu tar-rabtiet tiegħu mal-pajjiż ta’ oriġini.

2.      L-Istat Membru ospitanti ma jistax jieħu deċiżjoni ta’ tkeċċija kontra ċittadini ta’ l-Unjoni jew il-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza, li għandhom id-dritt ta’ residenza permanenti fit-territorju tiegħu, ħlief minħabba raġunijiet serji ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika.

3.      Deċiżjoni ta’ tkeċċija m’għandhiex tittieħed kontra ċittadini ta’ l-Unjoni, ħlief meta d-deċiżjoni hi bbażata fuq raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika, kif imfissra mill-Istati Membri, jekk dawn:

a)      għexu fl-Istat Membru ospitanti għall-għaxar snin preċedenti; jew

b)      huma minorenni, ħlief jekk it-tkeċċija hi neċessarja għall-aħjar interessi tat-tifel/tifla, kif previst mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal ta’ l-20 ta’ Novembru 1989.”

9        L-Artikolu 33 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Tkeċċija bħala penali jew konsegwenza legali” jipprovdi:

“1.      L-Istat Membru ospitanti m’għandux joħroġ ordnijiet ta’ tkeċċija bħala penali jew konsegwenza legali ta’ piena ta’ ħabs, sakemm dawn m’humiex skond il-ħtiġiet ta’ l-Artikoli 27, 28 u 29.

2.       Jekk ordni ta’ tkeċċija, kif prevista fil-paragrafu 1, tiġi mposta aktar minn sentejn wara li nħarġet, l-Istat Membru għandu jikkontrolla jekk l-individwu kkonċernat hux ta’ theddida, ġenwinament u attwalment, għall-politika pubblika jew għas-sigurtà pubblika u għandu jevalwa jekk kienx hemm xi tibdil materjali fiċ-ċirkostanzi minn meta nħarġet l-ordni ta’ tkeċċija.”

 Id-dritt Ġermaniż

10      Intitolat “Telf tad-dritt ta’ dħul u ta’ residenza”, l-Artikolu 6 tal-Gesetz über die allgemeine Freizügigkeit von Unionsbürgern (il-Liġi dwar il-Moviment Liberu taċ-Ċittadini tal-Unjoni), tat-30 ta’ Lulju 2004 (iktar ’il quddiem il-“FreizügG/EU”), li huwa intiż, b’mod partikolari, sabiex jittrasponi l-Artikolu 28 tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi:

“(1)      It-telf tad-dritt imsemmi fl-Artikolu 2(1) jista’ jiġi kkonstatat biss, wara li jiġi rrevokat iċ-ċertifikat ta’ dritt ta’ residenza permanenti u wara li jiġi rrevokat il-permess ta’ residenza jew ta’ residenza permanenti, għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika u ta’ saħħa pubblika (Artikoli 45(3) u 52(1) (TFUE)). Id-dħul fit-territorju jista’ wkoll jiġi rrifjutat għar-raġunijiet imsemmija fl-ewwel sentenza. […]

(2) Kundanna kriminali ma tistax, waħedha, tiġġustifika d-deċiżjonijiet jew il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1. Huma biss il-kundanni kriminali li ma jkunux għadhom tħassru mir-reġistru ċentrali li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, u unikament sa fejn iċ-ċirkustanzi li jiffurmaw il-bażi ta’ dawn il-kundanni jkunu xhieda ta’ aġir personali li jirrappreżenta theddida reali għall-ordni pubbliku. Għandha għalhekk tkun theddida effettiva u serja biżżejjed li tolqot interess fundamentali tas-soċjetà.

(3) Għall-finijiet li tittieħed deċiżjoni skont il-paragrafu 1, għandu, b’mod partikolari, jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tar-residenza tal-persuna kkonċernata fil-Ġermanja, l-età tagħha, il-kundizzjoni ta’ saħħitha, is-sitwazzjoni tal-familja u ekonomika tagħha, l-integrazzjoni soċjali u kulturali tagħha fil-Ġermanja u l-intensità tar-rabtiet tagħha mal-pajjiż ta’ oriġini tagħha.

(4)      Wara li jinkiseb id-dritt ta’ residenza permanenti, konstatazzjoni skont il-paragrafu 1 tista’ ssir biss għal raġunijiet serji.

(5)      F’dak li jikkonċerna ċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom li rrrisjedew fit-territorju Federali matul l-aħħar għaxar snin u fir-rigward tal-minuri, il-konstatazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tista’ ssir biss minħabba raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika. Din ir-regola ma tapplikax għall-minuri meta t-telf tad-dritt tar-residenza huwa meħtieġ fl-interess tal-wild. Jeżistu raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika biss fil-każ li l-persuna kkonċernata tkun ġiet ikkundannata minħabba reat jew diversi reati mwettqa intenzjonalment għal priġunerija jew għal piena minħabba att kriminali minn minuri ta’ mhux inqas minn ħames snin li tkun saret res judicata jew tkun ġiet imposta detenzjoni preventiva matul l-aħħar kundanna definittiva tagħha, fil-każ li tkun inkwistjoni s-sigurtà tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja jew meta l-persuna kkonċernata tippreżenta theddida terroristika.

[…]”

 Id-dritt tar-Renju Unit

11      Ir-Regola 21 tal-Immigration (European Economic Area) Regulations 2006 (ir-Regolament tal-2006 dwar l-Immigrazzjoni (Żona Ekonomika Ewropea)) (SI 2006/1003) hija intiża sabiex timplimenta l-Artikoli 27 u 28 tad-Direttiva 2004/38.

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

 IlKawża C316/16

12      B huwa ċittadin Grieg imwieled fil-Greċja f’Ottubru 1989. Wara s-separazzjoni tal-ġenituri tiegħu, huwa mar jgħix, matul is-sena 1993, ma’ ommu fil-Ġermanja, fejn in-nanniet materni tiegħu kienu diġà jirrisjedu mis-sena 1989 bħala ħaddiema impjegati. Minn dak iż-żmien, ommu ħadmet f’dan l-Istat Membru li tiegħu llum għandha n-nazzjonalità filwaqt li żammet in-nazzjonalità Griega tagħha.

13      Minbarra perijodu ta’ xahrejn li matulu missieru bagħat għalih fil-Greċja u xi perijodu qosra ta’ vaganzi, B irrisjeda, mis-sena 1993, b’mod mhux interrott, fil-Ġermanja. Huwa mar l-iskola f’dan l-Istat Membru u hemmhekk kiseb id-diploma li tiċċertifika t-tmiem tal-edukazzjoni sekondarja (Hauptschulabschluss). Huwa jaf sew il-lingwa Ġermaniża. Il-livell ta’ għarfien tiegħu tal-lingwa Griega jippermettilu, min-naħa l-oħra, li jinftiehem biss oralment u b’mod bażiku f’din il-lingwa.

14      B ma rnexxilux, sal-lum, iwettaq taħriġ professjonali, minħabba, b’mod partikolari, problemi ta’ natura psikoloġika li barra minn hekk wasslu sabiex ikollu jsegwi trattamenti terapewtiċi u psikjatriċi. B ħadem fix-xhur ta’ Novembru u ta’ Diċembru 2012. Sussegwentement huwa kien mingħajr xogħol.

15      B għandu, fil-Ġermanja, dritt ta’ residenza permanenti fis-sens tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/38.

16      Fis-7 ta’ Novembru 2012, l-Amtsgericht Pforzheim (il-Qorti Distrettwali ta’ Pforzheim, il-Ġermanja) adottat digriet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali ssemplifikati (Strafbefehl) u imponiet fuq B piena ta’ multa kuljum għal 90 ġurnata għal approprjazzjoni bla jedd ta’ telefon mobbli, estorsjoni, attentat ta’ rikatt u pussess intenzjonali mhux awtorizzat ta’ arma pprojbita.

17      Fl-10 ta’ April 2013, B attakka sala tal-logħob diġitali, armat b’pistola bil-balal tal-lastku, partikolarment sabiex jikseb il-flus meħtieġa biex iħallas din il-multa u b’estorsjoni ħa s-somma ta’ EUR 4 200. Sussegwentement għal dan il-ksur, il-Landgericht Karlsruhe (il-Qorti Reġjonali ta’ Karlsruhe, il-Ġermanja) ikkundannat lil B, fid-9 ta’ Diċembru 2013, għal piena ta’ priġunerija ta’ ħames snin u tmien xhur. B ġie miżmum, sa mit-12 ta’ April 2013, b’mod mhux interrott, l-ewwel f’arrest preventiv, sussegwentement f’ħabs.

18      Wara li semgħet lil B, ir-Regierungspräsidium Karlsruhe (il-Prefettura ta’ Karlsruhe, il-Ġermanja) ikkonstatat, b’deċiżjoni tal-25 ta’ Novembru 2014, adottata abbażi tal-Artikolu 6(5) tal-FreizügG/EU moqri flimkien mal-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38, it-telf tad-dritt ta’ dħul u ta’ residenza tiegħu fil-Ġermanja. Għalhekk B ġie ordnat jitlaq it-territorju ta’ dan l-Istat Membru f’terminu ta’ xahar li kien jiddekorri mid-dħul fis-seħħ ta’ din il-konstatazzjoni, u fin-nuqqas ta’ dan huwa kellu jitkeċċa lejn il-Greċja. It-tul tal-projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza fil-Ġermanja ġie stabbilit għal 7 snin li kien jiddekorri mid-data li fiha B ikun effettivament telaq mit-territorju Ġermaniż.

19      B ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Verwaltungsgericht Karlsruhe (il-Qorti Amministrattiva ta’ Karlsruhe, il-Ġermanja), li annullat din id-deċiżjoni permezz ta’ sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015. Il-Land tal-Baden-Württemberg appella din is-sentenza quddiem il-Verwaltungsgerichtshof Baden-Württemberg (il-Qorti Amministrattiva Superjuri tal-Land tal-Baden-Württemberg).

20      L-ewwel nett, din il-qorti teskludi li ċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali setgħu jqajmu raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika, fis-sens tal-Artikolu 6(5) tal-FreizügG/EU u tal-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38. Bħala konsegwenza, hija tindika li, għalkemm B jista’ jibbenefika mill-protezzjoni msaħħa kontra t-tkeċċija li tirriżulta minn dawn id-dispożizzjonijiet, hemm lok għaliha li tikkonferma l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

21      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra, fl-ewwel lok, li fid-dawl taċ-ċirkustanzi msemmija fil-punti 12 u 13 ta’ din is-sentenza u tal-għeruq fondi ta’ B fil-Ġermanja bħala riżultat ta’ dan, ir-rabta ta’ integrazzjoni li tgħaqqdu ma’ dan l-Istat Membru ospitanti ma setgħetx ġiet miksura mill-fatt tal-piena ta’ priġunerija li ġiet imposta fuqu, b’mod li l-persuna kkonċernata ma tistax tiġi miċħuda mill-protezzjoni msaħħa kontra t-tkeċċija prevista fl-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38.

22      Fit-tieni lok, din il-qorti hija tal-fehma li l-piena ta’ priġunerija imposta minħabba t-twettiq tal-ksur li jikkostitwixxi r-raġuni tat-tkeċċija mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti ma għandhiex, fi kwalunkwe każ, tkun tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet li jiġi stabbilit jekk kienx hemm ksur tar-rabta’ ta’ integrazzjoni li jwassal għal interruzzjoni tal-kontinwità tar-residenza f’dan it-territorju, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 28(3)(a). Fin-nuqqas ta’ dan, minn dan jirriżulta, fil-fatt, li l-persuna kkundannata għal piena ta’ iktar minn ħames snin priġunerija li ser tkun, skont dispożizzjonijiet legali applikabbli, fil-prinċipju, dejjem f’detenzjoni meta tingħata d-deċiżjoni amministrattiva li tikkonstata t-telf tad-dritt għal dħul u għal residenza, qatt ma tkun tista’ tibbenefika mill-protezzjoni msaħħa prevista minn din id-dispożizzjoni.

23      Minbarra dan, fl-Istati Membri li fihom it-tkeċċija hija ordnata inkwantu piena anċillari għal piena ta’ detenzjoni, u minħabba dan il-fatt, qabel iż-żamma f’detenzjoni, min-naħa l-oħra, ma jkun hemm qatt teħid inkunsiderazzjoni possibbli ta’ din il-piena ta’ detenzjoni sabiex jiġi evalwat eventwali ksur tar-rabta ta’ integrazzjoni u, għaldaqstant, interruzzjoni tal-kontinwità tar-residenza. Minn dan jirriżulta inugwaljanza fit-trattment bejn iċ-ċittadini tal-Unjoni f’dak li jikkonċerna l-protezzjoni msaħħa li tirriżulta mill-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38.

24      Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li, f’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni globali intiża sabiex jiġi vverifikat jekk ir-rabtiet ta’ integrazzjoni mal-Istat Membru ospitanti ġewx miksura, bil-konsegwenza ta’ telf ta’ din il-protezzjoni msaħħa, f’kawża bħal dik inkwistjoni fil-kawa prinċipali, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi marbuta maż-żamma stess. Fil-fatt, ma jkunx il-ksur inkwantu tali, iżda tassew iż-żamma, li tikkostitwixxi l-motiv tal-interruzzjoni tal-kontinwità tar-residenza. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul taż-żamma, iżda wkoll kriterji oħra, bħall-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tal-piena, l-aġir ġenerali tal-persuna kkonċernata matul id-detenzjoni u, b’mod partikolari, ir-riflessjoni tagħha dwar il-ksur imwettaq, l-aċċettazzjoni u l-applikazzjoni ta’ indikazzjonijiet terapewtiċi vvalidati mill-istabbiliment penitenzjarju, il-parteċipazzjoni tal-persuna kkonċernata għal programmi ta’ taħriġ skolastiku jew professjonali kontinwu, il-parteċipazzjoni tagħha fil-pjan ta’ eżekuzzjoni tal-piena kif ukoll it-twettiq tal-għanijiet tagħha kif ukoll iż-żamma ta’ rabtiet personali u tal-familja fl-Istat Membru ospitanti.

25      Fir-raba’ lok, filwaqt li tfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-punt 35 tas-sentenza tas-16 ta’ Jannar 2014, G. (C‑400/12, EU:C:2014:9), li, għall-finijiet li jiġi ddeterminat sa fejn in-nuqqas ta’ kontinwità tar-residenza mill-fatt tal-priġunerija jipprekludi lill-persuna kkonċernata milli tibbenefika mill-protezzjoni prevista fl-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38, l-evalwazzjoni globali tas-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata kellha sseħħ fil-mument preċiż li fih tqum il-kwistjoni tat-tkeċċija ta’ din tal-aħħar, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk jeżistux dispożizzjonijiet vinkolanti tad-dritt tal-Unjoni li jippermettu li jiġi stabbilit tali mument.

26      Skont din il-qorti, tali determinazzjoni għandha tkun is-suġġett ta’ soluzzjoni armonizzata fl-Unjoni sabiex jiġi evitat li l-livell ta’ protezzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 jista’ jvarja minn Stat Membru għall-ieħor, skont, b’mod partikolari, jekk id-deċiżjoni ta’ tkeċċija tittieħed bħala piena anċillari malli tingħata l-piena ta’ detenzjoni, jew, bil-kuntrarju, permezz ta’ deċiżjoni amministrattiva adottata matul jew fit-tmiem tad-detenzjoni. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li għandha tiġi evalwata l-kwistjoni jekk ir-rabtiet ta’ integrazzjoni ġewx miksura jew le mal-Istat Membru ospitanti fid-data li fiha l-qorti dwar il-mertu tagħti deċiżjoni dwar il-legalità tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija.

27      F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Verwaltungsgerichtshof Baden-Württemberg (il-Qorti Amministrattiva Superjuri tal-Land tal-Baden-Württemberg) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Huwa eskluż a priori li l-kundanna u sussegwentement l-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija jistgħu jwasslu għall-ksur tar-rabtiet ta’ integrazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni li jkun daħal fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti fl-età ta’ tliet snin, bil-konsegwenza li l-kundizzjoni tar-residenza mhux interrotta ta’ għaxar snin, fis-sens tal-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 ma tkunx issodisfatta u li, għalhekk, ma jkunx hemm lok li tingħata protezzjoni minn tkeċċija skont [din id-dispożizzjoni], meta ċ-ċittadin tal-Unjoni inkwistjoni, wara li jkun daħal fit-territorju fl-età ta’ tliet snin u jkun għadda ħajtu kollha fl-Istat Membru ospitanti inkwistjoni, ma jkollux iktar rabtiet mal-Istat Membru li tiegħu huwa ċittadin, u meta r-reat li wassal għall-kundanna tiegħu u għall-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija jkun twettaq wara residenza ta’ 20 sena?

2)      Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda: fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk l-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija twassalx għal ksur tar-rabtiet ta’ integrazzjoni, għandu wieħed ma jiħux inkunsiderazzjoni l-piena ta’ priġunerija imposta għar-reat li jikkostitwixxi r-raġuni tat-tkeċċija?

3)      Fil-każ ta’ risposti negattivi għad-domandi 1 u 2: Skont liema kriterji għandu wieħed jevalwa jekk iċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat jistax xorta waħda, f’tali każ, jibbenefika mill-protezzjoni minn tkeċċija skont l-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38?

4)      Fil-każ ta’ risposti negattivi għad-domandi 1 u 2: hemm dispożizzjonijiet vinkolanti tad-dritt tal-Unjoni dwar l-istabbiliment tal-“mument preċiż li fih tqum il-kwistjoni tat-tkeċċija” u li fih ikun hemm lok li ssir evalwazzjoni globali tas-sitwazzjoni taċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat, sabiex jiġi vverifikat sa fejn in-natura mhux kontinwa tar-residenza matul l-għaxar snin li ppreċedew it-tkeċċija tal-persuna kkonċernata tipprekludi lil din tal-aħħar milli tibbenefika mill-protezzjoni msaħħa kontra t-tkeċċija?”

 IlKawża C424/16

28      F. Vomero huwa ċittadin Taljan imwieled fis-18 ta’ Diċembru 1957. Fit-3 ta’ Marzu 1985, F. Vomero mar jgħix fir-Renju Unit mal-konjuġi futura tiegħu, ċittadina tar-Renju Unit, li ltaqa’ magħha fis-sena 1983. Huma żżewġu f’dan l-Istat Membru fit-3 ta’ Awwissu 1985 u kellhom ħamest itfal li F. Vomero ħa ħsiebhom, minbarra li kien jaħdem kultant, filwaqt li l-mara tiegħu kienet taħdem full-time.

29      Bejn is-sena 1987 u s-sena 1999, F. Vomero kien is-suġġett, fl-Italja u fir-Renju Unit, ta’ diversi kundanni kriminali li ma wasslux għal priġunerija. Fl-1998, ir-relazzjoni konjugali nkisret. F. Vomero ħalla d-domiċilju konjugali u mar jgħix f’akkomodazzjoni oħra ma’ M.

30      Fl-1 ta’ Marzu 2001, F. Vomero qatel lil M. Il-ġurija naqset ħtija ta’ qtil għal sempliċi omiċidju minħabba provokazzjoni mill-vittma. Fit-2 ta’ Mejju 2002, F. Vomero ġie kkundannat għal tmien snin ħabs. Huwa ġie lliberat fil-bidu tax-xahar ta’ Lulju 2006.

31      B’deċiżjoni tat-23 ta’ Marzu 2007, ikkonfermata fis-17 ta’ Mejju 2007, il-Ministru tal-Affarijiet Interni ordna t-tkeċċija ta’ F. Vomero skont ir-Regola 21 tar-Regolament tal-2006 dwar l-Immigrazzjoni (Żona Ekonomika Ewropea).

32      F. Vomero kkontesta din id-deċiżjoni quddiem l-Asylum and Immigration Tribunal (il-Qorti tal-Ażil u tal-Immigrazzjoni, ir-Renju Unit). Id-deċiżjoni mogħtija minn din il-qorti ġiet appellata quddiem il-Court of Appeal (England & Wales) (il-Qorti tal-Appell (Ingilterra u Wales), ir-Renju Unit) li s-sentenza tagħha, mogħtija fl-14 ta’ Settembru 2012, tat lok għal appell attwalment pendenti quddiem is-Supreme court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit). Matul il-proċedura, darbtejn kien hemm sospensjoni tad-deċiżjoni dwar il-kawża, sakemm ġew deċiżi kawżi oħrajn, b’mod partikolari dawk fl-oriġini tar-rinviji għal deċiżjoni preliminari li wasslu għas-sentenzi tas-16 ta’ Jannar 2014, Onuekwere (C‑378/12, EU:C:2014:13), u tas-16 ta’ Jannar 2014, G. (C-400/12, EU:C:2014:9).

33      F. Vomero ġie miżmum fid-dawl tat-tkeċċija tiegħu sax-xahar ta’ Diċembru 2007. Minn dak iż-żmien, infetħu proċeduri kriminali kontrih fix-xahar ta’ Jannar 2012, għal żamma ta’ arma b’xafra, kif ukoll għal daqqiet u feriti, li wassal għall-kundanna tiegħu għal piena ta’ priġunerija ta’ 16-il ġimgħa. Proċedura oħra, li nfetħet fix-xahar ta’ Lulju 2012, għal serq bi żgass u serq, wasslet għall-kundanna tiegħu għal piena ta’ priġunerija addizzjonali ta’ 12-il ġimgħa.

34      Insostenn tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija msemmija iktar ’il fuq, il-Ministru tal-Affarijiet Interni sostna b’mod partikolari li, billi kien ġie impriġunat għal omiċidju bejn is-sena 2001 u s-sena 2006, F. Vomero ma kisibx id-dritt ta’ residenza permanenti fir-Renju Unit u li għalhekk ma jistax jibbenefika mill-protezzjoni msaħħa prevista fl-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38.

35      Is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit), filwaqt li tirreferi għas-sentenzi tas-7 ta’ Ottubru 2010, Lassal (C‑162/09, EU:C:2010:592), tal-21 ta’ Lulju 2011, Dias (C‑325/09, EU:C:2011:498), u tas-16 ta’ Jannar 2014, Onuekwere (C‑378/12, EU:C:2014:13), tikkunsidra li, peress li dritt ta’ residenza permanenti ma setax ikun ġie legalment miksub qabel it-30 ta’ April 2006, data ta’ skadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/38, u li barra minn hekk, huwa paċifiku li F. Vomero kien fil-ħabs għal iktar minn ħames snin minn dik id-data, li huwa baqa’ fil-ħabs matul xahrejn addizzjonali wara din id-data u li huwa ġie lliberat biss għal inqas minn disa’ xhur meta ġiet adottata d-deċiżjoni li tordna t-tkeċċija tiegħu, il-persuna kkonċernata, fid-data tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, ma kinitx kisbet dritt ta’ residenza permanenti skont l-Artikolu 16(1) ta’ din id-direttiva.

36      Din il-qorti tindika li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kwistjoni essenzjali li tqum hija dik dwar jekk dritt ta’ residenza permanenti, fis-sens tal-Artikolu 16 u tal-Artikolu 28(2) tad-Direttiva 2004/38, huwiex kundizzjoni preliminari għall-għoti tal-protezzjoni msaħħa prevista fl-Artikolu 28(3)(a) tagħha.

37      Anki jekk jiġi preżunt li dan ma huwiex il-każ, barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-perijodu ta’ għaxar snin previst fl-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 li jippreċedi d-deċiżjoni ta’ tkeċċija għandu jkun biss, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, “bħala prinċipju” kontinwu (sentenza tas-16 ta’ Jannar 2014, G., C‑400/12, EU:C:2014:9, punt 34). Għalhekk, hija tesponi li dan il-perijodu jista’ wkoll jieqaf meta, pereżempju, jiġi interrott minn perijodu ta’ assenza mit-territorju jew minħabba priġunerija. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-mod li bih il-perijodu ta’ għaxar snin imsemmi f’din id-dispożizzjoni għandu jiġi kkalkolat, u b’mod partikolari l-fatt li jiġu inklużi jew le fil-kalkolu dawn il-perijodi ta’ assenza mit-territorju jew priġunerija, għadu ma jidhirx ċar.

38      Fir-rigward taċ-ċirkustanza li r-rabta ta’ integrazzjoni mal-Istat Membru ospitanti għandha tiġi suġġetta għal evalwazzjoni globali sabiex jiġi stabbilit, f’dan il-kuntest, jekk din teżistix jew jekk ġietx miksura (sentenza tas-16 ta’ Jannar 2014, G., C‑400/12, EU:C:2014:9, punti 36 u 37), il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-portata ta’ din l-evalwazzjoni u l-effetti tagħha wkoll għadhom ma humiex suffiċjentement ippreċiżati. Din il-qorti tistaqsi b’mod partikolari dwar il-fatturi li jistgħu jkollhom jiġu eżaminati sabiex jiġi stabbilit jekk, fid-data ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija fl-2007, ir-rabtiet ta’ integrazzjoni ta’ F. Vomero mar-Renju Unit kinux tali li kienu tawh id-dritt għall-protezzjoni msaħħa abbażi tar-residenza tiegħu f’dan l-Istat Membru matul l-għaxar snin preċedenti.

39      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-protezzjoni msaħħa prevista fl-Artikolu 28(3)(a) [ta’ din id-direttiva] tiddependi mill-pussess ta’ dritt ta’ residenza permanenti skont l-Artikolu 16 u l-Artikolu 28(2) [tad-Direttiva 2004/38]?

2)      Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fin-negattiv, qegħdin isiru wkoll id-domandi segwenti:

Il-perijodu ta’ residenza għall-għaxar snin preċedenti, li jirreferi għalih l-Artikolu 28(3)(a) [tad-Direttiva 2004/38]

a)      huwa sempliċi perijodu skont il-kalendarju li jibda jgħodd mid-data rilevanti (f’dan il-każ, id-data tad-deċiżjoni tat-tkeċċija), inklużi l-perijodi ta’ assenzja jew ta’ priġunija, jew

b)      perijodu potenzjalment mhux kontinwu li jibda jgħodd mid-data rilevanti u billi jiżdied/u l-perijodu/i fejn il-persuna kkonċernata ma kinitx assenti jew fil-ħabs, sakemm jintlaħaq, jekk ikun possibbli, total ta’ għaxar snin preċedenti ta’ residenza?

3)      [F’każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda], liema hija r-relazzjoni reali bejn il-kriterju ta’ għaxar snin residenza li jirreferi għalih l-Artikolu 28(3)(a) [tad-Direttiva 2004/38] u l-evalwazzjoni globali ta’ rabta ta’ integrazzjoni?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda fil-Kawża C424/16

40      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-benefiċċju tal-protezzjoni kontra t-tkeċċija mit-territorju prevista f’din id-dispożizzjoni huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-persuna kkonċernata jkollha dritt ta’ residenza permanenti, fis-sens tal-Artikolu 16 u tal-Artikolu 28(2) ta’ din id-direttiva.

41      L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li din il-kwistjoni tibbaża fuq il-premessa li F. Vomero ma huwiex detentur ta’ tali dritt ta’ residenza permanenti fir-Renju Unit.

42      F’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex l-elementi meħtieġa kollha sabiex tevalwa l-fondatezza ta’ din il-premessa, hemm lok li d-domanda magħmula tiġi risposta fuq il-bażi tagħha.

43      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li huwa enfasizzat fil-premessa 23 tad-Direttiva 2004/38 li t-tkeċċija taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika tista’ tippreġudika serjament lill-persuni li, filwaqt li għamlu użu mid-drittijiet u mil-libertajiet mogħtija mit-Trattat, ikunu ġenwinament integraw ruħhom fl-Istat Membru ospitanti.

44      Huwa għal din ir-raġuni li, hekk kif jirriżulta mill-premessa 24 tad-Direttiva 2004/38, din tistabbilixxi sistema ta’ protezzjoni kontra miżuri ta’ tkeċċija li hija bbażata fuq il-livell ta’ integrazzjoni tal-persuni kkonċernati fl-Istat Membru ospitanti, b’mod li iktar ma l-integrazzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom f’dan l-Istat Membru hija b’saħħitha, iktar il-garanziji li jgawdu minnhom kontra t-tkeċċija huma importanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Novembru 2010, Tsakouridis, C‑145/09, EU:C:2010:708, punt 25, u tat-8 ta’ Diċembru 2011, Ziebell, C‑371/08, EU:C:2011:809, punt 70).

45      F’din il-perspettiva, l-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2004/38 jistabbilixxi, l-ewwel nett, f’termini ġenerali, li, qabel ma tittieħed deċiżjoni ta’ tkeċċija mit-territorju “minħabba politika pubblika jew sigurtà pubblika”, l-Istat Membru ospitanti għandu jieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari t-tul tar-residenza tal-persuna kkonċernata fit-territorju tiegħu, l-età tagħha, l-istat ta’ saħħa tagħha, is-sitwazzjoni tal-familja u ekonomika tagħha, l-integrazzjoni soċjali u kulturali tagħha fl-Istat Membru ospitanti u l-intensità tar-rabtiet tagħha mal-pajjiż ta’ oriġini tagħha (sentenza tat-23 ta’ Novembru 2010, Tsakouridis, C‑145/09, EU:C:2010:708, punt 26).

46      Sussegwentement, skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, ċittadin tal-Unjoni jew il-membri tal-familja tiegħu, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom, li jkunu kisbu dritt ta’ residenza permanenti fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti skont l-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva, ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija mit-territorju “ħlief minħabba raġunijiet serji ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika”.

47      Fl-aħħar nett, fir-rigward taċ-ċittadini tal-Unjoni li rrisjedew fl-Istat Membru ospitanti matul l-għaxar snin preċedenti, l-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 isaħħaħ kunsiderevolment il-protezzjoni kontra l-miżuri ta’ tkeċċija billi jistabbilixxi li tali miżura ma tistax tittieħed, sakemm id-deċiżjoni ma tkunx ibbażata fuq “raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika, kif imfissra mill-Istati Membri” (sentenza tat-23 ta’ Novembru 2010, Tsakouridis, C‑145/09, EU:C:2010:708, punt 28).

48      Għalhekk jirriżulta mill-formulazzjoni u mill-istruttura tal-Artikolu 28 tad-Direttiva 2004/38 li l-protezzjoni kontra t-tkeċċija li jipprevedi tirrikonoxxi tisħiħ gradwali marbut mal-livell ta’ integrazzjoni milħuq miċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat fl-Istat Membru ospitanti.

49      F’dawn iċ-ċirkustanzi, u minkejja li tali preċiżjoni ma tinsabx fil-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati, ċittadin tal-Unjoni ma jistax jibbenefika mil-livell ta’ protezzjoni msaħħa ggarantit mill-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 ħlief sa fejn kien jissodisfa, l-ewwel nett, il-kundizzjoni għall-għoti tal-benefiċċju tal-protezzjoni prevista fl-Artikolu 28(2) ta’ din id-direttiva, jiġifieri li jkollu dritt ta’ residenza permanenti skont l-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva.

50      Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 hija barra minn hekk ikkorroborata mill-kuntest li din id-dispożizzjoni tagħmel parti minnu.

51      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2004/38 ipprevediet sistema gradwali f’dak li jikkonċerna d-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti, li, filwaqt li essenzjalment tinkludi l-passi u l-kundizzjonijiet previsti fl-istrumenti varji tad-dritt tal-Unjoni u tal-ġurisprudenza preċedenti għal din id-direttiva, twassal għad-dritt ta’ residenza permanenti (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Ziolkowski u Szeja, C‑424/10 u C‑425/10, EU:C:2011:866, punt 38).

52      Fil-fatt, l-ewwel nett, għar-residenzi sa tliet xhur, l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2004/38 jillimita l-kundizzjonijiet jew il-formalitajiet tad-dritt ta’ residenza għar-rekwiżit ta’ pussess ta’ karta ta’ identità jew ta’ passaport validu u l-Artikolu 14(1) ta’ din tal-aħħar iżomm dan id-dritt sakemm iċ-ċittadin tal-Unjoni u l-membri tal-familja tiegħu ma jsirux piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ assistenza soċjali tal-Istat Membru ospitanti (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Ziolkowski u Szeja, C‑424/10 u C‑425/10, EU:C:2011:866, punt 39).

53      It-tieni nett, għal tul ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur, il-benefiċċju tad-dritt ta’ residenza huwa suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/38 u skont il-kliem tal-Artikolu 14(2) tagħha, dan id-dritt jinżamm biss sa fejn iċ-ċittadin tal-Unjoni u l-membri tal-familja tiegħu jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet. Mill-premessa 10 ta’ din id-direttiva b’mod partikolari jirriżulta li dawn il-kundizzjonijiet huma maħsuba b’mod partikolari sabiex jiġi evitat li dawn il-persuni ma jsirux piż mhux raġonevoli għas-sistema ta’ assistenza soċjali tal-Istat Membru ospitanti (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Ziolkowski u Szeja, C‑424/10 u C‑425/10, EU:C:2011:866, punt 40).

54      It-tielet nett, mill-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38 jirriżulta li ċ-ċittadini tal-Unjoni jiksbu d-dritt ta’ residenza permanenti wara li jkunu rrisjedew legalment matul perijodu mhux interrott ta’ ħames snin fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti u li dan id-dritt ma huwiex suġġett għall-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti. Hekk kif issemmi l-premessa 18 ta’ din id-direttiva, ladarba jkun inkiseb id-dritt ta’ residenza permanenti, dan ma għandu jkun suġġett għal ebda kundizzjoni oħra, u dan bil-għan li jiġi stabbilit mezz ġenwin ta’ integrazzjoni fis-soċjetà ta’ dan l-Istat (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Ziolkowski u Szeja, C‑424/10 u C‑425/10, EU:C:2011:866, punt 41).

55      Għalhekk jirriżulta minn dan kollu li, bid-differenza taċ-ċittadin tal-Unjoni li jkun kiseb dritt ta’ residenza permanenti li jista’ jitkeċċa mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti unikament għall-motivi invokati fl-Artikolu 28(2) tad-Direttiva 2004/38, iċ-ċittadin li ma jkunx kiseb tali dritt jista’, skont il-każ, jitkeċċa minn dan it-territorju, hekk kif jirriżulta mill-Kapitolu III ta’ din id-direttiva, meta jsir piż mhux raġonevoli għas-sistema ta’ assistenza soċjali ta’ dan l-Istat Membru.

56      Issa, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punti 57 u 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ċittadin tal-Unjoni li, meta ma jkollux dritt ta’ residenza permanenti, jista’ jkun is-suġġett ta’ miżuri ta’ tkeċċija jekk isir tali piż mhux raġonevoli, ma jistax, fl-istess waqt, ikun benefiċjarju tal-protezzjoni kunsiderevolment imsaħħa prevista fl-Artikolu 28(3)(a) ta’ din id-direttiva, li skont dan it-tkeċċija tiegħu tkun awtorizzata biss għal “raġunijiet imperattivi” ta’ sigurtà pubblika, li jirreferu għal “ċirkostanzi eċċezzjonali” hekk kif huwa indikat fil-premessa 24 ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2010, Tsakouridis, C‑145/09, EU:C:2010:708, punt 40).

57      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar ukoll li, hekk kif tenfasizza l-premessa 17 tad-Direttiva 2004/38, id-dritt ta’ residenza permanenti jikkostitwixxi element prinċipali għall-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali u ġie previst minn din id-direttiva sabiex jissaħħaħ is-sentiment ta’ ċittadinanza tal-Unjoni, b’tali mod li l-leġiżlatur tal-Unjoni ssuġġetta l-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38 għall-integrazzjoni taċ-ċittadin tal-Unjoni Ewropea fl-Istat Membru ospitanti (sentenza tas-16 ta’ Jannar 2014, Onuekwere, C‑378/12, EU:C:2014:13, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      Hekk kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-integrazzjoni, li hija kundizzjoni essenzjali għall-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti previst fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38, ma hijiex ibbażata biss fuq fatturi territorjali u temporali, iżda wkoll fuq fatturi kwalitattivi, li jirrigwardaw il-livell ta’ integrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti (ara s-sentenza tas-16 ta’ Jannar 2014, Onuekwere, C‑378/12, EU:C:2014:13, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59      Fir-rigward tal-kunċett ta’ “residenza legali” inkluż bil-kliem “li għex legalment” li jinsab fl-Artikolu 16(1) tagħha, dan għandu għalhekk ifisser residenza konformi mal-kundizzjonijiet previsti minn din id-direttiva, b’mod partikolari dawk stabbiliti fl-Artikolu 7(1) tagħha (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Ziolkowski u Szeja, C‑424/10 u C‑425/10, EU:C:2011:866, punt 46).

60      Issa, ċittadin tal-Unjoni li ma jkunx kiseb id-dritt ta’ residenza b’mod permanenti fl-Istat Membru ospitanti peress li ma jkunx issodisfa dawn il-kundizzjonijiet u li ma jistax, minħabba dan il-fatt, jibbaża ruħu fuq il-livell ta’ protezzjoni kontra t-tkeċċija ggarantit mill-Artikolu 28(2) tad-Direttiva 2004/38 ma jistax, iktar u iktar, jibbenefika mil-livell ta’ protezzjoni kunsiderevolment imsaħħaħ kontra t-keċċija previst mill-Artikolu 28(3)(a) ta’ din id-direttiva.

61      Fir-rigward ta’ dan kollu, l-ewwel domanda fil-Kawża C‑424/16 għandha tiġi risposta li l-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-benefiċċju tal-protezzjoni kontra t-tkeċċija mit-territorju prevista f’din id-dispożizzjoni huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-persuna kkonċernata jkollha dritt ta’ residenza permanenti fis-sens tal-Artikolu 16 u tal-Artikolu 28(2) ta’ din id-direttiva.

 Fuq it-tieni u t-tielet domanda fil-Kawża C424/16

62      Billi t-tieni u t-tielet domanda saru mis-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) unikament fl-eventwalità li tingħata risposta negattiva għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li dawn jiġu eżaminati.

 Fuq l-ewwel sat-tielet domanda fil-Kawża C316/16

63      Permezz tal-ewwel sat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-Verwaltungsgerichtshof Baden-Württemberg (il-Qorti Amministrattiva Superjuri tal-Land tal-Baden-Württemberg) tirreferi, essenzjalment, dwar jekk ir-rekwiżit li jkunu “għexu fl-Istat Membru ospitanti għall-għaxar snin preċedenti” stabbilit fl-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 għandux jiġi interpretat fis-sens li dan jista’ jiġi ssodisfatt, u b’liema kundizzjonijiet eventwali, minn ċittadin tal-Unjoni li jkun stabbilixxa ruħu, f’età żgħira, fi Stat Membru għajr dak li għandu n-nazzjonalità tiegħu u li jkun għex fih matul għoxrin sena qabel ma jiġi kkundannat fih għal piena ta’ priġunerija, liema piena tkun qed tiġi eżegwita fil-mument meta deċiżjoni ta’ tkeċċija hija adottata fir-rigward tiegħu.

64      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li, għalkemm huwa ċertament minnu li l-premessi 23 u 24 tad-Direttiva 2004/38 jistabbilixxu protezzjoni partikolari għall-persuni li huma ġenwinament integrati fl-Istat Membru ospitanti, b’mod partikolari meta dawn ikunu twieldu fih u jkunu rrisjedew fih tul ħajjithom kollha, xorta jibqa’ l-fatt li l-kriterju determinanti għall-finijiet tal-għoti tal-protezzjoni msaħħa ggarantita mill-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38, jinsab fil-kwistjoni jekk iċ-ċittadin tal-Unjoni li għandu, fl-Istat Membru ospitanti, dritt ta’ residenza permanenti, fis-sens tal-Artikoli 16 u tal-Artikolu 28(2) ta’ din id-direttiva, ikunx, hekk kif meħtieġ mill-Artikolu 28(3), irrisjeda f’dan l-Istat Membru matul l-għaxar snin li jippreċedu d-deċiżjoni ta’ tkeċċija (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Novembru 2010, Tsakouridis, C‑145/09, EU:C:2010:708, punt 31, u tas-16 ta’ Jannar 2014, G., C‑400/12, EU:C:2014:9, punt 23)

65      Isegwi, b’mod partikolari, li l-perijodu ta’ residenza ta’ għaxar snin meħtieġ għall-għoti tal-protezzjoni msaħħa prevista fl-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi kkalkolat b’lura, mid-data tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija ta’ din il-persuna (sentenza tas-16 ta’ Jannar 2014, G., C‑400/12, EU:C:2014:9, punt 24).

66      Fit-tieni lok, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li tali perijodu ta’ residenza ta’ għaxar snin għandu, bħala prinċipju, ikun kontinwu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Jannar 2014, G., C‑400/12, EU:C:2014:9, punt 27).

67      F’dan ir-rigward, għandu madankollu jitfakkar ukoll li, filwaqt li għalhekk jissottometti l-benefiċċju tal-protezzjoni msaħħa kontra t-tkeċċija li jipprevedi għall-preżenza tal-persuna kkonċernata fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat matul perijodu ta’ għaxar snin qabel il-miżura ta’ tkeċċija, l-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 huwa sieket fir-rigward taċ-ċirkustanzi li jistgħu jwasslu għall-interruzzjoni ta’ dan il-perijodu ta’ residenza ta’ għaxar snin għall-finijiet tal-kisba tad-dritt għal din il-protezzjoni msaħħa (sentenza tat-23 ta’ Novembru 2010, Tsakouridis, C‑145/09, EU:C:2010:708, punt 29).

68      Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fir-rigward tal-kwistjoni sa fejn assenzi mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti matul il-perijodu previst fl-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 jipprekludu lill-persuna kkonċernata milli tibbenefika minn din il-protezzjoni msaħħa, hemm lok li ssir evalwazzjoni globali tas-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata kull darba fil-mument preċiż meta tqum il-kwistjoni tat-tkeċċija (sentenza tat-23 ta’ Novembru 2010, Tsakouridis, C‑145/09, EU:C:2010:708, punt 32).

69      Sabiex isir dan, l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mill-applikazzjoni tal-Artikolu 28(3) tad-Direttiva 2004/38 huma obbligati li jieħdu inkunsiderazzjoni l-aspetti rilevanti kollha f’kull każ inkwistjoni, b’mod partikolari t-tul ta’ kull waħda mill-assenzi tal-persuna kkonċernata mill-Istat Membru ospitanti, it-tul akkumulat u l-frekwenza ta’ dawn l-assenzi kif ukoll ir-raġunijiet li ggwidaw lill-persuna kkonċernata meta ħalliet dan l-Istat Membru. Fil-fatt, għandu jiġi vverifikat jekk l-assenzi inkwistjoni jimplikawx iċ-ċaqliq lejn Stat ieħor li huwa ċentru tal-interessi personali, tal-familja jew professjonali tal-persuna kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2010, Tsakouridis, C‑145/09, EU:C:2010:708, punt 33).

70      Fir-rigward tal-kwistjoni jekk perijodi ta’ priġunerija jistgħux, inkwantu tali u indipendentement minn perijodi ta’ assenza mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, ukoll iwasslu, skont il-każ, għal ksur tar-rabta ma’ dan l-Istat u għal nuqqas ta’ kontinwità tar-residenza f’dan tal-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, ċertament, bħala prinċipju tali perijodi jinterrompu l-kontinwità tar-residenza, fis-sens tal-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38, hemm lok madankollu, sabiex jiġi stabbilit jekk dawn waslux għal ksur tar-rabtiet ta’ integrazzjoni preċedentement minsuġa mal-Istat Membru ospitanti ta’ natura li jċaħħad lill-persuna kkonċernata mill-benefiċċju tal-protezzjoni msaħħa ggarantita minn din id-dispożizzjoni, li ssir evalwazzjoni globali tas-sitwazzjoni ta’ din il-persuna fil-mument preċiż li fih tqum il-kwistjoni tat-tkeċċija. Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni globali, il-perijodi ta’ priġunerija għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, flimkien mal-elementi l-oħra kollha li jirrappreżentaw aspetti rilevanti kollha ta’ kull każ, li fil-livell tagħhom hemm, skont il-każ, iċ-ċirkustanza li l-persuna kkonċernata rrisjediet fl-Istat Membru ospitanti matul l-għaxar snin qabel il-priġunerija tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Jannar 2014, G., C‑400/12, EU:C:2014:9, punti 33 sa 38).

71      Fil-fatt, partikolarment fil-preżenza ta’ ċittadin tal-Unjoni li kien diġà, fil-passat u anki qabel ma wettaq att kriminali li kien iġġustifika d-detenzjoni tiegħu, sab ruħu fis-sitwazzjoni li jissodisfa l-kundizzjoni ta’ residenza kontinwa ta’ għaxar snin fl-Istat Membru ospitanti, il-fatt li l-persuna kkonċernata kienet inżammet f’detenzjoni mill-awtoritajiet ta’ dan l-Istat ma jistax jitqies bħala ta’ natura li jikser awtomatikament ir-rabtiet ta’ integrazzjoni li din il-persuna kienet preċedentement fasslet ma’ dan l-Istat u l-kontinwità tar-residenza tagħha fit-territorju tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38, u għaldaqstant, li tiġi miċħuda mill-protezzjoni msaħħa kontra t-tkeċċija ggarantita minn din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk tali interpretazzjoni għandha bħala konsegwenza li ċċaħħad din id-dispożizzjoni mill-essenzjal tal-effett utli tagħha, peress li miżura ta’ tkeċċija ser tkun preċiżament l-iktar spiss adottata minħabba aġir tal-persuna kkonċernata li jkun wassal għall-kundanna tagħha u għal ċaħda tal-libertà.

72      Fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali, imfakkra fil-punt 70 ta’ din is-sentenza, li f’dan il-każ hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq, din għandha, fir-rigward tar-rabtiet ta’ integrazzjoni minsuġa minn B mal-Istat Membru ospitanti matul il-perijodu ta’ residenza preċedenti għaż-żamma f’detenzjoni tiegħu, tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, iktar ma tali rabtiet ta’ integrazzjoni ma’ dan l-Istat Membru ser ikunu sodi, b’mod partikolari fil-livelli soċjali, kulturali u tal-familja, sal-punt, pereżempju, li jwasslu għal tqegħid ta’ għeruq ġenwini fis-soċjetà ta’ dan l-Istat kif dan ġie kkonstatat mill-qorti tar-rinviju fil-kawża prinċipali, inqas il-probabbiltà li perijodu ta’ detenzjoni seta’ wassal għal ksur tagħhom u, għaldaqstant, għal nuqqas ta’ kontinwità tal-perijodu ta’ residenza ta’ għaxar snin previsti fl-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38.

73      Fir-rigward tal-elementi rilevanti l-oħra għall-finijiet ta’ tali evalwazzjoni globali, dawn jistgħu jinkludu, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 123 sa 125 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn naħa, in-natura tal-ksur li ġġustifika l-perijodu ta’ priġunerija inkwistjoni u l-kundizzjonijiet li fihom dan il-ksur twettaq, u, min-naħa l-oħra, l-elementi rilevanti kollha dwar l-aġir tal-persuna kkonċernata matul il-perijodu ta’ ħabs.

74      Fil-fatt, filwaqt li n-natura tal-ksur u taċ-ċirkustanzi li fihom dan twettaq jippermettu li tingħaraf il-miżura li biha l-persuna kkonċernata, skont il-każ, tkeċċiet mis-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti, l-attitudni tal-persuna kkonċernata matul id-detenzjoni tagħha tista’, min-naħa tagħha, tikkontribwixxi sabiex issaħħaħ tali tkeċċija jew, bil-kontra, iżżomm jew tirrestawra rabtiet ta’ integrazzjoni preċedentement minsuġa minnha ma’ dan l-Istat Membru fid-dawl tal-integrazzjoni mill-ġdid soċjali futura tagħha f’dan tal-aħħar.

75      F’dan l-aħħar rigward, barra minn hekk għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, hekk kif diġà rrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, l-integrazzjoni mill-ġdid soċjali taċ-ċittadin tal-Unjoni fl-Istat fejn huwa ġenwinament integrat hija fl-interess mhux biss ta’ dan tal-aħħar, iżda wkoll tal-Unjoni inġenerali (sentenza tat-23 ta’ Novembru 2010, Tsakouridis, C-145/09, EU:C:2010:708, punt 50).

76      Fir-rigward tal-mistoqsijiet tal-qorti tar-rinviju dwar iċ-ċirkustanza li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodu ta’ priġunerija għall-finijiet li jiġi stabbilit jekk dan interrompiex il-kontinwità tar-residenza ta’ għaxar snin fl-Istat Membru ospitanti qabel il-miżura ta’ tkeċċija jista’ jwassal għal riżultati arbitrarji jew mhux ugwali, skont il-mument tal-adozzjoni ta’ din il-miżura, hemm lok li jiġi ppreċiżat dan li ġej.

77      Ċertament, f’ċerti Stati Membri, miżura ta’ tkeċċija tista’ tingħata, hekk kif l-Artikolu 33(1) tad-Direttiva 2004/38 jipprevedi espressament il-possibbiltà, bħala piena jew bħala miżura anċillari għal piena ta’ detenzjoni. F’ipoteżi paralleli, il-piena ta’ priġunerija futura tkun tista’, bħala definizzjoni, tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza jew le ta’ residenza kontinwa taċ-ċittadin fl-Istat Membru ospitanti matul l-għaxar snin qabel l-adozzjoni ta’ din il-miżura ta’ tkeċċija.

78      Pereżempju, jista’ jirriżulta minn dan li ċ-ċittadin tal-Unjoni li jkun diġà jista’ jiġġustifika għaxar snin ta’ residenza kontinwa fl-Istat Membru ospitanti fid-data li fiha kien is-suġġett ta’ miżura ta’ priġunerija li tinkludi miżura jew piena ta’ tkeċċija jibbenefika mill-protezzjoni msaħħa kontra t-tkeċċija prevista fl-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38.

79      Bil-kontra, f’dak li jikkonċerna ċ-ċittadin li fir-rigward tiegħu tali miżura ta’ tkeċċija hija adottata, bħal fil-kuntest tal-kawża prinċipali, sussegwentement għaż-żamma f’detenzjoni tiegħu, tqum il-kwistjoni dwar jekk din id-detenzjoni għandha jew ma għandhiex bħala effett li tinterrompi l-kontinwità tar-residenza tiegħu fl-Istat Membru ospitanti u li ttellfu mill-benefiċċju ta’ din il-protezzjoni msaħħa.

80      Madankollu, hemm lok li jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li, fil-preżenza ta’ ċittadin tal-Unjoni li jista’ diġà jiġġustifika perijodu ta’ għaxar snin ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti fil-mument meta jibda d-detenzjoni tiegħu, iċ-ċirkustanza li l-miżura ta’ tkeċċija hija adottata matul jew fit-tmiem ta’ dan il-perijodu ta’ detenzjoni u l-fatt li dan il-perijodu għalhekk jagħmel parti mill-perijodu ta’ għaxar snin qabel l-adozzjoni ta’ din il-miżura ma għandhomx bħala konsegwenza awtomatika nuqqas ta’ kontinwità ta’ dan il-perijodu ta’ għaxar snin li minħabba dan il-persuna kkonċernata ssib ruħha miċħuda mill-protezzjoni msaħħa prevista fl-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38.

81      Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-punti 66 sa 75 ta’ din is-sentenza, meta d-deċiżjoni ta’ tkeċċija tiġi adottata matul jew fit-tmiem tal-perijodu ta’ detenzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li s-sitwazzjoni taċ-ċittadin ikkonċernat għandha, fil-kundizzjonijiet stabbiliti f’dawn il-punti, tkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni globali sabiex jiġi stabbilit jew jistax jew le jibbenefika minn din il-protezzjoni msaħħa.

82      Fil-każijiet imsemmija fil-punti 77 sa 81 ta’ din is-sentenza, l-għoti jew le tal-protezzjoni msaħħa prevista fl-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 ser jibqa’, għalhekk, funzjoni tat-tul tar-residenza u tal-livell ta’ integrazzjoni taċ-ċittadin ikkonċernat fl-Istat Membru ospitanti.

83      Fir-rigward ta’ dan kollu, l-ewwel sat-tielet domanda fil-Kawża C‑316/16 għandhom jiġu risposti li l-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ ċittadin tal-Unjoni li jiskonta piena ta’ priġunerija u li fir-rigward tiegħu deċiżjoni ta’ tkeċċija hija adottata, il-kundizzjoni li “[għex] fl-Istat Membru ospitanti għall-għaxar snin preċedenti”, stabbilita f’din id-dispożizzjoni, tista’ tiġi ssodisfatta sa fejn evalwazzjoni globali tas-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata li tieħu inkunsiderazzjoni l-aspetti rilevanti kollha twassal sabiex jitqies li, minkejja din id-detenzjoni, ir-rabtiet ta’ integrazzjoni li jqħaqqdu lill-persuna kkonċernata mal-Istat Membru ospitanti ma ġewx miksura. Fost dawn l-aspetti hemm, b’mod partikolari, is-saħħa tar-rabtiet ta’ integrazzjoni minsuġa mal-Istat Membru ospitanti qabel iż-żamma f’detenzjoni tal-persuna kkonċernata, in-natura tal-ksur li ġġustifika l-perijodu ta’ detenzjoni sostnut u ċ-ċirkustanzi li fihom dan twettaq kif ukoll l-aġir tal-persuna kkonċernata matul il-perijodu ta’ detenzjoni.

 Fuq ir-raba’ domanda fil-Kawża C316/16

84      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-Verwaltungsgerichtshof Baden-Württemberg (il-Qorti Amminstrattiva Superjuri tal-Land tal-Baden-Württemberg) tixtieq tkun taf, essenzjalment, f’liema mument għandha tiġi evalwata l-osservanza tal-kundizzjoni li tikkonsisti li “għexu fl-Istat Membru ospitanti għall-għaxar snin preċedenti”, fis-sens tal-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38.

85      Skont l-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38, “[d]eċiżjoni ta’ tkeċċija m’għandhiex tittieħed” fir-rigward ta’ ċittadin tal-Unjoni li rrisjeda fl-Istat Membru ospitanti “għall-għaxar snin preċedenti” ħlief għal raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika.

86      Minn din il-formulazzjoni jirriżulta li permezz ta’ “għall-għaxar snin preċedenti” hemm lok li jinftehmu l-għaxar snin li jippreċedu din id-deċiżjoni ta’ tkeċċija, b’mod li huwa fid-data tal-adozzjoni tagħha li din il-kundizzjoni relatata ma’ residenza kontinwa ta’ għaxar snin għandha tiġi vverifikata.

87      Kif dan tfakkar fil-punt 65 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja barra minn hekk diġà ppreċiżat li l-perijodu ta’ residenza ta’ għaxar snin li għalih huwa suġġett l-għoti tal-protezzjoni msaħħa prevista fl-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi kkalkolat b’lura, mid-data ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija tal-persuna kkonċernata.

88      Jirriżulta minn dan li l-kwistjoni jekk persuna tissodisfax jew le l-kundizzjoni li tkun irrisjediet fl-Istat Membru ospitanti matul l-għaxar snin qabel id-deċiżjoni ta’ tkeċċija, u, għaldaqstant, hija jew ma hijiex fil-pożizzjoni li tibbenefika mill-protezzjoni msaħħa prevista fl-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 għandha tiġi evalwata fid-data li fiha d-deċiżjoni ta’ tkeċċija hija inizjalment adottata.

89      Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li din l-interpretazzjoni ma tippreġudikax il-kwistjoni, distinta, dwar f’liema mument għandha tiġi evalwata l-eżistenza effettiva ta’ “minħabba politika pubblika jew sigurtà pubblika” fis-sens tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2004/38, jew ta’ “raġunijiet serji ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika” previsti fl-Artikolu 28(2) ta’ din id-direttiva, jew ukoll “raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika”, fis-sens tal-Artikolu 28(3) ta’ din id-direttiva, li jkunu xierqa sabiex tiġi ġġustifikata tkeċċija.

90      F’dan ir-rigward, hija ċertament l-awtorità li tadotta inizjalment id-deċiżjoni ta’ tkeċċija li għandha twettaq tali evalwazzjoni, fil-mument stess ta’ din l-adozzjoni, u dan, fl-osservanza tar-regoli dwar il-mertu stipulati mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 27 u 28 tad-Direttiva 2004/38.

91      Madankollu, dan ma jeskludix, li, meta l-eżekuzzjoni konkreta ta’ din id-deċiżjoni hija posposta għal ċertu perijodu ta’ żmien, jista’ jirriżulta neċessarju li ssir evalwazzjoni aġġornata ġdida tal-persistenza, skont il-każ, “minħabba politika pubblika jew sigurtà pubblika”, “raġunijiet serji ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika” jew “raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika”.

92      Fil-fatt, għandu b’mod partikolari jitfakkar li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38 jissuġġetta, b’mod ġenerali, kull miżura ta’ tkeċċija għall-kundizzjoni li l-aġir tal-persuni kkonċernata jirrappreżenta theddida reali u attwali għal interess fundamentali tas-soċjetà jew tal-Istat Membru ospitanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Mejju 2012, I, C‑348/09, EU:C:2012:300, punt 30, u tat-13 ta’ Lulju 2017, E, C‑193/16, EU:C:2017:542, punt 23).

93      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, meta miżura ta’ tkeċċija mit-territorju hija adottata bħala piena jew bħala miżura anċillari għal piena ta’ detenzjoni, iżda hija eżegwita iktar tard minn sentejn wara l-adozzjoni tagħha, l-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2004/38 jimponi espressament fuq l-Istati Membri li jivverifikaw l-attwalità u r-realtà tat-theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika li l-persuna kkonċernata tirrappreżenta, u li jevalwaw jekk sarx tibdil materjali taċ-ċirkustanzi mill-mument li fih ġiet adottata d-deċiżjoni ta’ tkeċċija (sentenza tat-22 ta’ Mejju 2012, I, C‑348/09, EU:C:2012:300, punt 31).

94      Barra minn hekk, jirriżulta iktar ġeneralment mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-qrati ta’ Stat Membru għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni, meta jivverifikaw il-legalità ta’ miżura ta’ tkeċċija ordnata kontra ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, il-punti ta’ fatt li seħħew wara l-aħħar deċiżjoni tal-awtoritajiet kompetenti li jistgħu jimplikaw il-waqfien jew it-tnaqqis kunsiderevoli tat-theddida attwali li jikkostitwixxi, għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika, l-aġir tal-persuna kkonċernata. Dan huwa l-każ speċjalment jekk ikun iddekorra terminu twil bejn id-data tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija, minn naħa, u dik tal-evalwazzjoni ta’ din id-deċiżjoni mill-qorti kompetenti, min-naħa l-oħra (ara, b’analoġija, is-sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Orfanopoulos u Oliveri, C‑482/01 u C‑493/01, EU:C:2004:262, punt 82, kif ukoll tat-8 ta’ Diċembru 2011, Ziebell, C‑371/08, EU:C:2011:809, punt 84).

95      Fid-dawl ta’ dan kollu, hemm lok li r-raba domanda fil-Kawża C‑316/16 tiġi risposta li l-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kwistjoni dwar jekk persuna ssodisfatx il-kundizzjoni li tkun “[għexet] fl-Istat Membru ospitanti għall-għaxar snin preċedenti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandha tiġi evalwata fid-data li fiha d-deċiżjoni ta’ tkeċċija inizjali hija adottata.

 Fuq l-ispejjeż

96      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qrati tar-rinviju, huma dawn il-qrati li jiddeċiedu fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il‑Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-benefiċċju tal-protezzjoni kontra t-tkeċċija mit-territorju prevista f’din id-dispożizzjoni huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-persuna kkonċernata jkollha dritt ta’ residenza permanenti fis-sens tal-Artikolu 16 u tal-Artikolu 28(2) ta’ din id-direttiva.

2)      LArtikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ ċittadin tal-Unjoni li jiskonta piena ta’ priġunerija u li fir-rigward tiegħu deċiżjoni ta’ tkeċċija hija adottata, il-kundizzjoni li jkun “[għex] fl-Istat Membru ospitanti għall-għaxar snin preċedenti” stabbilita f’din id-dispożizzjoni, tista’ tiġi ssodisfatta sa fejn evalwazzjoni globali tas-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata li tieħu inkunsiderazzjoni l-aspetti rilevanti kollha twassal sabiex jitqies li, minkejja din id-detenzjoni, ir-rabtiet ta’ integrazzjoni li jqħaqqdu lill-persuna kkonċernata mal-Istat Membru ospitanti ma ġewx miksura. Fost dawn l-aspetti hemm, b’mod partikolari, is-saħħa tar-rabtiet ta’ integrazzjoni minsuġa mal-Istat Membru ospitanti qabel iż-żamma f’detenzjoni tal-persuna kkonċernata, in-natura tal-ksur li ġġustifika l-perijodu ta’ detenzjoni sostnut u ċ-ċirkustanzi li fihom dan twettaq kif ukoll l-aġir tal-persuna kkonċernata matul il-perijodu ta’ detenzjoni.

3)      LArtikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kwistjoni dwar jekk persuna ssodisfatx il-kundizzjoni li tkun “[għexet] fl-Istat Membru ospitanti għall-għaxar snin preċedenti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandha tiġi evalwata fid-data li fiha d-deċiżjoni ta’ tkeċċija inizjali hija adottata.

Firem


*      Lingwi tal-kawża: il‑Ġermaniż u l-Ingliż.