Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Ġermanja) fil-11 ta' April 2011- FRA.BO SpA vs Deutsche Vereinigung des Gas- und Wasserfaches e.V. (DVGW) - Technisch-Wissenschaftlicher Verein

(Kawża C-171/11)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Oberlandesgericht Düsseldorf

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Fra.bo S.p.A

Konvenuta: Deutsche Vereinigung des Gas- und Wasserfaches e.V. (DVGW) - Technisch-Wissenschaftlicher Verein

Parti oħra: DVGW-Cert GmbH

Domandi preliminari

1)    L-Artikolu 28 KE (li sar l-Artikolu 34 TFUE), jekk meħtieġ, flimkien mal-Artikolu 86(2) KE (Artikolu 106(2) TFUE), għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta jiġu stabbiliti regoli tekniċi, kif ukoll matul il-proċedura ta' ċertifikazzjoni, korpi rregolati mid-dritt privat maħluqa sabiex jistabbilixxu regoli tekniċi f'qasam speċifiku, kif ukoll sabiex jiċċertifikaw prodotti skont dawn ir-regoli, huma mistennija jirrispettaw dawn id-dispożizzjonijiet jekk il-leġiżlatur nazzjonali espressament jikkunsidra l-prodotti ċċertifikati bħala konformi mal-liġi, li għall-inqas, għandu l-effett li jostakola kunsiderevolment il-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti li ma humiex ċċertifikati?

2)    Jekk tingħata risposta negattiva għall-ewwel domanda:

L-Artikolu 81 KE (Artikolu 101 TFUE) għandu jiġi interpretat fis-sens li n-negozju ta' korp rregolat mid-dritt privat fil-qasam tal-istabbiliment ta' regoli tekniċi u taċ-ċertifikazzjoni ta' prodotti skont dawn ir-regoli tekniċi, deskritt f'iktar dettall fil-paragrafu 1, għandu jiġi kkunsidrat bħala "ekonomiku" meta l-korp huwa kkontrollat minn impriżi?

Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel parti ta' din id-domanda:

L-Artikolu 81 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-istabbiliment ta' regoli tekniċi u ċ-ċertifikazzjoni skont dawn ir-regoli minn assoċjazzjoni ta' impriżi hija ta' natura li tostakola l-iskambji bejn l-Istati Membri meta prodott iffabbrikat skont il-liġi u kkumerċjalizzat fi Stat Membru ieħor ma jistax jiġi kkummerċjalizzat jew li l-kummerċjalizzazzjoni tiegħu hija ostakolata kunsiderevolment fl-Istat Membru ta' importazzjoni minħabba li ma jissodisfax ir-rekwiżit tar-regola teknika u billi huwa prattikament impossibbli li jiġi kkummerċjalizzat mingħajr tali ċertifikat fid-dawl tal-predominanza tar-regola teknika fis-suq u ta' dispożizzjoni tal-leġiżlatur nazzjonali li tipprovdi li ċertifikat tal-assoċjazzjoni ta' impriżi għandha tindika osservanza tar-rekwiżiti legali u meta r-regola teknika, jekk din tkun ġiet stabbilita mil-leġiżlatur nazzjonali, tkun inapplikabbli minħabba ksur tal-prinċipji tal-moviment liberu tal-merkanzija?

____________