Language of document : ECLI:EU:C:2014:2081

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

17 ta’ Lulju 2014 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali — Direttiva 95/46/KE — Artikoli 2, 12 u 13 — Kunċett ta’ ‘data personali’ — Portata tad-dritt ta’ aċċess tal-persuna kkonċernata — Data dwar l-applikant ta’ permess ta’ residenza u analiżi legali inklużi f’dokument amministrattiv preparatorju tad-deċiżjoni — Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Artikoli 8 u 41”

Fil-Kawżi magħquda C‑141/12 u C‑372/12,

li għandha bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Rechtbank Middelburg (C‑141/12) u mir-Raad van State (C‑372/12) (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjonijiet, rispettivament, tal-15 ta’ Marzu 2012 u tal-1 ta’ Awwissu 2012, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Marzu 2012 u fit-3 ta’ Awwissu 2012, fil-proċeduri

YS (C‑141/12)

vs

Minister voor Immigratie, Integratie en Asiel,

u

Minister voor Immigratie, Integratie en Asiel (C‑372/12)

vs

M,

S,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič (Relatur), President tal-Awla, C. G. Fernlund, A. Ó Caoimh, C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Lulju 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal YS, M u S, minn B. Scholten, J. Hoftijzer u I. Oomen, advocaten,

–        għall-Gvern Olandiż, minn B. Koopman u C. Wissels, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, bħala aġent,

–        għall-Gvern Elleniku, minn E.-M. Mamouna u D. Tsagkaraki, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u S. Menez, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u C. Vieira Guerra, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Martenczuk u P. van Nuffel kif ukoll minn C. ten Dam, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Diċembru 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2(a), 12(a) u 13(1)(d), (f) u (g) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi [persuni fiżiċi] fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355) kif ukoll tal-Artikoli 8(2) u 41(2)(b) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn, minn-naħa, YS, ċittadin ta’ pajjiż terz li ppreżenta applikazzjoni għal permess ta’ residenza temporanja fil-Pajjiżi l-Baxxi, quddiem il-minister voor Immigratie, Integratie en Asiel (Ministru responsabbli għall-Immigrazzjoni, għall-Integrazzjoni u għall-Ażil, iktar ’il quddiem il-“Ministru”) u, min-naħa l-oħra, bejn il-Ministru u M flimkien ma’ S, li huma wkoll ċittadini ta’ pajjiż terz li ppreżentaw l-istess applikazzjoni, dwar ir-rifjut ta’ dan il-Ministru li jikkomunika lill-imsemmija ċittadini kopja ta’ dokument amministrattiv imfassal qabel l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-applikazzjoni tagħhom għal permess ta’ residenza.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Id-Direttiva 95/46 li, skont l-Artikolu 1 tagħha, għandha l-għan li tipproteġi l-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, b’mod partikolari, id-dritt għall-ħajja privata, fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali, kif ukoll l-eliminazzjoni tal-ostakoli għall-moviment liberu ta’ dik id-data, tipprovdi fil-premessi 25 u 41 tagħha:

“(25)      Billi l-prinċipji ta’ protezzjoni għandhom ikunu riflessi, minn naħa l-waħda, fl-obbligazzjonijiet imposti fuq persuni [...]responsabbli għal ipproċessar, partikolarment dwar il-kwalità tad-data, sigurtà teknika, avviżi lill-awtorità ta’ superviżjoni, u ċ-ċirkostanzi li fihom jista’ jsir l-ipproċessar, u, minn naħa l-oħra, id-dritt mogħti lil individwu, li d-data dwaru jkun is-suġġett ta’ l-ipproċessar, li jkun mgħarraf bl-ipproċessar li jkun qed isir dwaru, li jikkonsulta d-data, jitlob korrezzjonijiet u li jagħmel ukoll oġġezzjoni għal ipproċessar f’ċerti ċirkostanzi;

[...]

(41)      Billi kull persuna għandha tkun tista’ teżerċita id-dritt ta’ aċċess għal data dwarha li tkun qed tiġi pproċessata, biex tivverifika partikolarment l-eżatezza tad-data jekk l-ipproċessar ikunx skond il-liġi; [...]”

4        Il-kunċett ta’ “data personali” huwa ddefinit fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46 bħala “kull data li jkollha x’taqsam ma’ persuna naturali identifikata jew identifikabbli (“suġġett tad-data”).

5        L-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva, intitolat “Dritt ta’ aċċess”, jipprovdi li:

“Stati Membri għandhom jiggarantixxu lil kull suġġett tad-data d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur:

(a)      mingħajr restrizzjoni f’perjodi raġjonevoli u mingħajr dewmien jew spejjeż eċċessivi:

–        konferma jekk data dwaru tkunx qed tiġi pproċessata, u għall-inqas informazzjoni dwar l-għanijiet ta’ l-ipproċessar, il-kategoriji tad-data in kwistjoni, u r-riċevituri jew kategoriji ta’ riċevituri li lilhom ikun żvelat id-data,

–        komunikazzjoni lilu b’mod li tinftiehem tad-data li tkun qed tiġi pproċessata u informazzjoni oħra li jkun hemm dwar l-oriġini tiegħu,

[...]

(b)      skond kif jixraq, ir-rettifika, tħassir jew imblokk ta’ data li l-ipproċessar tiegħu ma jkunx skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, partikolarment minħabba n-natura mhux kompluta jew mhux eżatta tad-data;

(ċ)      notifika lill-partijiet terzi li lilhom id-data tkun żvelata dwar kull rettifika, tħassir jew imblokk li jkunu saru skond (b), sakemm din tkun tista’ ssir jew ma tkunx titlob sforz sproporzjonat.”

6        Skont l-Artikolu 13(1), tad-Direttiva 95/46, intitolat “Eżenzjonijiet u Restrizzjonijiet”:

“Stati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġislattivi biex jirrestrinġu l-finijiet ta’ l-obbligazzjonijiet u d-drittijiet provduti fl-Artikol[u] [...] 12 [...] meta dawn ir-restrizzjonijiet jikkostitwixxu miżuri meħtieġa li jagħtu protezzjoni lil:

[...]

(d)      prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien u prosekuzzjoni ta’ offiżi kriminali jew il-ksur ta’ etika ta’ professjonijiet regolati;

[...]

(f)      monitoraġġ, spezzjoni jew funzjoni regolatorja marbuta, ukoll jekk kulltant, ma’ l-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali fil-każi msemmija f’(ċ), (d) u (e);

(g)      il-protezzjoni tas-suġġett tad-data jew tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ l-oħrajn.”

7        L-Artikolu 14 tal-istess direttiva jipprevedi li l-Istati Membri jagħtu lill-persuna kkonċernata d-dritt, taħt ċerti kundizzjonijiet, li tagħmel oġġezzjoni kontra l-ipproċessar ta’ data dwarha.

8        Skont l-Artikoli 22 u 23(1) tad-Direttiva 95/46, l-Istati Membri għandhom jipprevedu li kull persuna jkollha rimedju ġudizzjarju f’każ ta’ ksur tad-drittijiet iggarantiti lilha bil-liġi nazzjonali li tkun tapplika għall-ipproċessar inkwistjoni u li kull persuna li tkun sofriet ħsara minħabba operazzjoni ta’ ipproċessar illegali jew att li jkun inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont l-imsemmija direttiva, għandha tkun intitolata li tirċievi kumpens mill-kontrollur għal ħsara li tkun sofriet.

 Id-dritt Olandiż

9        L-Artikoli 2, 12 u 13 tad-Direttiva 95/46 ġew trasposti fid-dritt nazzjonali rispettivament mill-Artikoli 1, 35 u 43 tal-Liġi dwar il-Protezzjoni ta’ Data Personali (Wet bescherming persoonsgegevens, iktar ’il quddiem il-“Wbp”).

10      L-Artikolu 35 tal-Wbp huwa fformulat kif ġej:

“Il-persuna kkonċernata għandha d-dritt titlob lill-kontrollur, mingħajr restrizzjonijiet u b’intervalli raġonevoli, li jiġi indikat lilha jekk id-data personali li tikkonċernaha hijiex tiġi pproċessata. Il-kontrollur għandu jinforma lill-persuna kkonċernata bil-miktub f’terminu ta’ erba’ ġimgħat jekk id-data personali li tikkonċernaha hijiex ipproċessata.

Meta tali data tkun ipproċessata, dan id-dokument bil-miktub għandu jinkludi deskrizzjoni sħiħa ta’ din, f’forma li tkun tinftiehem, deskrizzjoni tal-għan jew tal-għanijiet tal-ipproċessar, indikazzjoni tal-kategoriji ta’ data pproċessata u indikazzjoni tad-destinatarji jew kategoriji ta’ destinatarji li lilhom tiġi kkomunikata d-data, kif ukoll l-informazzjoni disponibbli dwar is-sors tad-data.”

11      Skont l-Artikolu 43(e) tal-Wbp, il-kontrollur jista’ jeskludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 35 tagħha, sakemm dan ikun neċessarju fl-interess tal-protezzjoni tal-persuna kkonċernata jew tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor.

12      Skont l-Artikolu 29(1)(a) tal-Liġi tal-2000 dwar iċ-Ċittadini Barranin (Vreemdelingenwet 2000, iktar ’il quddiem il-“Vw 2000”), permess ta’ residenza temporanja jista’ jingħata lil ċittadin barrani li jkollu l-istatus ta’ refuġjat. Skont l-Artikolu 29(1)(b) ta’ din il-liġi, tali permess jista’ jingħata wkoll lil ċittadin barrani li jkun ipprova li għandu raġunijiet validi li jippresupponi li, fil-każ li jitkeċċa mill-pajjiż, huwa jġarrab riskju reali li jkun suġġett għall-piena kapitali jew għal eżekuzzjoni, għal tortura jew għal trattament jew kastigi inumani jew degradanti jew għal theddid serju u individwali kontra l-ħajja jew il-persuna ta’ pajżan minħabba vjolenza mingħajr distinzjoni f’sitwazzjonijiet ta’ kunflitt armat intern jew internazzjonali.

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

13      L-uffiċjal tas-Servizz tal-Immigrazzjoni u n-Naturalizzazzjoni responsabbli għall-ipproċessar ta’ applikazzjoni għal permess ta’ residenza għandu jfassal, meta ma jkollux is-setgħa li jiffirma, abbozz ta’ deċiżjoni li huwa suġġett għall-evalwazzjoni ta’ reviżur fi ħdan dan is-servizz. Dan l-uffiċjal għandu jannetti mal-imsemmi abbozz dokument li fih jagħti lir-reviżur ir-raġunijiet li fuqhom jibbaża l-abbozz tad-deċiżjoni tiegħu (iktar ’il quddiem in-“nota interna”). Meta dan l-uffiċjal ikollu s-setgħa li jiffirma, in-nota interna ma għandhiex tiġi sottomessa lir-reviżur, iżda tintuża bħala memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proċess deċiżjonali intiż sabiex jiġġustifika d-deċiżjoni internament. In-nota interna tagħmel parti mill-proċess perparatorju fi ħdan l-imsemmi servizz, iżda mhux tad-deċiżjoni finali, minkejja li ċerti kunsiderazzjonijiet li jinsabu fiha jistgħu jiġu riprodotti fil-motivazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni.

14      Ġeneralment, in-nota interna tinkludi l-informazzjoni li ġejja: l-isem, it-telefon, in-numru tal-kamra tal-uffiċjal responsabbli mill-preparazzjoni tad-deċiżjoni; kaxxi għall-inizjali u l-ismijiet tar-reviżuri; data dwar l-applikant bħall-isem, id-data tat-twelid, in-nazzjonalità, is-sess, l-etniċità, ir-reliġjon u l-lingwa; informazzjoni dwar l-istorja proċedurali; informazzjoni dwar dikjarazzjonijiet magħmula mill-applikant u d-dokumenti ppreżentati minnu; id-dispożizzjonijiet legali applikabbli u, fl-aħħar nett, evalwazzjoni tal-informazzjoni ċċitata iktar ’il fuq fid-dawl tad-dispożizzjonijiet legali applikabbli. Din l-evalwazzjoni tissejjaħ “analiżi legali”.

15      Skont il-każ, il-portata tal-analiżi legali tista’ tvarja minn ftit sentenzi għal diversi paġni. Fil-kuntest ta’ analiżi ddettaljata, l-uffiċjal responsabbli mill-preparazzjoni tad-deċiżjoni jindirizza, b’mod partikolari, il-kredibbiltà tad-dikjarazzjonijiet magħmula u jindika r-raġunijiet għaliex huwa jqis li applikant huwa eliġibbli jew le għal permess ta’ residenza. Analiżi sommarja tista’ sempliċement tirreferi għall-adozzjoni ta’ orjentazzjoni politika speċifika.

16      Sal-14 ta’ Lulju 2009, il-prassi tal-Ministru kienet li jikkomunika n-noti interni fuq sempliċi talba. Billi qies li n-numru kbir ta’ dawn l-applikazzjonijiet kien qed joħloq ammont ta’ xogħol kbir ħafna, li l-persuni kkonċernati kienu ta’ spiss qed jinterpretaw b’mod żbaljat l-analiżi legali inklużi fin-noti interni kkomunikati lilhom u li, minħabba din il-komunikazzjoni, l-iskambju tal-opinjonijiet fi ħdan is-Servizz tal-Immigrazzjoni u n-Naturalizzazzjoni bdew jitniżżlu inqas ta’ spiss f’dawn in-noti interni, il-Ministru abbanduna din il-prassi.

17      Minn dak iż-żmien, l-applikazzjonijiet għall-komunikazzjoni ta’ nota interna bdew jiġu sistematikament irrifjutati. Minflok ma jingħata kopja tan-nota interna, l-applikant issa jirċievi sommarju tad-data personali li tinsab f’dan id-dokument, inkluża informazzjoni dwar is-sors ta’ din id-data u, jekk ikun il-każ, l-organi li lilhom din tkun ġiet ikkomunikata.

 Il-Kawża C‑141/12

18      Fit-13 ta’ Jannar 2009, YS applika għal permess ta’ residenza temporanja taħt id-dritt għal ażil. Din l-applikazzjoni ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tat-9 ta’ Ġunju 2009. Din id-deċiżjoni ġiet irrevokata permezz ta’ ittra tad-9 ta’ April 2010 u l-imsemmija applikazzjoni ġiet miċħuda, għal darb’oħra, permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Lulju 2010.

19      Permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Settembru 2010, YS talab li tiġi kkomunikata lilu n-nota interna dwar id-deċiżjoni tas-6 ta’ Lulju 2010.

20      Permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Settembru 2010, din il-komunikazzjoni ġiet irrifjutata. Din id-deċiżjoni, madankollu, tagħti deskrizzjoni tad-data li tinsab fin-nota interna, tas-sors ta’ din id-data u tal-entitajiet li lilhom ġiet trażmessa. YS ippreżenta lment kontra dan ir-rifjut ta’ komunikazzjoni, li ġie miċħud b’deċiżjoni tat-22 ta’ Marzu 2011.

21      Sussegwentement YS ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni ta’ ċaħda quddiem ir-Rechtbank Middelburg (qorti ta’ Middelburg) abbażi tal-motiv li l-aċċess għall-imsemmija nota interna ma setax jiġi legalment irrifjutat lilu.

22      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Rechtbank Middelburg iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Data mogħtija f’nota interna dwar abbozz ta’ deċiżjoni dwar il-persuna kkonċernata u li tikkonċerna lil din il-persuna, għandha tiġi kkunsidrata bħala data personali fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46?

2)      Analiżi legali magħmula f’nota interna dwar abbozz ta’ deċiżjoni hija data personali fis-sens tad-dispożizzjoni msemmija?

3)      Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li d-data msemmija iktar ’il fuq għandha tiġi kkunsidrata bħala data personali, il-proċessur u/jew l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jagħtu wkoll aċċess għal din id-data personali skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 95/46 u skont l-Artikolu 8(2) tal-[Karta]?

4)      F’dan il-kuntest, il-persuna kkonċernata tista’ tinvoka direttament l-Artikolu 41(2)(b) tal-[Karta], u fl-affermattiv, l-espressjoni ‘filwaqt li jiġu rrispettati l-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità [tal-proċess deċiżjonali]’ li tinsab f’dan l-artikolu għandha tiġi interpretata fis-sens li d-dritt ta’ aċċess għan-nota interna dwar abbozz ta’ deċiżjoni jista’ jiġi rrifjutat fuq il-bażi ta’ din ir-raġuni?

5)      Meta l-persuna kkonċernata titlob aċċess għan-nota interna dwar abbozz ta’ deċiżjoni, il-proċessur jew l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jipprovdu kopja ta’ dan id-dokument sabiex jirrispettaw id-dritt ta’ aċċess?”

 Il-Kawża C‑372/12

 It-tilwima li tikkonċerna lil M

23      Permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Ottubru 2009, il-Ministru ħareġ permess ta’ residenza temporanja lil M bħala persuna li qed titlob l-ażil, taħt l-Artikolu 29(1)(b) tal-Vw 2000. Din id-deċiżjoni ma kinitx motivata, fis-sens li hija ma kinitx tistabbilixxi l-mod kif il-kawża kienet ġiet evalwata mis-Servizz tal-Immigrazzjoni u tan-Naturalizzazzjoni.

24      Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Ottubru 2009, M talab sabiex ikollu aċċess, abbażi tal-Artikolu 35 tal-Wbp, għan-nota interna dwar din id-deċiżjoni.

25      Permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Novembru 2009, il-Ministru rrifjuta lil M l-aċċess għal din in-nota interna. Huwa bbaża dan ir-rifjut fuq l-Artikolu 43(e) tal-Wbp, billi qies li l-aċċess għal tali dokument seta’ jippreġudika l-libertà tal-uffiċjal responsabbli għat-tfassil tiegħu li jippreżenta ċertu numru ta’ argumenti jew ta’ kunsiderazzjonijiet li jistgħu jkunu rilevanti fil-kuntest tal-proċess deċiżjonali.

26      Peress li l-ilment kontra dan ir-rifjut ġie miċħud b’deċiżjoni tat-3 ta’ Diċembru 2010, M ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem ir-Rechtbank Middelburg. Permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Ġunju 2011, din il-qorti qieset li l-interess invokat mill-Ministru sabiex jirrifjuta l-aċċess għan-nota interna ma kienx jikkostitwixxi interess protett mill-Artikolu 43(e) tal-Wbp u annullat din id-deċiżjoni, billi din kienet ibbażata fuq motivazzjoni żbaljata fil-liġi. Barra minn hekk, hija kienet iddeċidiet li ma kienx hemm lok li jinżammu l-effetti legali ta’ din id-deċiżjoni, peress li, bi ksur tal-Artikolu 35(2) tal-Wbp, il-Ministru ma tax aċċess għall-analiżi legali li tinsab fin-nota interna li setgħet tirrivela r-raġunijiet li għalihom M ma setax jitqies li huwa refuġjat, fis-sens tal-Artikolu 29(1)(a) tal-Vw 2000.

 It-tilwima li tikkonċerna lil S.

27      Permezz ta’ deċiżjoni mhux motivata tal-10 ta’ Frar 2010, il-Ministru ħareġ permess ordinarju ta’ residenza temporanja lil S minħabba “ċirkustanzi drammatiċi”. Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Frar 2010, S talab li tiġi kkomunikata lilu, abbażi tal-Artikolu 35 tal-Wbp, in-nota interna dwar din id-deċiżjoni.

28      Din it-talba ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Marzu 2010, li ġiet ikkonfermata wara lment permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Ottubru 2010. F’din id-deċiżjoni tal-aħħar, il-Ministru sostna li d-deċiżjoni tal-31 ta’ Marzu 2010 kienet diġà indikat id-data personali li tinsab fin-nota interna u li din id-deċiżjoni kienet għalhekk tissodisfa t-talba għal aċċess. Barra minn hekk, huwa kien tal-fehma li l-Wbp ma tagħtix dritt ta’ aċċess għan-nota interna.

29      Permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Awwissu 2011, ir-Rechtbank Amsterdam (qorti ta’ Amsterdam) iddikjarat fondat ir-rikors ippreżentat minn S kontra d-deċiżjoni tal-21 ta’ Ottubru 2010 u annullat din id-deċiżjoni. Din il-qorti qieset, b’mod partikolari, li n-nota interna inkwistjoni ma kinitx tinkludi informazzjoni oħra ħlief data personali li tikkonċerna lil S, li dan tal-aħħar kellu d-dritt ta’ aċċess għaliha abbażi tal-Wbp u li r-rifjut tal-Ministru li jagħti aċċess ma kellux bażi valida.

30      Kemm fit-tilwima li tikkonċerna lil M kif ukoll f’dik li tikkonċerna lil S, il-Ministru ddeċieda li jippreżenta rikors quddiem ir-Raad van State (Kunsill tal-Istat).

31      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad van State ddeċidiet li tgħaqqad iż-żewġ kawżi li jikkonċernaw lil M u lil S, u li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Is-sentenza introduttiva tal-Artikolu 12 u t-tieni inċiż tal-Artikolu 12(a) tad-Direttiva [95/46] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jeżisti dritt għall-kisba ta’ kopja tad-dokumenti li fihom tiġi pproċessata data ta’ natura personali, jew huwa suffiċjenti li tiġi kkomunikata deskrizzjoni sħiħa ta’ din id-data f’forma li tkun tinftiehem?

2)       Il-kliem ‘dritt ta’ aċċess’ li jinsab fl-Artikolu 8(2) tal-[Karta,] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jeżisti dritt għall-kisba ta’ kopja tad-dokumenti li fihom tiġi pproċessata data ta’ natura personali, jew huwa suffiċjenti li tiġi kkomunikata deskrizzjoni sħiħa ta’ dik id-data f’forma li tkun tinftiehem fis-sens tas-sentenza introduttiva tal-Artikolu 12 u t-tieni inċiż tal-Artikolu 12(a) tad-Direttiva [95/46]?

3)      Is-sentenza introduttiva u l-paragrafu (b) tal-Artikolu 41(2) tal-[Karta] huma intiżi wkoll għall-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea sa fejn dawn jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta?

4)      Il-fatt li, wara li jingħata aċċess [għan-‘noti interni’], ir-raġunijiet li abbażi tagħhom tkun ġiet proposta deċiżjoni determinata ma jibqgħux inklużi fihom, li la jiffaċilita l-iskambju ta’ opinjonijiet fi ħdan l-amministrazzjoni u lanqas l-iżvolġiment tajjeb tal-proċess deċiżjonali, jikkostitwixxi interess leġittimu tal-kunfidenzjalità fis-sens tas-sentenza introduttiva u tal-paragrafu (b) tal-Artikolu 41(2) tal-[Karta]?

5)      Analiżi legali bħal dik li tkun tinsab f’[‘nota interna’], tista’ tiġi kklassifikata bħala data ta’ natura personali fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva [95/46]?

6)      L-interess ta’ skambju liberu ta’ opinjonijiet fi ħdan l-amministrazzjoni kkonċernata jibbenefika wkoll mill-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-oħrajn fis-sens tas-sentenza introduttiva tal-Artikolu 13(1) u tal-Artikolu 13(1)(g) tad-Direttiva [95/46]? F’każ ta’ risposta negattiva, dan l-interess jista’ għaldaqstant jaqa’ taħt is-sentenza introduttiva tal-Artikolu 13(1) u l-Artikolu 13(1)(d) jew (f) ta’ din id-Direttiva?”

32      Permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ April 2013, il-Kawżi C‑141/12 u C‑372/12 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel u t-tieni domanda fil-Kawża C‑141/12 kif ukoll fuq il-ħames domanda fil-Kawża C‑372/12, dwar il-kunċett ta’ “data personali”

33      Permezz tal-ewwel u t-t-tieni domanda fil-Kawża C‑141/12 kif ukoll tal-ħames domanda fil-Kawża C‑372/12, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qrati tar-rinviju essenzjalment jistaqsu jekk l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46 għandux jiġi interpretat fis-sens li d-data dwar l-applikant għal permess ta’ residenza u l-analiżi legali li tinsab fin-nota interna jikkostitwixxu “data personali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

34      Għalkemm il-partijiet ikkonċernati kollha li ħadu deċiżjoni fuq dan il-punt iqisu li d-data dwar l-applikant ta’ permess ta’ residenza, riprodotti fin-nota interna, jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “data personali” u għaldaqstant jipproponu risposta pożittiva għall-ewwel domanda fil-Kawża C‑141/12, l-opinjonijiet tagħhom ma jaqblux għal dak li jirrigwarda l-analiżi legali li tinsab f’dan id-dokument amministrattiv, li hija s-suġġett tat-tieni domanda f’din l-istess kawża kif ukoll tal-ħames domanda fil-Kawża C‑372/12.

35      Kemm YS, M u S kif ukoll il-Gvern Elleniku, il-Gvern Awstrijak u l-Gvern Portugiż flimkien mal-Kummissjoni Ewropea jqisu li, sa fejn din l-analiżi legali tirrigwarda persuna fiżika konkreta u tibbaża fuq is-sitwazzjoni u karatteristiċi individwali tagħha, hija taqa’ wkoll taħt l-imsemmi kunċett. Il-Gvern Elleniku u l-Kummissjoni jippreċiżaw, madankollu, li dan huwa validu biss għal analiżi legali li jinkludu informazzjoni li tikkonċerna persuna fiżika u mhux għal dawk li jinkludu biss interpretazzjoni legali astratta, filwaqt li M u S iqisu li anki tali interpretazzjoni astratta taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni jekk tkun determinanti għall-evalwazzjoni tal-applikazzjoni għall-permess ta’ residenza u applikata għall-każ konkret tal-applikant.

36      Min-naħa l-oħra, skont il-Gvern Olandiż, il-Gvern Ċek u l-Gvern Franċiż, l-analiżi legali li tinsab f’nota interna ma taqax taħt il-kunċett ta’ “data personali”.

37      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46 jiddefinixxi d-data personali bħala “kull data li jkollha x’taqsam ma’ persuna naturali identifikata jew identifikabbliˮ.

38      Ma hemm ebda dubju li d-data dwar l-applikant ta’ permess ta’ residenza, li tinsab f’nota interna, bħall-isem, id-data tat-twelid, in-nazzjonalità, is-sess, l-etniċità, ir-reliġjon u l-lingwa tiegħu, jikkostitwixxu informazzjoni li tikkonċerna lil din il-persuna fiżika, li hija identifikata f’din in-nota interna b’mod partikolari b’isimha, u li għandha, konsegwentement, tiġi kklassifikata bħala “data personali” (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza Huber, C‑524/06, EU:C:2008:724, punti 31 u 43).

39      Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda l-analiżi legali li tinsab f’nota interna, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm din tista’ ċertament tinkludi xi data personali, hija ma tikkostitwixxix fiha nnifisha tali data, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46.

40      Fil-fatt, kif essenzjalment irrilevaw l-Avukat Ġenerali fil-punt 59 tal-konklużjonijiet tagħha kif ukoll il-Gvern Olandiż, il-Gvern Ċek u l-Gvern Franċiż, tali analiżi legali ma tikkostitwixxix informazzjoni li tikkonċerna lill-applikant ta’ permess ta’ residenza, iżda l-iktar l-iktar, sa fejn ma tkunx limitata għal interpretazzjoni purament astratta tad-dritt, tikkostitwixxi informazzjoni li tirrigwarda l-evalwazzjoni u l-applikazzjoni, mill-awtorità kompetenti, ta’ dan id-dritt għas-sitwazzjoni ta’ dan l-applikant, sitwazzjoni li hija stabbilita b’mod partikolari permezz ta’ data personali dwar il-persuna stess li l-awtorità jkollha għad-dispożizzjoni tagħha.

41      Din l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “data personali”, fis-sens tad-Direttiva 95/46, ma tirriżultax biss mill-kliem tal-Artikolu 2(a) tagħha, iżda hija wkoll ikkorraborata mill-għan u mill-istruttura tagħha.

42      Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, l-għan tagħha huwa li tipproteġi l-libertajiet u d-drittijiet fundamentali ta’ persuni fiżiċi, b’mod partikolari d-dritt tagħhom għall-ħajja privata, fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u li tippermetti, b’dan il-mod, il-moviment liberu ta’ din id-data bejn l-Istati Membri.

43      Skont il-premessa 25 tad-Direttiva 95/46, il-prinċipji ta’ protezzjoni tal-persuni fiżiċi previsti minnha huma riflessi, minn naħa, fl-obbligi imposti fuq il-kontrolluri ta’ data li tikkonċerna lil dawn il-persuni u, min-naħa l-oħra, fid-drittijiet mogħtija lill-persuni li d-data dwarhom tkun is-suġġett tal-ipproċessar, li jkunu mgħarrfa bl-imsemmi pproċessar, li jkollhom aċċess għad-data, li jkunu jistgħu jitolbu rettifiki u anki li joġġezzjonaw għall-ipproċessar f’ċerti ċirkustanzi.

44      Għal dak li jirrigwarda dawn id-drittijiet tal-persuna kkonċernata, imsemmija mid-Direttiva 95/46, għandu jiġi rrilevat li l-protezzjoni tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata jimplika, b’mod partikolari, li din il-persuna tkun tista’ tiżgura li d-data personali li tikkonċernaha tkun eżatta u li tkun ipproċessata b’mod legali. Kif jirriżulta mill-premessa 41 ta’ din id-direttiva, huwa sabiex tkun tista’ twettaq il-verifiki neċessarji li l-persuna kkonċernata għandha, skont l-Artikolu 12(a) tagħha, dritt ta’ aċċess għad-data li tikkonċernaha li tkun qed tiġi pproċessata. Dan id-dritt ta’ aċċess huwa neċessarju, b’mod partikolari, sabiex jippermetti lill-persuna kkonċernata tikseb, jekk ikun il-każ, mingħand il-persuna li tkun qed tipproċessa d-data, ir-rettifika, it-tħassir jew l-imblokk ta’ din id-data u, konsegwentement, li teżerċita d-dritt imsemmi fl-Artikolu 12(b) tal-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza, Rijkeboer, C‑553/07, EU:C:2009:293, punti 49 u 51).

45      Issa, bil-kuntrarju għad-data dwar l-applikant ta’ permess ta’ residenza li tinsab fin-nota interna u li tista’ tikkostitwixxi l-bażi fattwali tal-analiżi legali inkluża fiha, tali analiżi ma tistax, kif osservaw il-Gvern Olandiż u l-Gvern Franċiż, fiha nnifisha, tkun is-suġġett ta’ verifika tal-eżattezza tagħha min-naħa ta’ dan l-applikant u ta’ rettifika skont l-Artikolu 12(b) tad-Direttiva 95/46.

46      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li d-dritt ta’ aċċess tal-applikant ta’ permess ta’ residenza jiġi estiż għal din l-analiżi legali, fir-realtà ma jservix għall-għan tad-direttiva li tiggarantixxi l-protezzjoni tad-dritt għall-ħajja privata ta’ dan l-applikant fir-rigward tal-ipproċessar tad-data li tikkonċernah, iżda dak li jiġi żgurat lilu dritt ta’ aċċess għal dokumenti amministrattivi, liema dritt madankollu ma huwiex imsemmi fid-Direttiva 95/46.

47      F’kuntest analogu, għal dak li jikkonċerna l-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, irregolat bir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2000, dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 26, p. 102), minn naħa, u r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat, fil-punt 49 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Bavarian Lager (C‑28/08 P, EU:C:2010:378), li l-imsemmija regolament għandhom għanijiet differenti u li, bil-kuntrarju tar-Regolament Nru 1049/2001, ir-Regolament Nru 45/2001 ma huwiex intiż sabiex jiżgura t-trasparenza tal-proċess deċiżjonali tal‑awtoritajiet pubbliċi u sabiex jippromwovi prassi amministrattiva tajba, billi jiffaċilita l-eżerċizzju tad‑dritt ta’ aċċess għal dokumenti. Din il-konstatazzjoni hija valida wkoll għad-Direttiva 95/46 li l-għan tagħha essenzjalment jikkorrispondi għal dak tar-Regolament Nru 45/2001.

48      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-risposta għall-ewwel u t-tieni domanda fil-Kawża C‑141/12 kif ukoll għall-ħames domanda fil-Kawża C‑372/12 għandha tkun li l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-data dwar applikant ta’ permess ta’ residenza li tinsab fin-nota interna u, jekk ikun il-każ, dik li tinsab fl-analiżi legali inkluża fiha, jikkostitwixxu “data personali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, filwaqt li l-imsemmija analiżi, min-naħa l-oħra, ma tistax, fiha nnifisha, titqies li hija “data personali”.

 Fuq is-sitt domanda fil-Kawża C‑372/12, dwar il-possibbiltà li d-dritt ta’ aċċess jiġi limitat

49      Fid-dawl tar-risposta mogħtija lill-ewwel u t-tieni domanda fil-Kawża C‑141/12 u lill-ħames domanda fil-Kawża C‑372/12, u peress li l-qorti tar-rinviju ppreċiżat li s-sitt domanda magħmula fil-Kawża C‑372/12 teħtieġ risposta biss jekk l-analiżi legali inkluża fin-nota interna għandha tiġi kklassifikata bħala data personali, ma hemmx lok li tingħata risposta għas-sitt domanda.

 Fuq it-tielet u l-ħames domanda fil-Kawża C‑141/12 u l-ewwel u t-tieni domanda fil-Kawża C‑372/12, dwar il-portata tad-dritt ta’ aċċess

50      Permezz tat-tielet u l-ħames domanda fil-Kawża C‑141/12 kif ukoll permezz tal-ewwel u t-tieni domanda fil-Kawża C‑372/12, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qrati tar-rinviju essenzjalment jistaqsu jekk l-Artikolu 12(a) tad-Direttiva 95/46 u l-Artikolu 8(2) tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-applikant ta’ permess ta’ residenza għandu dritt ta’ aċċess għad-data li tikkonċernah li tinsab fin-nota interna u fil-każ ta’ risposta pożittiva, jekk dan id-dritt ta’ aċċess jimplikax li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdulu kopja ta’ din in-nota interna jew jekk huwiex biżżejjed li jikkomunikawlu deskrizzjoni sħiħa tal-imsemmija data f’forma li tkun tinftiehem.

51      Il-partijiet kollha fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jaqblu li l-Artikolu 12(a) tad-Direttiva 95/46 jagħti lill-applikant ta’ permess ta’ residenza dritt ta’ aċċess għad-data personali kollha li tinsab fin-nota interna, minkejja li l-pożizzjoni tagħhom għal dak li jikkonċerna l-portata konkreta ta’ dan id-dritt hija differenti skont l-interpretazzjoni tagħhom tal-kunċett ta’ “data personali”.

52      Għal dak li jikkonċerna l-forma li għandu jieħu dan id-dritt ta’ aċċess, YS, M u S kif ukoll il-Gvern Elleniku jqisu li l-applikant għandu d-dritt jikseb kopja tan-nota interna. Fil-fatt, tali kopja biss tippermettilu li jiżgura ruħu mill-fatt li għandu d-data personali kollha li tikkonċernah li tinsab fin-nota interna.

53      Min-naħa l-oħra, skont il-Gvern Olandiż, il-Gvern Ċek, il-Gvern Franċiż u l-Gvern Portugiż kif ukoll il-Kummissjoni, la l-Artikolu 12(a) tad-Direttiva 95/46 u lanqas l-Artikolu 8(2) tal-Karta ma jobbligaw lill-Istati Membri jagħtu kopja tan-nota interna lill-applikant ta’ permess ta’ residenza. Għaldaqstant, jeżistu possibbiltajiet oħra li tiġi kkomunikata lilu, f’forma li tkun tinftiehem, id-data personali inkluża f’tali dokument, b’mod partikolari, billi jiġi pprovdut b’deskrizzjoni sħiħa u li tinftiehem tal-imsemmija data.

54      Preliminarjament, għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46, sa fejn tirregola l-ipproċessar ta’ data personali li tista’ tippreġudika l-libertajiet fundamentali u, b’mod partikolari, id-dritt għall-ħajja privata, għandhom neċessarjament jiġu interpretati fid-dawl tad-drittijiet fundamentali li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, huma parti importanti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li din tal-aħħar tiżgura r-rispett tagħhom u li issa huma stabbiliti fil-Karta (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Connolly vs Il-Kummissjoni, C‑274/99 P, EU:C:2001:127, punt 37; Österreichischer Rundfunk et, C‑465/00, C‑138/01 u C‑139/01, EU:C:2003:294, punt 68, kif ukoll Google Spain u Google, C‑131/12, EU:C:2014:317, punt 68).

55      L-Artikolu 8 tal-Karta, li jiggarantixxi d-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali, jipprevedi fil-paragrafu 2 tiegħu, b’mod partikolari, li kull persuna għandha d-dritt ta’ aċċess għad-data miġbura li tikkonċernaha. Dan ir-rekwiżit huwa implementat mill-Artikolu 12(a) tad-Direttiva 95/46 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Google Spain u Google, EU:C:2014:317, punt 69).

56      Din id-dispożizzjoni tad-Direttiva 95/46 tipprevedi li l-Istati Membri jiggarantixxu lil kull persuna kkonċernata d-dritt li tikseb mingħand il-kontrollur, mingħajr restrizzjoni, f’perijodi raġonevoli u mingħajr dewmien jew spejjeż eċċessivi, il-komunikazzjoni f’forma li tinftiehem tad-data li tkun qed tiġi pproċessata kif ukoll ta’ kull informazzjoni oħra li jkun hemm dwar is-sors tagħha.

57      Għalkemm id-Direttiva 95/46 tobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li kull persuna kkonċernata tista’ tikseb mingħand il-kontrollur tad-data personali l-komunikazzjoni tad-data kollha ta’ dan it-tip li huwa jipproċessa u li tikkonċernaha, hija tħalli lil dawn l-Istati jiddeterminaw il-forma materjali konkreta li din il-komunikazzjoni għandu jkollha, sakemm din tkun “b’mod li tinftiehem”, jiġifieri li tippermetti lill-persuna kkonċernata ssir taf b’din id-data u li tivverifika li din hija eżatta u pproċessata b’mod konformi mad-direttiva, sabiex din il-persuna tkun tista’, jekk ikun il-każ, teżerċita d-drittijiet mogħtija lilha permezz tal-Artikoli 12(b) u (ċ), 14, 22 u 23 tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Rijkeboer, EU:C:2009:293, punti 51 u 52).

58      Madankollu, sa fejn l-għan ta’ dan id-dritt ta’ aċċess jista’ jiġi kompletament sodisfatt minn forma oħra ta’ komunikazzjoni, il-persuna kkonċernata ma jistax ikollha la mill-Artikolu 12(a) tad-Direttiva 95/46 u lanqas mill-Artikolu 8(2) tal-Karta, id-dritt li tikseb kopja tad-dokument jew tal-fajl oriġinali li fih tkun tinsab din id-data. Sabiex il-persuna kkonċernata ma tingħatax l-aċċess għal informazzjoni oħra li ma hijiex id-data personali li tikkonċernaha, din tista’ tikseb kopja tad-dokument jew tal-fajl oriġinali li fiha l-informazzjoni l-oħra tkun saret illeġibbli.

59      F’sitwazzjonijiet bħal dawk li wasslu għall-kawżi prinċipali, mir-risposta mogħtija fil-punt 48 tas-sentenza preżenti jirriżulta li hija biss id-data dwar l-applikant ta’ permess ta’ residenza li tinsab fin-nota interna u, jekk ikun il-każ, dik li tinsab fl-analiżi legali inkluża fiha, li tikkostitwixxi “data personali” fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46. Konsegwentement, id-dritt ta’ aċċess li dan l-applikant jista’ jinvoka skont l-Artikolu 12(a) tad-Direttiva 95/46 u l-Artikolu 8(2) tal-Karta jirrigwarda biss din id-data. Sabiex dan id-dritt ta’ aċċess ikun sodisfatt, huwa suffiċjenti li l-applikant ta’ permess ta’ residenza jkun fil-pussess ta’ deskrizzjoni sħiħa ta’ din id-data kollha f’forma li tkun tinftiehem, jiġifieri f’forma li tippermetti lil dan l-applikant li jsir jaf b’din id-data u li jivverifika li din hija eżatta u pproċessata b’mod konformi ma’ din id-direttiva, sabiex huwa jkun jista’, jekk ikun il-każ, jeżerċita d-drittijiet tiegħu mogħtija lilu mill-Artikoli 12(b) u (ċ), 14, 22 u 23 tal-imsemmija direttiva.

60      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-risposta għat-tielet u l-ħames domanda fil-Kawża C‑141/12 kif ukoll għall-ewwel u t-tieni domanda fil-Kawża C‑372/12 għandha tkun li l-Artikolu 12(a) tad-Direttiva 95/46 u l-Artikolu 8(2) tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-applikant ta’ permess ta’ residenza għandu dritt ta’ aċċess għad-data personali kollha li tikkonċernah li tkun qiegħda tiġi pproċessata mill-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali fis-sens tal-Artikolu 2(b) ta’ din id-direttiva. Sabiex dan id-dritt ikun sodisfatt, huwa suffiċjenti li l-applikant ikun fil-pussess ta’ deskrizzjoni sħiħa ta’ din id-data kollha f’forma li tkun tinftiehem, jiġifieri f’forma li tippermetti lil dan l-applikant li jsir jaf bl-imsemmija data u li jivverifika li din hija eżatta u pproċessata b’mod konformi ma’ din id-direttiva, sabiex huwa jkun jista’, jekk ikun il-każ, jeżerċita d-drittijiet tiegħu mogħtija lilu mill-imsemmija direttiva.

 Fuq ir-raba’ domanda fil-Kawża C‑141/12 kif ukoll it-tielet u r-raba’ domanda fil-Kawża C‑372/12, dwar l-Artikolu 41 tal-Karta

61      Permezz tar-raba’ domanda fil-Kawża C‑141/12 kif ukoll permezz tat-tielet u r-raba’ domanda fil-Kawża C‑372/12, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qrati tar-rinviju essenzjalment jistaqsu jekk l-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta għandux jiġi interpretat fis-sens li l-applikant ta’ permess ta’ residenza jista’ jinvoka kontra l-awtoritajiet nazzjonali d-dritt ta’ aċċess għall-fajl previst minn din id-dispożizzjoni u, fil-każ ta’ risposta pożittiva, liema hija l-portata tal-espressjoni “filwaqt li jiġu rrispettati l-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità [tal-proċess deċiżjonali]” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

62      Il-Kummissjoni tqis li dawn id-domandi huma inammissibbli minħabba li huma fformulati b’mod ipotetiku u oskur.

63      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali ddefinit minnha u taħt ir-responsabbiltà tagħha, kuntest li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tevalwa l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss tirrifjuta li tiddeċiedi fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali meta jidher b’mod ċar li l‑interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea mitluba, bl-ebda mod ma hija relatata mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew saħansitra meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Márquez Samohano, C‑190/13, EU:C:2014:146, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64      Madankollu, dan ma huwiex il-każ hawnhekk. Fil-fatt, fid-dawl tal-qafas fattwali espost mill-qrati tar-rinviju, ma jidhirlix li d-domanda dwar jekk l-applikanti fil-kawża prinċipali jistgħux jinvokaw, taħt l-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta, dritt ta’ aċċess għall-fajl li jikkonċerna l-applikazzjonijiet tagħhom għal permess ta’ residenza hija ta’ natura purament ipotetika. Il-formulazzjoni tad-domandi kif ukoll l-informazzjoni relatati magħhom inkluża fid-deċiżjonijiet tar-rinviju huma, barra minn hekk, ċari biżżejjed sabiex jiddeterminaw il-portata ta’ dawn id-domandi kif ukoll sabiex jippermettu, minn naħa, lill-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi risposta għalihom u, min-naħa l-oħra, lill-partijiet ikkonċernati li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

65      Dwar il-mertu tad-domandi preliminari, YS, M u S kif ukoll il-Gvern Elleniku jikkunsidraw li l-applikant ta’ permess ta’ residenza jista’ jibbaża dritt ta’ aċċess għall-fajl fuq l-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta, peress li fil-kuntest tal-proċedura għall-għoti ta’ tali permess, l-awtoritajiet nazzjonali jimplementaw id-direttivi dwar l-ażil. Min-naħa l-oħra, il-Gvern Olandiż, il-Gvern Ċek, il-Gvern Franċiż, il-Gvern Awstrijak u l-Gvern Portugiż kif ukoll il-Kummissjoni jqisu li l-Artikolu 41 tal-Karta jindirizza esklużivament lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u konsegwentement ma jistax jistabbilixxi dritt ta’ aċċess għall-fajl fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali.

66      L-ewwel nett għandu jitfakkar li l-Artikolu 41 tal-Karta intitolat “Id-dritt għal amministrazzjoni tajba”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu li kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, mill-korpi u mill-organi tal-Unjoni. Fil-paragrafu 2 tal-istess artikolu, hemm iċċarat li dan id-dritt jinkludi b’mod partikolari d-dritt ta’ aċċess ta’ kull persuna għall-fajl li jikkonċernaha, filwaqt li jiġu rrispettati l-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità u tas-segretezza professjonali u tan-negozju.

67      Għaldaqstant, mill-kliem tal-Artikolu 41 tal-Karta jirriżulta ċarament li dan ma jindirizzax lill-Istati Membri iżda biss lill-istituzzjonijiet, lill-korpi u lill-organi tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Cicala, C‑482/10, EU:C:2011:868, punt 28). Konsegwentement, l-applikant ta’ permess ta’ residenza ma jistax jislet mill-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta dritt ta’ aċċess għall-fajl nazzjonali dwar l-applikazzjoni tiegħu.

68      Huwa minnu li d-dritt għal amministrazzjoni tajba, stabbilit f’din id-dispożizzjoni jirrifletti prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (sentenza H. N., C‑604/12, EU:C:2014:302, punt 49). Madankollu, permezz tad-domandi tagħhom fil-kawżi preżenti, il-qrati tar-rinviju ma jitolbux interpretazzjoni ta’ dan il-prinċipju ġenerali, iżda jixtiequ jsiru jafu jekk l-Artikolu 41 tal-Karta jistax, bħala tali, japplika għall-Istati Membri tal-Unjoni.

69      Konsegwentement, ir-risposta għar-raba’ domanda fil-Kawża C‑141/12 kif ukoll għat-tielet u r-raba’ domanda fil-Kawża C‑372/12 għandha tkun li l-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li l-applikant ta’ permess ta’ residenza ma jistax jinvoka d-dritt ta’ aċċess għall-fajl previst minn din id-dispożizzjoni kontra l-awtoritajiet nazzjonali.

 Fuq l-ispejjeż

70      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi [persuni fiżiċi] fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, għandu jiġi interpretat fis-sens li d-data dwar applikant ta’ permess ta’ residenza li tinsab f’dokument amministrattiv, bħan-“nota internaˮ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tesponi r-raġunijiet li l-uffiċjali jippreżenta insostenn tal-abbozz ta’ deċiżjoni li huwa inkarigat ifassal il-kuntest ta’ proċedura preliminari għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar l-applikazzjoni ta’ tali permess u, jekk ikun il-każ, dik li tinsab fl-analiżi legali inkluża f’dan id-dokument, jikkostitwixxu “data personali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, filwaqt li l-imsemmija analiżi, min-naħa l-oħra, ma tistax, fiha nnifisha, titqies li hija “data personali”.

2)      L-Artikolu 12(a) tad-Direttiva 95/46 u l-Artikolu 8(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-applikant ta’ permess ta’ residenza għandu dritt ta’ aċċess għad-data personali kollha li tikkonċernah li tkun qiegħda tiġi pproċessata mill-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali fis-sens tal-Artikolu 2(b) ta’ din id-direttiva. Sabiex dan id-dritt ikun sodisfatt, huwa suffiċjenti li l-applikant ikun fil-pussess ta’ deskrizzjoni sħiħa ta’ din id-data f’forma li tkun tinftiehem, jiġifieri f’forma li tippermetti lil dan l-applikant li jsir jaf bl-imsemmija data u li jivverifika li din hija eżatta u pproċessata b’mod konformi ma’ din id-direttiva, sabiex l-imsemmi applikant ikun jista’, jekk ikun il-każ, jeżerċita d-drittijiet mogħtija lilu mill-imsemmija direttiva.

3)      L-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li l-applikant ta’ permess ta’ residenza ma jistax jinvoka din id-dispożizzjoni kontra l-awtoritajiet nazzjonali.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.