Language of document : ECLI:EU:C:2007:682

KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

TRSTENJAK

ippreżentati fil-15 ta’ Novembru 20071(1)

Kawża C‑404/06

Quelle AG

vs

Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja)]

“Protezzjoni tal-konsumatur – Direttiva 1999/44/KE – Bejgħ ta’ oġġetti ta’ konsum u garanziji assoċjati magħhom – Dritt tal-bejjiegħ li jitlob mingħand il-konsumatur kumpens għall-użu ta’ oġġett difettuż fil-każ tat-tibdil tiegħu – Tibdil mingħajr ħlas”





I –    Introduzzjoni

1.        B’din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk humiex konformi mad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1999/44/KE tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom(2) (iktar’il quddiem id-“Direttiva 1999/44”), ir-regoli tal-Kodiċi Ċivili Ġermaniż li, fil-każ ta’ tibdil ta’ oġġett difettuż, jippermettu lill-bejjiegħ li jitlob mingħand ix-xerrej kumpens fi flus għall-użu ta’ l-oġġett imsemmi. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej ser ikollha għalhekk l-okkażjoni li tinterpreta għall-ewwel darba d-Direttiva 1999/44 fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari.

2.        Il-kwistjoni qamet fil-kuntest ta’ tilwima pendenti quddiem il- Bundesgerichtshof bejn il-kumpannija Quelle AG (iktar’il quddiem “Quelle”) u assoċjazzjoni Ġermaniża tal-konsumaturi, il-Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände (iktar’il quddiem il-“Bundesverband”) fejn il-Bundesverband titlob li l-konvenuta tiġi inibita milli titlob il-ħlas ta’ kumpens għall-użu ta’ oġġetti difettużi fil-każ li dawn jiġu ssostitwiti, u titlob ukoll ir-rifużjoni tal-kumpens imħallas.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt Komunitarju

1.      Id-dritt prinċipali

3.        Skond l-Artikolu 3(1)(t) KE l-attivitajiet tal-Komunità għandhom jinkludu, kif ipprovdut fit-Trattat u skond il-programm li jinsab fih, kontribuzzjoni għat-tisħiħ tal-protezzjoni tal-konsumatur;

4.        L-Artikolu 153(1) KE jipprovdi:

“Sabiex tippromwovi l-interessi tal-konsumaturi u sabiex tassigura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, il-Komunità għandha tikkontribwixxi għall-ħarsien tas-saħħa, s-sigurtà u interessi ekonomiċi tal-konsumaturi, kif ukoll il-promozzjoni tad-dritt tagħhom għall-informazzjoni, l-edukazzjoni u l-organizzazzjoni tagħhom infushom sabiex iħarsu l-interessi tagħhom”.

5.        L-Artikolu 95 KE jipprovdi dan li ġej:

“1. [...] Il-Kunsill għandu [...] jadotta l-miżuri għall-approssimazzjoni tad-dispo[ż]izzjonijiet stipulati bil-liġi, b’regolamenti jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri li għandhom bħala l-għan tagħhom l-istabbiliment u l-operazzjoni tas-suq intern.”

[...]

3 Il-Kummissjoni, fil-proposti tagħha kif maħsuba fil-paragrafu 1 li jikkonċerna [...] il-protezzjoni tal-konsumatur, għandha tieħu bħala bażi protezzjoni fl-għola livell, waqt li tieħu kont partikolarment ta’ kull żvilupp ġdid ibbażat fuq fatti xjentifiċi. Fil-limiti tal-poteri rispettivi tagħhom, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom ukoll ifittxu li jilħqu dan l-objettiv.

[...]”

2.      Id-Direttiva 1999/44

6.        It-tieni premessa tad-Direttiva 1999/44 tenfasizza li “s-suq intern fih żona mingħajr fruntieri interni li fih il-moviment ħieles ta’ oġġetti, persuni, servizzi u kapital huwa garantit”, u li l-moviment ħieles ta’ l-oġġetti jimplika wkoll li “l-konsumaturi residenti fi Stat Membru għandhom ikunu ħielsa li jixtru oġġetti fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor abbażi ta’ sett uniformi minimu ta’ regoli ġusti li jirregolaw il-bejgħ ta’ oġġetti ta’ konsum”.

7.        Ir-raba’ premessa ta’ din id-Direttiva tgħid li “l-konsumaturi li huma ħerqana li jibbenefikaw mis-suq kbir billi jixtru oġġetti fi Stati Membri li mhumiex mill-Istat ta’ residenza tagħhom għandhom rwol fundamentali fis-sedqa tas-suq intern”.

8.        Skond il-ħames premessa, “il-ħolqien ta’ sett komuni ta’ regoli minimi ta’ liġi tal-konsumaturi, li jkun validu rrispettivament minn fejn ikunu nxtraw l-oġġetti fi ħdan il-Komunità, isaħħaħ il-fiduċja fil-konsumatur u jippermetti lill-konsumaturi li jagħmlu użu sħiħ mis-suq intern”.

9.        Il-ħmistax-il premessa tistabbilixxi li “l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li kull ħlas lura lill-konsumatur jista’ jitnaqqas sabiex ikun ikkunsidrat l-użu mill-oġġetti li jkun għamel il-konsumatur minn meta dawn ingħatawlu” u li “billi l-arranġamenti dettaljati li bihom tiġi effetwata r-revoka tal-kuntratt jistgħu jiġu stipulati fil-liġi nazzjonali”.

10.      L-erbgħa u għoxrin premessa tispeċifika li “l-Istati Membri għandhom jitħallew jadottaw jew iżommu fis-seħħ aktar dispożizzjonijiet stretti fil-qasam kopert minn din id-Direttiva biex jiżguraw livell aktar għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur”.

11.      L-Artikolu 3 tad-Direttiva 1999/44 jirregola d-drittijiet tal-konsumatur:

“1. Il-bejjiegħ għandu jkun responsabbli għall-konsumatur għal kull nuqqas ta’ konformità [difett] li teżisti meta l-oġġetti kienu fornuti.

2. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità, l-konsumatur għandu jkun intitolat li l-oġġetti jinġiebu f’konformità mingħajr ħlas permezz ta’ tiswija jew tibdil, f’konformità mal-paragrafu 3, jew li jkollu tnaqqis xieraq fil-prezz jew il-kuntratt jitħassar rigward dawn l-oġġetti, f’konformità mal-paragrafi 5 u 6.

3. Fil-bidu, il-konsumatur jista’ jeħtieġ lill-bejjiegħ li jsewwi l-oġġetti jew jista’ jeħtieġ lill-bejjiegħ li jibdilhom, f’kull każ mingħajr ħlas, jekk kemm-il darba dan huwa impossibbli jew disproporzjonat.

Rimedju jinftiehem li huwa disproporzjonat jekk jimponi spejjeż fuq il-bejjiegħ li, f’paragun mar-rimedju alternattiv, m'humiex raġjonevoli, b’konsiderazzjoni mogħtija:

–        lill-valur li l-oġġetti jkollhom jekk ma kien hemm l-ebda nuqqas ta’ konformità,

–        lis-sinifikat tan-nuqqas ta’ konformità, u

–        jekk ir-rimedju alternattiv ikun jista’ jitlesta mingħajr inkonvenjent sinifikattiv lill-konsumatur.

Kull tiswija jew tibdil għandha titlesta fi żmien raġjonevoli u mingħajr ebda inkonvenjent sinifikattiv lill-konsumatur, b’konsiderazzjoni mogħtija lin-natura ta’ l-oġġetti u l-għan li għalihom il-konsumatur ħtieġhom.

4. Il-kliem “mingħajr ħlas” fil-paragrafi 2 u 3 jirreferu għall-ispejjeż meħtieġa li jeħel sabiex iġib l-oġġetti f’konformità, partikolarment l-ispiża ta’ pustaġġ, xogħol u materjal.

5. Il-konsumatur jista’ jinħtieġ tnaqqis xieraq tal-prezz jew li jitħassar il-kuntratt:

–        jekk il-konsumatur m'huwiex intitolat la għat-tiswija u lanqas għal tibdil, jew

–        jekk il-bejjiegħ ma jkunx lesta r-rimedju fi żmien raġjonevoli, jew

–        jekk il-bejjiegħ ma jkunx lest r-rimedju mingħajr inkonvenjent sinifikattiv lill-konsumatur.

[...]”

12.      L-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 1999/44 tipprovdi li l-bejjiegħ “għandu jinżamm responsabbli skond l-Artikolu 3 fejn in-nuqqas ta’ konformità ssir apparenti fi żmien sentejn minn meta l-oġġetti twasslu għandu il-konsumatur”.

13.      Skond l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 1999/44 l-Istati Membri jistgħu “jadottaw jew imantnu fis-seħħ dispożizzjonijiet aktar iebsa, kompatibbli mat-Trattat fil-qasam kopert minn din id-Direttiva, sabiex jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur”.

B –    Id-dritt Ġermaniż

14.      Id-Direttiva 1999/44 ġiet trasposta fid-dritt Ġermaniż fil-kuntest tar-riforma tal-Kodiċi Ċivili (Bürgerliches Gesetzbuch; iktar’il quddiem il-“BGB”)(3).

15.      L-Artikolu 439 tal-BGB bl-isem “Eżekuzzjoni a posteriori”, jipprovdi dan li ġej:

“(1) Ix-xerrej jista’ jagħżel li jitlob, bħala eżekuzzjoni a posteriori, it-tneħħija tad-difett jew il-kunsinna ta’ oġġett li m’għandux difetti.

(2) Il-bejjiegħ għandu jbati l-ispejjeż neċessarji għall-finijiet ta’ l-eżekuzzjoni a posteriori, b’mod partikolari l-ispejjeż tat-trasport, tal-vjaġġ, kif ukoll l-ispejjeż għax-xogħol u l-materjali.

(3) Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 275(2) u (3) l-bejjiegħ jista’ jirrifjuta l-metodu ta’ eżekuzzjoni a posteriori magħżul mix-xerrej jekk dan ikun possibbli biss bi spejjeż sproporzjonati. Għal dan il-għan għandhom jiġu kkunsidrati fuq kollox il-valur ta’ l-oġġett fi stat mingħajr difetti, id-daqs tad-difett u l-possibbiltà li jintuża xi metodu ieħor ta’ eżekuzzjoni a posteriori mingħajr ma dan ikun iffisser żvantaġġ kunsiderevoli għax-xerrej. F’dak il-każ, id-dritt tax-xerrej huwa limitat għall-metodu l-ieħor ta’ eżekuzzjoni a posteriori; jibqa’ mhux mittiefes id-dritt tal-bejjiegħ li jirrifjuta anki dan il-metodu jekk ikunu sodisfatti l-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel sentenza ta’ dan il-paragrafu.

(4) Jekk il-bejjiegħ jikkunsinna oġġett mingħajr difetti bħala eżekuzzjoni a posteriori, huwa jista’ jitlob lix-xerrej li jrodd lura l-oġġett difettuż, skond il-kundizzjonijiet u l-metodi stabbiliti fl-Artikoli 346 sa 348”.

16.      L-Artikolu 346 BGB, li jirregola l-effetti tar-rexxissjoni jipprovdi:

“(1) Jekk waħda mill-partijiet tkun irriżervat kuntrattwalment id-dritt għar-rexxissjoni, jew jekk hija jkollha dan id-dritt ipso jure, ir-rexxissjoni jkun ifisser il-kunsinna lura ta’ l-oġġetti rċevuti u r-restituzzjoni tal-profitti miksubin.

(2) Minflok il-kunsinna lura jew ir-restituzzjoni, id-debitur huwa obbligat li jirrifondi valur ekwivalenti:

1. jekk il-kunsinna lura jew ir-restituzzjoni hija eskluża abbażi tan-natura ta’ dak miksub,

2. jekk huwa jkun ikkonsma, biegħ, ipoteka, ħadem jew ittrasforma l-oġġett irċevut,

3. Madankollu, fil-każ ta’ deterjorazzjoni jew qerda ta’ l-oġġett; mhijiex inkluża d-deterjorazzjoni li tiġi minn użu normali ta’ l-oġġett.

Fil-każ fejn il-kuntratt jipprevedi korrispettiv, dan għandu jittieħed in kunsiderazzjoni fil-bażi tal-kalkolu tal-kumpens; jekk irid jitħallas il-kumpens għall-vantaġġi li jiġu minn użu ta’ self, hija ammessa l-prova diretta li turi li l-valur ta’ dawn il-vantaġġi kien inferjuri.

(3) L-obbligu ta’ kumpens jintemm:

1. jekk id-difett li jippermetti r-rexxissjoni irriżulta biss matul ix-xogħol jew waqt it-trasformazzjoni ta’ l-oġġett,

2. jekk u safejn id-deterjorazzjoni jew il-qerda tkun ħtija tal-kreditur, jew jekk id-dannu kien xorta waħda jirriżulta għand dan ta’ l-aħħar,

3. kemm il-darba, fil-każ ta’ dritt legali ta’ rexxissjoni, id-deterjorazzjoni jew il-qerda tkun seħħet għand il-persuna kkonċernata għalkemm dan ikun aġixxa bid-diliġenza li s-soltu juża fil-ħarsien ta’ ħwejġu.

Għandu jintradd lura kull arrikkiment li jifdal.

(4) [...]”

17.      L-Artikolu 347 BGB, dwar il-profitti u l-ispejjeż wara r-rexxissjoni, jipprovdi:

“(1) Jekk, kuntrarjament għar-regoli ta’ amministrazzjoni tajba d-debitur ma jaqlax profitti, għalkemm dan kien possibbli għalih, huwa obbligat li jikkumpensa lill-kreditur il-valur ekwivalenti. Fil-każ ta’ dritt legali ta’ rexxissjoni, il-persuna kkonċernata għandha tosserva, f’dak li jirrigwarda l-profitti, biss dik id-diliġenza li s-soltu tuża fil-ħarsien ta’ ħwejjiġha.

(2) Jekk id-debitur irodd lura l-oġġett, jew jagħmel kumpens ekwivalenti, jew jekk, skond l-Artikolu 346(3) (1) jew (2) huwa eskluż l-obbligu min-naħa tiegħu ta’ kumpens ta’ valur ekwivalenti, għandhom jiġu kkumpensati lilu l-ispejjeż meħtieġa. Spejjeż oħrajn għandhom jiġu kkumpensati biss safejn il-kreditur jirriżulta, bħala konsegwenza, arrikkit”.

18.      Skond l-Artikolu 100 BGB, il-profitti huma “il-frott ta’ oġġett jew ta’ dritt kif ukoll il-vantaġġi li jiġu mill-użu tal-ħaġa jew mit-tgawdija tad-dritt”.

III – Il-fatti, il-proċediment fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

19.      F’Awwissu ta’ l-2002 il-kumpannija Quelle bagħtet lix-xerrejja, fil-kuntest ta’ bejgħ bil-korrispondenza, forn domestiku għal korrispettiv ta’ EUR 524.90. F’Jannar 2004 x-xerrejja nnutat li fil-parti interna tal-forn ikkunsinnat kien inqala’ s-saff ta’ l-enamel. Billi t-tiswija ma kinitx possibbli, matul dak l-istess xahar – għalhekk fil-perijodu li kien għadu kopert bil-garanzija – hija talbet li jinbidel l-oġġett. Hija kkunsinnat lura l-forn difettuż lill-bejjiegħ (il-kumpannija Quelle) li bagħtitilu wieħed ġdid imma talbitu l-ħlas ta’ kumpens għall-użu ta’ l-oġġett, l-ewwel f’ammont ta’ EUR 119.97 u wara EUR 69.97, somma li x-xerrejja ħallset.

20.      Il-Bundesverband, li kellha prokura xierqa mingħand ix-xerrejja, ħarrket lil Quelle u talbet, minn naħa, ir-rifużjoni ta’ l-ammont ta’ EUR 67.86(4) flimkien ma’ l-imgħaxijiet u, min-naħa l-oħra, l-inġunzjoni lil Quelle li fil-futur ma tkomplix titlob il-ħlas ta’ kumpens għall-użu ta’ oġġetti fil-każ ta’ tibdil ta’ oġġetti difettużi.

21.      Il-Landgericht Nürnberg-Fürth (it-Tribunal Reġjonali ta’ Nürnberg-Fürth) laqa’ t-talba tar-rifużjoni ta’ l-ammont imħallas u ċaħad il-kumplament tar-rikors. L-Oberlandesgericht Nürnberg (il-Qorti ta’ l-Appell reġjonali ta’ Nürnberg) ikkonfermat is-sentenza tal-qorti ta’ l-ewwel istanza u aċċettat it-talba għal appell mid-deċiżjoni. Fil-motivazzjoni hija ppreċiżat li l-Artikolu 439(4) BGB ma jistax iservi ta’ bażi legali għat-talba ta’ kumpens għall-użu ta’ l-oġġett u li l-ġustifikazzjoni mogħtija mil-leġiżlatur fir-rigward ta’ dan id-dritt ta’ kumpens mhijiex konvinċenti(5). Din il-qorti ta’ appell iddikjarat li huwa mingħajr ġustifikazzjoni l-fatt li f’każ ta’ tibdil ta’ l-oġġetti jiġu applikati r-regoli tar-rexxissjoni tal-kuntratt; fil-fatt fil-każ ta’ tibdil, minn naħa x-xerrej jikseb oġġett ġdid, imma min-naħa l-oħra l-bejjiegħ iżomm il-prezz sħiħ, flimkien mal-profitt eventwali magħmul b’dan il-ħlas(6). Iżda, fil-każ ta’ rexxissjoni tal-kuntratt, ix-xerrej u l-bejjiegħ għandhom, reċiprokament, iroddu lil xulxin dak li rċevew(7).

22.      Iż-żewġ partijiet ressqu appell quddiem il-Bundesgerichtshof (it-Tribunal Federali Suprem) kontra d-deċiżjoni ta’ l-Oberlandesgericht Nürnberg. Il-Bundesgerichtshof għandu dubji serji dwar l-oneru unilaterali fuq ix-xerrej li jħallas kumpens għall-użu ta’ l-oġġett, imma ma jara l-ebda possibbiltà sabiex din l-isproporzjoni tiġi evitata permezz ta’ interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet in kwistjoni, peress li dan mhuwiex possibbli kemm minħabba ċ-ċarezza tat-tifsira litterali tagħhom, kif ukoll minħabba r-rieda ċara tal-leġiżlatur li tirriżulta mix-xogħlijiet ta’ preparazzjoni ta’ l-abbozz tal-liġi fuq ir-riforma tad-dritt ta’ l-obbligazzjonijiet(8). Huwa jenfasizza li interpretazzjoni hija possibbli biss safejn din ma toħloqx kunflitt mat-tifsira litterali tal-liġi u mar-rieda ċara tal-leġiżlatur(9).

23.      Barra minn hekk, il-Bundesgerichtshof għandu dubji dwar kemm il-leġiżlazzjoni Ġermaniża kkontestata hija konformi ma’ l-Artikolu 3(2), (3) u (4) tad-Direttiva 1999/44, li tistabbilixxi tibdil “mingħajr ħlas” ta’ l-oġġetti “mingħajr inkonvenjent sinifikattiv lill-konsumatur” u ma taqbilx ma’ l-argument li jgħid li din id-Direttiva tirregola biss il-fatt li l-provvista ta’ oġġett ġdid għandha tkun mingħajr spejjeż(10). F’dan ir-rigward huwa jsostni wkoll li l-opinjonijiet fid-duttrina Ġermaniża dwar il-konformità tad-dispożizzjonijiet Ġermaniżi mad-Direttiva 1999/44 ma jaqblux bejniethom(11).

24.      Konsegwentement il-Bundesgerichtshof, b’digriet tas-16 ta’ Awwissu 2006 ddeċieda li jissospendi l-proċedura u jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja t-talba għal deċiżjoni preliminari li ġejja:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 3(2), moqrija flimkien ma dawk l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3(3), u ta’ l-Artikolu 3(4) jew tat-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1999/44/KE, tal-25 ta’ Mejju 1999, dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li bejjiegħ jista’ jitlob mingħand il-konsumatur, fil-każ fejn l-oġġett ta’ konsum jerġa’ jitpoġġa f’konformità mal-kuntratt permezz tat-tibdil tiegħu, kumpens għall-użu ta’ l-oġġett, mhux konformi mal-kuntratt, li kien ġie inizjalment ikkunsinnat”.

IV – Il-proċediment quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

25.      It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Settembru 2006.

26.      Il-Bundesverband, il-Gvern Ġermaniż, il-Gvern Spanjol, il-Gvern Awstrijak, u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Fis-seduta, ta’ l-4 ta’ Ottubru 2007, Quelle, il-Bundesverband, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni esponew l-argumenti tagħhom u rrispondew għad-domandi tal-Qorti tal-Ġustizzja.

V –    L-argumenti tal-partijiet

A –    Quelle

27.      Matul is-seduta Quelle sostniet li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli peress li l-Bundesgerichtshof, f’dan il-każ, jista’ jinterpreta r-regoli kkontestati tal-BGB biss fis-sens li jawtorizzaw it-talba għall-ħlas ta’ kumpens għall-użu ta’ l-oġġett. Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li d-Direttiva 1999/44 tipprekludi l-leġiżlazzjoni Ġermaniża, il-Bundesgerichtshof ma jkunx jista’ jibbaża ruħu fuq din id-deċiżjoni, peress li huwa prekluż milli jagħmel dan mill-Artikolu 20 tal-Grundgesetz (il-Kostituzzjoni Ġermaniża) li jipprovdi li l-qrati huma marbutin fid-deċiżjonijiet tagħhom li jirrispettaw il-liġi. Fil-fatt jekk il-qorti nazzjonali msemmija tikkonforma ruħha ma’ sentenza ta’ dan it-tip, hija jkollha tinterpreta d-dritt nazzjonali contra legem, li huwa inammissibbli, billi, kif jirriżulta mis-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi Pupino(12) u Adeneler(13), direttiva ma tistax tkun il-bażi għal interpretazzjoni contra legem. F’dak li jirrigwarda r-risposta li għandha tingħata għad-domanda preliminari, Quelle issostni li d-Direttiva 1999/44 ma tirregolax il-kwistjoni ta’ kumpens għall-użu ta’ l-oġġett, b’tali mod li l-leġiżlatur Ġermaniż ma kien suġġett għal ebda rabta biex jirregola dan is-suġġett. Il-leġiżlazzjoni Ġermaniża hija ammissibbli billi tagħmel possibbli li jkun hemm bilanċ bejn it-talba għat-tiswija u dik għat-tibdil.

B –    Il-Bundesverband

28.      Matul is-seduta l-Bundesverband esponiet li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli u, f’dan il-każ, ma tirrigwardax l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża skond id-Direttiva 1999/44, imma pjuttost tikkonċerna l-interpretazzjoni ta’ l-istess Direttiva. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu l-Bundesverband jenfasizza li l-iskop tad-Direttiva 1999/44 jikkonsisti fil-garanzija ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u li t-tibdil ta’ l-oġġetti għandu jsir “mingħajr ħlas” u “mingħajr inkonvenjent sinjifikattiv għall-konsumatur”, li jinkludi l-projbizzjoni li l-konsumatur jintalab kumpens għall-użu ta’ oġġetti difettużi. Huwa jsostni wkoll li l-fatt li l-ammont ta’ kumpens mhuwiex ċert jista’ jżomm lill-konsumatur lura milli jsostni d-drittijiet tiegħu abbażi tad-Direttiva 1999/44.

C –    Il-Gvern Ġermaniż

29.      Il-Gvern Ġermaniż isostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli, billi l-interpretazzjoni li ser tagħti l-Qorti tal-Ġustizzja tad-Direttiva 1999/44 hija meħtieġa sabiex tiġi solvuta l-kwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-mertu, huwa jgħid li d-Direttiva 1999/44 ma tikkontradixxix il-leġiżlazzjoni Ġermaniża in kwistjoni. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, sabiex isostni dan l-argument, huwa jesponi erba’ metodi ta’ interpretazzjoni: letterali, sistematiku, storiku u teleoloġiku.

30.      Fil-kuntest ta’ l-interpretazzjoni letterali, il-Gvern Ġermaniż isostni li d-Direttiva 1999/44 ma tirregolax il-kwistjoni ta’ jekk il-bejjiegħ jistax jitlob mingħand il-konsumatur, fil-każ ta’ tibdil ta’ l-oġġett, kumpens għall-użu ta’ l-oġġett difettuż. Il-kliem “jinġiebu f’konformità mingħajr ħlas” u “jibdilhom, f’kull każ mingħajr ħlas” fl-Artikolu 3(2) u (3), tad-Direttiva 1999/44 jirreferi biss, skond il-Gvern Ġermaniż, għall-provvista b’xejn, jiġifieri għall-eżekuzzjoni tat-tibdil, u dan huwa konformi ma’ l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva li bil-kliem “mingħajr ħlas” jinkludi “partikolarment [...] l-ispiża tal-pustaġġ”. Il-kliem “mingħajr inkonvenjent sinjifikattiv lill-konsumatur” skond it-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 3(3), tad-Direttiva 1999/44 ifisser biss il-ħtieġa li l-bejjiegħ ma jagħmilx ostakli prattiċi lill-konsumatur fl-eżerċizzju tad-dritt tiegħu għat-tibdil ta’ l-oġġett.

31.      Fil-kuntest ta’ interpretazzjoni sistematika tad-Direttiva 1999/44, il-Gvern Ġermaniż jibda bl-argument li l-ewwel sentenza tal-ħmistax-il premessa tagħha ma tirriferixxix biss għar-rexxissjoni tal-kuntratt, imma ssemmi prinċipju ġuridiku ġenerali, u dan għal żewġ motivi. Fl-ewwel lok, mill-fatt li fil-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill ta’ l-24 ta’ Settembru 1998(14) hemm speċifikat b’mod ċar li l-Istati Membri huma ħielsa li jadottaw regoli “fuq il-kumpens fil-każ ta’ oġġetti użati diġà mill-konsumatur, kif ukoll fuq dispożizzjonijiet iddettaljati għar-rexxissjoni tal-kuntratt” jirriżulta li hemm bżonn li dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet jiġu ttrattati b’mod separat. Fit-tieni lok, ir-rexxissjoni tal-kuntratt tissemma biss fit-tieni sentenza tal-ħmistax-il premessa, b’mod separat, filwaqt li d-dritt għat-tnaqqis ta’ kumpens jissemma’ fl-ewwel sentenza, li jwassal ukoll għall-konklużjoni li t-tnaqqis ta’ kumpens mhux possibbli biss fil-każ tar-rexxissjoni tal-kuntratt.

32.      Fil-kuntest ta’ l-interpretazzjoni storika, il-Gvern Ġermaniż jirriferi għall-proposta(15) u għall-proposta emendata tad-Direttiva 1999/44(16), li juru l-iżvilupp tal-kliem użat fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 1999/44 u li juru kif id-Direttiva timponi biss it-tiswija mingħajr ħlas imma mhux it-tibdil mingħajr ħlas ukoll.

33.      Skond il-Gvern Ġermaniż, minn interpretazzjoni teleoloġika ta’ l-Artikolu 3 tad-Direttiva 1999/44 jirriżulta biss li l-konsumatur mhuwa obbligat li jagħmel l-ebda spiża biex l-oġġett jitpoġġa f’konformità mal-kuntratt. Il-leġiżlazzjoni Ġermaniża ma tmurx kontra l-għan persegwit mid-Direttiva 1999/44, jiġifieri t-tlestija tas-suq intern u l-protezzjoni tal-konsumatur, peress li t-tibdil ta’ l-oġġetti huwa possibbli mingħajr problemi jew ostakli burokratiċi. Il-Gvern Ġermaniż isostni li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Schulte(17), iddikjarat li l-effettività tal-protezzjoni Ewropea tal-konsumatur mhijiex mhedda mill-obbligu li l-konsumatur għandu li, fil-każ ta’ rexxissjoni tal-kuntratt ta’ self għal proprjetà immobbli, li jirrifondi mhux biss l-ammonti rċevuti abbażi ta’ dak il-kuntratt, imma l-imgħaxijiet ukoll. Fil-fehma tiegħu, it-talba li jitħallas kumpens għall-użu ma tmurx kontra l-effettività tal-protezzjoni tal-konsumatur, billi dan il-ħlas jirrappreżenta obbligu sekondarju fir-rigward tar-rifużjoni tas-self fil-kawża Schulte. Fl-aħħar nett, huwa jsostni li l-konsumatur m’għandu jitħalla jieħu l-ebda vantaġġ mit-tibdil ta’ l-oġġett.

D –    Il-Gvern Awstrijak, il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni

34.      Skond il-Gvern Awstrijak, it-talba għal kumpens għall-użu hija possibbli biss fil-każ ta’ rexxissjoni tal-kuntratt u mhux meta jinbidel l-oġġett. Il-possibbiltà li jkun jista’ jintalab kumpens għall-użu twassal għal żbilanċ bejn id-dritt għat-tiswija u d-dritt għat-tibdil, meta dawn għandhom ikunu ekwivalenti, filwaqt li l-konsumatur għandu jkollu d-dritt ta’ l-għażla. Fuq livell ekonomiku, il-konsumatur m’għandux dan id-dritt ta’ l-għażla fil-każ li t-tiswija tkun mingħajr ħlas u t-tibdil ikun, minflok, marbut ma’ spiża supplimentari, jiġifieri l-ħlas ta’ kumpens għall-użu.

35.      Skond il-Gvern Spanjol, għalkemm huwa minnu li l-kumpens għall-użu ma jidħolx legalment fost l-“ispejjeż” fis-sens ta’ l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 1999/94, dan għandu, madankollu, konsegwenzi ekonomiċi għall-konsumatur u għalhekk imur kontra l-prinċipju tat-tibdil mingħajr ħlas. L-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 1999/44 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-konsumatur m'għandu jbati l-ebda spejjeż li jkunu direttament konnessi mat-tibdil ta’ l-oġġett.

36.      Matul is-seduta l-Kummissjoni sostniet li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli, peress li, fil-każ ta’ dubji fuq il-konformità tad-dritt nazzjonali ma’ direttiva, fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari tiġi diskussa indirettament il-kwistjoni ta’ jekk l-Istat Membru naqasx jew le mill-obbligi li huwa għandu skond id-dritt Komunitarji. Fil-fehma tagħha, il-possibbiltà li d-dritt nazzjonali jiġi interpretat skond id-dispożizzjonijiet Komunitarji ma tistax tkun kundizzjoni għall-ammissibbiltà ta’ talba għal deċiżjoni preliminari. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-kliem “mingħajr ħlas” ma jistax jiġi limitat biss għall-kunsinna b’xejn ta’ l-oġġett. Hija tenfasizza li l-bejjiegħ, skond l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 1999/44, huwa responsabbli lejn il-konsumatur għal kull nuqqas ta’ konformità li kien jeżisti meta l-oġġetti ġie kkunsinnat u għalhekk, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 3(4) ta’ din id-Direttiva, għandu jbati l-ispejjeż neċessarji sabiex iġib l-oġġetti f’konformità mal-kuntratt. It-tnaqqis tal-kumpens previst fil-ħmistax-il premessa tad-Direttiva 1999/44 jirriferi biss, skond il-Kummissjoni, għar-rexxissjoni tal-kuntratt. Il-Kummissjoni tenfasizza l-importanza tal-protezzjoni għolja tal-konsumatur fid-dritt Komunitarju u tispeċifika, minn naħa, li meta jħallas għall-oġġett, il-konsumatur ikun issodisfa l-obbligu tiegħu u, min-naħa l-oħra, li t-talba għall-ħlas ta’ kumpens għall-użu tibdel il-bilanċ bejn il-bejjiegħ u l-konsumatur. Skond il-Kummissjoni, l-interessi finanzjarji tal-bejjiegħ huma mħarsin biżżejjed permezz tal-possibbiltà li tiġi sostnuta l-isproporzjonalità tat-tibdil ta’ l-oġġett.

VI – Il-kunsiderazzjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali

A –    Kunsiderazzjonijiet preliminari

37.      Il-qorti tar-rinviju sostanzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 1999/44 tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-bejjiegħ li jeżiġi mingħand ix-xerrej, fil-każ tat-tibdil ta’ oġġett difettuż, il-ħlas ta’ kumpens għall-użu ta’ dak l-oġġett. Dan id-dritt tal-bejjiegħ jirriżulta mill-Artikolu 439(4) BGB, li jirriferi għall-eżekuzzjoni a posteriori, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 346(1) u (2)1 BGB li jirregola l-effetti tar-rexxissjoni tal-kuntratt. Id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Ċivili Ġermaniż in kwistjoni għalhekk jestendu ir-regoli applikabbli fil-każ ta’ rexxissjoni tal-kuntratt għall-każijiet tat-tibdil ta’ l-oġġett. F’dan il-każ partikolari l-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tinterpreta għall-ewwel darba d-Direttiva 1999/44(18) fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari.

38.      Il-kwistjoni tal-fondatezza tad-dritt għall-kumpens għall-użu qajjem dibattitu akkademiku sħiħ fid-duttrina Ġermaniża. Favur din ir-regola l-awturi jiċċitaw, normalment, il-motivazzjonijiet tal-leġiżlatur dwar id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-BGB(19) u l-argument ibbażat fuqha li jgħid li bit-tibdil ix-xerrej jitpoġġa f’sitwazzjoni ta’ vantaġġ ekonomiku(20). Favur l-argument li hemm konformità mad-Direttiva 1999/44, dawn l-awturi jirriferu l-iktar għall-ħmistax-il premessa tagħha u għall-argument li jgħid li l-ħlas tal-kumpens għall-użu ma jidħolx fost l-ispejjeż meħtieġa biex l-oġġetti jtpoġġew f’konformità mal-kuntratt skond l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva stess(21). Madankollu, diversi awturi ddikjaraw ukoll li l-liġi Ġermaniża mhijiex konformi mad-Direttiva 1999/44(22). Minbarra n-nuqqas ta’ konformità mad-Direttiva, huma jenfasizzaw l-iżbilanċ tal-liġi li tippermetti lill-bejjiegħ li jżomm il-profitti miksubin bil-ħlas tal-prezz(23).

B –    Ammissibbiltà

39.      F’dak li jirrigwarda l-ammissibbiltà tat-talba għandu jiġi kkunsidrat, kif ġustament enfasizzat il-Kummissjoni fis-seduta, li l-possibbiltà jew le, li l-qrati nazzjonali jinterpretaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali skond id-Direttiva ma tistax tkun kundizzjoni għall-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari. Il-prinċipju li jipprojbixxi l-interpretazzjoni contra legem jgħodd biss fil-każ fejn il-qorti nazzjonali tinterpreta d-dritt intern skond id-dritt Komunitarju; imma fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari wieħed ma jistax jitkellem fuq projbizzjoni ta’ interpretazzjoni contra legem. L-għan ta’ l-interpretazzjoni fi proċedura għal deċiżjoni preliminari jikkonsisti f’li tiġi assigurata, permezz ta’ l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, applikazzjoni korretta u uniformi ta’ dan id-dritt fl-Istati Membri kollha(24).

40.      Ir-riferenzi għall-Artikolu 20 tal-Grundgesetz jirrigwardaw esklużivament id-dritt Kostituzzjonali Ġermaniż; għalhekk, din ir-regola ma tistax, fiha nnifisha, taffettwa l-ammissibbiltà tat-talba għad-deċiżjoni preliminari. Il-kriterji għall-ammissibbiltà ta’ din it-talba huma stabbiliti esklużivament mill-Artikolu 234 KE u mhux mid-dritt nazzjonali. Interpretazzjoni differenti tkun timplika li kull Stat Membru jkun jista’ awtomatikament jiddeċiedi fuq l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 234 KE, u dan jista’ jwassal għal applikazzjoni mhux uniformi tad-dritt Komunitarju fl-Istati Membri. Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

C –    Analiżi

41.      L-ewwel nett għandu jiġi osservat li l-BGB jitkellem in ġenerali fuq ix-“xerrej” u l-“bejjiegħ”, filwaqt li d-Direttiva 1999/44 titkellem fuq il-“konsumatur” u l-“bejjiegħ” li jbiegħ oġġetti ta’ konsum. Fil-kawża prinċipali x-xerrejja tista’ tiġi inkluża fil-kunċett ta’ “konsumatur”(25) u l-bejjiegħ f’dak ta’ “bejjiegħ”(26) skond id-Direttiva 1999/44; barra minn hekk, il-bejgħ tal-forn domestiku jirrappreżenta bejgħ ta’ “oġġett ta’ konsum”(27) skond id-Direttiva.

42.      Il-problema ċentrali tal-kawża in kwistjoni tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kliem “mingħajr ħlas” fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 1999/44 u l-kwistjoni relatata jekk “it-tibdil mingħajr ħlas” ifissirx li l-bejjiegħ ma jistax jeżiġi mingħand il-konsumatur kumpens għall-użu tal-ħaġa diffettuża.

43.      Fil-kuntest ta’ interpretazzjoni litterali, għandu l-ewwel nett li jiġi enfasizzat li, skond l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 1999/44, il-bejjiegħ “għandu jkun responsabbli għall-konsumatur għal kull nuqqas ta’ konformità li teżisti meta l-oġġetti kienu fornuti”. Għalhekk, id-Direttiva tistabbilixxi b’mod ċar li r-responsabbiltà għan-nuqqas ta’ konformità ta’ l-oġġett ikkunsinnat li jkun jeżisti fil-mument tal-kunsinna taqa’ fuq il-bejjiegħ u li dan għandu jirrispondi għan-nuqqas tat-twettiq ta’ l-obbligu tiegħu. Jekk tiġi aċċettata liġi li tippermetti lill-bejjiegħ li jeżiġi kumpens għall-użu ta’ l-oġġett, il-bejjiegħ jitħalla jaħrab mir-responsabbiltà sħiħa tiegħu għan-nuqqas ta’ konformità tat-twettiq kuntrattwali li kien jeżisti fil-mument tal-kunsinna ta’ l-oġġett, u parti minn din ir-responsabbiltà, li għandha taqa’ fuq il-bejjiegħ, tispiċċa sabiex tgħaddi fuq il-konsumatur.

44.      L-Artikolu 3(2) jagħti lill-konsumatur id-dritt li jeżiġi li “l-oġġetti jinġiebu f’konformità mingħajr ħlas”; dan ifisser li t-tpoġġija f’konformità mal-kuntratt, fuq talba tal-konsumatur, tista’ sseħħ l-ewwel nett, mingħajr ħlas, bit-tiswija jew bit-tibdil ta’ l-oġġett. F’dan il-kuntest il-konsumatur għandu, fl-opinjoni tiegħi, jagħżel, bejn it-tiswija u t-tibdil, l-alternattiva li tirriżulta li tkun possibbli u proporzjonata(28). Jekk l-ebda waħda miż-żewġ alternattivi ma tkun possibbli jew proporzjonata, il-konsumatur jista’ jitlob it-tnaqqis korrispondenti tal-prezz jew ir-rexxissjoni tal-kuntratt(29). L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 1999/44 jgħid espressament li kemm it-tiswija kif ukoll it-tibdil ta’ l-oġġett għandhom isiru “mingħajr ħlas”. It-tifsira tas-soltu tal-kliem “mingħajr ħlas”, li hemm f’dak l-artikolu, tagħti lil wieħed x’jifhem li l-liġi Ġermaniża ma taqbilx mad-Direttiva(30). L-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 1999/44 fih definizzjoni tal-kliem “mingħajr ħlas”. Din id-definizzjoni ma taqbilx mal-liġi Ġermaniża għal żewġ raġunijiet.

45.      Fl-ewwel lok, din ir-regola tistabbilixxi b’mod ċar ħafna li l-kliem “mingħajr ħlas” jinkludi “l-ispejjeż meħtieġa sabiex iġib l-oġġetti f’konformità”. Huwa irrilevanti l-fatt ta’ jekk il-bejjiegħ jitlobx il-ħlas tal-kumpens għall-użu ta’ l-oġġett bħala kundizzjoni sabiex dan jinbidel jew jitlobx dan il-ħlas iktar tard, wara li jkun bidel l-oġġett. Hemm bżonn li tiġi interpretata d-definizzjoni tal-kliem “mingħajr ħlas” moqri flimkien ma’ l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 1999/44, li jgħid li l-bejjiegħ huwa responsabbli għal kollox għan-nuqqas ta’ konformità li jkun jeżisti fil-mument tal-kunsinna ta’ l-oġġett; għalhekk isegwi li l-bejjiegħ għandu jħallas l-ispejjeż kollha kkonċernati sabiex ikun hemm din il-konformità.

46.      Fit-tieni lok, fir-rigward ta’ l-argument tal-Gvern Ġermaniż li jgħid li dawn l-ispejjeż jinkludu “partikolarment, […] l-ispejjeż ta’ pustaġġ, xogħol u materjal”, għandu jiġi enfasizzat li din il-lista sservi sempliċiment bħala eżempju u mhijiex eżawrjenti. Bil-kelma “partikolarment” il-leġiżlatur Komunitarju ried isemmi l-eżempji l-iktar frekwenti ta’ l-ispejjeż li jistgħu jinqalgħu fil-każ ta’ tibdil, u mhux jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, abbażi tal-prinċipju exempla illustrant non restringunt legem, jista’ jiġi konkluż li l-“ispiża” ma tinkludix biss l-ispiża tal-kunsinna ta’ l-oġġett li jkun konformi mal-kuntratt(31). Mid-dispożizzjoni in kwistjoni jirriżulta għalhekk b’mod ċar li l-kliem “mingħajr ħlas” jinkludi l-ispejjeż kollha meħtieġa sabiex l-oġġetti jiġu impoġġija f’konformita mal-kuntratt, peress li jinkludi kemm eżempji ta’ l-ispejjeż tat-tip elenkat, kif ukoll l-ispejjeż l-oħra kollha li jista’ jkun hemm għall-kunsinna ta’ l-oġġett.

47.      Għandu jiġi iċċarat ukoll jekk it-talba għal kumpens għall-użu tikkawżax “inkonvenjent sinjifikattiv” lill-konsumatur skond it-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 1999/44. F’dan ir-rigward, għandu jiġi aċċettat l-argument tal-Gvern Awstrijak li jgħid li l-ħlas ta’ kumpens għall-użu jikkostitwixxi “inkonvenjent sinjifikattiv” skond id-Direttiva. Il-kliem “inkonvenjent sinjifikattiv” ma jinkludix biss l-ostakli prattiċi biex iseħħ it-tibdil, imma l-inkonvenjenti in ġenerali, u l-“inkonvenjent” finanzjarju huwa inkonvenjent ieħor li jista’ jkun, fil-fehma tiegħi, saħansitra ta’ piż akbar mill-ostakli prattiċi li jista’ jkollu l-konsumatur għat-tibdil ta’ l-oġġett.

48.      Barra minn dan, kif ġustament osservat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-interessi finanzjarji tal-bejjiegħ huma ggarantiti biżżejjed mill-possibbiltà li jiġi sostnut il-karattru sproporzjonat tar-rimedju magħżul mill-konsumatur. It-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 1999/44 jistabbilixxi li r-rimedju huwa sproporzjonat “jekk jimponi spejjeż fuq il-bejjiegħ li, f’paragun mar-rimedju alternattiv, m'humiex raġjonevoli”. Għalhekk, jekk it-tibdil ikun jinvolvi, għall-bejjiegħ, spejjeż li ma jkunux raġjonevoli, dan jista’ jiċħad it-talba tat-tibdil tal-konsumatur. Jekk anki t-tiswija ta’ l-oġġett tkun impossibbli jew sproporzjonata, wieħed jista’ jipproċedi fis-sens li l-konsumatur jagħżel rimedju sussidjarju billi jitlob tnaqqis fil-prezz jew ir-rexxissjoni tal-kuntratt. Għalhekk id-Direttiva tipproteġi biżżejjed lill-bejjiegħ u fl-istess ħin tippermetti li l-konsumatur jkun jista’ jsostni b’mod effettiv id-drittijiet tiegħu(32).

49.      Għandu jiġi kkunsidrat ukoll liema huma l-effetti konkreti tat-talba għal kumpens għall-użu. Fil-każ li l-bejjiegħ jitlob mingħand il-konsumatur kumpens ta’ dan it-tip u t-tiswija ma tkunx possibbli, il-konsumatur ċertament ma jibqagħlux wisq għażliet. Jekk il-bejjiegħ jimponi l-ħlas tal-kumpens bħala kundizzjoni għat-tibdil, il-konsumatur tibqagħlu biss l-għażla li jew iħallas il-kumpens u jirċievi oġġett ġdid jew ma jħallasx u jżomm l-oġġett il-qadim. Anki jekk il-bejjiegħ ma jimponix il-ħlas tal-kumpens bħala kundizzjoni għat-tibdil, imma jitolbu wara, il-konsumatur jista’ jiġi bejn ħaltejn jekk jitlobx it-tibdil jew le. Għalhekk fil-verità jista’ jiġri li l-konsumatur, minħabba t-talba tal-kumpens għall-użu, ma jużax id-dritt tiegħu tat-tibdil, u dan, f’kull każ, imur kontra s-sens u l-għan tad-Direttiva 1999/44. Teoretikament, abbażi tat-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 1999/44 il-konsumatur jista’ jsostni li t-tibdil jikkawżalu inkonvenjenti sinjifikanti u jitlob lill-bejjiegħ tnaqqis fil-prezz jew ir-rexxissjoni tal-kuntratt. Madankollu, wieħed jistaqsi jekk fid-dawl tal-liġi Ġermaniża attwali, oġġezzjoni bħal din hijiex realistika. Din hija sitwazzjoni li tista’ twassal sabiex il-konsumatur ma jitlobx l-ebda wieħed mir-rimedju li għandu dritt għalihom bis-saħħa tad-Direttiva 1999/44. Fil-prattika għandu jiġi kkunsidrat ukoll li t-talba għal kumpens għall-użu hija problematika ħafna fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti li l-valur tagħhom jaqa’ malajr u li l-prezz tagħhom, minħabba l-iżvilupp ta’ mudelli ġodda bejn il-mument tax-xiri u dak tat-tibdil, jista’ jonqos ħafna, bħal, per eżempju, fil-każ ta’ kompjuters, telefowns ċellulari u karozzi(33). F’dan il-każ, ix-xerrej jirċievi mudell li, fil-mument tat-tibdil, għandu valur anqas għoli fir-rigward tal-mument tax-xiri, u minbarra dan irid iħallas ukoll kumpens għall-użu.

50.      Minn interpretazzjoni litterali ta’ l-Artikolu 3 tad-Direttiva 1999/44 għalhekk jirriżulta li din tipprekludi leġiżlazzjoni bħal dik Ġermaniża. Fl-opinjoni tiegħi, għalkemm l-interpretazzjoni litterali tista’ tipprovdi soluzzjoni univoka għad-domanda tal-qorti tar-rinviju(34), din l-interpretazzjoni tirrappreżenta biss punt tat-tluq, li għandu jiġi sostnut b’tipi oħra ta’ interpretazzjoni(35). Anki permezz ta’ l-interpretazzjonijiet teleoloġika u sistematika wieħed jasal, mingħajr l-ebda dubju, għall-konklużjoni li d-Direttiva 1999/44 tipprekludi leġiżlazzjoni bħal dik Ġermaniża. Jistgħu jinġiebu diversi argumenti in sostenn ta’ din id-dikjarazzjoni.

51.      Minn interpretazzjoni teleoloġika tad-Direttiva 1999/44 jirriżulta li l-għan tagħha huwa livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur. Dan jirriżulta mill-Artikolu 3(1)(t) KE u mill-Artikolu 153 (1) KE(36); skond din l-aħħar dispożizzjoni, il-Komunità, sabiex tippromwovi l-interessi tal-konsumatur u jkollhom livell għoli ta’ protezzjoni, tikkontribwixxi għall-ħarsien tas-saħħa, is-sigurezza u l-interessi ekonomiċi tal-konsumatur(37). Leġiżlazzjoni bħal dik Ġermaniża tikkontradixxi manifestament l-isforz tal-Komunità intiż sabiex jintlaħaq l-iktar livell għoli possibbli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, u fuq kollox l-isforż intiż għas-salvagwardja ta’ l-interessi ekonomiċi tagħhom.

52.      Fil-kuntest tal-protezzjoni tal-konsumatur, għan speċifiku(38) tad-Direttiva 1999/44 huwa dak li tiġi ggarantita armonizzazzjoni minima tar-regoli dwar il-bejgħ u għall-garanziji dwar l-oġġetti tal-konsum(39). Il-ħtieġa ta’ armonizzazzjoni minima tirriżulta b’mod ċar kemm mill-erbgħa u għoxrin premessa kif ukoll mill-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 1999/44, li jippermettu lill-Istati Membri li jadottaw jew iżommu fis-seħħ dispożizzjonijiet għall-protezzjoni tal-konsumatur iktar rigorużi minn dawk stabbiliti fid-Direttiva stess. Permezz ta’ l-interpretazzjoni teleoloġika wieħed jasal għall-konklużjoni evidenti li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża, li tiggarantixxi lill-konsumatur livell ta’ protezzjoni inferjuri minn dak previst mid-Direttiva 1999/44, tmur, a fortiori, kontra din ta’ l-aħħar. Għandu jiġi enfasizzat ukoll li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 1999/44 jiggarantixxu standard inderogabbli tad-drittijiet tal-konsumatur u l-partijiet ma jistgħux, lanqas kuntrattwalment, jiftehmu fuq livell inferjuri ta’ protezzjoni tal-konsumatur u b’dan il-mod jeskludu li t-tibdil isir mingħajr ħlas(40).

53.      Barra minn dan, mit-tieni, ir-raba’ u l-ħames premessa tad-Direttiva 1999/44 jirriżulta b’mod ċar li l-iskop aħħari ta’ l-isforz intiż għal livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur huwa l-funzjonamnt organizzat tas-suq intern(41), li jippermetti li l-konsumaturi jakkwistaw liberament oġġetti ta’ konsum fi Stati Membri oħrajn(42). Livell għola ta’ protezzjoni tal-konsumatur jista’ għalhekk jiffavorixxi l-hekk imsejjaħ moviment liberu passiv ta’ l-oġġetti u tas-servizzi, li bis-saħħa tiegħu l-konsumatur jakkwista oġġetti u jirċievi servizzi fi Stati Membri oħrajn(43). Biex ikun iggarantit il-moviment ħieles ta’ l-oġġetti u tas-servizzi l-konsumaturi għandhom jibbenefikaw minn kundizzjonijiet kemm jista’ jkun uniformi għax-xiri ta’ oġġetti u l-ksib tas-servizzi, u dan jgħodd ukoll għall-kundizzjonijiet dwar it-tibdil mingħajr ħlas. Dawn il-kundizzjonijiet jistgħu jkunu anqas favorevoli fil-Ġermanja, peress li huwa possibbli li l-bejjiegħ jitlob il-ħlas ta’ kumpens għall-użu, u dan jista’ jwassal għal taqlib fis-suq intern u għal limitazzjoni tal-moviment liberu ta’ l-oġġetti u tas-servizzi. F’dan ir-rigward nosserva li f’ċerti Stati Membri oħrajn il-bejjiegħ ma jista’ jitlob l-ebda kumpens għall-użu ta’ oġġetti difettużi mingħand il-konsumatur(44). Huwa possibbli li wieħed jimmaġina li l-konsumatur ta’ Stat Membru ieħor, li jintalab, fil-Ġermanja, iħallas kumpens għall-użu, probabbilment jeżita jagħmel akkwist ieħor f’dak l-Istat Membru.

54.      Il-fatt li d-Direttiva 1999/44 għandha bħala għan il-funzjonament aħjar tas-suq intern(45) jirriżulta wkoll mill-bażi legali li fuqha ġiet adottata din id-direttiva, jiġifieri l-Artikolu 95 KE(46). Mill-ġurisprudenza u mid-duttrina jirriżulta li l-Artikolu 95 KE jista’ jikkostitwixxi l-bażi legali ta’ dispożizzjoni Komunitarja biss jekk din għandha l-għan effettiv li tikkontribwixxi sabiex jiġu stabbiliti jew imtejba l-kundizzjonijiet tal-funzjonament tas-suq intern u jekk tikkontribwixxi għat-tneħħija ta’ l-ostakli għall-moviment liberu ta’ l-oġġetti jew tas-servizzi, jew ukoll għat-tneħħija ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni(47). Abbażi ta’ dan l-artikolu mhux possibbli li jiġu adottati dispożizzjonijiet li għandhom biss l-effett sekondarju li jarmonizzaw dawn il-kundizzjonijiet(48).

55.      Lanqas interpretazzjoni sistematika ma tippermetti li jiġi konkluż li d-Direttiva 1999/44 tippermetti, abbażi tal-ħmistax-il premessa tagħha, li jista’ jintalab kumpens għall-użu. Fl-ewwel lok, għandha tingħata attenzjoni għall-aspett formali (estern) ta’ din id-dispożizzjoni(49). Mill-istruttura sistematika tal-premessa ċċitata jirriżulta b’mod ċar li din tirreferi esklużivament għar-rexxissjoni tal-kuntratt. Il-fatt li r-rexxissjoni tal-kuntratt tissemma biss fit-tieni sentenza ta’ din il-premessa ma jfissirx li l-ewwel u t-tieni sentenza jistgħu jiġu eżaminati separatament, imma huwa meħtieġ, pjuttost, li l-ħmistax-il premessa kollha tiġi eżaminata bħala sistema unitarja. Meta tinqara b’dan il-mod jirriżulta b’mod ċar li t-tnaqqis tal-kumpens għall-konsumatur huwa possibbli biss fil-każ tar-rexxissjoni tal-kuntratt.

56.      Fit-tieni lok, madankollu, fil-kuntest ta’ l-interpretazzjoni sistematika, għandha tittieħed in kunsiderazzjoni l-istruttura sistematika (interna) tad-Direttiva 1999/44 kollha, li għandha tkun kompletament koerenti mingħajr kontradizzjonijiet intrinsiċi(50). Jekk, bis-saħħa tal-ħmistax-il premessa, jiġi rikonoxxut li l-bejjiegħ għandu l-fakultà li jitlob kumpens għall-użu, ikun hemm kontradizzjoni interna bejn il-premessa in kwistjoni u l-Artikolu 3 ta’ din id-Direttiva, li tistabbilixxi t-tibdil mingħajr ħlas. Nixtieq nenfasizza wkoll li l-ħmistax-il premessa, fit-tifsira li ngħatatilha mill-Gvern Ġermaniż, ma tikkorrispondi ma’ l-ebda dispożizzjoni fil-parti sostantiva tad-Direttiva 1999/44.

57.      Bl-istess mod, ma jistax jiġi aċċettata l-argument tal-Ġvern Ġermaniż li jgħid li minn interpretazzjoni storika ta’ l-Artikolu 3(2) Direttiva 1999/44 jirriżulta li l-bejjiegħ jista’ jitlob il-ħlas ta’ kumpens għall-użu mingħand il-konsumatur.

58.      Il-fatt li, fir-rigward ta’ l-aħħar proposta tal-Kummissjoni, il-kliem użat fid-Direttiva 1999/44 inbidel minn “mingħajr ħlas permezz ta’ tiswija jew tibdil” (51) għal “tiswija ta’ l-oġġett [...] jew jinbidel, mingħajr ħlas fiż-żewġ każijiet”(52), huwa iktar u iktar argument favur il-fatt li, f’kull każ, anki t-tibdil ta’ l-oġġett għandu jsir mingħajr ħlas(53). F’din l-emenda fit-tifsira litterali nara prova ulterjuri tal-fatt li l-leġiżlatur Komunitarju ried mingħajr l-ebda dubju jiggarantixxi li mhux biss it-tiswija iżda anki t-tibdil ta’ l-oġġett isir b’xejn, u għalhekk ma segwiex it-test oriġinali tal-proposta tal-Kummissjoni. Wieħed jista’ jasal għal konklużjoni analoga b’riferenza għall-komunikat stampa tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni(54), li għalih jirriferi l-Gvern Ġermaniż u li jistabbilixxi, skond dan il-Gvern, li l-kliem “mingħajr ħlas” huwa limitat għall-ispejjeż tat-tiswija, b’mod partikolari b’riferenza għall-ispejjeż tal-pustaġġ, tax-xogħol u tal-materjal(55).

59.      Barra minn dan għandu jiġi enfasizzat li anki li kieku l-interpretazzjoni storika tkun favur is-soluzzjoni proposta mill-Gvern Ġermaniż, din it-tip ta’ interpretazzjoni mhijiex, fiha nnifisha, biżżejjed u ma tistax tkun determinanti(56), peress li fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet Komunitarji din għandha rwol purament sekondarju(57). Is-sinjifikat legali tar-regoli tad-dritt Komunitarju jista’ jiġi dedott biss mill-istess regoli, fid-dawl tal-kuntest u l-iskop tagħhom(58).

60.      Fil-kuntest ta’ dawn il-konklużjonijiet huwa meħtieġ li tingħata tweġiba għal żewġ argumenti oħra magħmulin mill-Gvern Ġermaniż. L-ewwel wieħed jirriferi għas-sentenza Schulte u t-tieni wieħed għall-kwistjoni ta’ jekk il-konsumatur jiksibx, mit-tibdil ta’ l-oġġett, arrikkiment indebitu.

61.      F’dak li jirrigwarda s-sentenza Schulte(59), li rrifera għaliha l-Gvern Ġermaniż, fl-opinjoni tiegħi din ma tistax tiġi applikata għal kwistjoni li tirrigwarda talba għal kumpens għall-użu.

62.      Minn naħa, is-sentenza Schulte tirriferi għall-protezzjoni tal-konsumatur fil-każ ta’ rexxissjoni tal-kuntratt, jiġifieri talba li għandha karatteristiċi differenti minn dik intiża għat-tibdil ta’ l-oġġetti. Nixtieq nenfasizza wkoll li l-kawża Schulte ma kinitx tirrigwarda rexxissjoni tal-kuntratt minħabba difett fl-oġġett, kif previst fl-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 1999/44, imma rexxissjoni ordinarju tal-kuntratt. Fis-sentenza Schulte l-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet li d-Direttiva 85/577(60) tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi “l-obbligu fuq il-konsumatur, f’każ ta’ rexxissjoni ta’ kuntratt ta’ self għal proprjetà immobbli, mhux biss li jħallas lura l-ammonti riċevuti bis-saħħa ta’ dan il-kuntratt, iżda wkoll li [...] jittrasferixxi lill-persuna li tagħti s-self l-interessi bir-rata tas-suq”(61). Għaldaqstant, permezz ta’ din id-deċiżjoni l-Qorti tal-Ġustizzja rratifikat leġiżlazzjoni nazzjonali li ssegwi l-prinċipju li l-partijiet kuntrattwali għandhom reċiprokament iroddu lura l-vantaġġi miksubin. Madankollu, fil-każ fejn jintalab it-tibdil ta’ l-oġġett diffettuż, is-sitwazzjoni hija differenti. Fil-kuntest ta’ talba għat-tibdil ta’ l-oġġetti difettuż ma japplikax il-prinċipju tar-restituzzjoni reċiproka tal-vantaġġi miksubin imma l-prinċipju ta’ l-interpretazzjoni tal-kuntratt fis-sens tal-favor contractus, li jgħid li l-kuntratt jinżamm fis-seħħ fejn dan ikun possibbli; l-iskop tat-tibdil ta’ l-oġġett huwa għalhekk l-eżekuzzjoni tal-kuntratt.

63.      Min-naħa l-oħra, mis-sentenza Schulte jirriżulta b’mod manifest il-prinċipju li jgħid li l-konsumatur, fil-każ ta’ rexxissjoni tal-kuntratt, m’għandux neċessarjament l-obbligu li jrodd lura l-ammont tas-self, flimkien ma’ l-imgħaxijiet, jekk l-parti l-oħra kuntrattwali ma tkunx wettqet rigorożament l-obbligi tagħha. Fil-punt 94 ta’ din is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet li ma jmurx kontra d-Direttiva 85/557 il-fatt li liġijiet nazzjonali, li jgħidu li l-konsumatur li jirrexindi l-kuntratt għandu jrodd lura s-self, flimkien ma’ l-imgħaxijiet, ma japplikawx fil-każ partikolari fejn min jislef ma jkunx irrispetta l-obbligu ta’ informazzjoni li timponilu d-Direttiva. Għalhekk, fil-kuntest tar-regola li tgħid li l-parti kuntrattwali li ma tkunx wettqet bir-reqqa l-obbligu tagħha hija obbligata li ġġorr waħidha r-responsabbiltà tat-twettiq ineżatt tagħha, huwa possibbli li ssir analoġija bejn ir-rexxissjoni tal-kuntratt u t-tibdil ta’ l-oġġett difettuż. Madankollu, għal darba oħra dan huwa argument li jgħid li, fil-każ ta’ tibdil ta’ oġġett difettuż, il-bejjiegħ għandu jġorr ir-responsabbiltà kollha tat-twettiq ineżatt tiegħu, flimkien ma’ l-ispejjeż kollha involuti.

64.      Bl-istess mod, f’din il-kawża mhux possibbli li jiġi sostnut li l-konsumatur arrikkixxa ruħu indebitament(62). Bil-ħlas tal-prezz tax-xiri, il-konsumatur ikun wettaq b’mod korrett l-obbligu tiegħu li jirriżulta mill-kuntratt sinallagmatiku ta’ bejgħ ta’ l-oġġetti ta’ konsum, filwaqt li l-bejjiegħ ma jkunx wettaq l-obbligu li huwa għandu skond il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-kuntratt. Għalhekk li wieħed jitlob it-tibdil ta’ l-oġġett ifisser, fid-dawl tal-prinċipju pacta sunt servanda, li wieħed sempliċiment jitlob li jiġu mwettqa l-obbligi kuntrattwali tal-bejjiegħ. Kull parti kuntrattwali hija, effettivament, marbuta li ġġorr weħidha r-riskju tat-twettiq ineżatt tagħha. Ir-responsabbiltà għall-fatt li kien meħtieġ it-tibdil ma jaqax fuq il-konsumatur: il-konsumatur irid biss li juża normalment l-oġġett, u l-bejjiegħ għandu jippermettilu dan l-użu.

65.      Għaldaqstant huwa inaċċettabbli li l-konsumatur, li jkun korrettament wettaq l-obbligu kuntrattwali tiegħu, ikun obbligat li jagħti lill-bejjiegħ, li ma jkunx wettaq eżattament l-obbligu tiegħu, kumpens għall-użu ta’ l-oġġett diffettuż. Meta jirċievi oġġett ġdid, il-konsumatur jikseb biss dak li għandu dritt għalih, jiġifieri oġġett li jkun konformi mal-kuntratt; għalhekk, fil-każ preżenti, assolutament mhuwiex possibbli li wieħed jitkellem fuq arrikkiment indebitu tal-konsumatur.

66.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar’il fuq, fl-opinjoni tiegħi d-Direttiva 1999/44 tipprekludi l-leġiżlazzjoni Ġermaniża abbażi ta’ liema l-bejjiegħ għandu, fil-każ ta’ bdil ta’ oġġett, id-dritt li jitlob kumpens mingħand il-konsumatur għall-użu li dan ta’ l-aħħar ikun għamel mill-oġġett.

VII – Konklużjonijiet

67.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddikjara li d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 3(2), moqrija flimkien ma dawk l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3(3), u ta’ l-Artikolu 3(4) jew tat-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1999/44/KE, tal-25 ta’ Mejju 1999, dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li bejjiegħ jista’ jitlob mingħand il-konsumatur, fil-każ fejn l-oġġett ta’ konsum jerġa’ jitpoġġa f’konformità mall-kuntratt permezz tat-tibdil tiegħu, kumpens għall-użu ta’ l-oġġett, mhux konformi mal-kuntratt, li kien ġie inizjalment ikkunsinnat.


1 – Lingwa oriġinali: is-Sloven.


2 – ĠU L 171, p. 12.


3 – Gesetz zur Modernisierung des Schuldrechts, ippubblikat fil-BGBl. I 2001 nru 61 tad-29 ta’ Novembru 2001, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2002. Fuq ir-riforma in ġenerali ara, per eżempju, H.P. Westermann, Das neue Kaufrecht, Neue Juristische Wochenschrift, Nru 4/2002, p. 241.


4 – La mid-deċiżjoni ta’ rinviju u lanqas mis-sentenzi taż-żewġ qrati inferjuri ma jirriżulta l-motiv għaliex il-Bundesverband talbet ammont iżgħar minn dak imħallas mix-xerrejja. Fis-sentenza tal-Landgericht Nürnberg-Fürth ippubblikata jingħad li x-xerrejja ħallset l-ammont ta’ EUR 67.86, imma kemm mis-sentenza ta’ l-Oberlandesgericht Nürnberg, kif ukoll mid-deċiżjoni tal-qorti ta’ rinviju jirriżulta li x-xerrejja ħallset somma (ogħla) ta’ EUR 69.97. Skond is-sentenza ta’ l-Oberlandesgericht Nürnberg, saħansitra, “id-differenza fir-rigward tas-somma effettiva ta’ EUR 69.97 mhijiex iċċarata”. Ara s-sentenza tal-Oberlandesgericht Nürnberg tat-23 ta’ Awwissu 2005, 3 U 991/05, Neue Juristische Wochenschrift, nru 41/2005, p. 3000.


5 – Sentenza tal-Oberlandesgericht Nürnberg tat-23 ta’ Awwissu 2005, 3 U 991/05, Neue Juristische Wochenschrift, n. 41/2005, p. 3000 et seq.


6Ibidem, p. 3001.


7Ibidem.


8 – Entwurf eines Gesetzes zur Modernisierung des Schuldrechts, Deutscher Bundestag, Drucksache 14/6040, 14 ta’ Mejju 2001, p. 232. Ara wkoll id-digriet tar-rinviju tal-Bundesgerichtshof tas-16 ta’ Awwissu 2006, p. 8.


9 – Deċiżjoni tar-rinviju tal-Bundesgerichtshof tas-16 ta’ Awwissu 2006, p. 9, aċċessibbli fl-indirizz elettroniku http://www.bundesgerichtshof.de.


10Ibidem, p. 10.


11Ibidem.


12 – Sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2005, Pupino (C‑105/03, Ġabra p. I‑5285, punt 47).


13 – Sentenza ta’ l-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler (C‑212/04, Ġabra p. I‑6057, punt 110).


14 – Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 51/98 adottata mill-Kunsill fl-24 ta’ Settembru 1998 fir-rigward ta’ l-adozzjoni tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 98/.../KE fuq ċerti aspetti tal-bejgħ u tal-garanzija ta’ l-oġġetti ta’ konsum (ĠU C 333, 30.10.1998, p. 46).


15 – Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq il-bejgħ u l-garanziji ta’ l-oġġetti ta’ konsum (COM/95/0520 finali – COD 96/0161; ĠU C 307, 16.10.1996, p. 8).


16 – Proposta emendata għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq il-bejgħ u l-garanziji ta’ l-oġġetti ta’ konsum (COM/98/0217 finali. – COD 96/0161, ĠU C 148, 14.5.1998, p. 12).


17 – Sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2005, (C‑350/03, Ġabra p. I‑9215, punt 93).


18 – Sa’ llum, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat id-Direttiva 1999/44 biss fil-kawżi tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu minn Stat. Ara s-sentenzi tad-19 ta’ Frar 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C‑310/03, Ġabra p. I‑1969), u Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑312/03, Ġabra p. I‑1975).


19 – Entwurf eines Gesetzes zur Modernisierung des Schuldrechts, Deutscher Bundestag, Drucksache 14/6040, 14. 5. 2001, paġni 230 sa 233.


20 – Ara, fost l-oħrajn, P. Huber, F. Faust, Schuldrechtsmodernisierung. Einführung in das neue Recht, C. H. Beck, München 2002, p. 335, punt 55; H.P. Westermann (ed.), Das Schuldrecht 2002. Systematische Darstellung der Schuldrechtsreform, Richard Boorberg Verlag, Stuttgart, München, Hannover, Berlin, Weimar, Dresden 2002, paġni 138 u 139; H.P. Westermann, f’Münchener Kommentar zum BGB, ir-Raba’ Edizzjoni, C. H. Beck, München, 2004, kumment għall-Artikolu 439, punt 17; M. Kandler, Kauf und Nacherfüllung, Gieseking, Bielefeld 2004, p. 556.


21 – K. Tiedtke, M. Schmitt, Probleme im Rahmen des kaufrechtlichen Nacherfüllungsanspruchs (Teil II), Deutsches Steuerrecht, nru 48/2004, p. 2060; M. Kandler, Kauf und Nacherfüllung, Gieseking, Bielefeld 2004, p. 557.


22 – Ara, fost l-oħrajn, B. Gsell, Nutzungsentschädigung bei kaufrechtlicher Nacherfüllung?, Neue Juristische Wochenschrift, nru 28/2003, p. 1974; C. Woitkewitsch, Nutzunsersatzanspruch bei Ersatzlieferung?, Verbraucher und Recht, nru 1/2005, p. 4; P. Rott, Austausch der fehlerhaften Kaufsache nur bei Herausgabe von Nutzungen?, Betriebs-Berater, nru 46/2004, p. 2479; J. Hoffmann, Verbrauchsgüterkaufrechtsrichtlinie und Schuldrechtsmodernisierungsgesetz, Zeitschrift für Rechtspolitik, nru 8/2001, p. 349.


23 – W.H. Roth, Europäischer Verbraucherschutz und BGB, Juristenzeitung. Sondertagung Schuldrechtsmodernisierung, nru 10/2001, p. 489; C. Brömmelmeyer, Der Nacherfüllungsanspruch des Käufers als trojanisches Pferd des Kaufrechts?, Juristenzeitung, nru 10/2006, p. 495; M. Schwab, Schuldrechtsmodernisierung 2001/2002 – Die Rückabwicklung von Verträgen nach §§ 346ff. BGB n.F., Juristische Schulung, nru 7/2002, p. 637.


24 – F’dan is-sens ara s-sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 1982, CILFIT et (283/81, Ġabra p. 3415, punt 7); tat-22 ta’ Ottubru 1987, Foto-Frost (314/85, Ġabra p. 4199, punt 15), u tas-6 ta’ Diċembru 2005, Gaston Schul (C‑461/03, Ġabra p. I‑10513, punt 21).


25 – Skond l-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 1999/44 “konsumatur” ifisser “kull persuna naturali li, fil-kuntratti koperti minn din id-Direttiva, qiegħed jaġixxi għall-għanijiet li m’humiex relatati mas-sengħa, negozju jew professjoni tiegħu”.


26 – Skond l-Artikolu 1(2)(ċ) tad-Direttiva 1999/44 “bejjiegħ” ifisser “kull persuna naturali jew legali li, f’kuntratt, ibiegħ oġġetti tal-konsum waqt l-eżerċizzju tas-sengħa, negozju jew professjoni tiegħu”.


27 – Skond l-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva 1999/44 “oġġetti tal-konsum” ifissru “kull oġġett tanġibbli mobbli, bl-eċċezzjoni ta’:


- oġġetti mibjugħin b’mod ta’ esekuzzjoni jew b’mod ieħor bl-awtorità tal-liġi,


- ilma u gass fejn m’humiex għall-bejgħ f’volum limitat jew kwantità fissa,


- elettriku”.


28 – L-istess S. Grundmann, C.M. Bianca, EU Kaufrechts-Richtlinie. Kommentar, Verlag Dr. Otto Schmidt, Köln 2002, p. 82, punt 108. Dawn l-awturi jsostnu li, fl-għażla bejn it-tiswija u t-tibdil, il-konsumatur ma jistax jagħżel rimedju sproporzjonat; biex jiġi aċċertat jekk ir-rimedju huwiex sproporzjonat hemm bżonn jiġu kkunsidrati, fl-ewwel lok, l-ispejjeż li jkollu jagħmel il-bejjiegħ. Anki Westermann jenfasizza li l-għażla tal-konsumatur bejn it-tiswija u t-tibdil hija kkundizzjonata mill-possibbiltà u mill-proporzjonalità tat-talba. Ara H.P. Westermann, Das neue Kaufrecht enschlieβlich des Verbrauchsgüterkaufs, Juristenzeitung, nru 10/2001, p. 537. Skond Grundmann u Bianca jista’ jiġi argumentat li t-talba tat-tibdil prevista fid-Direttiva 1999/44 tippressupponi nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu essenzjali tal-kuntratt. Ara S. Grundmann, M.C. Bianca, EU Sales Directive. Commentary, Intersentia, Antwerp, Oxford, New York 2002, p. 162. Bl-istess mod, Možina jiddikjara li t-talba għat-tibdil tista’ tiġi aċċettata biss jekk ikun hemm diskrepanza mhux żgħira fir-rigward tal-kuntratt. D. Možina, Kršitev pogodbe, GV Založba, Ljubljana 2006, p. 229. Anki l-Konvenzjoni ta’ Vjenna fuq il-Bejgħ Internazzjonali ta’ Oġġetti Mobbli (CISG) tistabbilixxi fl-Artikolu 46(2) li x-xerrej jista’ jitlob biss li jinbidel l-oġġett jekk in-nuqqas ta’ konformità jikkostitwixxi nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu essenzjali tal-kuntratt. Dan jiġi enfasizzat anki minn P. Schlechtriem, Internationales UN-Kaufrecht, ir-Raba’ Edizzjoni, Mohr Siebeck, Tübingen 2007, p. 134, punt 185. B’referenza għall-Konvenzjoni ta’ Vjenna, Grundmann jiddikjara li ċertament ix-xerrej għandu d-dritt ta’ l-għażla, imma ma jistax jagħżel rimedju sproporzjonat fir-rigward ta’ rimedju ieħor. S. Grundmann, Regulating Breach of Contract – The Right to Reject Performance by the Party in Breach, European Review of Contract Law, n. 2/2007, paġni 132 u 133. Il-prinċipji tad-dritt Ewropew tal-kuntratti (PECL), fl-Artikolu 9:102 (1), jirrikonoxxu lill-kreditur li ma jiġix sodisfatt f’obbligu mhux tal-flus li għandu dritt għat-twettiq korrett tal-kuntratt (remedying of a defective performance). Il-paragrafu (2) ta’ dan l-Artikolu, li japplika anki għat-talba ta’ twettiq korrett tal-kuntratt, jistabbilixxi, fl-(a) u l-(b), li t-twettiq ma jistax, minkejja dan, jintalab meta l-prestazzjoni tkun illegali jew impossibbli, jew il-prestazzjoni tkun tfisser għad-debitur sforz u spiża irraġonevoli. O. Lando, H. Beale (ed.), Principles of European Contract Law, Kluwer Law International, The Hague, London, Boston 2000, paġni 394 u 395.


29 – Id-Direttiva 1999/44, fl-Artikolu 3(3) u (5) tipprovdi għal sistema f’żewġ fażijiet biex jiġu sostnuti d-drittijiet tal-konsumatur li, fl-ewwel lok jista’ jitlob it-tiswija mingħajr ħlas jew it-tibdil mingħajr ħlas ta’ l-oġġett. Huwa biss subordinatament li huwa jista’ jitlob tnaqqis rilevanti tal-prezz jew jitlob ir-rexxissjoni tal-kuntratt.


30 – Oppermann jgħid li l-punt tat-tluq ta’ interpretazzjoni litterali tad-dritt Komunitarju għandu jkun “is-sinjifikat normali u naturali tal-kliem fil-kuntest immedjat tas-sentenza”. Ara T. Oppermann, Europarecht, it-tielet edizzjoni, C.H. Verlag. Beck, München 2005, p. 207, punt 20.


31 – Fid-duttrina, Oppermann iwissi kontra dan it-tip ta’ falsifikazzjoni tas-sinjifikat tad-dispożizzjonijiet permezz ta’ l-interpretazzjoni. Ara T. Oppermann, Europarecht, it-tielet edizzjoni, Verlag C. H. Beck, München 2005, p. 209, punt 23.


32 – F’dan il-kuntest għandu jiġi rrilevat ukoll li d-Direttiva 1999/44 tipproteġi lill-bejjiegħ anki bil-limitazzjoni temporali tar-risponsabbiltà tiegħu. Ara s-sbatax-il premessa u l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 1999/44.


33 – Fid-duttrina Ġermaniża, W.Ball, Die Nacherfüllung beim Autokauf, Neue Zeitschrift für Verkehrsrecht, nru 5/2004, p. 222, jagħmel riferenza għad-daqs tal-kumpens fil-każ ta’ karozzi difettużi. Schulze u Ebers isemmu l-każ ta’ xerrej li jixtri kompjuter għal EUR 2000 li għandu ħajja medja ta’ sentejn u, xahar qabel l-iskadenza ta’ dan it-terminu ta’ sentejn tal-garanzija, ikun hemm difett fuq il-hard disk li ma jkunx jista’ jissewwa, imma l-bejjiegħ ikun lest jibdel l-oġġett biss jekk ix-xerrej jħallas kumpens għall-użu ta’ EUR 1916. Ngħid għalija f’każ bħal dan jista’ jiġri li l-prezz tal-kompjuter ġdid fis-suq, fil-mument li jidher id-difett, ikun sar, minħabba l-progress teknoloġiku, jiswa EUR 500 biss. Ara R. Schulze, M. Ebers, Streitfragen im neuen Schuldrecht, Juristische Schulung, Nru 4/2004, p. 369.


34 – L-interpretazzjoni litterali biss hija biżżejjed meta r-regola legali tkun tista’ mingħajr dubju tiġi interpretata b’mod wieħed. Imma hemm bżonn jingħad li dawn l-eżempji huma rari (per eżempju fil-każ ta’ termini). F’dan is-sens ara, fost l-oħrajn, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 1978 Kühlhaus Zentrum (C‑79/77, Ġabra p. 611, punt 6), fejn biex tintepreta dispożizzjoni Komunitarja, il-Qorti tal-Ġustizzja użat biss interpretazzjoni litterali. Jekk l-interpretazzjoni ma tippermettix eżitu ħieles mid-dubji kompletament, jeħtieġ li jkun hemm tipi oħrajn ta’ interpretazzjoni. Ara, per eżempju, il-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali Maduro fit-18 ta’ Lulju 2007 fi L-Iżvezja vs Il-Kummissjoni (C‑64/05 P, Ġabra p. I-11389, punt 37), fejn l-interpretazzjoni litterali tad-dispożizzjoni Komunitarja ma pprovdietx soluzzjoni inkontestabbli, u għalhekk kien meħtieġ li jiġi ppreċiżat is-sens tad-dispożizzjoni kkontestata billi titpoġġa fil-kuntest leġiżlattiv ġenerali b’riferenza għall-għanijiet tar-regolamentazzjoni li minnha tifforma parti.


35 – Ara s-sentenza ta’ l-20 ta’ Marzu 1980, Knauf Westdeutsche Gipswerke (118/79, Ġabra p. 1183, punti 5 u 6), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li mhijiex biżżejjed l-interpretazzjoni litterali biss tad-dispożizzjonijiet li huma s-suġġett ta’ l-interpretazzjoni.


36 – Għalhekk hemm għan li huwa oġġettivament possibbli li wieħed jara fir-regola. Fuq l-oġġettività ta’ l-għan bħala n-nukleu ta’ l-interpretazzjoni teleoloġika ara, per eżempju Alexy, R., A Theory of Legal Argumentation. The Theory of Rational Discourse as Theory of Legal Justification, Clarendon Press, Oxford 1989, p. 241. Fuq is-sinjifikat ta’ l-interpretazzjoni teleoloġika fid-dritt Komunitarju ara, per eżempju, H. G. Schermers, D. F. Waelbroeck, Judicial Protection in the European Union, Kluwer Law International, The Hague, London, New York 2001, paġni 20 et seq.


37 – Tħaddim aħjar tas-suq intern ser ikun l-għan ewlieni tal-politika tal-konsumatur anki fil-futur. Il-Kummissjoni, fl-Istrateġija għall-politika tal-konsumatur għall-perjodi 2007-2013, tenfasizza li s-suq intern “jibqa’ l-kuntest fundamentali tal-politika tal-konsumatur. Hija għalhekk indispensabbli għat-tħaddim aħjar tas-suq intern”. Ara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, L-Istrateġija Ewropea tal-Politika tal-Konsumatur 2007-2013. Responsabbiltajiet akbar għall-konsumaturi, titjib tal-benessri tagħhom, u l-ħarsien effettiv tagħhom, COM(2007) 99 def. Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 1999/44 sejjin ikunu, probabbilment, imdaħħlin fil-proġett tal-Kodiċi Ċivili Ewropew, fejn ser toħroġ ċar ħafna l-importanza tal-protezzjoni tal-konsumatur. F’dan is-sens ara V. Heutger, Konturen des Kaufrechtskonzepts der Study Group on a European Civil Code – Ein Werkstattbericht, European Review of Private Law, nru 2/2003, p. 159.


38 – Reisenhuber jenfasizza li fil-kuntest ta’ interpretazzjoni teleoloġika huwa importanti li jiġi stabbilit speċifikament, u mhux biss b’mod approssimattiv, l-għan tar-regola. Ara K. Reisenhuber, Die Auslegung, f’K. Reisenhuber, Europäische Methodenlehre. Handbuch für Ausbildung und Praxis, De Gruyter Recht, Berlin 2006, p. 261, punt 41.


39 – Minn dan il-lat id-Direttiva 1999/44 hija differenti, per eżempju, mid-Direttiva 85/374/KEE, li l-iskop tagħha huwa li tiggarantixxi approssimazzjoni sħiħa tal-liġijiet dwar responsabbiltà għall-prodotti difettużi. Ara d-Direttiva tal-Kunsill tal-25 ta’ Lulju 1985, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar responabbiltà għall-prodotti difettużi (ĠU L 210, p. 29). B’referenza għal din ta’ l-aħħar, ara s-sentenzi tal-25 ta’ April 2002, Il-Kummissjoni vs Franza, (C‑52/00, Ġabra p. I‑3827, punt 24), tal-25 ta’ April 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, (C‑154/00, Ġabra p. I‑3879, punt 20), u tal-25 ta’ April 2002, González Sánchez, (C‑183/00, Ġabra p. I‑3901, punti 26 u 28). Ara wkoll il-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali Geelhoed ta’ l-20 ta’ Settembru 2001 fil-kawża Il-Kummissjoni vs Franza e González Sánchez (kawżi magħquda C‑52/00 u C‑183/00, Ġabra p. I‑3879, punt 56).


40 – Il-ius cogens jiddefinixxi l-limiti tal-libertà kuntrattwali li l-partijiet fil-kuntratt ma jistgħux jaqbżu. Ara, per eżempju, Schmidt Kessel, M., Europäisches Vertragsrecht, f’K. Reisenhuber, Europäische Methodenlehre. Handbuch für Ausbildung und Praxis, De Gruyter Recht, Berlin 2006, p. 397, punt 15. In-natura koġenti ta’ l-Artikolu 3 tad-Direttiva 1999/44 hija sostnuta fid-duttrina Ġermaniża, per eżempju minn Grundmann, Internationalisierung und Reform des deutschen Kaufrechts, f’S. Grundmann, D. Medicus, W. Rolland, Europäisches Kaufgewährleistungsrecht. Reform und Internationalisierung des deutschen Schuldrechts, Carl Heymanns Verlag, Köln, Berlin, Bonn, München 2000, p. 317.


41 – Cfr. S. Weatherill, EU Consumer Law and Policy, Edward Elgar, Northampton 2005, p. 63. B’mod ġenerali, fuq id-dritt privat Komunitarju, li l-għan tiegħu huwa t-twaqqif u t-tħaddim tas-suq intern ara Müller-Graff, Europäisches Gemeinschaftsrecht und Privatrecht – Das Privatrecht in der europäischen Integration, Neue Juristische Wochenschrift, nru 1/1993, p. 18.


42 – F’dan is-sens nirriferi għall-ħames premessa tad-Direttiva 1999/44, li tgħid li l-ħolqien ta’ sett komuni ta’ regoli minimi tal-liġi tal-konsumatur, li jkun validu rispettivament minn fejn ikunu nxtraw l-oġġetti fi ħdan il-Komunità, isaħħaħ il-fiduċja fil-konsumatur u jippermetti lill-konsumaturi li jagħmlu użu sħiħ mis-suq intern. Grundmann u Bianca jiddikjaraw li nħolqot ħtieġa ta’ tħaddim aħjar tas-suq intern mil-lat tal-bejgħ lill-konsumaturi, billi dawn ma jixtrux minn barra l-iktar minħabba l-inċertezza tal-garanzija, l-ostakli lingwistiċi u d-diffikultajiet fis-soluzzjoni tat-tilwim. S. Grundmann, C.M. Bianca, EU Kaufrechts‑Richtlinie. Kommentar, Verlag Dr. Otto Schmidt, Köln 2002, p. 28, punt 16. Anki l-Kummissjoni fil-Green Paper – Reviżjoni ta’ l-Acquis tal-Konsumatur (COM/2006/0744 def.), p. 4, issostni li “għandha tiġi stimulata l-fiduċja tal-konsumatur fis-suq intern billi jiġi assigurat livell għoli ta’ protezzjoni fit-territorju kollu ta’ l-UE”.


43 – L-importanza ta’ l-aspett passiv tal-moviment ħieles ta’ l-oġġetti u tas-servizzi kemm-il darba ġiet enfasizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha. B’referenza għall-moviment ħieles passiv tas-servizzi ara, per eżempju, is-sentenzi tal-31 ta’ Jannar 1984, Luisi u Carbone (Kawżi Magħquda 286/82 u 26/83, Ġabra p. 377, punt 10), u tal-11 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑318/05, Ġabra p. I-6957, punt 65). B’riferenza għall-moviment ħieles passiv ta’ l-oġġetti ara, per eżempju, is-sentenza tas-7 ta’ Marzu 1990, GB‑INNO‑BM (362/88, Ġabra p. I‑667). Għar-rigward ta’ dan l-aspett ara wkoll J.C. Wichard, f’C. Calliess, Ruffert, M. (ed.), EUV/EGV. Das Verfassungsrecht der Europäischen Union mit Europäischer Grundrechtecharta. Kommentar, it-Tielet Edizzjoni, Verlag C. H. Beck, München 2007, p. 1698.


44 – Ara, per eżempju, il-leġiżlazzjoni Awstrijaka, Franċiża, Irlandiża, Slovena u Spanjola. Fl-Awstrija ara l-Artikolu 8(3) tal-Konsumentenschutzgesetz (liġi fuq il-protezzjoni tal-konsumatur) u l-Artikolu 932(1) sa (3) ta’ l-Allgemeines Bürgerliches Gesetzbuch (Kodiċi Ġenerali tad-Dritt Ċivili); fi Franza ara l-Artikoli L. 211-9 u L. 211-10 tal-code de la consommation (Kodiċi tal-Konsumatur); fl-Irlanda ara Reg. 7, (1), (3), (5) u (6), tal-European Communities (Certain Aspects of the Sale of Consumer Goods and Associated Guarantees) Regulations 2003 (Dispożizzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej 2003 [fuq ċerti aspetti tal-bejgħ u tal-garanziji ta’ oġġetti ta’ konsum); fis-Slovenja ara l-Artikolu 37(ċ) taż-Zakon o varstvu potrošnikov (liġi fuq il-protezzjoni tal-konsumatur); fi Spanja ara l-Artikoli 4 (1), 5 (1) u 6 (a) u (b) tal-Liġi 23/2003, de garantías en la venta de bienes de consumo (liġi 23/2003 fuq il-garanziji tal-bejgħ ta’ oġġetti ta’ konsum). L-informazzjoni hija meħuda mill-proġett ta’ riċerka mmexxi mill-Profs. Dott. Hans Schulte-Nölke. H. Schulte-Nölke, EC Consumer Law Compendium, Università di Bielefeld, Bielefeld 2007.


45 – L-għan doppju tad-Direttiva 1999/44 – livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u t-tħaddim tas-suq intern – jissemma’ anki minn D. Možina, Direktiva 1999/44/ES Evropskega parlamenta in Sveta z dne 25. maja 1999 o nekaterih vidikih prodaje potrošniškega blaga in z njim povezanih garancij, in V. Trstenjak, R. Knez, D. Možina, Evropsko pravo varstva potrošnikov. Direktiva ES/EU z uvodnimi pojasnili, GV Založba, Lubiana 2005, p. 69. Fuq regoli b’diversi għanijiet fid-duttrina ġuridika ara K. Engisch, Einführung in das juristische Denken, ir-Raba’ Edizzjoni , Kohlhammer Verlag, Stuttgart, Berlin, Köln, Mainz 1956, p. 80.


46 – L-argument li mill-bażi legali ta’ dispożizzjoni wieħed jifhem l-għan tagħha huwa sostnut minn K. Reisenhuber, Die Auslegung, v K. Reisenhuber, Europäische Methodenlehre. Handbuch für Ausbildung und Praxis, De Gruyter Recht, Berlin 2006, p. 261, punt 40.


47 – Dwar l-Artikolu 95 bħala bażi leġiżlativa, ara per eżempju s-sentenzi ta’ l-10 ta’ Diċembru 2002 The Queen vs Secretary of State for Health ex parte British American Tobacco (C‑491/01, Ġabra p. I‑11453, punti 59 u 60); ta’ l-14 ta’ Diċembru 2004, Swedish Match (C‑210/03, Ġabra p. I‑11893, punt 29), u tat-12 ta’ Diċembru 2006, Il-Ġermanja vs Il-Parlament u l-Kunsill (C‑380/03, Ġabra p. I‑11573, punt 37). Fid-duttrina anki J.C. Wichard., f’C. Calliess, M. Ruffert (ed.), EUV/EGV. Das Verfassungsrecht der Europäischen Union mit Europäischer Grundrechtecharta. Kommentar, it-Tielet Edizzjoni, Verlag C. H. Beck, München 2007, p. 1702.


48 – Ara s-sentenzi ta’ l-4 ta’ Ottubru 1991, Il-Parlament vs Il-Kunsill (Ġabra p. I‑4529, punt 17); tal-5 ta’ Ottubru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Parlament u l-Kunsill (Ġabra p. I‑8419, punt 33), tas-6 ta’ Diċembru 2005, Ir-Renju Unit vs Il-Parlament u l-Kunsill,(Ġabra p. I‑10553, punti 59 u 64).


49 – Fuq l-argumenti rigward is-sistema 'esterna’ fid-duttrina legali ara, per eżempju Larenz, Methodenlehre der Rechtswissenschaft, is-sitt edizzjoni, Springer, Berlin, Heidelberg 1991, p. 326.


50 – In-nuqqas ta’ kontradizzjonijiet bħala argument ta’ interpretazzjoni sistematika huwa sostnut fid-duttrina minn R. Alexy, A Theory of Legal Argumentation. The Theory of Rational Discourse as Theory of Legal Justification, Clarendon Press, Oxford 1989, p. 240.


51 – Artikolu 3(4) tal-Proposta emendata tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq il-bejgħ u l-garanziji ta’ l-oġġetti ta’ konsum (COM/98/0217 def. - COD 96/0161, ĠU C 148, p. 12).


52 – Il-korsiv huwa tiegħi.


53 – Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-1 ta’ Ġunju 1961, Gabriel Simon (15/60, Ġabra p. 213), fejn ġie enfasizzat li d-differenza bejn it-test ta’ proposta leġiżlattiva u l-verżjoni definittiva tagħha timplika wkoll differenza ta’ sinjifikat, ħlief jekk ikun hemm raġunijiet biex wieħed jikkonkludi b’mod differenti. Fid-duttrina ara C. Baldus, Historische und vergleichende Auslegung im Gemeinschaftsprivatrecht – Zur Konkretisierung der geringfügigen Vertragswidrigkeit, f’C. Baldus, P.-C.Müller-Graff, (ed.), Die Generalklausel im Europäischen Privatrecht, Sellier. European Law Publishers, München 2006, p. 4.


54 – Kumitat ta’ Konċiljazzjoni Parlament Ewropew–Il-Kunsill, Kunsens fuq il-garanziji għall-oġġetti tal-konsum, Brussell, it-18 ta’ Marzu 1999, dok. nru C/99/77.


55 – B’mod analogu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà stabbiliet fil-ġurisprudenza li l-kontenut tad-dokumenti preparatorji li ma jkun daħal fit-test ta’ l-ebda dispożizzjoni tad-dritt sekondarju, ma jistax jiġi kkunsidrat biex tiġi interpretata d-dispożizzjoni stess. Il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li meta dikjarazzjoni mdaħħla fil-verbal tal-Kunsill ma tidħolx fit-test ta’ dispożizzjoni ta’ dritt sekondarju, hija ma tistax tiġi kkunsidrata għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Ara s-sentenzi tas-26 ta’ Frar 1991, Antonissen (C‑292/89, Ġabra p. I‑745, punt 18); tat-8 ta’ Ġunju 2000, Epson Europe (C‑375/98, Ġabra p. I‑4243, punt 26); ta’ l-10 ta’ Jannar 2006, Skov u Bilka (C‑402/03, Ġabra p. I‑199, punt 42), u tad-19 ta’ April 2007, Farrell (C‑356/05, Ġabra p. I-3067, punt 31). Ara wkoll, per eżempju, il-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali Kokott fit-18 ta’ Lulju 2007 f’Tedesco (C‑175/06, Ġabra p. I-7929, punt 69) u tat-13 ta’ Lulju 2006 f’Carol Marilyn Robins, John Burnett et vs Secretary of State for Work and Pensions (C‑278/05, Ġabra p. I-1053, punt 81).


56 – Ara l-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali Kokott fis-7 ta’ Settembru 2006 f’T‑Mobile Austria GmbH et vs L-Austria (C‑284/04, Ġabra p. I-5189, punt 88), u tat-13 ta’ Lulju 2006 f’C‑278/05, Robins u Burnett (Ġabra p. I-1053, punti 80 u 81).


57 – T. Oppermann, Europarecht, it-Tielet Edizzjoni, Verlag C. H. Beck, München 2005, p. 209, punt 25; Schulte-Nölke, H., Elf Amtssprachen, ein Recht? Folgen der Mehrsprachigkeit für die Auslegung von Verbraucherschutzrichtlinien, f’R. Schulze, Auslegung europäischen Privatrechts und angeglichenen Rechts, Nomos Verlag, Baden-Baden 1999, p. 158. Anki Schermers u Waelbroeck isostnu li għall-finijiet ta’ l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju huwa biss f’każ eċċezzjonali li jintużaw it-travaux préparatoires. Ara H. G. Schermers, D. F. Waelbroeck, Judicial Protection in the European Union, Kluwer Law International, The Hague, London, New York 2001, p. 16. Fid-duttrina Belġjana, il-possibbiltà limitata li jkun hemm interpretazzjoni storika hija enfasizzata per eżempju minn Mertens de Wilmars, Réflexions sur les méthodes d’interprétation de la Cour de justice des Communautés européennes, Cahiers de droit européen, Nru 1/1986, paġni 14 u 15. F’sens analogu J. Rideau., Droit institutionnel de l’Union et des Communautés Européennes, ir-raba’ edizzjoni, L.G.D.J., Pariġi 2002, p. 182; A. Arnull, The European Union and its Court of Justice, it-Tieni Edizzjoni, Oxford University Press, Oxford 2006, p. 619.


58 – Ara, per eżempju, is-sentenzi tal-15 ta’ April 1986, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (237/84, Ġabra p. 1247, punt 17), u ta’ l-10 ta’ Diċembru 1991, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑306/89, Ġabra p. I‑5863, punt 8).


59 – Sentenza tal-25 Ottubru 2005, Schulte (C‑350/03, Ġabra p. I‑9215). Għal deċiżjoni analoga ara s-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2005, Crailsheimer Volksbank (C‑229/04, Ġabra p. I‑9273).


60 – Direttiva tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Diċembru biex tħares lill-konsumatur rigward kuntratti nnegozjati barra mil-lok tan-negozju (ĠU L 372, paġni 31 sa 33).


61 – Punt 93 tas-sentenza Schulte, iċċitata iktar ’il fuq.


62 – Billi f’dan ir-rigward ma jeżistux, fid-dritt Komunitarju, dispożizzjonijiet espressi, il-kwistjonijiet ta’ l-arrikkiment indebitu jinqalgħu fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja speċjalment b’riferenza għall-kundizzjonijiet għall-kumpens ta’ imposti u drittijiet doganali li jkunu nġabru indebitament. F’dan is-sens ara, per eżempju, is-sentenza tad-9 ta’ Frar 1999, Dilexport (C‑343/96, Ġabra p. 579).