Language of document :

Rikors ippreżentat fil-15 ta' Frar 2012 - Cisco Systems and Messagenet vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-79/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Cisco Systems, Inc. (San José, l-Istati Uniti), Messagenet SpA (Milan, l-Italja) (rappreżentanti: L. Ortiz Blanco, J. Buendía Sierra, A. Lamadrid de Pablo u K. Jörgens, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2011) 7279 finali, tas-7 ta' Ottubru 2011 (ĠU C 341, p. 2), li ma topponix għall-konċentrazzjoni nnotifikata bejn Microsoft Corporation u Skype Sarl u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq komuni (Każ Nru COMP/M.6281), għall-ksur tal-Artikoli 2 u 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet [konċentrazzjonijiet])  jew, sussidjarjament, tal-Artikolu 296 TFUE;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt:

li l-Kummissjoni Ewropea wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni meta kkunsidrat li l-amalgamazzjoni ma għandhiex effetti antikompetittivi orizzontali fuq is-swieq unifikati tat-telekomunikazzjonijiet residenzjali. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti jenfasizzaw li din l-amalgamazzjoni twassal għaż-żamma ta' ishma tas-suq li flimkien jammontaw għal iktar minn 80 % fl-iċken suq possibbli eżaminat fid-deċiżjoni (servizzi għall-konsumatur ta' telefonati bil-vidjo permezz ta' PC li juża l-Windows). L-għaqda tal-effetti qawwija tan-netwerk favur l-ikbar bażi ta' utenti kif ukoll il-kontroll sħiħ miżmum mill-kumpannija amalgamata tas-sistema operattiva Windows u ta' applikazzjonijiet oħra relatati, ser isaħħu il-pożizzjoni dominanti u jeliminaw kull inċentiv li l-kumpannija amalgamata jista' jkollha sabiex toffri interoperabbilità ma' prodotti kompetituri;

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt:

li l-Kummissjoni Ewropea wettqet ukoll żball manifest ta' evalwazzjoni meta kkunsidrat mingħajr ebda dubju li l-amalgamazzjoni ma kellhiex effetti antikompetittivi akkumulati fuq is-swieq unifikati tat-telekomunikazzjonijiet professjonali. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti jenfasizzaw li, fid-dawl taż-żieda fil-popolarità tas-servizzi unifikati tat-telekomunikazzjonijiet residenzjali, il-klijenti professjonali jixtiequ jaqbdu mal-klijenti tagħhom billi jużaw dawn l-għodda. Billi espandiet il-bażi stabbilita tagħha ta' klijenti li jużaw it-telekomunikazzjonijiet residenzjali unifikati, il-kumpannija amalgamata ser jkollha kemm il-kapaċità ikbar, kif ukoll l-inċentiv, sabiex tirrifjuta l-interoperabbiltà ma' prodotti kompetituri tat-telekomunikazzjonijiet professjonali. L-effetti ta' esklużjoni ser jissaħħu bil-pożizzjoni ta' leader/pożizzjoni dominanti preeżistenti li minnha tiġa tgawdi din il-kumpannija fis-swieq relatati, bħal dak tas-sistemi operattivi u tal-prodotti ta' softwer użati minn impriżi, eż: Office u Outlook. Id-deċiżjoni kkontestata hija inkonsistenti b'mod partikolari mal-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar l-importanza tal-effetti tan-netwerk fuq is-swieq tal-IT u n-neċessità li tiġi żgurata l-interoperabbiltà bl-għan li tinżamm l-għażla effettiva tal-konsumatur meta huma involuti tali effetti tan-netwerk;

Sussidjarjament, it-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt:

li l-Kummissjoni Ewropea naqset milli tosserva l-obbligu tagħha li timmotiva suffiċjentement l-awtorizzazzjoni tal-amalgamazzjoni fl-ewwel fażi, mingħajr ma kkunsidrat in-neċessità li l-partijiet jieħdu ċerti impenji.

____________

1 - ĠU L 24, p. 1