Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank Den Haag, zittingsplaats Haarlem (il-Pajjiżi l-Baxxi) fl-14 ta’ Novembru 2017 – E. vs Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie

(Kawża C-635/17)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Rechtbank Den Haag, zittingsplaats Haarlem

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: E.

Konvenut: Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie

Domandi preliminari

Fid-dawl tal-Artikolu 3(2)(ċ) tad-Direttiva 2003/86/KE 1 u tas-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, Nolan (C-583/10, EU:C:2012:638), il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari tal-qrati Olandiżi dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva f’kawża li tikkonċerna d-dritt ta’ residenza ta’ membru tal-familja ta’ benefiċjarju tal-protezzjoni sussidjarja jekk, fid-dritt Olandiż, din id-direttiva ġiet iddikjarata direttament u inkundizzjonalment applikabbli għall-benefiċjarji tal-protezzjoni sussidjarja?

(ara d-deċiżjoni tar-rinviju tal-Afdeling bestuursrechtspraak van de Raad van State (it-Taqsima tal-Kontenzjuż Amministrattiv tal-Kunsill tal-Istat) tal-21 ta’ Ġunju 2017, NL:RVS:2017:1609, irreġistrata fil-Qorti tal-Ġustizzja bin-numru tal-kawża C-380/17);

L-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2003/86/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi ċ-ċaħda ta’ applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja mressqa minn refuġjat, unikament minħabba li ma jipprovdix, fil-kuntest tal-applikazzjoni tiegħu, dokumenti ta’ sostenn uffiċjali li jattestaw rabtiet tal-familja,

jew

l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2003/86/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix iċ-ċaħda ta’ applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja mressqa minn refuġjat immotivata unikament minħabba l-assenza ta’ dokumenti ta’ sostenn uffiċjali li jattestaw rabtiet tal-familja ħlief jekk ir-refuġjat ikun ta spjegazzjoni plawsibbli għall-fatt li ma pprovdiex dawn id-dokumenti ta’ sostenn u għall-affermazzjoni tiegħu li għadu ma jistax jipproduċihom?

____________

1 Direttiva tal-Kunsilll tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224).