Language of document :

Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Frar 2018 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Ellenika

(Kawża C-91/18)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: A. Kyratsou u F. Tomat)

Konvenuta: Ir-Repubblika Ellenika

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

Tiddikjara li billi adottat u żammet fis-seħħ leġiżlazzjoni

    li tissuġġetta t-tsiroupo/tsikoudia (akwavit) prodotta minn “distillaturi permanenti” għal rata ta’ taxxa tas-sisa ta’ inqas ta’ 50 % għal taxxa tas-sisa nazzjonali normali filwaqt li x-xorb alkoħoliku importat minn Stati Membri oħra huwa suġġett għal rata normali ta’ taxxa tas-sisa, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikoli 19 u 21 u tal-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 92/83/KEE 1 kif ukoll tal-Artikolu 110 TFUE, u

li tissuġġetta t-tsiroupo/tsikoudia (akwavit) prodotta minn “distillaturi okkażjonali” għal rata tat-taxxa tas-sisa imnaqqsa iktar filwaqt li x-xorb alkoħoliku importat minn Stati Membri oħra huma suġġetti għal rata normali ta’ taxx tas-sisa, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikoli 19 u 21 u tal-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 92/83/KEE u tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 92/84/KEE 2 kif ukoll tal-Artikolu 110 TFUE.

tikkundanna lil Ir-Repubblika Ellenika għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Fl-24 ta’ Settembru 2015, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika Ellenika opinjoni motivata fejn indikat li, l-ewwel nett, billi ssuġġettat it-tsiroupo/tsikoudia (akwavit) prodotta minn “distillaturi permanenti” b’rata ta’ taxxa tas-sisa ta’ inqas minn 50 % għal rata ta’ taxxa tas-sisa nazzjonali normali filwaqt li x-xorb alkoħoliku importat minn Stati Membri oħra huwa suġġett għal rata normali ta’ taxxa tas-sisa, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikoli 19 u 21 u tal-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 92/83/KEE kif ukoll tal-Artikolu 110 TFUE, u li, it-tieni nett, billi tissuġġetta t-tsiroupo/tsikoudia (akwavit) prodotta mid-“distillaturi okkażjonali” għal rata ta’ taxxa tas-sisa imnaqqsa iktar, filwaqt li x-xorb alkoħoliku importat minn Stati Membri oħra huwa suġġett għal rata normali ta’ taxxa tas-sisa, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikoli 19 u 21 u tal-Artikolu 22(1) de tad-Direttiva 92/83/KEE u tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 92/84/KEE kif ukoll tal-Artikolu 110 TFUE.

Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni Ewropea li jirrigwardaw l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tad-dazji tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku ma jipprevedux l-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa tat-taxxa tas-sisa għat-tsiroupo/tsikoudia. Barra minn hekk, l-impożizzjoni ta’ rata imnaqqsa iktar ta’ taxxa tas-sisa fuq it-tsiroupo/tsikoudia prodotta mid-distillaturi “okkażjonali” żgħar ma hijiex f’konformità mad-dispożizzjonijiet applikabbli tad-Direttiva 92/83/KEE moqrija flimkien mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/84/KEE. Għalhekk, fir-rigward ta’ dik il-miżura l-leġiżlazzjoni Ellenika fis-seħħ tikser dawn id-direttivi. Fl-istess ħin, hija tmur kontra l-Artikolu 110(1) TFUE billi timponi taxxa ogħla fuq prodotti alkoħoliċi importati simili għal tsiroupo/tsikoudia kif ukoll l-Artikolu 110(2) TFUE billi tipproteġi indirettament it-tsiroupo/tsikoudia fil-konfront tax-xorb alkoħoliku l-ieħor prinċipalment importat minn Stati Membri l-oħra u li huma f’kompetizzjoni ma’ dan il-prodott lokali.

____________

1 Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-armonizzazzjoni ta’ l-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 206).

2 Direttiva tal-Kunsill 92/84/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-approssimazzjoni tar-rati tat-taxxa tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 213).