Language of document : ECLI:EU:T:2014:901

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

21 ta’ Ottubru 2014 (*)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Trade mark Komunitarja verbali LAGUIOLE — Isem kummerċjali Franċiż preċedenti Forge de Laguiole — Artikolu 53(1)(c) u Artikolu 8(4) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”

Fil-Kawża T‑453/11,

Gilbert Szajner, residenti f’Niort (Franza), irrappreżentat minn A. Lakits-Josse, avukat,

rikorrent,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn A. Folliard-Monguiral, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Forge de Laguiole SARL, stabbilita f’Laguiole (Franza), irrappreżentata minn F. Fajgenbaum, avukat,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI, tal-1 ta’ Ġunju 2011 (Każ R 181/2007‑1), rigward proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn il-Forge de Laguiole SARL u Gilbert Szajner,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn H. Kanninen, President, I. Pelikánová (Relatur) u E. Buttigieg, Imħallfin,

Reġistratur: C. Heeren, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Awwissu 2011,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Novembru 2011,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Diċembru 2011,

wara li rat ir-replika ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ April 2012,

wara li rat il-kontroreplika tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Lulju 2012,

wara s-seduta tal-11 ta’ Frar 2014,

wara li rat l-osservazzjonijiet bil-miktub komplementari ppreżentati mill-partijiet fuq stedina tal-Qorti Ġenerali u ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 u fil-25 ta’ Frar kif ukoll fit-8 u fid-9 ta’ April 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrent, Gilbert Szajner, huwa proprjetarju tat-trade mark Komunitarja verbali LAGUIOLE, li għaliha saret applikazzjoni fl-20 ta’ Novembru 2001 u li ġiet irreġistrata fis-17 ta’ Jannar 2005 mill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

2        Il-prodotti u s-servizzi li għalihom it-trade mark LAGUIOLE hija rreġistrata jaqgħu b’mod partikolari , wara ċ-ċessjoni parzjali li seħħet matul il-proċedimenti quddiem l-UASI, fil-klassijiet 8, 14, 16, 18, 20, 21, 28, 34 u 38 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, b’mod partikolari għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        klassi 8: “Għodda tal-idejn u implimenti (imħaddma bl-idejn); mgħaref; segi, tornaviti, mwies tal-leħja, xfafar għat-tqaxxir, kaxxetti b’tagħmir għat-tqaxxir; limi u tnalji tad-dwiefer, qattiegħa tad-dwiefer, settijiet tal-manikjur”;

–        klassi 14: “Metall prezzjuż u l-ligi tiegħu; ġojjelli, ġojjellerija, ħaġar prezzjuż; kaxxetti tal-ġojjellerija tal-metall prezzjuż; strumenti tal-ħin, buttuni għall-pulzieri tal-qmis, labar tal-ingravata, labar ornamentali, ħoloq taċ-ċwievet; portmoni tal-metall prezzjuż; arloġġi tal-idejn u ċineg tal-arloġġi tal-idejn, kaxxi, gandlieri, kaxxetti tas-sigarri, utensili u reċipjenti għall-użu tad-dar u tal-kċina tal-metall prezzjuż; reċipjent għall-użu tal-mejda tal-kċina tal-metall prezzjuż”;

–        klassi 16: “Forniment għall-iskejjel [kartoleriji]; oġġett li jaqta’ l-karti; lapsijiet, lapsijiet li tista’ tbiddilhom il-ponta, gomom għat-tħassir; envelops; legaturi; ktieb bil-folji vojta għal użu fi twaħħil ta’ stampi, kotba, almanakki, kotba żgħar, pitazzi, katalogi; kalendarji, litografija, kartelluni”;

–        klassi 18: “Ġilda u imitazzjoni tal-ġilda; bagolli, valiġetti u valiġġi; bsaten; basktijiet tal-id; basktijiet tal-baħar; basktijiet ta’ kuljum, settijiet ta’ oġġetti u valiġġi tas-safar; portafolli; tagħmir li jżomm il-kards (portafolli), kartieri tad-dokumenti; kartieri tad-dokumenti (magħmula mill-ġilda); kaxxetti għaċ-ċwievet (magħmula mill-ġilda); portmonijiet tal-muniti mhux tal-metall prezzjuż”;

–        klassi 20: “Frejms tar-ritratti, opri tal-arti u mudelli tal-qies (ornamenti) tal-injam, tas-sufra, tal-qasba, tal-qasba tal-bambù, tal-wiker, tal-qarn, tal-għadma, tal-avorju, tal-għadam tal-balieni, tal-qoxra, tal-ambra, tal-madreperla, tal-meerschaum u sostituti għal dawn il-materjali tal-plastik”;

–        klassi 21: “Settijiet tal-borom għat-tisjir u oġġetti għal fuq il-mejda tal-ikel tal-ħġieġ, tal-porċellana, u reċipjenti tax-xaqquf; reċipjenti għall-użu tal-mejda tal-ikel, mhux tal-metall prezzjuż; trabixù; fettieħa tal-fliexken, dispensers għas-srievet tal-karti; klessidri; pniezel tal-leħja, kaxxi fejn jitpoġġew l-oġġetti tat-twaletta”;

–        klassi 28: “Artikoli tal-ġinnastika u tal-isport (bl-eċċezzjoni tal-artikoli tal-għawm, ħwejjeġ, twapet u żraben); ingwanti tal-golf”;

–        klassi 34: “Oġġetti relatati mat-tipjip; sulfarini, lajters għal min ipejjep; kaxxetti tas-sigarri u tas-sigaretti mhux tal-metall prezzjuż; għodda għall-qtugħ ta’ truf tas-sigarri; pipi; xkupilji li jnaddfu l-pipi tat-tabakk”;

–        klassi 38: “Telekomunikazzjonijiet; informazzjoni dwar telekomunikazzjoni; aġenziji tal-aħbarijiet ; trażmissjoni ta’ messaġġi; it-trażmissjoni ta’ messaġġi u xbihat bl-għajnuna tal-kompjuter; komunikazzjoni permezz ta’ terminals tal-kompjuter; servizzi tat-telefon u telefon mobbli; komunikazzjoni, trażmissjoni ta’ informazzjoni li tinsab f’databases jew f’server b’videotext; messaġġi tat-telefon, elettroniku jew b’videotex; komunikazzjoni u trażmissjoni ta’ messaġġi, ta’ informazzjoni u ta’ data online jew rekordjata, permezz ta’ sistemi ta’ pproċessar ta’ data, ta’ netwerks informatiċi, inkluż in-netwerk dinji ta’ telekomunikazzjoni msejjaħ ‘internet’ u n-netwerk dinji msejjaħ ‘web’; trażmissjoni ta’ informazzjoni permezz ta’ netwerks ta’ telekomunikazzjoni, inkluż in-netwerk dinji msejjaħ ‘internet’”.

3        Fit-22 ta’ Lulju 2005, l-intervenjenti, il-Forge de Laguiole SARL, ippreżentat talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità parzjali tat-trade mark LAGUIOLE, skont l-Artikolu 52(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40//94, moqri flimkien mal-Artikolu 8(4) ta’ dan l-istess regolament [li saru l-Artikolu 53(1)(c) u l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009].

4        It-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienet ibbażata fuq l-isem kummerċjali Forge de Laguiole, użat mill-intervenjenti għall-attivitajiet ta’ “fabbrikazzjoni u bejgħ ta’ kull tip ta’ artikolu ta’ skieken, oġġetti maqtugħa biċ-ċiżell, artikoli għar-rigali u suveniers — kollha kemm huma artikoli marbuta mal-ospitalità”. Skont l-intervenjenti, dan l-isem kummerċjali, li l-portata tiegħu ma hijiex biss lokali, kien jagħtiha d-dritt, skont id-dritt Franċiż, li tipprojbixxi l-użu ta’ trade mark iktar reċenti.

5        It-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità parzjali kienet intiża kontra l-prodotti u servizzi kollha msemmija fil-punt 2 iktar ’il fuq.

6        Permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Novembru 2006, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ċaħdet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

7        Fil-25 ta’ Jannar 2007, l-intervenjenti ppreżentat rikors quddiem l-UASI, skont l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94 (li saru l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009), kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

8        B’deċiżjoni tal-1 ta’ Ġunju 2011 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), l-Ewwel Bord tal-Appell laqa’ parzjalment l-appell u ddikjara t-trade mark LAGUIOLE bħala invalida għall-prodotti fil-klassijiet 8, 14, 16, 18, 20, 21, 28 u 34. Dan ċaħad l-appell f’dak li jikkonċerna s-servizzi fil-klassi 38.

9        B’mod partikolari, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li, skont il-ġurisprudenza Franċiża, isem kummerċjali kien bħala prinċipju protett għall-attivitajiet kollha koperti mill-għanijiet ta’ kumpannija tiegħu, fejn il-protezzjoni kienet madankollu limitata għall-attivitajiet effettivament u konkretament eżerċitati meta l-għanijiet ta’ kumpannija kienu impreċiżi jew l-attivitajiet eżerċitati ma kinux koperti minnhom. Issa, f’dan il-każ, l-għanijiet ta’ kumpannija tal-intervenjenti huma biżżejjed preċiżi f’dak li jikkonċerna l-“fabbrikazzjoni u bejgħ ta’ kull tip ta’ artikolu ta’ skieken, oġġetti maqtugħa biċ-ċiżell”. Il-Bord tal-Appell żied li, anki jekk jiġi aċċettat li l-formulazzjoni tal-għanijiet “fabbrikazzjoni u bejgħ ta’ kull tip ta’ artikoli għar-rigali u suveniers — kollha kemm huma artikoli marbuta mal-ospitalità” hija impreċiża, l-isem kummerċjali tar-rikorrenti kien jistħoqqlu l-protezzjoni, tal-inqas fis-setturi fejn hija kienet effettivament eżerċitat l-attivitajiet tagħha qabel il-preżentata tat-trade mark LAGUIOLE.

10      F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-intervenjenti kienet uriet li eżerċitat attività kummerċjali, sa mill-preżentata tat-trade mark LAGUIOLE, għall-kummerċ ta’ prodotti fir-rigward tal-“ospitalità”, tat-“tiżjin tad-dar”, tad-dinja tal-inbid, tal-oġġetti maqgtugħa biċ-ċiżell, oġġetti relatati mat-tipjip, mal-persuni li jingħabu l-golf, tal-kaċċaturi u għad-divertiment, kif ukoll aċċessorji oħra. Min-naħa l-oħra, l-intervenjenti ma urietx li teżerċita attività kummerċjali f’dak li jikkonċerna l-prodotti ta’ lussu u l-artikoli għall-ivjaġġar, barra minn hekk mhux imsemmija mill-għanijiet ta’ kumpannija tagħha. Fl-aħħar nett, dan ikkunsidra li, bl-eċċezzjoni tas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni fil-klassi 38, il-prodotti kollha indikati minn din it-trade mark daħlu fuq is-setturi ta’ attività tal-intervenjenti jew kienu jinsabu f’setturi ta’ attività konnessi.

11      Fir-rigward tas-sinjali inkwistjoni, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li t-terminu “laguiole” minkejja li huwa deskrittiv u mhux distintiv għas-skieken, kien madankollu l-element dominanti jew, tal-inqas kodominanti, tal-isem kummerċjali Forge de Laguiole, anki meta dan l-isem kien intuża għas-skieken. F’evalwazzjoni globali, is-sinjali inkwistjoni jippreżentaw ċertu xebh fuq il-livell fonetiku, viżiv u kunċettwali, li huwa kontrobilanċjat biż-żieda biss tal-espressjoni ġenerika “forge de”.

12      Il-Bord tal-Appell ikkonkluda minn dan li, minn naħa, kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni għall-konsumaturi Franċiżi, jekk it-trade mark LAGUIOLE kienet intużat għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu, iddestinati għall-istess klijentela u mibjugħa fl-istess negozji bħal “skieken, oġġetti maqtugħa biċ-ċiżell, oġġetti għar-rigali, jew intiżi għall-ospitalità” li jagħmlu parti mis-setturi ta’ attivitajiet tal-intervenjenti. Min-naħa l-oħra, dan ikkunsidra li l-attivitajiet tal-intervenjenti jiġu affettwati jekk din it-trade mark tintuża għal prodotti komplementarji, indissoċjabbilment marbuta ma’ dawn l-attivitajiet, jew anki jagħmlu parti minn setturi ta’ attivitajiet konnessi fejn dawn l-attivitajiet jistgħu naturalment ikollhom żviluppi.

13      Fl-aħħar nett, skont il-Bord tal-Appell, minħabba l-prestiġju tiegħu, kif ukoll ir-reputazzjoni tiegħu, l-isem kummerċjali Forge de Laguiole kellu karattru distintiv b’saħħtu u seta’ jgawdi minn protezzjoni eċċezzjonali wkoll għas-setturi ta’ attivitajiet differenti minn dawk li jaqgħu taħt l-għanijiet ta’ kumpannija tagħha.

 It-talbiet tal-partijiet

14      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-intervenjenti tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk tar-rikorrent.

15      L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

16      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Id-dritt

1.     Fuq l-atti ppreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali

17      Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent u l-intervenjenti, fil-kuntest rispettivament tar-replika u tal-kontroreplika, ipproduċew ċertu numru ta’ atti li ma għamlux parti mill-proċess ta’ proċedimenti quddiem l-UASI.

18      Għalhekk, ir-rikorrent ipproduċa:

–        tliet estratti minn dizzjunarju (Annessi 34, 35 u 39 tar-replika);

–        estratt ta’ katalgu ta’ rkant (Anness 36 tar-replika);

–        żewġ estratti ta’ riżultati ta’ mutur ta’ tfittxija fuq l-internet (Annessi 37 u 40 tar-replika);

–        estratt ta’ enċiklopedija online (Anness 38 tar-replika);

–        żewġ artikoli tal-istampa (Anness 41 tar-replika);

–        żewġ estratti ta’ riżultati ta’ riċerka fuq trade marks abbażi ta’ data mill-istitut nazzjonali Franċiż tal-proprjetà intellettwali (INPI) (Anness 42 tar-replika);

–        erba’ kopji ta’ deċiżjonijiet tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-UASI (Annessi 34a, 34b, 37a u 28a tar-replika).

19      Fir-rigward tal-intervenjenti, hija pproduċiet:

–        sentenzi minn qrati Franċiżi differenti (Annessi 55, 57, 58, 67, 68, 69, 70, 73, 74 tal-kontroreplika);

–        tliet deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell u tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-UASI (Annessi 56, 59 u 66 tal-kontroreplika);

–        estratti tad-direttivi tal-UASI dwar il-proċedimenti ta’ oppożizzjoni (Anness 60 tal-kontroreplika);

–        erba’ artikoli tal-istampa, estratti mill-internet (Anness 61 tal-kontroreplika);

–        tliet estratti minn siti ta’ bejgħ permezz tal-internet (Annessi 63 sa 65 tal-kontroreplika);

–        estratt mill-Kodiċi Franċiż tal-Konsum (Anness 71 tal-kontroreplika);

–        estratti mill-bilanċ ta’ attività 2011 tad-Direttorat Ġenerali tal-kompetizzjoni, tal-Konsum u tar-Repressjoni tal-Frodi Franċiż (DGCCRF) (Anness 72 tal-kontroreplika).

20      Minbarra dan, l-UASI sostna, fl-osservazzjonijiet addizzjonali tal-21 ta’ Frar 2014, li s-sentenza tal-Qorti tal-Kassazzjoni Franċiża tal-10 ta’ Lulju 2012 (C. Cass. Com., Cœur de princesse vs Mattel France, Nru 08‑2012.010), invokata mir-rikorrent, kellha tiġi miċħuda minn trattazzjonijiet bħala inammissibbli.

21      Hemm lok li jitfakkar, f’dan ir-rigward, li r-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali huwa intiż għall-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-UASI fis-sens tal-Artikolu 65 tar-Regolament Nru 207/2009, b’mod li l-funzjoni tal-Qorti Ġenerali ma hijiex li teżamina mill-ġdid iċ-ċirkustanzi ta’ fatt fid-dawl tad-dokumenti ppreżentati għall-ewwel darba quddiemha. Għalhekk għandhom jiġu miċħuda l-Annessi 34 sa 42 tar-replika, kif ukoll l-Annessi 31, 63 sa 65 u 72 tal-kontroreplika tal-intervenjenti, mingħajr il-ħtieġa li jiġi eżaminat il-valur probatorju tagħhom [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Novembru 2005, Sadas vs UASI – LTJ Diffusion (ARTHUR U FELICIE), T‑346/04, Ġabra p. II‑4891, punt 19, u l-ġurisprudenza ċċitata].

22      Min-naħa l-oħra, l-Annessi 34a, 34b, 27a u 38a tar-replika u l-Annessi 56, 59, 60 u 66 tal-kontroreplika, minkejja li ġew ippreżentati għall-ewwel darba biss quddiem il-Qorti Ġenerali, dawn ma mhumiex provi fis-sens proprju tagħhom, iżda jikkonċernaw il-prassi deċiżjonali tal-UASI, li, anki jekk isseħħ wara l-proċedimenti quddiem l-UASI, parti għandha d-dritt li tirreferi għaliha (sentenza ARTHUR U FELICE, punt 21 iktar ’il fuq, punt 20).

23      L-istess japplika għall-Annessi 55, 57, 58, 67 sa 71, 73 u 74 tal-kontroreplika, kif ukoll għas-sentenza tal-Qorti tal-Kassazzjoni Franċiża tal-10 ta’ Lulju 2012 (ara punt 20 iktar ’il fuq), li għandhom jiġu ddikjarati bħala ammissibbli, peress li huma jikkonċernaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali, kif ukoll il-prassi ġudizzjarja tal-qrati nazzjonali, li għaliha, anki jekk isseħħ wara l-proċedimenti quddiem l-UASI, parti għandha d-dritt li tirreferi għaliha. Fil-fatt, la l-partijiet u lanqas il-Qorti Ġenerali stess ma jistgħu jiġu preklużi milli jispiraw ruħhom, fl-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li għalih, bħal f’dan il-każ ineżami, id-dritt tal-Unjoni jagħmel riferiment (ara punt 29 iktar ’il quddiem), minn elementi bbażati fuq il-leġiżlazzjoni jew fuq il-ġurisprudenza nazzjonali, peress li ma hijiex kwistjoni li l-Bord tal-Appell jiġi kkritikat li ma ħax inkunsiderazzjoni punti ta’ fatt f’sentenza ta’ qorti Franċiża preċiża, iżda hija kwistjoni li jiġu invokati dispożizzjonijiet legali jew sentenzi insostenn ta’ motiv ibbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata mill-Bordijiet tal-Appell ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali [ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Lulju 2006, Vitakraft-Werke Wührmann vs OHMI – Johnson’s Veterinary Products (VITACOAT), T‑277/04, Ġabra p. II‑2211, punti 70 u 71].

24      Barra minn hekk, sa fejn l-UASI jibbaża fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI (C‑263/09 P, Ġabra p. I‑5853, punti 46 sa 57), sabiex jikkontesta l-ammissibbiltà bħala prova tas-sentenza tal-Qorti tal-Kassazzjoni Franċiża tal-10 ta’ Lulju 2012 (iktar ’il fuq, punt 20), huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li ma jirriżultax minn din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali hija prekluża milli tieħu inkunsiderazzjoni elementi ppreżentati għall-ewwel darba quddiemha minn parti sabiex turi li l-Bord tal-Appell applika inkorrettament id-dritt nazzjonali invokat quddiemu. Fil-fatt, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat biss, minn naħa, jekk il-Qorti Ġenerali kinitx kisret regola nazzjonali applikata fil-mertu ta’ kawża u, min-naħa l-oħra, jekk hija għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ tali ksur (sentenza Edwin vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44). F’dan il-kuntest, hija ċertament indikat li parti li talbet l-applikazzjoni ta’ regola nazzjonali kellha l-obbligu li tippreżenta quddiem l-UASI l-elementi li jistabbilixxu l-kontenut tagħha (ara s-sentenza Edwin vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50). Madankollu, dan ma jfissirx li l-applikazzjoni tar-regola nazzjonali effettwata mill-UASI ma tistax tiġi mistħarrġa mill-Qorti Ġenerali fid-dawl ta’ sentenza nazzjonali sussegwenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-UASI u invokata minn parti fil-proċeduri.

25      Fl-aħħar nett, hemm lok li jiġi miċħud l-argument tal-UASI li l-fatt, għar-rikorrent, li ppreżenta s-sentenza tal-Qorti tal-Kassazzjoni Franċiża tal-10 ta’ Lulju 2012 (punt 20 iktar ’il fuq) unikament waqt is-seduta u mhux qabel, jikkostitwixxi “manuvra proċedurali dilatorja”. Fil-fatt, għandu l-ewwel nett jitfakkar, f’dan ir-rigward, li din is-sentenza seħħet xi ġranet wara l-preżentata tal-kontroreplika tal-intervenjenti, fil-mument fejn il-proċedura bil-miktub, minkejja li ma kinitx għadha formalment magħluqa, kienet bħala prinċipju spiċċat. Ir-rikorrenti għalhekk ma setgħetx effettivament tinvoka s-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2012 fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha. Sussegwentement, għandu jiġi enfasizzat li, kuntrarjament għall-affermazzjonijiet tal-UASI, ir-rikorrent kien ibbaża ruħu fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Kassazzjoni Franċiża tal-10 ta’ Lulju 2012, punt 20 iktar ’il fuq, diġà fil-kuntest tal-motivazzjoni tat-talba tiegħu sabiex isseħħ seduta, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Awwissu 2012 u nnotifikata lill-UASI fil-11 ta’ Settembru 2012, u mhux biss waqt is-seduta.

2.     Fuq il-mertu

26      Ir-rikorrent iqajjem motiv wieħed, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 53(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 8(4) tal-istess regolament.

27      Skont dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, l-eżistenza ta’ sinjal minbarra trade mark tippermetti li tinkiseb l-invalidità ta’ trade mark Komunitarja jekk dan jissodisfa kumulattivament erba’ kundizzjonijiet: dan is-sinjal għandu jintuża fil-kors tal-kummerċ; għandu jkollu portata li ma hijiex biss lokali; id-dritt għal dan is-sinjal għandu jkun inkiseb skont id-dritt tal-Istat Membru fejn is-sinjal intuża qabel id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja; fl-aħħar nett, dan is-sinjal għandu jirrikonoxxi lill-proprjetarju tiegħu l-possibbiltà li jipprojbixxi l-użu ta’ trade mark iżjed reċenti. Dawn l-erba’ kundizzjonijiet jillimitaw in-numru ta’ sinjali minbarra t-trade marks li jistgħu jiġu invokati sabiex tiġi kkontestata l-validità ta’ trade mark Komunitarja fit-territorju Komunitarju kollu, skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 207/2009 [sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Marzu 2009, Moreira da Fonseca vs UASI – General Óptica (GENERAL OPTICA), T‑318/06 sa T‑321/06, Ġabra p. II‑649, punt 32].

28      L-ewwel żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri dawk relatati mal-użu u mal-portata tas-sinjal invokat, u li din tal-aħħar ma għandhiex tkun lokali biss, jirriżultaw mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009 u għalhekk għandhom jiġu interpretati fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, ir-Regolament Nru 207/2009 jistabbilixxi standards uniformi, relatati mal-użu tas-sinjali u mal-portata tagħhom, li huma koerenti mal-prinċipji li jispiraw is-sistema stabbilita minn dan ir-regolament (sentenza GENERAL OPTICA, punt 27 iktar ’il fuq, punt 33).

29      Min-naħa l-oħra, mill-frażi “meta u sal-limitu li, bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni tal-liġi tal-Istat Membru li jirregola dak is-sinjal” jirriżulta li ż-żewġ kundizzjonijiet l-oħra, stabbiliti sussegwentement fl-Artikolu 8(4)(a) u (b) tar-Regolament Nru 207/2009, jikkostitwixxu kundizzjonijiet stabbiliti minn dan ir-regolament li, b’differenza minn dawk preċedenti, jiġu evalwati fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mid-dritt li jirregola s-sinjal invokat. Dan ir-riferiment għad-dritt li jirregola s-sinjal invokat huwa kompletament iġġustifikat, peress li r-Regolament Nru 207/2009 rrikonoxxa lil sinjali li ma humiex parti mis-sistema tat-trade mark Komunitarja l-possibbiltà li jiġu invokati kontra trade mark Komunitarja. Għalhekk, huwa biss id-dritt li jirregola s-sinjal invokat li jippermetti li jiġi stabbilit jekk dan kienx jeżisti qabel it-trade mark Komunitarja u jekk jistax jiġġustifika l-projbizzjoni ta’ użu ta’ trademark iktar reċenti (sentenza GENERAL OPTICA, punt 27 iktar ’il fuq, punt 34).

30      F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li l-isem kummerċjali Forge de Laguiole huwa sinjal użat fil-kors tal-kummerċ fis-sens tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009, u li l-portata tiegħu tmur lil hinn mill-kuntest lokali. Il-partijiet lanqas ma kkontestaw, la matul il-proċedimenti quddiem l-UASI, lanqas fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali, li d-drittijiet fuq dan l-isem kummerċjali kienu nkisbu, skont id-dritt Franċiż, qabel l-20 ta’ Novembru 2001, data ta’ preżentata tat-trade mark LAGUIOLE.

31      Sa fejn, waqt is-seduta, ir-rikorrent, b’riferiment għat-trade marks Franċiżi tiegħu LAGUIOLE, ippreżentati fl-1993, ipprova jikkontesta l-karattru preċedenti tal-isem kummerċjali tal-intervenjenti taħt il-forma attwali tiegħu, fir-rigward tat-trade mark Komunitarja LAGUIOLE, huwa biżżejjed li jiġi osservat li hija rilevanti biss, f’dan il-każ, id-data ta’ preżentata ta’ din it-trade mark Komunitarja, jiġifieri fl-20 ta’ Novembru 2001 (ara punt 1 iktar ’il fuq).

32      Min-naħa l-oħra, il-partijiet jikkontestaw ir-raba’ kundizzjoni stabbilita fil-punt 27 iktar ’il fuq, dwar il-kwistjoni jekk u, skont il-każ, sa fejn l-isem kummerċjali tal-intervenjenti jippermettilha li tipprojbixxi lir-rikorrent l-użu tat-trade mark iktar reċenti LAGUIOLE. Skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 29 iktar ’il fuq, it-tweġiba għal din il-mistoqsija tiddependi biss mid-dritt Franċiż.

33      F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell, fid-dawl tal-ġurisprudenza Franċiża li kienet teżisti fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ibbaża r-raġunament tiegħu fuq żewġ prinċipji, fejn kull wieħed kien meqjus bħala suffiċjenti, waħdu, sabiex ikun jista’ jasal għall-konklużjoni tiegħu, li l-isem kummerċjali tal-intervenjenti kien protett għall-attivitajiet kollha stabbiliti fl-għanijiet ta’ kumpannija tagħha.

34      L-ewwel nett, il-Bord tal-Appell ikkunsidra, essenzjalment, li l-formulazzjoni tal-għanijiet ta’ kumpannija tal-intervenjenti kienet iddefinita b’mod biżżejjed preċiż sabiex ikun jista’ jiġi aċċettat li l-protezzjoni mogħtija mill-isem kummerċjali tagħha kienet testendi għall-attivitajiet kollha li huma stabbiliti fihom (deċiżjoni kkontestata, punti 87 sa 90). It-tieni nett, dan ikkunsidra li, anki jekk jiġi aċċettat li dan ma kienx il-każ għall-attività ta’ “fabbrikazzjoni u bejgħ ta’ kull tip ta’ [...] artikoli għar-rigali u suveniers — kollha kemm huma artikoli marbuta mal-ospitalità”, l-intervenjenti kienet stabbilixxiet li kienet iddiversifikat l-attivitajiet tagħha, qabel id-data tal-20 ta’ Novembru 2001, lejn l-“ospitalità”, it-“tiżjin tad-dar”, “id-dinja tal-inbid”, oġġetti maqtugħa biċ-ċiżell, oġġetti relatati mat-tipjip, għall-persuni li jilagħbu l-golf, għall-kaċċatur u għad-divertiment kif ukoll għall-“aċċessorji l-oħra” (deċiżjoni kkontestata, punti 91 sa 94).

35      Għalhekk hemm lok li jiġu eżaminati kull wieħed minn dawn il-prinċipji li fuqhom tibbaża d-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq il-portata tal-protezzjoni mogħtija mill-isem kummerċjali Forge de Laguiole

36      L-Artikoli L. 714‑3 u L. 711‑4 tal-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali Franċiż (iktar ’il quddiem il-“KPI”) huma fformulati kif ġej:

L. 714‑3

“Hija ddikjarata invalida b’deċiżjoni ġudizzjarja r-reġistrazzjoni ta’ trade mark li ma hijiex konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli L. 711‑1 sa L. 711‑4.

[…]

Huwa biss il-proprjetarju ta’ dritt preċedenti li jista’ jagħmel talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità abbażi tal-Artikolu L. 711‑4. Madankollu, l-azzjoni tiegħu ma tkunx ammissibbli jekk it-trade mark tkun ġiet ippreżentata in bona fide u jekk huwa jkun ittollera l-użu matul ħames snin.

Id-deċiżjoni għal annullament għandha effett assolut.”

L. 711‑4

“Sinjal ma jistax jiġi adottat bħala trade mark jekk ikun ta’ preġudizzju għal drittijiet preċedenti, u b’mod partikolari:

[…]

b)       għal isem kummerċjali, jekk teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku;

[…]”

37      Ma huwiex ikkontestat li d-dritt li jinkiseb l-annullament ta’ trade mark iktar reċenti abbażi ta’ isem kummerċjali jinkludi a fortiori d-dritt li ssir oppożizzjoni għall-użu ta’ din it-trade mark, fis-sens tar-raba’ kundizzjoni stabbilita fil-punt 27 iktar ’il fuq.

38      Ir-rikorrent isostni li, fid-dritt Franċiż, il-protezzjoni tal- kummerċjali testendi biss għall-attivitajiet realment operati, b’mod partikolari meta l-attivitajiet indikati fl-għanijiet ta’ kumpannija huma ddefiniti b’mod wiesa’ ż-żejjed.

39      L-UASI jikkunsidra, min-naħa tiegħu, li, fid-dritt Franċiż, il-portata tal-protezzjoni tal-isem kummerċjali hija ddefinita mill-formulazzjoni tal-attivitajiet preċiżi fl-għanijiet ta’ kumpannija, ħlief jekk din il-formulazzjoni hija eċċessivament wiesgħa jew impreċiża u li, f’kull każ, din il-portata tal-protezzjoni hija limitata biss għall-attivitajiet konkreti eżerċitati mill-kumpannija inkwistjoni.

40      L-intervenjenti essenzjalment issostni li l-isem kummerċjali huwa protett għal kull attività msemmija fl-għanijiet ta’ kumpannija, anki jekk dawn l-għanijiet huma miktuba b’mod wiesa’, u indipendentement mill-attivitajiet effettivament eżerċitati. Hija żżid li l-protezzjoni testendi wkoll għall-attivitajiet li jagħmlu parti mis-setturi ekonomiċi li ma għadhomx jiġu eżerċitati iktar mill-proprjetarju tagħha, iżda konnessi ma’ dawk imsemmija fl-għanijiet ta’ kumpannija.

41      Għandu jitfakkar li, skont l-interpretazzjoni tal-Artikolu 711‑4, (b), KPI, proposta mill-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata, isem kummerċjali huwa protett bħala prinċipju għall-attivitajiet kollha koperti mill-għanijiet ta’ kumpannija tagħha, fejn il-protezzjoni hija madankollu limitata għall-attivitajiet effettivament u konkretament eżerċitati meta l-għanijiet ta’ kumpannija huma impreċiżi jew meta l-attivitajiet eżerċitati ma humiex koperti minnhom.

42      Il-Bord tal-Appell ibbaża ruħu, għal din l-interpretazzjoni, fuq il-ġurisprudenza Franċiża rilevanti, hekk kif kienet teżisti fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fl-1 ta’ Ġunju 2011. Din il-ġurisprudenza ma kinitx uniformi u kienet tat lok għal kontroversja fid-duttrina speċjalizzata, li ta’ spiss ġiet iċċitata mill-partijiet, kemm quddiem l-UASI kif ukoll quddiem il-Qorti Ġenerali.

43      Issa, din il-ġurisprudenza diverġenti kif ukoll il-kontroversja li hija qajmet fid-duttrina tfasslu mill-ġdid mis-sentenza tal-Qorti tal-Kassazzjoni Franċiża, tal-10 ta’ Lulju 2012 (punt 20 iktar ’il fuq). Fil-fatt, f’din is-sentenza, mogħtija wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ġie deċiż li “l-isem kummerċjali ma [kienx jibbenefika] minn protezzjoni ħlief għall-attivitajiet effettivament eżerċitati mill-kumpannija u mhux għal dawk elenkati fl-istatuti ta’ assoċjazzjoni tagħha”.

44      Kuntrarjament għal dak li l-UASI u l-intervenjenti jallegaw fl-osservazzjonijiet bil-miktub komplementari tagħhom ippreżentati, rispettivament, fl-24 u fil-25 ta’ Frar 2014, il-prinċipju stabbilit fis-sentenza tal-Qorti tal-Kassazzjoni Franċiża, tal-10 ta’ Lulju 2012 (punt 20 iktar ’il fuq) huwa mingħajr kwalunkwe ambigwità fir-rigward tal-parametru tal-protezzjoni mogħtija lil isem kummerċjali u huwa intiż li jiġi applikat b’mod ġenerali. Huwa ċertament veru li l-kawża li tat lok għal din is-sentenza ma kinitx tikkonċerna rikors ippreżentat abbażi tal-Artikolu L. 711‑4 tal-KPI, iżda l-annullament ta’ trade mark minħabba preżentata frawdolenti u talba fil-qasam ta’ kompetizzjoni żleali. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li s-silta ċċitata fil-punt 43 iktar ’il fuq tinsab fis-sezzjoni ta’ din is-sentenza li ċaħdet motiv invokat kontra l-annullament għal preżentata frawdolenti tat-trade mark cœur de princesse, li tipprovdi li din it-trade mark kull ma għamlet kien li tieħu l-isem kummerċjali tal-kumpannija li għamlet l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark, qabel il-kummerċjalizzazzjoni mill-kumpannija Mattel ta’ pupi taħt l-isem “cœur de princesse”. Huwa f’dan il-kuntest li l-Qorti tal-Kassazzjoni Franċiża fasslet din is-silta, sabiex sussegwentement tirrileva li l-prodotti u servizzi indikati mit-trade mark cœur de princesse kienu jmorru lil hinn b’mod sinjifikattiv mill-attivitajiet li sa dak iż-żmien kienu effettivament jiġu operati mill-kumpannija kkonċernata, u għalhekk ċaħdet bħala ineffettiv il-motiv imqajjem minn din il-kumpannija kkonċernata. Bħala konklużjoni, din is-silta għalhekk ma għandha ebda limitazzjoni, la fil-formulazzjoni tagħha u lanqas fil-kuntest fattwali u proċedurali tagħha, li tista’ twassal sabiex wieħed jemmen li l-applikabbiltà tagħha hija rriżervata għaċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża deċiża.

45      Barra minn hekk, kuntrarjament għall-fehma tal-UASI, is-sentenza tal-Qorti tal-Kassazzjoni Franċiża tal-10 ta’ Lulju 2012 (punt 20 iktar ’il fuq) tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali fl-eżami tagħha tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, anki jekk hija sussegwentement għal din id-deċiżjoni.

46      Fil-fatt, minbarra l-kunsiderazzjonijiet ta’ natura proċedurali msemmija fil-punti 23 u 24 iktar ’il fuq, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li din is-sentenza ma wettqitx bidla fil-ġurisprudenza, iżda sempliċement ikkjarifikat kwistjoni ġuridika kontenzjuża. Fil-fatt, hekk kif jixhdu d-diversi sentenzi preċedenti tal-qrati Franċiżi prodotti mill-partijiet kemm quddiem l-UASI kif ukoll quddiem il-Qorti Ġenerali, il-ġurisprudenza tal-qrati inferjuri qabel is-sentenza tal-Qorti tal-Kassazzjoni Franċiża tal-10 ta’ Lulju 2012 (punt 20 iktar ’il fuq), filwaqt li ma kinitx uniformi, waslet għall-konklużjoni li l-protezzjoni tal-isem kummerċjali kienet limitata għall-attivitajiet effettivament eżerċitati mill-kumpannija inkwistjoni.

47      It-tieni nett, anki jekk jiġi kkunsidrat li s-sentenza tal-Qorti tal-Kassazzjoni Franċiża tal-10 ta’ Lulju 2012 (punt 20 iktar ’il fuq) hija effettiva bħala li twettaq bidla fil-ġurisprudenza, tali bidliet, bħala prinċipju, japplikaw retroattivament għas-sitwazzjonijiet eżistenti.

48      Dan il-prinċipju huwa ġġustifikat mill-kunsiderazzjoni li l-interpretazzjoni ġurisprudenzjali ta’ regola f’mument partikolari ma tistax tkun differenti skont iż-żmien tal-fatti kkunsidrati u bl-ebda mod ma tista’ tibbaża fuq dritt kweżit sabiex tipproduċi ġurisprudenza statika. Għalkemm huwa veru li dan il-prinċipju jista’ jsir iktar dgħajjef sa fejn, f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali, il-qrati jistgħu jibiegħdu minn dawn il-premessi sabiex jimmodulaw l-effett ratione temporis tar-retroattività ta’ bidla, ir-retroattività ta’ bidliet tibqa’ l-prinċipju. Issa, f’dan il-każ, is-sentenza tal-Qorti tal-Kassazzjoni Franċiża tal-10 ta’ Lulju 2012 (punt 20 iktar ’il fuq) ma fiha ebda modulazzjoni jew limitazzjoni f’dan is-sens.

49      Għandu jingħad ukoll, f’dan ir-rigward, li l-prinċipju analogu huwa applikat mill-qrati tal-Unjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Awwissu 1995, Roders et, C‑367/93 sa C‑377/93, Ġabra p. I‑2229, punti 42 u 43).

50      Għalhekk, anki jekk is-sentenza tal-Qorti tal-Kassazzjoni Franċiża tal-10 ta’ Lulju 2012 (punt 20 iktar ’il fuq) hija inkwantu tali fatt ġdid, din sempliċement tirrifletti d-dritt Franċiż hekk kif kellu jiġi applikat mill-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata, tal-1 ta’ Ġunju 2011, u kif għandu jiġi applikat mill-Qorti Ġenerali, skont il-prinċipju mfakkar fil-punt 29 iktar ’il fuq.

51      Isegwi li, f’dan il-każ, il-protezzjoni tal-isem kummerċjali Forge de Laguiole testendi biss għall-attivitajiet effettivament eżerċitati mill-intervenjenti fid-data tal-applikazzjoni għat-trade mark LAGUIOLE, fl-20 ta’ Novembru 2001.

52      Konsegwentement, l-ewwel prinċipju tar-raġunament tal-Bord tal-Appell, li jibbaża fuq l-attivitajiet stabbiliti fl-għanijiet ta’ kumpannija tal-intervenjenti, ma jistax isostni d-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma jintwera li dawn l-attivitajiet kienu effettivament ġew eżerċitati.

53      Għalhekk jibqa’ biex tiġi eżaminata l-fondatezza tat-tieni prinċipju tar-raġunament tal-Bord tal-Appell, ibbażat fuq l-attivitajiet effettivament eżerċitati mill-intervenjenti.

 Fuq l-attivitajiet effettivament eżerċitati mill-intervenjenti qabel id-data ta’ preżentata tat-trade mark LAGUIOLE

54      Huwa paċifiku, f’dan il-każ, li l-intervenjenti hija attiva fil-fabbrikazzjoni u l-bejgħ ta’ prodotti tas-skieken.

55      Skont il-konstatazzjonijiet tal-Bord tal-Appell, l-intervenjenti minbarra dan stabbilixxiet li ddiversifikat l-attivitajiet tagħha lejn setturi differenti minn dak tas-skieken, qabel id-data tal-preżentata tat-trade mark LAGUIOLE (jiġifieri fl-20 ta’ Novembru 2001).

56      Ir-rikorrent isostni, f’dan ir-rigward, minn naħa, li l-attività tal-intervenjenti fir-realtà hija limitata għall-kummerċ tas-skieken, fejn l-allegata diversifikazzjoni tikkonsisti fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ skieken li jinkludu aċċessorju, u, min-naħa l-oħra, li din id-diversifikazzjoni fi kwalunkwe każ hija, fil-parti l-kbira sussegwenti għad-data ta’ preżentata tat-trade mark LAGUIOLE.

57      L-UASI jsostni li l-oqsma ta’ attività ta’ kumpannija huma ddefiniti fir-rigward tal-klijentela li lilha tipprovdi l-prodotti jew servizzi tagħha. Issa, is-skieken li jinkludu aċċessorju huma indirizzati għal klijentela differenti minn dik tas-sempliċi skieken, u dan jintwera bid-differenza fis-sistemi ta’ distribuzzjoni tas-skieken differenti li jinkludu aċċessorji. Barra minn hekk, id-diversifikazzjoni tal-attivitajiet tal-intervenjenti lejn setturi oħra differenti minn dak tas-skieken kienet bdiet qabel il-preżentata tat-trade mark LAGUIOLE.

58      L-intervenjenti żżid li prodott jista’ jkollu żewġ funzjonijiet differenti, fejn il-funzjoni ta’ sikkina ma teliminax il-funzjoni tal-aċċessorju.

59      Fir-rigward tal-provi tad-diversifikazzjoni tal-attivitajiet tal-intervenjenti lejn setturi differenti minn dak tas-skieken, il-Bord tal-Appell ibbaża ruħu, fil-punt 94 tad-deċiżjoni kkontestata, fuq ċerti atti ppreżentati mill-intervenjenti quddiem l-UASI, li jirriżultaw mill-perijodu preċedenti għall-preżentata tat-trade mark LAGUIOLE, jiġifieri:

–        il-lista tal-prezzijiet tal-intervenjenti tal-1 ta’ Jannar 2001 (att 38.1), li tirreferi għal skieken b’aċċessorji differenti — jiġfieri t-trabixù, puntell, fettieħa tal-fliexken, għodda għall-qtugħ ta’ truf tas-sigarri, ħoloq taċ-ċwievet — “frieket” kif ukoll tal-mudell “Sikkina għall-kaċċa”;

–        żewġ fatturi tal-15 ta’ Ottubru 1998 u tat-30 ta’ Marzu 2000, indirizzati lil klijenti fil-Lussemburgu u fl-Awstrija, li jsemmu l-mudell “Sommelier”, li jinkludi t-trabixù u fettieħa tal-fliexken, kif ukoll “Għodda għall-witi tal-ħaxix imtajjar mill-istikka tal-golf”, il-mudell “laguiole għal min jivjaġġa b’ħorġa fuq dahru” u “għant” magħmul mill-ġilda;

–        fattura tat-22 ta’ Novembru 2000, indirizzata lil klijent fi Franza, li ssemmi “furketta” kif ukoll il-mudelli “Sommelier” u “Pipa simbolu tal-paċi” li jinkludu xafra barraxa, strument għall-mili tal-pipa u għat-tindif kif ukoll “kaxxetta”.

60      Għandu jiġi kkonstatat, f’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, li “kaxxetti għar-rigali” u “kaxxi” ma jissemmew fl-ebda wieħed minn dawn l-atti. Min-naħa l-oħra, fil-qiegħ ta’ ċerti paġni tal-lista tal-prezzijiet tal-intervenjenti tal-1 ta’ Jannar 2001 hemm ir-riferiment “Is-skieken huma kkunsinnati b’imballaġġ għar-rigali u ċertifikat ta’ oriġini”. L-atti meħuda inkunsiderazzjoni mill-Bord tal-Appell għalhekk jistabbilixxu l-kummerċjalizzazzjoni ta’ imballaġġi għar-rigali mill-intervenjenti unikament sabiex tkun tista’ tgeżwer il-prodotti tagħha stess u mhux bħala prodotti awtonomi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bord tal-Appell wettaq żball meta kkunsidra, fil-punt 93 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-“kaxxetti għar-rigali” u “kaxxi” kienu ġew offerti għall-bejgħ mill-intervenjenti fil-kuntest tad-diversifikazzjoni tal-attivitajiet tagħha fis-settur ta’ “aċċessorji oħra”.

61      Fit-tieni lok, il-mudell “Laguiole għal min jivjaġġa b’ħorġa fuq dahru” jikkonsisti f’sikkina li tintewa, mingħajr aċċessorju. Bl-istess mod, il-mudell “Sikkina għall-kaċċa” huwa, skont id-deskrizzjoni li tinsab fil-lista tal-prezzijiet tal-1 ta’ Jannar 2001, “[m]udell li ma jingħalaqx, ikkunsinnat b’kaxxetta tal-ġilda”. B’konsegwenza, għandu jiġi kkunsidrat li dawn il-mudelli ma jistgħux iservu sabiex juru diversifikazzjoni tal-attivitajiet tal-intervenjenti lejn setturi oħra barra dak tas-skieken, anki jekk jiġi preżuppost li dawn huma ddestinati sabiex jintużaw fil-kuntest tad-“divertiment” jew minn kaċċaturi, hekk kif il-Bord tal-Appell allega fil-punt 93 tad-deċiżjoni kkontestata.

62      It-tielet nett, l-“għenut” u “kaxxetti” msemmija fil-fatturi u fil-lista tal-prezzijiet huma, mill-mod kif ġew maħsuba u l-preżentazzjoni tagħhom, esklużivament iddestinati sabiex iżommu s-skieken iffabbrikati mill-intervenjenti. L-iktar, dawn jistgħu, skont il-każ, iservu sabiex iżommu skieken oħrajn, skont id-daqs u l-forma tagħhom, iżda mhux prodotti li ma għandhomx x’jaqsmu mas-skieken. Minbarra dan, dawn l-għenut u kaxxetti jinbiegħu esklużivament flimkien mas-skieken u mhux separatament. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li dawn jikkostitwixxu biss aċċessorji għas-skieken ikkummerċjalizzati mill-intervenjenti, mingħajr ma jippreżentaw in-natura ta’ sensiela ta’ prodotti indipendenti u, minħabba dan il-fatt, ma jistgħux iservu sabiex juru diversifikazzjoni tal-attivitajiet tagħha lejn setturi oħra jekk mhux dak tas-skieken.

63      Ir-raba’ nett, il-frieket b’mod ċar ma jaqgħux taħt il-kategorija tas-skieken. Madankollu, il-kummerċjalizzazzjoni ta’ frieket ma tippermettix li tiġi stabbilita attività tal-intervenjenti fis-settur kollu tal-“ospitalità”. Fil-fatt, jekk huwa veru li frieket jistgħu jitqiesu li huma parti mill-“ospitalità”, din hija kategorija wiesgħa wisq u tiġbor flimkien prodotti wisq eteroġenji sabiex jiġu suġġetti għal paragun, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tax-xebh tagħhom, meta pparagunati mal-prodotti u mas-servizzi indikati mit-trade mark LAGUIOLE. Min-naħa l-oħra, il-kummerċjalizzazzjoni ta’ frieket turi diversifikazzjoni konkreta u effettiva tal-attivitajiet tal-intervenjenti lejn il-pożati tal-mejda inġenerali, inkwantu sottokategorija tal-“ospitalità” [ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Frar 2007, Mundipharma vs UASI – Altana Pharma (RESPICUR), T‑256/04, Ġabra p. II‑449, punt 23].

64      Il-ħames nett, fir-rigward tad-diversi (oħrajn) artikoli li jikkonsistu f’sikkina flimkien ma aċċessorju wieħed jew iktar (trabixù, puntell, fettieħa tal-fliexken, għodda għall-qtugħ ta’ truf tas-sigarri, strument għall-mili tal-pipa, ħoloq taċ-ċwievet, għodda għall-witi tal-ħaxix imtajjar mill-istikka tal-golf), il-Bord tal-Appell ikkunsidra, essenzjalment, li dawn l-artikoli multifunzjonali juru d-diversifikazzjoni tal-attivitajiet tal-intervenjenti f’setturi oħra barra dak tas-skieken.

65      Issa, hekk kif ir-rikorrent sostna ġustament, l-artikoli multifunzjonali kkummerċjalizzati mill-intervenjenti ma humiex ikkaratterizzati mill-funzjoni tal-aċċessorju, iżda jibqgħu skieken minkejja l-preżenza ta’ aċċessorju wieħed jew iktar. Fil-fatt, iż-żieda tal-aċċessorji differenti ma tbiddilx in-natura tagħhom inkwantu prodotti li jaqgħu taħt is-settur tas-skieken.

66      F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li, fil-prodotti multifunzjonali kkummerċjalizzati mill-intervenjenti, is-sikkina tibqa’ dominanti u tiddetermina n-natura tal-prodott kollu kemm hu kemm fir-rigward tal-materjal użat kif ukoll fir-rigward tal-preżentazzjoni kollha tiegħu, kif barra minn hekk jidher ċar fil-lista tal-prezzijiet tal-1 ta’ Jannar 2001. Minn dan l-att jirriżulta li l-intervenjenti, hija stess, tikkunsidra lil dawn il-prodotti bħala skieken. Fil-fatt, il-mudell jinkludi trabixù u fettieħa tal-fliexken u huwa ppreżentat bl-isem “Sikkina Sommelier-Fettieħa tal-fliexken” u dan jinkludi għodda għall-witi tal-ħaxix imtajjar mill-istikka tal-golf bl-isem “Sikkina għal min jilgħab il-golf”. Minbarra dan, il-partijiet ta’ dawn il-prodotti minbarra x-xafra, bħall-puntell u trabixù, li huma espressament ippreżentati bl-indikazzjoni “Aċċessorji”, il-materjal tax-xafra u dak tal-imsemmija aċċessorji huma indikati separatament, billi ssir insistenza fuq il-kwalità tal-azzar tax-xafra (il-mudell “Pipa simbolu tal-paċi”, flimkien max-xafra barraxa, xkupilja u strument għall-mili tal-pipa jikkostitwixxu f’dan ir-rigward eċċezzjoni). Fl-aħħar nett, hekk kif diġà ssemma fil-punt 60 iktar ’il fuq, fil-qiegħ ta’ ċerti paġni jinsabu mudelli li jinkludu aċċessorji li fihom hemm ir-referenza “Is-skieken huma kkunsinnati b’imballaġġ għar-rigali u ċertifikat ta’ oriġini”.

67      Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għal dak li ssostni l-intervenjenti, il-klijentela li għaliha huma indirizzati l-prodotti multifunzjonali inkwistjoni hija komposta mhux minn persuni li jilagħbu l-golf u persuni li jpejpu inġenerali, iżda kemm minn xerrejja ta’ skieken li jipprattikaw ukoll il-golf jew li jpejpu, kemm minn persuni li jilagħbu l-golf jew li jpejpu li għandhom affinità għas-skieken. Dan japplika kemm taħt l-aspett funzjonali (għodda għall-witi tal-ħaxix imtajjar mill-istikka tal-golf jew għodda għall-qtugħ ta’ truf tas-sigarri li jagħmlu parti minn sikkina huma inqas faċli biex jiġu mmaniġġjati u prattiċi mill-istess strument mingħajr sikkina, speċjalment jekk is-sikkina hija prodott ta’ kwalità għolja ta’ ċertu daqs, bħal ma huwa l-każ għall-prodotti tal-intervenjenti) kif ukoll mill-aspett finanzjarju (żieda kunsiderevoli tal-artikoli multifunzjonali meta pparagunati mal-aċċessorju waħdu) jew ukoll taħt l-aspett ta’ immaġni (persuna li tpejjep jew persuna li tilgħab il-golf li ma tinteressax ruħha għas-skieken normalment ma taħsibx għall-prodotti tal-intervenjenti għall-provvista tagħha stess ta’ artikoli għall-persuni li jpejpu jew li jilagħbu l-golf, iżda ser iddur lejn produtturi speċjalizzati f’dawn is-setturi).

68      Għandu għalhekk jiġi miċħud l-argument tal-UASI, ibbażat fuq li s-setturi ta’ attività ta’ persuna ġuridika huma qabel kollox iddefiniti mis-swieq li għalihom jindirizzaw il-prodotti jew servizzi tagħhom. Fil-fatt il-prodotti multifunzjonali kkummerċjalizzati mill-intervenjenti ma humiex indirizzati preċiżament għal pubbliku mingħajr relazzjoni mal-pubbliku mmirat tal-prodotti li jaqgħu taħt is-settur tas-skieken, iżda lil pubbliku ta’ persuni li jpejpu jew persuni li jilagħbu l-golf ukoll dilettanti ta’ dawn il-prodotti. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li l-Bord tal-Appell sostna fil-punti 96 u 97 tad-deċiżjoni kkontestata, iċ-ċirkustanza li l-artikoli multifunzjonali kkummerċjalizzati mill-intervenjenti kienu nbiegħu mhux biss minn persuni li jipproduċu s-skieken, iżda wkoll minn armiera, minn tabakkiera, minn ħwienet ta’ artikoli għall-kitba, minn kummerċ ta’ “rigali – ospitalità”, minn ħwienet kbar u minn impriżi oħra ma tistax tbiddel in-natura ta’ dawn l-artikoli inkwantu prodotti li jaqgħu taħt is-settur tas-skieken.

69      Fis-sitt lok, fir-rigward tal-attività ta’ “fabbrikazzjoni u bejgħ ta’ kull tip ta’ artikoli għar-rigali u suveniers”, imsemmija fl-għanijiet ta’ kumpannija tal-intervenjenti, huwa veru li, bħala prinċipju, il-prodotti kollha kkummerċjalizzati minnha huma intiżi li jservu bħala rigal jew bħala suvenier, hekk kif ir-rikorrent sostna ġustament. Minbarra dan, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 60 iktar ’il fuq, parti tal-inqas tal-prodotti tal-intervenjenti huma kkunsinnati f’imballaġġi għar-rigali, li jwassal sabiex tiġi kkonfermata d-destinazzjoni possibbli tagħhom bħala rigali. Minn dan jirriżulta li l-intervenjenti hija effettivament attiva fil-qasam tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ artikoli għar-rigali.

70      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-intervenjenti ma wrietx li hija tipproduċi jew tikkummerċjalizza artikoli għar-rigali jew suveniers li ma jaqgħux taħt il-qasam tas-skieken jew pożati tal-mejda. L-attività tagħha fil-qasam tar-rigali u ta’ suveniers hija limitata ovvjament sabiex toffri l-prodotti tas-soltu tagħha, li jaqgħu taħt is-settur tas-skieken jew tal-pożati tal-mejda, f’imballaġġi għar-rigali. B’konsegwenza, hemm lok li jiġi kkonstatat li, jekk l-intervenjenti wriet li eżerċitat attività fil-qasam ta’ “fabbrikazzjoni u bejgħ ta’ kull tip ta’ artikoli għar-rigali u suveniers”, din l-attività hija limitata għal rigali u għal suveniers li jaqgħu taħt is-setturi tas-skieken u tal-pożati tal-mejda.

71      B’konsegwenza, hemm lok li jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li l-Bord tal-Appell ikkunsidra fil-punt 93 tad-deċiżjoni kkontestata, diversifikazzjoni tal-attivitajiet tal-intervenjenti lejn setturi oħra barra dak tas-skieken, qabel id-data tal-20 ta’ Novembru 2001, ma kinitx murija għall-“oġġetti maqtugħa biċ-ċiżell”, l-“ospitalità” — ħlief għall-pożati tal-mejda — it-“tiżjin tad-dar”, id-“dinja tal-inbid”, l-artikoli għall-persuni li jpejpju, l-artikoli għall-persuni li jilagħbu l-golf, l-artikoli għal kaċċaturi, id-divertiment jew l-aċċessorji, bħall-kaxxetti għar-rigali u kaxxi.

72      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li diversifikazzjoni tal-attivitajiet tal-intervenjenti lejn setturi oħra barra dak tas-skieken tintwera għall-“pożati tal-mejda” li minnhom jagħmlu parti l-“frieket” imsemmija fil-lista tal-prezzijiet tal-1 ta’ Jannar 2001, kif ukoll għall-“artikoli għar-rigali u suveniers” sa fejn dawn huma prodotti li jaqgħu taħt is-setturi tas-skieken jew tal-pożati tal-mejda. Huwa għalhekk unikament fir-rigward ta’ dawn l-attivitajiet li l-intervenjenti tista’ titlob il-protezzjoni tal-isem kummerċjali tagħha fir-rigward tat-trade mark LAGUIOLE.

73      B’konsegwenza, hemm lok li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Bord tal-Appell ikkonstata fiha probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu L. 711‑4 tal-KPI, fir-rigward tal-“oġġetti maqtugħa biċ-ċiżell” u tal-“artikoli kollha marbuta mal-ospitalità”, kif ukoll ta’ “kull tip ta’ [...] artikoli għar-rigali u suveniers” sa fejn dawn huma artikoli li ma jaqgħux taħt is-skieken jew pożati tal-mejda.

74      Għalhekk, l-eżami li ġej tal-probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu L. 711‑4 tal-KPI ser jikkonċerna biss l-attivitajiet ta’ fabbrikazzjoni u ta’ bejgħ ta’ kull tip ta’ artikoli li jaqgħu taħt is-setturi tas-skieken jew tal-pożati tal-mejda, kif ukoll rigali u suveniers, sa fejn dawn huma prodotti li jaqgħu taħt dawn is-setturi.

 Fuq il-probabbiltà ta’ konfużjoni

75      Għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 29 iktar ’il fuq, il-kundizzjoni marbuta mal-fatt li s-sinjal għandu jirrikonoxxi lill-proprjetarju tiegħu l-possibbiltà li jipprojbixxi l-użu ta’ trade mark iktar reċenti, għandha tiġi evalwata fir-rigward ta’ kriterji stabbiliti mid-dritt li jirregola s-sinjal preċedenti invokat, jiġifieri d-dritt Franċiż.

76      Skont l-Artikolu L. 711‑4 tal-KPI (riprodott fil-punt 36 iktar ’il fuq), il-proprjetarju ta’ isem kummerċjali preċedenti għandu d-dritt li jipprojbixxi l-użu ta’ trade mark iktar reċenti bil-kundizzjoni li “teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-pubbliku”.

77      Hekk kif l-UASI sostna ġustament, fid-dawl tan-natura tal-prodotti indikati mit-trade mark LAGUIOLE, il-pubbliku rilevanti huwa l-pubbliku wiesa’ Franċiż, li għandu livell ta’ attenzjoni medju.

78      Skont il-ġurisprudenza Franċiża, l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni tiddependi minn diversi fatturi fejn fosthom hemm il-livell ta’ xebh (viżiv, fonetiku u kunċettwali) bejn is-sinjali inkwistjoni, il-livell ta’ xebh bejn is-setturi ekonomiċi koperti minn dawn is-sinjali u s-setgħa distintiva bejn wieħed u ieħor għolja tas-sinjal preċedenti (CA Versailles, sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2001, Flex’cible vs SOS Flexibles u Sofirop, u TGI Paris, sentenza tat-8 ta’ Lulju 2011, RG 09/11931).

79      Il-probabbiltà ta’ konfużjoni hija għaldaqstant iktar importanti meta l-isem kummerċjali preċedenti għandu setgħa distintiva qawwija, b’mod partikolari minħabba l-konoxxenza tiegħu mal-pubbliku. Id-dannu li jinħoloq minħabba l-probabbiltà ta’ konfużjoni ma jirriżultax sempliċement minn teħid ta’ klijentela. Dan jista’ jikkonsisti wkoll fi ksur għall-kredibbiltà jew għar-reputazzjoni (CA Pariġi, sentenza tat-13 ta’ Ottubru 1962, Ann. propr. ind. 1963, p. 228).

80      Is-soluzzjoni tal-kunflitt bejn trade mark u isem kummerċjali preċedenti tiddependi mill-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, jekk it-trade mark hija ppreżentata għal diversi prodotti jew servizzi ta’ natura differenti, fejn l-annullament tagħha jkollu karattru distributtiv u japplika biss għall-prodotti jew għas-servizzi li għalihom tkun ġiet ikkonstatata probabbiltà ta’ konfużjoni mal-attività tal-persuna ġuridika (CA Paris, sentenza tat-28 ta’ Jannar 2000, Revue Dalloz 2001, p. 470).

 Fuq ix-xebh bejn is-setturi ekonomiċi koperti mill-isem kummerċjali Forge de Laguiole u mit-trade mark LAGUIOLE

81      Skont il-ġurisprudenza Franċiża, sabiex jiġi stabbilit jekk is-setturi ekonomiċi koperti mill-isem kummerċjali Forge de Laguiole u mit-trade mark LAGUIOLE humiex simili, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni bejn il-prodotti jew servizzi. Dawn il-fatturi jinkludu b’mod partikolari n-natura tagħhom, id-destinazzjoni tagħhom, l-użu tagħhom kif ukoll in-natura kompetittiva jew komplementari tagħhom (TGI Paris, sentenza tal-25 ta’ Novembru 2009, RG 09/10986).

82      F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-prodotti indikati mit-trade mark LAGUIOLE daħlu fuq, fil-parti l-kbira, is-setturi ta’ attivitajiet tal-intervenjenti jew kienu jinsabu f’setturi ta’ attivitajiet konnessi, kunsiderazzjoni li hija spjegata fil-fond fil-punti 107 sa 114 tad-deċiżjoni kkontestata.

83      Madankollu, din il-kunsiderazzjoni tirriżulta minn eżami li jieħu inkunsiderazzjoni s-setturi ta’ attività kollha stabbiliti fl-għanijiet ta’ kumpannija tal-intervenjenti. Issa, hekk kif ġie rrilevat fil-punti 71 sa 74 iktar ’il fuq, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni, fid-dawl tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, unikament attivitajiet tal-intervenjenti fis-setturi tas-skieken jew tal-pożati tal-mejda, kif ukoll tar-rigali u tas-suveniers, sakemm dawn huma prodotti li jaqgħu taħt is-setturi tas-skieken jew tal-pożati tal-mejda.

84      F’dawn il-kundizzjonijiet, il-konstatazzjonijiet magħmula mill-Bord tal-Appell fil-punti 107 sa 114 tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu eżaminati mill-ġdid fid-dawl ta’ din ir-restrizzjoni tas-setturi ta’ attivitajiet protetti mill-isem kummerċjali Forge de Laguiole.

–       Fuq ir-relazzjoni bejn is-“segi, mwies tal-leħja, xfafar għat-tqaxxir; limi u tnalji tad-dwiefer, qattiegħa tad-dwiefer”, kif ukoll is-“settijiet tal-manikjur, kaxxetti b’tagħmir għat-tqaxxir”, fil-klassi 8, l-“oġġetti li jaqtgħu’ l-karti” fil-klassi 16, u l-“pniezel tal-leħja, kaxxi fejn jitpoġġew l-oġġetti tat-twaletta” fil-klassi 21, u l-attivitajiet tal-intervenjenti

85      Fir-rigward ta’ “segi, mwies tal-leħja, xfafar għat-tqaxxir; limi u tnalji tad-dwiefer, qattiegħa tad-dwiefer” fil-klassi 8, kif ukoll “oġġetti li jaqtgħu l-karti” fil-klassi 16, il-Bord tal-Appell ġustament ikkunsidra li dawn kienu oġġett li jaqtgħu, li jaqgħu taħt is-settur tas-“skieken” imsemmija fl-għanijiet ta’ kumpannija tal-intervenjenti. Dawn il-prodotti u l-attivitajiet tal-intervenjenti għalhekk jixxiebhu ħafna. Bl-istess mod, is-“settijiet tal-manikjur, kaxxetti b’tagħmir għat-tqaxxir”, fil-klassi 8 kif ukoll il-“pniezel tal-leħja, kaxxi fejn jitpoġġew l-oġġetti tat-twaletta” fil-klassi 21, huma komplementari jew aċċessorji għal dawn l-oġġetti li jaqtgħu, sa fejn jintużaw flimkien u ġeneralment jinbiegħu flimkien fl-istess tip ta’ negozju u lill-istess klijentela. Dawn il-prodotti u l-attivitajiet tal-intervenjenti għalhekk jixxiebhu.

–       Fuq l-“għodda tal-idejn u implimenti (imħaddma bl-idejn)” u t-“tornaviti” fil-klassi 8

86      Fir-rigward tal-“għodda tal-idejn u implimenti (imħaddma bl-idejn)”, fil-klassi 8, indikati mit-trade mark LAGUIOLE, għandu jiġi rrilevat li din id-definizzjoni tinkludi s-skieken.

87      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumenti invokati mir-rikorrent u mill-intervenjenti fl-osservazzjonijiet bil-miktub komplementari tagħhom imressqa, rispettivament, fid-9 u fit-8 ta’ April 2014.

88      L-ewwel nett, il-fatt li t-titolu tal-klassi 8 tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice huwa fformulat “Għodda tal-idejn u implimenti (imħaddma bl-idejn); Pożati [skieken, frieket u mgħaref], Xwabel; Mwies tal-leħja” ma jimplikax li dawn il-kategoriji differenti ma jippreżentaw ebda sovrappożizzjoni bejniethom. Fil-fatt, il-Klassifikazzjoni ta’ Nice għandha biss għan amministrattiv, li huwa intiż unikament sabiex jiffaċilita l-ifformular u l-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għal trade marks, billi tipproponi ċerti klassijiet u kategoriji ta’ prodotti u ta’ servizzi. Min-naħa l-oħra, it-titoli tal-klassijiet ma jikkostitwixxux sistema li fiha huwa eskluż li prodott jew servizz li jinsab fi klassi jew f’kategorija jista’ wkoll jagħmel parti minn klassi jew kategorija oħra, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mir-Regola 2(4) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189).

89      Huwa għalhekk li, fid-deċiżjoni tiegħu tal-14 ta’ Mejju 2003 dwar it-trade mark LAGUIOLE, l-eżaminatur tal-UASI seta’ jiddeċiedi ġustament li “[kien] paċifiku li xabla [kienet] ‘arma tal-idejn li l-azzjoni tagħha [kienet tirriżultal] minn parti magħmula mill-metall’” u li “dan it-terminu għalhekk [kien jinkludi] s-skieken” filwaqt li dawn iż-żewġ kategoriji ta’ prodotti kienu jinsabu fit-titolu tal-klassi 8 tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice.

90      It-tieni nett, ir-rikorrent jibbaża argument fuq id-deċiżjoni tal-eżaminatur tal-UASI tal-14 ta’ Mejju 2003 sa fejn dan tal-aħħar għamel distinzjoni bejn ix-“xwabel” li huwa xebbah mas-skieken u li għalihom irrifjuta li jirreġistra din it-trade mark minħabba l-karattru deskrittiv tagħha, u l-“għodda tal-idejn u implimenti (imħaddma bl-idejn)” li għalihom huwa rreġistra din it-trade mark.

91      Għandu jiġi osservat, f’dan ir-rigward, li d-deċiżjoni tal-eżaminatur tal-UASI tal-14 ta’ Mejju 2003 ma tistax torbot lill-Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni tagħha tal-prodotti koperti minn din il-kategorija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ April 2007, Alcon vs UASI, C‑412/05 P, Ġabra p. I‑3569, punt 65, u s-sentenza ARTHUR U FELICIE, punt 21 iktar ’il fuq, punt 71). Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrent kellu għarfien, diġà matul il-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità quddiem l-UASI, mill-fatt li s-skieken jistgħu jagħmlu parti mill-kategorija tal-“għodda tal-idejn u implimenti (imħaddma bl-idejn)” peress li dan ma damx sabiex jippreċiża, diversi drabi, il-formulazzjoni tal-lista tal-prodotti li jaqgħu b’mod partikolari fil-klassi 8, indikati mit-trade mark LAGUIOLE, bil-mod kif ġej: “għodda tal-idejn u implimenti (imħaddma bl-idejn) bl-eċċezzjoni tas-skieken”. Madankollu, id-deċiżjonijiet tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u tal-Bord tal-Appell kienu bbażati fuq raġunijiet li ma kinux jeħtieġu li din il-kwistjoni tiġi eżaminata u r-rikorrent effettivament ma ppreċiżax b’dan il-mod il-lista tal-prodotti.

92      Għalhekk hemm lok li jiġi konkluż li l-“għodda tal-idejn u implimenti (imħaddma bl-idejn)” sa fejn dawn kienu skieken, huma identiċi għall-attivitajiet tal-intervenjenti fis-settur tas-skieken — u mhux biss għall-mudell “Laguiole għal min jivjaġġa b’ħorġa fuq darhu”, kif ikkunsidrat mill-Bord tal-Appell.

93      Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għal dak li l-Bord tal-Appell seta’ jikkunsidra, it-“tornaviti” fil-klassi 8 ma jippreżentaw ebda xebh meta pparagunati mal-mudell “Laguiole għal min jivjaġġa b’ħorġa fuq dahru”, ikkummerċjalizzat mill-intervenjenti, li ma huwa xejn ħlief sempliċi sikkina li tintewa mingħajr aċċessorji.

–       Fuq l-“imgħaref” fil-klassi 8

94      Fir-rigward tal-“imgħaref” fil-klassi 8, dawn jagħmlu parti mill-“pożati tal-mejda” kkummerċjalizzati mill-intervenjenti (ara l-punti 62 u 72 iktar ’il fuq) u għalhekk jaqgħu taħt settur ekonomiku identiku għal wieħed mis-setturi ekonomiċi koperti mill-isem kummerċjali Forge de Laguiole.

–       Fuq is-“settijiet tal-borom għat-tisjir u oġġetti għal fuq il-mejda tal-ikel tal-ħġieġ, tal-porċellana, u reċipjenti tax-xaqquf; reċipjenti għall-użu tal-mejda tal-ikel, mhux tal-metall prezzjuż; trabixù; fettieħa tal-fliexken, dispensers għas-srievet tal-karti; klessidri”, fil-klassi 21, u l-“utensili u reċipjenti għall-użu tad-dar u tal-kċina tal-metall prezzjuż; reċipjent għall-użu tal-mejda tal-kċina tal-metall prezzjuż”, fil-klassi 14

95      Fir-rigward ta’ dawn il-prodotti, il-Bord tal-Appell assoċjahom mal-“ospitalità” u minn dan iddeduċa li dawn kienu jidħlu fuq l-attivitajiet tal-intervenjenti f’dan il-qasam.

96      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 63 iktar ’il fuq, il-kategorija tal-“ospitalità” hija wiesgħa wisq u impreċiża, sabiex isservi bħala punt ta’ riferiment sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni. Għalhekk, kuntrarjament għall-konstatazzjonijiet magħmula mill-Bord tal-Appell, dawn il-prodotti ma jippreżentawx xebh meta pparagunati mas-setturi ekonomiċi koperti mill-isem kummerċjali Forge de Laguiole.

97      Madankollu, it-“trabixù, fettieħa tal-fliexken”, jippreżentaw xebh qawwi meta pparagunati mal-mudell “Sommelier”, li jinkludi t-trabixù u fettieħa tal-fliexken, kif ukoll meta pparagunati mal-mudelli l-oħra ta’ skieken li jinkludu trabixù, ikkummerċjalizzati mill-intervenjenti. Fil-fatt, anki jekk il-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn il-prodotti, inkwantu “idderivati” ta’ prodotti li jaqgħu taħt is-settur tas-skieken, ma tistax turi diversifikazzjoni tal-attivitajiet tal-intervenjenti lejn l-“ospitalità” jew lejn “id-dinja tal-inbid”, hekk kif ġie espost fil-punti 65 u 69 iktar ’il fuq, dejjem huwa l-każ li, inkwantu prodotti iżolati, taħt l-aspett tal-funzjonalità, dawn huma ekwivalenti għat-“trabixù, fettieħa tal-fliexken” indikati mit-trade mark LAGUIOLE. Dan il-fatt, minbarra l-kummerċjalizzazzjoni fl-istess ħwienet, huwa suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li dawn il-prodotti jaqgħu taħt settur ekonomiku identiku għal setturi ekonomiċi koperti mill-isem kummerċjali Forge de Laguiole.

–       Fuq il-“metall prezzjuż u l-ligi tiegħu”, il-“ħaġar prezzjuż” u l-“kaxxi, gandlieri”, fil-klassi 14

98      F’dan li jikkonċerna l-“metall prezzjuż u l-liġi tiegħu” u l-“ħaġar prezzjuż” fil-klassi 14, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li dawn il-prodotti kienu “popolari ħafna” għall-oġġetti fini maqtugħa biċ-ċiżell u għad-diversi oġġetti li jaqgħu taħt il-qasam ta’ “ospitalità” u, għalhekk, kienu jippreżentaw komplementarjetà qawwija mal-attivitajiet tal-intervenjenti. Minbarra dan, il-“kaxxi, gandlieri” fil-klassi 14 jinbiegħu fl-istess tip ta’ stabbilimenti fejn fihom jinbiegħu oġġetti tal-“ospitalità u tad-dekorazzjoni” bħal ċerti artikoli allegatament ikkummerċjalizzati mill-intervenjenti.

99      F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jitfakkar li, f’dan il-każ, l-“oġġetti maqtugħa biċ-ċiżell” u l-qasam tal-“ospitalità” ma jagħmlux parti mis-setturi ekonomiċi koperti mill-isem kummerċjali Forge de Laguiole (ara punti 73 u 74 iktar ’il fuq). Sussegwentement, il-fatt biss li l-metalli u l-ħaġar prezzjuż jistgħu jintużaw għall-attivitajiet tal-intervenjenti marbuta mas-skieken ma jippermettix li jiġi konkluż li dawn jaqgħu taħt settur ekonomiku li jixbah wieħed mis-setturi ekonomiċi koperti mill-isem kummerċjali Forge de Laguiole, f’moħħ il-konsumaturi Franċiżi. Fil-fatt, minn naħa, il-metalli u l-ħaġar prezzjuż huma essenzjalment iddestinati għall-industrija tal-manifattura u mhux għall-konsumaturi finali bħal dik tas-skieken. Min-naħa l-oħra, l-użu ta’ tali materji fuq sikkina jsir biss għal għanijiet dekorattivi u aċċessorji, mingħajr rabta mal-funzjonalità ta’ sikkina.

–       Fuq il-“ġilda u imitazzjoni tal-ġilda” u l-“bagolli, valiġetti u valiġġi”, fil-klassi 18, kif ukoll il-“kaxxi”

100    Fir-rigward tal-“ġilda u imitazzjoni tal-ġilda” u tal-“valiġetti u l-valiġġi” fil-klassi 18, il-Bord tal-Appell irrileva li dawn kienu komunement użati għall-fabbrikazzjoni ta’ kaxxetti, ta’ għenut u ta’ kaxxi, ikkummerċjalizzati mill-intervenjenti, jew setgħu jintużaw għall-imballaġġ u għat-trasport ta’ prodotti li jaqgħu taħt is-settur tas-skieken, speċjalment meta dawn kienu prodotti ta’ lussu, iddestinati li jiġu offerti bħala “oġġetti għar-rigali”. Dan ikkonkluda li dawn il-prodotti kienu komplementari mal-attivitajiet tal-intervenjenti u “kienu jinsabu f’linja dritta mal-iżvilupp tas-sensiela ta’ aċċessorji tagħha”.

101    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jitfakkar li, f’dan il-każ, l-“artikoli għar-rigali” jagħmlu parti mis-setturi ekonomiċi koperti mill-isem kummerċjali Forge de Laguiole unikament sa fejn dawn huma skieken jew pożati tal-mejda (ara punti 71 u 74 iktar ’il fuq). It-tieni nett, il-fatt li l-“ġilda u l-imitazzjoni tal-ġilda” jistgħu jintużaw bħala materji primi għall-produzzjoni ta’ kaxxetti u għenut ikkummerċjalizzati mir-rikorrent ma’ wħud mis-skieken tiegħu, ma jistax ikun biżżejjed sabiex tinħoloq rabta ta’ xebh fir-rigward tal-attivitajiet tal-intervenjenti fis-settur tas-skieken, peress illi b’mod partikolari l-materji primi huma indirizzati lejn il-produtturi, filwaqt li l-qasam tas-skieken huwa intiż għall-konsumatur finali. It-tielet nett, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-“kaxxi” allegatament ikkummerċjalizzati mill-intervenjenti, għandu jitfakkar li l-atti li fuqhom il-Bord tal-Appell ibbaża l-konstatazzjonijiet tiegħu rigward l-attivitajiet tal-intervenjenti fl-20 ta’ Novembru 2001 (ara punt 59 iktar ’il fuq) ma jagħmlux riferiment għal tali artikoli u li, fi kwalunkwe każ, kienu ddestinati sabiex iżommu s-sikkina tal-intervenjenti, u għalhekk dawn jista’ jkollhom biss natura aċċessorja, jew anki sempliċement ta’ imballaġġ, fir-rigward tal-attivitajiet tal-intervenjenti fis-settur tas-skieken.

102    Isegwi li l-“ġilda u l-imitazzjoni tal-ġilda” u l-“bagolli, valiġetti u valiġġi” fil-klassi 18, ma jixbhux l-attivitajiet tal-intervenjenti fis-settur tas-skieken.

–       Fuq il-“forniment għall-iskejjel [kartoleriji]; lapsijiet, lapsijiet li tista’ tbiddilhom il-ponta, gomom għat-tħassir, envelops, legaturi, ktieb bil-folji vojta għal użu fi twaħħil ta’ stampi, kotba, almanakki, kotba żgħar, pitazzi, katalgi, kalendarji, litografija, kartelluni”, fil-klassi 16

103    Fir-rigward ta’ dawn il-prodotti, il-Bord tal-Appell espona li dawn kienu abitwalment mibjugħa fi ħwienet ta’ artikoli għall-kitba u jintużaw fl-istess kuntest bħall-“oġġetti li jaqtgħu l-karti” tal-intervenjenti, jiġifieri għall-kitba u għall-qari, u għalhekk kienu jidħlu fuq dan is-settur ta’ attivitajiet tal-intervenjenti. Minbarra dan, dawn il-prodotti kollha huma komunement użati fil-kors tal-kummerċ għall-komunikazzjoni ta’ impriża mal-klijenti tagħha u n-negozji tagħha, jew partikolarment offerti bħala rigali ta’ impriża. Sa fejn il-materjal stampat indikat mit-trade mark LAGUIOLE jista’ joħloq, minħabba l-kontenut tiegħu, probabbiltà ta’ konfużjoni mal-isem kummerċjali Forge de Laguiole, din it-trade mark għandha tiġi annullata.

104    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li, kuntrarjament għal dak li ġie kkonstatat mill-Bord tal-Appell, ir-relazzjoni ta’ dawn il-prodotti mal-“oġġetti li jaqtgħu l-karti” kkummerċjalizzati mill-intervenjenti hija wisq dgħajfa sabiex tkun tista’ tagħti lok għal xebh. Fil-fatt, minn naħa, l-unika rabta kkostitwita mill-identità parzjali tal-punti ta’ bejgħ ma hijiex suffiċjenti sabiex tagħmel l-oġġetti li jaqtgħu l-karti simili għal sensiela ta’ prodotti li pjuttost jaqgħu taħt is-settur tal-kartoleriji, peress li l-ħwienet ta’ artikoli għall-kitba b’mod ġenerali joffru varjetà kbira ta’ prodotti differenti, u huma indirizzati għal pubbliku mhux speċjalizzat. Min-naħa l-oħra, l-użu ta’ oġġetti li jaqtgħu l-karti kkummerċjalizzati mill-intervenjenti huwa normalment limitat għall-ftuħ tal-envelops. Dan jista’ għalhekk jagħti lok biss għal rabta dgħajfa ta’ xebh, minħabba użu komplementari, mal-“envelops”, iżda mhux mal-prodotti l-oħra ċċitati fil-punt 103 iktar ’il fuq. It-tieni nett, il-fatt biss li dawn il-prodotti kollha jiġu komunement użati fil-komunikazzjoni ta’ impriża mal-klijenti tagħha u relazzjonijiet oħra ta’ negozju jew offerti bħala rigali ta’ impriża ma joħloq ebda xebh mal-attivitajiet tal-intervenjenti fis-settur tas-skieken, peress li, fid-dawl tad-destinazzjoni tagħhom, dawn huma totalment differenti minn dawk l-attivitajiet. It-tielet nett, l-affermazzjoni tal-Bord tal-Appell fir-rigward tal-probabbiltà ta’ konfużjoni li tista’ tinħoloq mill-materjal stampat indikat mit-trade mark LAGUIOLE ser tiġi kkunsidrata fil-punt 165 iktar ’il quddiem, fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni.

–       Fuq il-prodotti differenti kklassifikati bħala “artikoli għar-rigali” fil-klassijiet 14, 18 u 20

105    F’dak li jikkonċerna l-“ġojjelli, ġojjellerija; kaxxetti tal-ġojjellerija tal-metall prezzjuż; strumenti tal-ħin, buttuni għall-pulzieri tal-qmis, labar tal-ingravata, labar ornamentali, ħoloq taċ-ċwievet; portmoni tal-metall prezzjuż; arloġġi tal-idejn u ċineg tal-arloġġi tal-idejn”, fil-klassi 14, il-“bsaten; basktijiet tal-id; basktijiet tal-baħar; basktijiet ta’ kuljum, settijiet ta’ oġġetti u valiġġi tas-safar; portafolli, tagħmir li jżomm il-kards (portafolli), kartieri tad-dokumenti, kartieri tad-dokumenti (magħmula mill-ġilda); kaxxetti għaċ-ċwievet (magħmula mill-ġilda); portmonijiet tal-muniti mhux tal-metall prezzjuż”, fil-klassi 18, u l-“frejms tar-ritratti, opri tal-arti u mudelli tal-qies (ornamenti) tal-injam, tas-sufra, tal-qasba, tal-qasba tal-bambù, tal-wiker, tal-qarn, tal-għadma, tal-avorju, tal-għadam tal-balieni, tal-qoxra, tal-ambra, tal-madreperla, tal-meerschaum u sostituti għal dawn il-materjali tal-plastik” fil-klassi 20, il-Bord tal-Appell sempliċement ikkonstata li dawn kienu “artikoli għar-rigali” komunement ħafna preżenti f’kull tip ta’ ħanut jew offerti bħala rigali ta’ impriża u bħala konklużjoni li dawn setgħu, għalhekk, jinsabu fl-istess stabbilimenti bħal dawk li fihom l-intervenjenti kienet tikkummerċjalizza l-prodotti tagħha stess.

106    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-attività ta’ “fabbrikazzjoni u bejgħ [ta’] artikoli għar-rigali” tal-intervenjenti tagħmel parti mis-setturi ekonomiċi koperti mill-isem kummerċjali Forge de Laguiole unikament sa fejn dawk huma skieken jew pożati tal-mejda (ara punti 71 sa 74 iktar ’il fuq). Issa, il-prodotti ċċitati fil-punti preċedenti ma jaqgħux taħt is-skieken jew pożati tal-mejda u lanqas ma huma marbuta ma’ dan il-qasam. Min-naħa l-oħra, anki jekk jiġi preżuppost li dawn il-prodotti jinbiegħu bħala rigali fl-istess ħanut mas-skieken ikkummerċjalizzati mill-intervenjenti, din iċ-ċirkustanza ma hijiex ta’ natura li toħloq xebh bejniethom u dawn tal-aħħar, peress illi l-ħwienet tar-rigali joffru varjetà kbira ta’ prodotti eteroġenji indirizzati lill-pubbliku wiesa’.

–       Fuq l-“ingwanti tal-golf” u “artikoli ta’ sport” fil-klassi 28, il-“kaxxetti tas-sigarri”, fil-klassi 14, u s-“sulfarini, lajters għal min ipejjep, kaxxetti tas-sigarri u tas-sigaretti mhux tal-metall prezzjuż; għodda għall-qtugħ ta’ truf tas-sigarri; pipi; xkupilji li jnaddfu l-pipi tat-tabakk”, fil-klassi 34

107    Fir-rigward tal-“ingwanti tal-golf” u “artikoli ta’ sport”, fil-klassi 28, “kaxxetti għas-sigarri”, fil-klassi 14, u “oġġetti relatati mat-tipjip, sulfarini, lajters għal min ipejjep; kaxxetti tas-sigarri u tas-sigaretti mhux tal-metall prezzjuż; pipi” fil-klassi 34, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li dawn kienu indirizzati għall-istess klijentela, jinxtraw mill-istess ħwienet u jintużaw fl-istess kuntest bħal ċerti “artikoli għar-rigali” żviluppati mill-intervenjenti. Dan ikun il-każ, pereżempju, għall-mudell “Sikkina għal min jilgħab il-golf”, ikkummerċjalizzat mill-intervenjenti, fir-rigward tal-“ingwanti tal-golf” jew għall-“artikoli ta’ sport” oħra kif ukoll għall-mudell “Pipa sombolu tal-paċi” (flimkien ma’ xafra barraxa, broxk u strument għall-mili tal-pipa) u l-għodda għall-qtugħ ta’ truf tas-sigarri, ikkummerċjalizzati mill-intervenjenti, fir-rigward tal-“kaxxetti tas-sigarri” u s-“sulfarini, lajters għal min ipejjep, kaxxetti tas-sigarri u tas-sigaretti, pipi”, indikati mit-trade mark LAGUIOLE.

108    Huwa biżżejjed li jitfakkar, f’dan ir-rigward, li l-attività ta’ “fabbrikazzjoni u bejgħ [ta’] artikoli għar-rigali” tagħmel parti mis-setturi ekonomiċi koperti mill-isem kummerċjali Forge de Laguiole unikament sa fejn huma inkwistjoni skieken jew pożati tal-mejda (ara punti 71 sa 74 iktar ’il fuq) u li ma huwiex il-każ tal-prodotti ċċitati fil-punt 107 iktar ’il fuq.

109    Madankollu, l-“għodda għall-qtugħ ta’ truf tas-sigarri” u “xkupilji li jnaddfu l-pipi tat-tabakk”, fil-klassi 34, jippreżentaw xebh fir-rigward, rispettivament, tal-mudell “għodda għall-qtugħ ta’ truf tas-sigarri” u għall-mudell “Pipa simbolu tal-paċi” (flimkien ma’ xafra barraxa, broxk u strument għall-mili tal-pipa), ikkummerċjalizzati mill-intervenjenti. Fil-fatt, anki jekk il-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn il-mudelli, inkwantu “idderivati” tas-skieken, ma tistax turi diversifikazzjoni tal-attivitajiet tal-intervenjenti lejn il-“prodotti għal min ipejjep” inġenerali, hekk kif ġie espost fil-punti 65 sa 68 u 71 iktar ’il fuq, dejjem huwa l-każ li, inkwantu prodotti iżolati, dawn huma identiċi, mill-aspett funzjonali, mal-“għodda għall-qtugħ ta’ truf tas-sigarri” u l-“ixkupilji li jnaddfu l-pipi tat-tabakk” indikati mit-trade mark LAGUIOLE. Dan il-fatt, minbarra l-kummerċjalizzazzjoni fl-istess ħwienet, huwa suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li jeżisti xebh qawwi.

110    Minbarra dan, l-“ingwanti tal-golf” fil-klassi 28 ma jippreżentawx xebh fir-rigward tal-mudell “sikkina għal min jilgħab il-golf” (b’għodda għall-witi tal-ħaxix imtajjar mill-istikka tal-golf”) ikkummerċjalizzat mill-intervenjenti. Ċertament, din tista’ tintuża flimkien mal-“ingwanti tal-golf” indikati mit-trade mark LAGUIOLE. Madankollu, din ma hijiex relazzjoni ta’ komplementarjetà bbażata fuq xebh, peress li dawn il-prodotti jistgħu jintużaw separatament u huma normalment ikkonċepiti indipendentement wieħed mill-ieħor u mhux skont kriterji li jirriżultaw minn użu konġunt — kuntrarjament għal dak li jista’ jiġi maħsub, pereżempju, għall-ingwanti tal-golf fir-rigward tal-istikek tal-golf.

–       Fuq is-servizzi fil-klassi 38

111    Fir-rigward tas-servizzi fil-qasam ta’ “telekomunikazzjonijiet” u ta’ setturi relatati, fil-klassi 38, il-Bord tal-Appell ikkonstata, fil-punt 114 tad-deċiżjoni kkontestata, li dawn ma kienu jippreżentaw ebda xebh fir-rigward tal-attivitajiet tal-intervenjenti. Din il-konstatazzjoni, favorevoli għar-rikorrent u mhux ikkontestata mill-intervenjenti, fir-realtà ma tagħmilx parti mis-suġġett ta’ din il-kawża, b’mod li ma hemmx lok għall-Qorti Ġenerali li teżaminaha.

–       Konklużjoni dwar ix-xebh bejn is-setturi ekonomiċi koperti mill-isem kummerċjali Forge de Laguiole u mit-trade mark LAGUIOLE

112    Bħala konklużjoni, għandha tiġi kkonstatata, l-ewwel nett, identiċità, fir-rigward tas-setturi koperti mill-isem kummerċjali Forge de Laguiol, għall-“għodda tal-idejn u implimenti (mħaddma bl-idejn)” u l-“imgħaref” fil-klassi 8, kif ukoll livell ta’ xebh għoli, fir-rigward tal-attivitajiet tal-intervenjenti għas-segi, mwies tal-leħja xfafar għat-tqaxxir; limi u tnalji tad-dwiefer, qattiegħa tad-dwiefer”, fil-klassi 8, l-“oġġetti li jaqtgħu l-karti” fil-klassi 16, it-“trabixù, il-fettieħa tal-fliexken” fil-klassi 21, u l-“għodda għall-qtugħ ta’ truf tas-sigarri” u l-“ixkupilji li jnaddfu l-pipi tat-tabakk”, fil-klassi 34.

113    It-tieni nett, jeżisti xebh medju, fir-rigward tas-setturi koperti mill-isem kummerċjali Forge de Laguiole, għas-“settijiet tal-manikjur, kaxxetti b’tagħmir għat-tqaxxir”, fil-klassi 8, kif ukoll għall-“pniezel tal-leħja, kaxxi fejn jitpoġġew l-oġġetti tat-twaletta”, fil-klassi 21.

114    It-tielet nett, jeżisti xebh dgħajjef, fir-rigward tas-setturi koperti mill-isem kummerċjali Forge de Laguiole, għall-“envelops” fil-klassi 16.

115    Fl-aħħar nett, ir-raba’ nett, għandu jiġi konkluż li hemm assenza ta’ xebh, fir-rigward tas-setturi koperti mill-isem kummerċjali Forge de Laguiole, għall-prodotti u servizzi l-oħra kollha koperti mit-trade mark LAGUIOLE.

 Fuq ix-xebh tas-sinjali inkwistjoni

116    Il-Bord tal-Appell ikkunsidra li t-terminu “laguiole” [sikkina b’manku ftit fit-tond u b’xafra twila rqiqa], għalkemm deskrittiv u għalhekk mhux distintiv għas-skieken, hekk kif kien ġie kkonstatat mill-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi fis-sentenza tagħha tat-3 ta’ Novembru 1999 (G.T.I.-G.I.L. Technologies internationales vs Commune de Laguiole et Association Le couteau de Laguiole), madankollu kien l-element dominanti jew tal-inqas kodominanti, tal-isem kummerċjali Forge de Laguiole, anki meta dan tal-aħħar kien użat għas-skieken. Għalhekk, fil-fehma tiegħu, f’evalwazzjoni globali, is-sinjali inkwistjoni kienu jippreżentaw ċertu xebh fonetiku, viżiv u kunċettwali, li ma jistax jiġi kontrobilanċjat miż-żieda biss tal-espressjoni ġenerika “forge de”.

117    Ir-rikorrent essenzjalment josserva, li s-sinjali inkwistjoni jippreżentaw differenzi viżivi, fonetiċi u kunċettwali.

118    L-UASI jsostni li t-terminu “laguiole” huwa dominanti fl-isem kummerċjali Forge de Laguiole, minkejja l-karattru ġeneriku tiegħu. Peress li t-trade mark LAGUIOLE hija kompletament riprodotta f’dan l-isem kummerċjali, il-livell ta’ xebh ben iż-żewġ sinjali huwa għoli.

119    L-intervenjenti ssostni li s-sinjali inkwistjoni jippreżentaw xebh fuq il-livell viżiv, fonetiku u kunċettwali.

120    L-ewwel nett, għandu jiġi eżaminat jekk, hekk kif il-Bord tal-Appell, u wara mill-UASI u l-intervenjenti, ikkunsidra, it-terminu “laguiole” jikkostitwixxix l-element dominanti tal-isem kummerċjali Forge de Laguiole, minkejja l-karattru deskrittiv tiegħu, kif ukoll ġeneriku, għas-skieken, ikkonstatat mill-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi fis-sentenza tagħha tat-3 ta’ Novembru 1999 (punt 116 iktar ’il fuq), kif ukoll il-karattru deskrittiv tiegħu tal-post ta’ stabbiliment u ta’ produzzjoni tal-intervenjenti.

121    Fl-ewwel lok, huwa veru, hekk kif il-Bord tal-Appell afferma fil-punt 119 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-karattru deskrittiv u mhux distintiv tat-terminu “laguiole” għal skieken ma jimplikax neċessarjament li dan it-terminu huwa wkoll deskrittiv u mhux distintiv għal prodotti li ma humiex skieken. 

122    Madankollu għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li l-eżami preżenti tal-probabbiltà ta’ konfużjoni jikkonċerna esklużivament l-attivitajiet ta’ fabbrikazzjoni u ta’ bejgħ ta’ skieken u ta’ pożati tal-mejda, kif ukoll ta’ rigali u ta’ suveniers, sa fejn jikkonċerna skieken u pożati tal-mejda (ara punt 74 iktar ’il fuq). Fil-fatt, l-attivitajiet effettivament eżerċitati tal-intervenjenti jikkonċentraw kważi esklużivament fil-qasam tas-skieken, bl-inklużjoni ta’ ċerti artikoli li jinkorporaw funzjonijiet oħra, minbarra dawk ta’ sikkina, u li l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti oħra, b’mod partikolari tal-pożati tal-mejda, tibqa’ aċċessorja, jew anki marġinali. Dan jirriżulta kemm minn eżami tal-prodotti li jinsabu fil-lista tal-prezzijiet tal-intervenjenti tal-1 ta’ Jannar 2001 kif ukoll mill-qari tal-artikoli differenti tal-istampa li jidhru fil-“press book” prodott mill-intervenjenti — sakemm dawn huma relatati b’mod ċar mal-perijodu qabel l-20 ta’ Novembru 2001 — li fihom l-intervenjenti jippreżenta ruħu sistematikament bħala impriża li tipproduċi skieken speċjalizzata fil-produzzjoni ta’ skieken ta’ tip “Laguiole”, mingħajr ma l-operat ta’ attivitajiet oħra jissemma fih. Jekk huwa veru li wħud minn dawn l-artikoli jevokaw intenzjonijiet ta’ diversifikazzjoni tal-attivitajiet min-naħa tad-diriġenti tal-intervenjenti, din tal-aħħar ma wrietx, hekk kif ġie rrilevat iktar ’il fuq, li dawn l-intenzjonijiet kienu ġew implementati qabel id-data tal-20 ta’ Novembru 2001.

123    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi konkluż li t-terminu “Laguiole” jippreżenta karattru deskrittiv, jew anki ġeneriku, għall-attivitajiet kollha tal-intervenjenti, rilevanti għall-finijiet tal-eżami tal-probabbiltà ta’ konfużjoni.

124    Fit-tieni lok, hemm lok li jiġi approvat dak li stabbilixxa l-Bord tal-Appell sa fejn fakkar li element deskrittiv ta’ sinjal seta’ madankollu jikkostitwixxi l-element dominanti jew kodominanti tiegħu, jekk, pereżempju, l-elementi l-oħra kienu wkoll deskrittivi jew kienu jidhru kollha daqstant dgħajfa jew anki iktar dgħajfa. F’dan ir-rigward, huwa veru li l-element “Forge de” jippreżenta huwa stess karattru deskrittiv, fir-rigward tal-attivitajiet fis-setturi tas-skieken u tal-pożati tal-mejda, eżerċitati mill-intervenjenti. Madankollu, kuntrarjament għal dak li ġie kkunsidrat mill-Bord tal-Appell, dan l-element ma huwiex “semantikament suġġett għall-isem ‘Laguiole’, li jidentifika ‘forġa’ speċifika inkwistjoni”. Fil-fatt, l-element deskrittiv tal-post — u tal-attivitajiet eżerċitati — ma huwiex predominanti fir-rigward ta’ dak deskrittiv tan-natura tal-istabbiliment. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex possibbli li jiġi identifikat element dominanti fi ħdan l-isem kummerċjali Forge de Laguiole, li huwa kompletament kompost minn elementi ta’ natura deskrittiva, jew anki ġenerika, fir-rigward tal-attivitajiet u/jew tal-post ta’ stabbiliment tal-intervenjenti.

125    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-paragun viżiv, l-isem kummerċjali Forge de Laguiole huwa kompost minn tliet kliem li jifformaw ġabra ta’ ħmistax-il ittra, filwaqt li t-trade mark LAGUIOLE fiha biss tmien ittri. L-element “laguiole” huwa ċertament preżenti f’kull wieħed mis-sinjali inkwistjoni; madankollu, dan jinsab fit-tmiem ta’ dan l-isem kummerċjali, b’mod li l-element “forge de” fil-bidu jnaqqas l-impressjoni viżiva maħluqa minn din l-identità parzjali. Għal din ir-raġuni, għandu jiġi konkluż li jeżisti xebh viżiv medju tas-sinjali inkwistjoni.

126    Fir-raba’ lok, fuq il-livell fonetiku, hemm lok li jiġi rrilevat li l-isem kummerċjali Forge de Laguiole jinkludi ħames, jew anki sitt sillabi, filwaqt li t-trade mark LAGUIOLE għandha tnejn, jew anki tlieta, skont il-pronunzja tat-terminu “laguiole”. Fir-rigward tal-impatt tal-identità parzjali tas-sinjali inkwistjoni, il-kunsiderazzjonijiet dwar ix-xebh viżiv japplikaw mutatis mutandis u hemm lok għalhekk li jiġi konkluż li jeżisti xebh fonetiku medju.

127    Fil-ħames lok, fir-rigward tal-paragun kunċettwali, l-isem kummerċjali Forge de Laguiole jevoka studju tal-artisti li jinsab fil-komun ta’ Laguiole (Franza), hekk kif ir-rikorrent sostna ġustament, iżda wkoll u simultanjament studju tal-artisti li jiffabbrika skieken tat-tip Laguiole. It-trade mark LAGUIOLE, fir-rigward tagħha, tevoka kemm l-imsemmi komun kif ukoll is-sikkina tat-tip Laguiole. Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ikkonstata korrettament li, sa fejn is-sinjali inkwistjoni kienu jagħmlu riferiment għall-istess kunċetti, jiġifieri l-belt jew is-sikkina, dawn kienu jixxiebhu fuq il-livell kunċettwali. Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat ukoll li l-livell ta’ xebh kunċettwali għandu jiġi kklassifikat bħala għoli.

 Fuq il-karattru distintiv għoli tal-isem kummerċjali Forge de Laguiole minħabba l-konoxxenza li l-pubbliku għandu dwaru

128    Il-Bord tal-Appell ikkunsidra, fil-punt 130 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-isem kummerċjali Forge de Laguiole kellu setgħa distintiva qawwija minħabba l-prestiġju, kif ukoll ir-reputazzjoni li kienet tgawdi minnha l-intervenjenti fi Franza u barra mill-pajjiż għall-kwalità tas-skieken tagħha.

129    Ir-rikorrent jikkunsidra li xejn fil-proċess ma juri l-allegata fama tal-isem kummerċjali Forge de Laguiole u li hija s-sikkina ta’ tip Laguiole li hija magħrufa sew u mhux id-denominazzjoni “Forge de Laguiole”.

130    L-UASI jsostni li l-isem kummerċjali Forge de Laguiole kiseb reputazzjoni fil-qasam tas-skieken u l-intervenjenti tafferma li hija tgawdi minn fama kbira ħafna fi Franza u barra mill-pajjiż.

131    L-ewwel nett, għandu jitfakkar li d-dritt tat-trade marks Franċiż huwa rregolat mid-direttivi li joqorbu lejn il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks [L-ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92), issostitwita bid-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU L 299, p. 25)]. B’konsegwenza, il-prinċipju li iktar ma l-karattru ta’ trademark preċedenti jkun distintiv, iktar teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni jirriżulta sinjifikattiv u skont dan, għalhekk, it-trade marks li għandhom karattru distintiv għoli, pereżempju minħabba l-konoxxenza li l-pubbliku għandu tagħhom, igawdu minn protezzjoni iktar estiża minn dawk li l-karattru distintiv tagħhom huwa inqas b’saħħtu (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1997, SABEL, C‑251/95, Ġabra p. I‑6191, punt 24; tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon, C‑39/97, Ġabra p. I‑5507, punt 18, u tat-22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C‑342/97, Ġabra p. I‑3819, punt 20), huwa applikabbli wkoll fid-dritt Franċiż tat-trade marks. Hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 79 iktar ’il fuq, dan il-prinċipju huwa applikabbli wkoll fid-dritt Franċiż meta għandha tiġi evalwata l-probabbiltà ta’ konfużjoni fir-rigward ta’ isem kummerċjali, u dan sa mid-dħul fis-seħħ tad-direttivi li joqorbu lejn il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks.

132    Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li l-eżistenza ta’ karattru distintiv superjuri għan-normali, minħabba l-konoxxenza li l-pubbliku għandu ta’ isem kummerċjali fis-suq, tippreżupponi neċessarjament li dan l-isem kummerċjali jkun magħruf lil tal-inqas minn parti sinjifikattiva mill-pubbliku kkonċernat, mingħajr ma huwa neċessarju li jkollu reputazzjoni fis-sens tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009. Ma jistax jiġi indikat b’mod ġenerali, pereżempju billi jiġu applikati perċentwali speċifiċi dwar il-livell ta’ konoxxenza li l-pubbliku għandu tal-isem kummerċjali fi ċrieki kkonċernati, li dan għandu karattru distintiv għoli. Madankollu, hemm lok li tiġi rrikonoxxuta ċerta interdipendenza bejn il-konoxxenza li l-pubbliku għandu ta’ isem kummerċjali u l-karattru distintiv tiegħu fis-sens li, iktar mal-isem kummerċjali jkun magħruf mill-pubbliku kkonċernat, iktar il-karattru distintiv tiegħu jkun imsaħħaħ. Sabiex jiġi eżaminat jekk isem kummerċjali għandux karattru distintiv għoli minħabba l-konoxxenza li l-pubbliku għandu tiegħu, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha inkwistjoni, jiġifieri, b’mod partikolari, is-sehem mis-suq miżmum mill-kumpannija inkwistjoni, l-intensità, il-portata ġeografika u t-tul ta’ żmien tal-użu tiegħu, l-importanza tal-investimenti mwettqa mill-impriża sabiex tippromwovih, il-proporzjon taċ-ċrieki interessati li jidentifikaw il-prodotti jew is-servizzi bħala li ġejjin minn impriża speċifika permezz tal-isem kummerċjali kif ukoll id-dikjarazzjonijiet tal-kmamar tal-kummerċ u tal-industrija jew ta’ assoċjazzjonijiet professjonali oħra (ara, b’analoġija, is-sentenza VITACOAT, punt 23 iktar ’il fuq, punti 34 u 35, u l-ġurisprudenza ċċitata).

133    F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex tintwera f’dan il-każ il-konoxxenza mill-pubbliku tal-isem kummerċjali Forge de Laguiole, huwa neċessarju li jiġi ppruvat li parti sostanzjali mill-pubbliku rilevanti – jiġifieri l-konsumatur medju Franċiż – kienet taf b’dan l-isem kummerċjali.

134    Sabiex tiġi kkonstatata s-setgħa distintiva qawwija tal-isem kummerċjali Forge de Laguiole, minħabba l-prestiġju u r-reputazzjoni li l-intervenjenti kienet allegatament tgawdi fi Franza, il-Bord tal-Appell ibbaża ruħu fuq elementi tal-proċess tal-proċedimenti quddiemu, esposti fil-punti 63 sa 66 tad-deċiżjoni kkontestata.

135    Dan huwa, fl-ewwel lok, artikolu li deher f’ġurnal ekonomiku Franċiż, f’Ottubru 2004, u intitolat “Laguiole – Produzzjoni tradizzjonali li saret tendenza”.

136    F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jitfakkar li l-mument rilevanti għall-evalwazzjoni tal-konoxxenza mill-pubbliku tal-isem kummerċjali Forge de Laguiole huwa d-data tal-introduzzjoni tal-applikazzjoni għat-trade mark LAGUIOLE, jiġifieri fl-20 ta’ Novembru 2001. Issa, l-artikolu inkwistjoni, tal-2004, ma jinkludi ebda informazzjoni li tippermetti li jintwera li dan l-isem kummerċjali kien jibbenefika minn konoxxenza partikolari mill-pubbliku qabel id-data tal-20 ta’ Novembru 2001.

137    Fit-tieni lok, il-Bord tal-Appell jirreferi għal ittra tad-9 ta’ Marzu 1999, li bi żball kienet indikata bid-data tal-20 ta’ Marzu 1999. F’din l-ittra, id-direttur tal-intervenjenti kkonferma “ftehim ta’ twettiq ta’ forma ġdida li tippermetti produzzjoni iktar sinjifikattiva u biċċiet ta’ kwalità aħjar” filwaqt li ppreċiża l-kundizzjonijiet finanzjarji.

138    Min-naħa, għandu jiġi rrilevat li d-destinatarju tal-ittra tad-9 ta’ Marzu 1999 ma ġiex identifikat b’mod ċar. Min-naħa l-oħra, sa fejn il-Bord tal-Appell għamel riferiment għal din l-ittra sabiex isostni l-konstatazzjoni tiegħu li l-intervenjenti kienet bdiet kollaborazzjoni ma’ sid ta’ restorant magħruf, hemm lok li jiġi kkonstatat li kull ma jissemma huwa laqgħa “fil-preżenza ta’ Sinjuri [B. u C.]”, li ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi identifikat sid ir-restorant inkwistjoni u lanqas sabiex tiġi kkonfermata l-kollaborazzjoni effettiva tiegħu mal-intervenjenti jew tal-forma ta’ din il-kollaborazzjoni.

139    B’konsegwenza, l-ittra tad-9 ta’ Marzu 1999 ma tistax isservi sabiex turi, anki b’mod indirett, il-konoxxenza mill-pubbliku tal-isem kummerċjali Forge de Laguiole.

140    Fit-tielet lok, il-Bord tal-Appell ikkonstata, fil-punt 65 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-prodotti tal-intervenjenti kienu kisbu diversi premijiet u onorifiċenzi fil-livell Ewropew u fil-livell internazzjonali fl-1992 u fl-1996. Bħala tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, l-UASI indika li l-Bord tal-Appell kien ibbaża, f’dan ir-rigward, fuq ir-riferimenti li jinsabu fl-artikolu msemmi fil-punt 135 iktar ’il fuq, fuq preżentata tal-“istrateġija tal-ħolqien” tal-intervenjenti, meħuda fl-2005 mis-sit tal-internet tagħha (paġna 234 tal-proċess tal-proċedimenti quddiem l-UASI), u pubblikazzjonijiet oħra li jikkonċernaw l-intervenjenti (paġna 169 tal-proċess tal-proċedimenti quddiem l-UASI).

141    Il-paġna 169 tal-proċess tal-proċedimenti quddiem l-UASI fiha estratt minn artikolu li ma għandux data bit-Taljan li jsemmi l-fatt li s-sikkina maħluqa minn kreatur magħruf tagħmel parti mill-kollezzjoni ta’ disinn tal-Mużew ta’ Arti Moderna ta’ New York (MoMA), u li l-mudell “Sommelier” kien kiseb il-premju “Design plus” tal-espożizzjoni “Ambiente” ta’ Frankfurt fl-1996.

142    Il-lista l-iktar kompleta tal-premijiet u onorifiċenzi tinsab fl-estratt tas-sit tal-internet li jinsab fil-paġna 234 tal-proċess tal-proċedimenti quddiem l-UASI, li jsemmi, barra s-sikkina li tidher fil-MoMA u l-premju “Design plus” tal-1996, il-“Grand prix français de l’objet design” fl-1991 (mingħajr ma jsemmi b’mod ċar għal liema oġġett dan kien ġie assenjat), il-“Blade Magazine Award” 1992 għal mudell maħluq minn perit magħruf u l-Prix européen du Design 1992 “għall-approċċ kreattiv” tal-intervenjenti, kollha wkoll iċċitati fid-deċiżjoni kkontestata.

143    Il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li dawn il-premijiet u onorifiċenzi jikkostitwixxu indikazzjoni tal-konoxxenza mill-pubbliku tal-prodotti tal-intervenjenti u, għaldaqstant, dik tal-isem kummerċjali tagħha, peress li l-attribuzzjoni ta’ premijiet u ta’ onorifiċenzi lil impriża għall-prodotti tagħha tista’ tiġbed l-attenzjoni tal-pubbliku wiesa’ fuq din l-impriża. Madankollu, għandu jittieħed ukoll kunsiderazzjoni tal-fatt li r-reklamar maħluq minn tali premijiet jibqa’ limitat għal pubbliku partikolarment interessat mid-disinn u li l-impatt tiegħu fuq il-pubbliku wiesa’ Franċiż, l-uniku li huwa rilevanti f’dan il-każ (ara punt 77 iktar ’il fuq) huwa limitat. Din l-osservazzjoni tapplika iktar u iktar għall-“Blade Magazine Award” assenjat minn ġurnal speċjalizzat fl-Istati Unit u li huwa magħrufa biss minn konsumaturi Franċiżi partikolarment interessati mill-kollezzjoni tas-skieken.

144    Fir-raba’ lok, il-Bord tal-Appell jirreferi għall “katalgu” li jinsab fl-“att 21” prodott mill-intervenjenti quddiem l-UASI, bħala prova tal-fatt li l-intervenjenti żviluppat sforzi kostanti sabiex tiddistingwi ruħha permezz tal-kwalità u tal-immaġni tal-prodotti tagħha, b’mod partikolari permezz tal-involviment ta’ persunal ikkwalifikat ħafna u permezz ta’ kollaborazzjonijiet ma’ disinjaturi u ma’ kreaturi prestiġjużi. Dan l-att effettivament jagħmel riferiment għal mudelli ddisinjati minn jew maħluqa f’kooperazzjoni ma’ żewġ soċji magħrufa.

145    Issa, jirriżulta mill-proċess, kif ukoll mit-tweġiba tal-intervenjenti għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, li l-“att 21” fil-fatt jiġbor tliet dokumenti differenti, jiġifieri fuljett imqassam sa mill-1997, dokument promozzjonali mqassam mill-2004 u katalgu mqassam fl-2000.

146    Peress illi riferiment għal sid ta’ restorant magħruf jinsab biss fid-dokument promozzjonali tal-2004 u mhux fiż-żewġ dokumenti l-oħra, dan ir-riferiment ma jistax iservi sabiex juri l-eżistenza ta’ kollaborazzjoni miegħu fid-data tal-20 ta’ Novembru 2001.

147    Min-naħa l-oħra, ir-riferimenti għal kreatur magħruf jinsabu fil-katalgu tal-2000, li jikkonferma għalhekk kollaborazzjoni miegħu qabel id-data tal-20 ta’ Settembru 2001. Barra minn hekk, minn elementi eżaminati jirriżulta, fil-punt 142 iktar ’il fuq, li kooperazzjoni seħħet, qabel din id-data, ma’ perit magħruf.

148    Għandu jiġi kkunsidrat li dawn il-kollaborazzjonijiet ma’ soċji li għandhom huma stess ċertu prestiġju u reputazzjoni jistgħu jibbenefikaw lill-intervenjenti u l-isem kummerċjali tagħha, li taħtu dawn il-prodotti huma kkummerċjalizzati, bl-attenzjoni tal-inqas tal-parti mill-pubbliku li kienet taf lis-soċji inkwistjoni. Madankollu, din iċ-ċirkustanza ma hijiex biżżejjed sabiex turi li dan l-isem kummerċjali kien magħruf mill-pubbliku wiesa’ inġenerali.

149    Fil-ħames lok, il-Bord tal-Appell jiċċita artikolu li deher f’ġurnal Franċiż f’Diċembru 1999, intitolat “Periklu fuq il-ħrafa tas-sikkina Laguiole”.

150    Il-Bord tal-Appell ikkunsidra li dan l-artikolu kien “partikolarment elokwenti fir-rigward tar-reputazzjoni miksuba mill-isem [kummerċjali] Forge de Laguiole qabel il-preżentata [tat-trade mark LAGUIOLE]”, peress li fih kien ġie avżat, sabiex tintgħażel sikkina Laguiole, li tingħata fiduċja lil din it-trade mark. L-artikolu ċċita sussegwentement tliet “trade marks” bħala li kienu dawk bl-aħjar reputazzjoni, fejn fosthom kien hemm l-isem kummerċjali tal-intervenjenti fejn sussegwentement ta deskrizzjoni qasira tal-istorja u tal-iżvilupp.

151    Hemm lok li jiġi kkonstatat li dan l-artikolu jikkostitwixxi ċertament indikazzjoni tal-konoxxenza mill-pubbliku tal-isem kummerċjali Forge de Laguiole, iżda ma huwiex suffiċjenti, waħdu, sabiex juriha. Fil-fatt, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li dan l-artikolu sempliċement jiċċita lill-intervenjenti, flimkien ma’ żewġ produtturi oħra, bħala li kienet dik bl-aħjar reputazzjoni mill-oħrajn. Madankollu, din l-opinjoni mogħtija mill-awtur tal-artikolu ma tippermettix, waħedha, li jiġu dedotti konklużjonijiet dwar il-livell ta’ konoxxenza mill-pubbliku wiesa’ ta’ dan l-isem kummerċjali fl-assenza, b’mod partikolari, ta’ indikazzjonijiet dwar iċ-ċirkolazzjoni ta’ bejgħ u d-distribuzzjoni tal-ġurnal li fih deher dan l-artikolu.

152    Fis-sitt lok, il-Bord tal-Appell jiċċita artikolu li deher f’ġurnal Franċiż mingħajr ħlas, fi Frar 1999, u intitolat “L’Aveyron: un terroir en ébullition”, fejn ġie affermat li “le Laguiole ‘made in Laguiole’, li s-suq tagħha ġie mmultiplikat b’għoxrin, tibda taqta’ reputazzjoni tajba barra mill-pajjiż”.

153    Għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, l-ewwel nett, li l-frażi inkwistjoni, iċċitata b’mod inkomplet mill-Bord tal-Appell, hija fil-verità fformulata kif ġej: “Le Laguiole ‘made in Laguiole’, li s-suq tagħha ġie mmultiplat b’għoxrin bl-emerġenza ta’ studji tal-artisti lokali żgħar, tibda taqta’ reputazzjoni tajba barra mill-pajjiż”. Minn dan jirriżulta li, jekk l-intervenjenti hija espressament ippreżentata f’dan l-artikolu, il-frażi miġjuba mill-Bord tal-Appell tikkonċerna madankollu l-produzzjoni totali ta’ skieken fil-komun ta’ Laguiole u mhux biss il-prodotti tal-intervenjenti. It-tieni nett, il-frażi inkwistjoni tirrigwarda r-reputazzjoni barra mill-pajjiż tas-skieken iffabbrikati f’dan il-komun u mhux il-konoxxenza mill-pubbliku Franċiż tal-isem kummerċjali Forge de Laguiole, li huwa l-uniku rilevanti f’dan il-każ (ara punt 133 iktar ’il fuq).

154    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-artikolu inkwistjoni jikkostitwixxi fuq kollox indikazzjoni tar-reputazzjoni tas-skieken tat-tip Laguiole, iffabbrikati “lokalment” — għalkemm għandu jittieħed kunsiderazzjoni tal-fatt, ikkonstatat mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 116 iktar ’il fuq, li s-skieken ta’ dan it-tip huma wkoll iffabbrikati, minn żmien ilul u b’mod tradizzjonali, fil-komun ta’ Thiers (Franza) — u, inqas minn hekk, tal-isem kummerċjali Forge de Laguiole.

155    Bħala konklużjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-atti ppreżentati mill-Bord tal-Appell ċertament juru ċerti sforzi pubbliċitarji u ta’ komunikazzjoni min-naħa tal-intervenjenti sabiex issir magħrufa, mal-pubbliku wiesa’ Franċiż, u sabiex tiddistingwi ruħha mill-kompetituri tagħha permezz ta’ immaġni ta’ kwalità jew ta’ lussu. Peress illi dawn l-isforzi nżammu għal diversi snin, ma jidhirx eskluż li l-isem kummerċjali Forge de Laguiole jista’ kiseb ċerta konoxxenza mal-pubbliku, fil-qasam tas-skieken tat-tip Laguiole.

156    Madankollu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li wħud mill-elementi li fuqhom il-Bord tal-Appell ibbaża jikkonċernaw is-skieken tat-tip Laguiole inġenerali pjuttost milli l-isem kummerċjali tal-intervenjenti.

157    Minbarra dan, l-artikoli tal-istampa li rrefera għalihom il-Bord tal-Appell bħala indikazzjonijiet tal-konoxxenza mill-pubbliku tal-isem kummerċjali Forge de Laguiole jikkonċernaw kemm il-mezzi ta’ komunikazzjoni speċjalizzati — bħall-artikolu msemmi fil-punt 135 iktar ’il fuq, li huwa indirizzat għal professjonisti tal-ġestjoni ta’ impriża, u l-“Blade Magazine”, li huwa indirizzat għal kollezzjonisti ta’ skieken essenzjalment Amerikani — kemm mezzi ta’ komunikazzjoni li l-portata ta’ tqassim tagħhom ma ntwerietx — bħall-artikolu msemmi fil-punt 149 iktar ’il fuq, jew ukoll rivisti ta’ natura essenzjalment pubbliċitarja li, minħabba dan il-fatt, jistgħu inqas jiġbdu l-attenzjoni tal-qarrej — bħall-artikolu msemmi fil-punt 152 iktar ’il fuq. Din iċ-ċirkustanza barra minn hekk tagħmel distinzjoni bejn din il-kawża u dik li tat lok għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Diċembru 2010, Rubinstein u L’Oréal vs UASI – Allergan (BOTOLIST u BOTOCYL), T‑345/08 u T‑357/08, mhux ippubblikata fil-Ġabra, invokata mill-UASI fil-kuntest tat-tweġiba tagħha għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, jekk huwa veru li, fil-punti 50 sa 53 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq artikoli tal-istampa sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ kopertura medjatika wiesgħa tal-prodott inkwistjoni, huwa dejjem il-każ li dawn kienu mezzi ta’ komunikazzjoni ta’ diffużjoni wiesgħa u li jibbenefikaw minn reputazzjoni fuq skala internazzjonali.

158    Għalhekk, jekk l-elementi meħuda inkunsiderazzjoni mill-Bord tal-Appell ċertament jikkostitwixxu indikazzjonijiet ta’ ċerta konoxxenza mal-pubbliku tal-isem kummerċjali Forge de Laguiole, dawn ma humiex biżżejjed sabiex juru din il-konoxxenza b’ċertezza. Għandu jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li ma huwiex l-isforz pubbliċitarju tal-intervenjenti, sabiex iżżid il-fama tagħha mal-pubbliku, li huwa determinanti fl-aħħar mill-aħħar, iżda tassew il-konoxxenza effettiva tal-pubbliku li tirriżulta minn dan l-isforz, imkejla permezz ta’ kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza VITACOAT, iċċitata fil-punt 132 iktar ’il fuq.

159    Issa, id-deċiżjoni kkontestata ma fiha ebda indikazzjoni li turi l-eżistenza, f’dan il-każ, ta’ dawn il-kriterji, b’mod partikolari, fir-rigward tal-parti mill-pubbliku Franċiż li kellha konoxxenza tal-isem kummerċjali Forge de Laguiole, fir-rigward tal-parti mis-suq miżmuma mill-intervenjenti fis-suq tas-skieken inġenerali u fuq dak, iktar ristrett, tas-skieken tat-tip Laguiole, fir-rigward tal-importanza tal-investimenti mwettqa mill-intervenjenti sabiex tippromwovi l-konoxxenza tal-isem kummerċjali tagħha mal-pubbliku, fir-rigward tal-proporzjon taċ-ċrieki interessati li jidentifika l-prodotti jew is-servizzi bħala provenjenti mill-intervenjenti permezz tal-isem kummerċjali tagħha jew fir-rigward ta’ dikjarazzjonijiet tal-kmamar tal-kummerċ u tal-industrija jew ta’ assoċjazzjonijiet professjonali indipendenti oħra tal-intervenjenti. Tali indikazzjonijiet lanqas ma jirriżultaw minn atti tal-proċess oħra u lanqas, b’mod partikolari, minn elementi mressqa mill-intervenjenti.

160    F’dawn iċ-ċirkustanzi, kien b’mod żbaljat li l-Bord tal-Appell ikkunsidra li, fid-data tal-20 ta’ Novembru 2001, l-isem kummerċjali Forge de Laguiole kien kiseb, għas-skieken, karattru distintiv superjuri għan-norma minħabba l-konoxxenza li l-pubbliku kellu dwaru.

 Konklużjoni fuq il-probabbiltà ta’ konfużjoni

161    Bħala konklużjoni, is-sinjali inkwistjoni jippreżentaw ċerta xebh fuq il-livell viżiv u dak fonetiku, u xebh għoli fil-livell kunċettwali. Għandu jittieħed kunsiderazzjoni tal-fatt li l-isem kummerċjali Forge de Laguiole jippreżenta karattru distintiv intrinsiku dgħajjef, peress li huwa kompost esklużivament minn elementi deskrittivi tal-attivitajiet tal-intervenjenti. Dan il-karattru distintiv dgħajjef ma huwiex kontrobilanċjat mill-konoxxenza miksuba mill-pubbliku kkonċernat.

162    Fir-rigward tal-identiċità, fir-rigward tal-attivitajiet tal-intervenjenti, tal-“għodda tal-idejn u implimenti (imħaddma bl-idejn)” u tal-“imgħaref”, fil-klassi 8, kif ukoll tal-livell għoli ta’ xebh, fir-rigward tal-attivitajiet tal-intervenjenti, tas-“segi, mwies tal-leħja, xfafar għat-tqaxxir; limi u tnalji tad-dwiefer, qattiegħa tad-dwiefer” fil-klassi 8, l-“oġġetti li jaqtgħu l-karti” fil-klassi 16, it-“trabixù, il-fettieħa tal-fliexken”, fil-klassi 21, u l-“għodda għall-qtugħ ta’ truf tas-sigarri” u l-“ixkupilji li jnaddfu l-pipi tat-tabakk” fil-klassi 34, indikati mit-trade mark LAGUIOLE, għandu jiġi kkonstatat li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn din it-trade mark u l-isem kummerċjali Forge de Laguiole, peress li l-pubbliku kkonċernat jista’ jemmen li dawn il-prodotti għandhom l-istess oriġini kummerċjali bħas-skieken u l-pożati tal-mejda kkummerċjalizzati mill-intervenjenti.

163    Bl-istess mod, fir-rigward tal-livell medju ta’ xebh, fir-rigward tal-attivitajiet tal-intervenjenti, tas-“settijiet tal-manikjur, kaxxetti b’tagħmir għat-tqaxxir”, fil-klassi 8, kif ukoll tal-“pniezel tal-leħja, kaxxi fejn jitpoġġew l-oġġetti tat-twaletta”, fil-klassi 21, indikati mit-trade mark LAGUIOLE, għandu jiġi kkonstatat li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn din it-trade mark u l-isem kummerċjali Forge de Laguiole, peress li l-pubbliku kkonċernat jista’ jemmen li dawn il-prodotti għandhom l-istess oriġini kummerċjali bħas-skieken u l-pożati tal-mejda kkummerċjalizzati mill-intervenjenti.

164    Min-naħa l-oħra, minħabba l-livell baxx ta’ xebh, fir-rigward tal-attivitajiet tal-intervenjenti, tal-“envelops” fil-klassi 16, indikati mit-trade mark LAGUIOLE, għandu jiġi kkonstatat li ma teżistix probabbiltà ta’ konfużjoni f’dan ir-rigward, peress li l-pubbliku kkonċernat mhux ser jaħseb li dawn il-prodotti jista’ jkollhom l-istess oriġini kummerċjali bħas-skieken u l-pożati tal-mejda kkummerċjalizzati mill-intervenjenti.

165    Bl-istess mod, minħabba l-assenza ta’ xebh, fir-rigward tal-attivitajiet tal-intervenjenti, għall-prodotti u servizzi l-oħra kollha indikati mit-trade mark LAGUIOLE, għandu jiġi kkonstatat li ma teżistix probabbiltà ta’ konfużjoni f’dan ir-rigward. B’mod partikolari, huwa b’mod żbaljat li l-Bord tal-Appell ikkonstata, fil-punt 111 tad-deċiżjoni kkotestata, li l-materjal stampat (kotba bil-folji vojta għal użu fi twaħħil ta’ stampi, kotba, almanakki, kotba żgħar, katalgi, kalendarji, litografiji, kartelluni, fil-klassi 16), indikati minn din it-trade mark, setgħu joħolqu “minħabba l-kontenut tagħhom”, probabbiltà ta’ konfużjoni mal-isem kummerċjali Forge de Laguiole. Fil-fatt, ma jidhirx kif il-“materjal stampat” indikat minn din it-trade mark, indipendentement min-natura tiegħu u mill-kontenut tiegħu, seta’ joħloq l-impressjoni, mal-pubbliku kkonċernat, li għandu l-istess oriġini kummerċjali bħas-skieken u l-pożati tal-mejda kkummerċjalizzati mill-intervenjenti, bl-esklużjoni tal-ipoteżi fejn tali materjal stampat għandu bħala suġġett speċifikament il-prodotti tal-intervenjenti. Issa, tali sitwazzjoni speċifika u eċċezzjonali ma tistax toħloq probabbiltà ta’ konfużjoni fir-rigward ta’ kategorija sħiħa ta’ prodotti. Fl-alternattiva, l-indikazzjoni ta’ “materjal stampat” minn trade mark li tippreżenta xebh ma’ oħra għandha titqies li tippreżenta probabbiltà ta’ konfużjoni fir-rigward ta’ kwalunkwe prodott ieħor indikat mit-trade mark l-oħra.

166    Isegwi li għandu jiġi milqugħ il-motiv uniku u li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Bord tal-Appell ikkonstata probabbiltà ta’ konfużjoni, bejn l-isem kummerċjali Forge de Laguiole u t-trade mark LAGUIOLE, għall-prodotti minbarra l-“għodda tal-idejn u implimenti (imħaddma bl-idejn); mgħaref; segi, mwies tal-leħja, xfafar għat-tqaxxir; kaxxetti b’tagħmir għat-tqaxxir; limi u tnalji tad-dwiefer, qattiegħa tad-dwiefer, settijiet tal-manikjur”, fil-klassi 8, l-“oġġetti li jaqtgħu l-karti”, fil-klassi 16, it-“trabixù; fettieħa tal-fliexken” u l-“pniezel tal-leħja, kaxxi fejn jitpoġġew l-oġġetti tat-twaletta”, fil-klassi 21, u l-“għodda għall-qtugħ ta’ truf tas-sigarri” u l-“ixkupilji li jnaddfu l-pipi tat-tabakk”, fil-klassi 34.

167    Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

168    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(3), jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż.

169    F’dan il-każ, l-UASI u l-intervenjenti jitilfu parzjalment, sa fejn hemm lok li tiġi annullata parzjalment id-deċiżjoni kkontestata, skont il-konklużjonijiet tar-rikorrent. Madankollu, ir-rikorrent ma talabx li l-UASI jiġi kkundannat għall-ispejjeż, iżda li tiġi kkundannata l-intervenjenti.

170    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li l-intervenjenti tiġi kkundannata tbati kwart tal-ispejjeż tar-rikorrent, kif ukoll tliet kwarti tal-ispejjeż tagħha stess. Ir-rikorrent għandu jbati kwart tal-ispejjeż rispettivi tal-intervenjenti u tal-UASI, kif ukoll tliet kwarti tal-ispejjeż tiegħu stess. Fl-aħħar nett, l-UASI għandu jbati tliet kwarti tal-ispejjeż tiegħu stess.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), tal-1 ta’ Ġunju 2011 (Każ R 181/2007‑1), hija annullata sa fejn hija tiddikjara l-invalidità tat-trade mark Komunitarja verbali LAGUIOLE, għall-prodotti minbarra l-“għodda tal-idejn u implimenti (imħaddma bl-idejn); mgħaref; segi, mwies tal-leħja, xfafar għat-tqaxxir; kaxxetti b’tagħmir għat-tqaxxir; limi u tnalji tad-dwiefer, qattiegħa tad-dwiefer, settijiet tal-manikjur”, fil-klassi 8, l-“oġġetti li jaqtgħu l-karti”, fil-klassi 16, it-“trabixù; fettieħa tal-fliexken” u l-“pniezel tal-leħja, kaxxi fejn jitpoġġew l-oġġetti tat-twaletta”, fil-klassi 21, u l-“għodda għall-qtugħ ta’ truf tas-sigarri” u l-“ixkupilji li jnaddfu l-pipi tat-tabakk”, fil-klassi 34.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Il-Forge de Laguiole SARL għandha tbati kwart tal-ispejjeż tar-rikorrent, kif ukoll tliet kwarti tal-ispejjeż tagħha stess.

4)      Gilbert Szajner għandu jbati kwart tal-ispejjeż tal-Forge de Laguiole u kwart tal-ispejjeż tal-UASI, kif ukoll tliet kwarti tal-ispejjeż tiegħu stess.

5)      L-UASI għandu jbati tliet kwarti tal-ispejjeż tiegħu stess.

Kanninen

Pelikánová

Buttigieg

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-21 ta’ Ottubru 2014.


Firem



Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

It-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1.  Fuq l-atti ppreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali

2.  Fuq il-mertu

Fuq il-portata tal-protezzjoni mogħtija mill-isem kummerċjali Forge de Laguiole

Fuq l-attivitajiet effettivament eżerċitati mill-intervenjenti qabel id-data ta’ preżentata tat-trade mark LAGUIOLE

Fuq il-probabbiltà ta’ konfużjoni

Fuq ix-xebh bejn is-setturi ekonomiċi koperti mill-isem kummerċjali Forge de Laguiole u mit-trade mark LAGUIOLE

–  Fuq ir-relazzjoni bejn is-“segi, mwies tal-leħja, xfafar għat-tqaxxir; limi u tnalji tad-dwiefer, qattiegħa tad-dwiefer”, kif ukoll is-“settijiet tal-manikjur, kaxxetti b’tagħmir għat-tqaxxir”, fil-klassi 8, l-“oġġetti li jaqtgħu’ l-karti” fil-klassi 16, u l-“pniezel tal-leħja, kaxxi fejn jitpoġġew l-oġġetti tat-twaletta” fil-klassi 21, u l-attivitajiet tal-intervenjenti

–  Fuq l-“għodda tal-idejn u implimenti (imħaddma bl-idejn)” u t-“tornaviti” fil-klassi 8

–  Fuq l-“imgħaref” fil-klassi 8

–  Fuq is-“settijiet tal-borom għat-tisjir u oġġetti għal fuq il-mejda tal-ikel tal-ħġieġ, tal-porċellana, u reċipjenti tax-xaqquf; reċipjenti għall-użu tal-mejda tal-ikel, mhux tal-metall prezzjuż; trabixů; fettieħa tal-fliexken, dispensers għas-srievet tal-karti; klessidri”, fil-klassi 21, u l-“utensili u reċipjenti għall-użu tad-dar u tal-kċina tal-metall prezzjuż; reċipjent għall-użu tal-mejda tal-kċina tal-metall prezzjuż”, fil-klassi 14

–  Fuq il-“metall prezzjuż u l-ligi tiegħu”, il-“ħaġar prezzjuż” u l-“kaxxi, gandlieri”, fil-klassi 14

–  Fuq il-“ġilda u imitazzjoni tal-ġilda” u l-“bagolli, valiġetti u valiġġi”, fil-klassi 18, kif ukoll il-“kaxxi”

–  Fuq il-“forniment għall-iskejjel [kartoleriji]; lapsijiet, lapsijiet li tista’ tbiddilhom il-ponta, gomom għat-tħassir, envelops, legaturi, ktieb bil-folji vojta għal użu fi twaħħil ta’ stampi, kotba, almanakki, kotba żgħar, pitazzi, katalgi, kalendarji, litografija, kartelluni”, fil-klassi 16

–  Fuq il-prodotti differenti kklassifikati bħala “artikoli għar-rigali” fil-klassijiet 14, 18 u 20

–  Fuq l-“ingwanti tal-golf” u “artikoli ta’ sport” fil-klassi 28, il-“kaxxetti tas-sigarri”, fil-klassi 14, u s-“sulfarini, lajters għal min ipejjep, kaxxetti tas-sigarri u tas-sigaretti mhux tal-metall prezzjuż; għodda għall-qtugħ ta’ truf tas-sigarri; pipi; xkupilji li jnaddfu l-pipi tat-tabakk”, fil-klassi 34

–  Fuq is-servizzi fil-klassi 38

–  Konklużjoni dwar ix-xebh bejn is-setturi ekonomiċi koperti mill-isem kummerċjali Forge de Laguiole u mit-trade mark LAGUIOLE

Fuq ix-xebh tas-sinjali inkwistjoni

Fuq il-karattru distintiv għoli tal-isem kummerċjali Forge de Laguiole minħabba l-konoxxenza li l-pubbliku għandu dwaru

Konklużjoni fuq il-probabbiltŕ ta’ konfużjoni

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.