Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Svea hovrätt (l-Isvezja) fil-11 ta’ Jannar 2018 – Textilis Ltd u Ozgur Keskin vs Svenskt Tenn Aktiebolag

(Kawża C-21/18)

Lingwa tal-kawża: l-Isvediż

Qorti tar-rinviju

Svea hovrätt

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Textilis Ltd, Ozgur Keskin

Konvenuta: Svenskt Tenn Aktiebolag

Domandi preliminari

L-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2015/2424 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2015 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2869/95 dwar id-drittijiet pagabbli lill-Uffiċċju tal-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinji) 1 , għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 2009, L 78, p. 1) fil-verżjoni ġdida tagħhom huma applikabbli meta qorti hija mitluba li teżamina talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità [imressqa b’applikazzjoni tal-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009] wara d-dħul fis-seħħ tal-emenda, jiġifieri wara t-23 ta’ Marzu 2016, filwaqt li l-azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ nullità kienet ġiet imressqa qabel din id-data u tirrigwarda għalhekk trade mark irreġistrata preċedentement?

L-Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament Nru 207/2009, fil-verżjoni applikabbli tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu jkopri sinjal li jikkonsisti fir-riproduzzjoni bidimensjonali ta’ prodott bidimensjonali, pereżempju tessut użat għat-tagħmir li jkun iddekorat bis-sinjal inkwistjoni f’din il-kawża?

F’każ li r-risposta għat-tieni domanda tkun fl-affermattiv, liema huma l-kriterji ta’ interpretazzjoni tal-espressjoni “sinjali li jikkonsistu esklużivament [fil-]forma, jew xi karatteristika oħra, li tagħti valur sostanzjali lill-oġġetti” tal-Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament Nru 207/2009 fil-każ fejn ir-reġistrazzjoni tirrigwarda diversi klassijiet ta’ prodotti, diversi prodotti u li s-sinjal jista’ jiġi mwaħħal b’modi differenti fuq dawn il-prodotti? L-evalwazzjoni għandha tkun ibbażata fuq kriterji iktar oġġettivi u ġenerali, pereżempju, billi tibda mill-premessa tad-dehra tat-trade mark u l-mod li bih tista’ tkopri prodotti differenti, jiġifieri mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-mod li bih il-proprjetarju tagħha effettivament iwaħħal is-sinjal fuq prodotti differenti ?

____________

1 ĠU 2015, L 341, p. 21.