Language of document : ECLI:EU:T:2017:48

Kawża T-479/14

Kendrion NV

vs

L-Unjoni Ewropea, irrapreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

“Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Preċiżjoni tar-rikors – Ammissibbiltà – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza – Dannu materjali – Interessi fuq l-ammont tal-multa mhux imħallsa – Spejjeż tal-garanzija bankarja – Dannu immaterjali – Rabta kawżali”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla Estiża) tal-1 ta’ Frar 2017

1.      Proċedura ġudizzjarja – Rikors promotur – Rekwiżiti ta’ forma proċedurali – Identifikazzjoni tas-suġġett tat-tilwima – Espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati – Rikors intiż għall-kumpens għad-danni allegatament ikkawżati minn istituzzjoni tal-Unjoni

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 44(1)(ċ))

2.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Illegalità – Dannu – Rabta kawżali – Kundizzjonijiet kumulattivi – Assenza ta’ waħda mill-kundizzjonijiet – Ċaħda tar-rikors għad-danni kollu kemm hu

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

3.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi – Dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi – Kunċett – Nuqqas ta’ osservanza tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza mill-qorti tal-Unjoni – Inklużjoni – Kriterji ta’ evalwazzjoni

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47)

4.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Illegalità – Dannu – Rabta kawżali – Oneru tal-prova

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

5.      Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur u li timponi multa – Natura eżekuttiva – Kontestazzjoni tad-deċiżjoni quddiem il-qorti tal-Unjoni – Assenza ta’ kontestazzjoni tan-natura eżekuttiva

(Artikoli 101 TFUE, 263 TFUE, 278 TFUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 299 TFUE)

6.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Rabta kawżali – Terminazzjoni minħabba l-aġir illeċitu tar-rikorrent jew ta’ persuni oħra

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

7.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Rabta kawżali – Kunċett – Spejjeż ta’ garanzija bankarja li jirriżultaw mill-għażla ta’ impriża li ma tħallasx il-multa imposta mill-Kummissjoni – Nuqqas ta’ osservanza mill-qorti tal-Unjoni tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-każ tar-rikors tal-imsemmija impriża – Eżistenza ta’ rabta kawżali – Kundizzjonijiet

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

8.      Rikors għad-danni – Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni – Limiti – Projbizzjoni li tiddeċiedi ultra petita – Obbligu li tosserva l-kuntest tat-tilwima kif iddefinit mill-partijiet – Possibbiltà għall-qorti tal-Unjoni li tiddeċiedi ex officio li tikkumpensa dannu sostnut matul perijodu differenti minn dak indikat fir-rikors – Esklużjoni

(Artikolu 268 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 21; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 44(1))

9.      Rikors għad-danni – Suġġett – Kumpens għad-dannu allegatament sostnut mid-diretturi u l-impjegati tal-impriża rikorrenti – Nuqqas ta’ awtorizzazzjoni tal-imsemmija impriża sabiex taġixxi ġudizzjarjament f’isem l-imsemmija diretturi u impjegati – Inammissibbiltà

(Artikolu 268 TFUE)

10.    Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Dannu reali u ċert – Oneru tal-prova

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

11.    Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Dannu – Dannu li jista’ jiġi kkumpensat – Dannu immaterjali kkawżat miż-żamma tar-rikorrent fi stat ta’ inċertezza estiż minħabba n-nuqqas ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza – Inklużjoni

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

12.    Proċedura ġudizzjarja – Tul tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali – Terminu raġonevoli – Kawża dwar l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni – Nuqqas ta’ osservanza tat-terminu raġonevoli – Konsegwenzi

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47)

13.    Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Dannu – Kumpens – Teħid inkunsiderazzjoni tal-inflazzjoni – Interessi moratorji – Modalitajiet ta’ kalkolu

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE; Regolament tal-Kummissjoni Nru 1268/2012, Artikoli 83(2)(b) u 111(4)(a))

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 26)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 35, 36)

3.      Tikser it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea sa fejn taqbeż b’20 xahar it-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza, li jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi, il-proċedura segwita f’kawża fil-qasam tal-kompetizzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali.

Fil-fatt, matul il-perijodu bejn it-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura li seħħ mal-preżentata tal-kontroreplika u l-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura, saru, b’mod partikolari, is-sinteżi tal-argumenti tal-partijiet, it-tħejjija tal-kawżi, analiżi fil-fatt u fid-dritt tat-tilwimiet u l-preparazzjoni tal-fażi orali tal-proċedura. B’hekk, it-tul ta’ dan il-perijodu jiddependi, b’mod partikolari, mill-kumplessità tat-tilwima kif ukoll mill-aġir tal-partijiet u mill-okkorrenza ta’ inċidenti proċedurali.

Fir-rigward tal-kumplessità tat-tilwima, qabelxejn, ir-rikorsi li jirrigwardaw l-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni mill-Kummissjoni juru ċertu grad ta’ kumplessità ogħla minn tipi oħrajn ta’ kawżi, fid-dawl, b’mod partikolari, tat-tul tad-deċiżjoni kkontestata, tal-volum tal-proċess u tan-neċessità li ssir evalwazzjoni ddettaljata tal-fatti numerużi u kumplessi, ta’ spiss estiżi fiż-żmien u fl-ispazju. B’hekk, tul ta’ 15-il xahar bejn it-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u l-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura jikkostitwixxi bħala prinċipju tul xieraq sabiex jiġu ttrattati l-kawżi li jirrigwardaw l-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, rikorsi ppreżentati kontra l-istess deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni skont id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jeħtieġu, bħala prinċipju, li jiġu ttrattati b’mod parallel, anki meta dawn ir-rikorsi ma jkunux magħquda. Dan it-trattament parallel huwa ġġustifikat b’mod partikolari mill-konnessjoni tal-imsemmija rikorsi kif ukoll min-neċessità li tiġi żgurata koerenza fl-analiżi tagħhom u fir-risposta li dawn għandhom jingħataw. B’hekk, it-trattament parallel ta’ kawżi konnessi jista’ jiġġustifika titwil, ta’ perijodu ta’ xahar għal kull kawża konnessa supplimentari, tal-perijodu kompriż bejn it-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u l-ftuħ tal-fażi orali tagħha. Finalment, il-grad ta’ kumplessità fattwali, ġuridika u proċedurali tal-kawża ma jiġġustifikax perijodu itwal, ladarba, b’mod partikolari, bejn it-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u l-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura, il-proċedura la ġiet interrotta u lanqas imdewma bl-adozzjoni, mill-Qorti Ġenerali, ta’ xi miżura ta’ organizzazzjoni tagħha.

Fir-rigward tal-aġir tal-partijiet u tal-okkorrenza ta’ inċidenti proċedurali fil-kawża inkwistjoni, it-tul ta’ żmien li għadda bejn it-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u l-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura bl-ebda mod ma kien influwenzat minn tali aġir jew mill-okkorrenza ta’ dawn l-inċidenti.

Għalhekk, il-perijodu ta’ 46 xahar li għadda bejn it-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u l-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura juri perijodu ta’ inattività mhux iġġustifikat ta’ 20 xahar f’din il-kawża.

(ara l-punti 48, 49, 51, 52, 54, 55, 59-61, 63)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 64, 65)

5.      Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 299 TFUE, deċiżjoni tal-Kummissjoni relatata ma’ proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE tikkostitwixxi titolu eżekuttiv, sa fejn din tinkludi obbligu pekunjarju impost fuq id-destinatarji. Barra minn hekk, il-preżentata ta’ rikors għal annullament kontra din id-deċiżjoni, skont l-Artikolu 263 TFUE, ma hijiex ikkontestata min-natura eżekuttiva tal-imsemmija deċiżjoni, sa fejn, skont l-Artikolu 278 TFUE, ir-rikorsi ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma għandhomx effett sospensiv.

(ara l-punt 71)

6.      Il-kundizzjoni relatata mar-rabta kawżali imposta fuq l-Artikolu 340 TFUE teżiġi li l-aġir ikkritikat ikun il-kawża determinanti tad-dannu. Fi kliem ieħor, anki fil-każ ta’ kontribuzzjoni eventwali tal-istituzzjonijiet għad-dannu li għalih qed jintalab il-kumpens, dik il-kontribuzzjoni tista’ tkun remota wisq minħabba responsabbiltà li għandhom persuni oħrajn, jekk ikun il-każ, ir-rikorrenti.

(ara l-punt 85)

7.      Dannu li jikkonsisti fi spejjeż ta’ garanzija bankarja magħmulin minn kumpannija ssanzjonata minn deċiżjoni tal-Kummissjoni li wara ġiet annullata mill-qorti tal-Unjoni ma jirriżultax direttament mill-illegalità ta’ din id-deċiżjoni, billi dan id-dannu kien jirriżulta mill-għażla proprja ta’ din il-kumpannija li tagħmel garanzija bankarja sabiex ma teżegwix l-obbligu li tħallas il-multa fit-terminu mogħti fid-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, huwa differenti l-każ fejn il-proċedura quddiem il-qorti tal-Unjoni tkun qabżet it-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza, billi, l-ewwel nett, fil-mument meta tkun ġiet ikkostitwita l-garanzija bankarja, il-ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza kien imprevedibbli u r-rikorrenti setgħet leġittimament tsitenna li r-rikors tagħha jiġi ttrattat f’terminu raġonevoli. It-tieni nett, l-iskadenza tal-imsemmi terminu ġrat wara l-għażla inizjali tar-rikorrenti li tagħmel garanzija bankarja.

Minn dan jirriżulta li teżisti rabta kawżali suffiċjentement diretta bejn, minn naħa, il-ksur tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza mill-qorti tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, id-dannu li sofriet ir-rikorrenti qabel l-għoti tas-sentenza inkwistjoni, u li jikkonsisti fil-ħlas ta’ spejjeż ta’ garanzija bankarja waqt il-perijodu li jikkorrispondi mal-iskadenza ta’ dan it-terminu raġonevoli. F’dan ir-rigward, il-ħlas ta’ spejjeż ta’ garanzija bankarja wara li ngħatat l-imsemmija sentenza, li temmet il-ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-kawża inkwistjoni, ma jipprovdix rabta kawżali suffiċjentement diretta ma’ dan il-ksur, sa fejn il-ħlas ta’ tali spejjeż jirriżulta mill-għażla personali u awtonoma tar-rikorrenti, wara dak il-ksur, li ma tħallasx il-multa, li ma titlobx is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża u li tippreżenta appell mis-sentenza msemmija iktar ’il fuq.

(ara l-punti 86-88, 98, 99)

8.      Mir-regoli li jirregolaw il-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni, b’mod partikolari mill-Artikoli 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, jirriżulta li t-tilwima hija, fil-prinċipju, iddeterminata u limitata mill-partijiet u li l-qorti tal-Unjoni ma tistax tiddeċiedi ultra petita. Għalhekk, il-qorti tal-Unjoni ma tistax twarrab it-talba ta’ rikorrenti u tiddeċiedi ex officio li jiġi kkumpensat dannu subit matul perijodu kronoloġikament differenti minn dak li matulu hija tallega li sofriet dannu.

(ara l-punti 103, 104)

9.      Għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli talba għal kumpens għad-danni immaterjali allegatament sostnuti mid-diretturi u l-impjegati ta’ rikorrenti, sa fejn ma jkunx jirriżulta mill-proċess li din tal-aħħar kienet awtorizzata, mill-imsemmija diretturi u impjegati, tippreżenta rikors għad-danni f’isimhom.

(ara l-punt 118)

10.    Fil-kuntest ta’ rikors għad-danni, sa fejn rikorrent ma jressaq ebda prova ta’ natura li turi l-eżistenza u li tiddetermina l-estent tad-dannu morali jew immaterjali tiegħu, huwa l-oneru tiegħu li, tal-inqas, jistabbilixxi li l-aġir inkriminat kien, bil-gravità tiegħu, ta’ natura li jikkawżalu tali dannu.

(ara l-punt 121)

11.    Il-fatt li rikorrenti tpoġġiet f’sitwazzjoni ta’ inċertezza, partikolarment dwar is-suċċess tar-rikors tagħha huwa inerenti għal kull proċedura ġudizzjarja. Madankollu, il-ksur tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza huwa ta’ natura li jdaħħal lil rikorrenti f’sitwazzjoni ta’ inċertezza li taqbeż l-inċertezza li s-soltu tiġi pprovokata minn proċedura ġudizzjarja. Dan l-istat ta’ inċertezza mtawwal jinfluwenza neċessarjament l-ippjanar tad-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu u l-ġestjoni tal-kumpannija u joħloq dannu immaterjali.

(ara l-punti 126, 128)

12.    Fid-dawl tal-ħtieġa li tiġi żgurata l-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-qorti tal-Unjoni ma tistax tippermetti, għas-sempliċi raġuni li ma kienx osservat terminu raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni, lir-rikorrenti li tpoġġi f’dubju l-fondatezza jew l-ammont ta’ multa meta l-kumpless ta’ motivi indirizzati kontra l-konstatazzjonijiet magħmula dwar l-ammont ta’ din il-multa u l-aġir li hija tissanzjona kienu ġew miċħuda.

Minn dan isegwi li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ żmien raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni, fil-kuntest tal-eżami ta’ rikors ġudizzjarju ppreżentat kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi multa fuq impriża minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma jistax iwassal għall-annullament, totali jew parzjali, tal-multa imposta permezz ta’ din id-deċiżjoni.

(ara l-punti 131, 132)

13.    L-obbligu li jitħallsu interessi moratorji jitwieled, bħala prinċipju, mis-sentenza li tikkonstata l-obbligu tal-Unjoni li tikkumpensa d-dannu. Sabiex tiġi ffissata r-rata tal-interessi moratorji, huwa xieraq li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-Artikolu 83(2)(b) u tal-Artikolu 111(4)(a) tar-Regolament Nru 1268/2012, dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 966/2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, ir-rata tal-interessi għall-krediti mhux rimborsati fit-termini hija r-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet prinċipali ta’ rifinanzjament, kif ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, serje Ċ, fis-seħħ fl-ewwel jum kalendarju tax-xahar tad-data limitu, miżjuda bi tliet punti u nofs ta’ perċentwali.

(ara l-punti 137, 138)