Language of document : ECLI:EU:C:2018:141

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

1 ta’ Marzu 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2006/123/KE – Servizzi fis-suq intern – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita għall-prattikanti veterinarji biss id-dritt għall-bejgħ bl-imnut u għall-użu tal-prodotti organiċi, tal-prodotti kontra l-parassiti kif ukoll tal-prodotti mediċinali veterinarji – Libertà ta’ stabbiliment – Rekwiżit li l-kapital tal-istabbilimenti li jbigħu bl-imnut prodotti mediċinali veterinarji jkun miżmum biss minn prattikanti veterinarji – Protezzjoni tas-saħħa pubblika – Proporzjonalità”

Fil-Kawża C‑297/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel Bucureşti (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Marzu 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Mejju 2016, fil-proċedura

Colegiul Medicilor Veterinari din România (CMVRO)

vs

Autoritatea Națională Sanitară Veterinară și pentru Siguranța Alimentelor

fil-preżenza ta’:

Asociația Națională a Distribuitorilor de Produse de Uz Veterinar din România

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, J. Malenovský (Relatur), M. Safjan, D. Šváby u M. Vilaras, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Ġunju 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Colegiul Medicilor Veterinari din România (CMVRO), minn R.‑I Ciocaniu, avocat,

–        għall-Asociaţia Naţională a Distribuitorilor de Produse de Uz Veterinar din România, minn L. Gabor u C. V. Toma, avocat,

–        għall-Gvern Rumen, minn R.‑H. Radu, A. Wellman u L. Liţu, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Nicolae, H. Tserepa‑Lacombe u L Malferrari, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta’ Settembru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, p. 36) kif ukoll tal-Artikolu 63(1) TFUE.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Colegiul Medicilor Veterinari din România (CMVRO) (il-Kulleġġ tat-Tobba Veterinarji tar-Rumanija) u l-Autoritatea Națională Sanitară Veterinară și pentru Siguranța Alimentelor (l-Awtorità Nazzjonali għas-Saħħa Veterinarja u s-Sigurtà tal-Ikel, ir-Rumanija, iktar ’il quddiem l-“Awtorità għas-Saħħa Veterinarja u s-Sigurtà tal-Ikel”), sostnuta mill-Asociația Națională a Distribuitorilor de Produse de Uz Veterinar din România (l-Assoċjazzjoni Nazzjonali ta’ Distributuri ta’ Prodotti Veterinarji tar-Rumanija, iktar ’il quddiem l-“Assoċjazzjoni ta’ Distributuri ta’ Prodotti Veterinarji”), dwar talba għal annullament ta’ deċiżjoni, meħuda mill-Awtorità għas-Saħħa Veterinarja u s-Sigurtà tal-Ikel, li l-adozzjoni tagħha kellha bħala effett, skont iċ-CPVO, li jitneħħa l-obbligu li l-kapital azzjonarju tal-istabbilimenti li jbigħu bl-imnut prodotti mediċinali veterinarji għandu jinżamm biss minn prattikanti veterinarji.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2006/123

3        Il-premessa 22 tad-Direttiva 2006/123 tipprovdi:

“L-esklużjoni tal-kura tas-saħħa mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għandha tkopri servizzi ta’ kura tas-saħħa u farmaċewtiċi pprovduti minn professjonisti tas-saħħa lil pazjenti biex jivvalutaw, iżommu u jirrestawraw l-istat ta’ saħħa fejn dawk l-attivitajiet huma rriżervati għal professjoni regolata tas-saħħa fl-Istat Membru fejn huma pprovduti s-servizzi.”

4        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Kamp ta’ Applikazzjoni”, jipprovdi fil-paragrafu (2) tiegħu:

“Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal dawn l-attivitajiet:

[…]

(f)      servizzi tal-kura tas-saħħa, kemm jekk huma pprovduti permezz ta’ faċilitajiet tal-kura tas-saħħa kif ukoll jekk le, u jkunu x’ikunu l-mezzi li permezz tagħhom huma organizzati jew iffinanzjati fuq livell nazzjonali u jekk humiex pubbliċi jew privati;

[…]”

5        L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Relazzjoni ma’ dispożizzjonijiet oħra tal-liġi Komunitarja”, jipprovdi:

“1.      Jekk id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jmorru kontra dispożizzjoni ta’ att Komunitarju ieħor li jirregola aspetti speċifiċi ta’ aċċess għal jew l-eżerċizzju ta’ attività ta’ servizz fis-setturi speċifiċi jew għal professjonijiet speċifiċi, id-dispożizzjoni ta’ l-att Komunitarju l-ieħor jipprevalu u għandhom japplikaw f’dawk is-setturi jew professjonijiet speċifiċi.

[…]

3.      L-Istati Membri għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva skond ir-regoli tat-Trattat dwar id-dritt ta’ stabbiliment u l-moviment liberu tas-servizzi.”

6        Il-Kapitolu III tad-Direttiva 2006/123 huwa intitolat “Libertà għall-Istabbiliment ta’ Fornituri”. Dan jinkludi t-Taqsima 2, bit-titolu “Ħtiġijiet Ipprojbiti jew Suġġetti għal Evalwazzjoni”, li taħtha huma inklużi l-Artikoli 14 u 15 ta’ din id-direttiva.

7        L-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Rekwiżiti li Għandhom Jiġu Evalwati”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom jeżaminaw jekk, taħt is-sistema legali tagħhom, kwalunkwe mir-rekwiżiti elenkati fil-paragafu 2 huma imposti u għandhom jiżguraw li tali rekwiżiti huma kompatibbli mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3. L-Istati Membri għandhom jaddattaw il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi tagħhom sabiex jagħmluhom kompatibbli ma’ dawk il-kondizzjonijiet.

2.      L-Istati Membri għandhom jeżaminaw jekk is-sistema legali tagħhom tagħmilx l-aċċess għal attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju tagħha soġġetta għal konformità ma’ kwalunkwe minn dawn ir-rekwiżiti mhux-diskriminatorji:

[…]

(ċ)      rekwiżiti li huma relatati mal-proprjetà f’ishma ta’ kumpannija;

(d)      rekwiżiti, għajr dawk li jikkonċernaw kwistjonijiet koperti mid-Direttiva 2005/36/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Settembru 2005, dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (ĠU 2005 L 255, p. 22)], jew previsti fi strumenti Komunitarji oħrajn, li jirriżervaw l-aċċess għall-attività ta’ servizz ikkonċernata għal fornituri speċifiċi skond in-natura speċifika ta’ l-attività;

[…]

3.      L-Istati Membri għandhom jivverifikaw li r-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 2 jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)      non-diskriminazzjoni: ir-rekwiżiti m’għandhomx ikunu diskriminatorji la direttament lanqas indirettament skond in-nazzjonalità jew, fir-rigward ta’ kumpanniji, skond il-post ta’ l-uffiċċju rreġistrat;

(b)      bżonn: ir-rekwiżiti għandhom ikunu ġġustifikati b’raġuni aktar importanti li għandha x’taqsam ma’ l-interess pubbliku;

(ċ)      proporzjonalità: ir-rekwiżiti għandhom ikunu adatti biex jiżguraw li jintlaħaq l-objettiv mixtieq; m’għandhomx imorru lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dak l-objettiv; u ma għandux ikun possibbli li dawk ir-rekwiżiti jiġu sostitwiti minn miżuri oħrajn, anqas restrittivi li jwasslu għall-istess riżultat.

[…]”

 Id-Direttiva 2001/82/KE

8        L-Artikolu 66(1) tad-Direttiva 2001/82/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità rigward il-prodotti mediċinali veterinarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 3), kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 596/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 (ĠU 2009, L 188, p. 14) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2001/82”), jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jiżguraw li l-provvista bl-imnut ta’ prodotti mediċinali veterinarji issir biss minn persuni li għandhom permess jagħmlu operazzjonijiet bħal dawn bill-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru kkonċernat.”

9        L-Artikolu 67 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Bla ħsara għar-regoli Komunitarji jew nazzjonali aktar stretti li jirrigwardaw prodotti mediċinali veterinarji u biex tkun imħarsa s-saħħa tal-bniedem u ta’ l-annimali, preskrizzjoni għandha tkun meħtieġa biex il-pubbliku jkun jista’ jingħata prodotti mediċinali veterinarji.

[…]”

10      Skont l-Artikolu 68(1) ta’ din id-direttiva:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li persuni awtorizzati mill-liġijiet nazzjonali tagħhom biss ikollhom jew jikkontrollaw prodotti mediċinali veterinarji jew sustanzi li jistgħu jintużaw bħala prodotti veterinarji mediċinali li għandhom proprjetajiet anaboliċi, anti-infettivi, anti-parassitiċi, anti-infjammatorji, ormonali jew psikotropiċi”.

11      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 69 tal-istess direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sidien jew dawk li jżommu annimali li jipproduċu l-ikel jistgħu jipprovdu evidenza dwar ix-xiri, pussess u amministrazzjoni tal-prodotti mediċinali veterinarji li fihom is-sustanzi preskritti fl-Artikolu 68; l-Istati Membri jistgħu jestendu dan l-obbligu għal prodotti mediċinali veterinarji oħra.”

 Id-Direttiva 2005/36

12      L-Artikolu 38(3) tad-Direttiva 2005/36 kif emendata bid-Direttiva 2013/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Novembru 2013 (ĠU 2013, L 354, p. 132) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2005/36”), jipprovdi:

“It-taħriġ tal-kirurgi veterinarji għandu jagħti l-garanzija li l-professjonist inkwistjoni jkun kiseb l-għarfien u l-kompetenzi li ġejjin:

1. għarfien adegwat tax-xjenzi li fuqhom huma bbażati l-attivitajiet tal-kirurgu veterinarju u tad-dritt tal-Unjoni relatat ma’ dawk l-attivitajiet;

[…]”

 Id-dritt Rumen

 Il-Liġi Nru 160/1998

13      L-Artikolu 2(1) tal-Legea nr. 160/1998 pentru organizarea şi exercitarea profesiunii de medic veterinar (il-Liġi Nru 160/1998 dwar l-Organizzazzjoni u l-Prattika tal-Professjoni ta’ Prattikant Veterinarju, Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 289, tas-6 ta’ Awwissu 1998, u ppubblikata mill-ġdid fil-Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 433, tat-23 ta’ Mejju 2005; iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 160/1998”), jipprovdi:

“Il-professjoni ta’ prattikant veterinarju għandha tiġi pprattikata fir-Rumanija minn kull persuna li tkun ċittadina Rumena u li jkollha diploma fil-mediċina veterinarja jew l-ekwivalenti tagħha skont il-liġi, u minn ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, […] li jkollhom diplomi fil-mediċina veterinarja, ċertifikati, jew kwalifiki oħra indikati mil-liġi u maħruġa minn istituzzjoni edukattiva tal-Istat ikkonċernat.”

14      L-Artikolu 4 ta’ din il-liġi jipprevedi:

“Il-professjoni ta’ prattikant veterinarju tibbenefika minn esklużività fl-oqsma ta’ kompetenza li ġejjin:

[…]

(i)      il-kummerċ bl-imnut u l-użu ta’ prodotti organiċi, ta’ prodotti kontra l-parassiti għal użu speċjali u ta’ prodotti mediċinali għal użu veterinarju

[…]”

15      Skont l-Artikolu 16 tal-imsemmija liġi:

“(1)      Il-kwalifika ta’ membru [taċ-CMVRO] tista’ tkun akkwistata minn kull prattikant veterinarju ta’ nazzjonalità Rumena jew ċittadin tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea […] li:

1.      jeżerċita legalment il-professjoni ta’ prattikant veterinarju fir-Rumanija, skont id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2;

2.      ma jkunx jinsab f’waħda mis-sitwazzjonijiet ta’ diżunur previsti mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ;

3.      ikun medikament tajjeb sabiex jeżerċita l-professjoni ta’ prattikant veterinarju.

(2)      Il-kwalifika ta’ membru [taċ-CMVRO] hija obbligatorja għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ prattikant veterinarju.”

16      L-Artikolu 39 ta’ din l-istess liġi huwa fformulat kif ġej:

“Regolament imħejji mi[ċ-CMVRO] b’kollaborazzjoni mal-[Awtorità għas-Saħħa Veterinarja u s-Sigurtà tal-Ikel] jistabbilixxi s-setgħat u l-kompetenzi tal-prattikanti veterinarji indipendenti kif ukoll it-twettiq ta’ ċerti kompiti pubbliċi.”

 Il-Karta tal-Prattikanti Veterinarji

17      L-Artikolu 1 tal-Karta tal-Prattikanti Veterinarji, adottata bid-Deċiżjoni Nru 3/2013 tal-Kulleġġ tat-Tobba Veterinarji (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 676 tas-16 ta’ Settembru 2014, iktar ’il quddiem il-“Karta tal-Prattikanti Veterinarji”), jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din il-karta:

[…]

(m)      Reġistru uniku tal-prattiki veterinarji li għandhom jew li ma għandhomx personalità ġuridika jfisser — dokument uffiċjali u pubbliku taħt il-kontroll tal-Uffiċċju Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali taċ-[CMVRO] li jinkludi dan li ġej:

[…]

–        spiżeriji veterinarji u ħwienet farmaċewtiċi veterinarji, jekk il-kapital tagħhom ikun esklużivament miżmum minn prattikanti veterinarji jew jekk ikun inġabar mod ieħor b’konsegwenza ta’ emendi leġiżlattivi sussegwenti;

[…]”

18      L-Artikolu 37(1) tal-Karta tal-Prattikanti Veterinarji jipprevedi:

“Fil-kummerċ bl-imnut ta’ prodotti mediċinali veterinarji, prattikanti veterinarji rreġistrati għandhom ikunu organizzati esklużivament bħala persuni ġuridiċi […] u għandhom iwettqu l-attivitajiet tagħhom fl-istrutturi veterinarji awtorizzati li ġejjin:

(a) ħwienet farmaċewtiċi veterinarji;

(b) spiżeriji veterinarji.

[…]”

19      Skont l-Artikolu 38(3) u (4) ta’ din il-karta:

“(3)      Prodotti mediċinali veterinarji, prodotti kontra l-parassiti u prodotti organiċi veterinarji għandhom jintużaw u jiġu amministrati esklużivament minn prattikanti veterinarji li jkunu sidien ta’, jew li jkunu impjegati fi, strutturi ta’ kura veterinarja jew ta’ konsulenza […]

(4)      Permezz ta’ deroga mill-paragrafu (3), is-sidien tal-annimali jistgħu jamministraw prodotti mediċinali veterinarji preskritti u rrakkomandati minn prattikant veterinarju li għandu ċertifikat validu li jiċċertifika d-dritt tiegħu li jeżerċita, bl-esklużjoni madankollu tal-forom injettabbli.”

 Ir-Regoli dwar is-Saħħa Veterinarja

20      L-Awtorità għas-Saħħa Veterinarja u s-Sigurtà tal-Ikel adottat l-Ordinul nr. 83/2014 pentru aprobarea Normei sanitare veterinare privind condiţiile ta’ organizare şi funcţionare a unităţilor farmaceutice veterinare, precum Sanitară şi Procedura de înregistrare a Veterinară Veterinară/autorizare Sanitară unităţilor şi activităţilor din domeniul farmaceutic veterinar (l-Ordni Nru 83/2014 li tapprova r-Regoli dwar is-Saħħa Veterinarja li jirregolaw il-kundizzjonijiet għall-organizzazzjoni u għat-tmexxija ta’ strutturi farmaċewtiċi veterinarji u l-proċedura ta’ reġistrazzjoni tas-saħħa veterinarja/l-awtorizzazzjoni tas-saħħa veterinarja ta’ strutturi u attivitajiet tas-settur farmaċewtiku veterinarju, Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 541 tat-22 ta’ Lulju 2014), kif emendata u kkompletata sussegwentement (iktar ’il quddiem ir- “Regoli dwar is-Saħħa Veterinarja”).

21      L-Artikolu 1 tar-Regoli dwar is-Saħħa Veterinarja jipprovdi:

“Dawn ir-regoli dwar is-saħħa veterinarja jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-organizzazzjoni u għat-tmexxija ta’ strutturi farmaċewtiċi veterinarji u l-proċedura ta’ reġistrazzjoni tas-saħħa veterinarja/l-awtorizzazzjoni tas-saħħa veterinarja ta’ strutturi u attivitajiet tas-settur farmaċewtiku veterinarju.”

22      L-Artikolu 3 ta’ dawn ir-regoli jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ dawn ir-regoli dwar is-saħħa veterinarja:

(a)      spiżerija veterinarja tfisser - stabbiliment farmaċewtiku veterinarju li jkollu u jbiegħ bl-imnut prodotti mediċinali veterinarji, […] u prodotti veterinarji oħra […]

[…]

(h)      ħanut farmaċewtiku veterinarju jfisser - stabbiliment farmaċewtiku veterinarju li l-attività tiegħu tkun tikkonsisti fil-bejgħ bl-imnut limitat għal prodotti mediċinali veterinarji mogħtija mingħajr riċetta medika, prodotti veterinarji oħra […].

[…]”

23      L-Artikolu 11 tal-imsemmija regoli jipprovdi:

“Il-persunal speċjalizzat ta’ spiżerija veterinarja għandu jkun magħmul minn:

(a)      persunal b’edukazzjoni ogħla speċjalizzata fil-qasam tal-mediċina veterinarja;

(b)      persunal b’edukazzjoni sekondarja speċjalizzata fil-qasam tal-mediċina veterinarja, mediċina għall-bniedem, farmakoloġija, kimika, bijoloġija;

(c)      persunal amministrattiv.”

24      L-Artikolu 12(2) u (3) tal-istess regoli jsemmi:

“(2)      It-tmexxija ta’ spiżerija veterinarja teħtieġ il-preżenza ta’ prattikant veterinarju li jkollu ċertifikat sabiex jipprattika din il-professjoni maħruġ miċ-[CMVRO].

(3)      It-tqegħid fis-suq ta’ prodotti mediċinali veterinarji ta’ spiżerija veterinarja għandu jsir, permezz tal-kummerċ bl-imnut biss, mill-persunal imsemmi fl-Artikolu 11(a) u (b).”

25      L-Artikolu 23 tar-Regoli dwar is-Saħħa Veterinarja jipprevedi l-applikazzjoni, għall-ħwienet farmaċewtiċi veterinarji, ta’ regoli analogi għal dawk imsemmija fl-Artikoli 11 u 12(2) tagħhom.

 L-Ordni Nru 31/2015

26      Permezz tal-Ordni Nru 31/2015 tas-26 ta’ Marzu 2015, li temenda u tikkompleta r-Regoli dwar is-Saħħa Veterinarja approvati bl-Ordni Nru 83/2014 tal-Awtorità għas-Saħħa Veterinarja u s-Sigurtà tal-Ikel (Monitorul Oficial al României, Nru 235 tas-7 ta’ April 2015, iktar ’il quddiem l-“Ordni Nru 31/2015”), l-Awtorità għas-Saħħa Veterinarja u s-Sigurtà tal-Ikel ħassret l-Artikolu 43(j) u l-Artikolu 51(g) tal-imsemmija regoli.

27      Dawn l-artikoli essenzjalment kienu jipprovdu, li, sabiex jinħareġ il-permess ta’ saħħa veterinarja għat-tmexxija, rispettivament, tal-ispiżeriji veterinarji u tal-ħwienet farmaċewtiċi veterinarji, ir-rappreżentant legali tal-istruttura kkonċernata kellu jippreżenta lill-Awtorità għas-Saħħa Veterinarja u s-Sigurtà tal-Ikel kompetenti, applikazzjoni li jkollha kopja taċ-ċertifikat ta’ dħul fir-Reġistru uniku tal-prattiki veterinarji li għandhom jew li ma għandhomx personalità ġuridika.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

28      Iċ-CMVRO ppreżenta rikors quddiem il-qorti tar-rinviju intiż għall-annullament tal-Ordni Nru 31/2015.

29      Insostenn tar-rikors tiegħu, dan il-kulleġġ b’mod partikolari jsostni li l-imsemmija ordni tikser l-Artikolu 4(i) tal-Liġi Nru 160/1998 li jistabbilixxi l-kompetenza esklużiva tal-professjoni ta’ prattikant veterinarju fil-qasam tal-kummerċ bl-imnut u tal-użu ta’ prodotti organiċi, ta’ prodotti kontra l-parassiti għal użu speċjali u ta’ prodotti mediċinali għal użu veterinarju. Fil-fatt, tali esklużività timplika dritt ta’ deċiżjoni min-naħa tat-tobba veterinarji, dritt li jista’ jkun effettiv biss jekk il-kapital azzjonarju tal-ispiżeriji u tal-ħwienet farmaċewtiċi veterinarji jkun esklużivament miżmum, jew għall-inqas il-biċċa l-kbira tiegħu tkun miżmuma, minn prattikanti veterinarji rreġistrati. Huwa barra minn hekk għal din ir-raġuni li l-Karta tal-Prattikanti Veterinarji tipprevedi li biss l-ispiżeriji jew il-ħwienet farmaċewtiċi li l-azzjonisti tagħhom huma esklużivament prattikanti veterinarji jistgħu jiddaħħlu fir-Reġistru uniku tal-prattiki veterinarji. Issa, sa fejn l-obbligu ta’ preżentazzjoni ta’ ċertifikat ta’ dħul f’dan ir-reġistru tneħħa permezz tal-Ordni Nru 31/2015 tal-Awtorità għas-Saħħa Veterinarja u s-Sigurtà tal-Ikel, l-osservanza ta’ dan ir-rekwiżit relatat maż-żamma tal-kapital azzjonarju ma hijiex iktar iggarantita.

30      Min-naħa tagħha, l-Awtorità għas-Saħħa Veterinarja u s-Sigurtà tal-Ikel issostni li t-tneħħija tal-obbligu ta’ preżentazzjoni ta’ ċertifikat ta’ dħul fir-Reġistru uniku tal-prattiki veterinarji kienet neċessarja sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet ma kinux konformi mad-Direttiva 2006/123 u sa fejn, skont nota tal-Consiliul Concurenţei (il-Kunsill dwar il-Kompetizzjoni, ir-Rumanija), dawn setgħu jirrestrinġu l-kompetizzjoni fis-suq tal-kummerċ bl-imnut tal-prodotti veterinarji.

31      L-Assoċjazzjoni ta’ Distributuri ta’ Prodotti Veterinarji, li intervjeniet insostenn tal-Awtorità għas-Saħħa Veterinarja u s-Sigurtà tal-Ikel, tikkontesta, min-naħa tagħha, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(i) tal-Liġi Nru 160/1998, issuġġerita miċ-CMVRO, li tipprovdi li l-kompetenza esklużiva li minnha tgawdi l-professjoni ta’ prattikant veterinarju f’dak li jirrigwarda l-użu ta’ ċerti prodotti ma tiksirx id-dritt tal-konsumaturi li jiksbu u li jżommu prodotti mediċinali veterinarji li l-Artikoli 67 u 69 tad-Direttiva 2001/82 jirrikonoxxu lis-sidien tal-annimali u lill-dawk li jżommu l-annimali.

32      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Kummissjoni Ewropea kienet indirizzat lir-Rumanija talba għal informazzjoni dwar ksur possibbli tad-dritt tal-Unjoni b’riżultat tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha applikabbli għall-ispiżeriji veterinarji u b’mod partikolari b’riżultat tar-rekwiżiti relatati maż-żamma tal-kapital azzjonarju. Barra minn hekk, din il-qorti tqis li, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja diġà tat deċiżjoni dwar professjonijiet jew attivitajiet li għandhom similaritajiet mal-professjoni ta’ prattikant veterinarju jew mal-attività tal-kummerċjalizzazzjoni u tal-użu ta’ prodotti mediċinali veterinarji, is-sitwazzjoni tal-prattikanti veterinarji għandha ċertu karatteristiċi li jistgħu jiġġustifikaw soluzzjoni differenti.

33      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)      Id-dritt tal-Unjoni jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lill-veterinarji esklużività fil-kummerċ bl-ingrossa [imnut] u fl-użu ta’ prodotti bijoloġiċi, ta’ prodotti kontra l-parassiti għal użu speċjali u ta’ mediċini għal użu veterinarju?

(2)      Jekk tali esklużività titqies li hija konformi mad-dritt tal-Unjoni, dan tal-aħħar jipprekludi li din l-esklużività tirrigwarda wkoll l-istabbilimenti li jeżerċitaw il-kummerċ inkwistjoni, fis-sens ta’ rekwiżit li l-istabbiliment ikun fil-maġġoranza jew esklużivament proprjetà ta’ veterinarji jew numru ta’ veterinarji?”

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

34      L-Assoċjazzjoni ta’ Distributuri ta’ Prodotti Veterinarji ssostni li din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli peress li l-formulazzjoni tad-domandi magħmula ma ssemmix ir-regola jew ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-interpretazzjoni tagħhom hija mitluba.

35      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fost ir-rekwiżiti li talba għal deċiżjoni preliminari għandha tissodisfa, stabbiliti fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, hemm ir-rekwiżit, fl-Artikolu 94(c), li din it-talba tkun tinkludi espożizzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċertu dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll il-konnessjoni li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali.

36      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tindika li, għalkemm il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet dwar attivitajiet li għandhom ċertu similaritajiet mal-attività ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ użu ta’ prodotti mediċinali veterinarji, il-kawża li tressqet quddiemha għandha ċertu karatteristiċi partikolari li ma jippermettux li tiġi applikata, f’dan l-istat, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li ppreċiżat l-implikazzjonijiet tal-libertà ta’ stabbiliment fir-rigward ta’ tali attivitajiet. Konsegwentement, fir-rigward tal-kawża prinċipali, din il-qorti tqis neċessarju li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja, sa fejn wieħed mill-motivi ta’ annullament invokati quddiemha jista’ jiġi milqugħ biss jekk l-esklużività, għall-benefiċċju tal-prattikanti veterinarji, tal-kummerċ bl-imnut u tal-użu ta’ prodotti organiċi, ta’ prodotti kontra l-parassiti għal użu speċjali u ta’ prodotti mediċinali għal użu veterinarju ma tmurx kontra l-prinċipju ta’ libertà ta’ stabbiliment.

37      Għaldaqstant, peress li l-qorti tar-rinviju spjegat b’mod suffiċjenti r-raġunijiet li wassluha tistaqsi dwar l-interpretazzjoni ta’ ċertu dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll il-konnessjoni li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali, hemm lok li din it-talba għal deċiżjoni preliminari tiġi ddikjarata ammissibbli.

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

38      Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li, fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju hija meħtieġa tapplika leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrigwarda l-eżerċizzju, b’mod stabbli, tal-attivitajiet ta’ kummerċ bl-imnut u ta’ użu ta’ prodotti organiċi veterinarji, ta’ prodotti kontra l-parassiti għal użu speċjali u ta’ prodotti mediċinali għal użu veterinarju li, bħala prinċipju, jista’ jaqa’ taħt il-Kapitolu 3 tad-Direttiva 2006/123, dwar il-libertà ta’ stabbiliment.

39      Ċertament, mill-Artikolu 2(2)(f) tad-Direttiva 2006/123 jirriżulta li s-“servizzi tal-kura tas-saħħa” huma espressament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Madankollu, skont il-premessa 22 ta’ din tal-aħħar, is-servizzi koperti minn din l-esklużjoni huma dawk “[i]pprovduti minn professjonisti tas-saħħa lil pazjenti biex jivvalutaw, iżommu u jirrestawraw l-istat ta’ saħħa”, fatt li jimplika li dawn huma pprovduti lill-bnedmin.

40      Issa, għalkemm l-attivitajiet ta’ kummerċ bl-imnut u ta’ użu ta’ prodotti organiċi veterinarji, ta’ prodotti kontra l-parassiti għal użu speċjali u ta’ prodotti mediċinali għal użu veterinarju effettivament jaqgħu taħt il-qasam tas-saħħa, dawn, madankollu, ma jikkostitwixxux servizzi tal-kura tas-saħħa pprovduti lil bnedmin.

41      F’dawn iċ-ċirkustanzi, tali attivitajiet ma jaqgħux taħt l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 2(2)(f) tal-imsemmija direttiva.

42      Barra minn hekk, peress li l-qorti tar-rinviju rreferiet ħafna, fit-talba tagħha, għad-Direttiva 2001/82 li tistabbilixxi numru ta’ prinċipji relatati mad-distribuzzjoni ta’ prodotti mediċinali veterinarji, huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk dawn il-prinċipji jipprekludux l-applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123 f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

43      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2006/123, jekk id-dispożizzjonijiet tagħha jkunu f’kunflitt ma’ dispożizzjoni ta’ att ieħor tal-Unjoni li jirregola aspetti speċifiċi tal-aċċess għal attività ta’ servizzi jew għall-eżerċizzju tagħha f’setturi speċifiċi jew għal professjonijiet speċifiċi, id-dispożizzjoni tal-att l-ieħor tal-Unjoni għandha tipprevali u għandha tapplika għal dawn is-setturi jew professjonijiet speċifiċi.

44      Madankollu, għalkemm id-Direttiva 2001/82 tirregola ċertu aspetti tad-distribuzzjoni ta’ prodotti mediċinali veterinarji bil-għan tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika, din madankollu ma tistax titqies bħala li tirregola l-kundizzjonijiet li fihom l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw lil persuni li ma għandhomx il-kwalifika ta’ prattikant veterinarju jipprattikaw il-kummerċ bl-imnut tas-sustanzi veterinarji differenti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jużaw dawn is-sustanzi, u għaldaqstant jamministrawhom.

45      Ċertament, ċertu regoli li jirregolaw dawn l-attivitajiet huma msemmija fl-Artikolu 66(1) u fl-Artikolu 68(1) ta’ din id-direttiva. Madankollu, l-Artikolu 66(1) tagħha jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jirriżervaw l-eżerċizzju tal-attività ta’ kummerċ bl-imnut ta’ prodotti mediċinali veterinarji biss għall-persuni awtorizzati jagħmlu dan mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, filwaqt li jħalli lil dawn l-istess Stati liberi li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li jirregolaw tali awtorizzazzjoni. Konsegwentement, l-imsemmi artikolu jagħti lill-Istati Membri l-kompitu li jiddefinixxu l-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-imsemmija attivitajiet.

46      Fir-rigward tal-Artikolu 68(1) tad-Direttiva 2001/82, dan jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li biss il-persuni awtorizzati jkollhom jew jikkontrollaw prodotti mediċinali veterinarji jew sustanzi li jistgħu jintużaw bħala prodotti veterinarji mediċinali u li għandhom proprjetajiet ta’ kontra l-parassiti, mingħajr lanqas ma jippreċiża liema huma dawn il-“persuni awtorizzati”.

47      F’dan il-kuntest, għandha tiġi miċħuda wkoll l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2001/82 sostnuta mill-Assoċjazzjoni ta’ Distributuri ta’ Prodotti Veterinarji, li tipprovdi li mill-Artikoli 67 u 69 ta’ din id-direttiva jista’ jiġi dedott dritt, għas-sidien tal-annimali, jamministraw huma stess lill-annimali tagħhom il-prodotti mediċinali veterinarji li ġew preskritti lilhom.

48      Fil-fatt, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat f’dan ir-rigward li, minn naħa, għalkemm l-Artikolu 67 tad-Direttiva 2001/82 huwa intiż li jirregola l-kunsinna ta’ prodotti mediċinali lill-pubbliku, dan l-istess artikolu jindika li huwa applikabbli bla ħsara għal regoli nazzjonali iktar stretti intiżi li jipproteġu s-saħħa tal-bniedem. Min-naħa l-oħra, għalkemm l-Artikolu 69 ta’ din id-direttiva jimponi li s-sidien tal-annimali jkunu jistgħu jiġġustifikaw l-użu ta’ kull prodott mediċinali veterinarju għal perijodu ta’ ħames snin, din id-dispożizzjoni madankollu ma tispeċifikax li s-sidien tal-annimali għandhom dritt jamministraw huma stess dawn il-prodotti mediċinali.

49      Minn dan isegwi li ż-żewġ domandi magħmula, li jillimitaw ruħhom jirreferu għad-“dritt tal-Unjoni” mingħajr ma jispeċifikaw dispożizzjonijiet preċiżi ta’ dan id-dritt, għandhom jiġu eżaminati fid-dawl tad-Direttiva 2006/123 biss u, iktar preċiżament, tal-Artikolu 15 tagħha.

 Fuq l-ewwel domanda

50      Għandu jinftiehem li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tipprova, essenzjalment, tiddetermina jekk l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2006/123 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi, favur il-prattikanti veterinarji, esklużività tal-kummerċ bl-imnut u tal-użu ta’ prodotti organiċi, ta’ prodotti kontra l-parassiti għal użu speċjali u ta’ prodotti mediċinali għal użu veterinarju.

51      Qabelxejn, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2006/123, l-Istati Membri għandhom, l-ewwel nett, jeżaminaw jekk is-sistema ġuridika tagħhom tipprevedix wieħed mir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 15(2), sussegwentement, fl-affermattiv, jiżguraw li dan ir-rekwiżit huwa kompatibbli mal-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 15(3) u, finalment, jekk ikun il-każ, jadattaw il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi tagħhom sabiex jirrenduhom kompatibbli ma’ dawn il-kundizzjonijiet.

52      Fost ir-“[r]ekwiżiti li għandhom jiġu evalwati” imsemmija fl-Artikolu 15(2) ta’ din id-direttiva, hemm, fl-Artikolu 15(2)(d), dak intiż li jirriżerva l-aċċess għal attività lil fornituri speċifiċi minħabba n-natura speċifika tal-attività inkwistjoni.

53      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirriżerva l-eżerċizzju tal-attivitajiet ta’ kummerċ bl-imnut u ta’ użu ta’ ċertu prodotti mediċinali veterinarji għall-prattikanti veterinarji biss u b’hekk tinvolvi rekwiżit tat-tip ta’ dawk imsemmija fl-Artikolu 15(2)(d), tad-Direttiva 2006/123.

54      Konsegwentement, tali rekwiżit għandu jissodisfa t-tliet kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 15(3) ta’ din id-direttiva, jiġifieri ma jkunx diskriminatorju, ikun meħtieġ u jkun proporzjonat mat-twettiq ta’ raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali.

55      L-ewwel nett, fir-rigward tal-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, xejn fil-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jindika li r-rekwiżit imsemmi fil-punt 53 ta’ din is-sentenza huwa direttament jew indirettament diskriminatorju, fis-sens tal-Artikolu 15(3)(a), tad-Direttiva 2006/123.

56      Sussegwentement, fir-rigward tat-tieni waħda mill-imsemmija kundizzjonijiet, għandu jiġi ppreċiżat li l-Gvern Rumen indika li dan ir-rekwiżit huwa intiż li jiggarantixxi l-protezzjoni tas-saħħa pubblika.

57      Issa, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-protezzjoni tas-saħħa pubblika hija fost ir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni u li tali raġuni tista’ tiġġustifika l-adozzjoni, minn Stat Membru, ta’ miżuri intiżi li jiżguraw provvista sikura u ta’ kwalità ta’ prodotti mediċinali għall-popolazzjoni (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2013, Venturini et, C‑159/12 sa C‑161/12, EU:C:2013:791, punti 41 u 42).

58      Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda t-tielet kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/123, din tippresupponi li jkunu ssodisfatti tliet elementi, jiġifieri li r-rekwiżit għandu jkun adatt sabiex jiggarantixxi t-twettiq tal-għan imfittex, ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq u ma jistax jiġi ssostitwit b’miżura inqas restrittiva li tippermetti li jintlaħaq l-istess riżultat.

59      Fir-rigward tal-ewwel element, għandha titfakkar, b’mod ġenerali, in-natura partikolari ħafna tal-prodotti mediċinali, peress li l-effetti terapewtiċi tagħhom jiddistingwuhom sostanzjalment minn prodotti oħra (sentenza tad-19 ta’ Mejju 2009, Apothekerkammer des Saarlandes et, C‑171/07 u C‑172/07, EU:C:2009:316, punt 31).

60      Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet, b’mod partikolari, li rekwiżit intiż li jirriżerva l-kummerċ ta’ prodotti mediċinali għal ċerti professjonisti jista’ jiġi ġġustifikat mill-garanziji li dawn tal-aħħar joffru u mill-informazzjoni li dawn għandhom ikunu f’pożizzjoni li jipprovdu lill-konsumaturi (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ Mejju 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑531/06, EU:C:2009:315, punt 58).

61      Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’dan is-sens fil-qasam tal-prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem, għandu jiġi enfasizzat, b’mod partikolari, li      ċertu mard tal-annimali jista’ jiġi trażmess lill-bniedem u li l-prodotti tal-ikel li joriġinaw mill-annimali jistgħu jipperikolaw is-saħħa tal-bnedmin meta dawn ikun dderivati minn annimali morda jew li jġorru batterji reżistenti għat-trattamenti, kif ukoll meta dawn ikun fihom residwi ta’ prodotti mediċinali użati għat-trattament tal-annimali. Issa, jekk is-sustanzi veterinarji jkunu amministrati b’mod jew fi kwantità mhux korretta, jew l-effikaċja terapewtika tagħhom tista’ tisparixxi, jew l-użu eċċessiv tagħhom jista’, b’mod partikolari, iwassal għall-preżenza ta’ tali residwi fil-prodotti tal-ikel li joriġinaw mill-annimali kif ukoll, jekk ikun il-każ, fuq perijodu fit-tul, għal reżistenza għat-trattamenti ta’ ċertu batterji preżenti fil-katina tal-ikel.

62      Minn dan isegwi li l-kunsiderazzjonijiet prevalenti dwar il-kummerċ tal-prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem esposti fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza huma bħala prinċipju trasponibbli fil-qasam tal-kummerċ ta’ prodotti mediċinali għal użu veterinarju u ta’ prodotti simili. Madankollu, sa fejn tali prodotti mediċinali jipproduċu biss effetti indiretti fuq is-saħħa tal-bniedem, il-portata tal-marġni ta’ diskrezzjoni li l-Istati Membri għandhom f’dan it-tieni qasam ma tistax neċessarjament tkun l-istess bħal dik prevalenti fil-qasam tal-kummerċ tal-prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem.

63      Għalhekk, l-esklużività tal-kummerċ u tal-użu ta’ ċertu sustanzi veterinarji mogħtija lill-prattikanti veterinarji, peress li dawn għandhom l-għarfien u l-ħiliet professjonali sabiex jamministraw huma stess b’mod u fi kwantità korretta dawn is-sustanzi, jew sabiex iħarrġu b’mod korrett dwar dan lil persuni oħra kkonċernati, tikkostitwixxi miżura adatta sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika identifikat fil-punt 57 ta’ din is-sentenza.

64      Fir-rigward tat-tieni element ta’ din it-tielet kundizzjoni, jiġifieri li r-rekwiżit inkwistjoni ma għandux imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-imsemmi għan, għandu jitfakkar li l-protezzjoni tas-saħħa pubblika tokkupa l-ewwel post fost il-beni u l-interessi protetti mit-Trattat UE u li huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu sa liema livell huma jixtiequ jiżguraw din il-protezzjoni kif ukoll il-mod li bih dan il-livell għandu jintlaħaq. Peress li dan jista’ jvarja minn Stat Membru għal ieħor, l-Istati Membri għandhom jiġu rrikonoxxuti marġni ta’ diskrezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-11 ta’ Settembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑141/07, EU:C:2008:492, punt 51).

65      L-eżistenza ta’ tali marġni hija iktar u iktar neċessarja peress li, meta jkun hemm inċertezzi dwar l-eżistenza jew l-importanza ta’ riskji għas-saħħa tal-persuni, l-Istati Membri għandhom ikollhom il-possibbiltà jieħdu miżuri ta’ protezzjoni mingħajr ma jkollhom għalfejn jistennew li r-realtà ta’ dawn ir-riskji tkun kompletament murija. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jieħdu kull miżura li tista’ tnaqqas, kemm jista’ jkun possibbli, riskju għas-saħħa, inkluż għall-provvista sikura u ta’ kwalità ta’ prodotti mediċinali għall-popolazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2013, Venturini et, C‑159/12 sa C‑161/12, EU:C:2013:791, punt 60).

66      Issa, mid-dispożizzjonijiet iċċitati mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li dan l-Istat Membru preċiżament iddistingwa bejn il-prodotti veterinarji skont il-gravità tar-riskju għas-saħħa involut. Fil-fatt, għalkemm l-imsemmija leġiżlazzjoni ma tippermettix lis-sidien tal-annimali jamministraw prodotti mediċinali preskritti f’forma injettabbli li, evidentement, tippreżenta riskji addizzjonali, hija tirrikonoxxilhom, min-naħa l-oħra, il-possibbiltà li jamministraw huma stess tali prodotti mediċinali f’forom mhux injettabbli.

67      Barra minn hekk, xejn fil-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jindika li, billi adotta l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Istat Membru kkonċernat eċċeda l-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha tiġi rrikonoxxuta lilu f’dan il-qasam.

68      F’dak li jirrigwarda, fl-aħħar nett, it-tielet element tat-tielet kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/123 relatat mal-assenza ta’ miżuri inqas restrittivi li jippermettu li jintlaħaq l-istess għan, il-Kummissjoni ssostni li l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika seta’ jintlaħaq b’mod daqstant effikaċi permezz ta’ miżura li tippermetti l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti inkwistjoni minn professjonisti oħra debitament ikkwalifikati, bħal spiżjara jew persuni oħra li għandhom taħriġ professjonali avvanzat fil-qasam farmaċewtiku.

69      Madankollu, għalkemm dawn il-professjonisti l-oħra jistgħu effettivament ikollhom għarfien fil-fond ħafna dwar il-proprjetajiet tal-komponenti differenti tal-prodotti mediċinali veterinarji, xejn ma jindika li huma għandhom taħriġ speċifiku adattat għas-saħħa tal-annimali.

70      Għaldaqstant, ma jidhirx b’mod evidenti li l-miżura proposta mill-Kummissjoni tista’ tiżgura l-istess riżultat bħal dik prevista minn leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

71      Fir-rigward tal-fatt, ukoll invokat mill-Kummissjoni, li l-bejgħ ta’ ċertu prodotti mediċinali veterinarji huwa suġġett għal riċetta medika, bil-fehim li din diġà tindika l-metodu ta’ amministrazzjoni u d-dożaġġ ta’ dawn il-prodotti mediċinali, fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni li l-Istati Membri għandhom, dawn tal-aħħar jistgħu jqisu li, fiha nfisha, riċetta medika ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi eskluż ir-riskju li l-prodotti mediċinali hekk preskritti jiġu amministrati b’mod jew fi kwantità mhux korretta (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑89/09, EU:C:2010:772, punt 60).

72      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li r-rekwiżit stabbilit minn leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirriżulta li huwa konformi mat-tielet kundizzjoni prevista fl-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/123.

73      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li jeħtieġ li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2006/123 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi, favur prattikanti veterinarji, esklużività tal-kummerċ bl-imnut u tal-użu ta’ prodotti organiċi, ta’ prodotti kontra l-parassiti għal użu speċjali u ta’ prodotti mediċinali għal użu veterinarju.

 Fuq it-tieni domanda

74      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2006/123 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi li l-kapital azzjonarju tal-istabbilimenti li jikkummerċjalizzaw bl-imnut prodotti mediċinali veterinarji jinżamm biss jew, għall-inqas, fil-parti l-kbira, minn prattikant veterinarju wieħed jew iktar.

75      Madankollu, hekk kif il-Kummissjoni ġustament enfasizzat, id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali ċċitati mill-qorti tar-rinviju jipprevedu biss li l-kapital kollu tal-istabbilimenti li jikkummerċjalizzaw bl-imnut prodotti mediċinali veterinarji għandu jkun miżmum biss minn veterinarji, filwaqt li l-ebda każ ta’ detenzjoni biss fil-parti l-kbira ma jissemma.

76      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li tingħata risposta għal din id-domanda biss inkwantu din tirrigwarda l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi detenzjoni esklużiva, minn prattikant veterinarju wieħed jew iktar, tal-kapital tal-istabbilimenti li jeżerċitaw il-kummerċ bl-imnut ta’ prodotti mediċinali veterinarji.

77      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 15(2)(ċ) tad-Direttiva 2006/123 isemmi, fost ir-rekwiżiti li għandhom jiġu evalwati, dawk relatati maż-żamma tal-kapital azzjonarju. Għalhekk, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi tali rekwiżit relatat mal-istatus tad-detenturi tal-ishma tal-istabbiliment ikkonċernat tista’ titqies bħala kompatibbli mal-imsemmi Artikolu 15 biss jekk din tissodisfa t-tliet kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 15(3).

78      F’dan il-każ, l-ewwel nett, huwa paċifiku li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissodisfa l-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet relatata mal-assenza ta’ diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità.

79      Sussegwentement, fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, relatata man-neċessità tar-rekwiżit inkwistjoni, jidher li, bl-adozzjoni ta’ tali leġiżlazzjoni, il-leġiżlatur Rumen ried b’mod partikolari jiggarantixxi li t-tmexxija tal-kummerċ bl-imnut ta’ prodotti mediċinali veterinarji tkun effettivament ikkontrollata minn prattikanti veterinarji.

80      Issa, hekk kif jirriżulta mir-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, tali għan għandu jiġi kkunsidrat bħala li jaqa’ taħt dak, iktar wiesa’, tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika, li jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali.

81      F’dak li jikkonċerna, fl-aħħar nett, it-tielet kundizzjoni dwar il-proporzjonalità ta’ dan ir-rekwiżit, din teħtieġ, l-ewwel nett, li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tkun adatta sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan li hija trid tilħaq.

82      F’dan ir-rigward, fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni li Stat Membru għandu, kif imfakkra fil-punt 64 ta’ din is-sentenza, huwa jista’ jqis li jeżisti riskju li, jekk persuni li ma humiex prattikanti veterinarji jkunu jistgħu jeżerċitaw influwenza fuq it-tmexxija tal-istabbilimenti li jikkummerċjalizzaw bl-imnut prodotti mediċinali veterinarji, dawn jadottaw strateġiji ekonomiċi li jistgħu jippreġudikaw l-għan ta’ provvista sikura u ta’ kwalità ta’ prodotti mediċinali għal dawk li jżommu l-annimali kif ukoll l-indipendenza tal-prattikanti veterinarji involuti f’dawn l-istabbilimenti, b’mod partikolari billi jitħeġġu jbigħu prodotti mediċinali li l-ħażna tagħhom ma għadhiex profittabbli jew billi jnaqqsu l-ispejjeż operattivi (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Mejju 2009, Apothekerkammer des Saarlandes et, C‑171/07 u C‑172/07, EU:C:2009:316, punt 40).

83      Issa, billi timplika li t-tmexxija tal-istabbilimenti inkwistjoni sseħħ f’kundizzjonijiet li jiżguraw lill-prattikanti veterinarji ż-żamma esklużiva tal-kapital ta’ dawn l-istabbilimenti, leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija adatta sabiex tnaqqas tali riskju u sabiex b’hekk tiggarantixxi t-twettiq tal-għan li hija trid tilħaq.

84      Fil-fatt, il-prattikanti veterinarji li huma l-proprjetarji tal-kapital ta’ stabbiliment li jikkummerċjalizza bl-imnut prodotti mediċinali veterinarji huma suġġetti, kuntrarjament għall-operaturi ekonomiċi li ma humiex prattikanti veterinarji, għal regoli ta’ kondotta professjonali intiżi li jimmoderaw din it-tfittxija ta’ profitti, b’tali mod li l-interess tagħhom marbut mal-kisba ta’ profitti jista’ jiġi mmoderat mir-responsabbiltà li huma għandhom, peress li ksur eventwali tar-regoli legali jew ta’ kondotta professjonali jdgħajjef mhux biss il-valur tal-investiment tagħhom, iżda wkoll l-eżistenza professjonali tagħhom stess (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Mejju 2009, Apothekerkammer des Saarlandes et, C‑171/07 u C‑172/07, EU:C:2009:316, punt 37).

85      Fit-tieni lok u fit-tielet lok, sabiex ir-rekwiżit li l-kapital ta’ stabbiliment li jikkummerċjalizza bl-imnut prodotti mediċinali veterinarji għandu jkun esklużivament miżmum minn prattikanti veterinarji jista’ jitqies bħala proporzjonat, dan għandu wkoll ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan intiż u ma jistax jiġi ssostitwit minn miżuri oħra inqas vinkolanti li jippermettu li jintlaħaq l-istess riżultat.

86      Issa, għalkemm, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punt 82 ta’ din is-sentenza, Stat Membru jista’ leġittimament jimpedixxi li operaturi ekonomiċi li ma humiex prattikanti veterinarji jkunu f’pożizzjoni li jeżerċitaw influwenza determinanti fuq it-tmexxija ta’ stabbilimenti li jikkumerċjalizzaw bl-imnut prodotti mediċinali veterinarji, l-għan invokat f’dan l-istess punt ta’ din is-sentenza ma jistax jiġġustifika li dawn l-operaturi jkunu kompletament esklużi milli jżommu l-kapital ta’ dawn l-istabbilimenti, peress li ma huwiex eskluż li kontroll effettiv jista’ jiġi eżerċitat mill-prattikanti veterinarji fuq dawn l-istabbilimenti anki fl-ipoteżi fejn dawn ma jżommux il-kapital kollu ta’ dawn l-istabbilimenti, sa fejn iż-żamma mill-persuni li ma humiex prattikanti veterinarji ta’ parti limitata minn dan il-kapital mhux neċessarjament tostakola tali kontroll. Għalhekk, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan li hija trid tilħaq.

87      Tali kunsiderazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mit-tagħlim li jirriżulta mis-sentenza tad-19 ta’ Mejju 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑531/06, EU:2009:315), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja qieset bħala kompatibbli mal-libertà ta’ stabbiliment u mal-moviment liberu tal-kapital leġiżlazzjoni nazzjonali li kienet tipprekludi mhux biss li persuni li ma humiex spiżjara jżommu, f’kumpanniji li joperaw spiżeriji, ishma sostanzjali li jagħtuhom ċerta influwenza fuq it-tmexxija tagħhom, iżda wkoll li investituri li ma jkunux spiżjara minn Stati Membri oħra jiksbu, f’dawn il-kumpanniji, ishma inqas sostanzjali li ma jagħtux tali influwenza.

88      Fil-fatt, għalkemm, hekk kif jirriżulta mill-punt 62 ta’ din is-sentenza, bħala prinċipju, il-kunsiderazzjonijiet prevalenti fil-qasam tal-prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem jistgħu jiġu trasposti fil-qasam tal-kummerċ ta’ prodotti mediċinali għall-użu veterinarju, il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha tiġi rrikonoxxuta lill-Istati Membri bl-għan li tiġi żgurata l-kwalità tal-provvista tal-prodotti mediċinali veterinarji u l-indipendenza tal-prattikanti veterinarji involuti fil-kuntest ta’ stabbilimenti li jikkummerċjalizzaw tali prodotti mediċinali hija iktar ristretta minn dik li huma jistgħu jibbenefikaw minnha f’ċertu setturi oħra marbuta iktar mill-qrib mal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ma tistax, għalhekk, tiġi estiża sal-esklużjoni ta’ kull parteċipazzjoni ta’ persuni li ma humiex prattikanti veterinarji fil-kapital ta’ tali stabbilimenti.

89      Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2006/123 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi li l-kapital azzjonarju tal-istabbilimenti li jikkummerċjalizzaw bl-imnut prodotti mediċinali veterinarji jinżamm esklużivament minn prattikant veterinarju wieħed jew iktar.

 Fuq l-ispejjeż

90      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi, favur prattikanti veterinarji, esklużività tal-kummerċ bl-imnut u tal-użu ta’ prodotti organiċi, ta’ prodotti kontra l-parassiti għal użu speċjali u ta’ prodotti mediċinali għal użu veterinarju.

2)      L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2006/123 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi li l-kapital azzjonarju tal-istabbilimenti li jikkummerċjalizzaw bl-imnut prodotti mediċinali veterinarji jinżamm esklużivament minn prattikant veterinarju wieħed jew iktar.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.