Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Najvyšší súd Slovenskej republiky (is-Slovakkja) fis-7 ta’ Ġunju 2018 – Slovenské elektrárne a.s. vs Daňový úrad pre vybrané daňové subjekty

(Kawża C-376/18)

Lingwa tal-kawża: is-Slovakk

Qorti tar-rinviju

Najvyšší súd Slovenskej republiky

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Slovenské elektrárne a.s.

Konvenuta: Daňový úrad pre vybrané daňové subjekty

Domandi preliminari

1.    Id-Direttiva 2009/72/KE 1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda [tabroga] d-Direttiva 2003/54/KE (iktar ’il quddiem it-“Tielet Direttiva dwar l-elettriku”) għandha tiġi interpretata fis-sens li tippreġudika l-għan tagħha, u b’mod partikolari l-Artikolu 3 tagħha, leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi miżura speċjali li tikkonsisti f’imposta obbligatorja għall-entitajiet irregolati, inklużi d-detenturi ta’ liċenzja għall-provvista tal-elettriku maħruġa mill-awtorità regolatorja kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat (iktar ’il quddiem l-“awtorità regolatorja” u l-“entità rregolata”), stabbilita skont ir-riżultat tagħhom miksub mhux biss fil-livell nazzjonali, iżda wkoll fuq il-bażi tal-attivitajiet tagħhom barra ’l pajjiż, leġiżlazzjoni li

i)    tinfluwenza l-libertà tal-entitajiet irregolati li jiddeterminaw prezz kompletament kompetittiv bħala korrispettiv għall-provvista tal-elettriku fis-swieq barranin, u għalhekk, ukoll, il-proċess ta’ stabbiliment ta’ kompetizzjoni fl-imsemmija swieq;

ii)    iddgħajjef il-kompetittività tal-entitajiet irregolati meta mqabbla mal-fornituri tal-elettriku barranin li joperaw fis-suq Slovakk, meta t-tnejn li huma jipprovdu wkoll elettriku f’suq barrani ddeterminat, sa fejn il-provvista tal-elettriku minn fornitur barrani ma hijiex suġġetta għal tali imposta obbligatorja;

iii)    tiskoraġġixxi l-aċċess ta’ kompetituri ġodda għas-suq tal-elettriku fir-Repubblika Slovakka kif ukoll barra ’l pajjiż, billi tali imposta obbligatorja tolqot ukoll id-dħul tagħhom mill-attivitajiet mhux irregolati, u dan anki jekk sussegwentement, għal perijodu ta’ żmien partikolari, huma jkollhom liċenzja għall-provvista tal-elettriku, li d-dħul tagħhom fuq din il-bażi jkun madankollu żero;

iv)    tista’ ġġiegħel lill-entitajiet irregolati Slovakki jitolbu lill-awtorità regolatorja [Slovakka] tirtira l-liċenzja tagħhom, jew lill-fornituri tal-elettriku barranin jitolbu l-irtirar tal-liċenzja għall-provvista tal-elettriku maħruġa mill-awtorità regolatorja tal-Istat ta’ oriġini tagħhom, ladarba l-irtirar ta’ din il-liċenzja tirrappreżenta, għal persuna, l-uniku mod sabiex tillibera ruħha mill-istatus ta’ entità rregolata previst mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, jekk hija ma tkunx tixtieq li d-dħul mill-attivitajiet l-oħra tagħha jkunu wkoll suġġetti għal din l-imposta?

2.    It-Tielet Direttiva dwar l-elettriku għandha tiġi interpretata fis-sens li ma taqax fil-kategorija ta’ miżuri li l-imsemmija direttiva tippermetti lil Stat Membru li jadotta, anki jekk imorru kontra l-għan li hija tfittex, miżura speċjali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkonsisti f’imposta obbligatorja għall-entitajiet irregolati, inklużi d-detenturi ta’ liċenzja għall-provvista tal-elettriku maħruġa mill-awtorità regolatorja, stabbilita skont ir-riżultat tagħhom, inkluż dak miksub fuq il-bażi tal-attivitajiet tagħhom barra ’l pajjiż, billi l-miżura inkwistjoni ma tikkostitwixxix la mezz għall-ġlieda kontra l-bidla fil-klima, la mezz għas-sigurtà tal-provvista u lanqas mezz intiż sabiex jintlaħaq għan ieħor imfittex mit-Tielet Direttiva dwar l-elettriku?

3.    It-Tielet Direttiva dwar l-elettriku għandha tiġi interpretata fis-sens li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi miżura speċjali li tikkonsisti f’imposta obbligatorja għall-entitajiet irregolati, inklużi d-detenturi ta’ liċenzja għall-provvista tal-elettriku maħruġa mill-awtorità regolatorja, stabbilita skont ir-riżultat tagħhom, inkluż dak miksub fuq il-bażi tal-attivitajiet tagħhom barra ’l pajjiż, ma tissodisfax la r-rekwiżiti ta’ trasparenza u lanqas dawk ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ aċċess ugwali għall-konsumaturi previsti fl-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, sa fejn din timponi piż fuq l-entità rregolata u d-dħul li jsir (fuq il-bażi tal-provvista tal-elettriku jew attivitajiet oħra) barra ’l pajjiż, filwaqt li, fir-rigward tad-detentur ta’ liċenzja għall-provvista tal-elettriku miksuba fuq il-bażi ta’ liċenzja “passaport” maħruġa mill-Istat ta’ oriġini tiegħu, din tolqot biss id-dħul li jsir fir-Repubblika Slovakka?

____________

1     ĠU 2009, L 211, p. 55.