Language of document : ECLI:EU:C:2012:519

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

5 ta’ Settembru 2012 (*)

“Direttiva 2004/38/KE — Dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom li jiċċaqilqu u li jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri — Artikolu 3(2) — Obbligu li jiġu ffaċilitati, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, id-dħul u r-residenza ta’ ‘kwalunkwe membri oħrajn tal-familja’ dipendenti ta’ ċittadin tal-Unjoni”

Fil-Kawża C‑83/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber) (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Frar 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Frar 2011, fil-proċedura

Secretary of State for the Home Department

vs

Muhammad Sazzadur Rahman,

Fazly Rabby Islam,

Mohibullah Rahman,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.-C. Bonichot, A. Prechal, Presidenti ta’ Awla, R. Silva de Lapuerta, K. Schiemann, E. Juhász, G. Arestis, M. Ilešič (Relatur), M. Berger u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Frar 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għas-Centre for Advice on Individual Rights in Europe (AIRE Centre), minn A. Weiss, kif ukoll minn N. Mole u S. Chaudary, konsulenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn L. Seeboruth, bħala aġent, assistit minn R. Palmer, barrister,

–        għall-Gvern Belġjan, minn T. Materne, bħala aġent,

–        għall-Gvern Daniż, minn C. Vang u V. Pasternak Jørgensen, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn A. Wiedmann, bħala aġent,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn L. D’Ascia, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u M. Bulterman, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn M. Szpunar, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Tufvesson u M. Wilderspin, bħala aġenti.

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta’ Marzu 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5 Vol. 5, p. 46).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn is-Secretary of State for the Home Department (iktar ’il quddiem is-“Secretary of State”) u Muhammad Sazzadur Rahman, Fazly Rabby Islam u Mohibullah Rahman, ċittadini Bengaliżi, dwar it-talba ta’ dawn tal-aħħar sabiex jibbenefikaw minn permess ta’ residenza fir-Renju Unit bħala membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ Stat fiż-Żona Ekonomika Ewropea (iktar ’il quddiem iż-“ŻEE”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-Direttiva 2004/38

3        Il-premessa 6 tad-Direttiva 2004/38 tipprovdi li:

“Sabiex tinżamm l-unità tal-familja fis-sens l-aktar wiesgħa u mingħajr diskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza, is-sitwazzjoni ta’ dawk il-persuni li mhumiex inklużi fid-definizzjoni ta’ membri ta' familja taħt din id-Direttiva, u li għalhekk ma jgawdux minn dritt awtomatiku ta’ dħul u ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti, għandha tiġi eżaminata mill-Istat Membru ospitanti skond il-bażi tal-leġislazzjoni nazzjonali tiegħu, sabiex jiddeċiedi jekk id-dħul u r-residenza għandhomx jiġu awtorizzati lil dawn il-persuni, waqt li titqies ir-relazzjoni tagħhom maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni jew kwalunkwe ċirkostanzi oħrajn, bħad-dipendenza finanzjarja jew fiżika fuq iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni.”

4        Skont l-Artikolu 2(2), tad-Direttiva 2004/38, għall-finijiet ta’ din id-direttiva, “membru tal-familja” tfisser:

“(a)      ir-raġel jew martu;

(b)      is-sieħeb/sieħba li daħal/daħlet f’kuntratt ta’ unjoni reġistrata maċ-ċittadin/a ta’ l-Unjon […];

(ċ)      id-dixxendenti diretti li għandhom inqas minn 21 sena jew li huma dipendenti u dawk tar-raġel jew tal-mara jew tas-sieħeb/sieħba kif imfissra fil-punt (b);

(d)      il-qraba diretti dipendenti u dawk tar-raġel jew tal-mara jew tas-sieħeb/sieħba kif imfissra fil-punt (b)”.

5        L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/38 intitolat “Benefiċjarji” jipprovdi li:

“1.      Din id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru għajr iċ-ċittadini ta’ l-istess Stat Membru, u għall-membri tal-familja tagħhom kif imfissra fil-punt 2 ta’ l-Artikolu 2 li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom.

2.      Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dritt ta’ moviment liberu u residenza li l-persuni kkonċernati jista’ jkollhom, l-Istat Membru ospitanti, skond il-leġislazzjoni nazzjonali, għandu jiffaċilita d-dħul u r-residenza tal-persuni li ġejjin:

(a)      kwalunkwe membri oħrajn tal-familja, irrispettivament miċ-ċittadinanza, li ma jaqgħux taħt id-definizzjoni tal-punt 2 ta’ l-Artikolu 2 li, fil-pajjiż li ġejjin minnu huma dipendenti jew membri tad-dar taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni li għandu d-dritt primarju ta’ residenza, jew meta raġunijiet serji ta’ saħħa strettament jeħtieġu l-kura personali tal-membru tal-familja miċ-ċittadin ta’ l-Unjoni;

(b)      is-sieħeb li miegħu ċ-ċittadin ta’ l-Unjoni għandu relazzjoni stabbli, debitament ċertifikata.

L-Istat Membru ospitanti għandu jaffettwa eżami estensiv taċ-ċirkostanzi personali u għandu jiġġustifika kwalunkwe tiċħid ta’ dħul jew ta’ residenza lil dawn in-nies.”

6        L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/38 intitolat “Ħruġ tal-karta ta’ residenza” jipprovdi li:

“1.      Id-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni li m’għandhomx ċittadinanza ta’ Stat membru għandu jissaħħaħ bil-ħruġ ta’ dokument imsejjaħ ‘Karta ta’ residenza ta’ membru ta’ familja taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni’ mhux aktar tard minn sitt xhur mid-data li fiha jippreżentaw l-applikazzjoni. Għandu immedjatament jinħareġ ċertifikat ta’ applikazzjoni għall-karta ta’ residenza.

2.      Biex tinħareġ il-karta ta’ residenza, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw id-dokumenti li ġejjin [għandhom jitlobu li jiġu ppreżentati d-dokumenti li ġejjin]:

[…]

(e)      fil-każijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 3(2)(a), dokument maħruġ mill-awtorità rilevanti tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-pajjiż li ġejjin minnu li jiċċertifika li huma dipendenti jew membri tan-nukleu familjari taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni, jew evidenza ta’ l-eżistenza ta’ raġunijiet serji ta’ saħħa li jeħtieġu l-kura personali tal-membru tal-familja miċ-ċittadin ta’ l-Unjoni

[…]”.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

7        Id-Direttiva 2004/38 ġiet trasposta fir-Renju Unit permezz tar-Regolament tal‑2006 fuq l-immigrazzjoni (Żona Ekonomika Ewropea) [Immigration (European Economic Area) Regulations 2006 (S.I. 2006 1003)], hekk kif emendat bir-Regolament tal-2009 fuq l-immigrazzjoni (Żona Ekonomika Ewropea) [Immigration (European Economic Area) (Amendment) Regulations 2009] (iktar ’il quddiem ir-“Regolament fuq l-immigrazzjoni”).

8        L-Artikolu 7 tar-Regolament fuq l-immigrazzjoni intitolat “Membru tal-familja” jipprovdi:

“(1)      Bla ħsara għas-subparagrafu (2), għall-finijiet ta’ dan ir-regolament, il-persuni segwenti għandhom jitqiesu bħala membri tal-familja ta’ persuna oħra:

(a)      il-konjuġi tagħha jew is-sieħeb jew sieħba ċivili tagħha;

(b)      id-dixxendenti diretti tagħha u dawk tal-konjuġi tagħha jew tas-sieħeb jew tas-sieħba ċivili tagħha li:

                  (i)      jkollhom inqas minn 21 sena; jew

(ii)      ikun dipendenti fuqha jew dipendenti fuq il-konjuġi tagħha, jew fuq is-sieħeb jew is-sieħba ċivili tagħha;

(ċ)      l-axxendenti diretti tagħha u dawk tal-konjuġi tagħha jew tas-sieħeb jew tas-sieħba ċivili tagħha, li jkunu dipendenti;

(d)      kwalunkwe persuna oħra li għandha titqies bħala membru tal-familja ta’ din il-persuna l-oħra skont is-subparagrafu (3).

[…]

(3)       […] kwalunkwe persuna li hija membru tal-familja estiża u li jinħarġilha permess ta’ familja ŻEE, ċertifikat ta’ reġistrazzjoni jew karta ta’ residenza, għandha tiġi kkunsidrata bħala membru tal-familja taċ-ċittadin kkonċernat taż-ŻEE, sakemm tibqa’ tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2), (3), (4) jew (5) fir-rigward ta’ dak iċ-ċittadin taż-ŻEE u sakemm dak il-permess, ċertifikat jew karta jibqa’ validu jew ma jiġix revokat.

[…]”

9        L-Artikolu 8 tar-Regolament fuq l-immigrazzjoni, intitolat “Membru tal-familja estiża”, jipprovdi:

“(1) Għall-finijiet tar-regolament preżenti, ‘membru tal-familja estiża’ jfisser kull persuna li ma tkunx membru tal-familja ta’ ċittadin taż-ŻEE skont l-Artikolu 7(1) (a), (b), jew (ċ) u li tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fis-subparagrafi (2), (3), (4) jew (5).

(2)      Persuna tissodisfa l-kundizzjoni prevista f’dan il-paragrafu jekk tkun membru tal-familja ta’ ċittadin taż-ŻEE, tal-konjuġi tiegħu, jew tas-sieħeb jew sieħba ċivili tiegħu u:

(a)      jekk din tirrisjedi fi Stat taż-ŻEE fejn ikun jirrisjedi wkoll iċ-ċittadin taż-ŻEE u jekk din tkun dipendenti fuqu jew tgħix f’daru;

(b)      jekk din kienet tissodisfa l-kundizzjoni prevista fis-subparagrafu (a) u takkompanja ċ-ċittadin taż-ŻEE fir-Renju Unit jew tixtieq tingħaqad miegħu, jew

(ċ)      jekk din kienet tissodisfa l-kundizzjoni prevista fis-subparagrafu (a), akkompanjat iċ-ċittadin taż-ŻEE fir-Renju Unit u tibqa’ tkun dipendenti fuqu jew tgħix f’daru.

(3)      Persuna tissodisfa l-kundizzjoni prevista fis-subparagrafu preżenti jekk din tkun membru tal-familja ta’ ċittadin taż-ŻEE, tal-konjuġi tiegħu, jew tas-sieħeb jew tas-sieħba ċivili tiegħu u jekk, għal raġunijiet serji ta’ saħħa, iċ-ċittadin taż-ŻEE, il-konjuġi tiegħu, jew is-sieħeb jew sieħba ċivili tiegħu, trid bil-fors tieħu ħsiebha b’mod personali.

[…]

(6)      Għall-finijiet ta’ dan ir-regolament, ‘ċittadin kkonċernat taż-ŻEE’ jfisser, fir-rigward ta’ membru tal-familja estiża, iċ-ċittadin taż-ŻEE li jkun, jew hu, jew il-konjuġi tiegħu, jew is-sieħeb jew is-sieħba ċivili tiegħu, ġenitur tal-membru tal-familja estiża għall-finijiet tas-subparagrafi (2), (3), jew (4), jew iċ-ċittadin taż-ŻEE li jkun is-sieħeb jew is-sieħba tal-membru tal-familja estiża għall-finijiet tas-subparagrafu (5).”

10      L-Artikolu 17 tar-Regolament fuq l-immigrazzjoni, intitolat “Ħruġ tal-karta ta’ residenza”, jipprovdi:

“[…]

(4)      Is-Secretary of State jista’ joħroġ karta ta’ residenza lil membru tal-familja estiża li ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7(3), li ma jkunx ċittadin taż-ŻEE:

(a)      jekk iċ-ċittadin kkonċernat taż-ŻEE jkun, fir-rigward ta’ membru tal-familja estiża, persuna li tissodisfa l-kundizzjonijiet mitluba jew ċittadin taż-ŻEE li jkollu dritt ta’ residenza permanenti skont l-Artikolu 15, u

(b)      jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha, is-Secretary of State jikkunsidra li jkun opportun li joħroġ karta ta’ residenza.

(5)      Meta s-Secretary of State jirċievi applikazzjoni skont il-paragrafu (4), huwa għandu jagħmel eżami dettaljat tas-sitwazzjoni personali tal-applikant u, jekk huwa jiċħad it-talba, għandu jagħti r-raġunijiet tiegħu għaċ-ċaħda sakemm dan ma jkunx prekluż minħabba raġunijiet marbuta mas-sigurtà tal-Istat.

[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11      Fil-31 ta’ Mejju 2006, Mahbur Rahman, ċittadin Bengali, iżżewweġ ċittadini Irlandiża li taħdem fir-Renju Unit.

12      Wara li sar dan iż-żwieġ, Muhammad Sazzadur Rahman, ħuh, Fazly Rabby Islam, ħuh wild l-istess omm iżda mhux l-istess missier jew viċiversa, u Mohibullah Rahman, in-neputi tiegħu, applikaw għal permess ta’ familja ŻEE sabiex jibbenefikaw mid-dritt ta’ residenza fir-Renju Unit bħala persuni dipendenti tal-konjuġi Rahman. Dawn l-applikazzjonijiet ġew miċħuda mill-Entry Clearance Officer f’Bangladexx, fis-27 ta’ Lulju 2006, peress li l-konvenuti fil-kawża prinċipali ma setgħux jipprovaw li kienu dipendenti tal-konjuġi Rahman fil-Bangladexx.

13      Għaldaqstant, il-konvenuti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikors kontra din id-deċiżjoni ta’ rifjut quddiem l-Immigration Judge of the Asylum and Immigration Tribunal. Din il-qorti laqgħet ir-rikors tagħhom fid-19 ta’ Ġunju 2007. Hija ddeċidiet li setgħu jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 u li, għaldaqstant, id-dħul tagħhom fir-Renju Unit kellu jkun iffaċilitat. Konsegwentement, inħargu permessi ta’ familja ŻEE lill-konvenuti fil-kawża prinċipali u setgħu b’hekk jingħaqdu mal-konjuġi Rahman fir-Renju Unit.

14      Fid-9 ta’ Jannar 2008, il-konvenuti fil-kawża prinċipali talbu li jinħarġulhom karti ta’ residenza sabiex jiġi kkonfermat id-dritt ta’ residenza tagħhom fir-Renju Unit. Dawn it-talbiet ġew miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Diċembru 2008 tas-Secretary of State, peress li dan tal-aħħar qies li dawn la kienu pprovaw li kienu rrisjedu mal-miżżewġa Rahman, ċittadina tal-Unjoni kkonċernata, fl-istess Stat Membru taż-ŻEE qabel ma hija waslet fir-Renju Unit, u lanqas li huma kienu għadhom dipendenti fuqha jew li kienu għandhom jgħixu f’darha fir-Renju Unit.

15      Adit b’rikors kontra din id-deċiżjoni, l-Immigration Judge of the Asylum and Immigration Tribunal iddeċieda, fis-6 ta’ April 2009, li l-konvenuti fil-kawża prinċipali kienu effettivament “dipendenti” u, konsegwentement, qies li l-fajl tagħhom kellu jiġi eżaminat skont l-Artikolu 17(4) u (5) tar-Regolament fuq l-immigrazzjoni.

16      Is-Secretary of State talab eżami mill-ġdid ta’ din id-deċiżjoni quddiem l-Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber). Dan l-eżami mill-ġdid ġie ordnat permezz tad-deċiżjoni tat-30 ta’ April 2009 u l-kawża tressqet quddiem l-imsemmija qorti bħala qorti tal-appell.

17      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber), iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 3(2) tad-[Direttiva 2004/38/KE] jeżiġi li Stat Membru jagħmel dispożizzjonijiet leġiżlattivi sabiex jiffaċilita d-dħul u/jew ir-residenza fi Stat Membru għall-kategorija ta’ membri oħra tal-familja li ma humiex ċittadini tal-Unjoni Ewropea li jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 10(2) [ta’ din id-direttiva]?

2)      Jista’ membru ieħor tal-familja kif imsemmi fid-Domanda 1 jinvoka l-applikabbiltà diretta tal-Artikolu 3(2) tad-[Direttiva 2004/38] fil-każ li huwa ma jkunx jista’ jissodisfa xi rekwiżiti imposti minn dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali?

3)      Il-kategorija ta’ membri oħra tal-familja li msemmija fl-Artikolu 3(2) u fl-Artikolu 10(2) tad-[Direttiva 2004/38] tirreferi biss għal dawk li rrisjedew fl-istess pajjiż bħaċ-ċittadin tal-Unjoni u l-konjuġi tiegħu jew tagħha, qabel maċ-ċittadin tal-Unjoni jkukn wasal fl-istat ospitanti?

4)      Id-dipendenza msemmija fl-Artikolu 3(2) tad-[Direttiva 2004/38], li jinvokaw membri oħra tal-familja sabiex jiksbu dħul fl-istat ospitanti trid tkun dipendenza li eżistiet qabel maċ-ċittadin tal-Unjoni ikun mar jgħix fl-istat ospitanti?

5)      Stat Membru jista’ jimponi rekwiżiti partikolari, fir-rigward tan-natura jew tat-tul taż-żmien tad-dipendenza msemmija fl-Artikolu 3(2) tad-[Direttiva 2004/38] minn tali membru tal-familja, sabiex jipprevjeni tali dependenza milli tiġi simulata jew mhux neċessarja sabiex tagħmilha possibli għal persuna li ma hijiex ċittadin li titħalla tidħol fil-pajjiż jew tkompli tirrisjedi fit-territorju tiegħu?

6)      Id-dipendenza li l-membru l-ieħor tal-familja jinvoka sabiex jitħalla [jirrisjedi] fl-Istat Membru għandha tkompli għal perijodu, jew b’mod indefinit fl-istat ospitanti, sabiex tinħareġ karta ta’ residenza jew sabiex din tiġġedded skont l-Artikolu 10 tad-[Direttiva 2004/38], u jekk iva kif għandha tiġi pprovata din id-dependenza?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

18      Fir-rigward tal-ewwel u tat-tieni domanda, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, għandu l-ewwel nett jiġi rrilevat li d-Direttiva 2004/38 ma tobbligax lill-Istati Membri jilqgħu kull talba għal dħul jew għal residenza magħmula minn persuni li juru li huma membri tal-familja “dipendenti” ta’ ċittadin tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 3(2)(a) ta’ din id-direttiva.

19      Fil-fatt, hekk kif sostnew il-Gvernijiet li ssottomettew osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, bl-istess mod bħall-Kummissjoni Ewropea, kemm mill-kliem tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 kif ukoll mis-sistema ġenerali tagħha jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa distinzjoni bejn il-membri tal-familja taċ-ċittadin tal-Unjoni ddefiniti fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2004/38 li jibbenefikaw minn dritt ta’ dħul u ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti tal-imsemmi ċittadin, taħt il-kundizzjonijiet imsemmija f’din id-direttiva, u l-membri l-oħrajn tal-familja msemmija fl-Artikolu 3(2)(a) tal-istess direttiva, li d-dħul u r-residenza tagħhom għandhom ikunu biss iffaċilitati minn dan l-Istat Membru.

20      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata bil-premessa 6 tad-Direttiva 2004/38 li tipprovdi li, “[s]abiex tinżamm l-unità tal-familja fis-sens l-aktar wiesgħa […], is-sitwazzjoni ta’ dawk il-persuni li mhumiex inklużi fid-definizzjoni ta’ membri ta' familja taħt din id-Direttiva, u li għalhekk ma jgawdux minn dritt awtomatiku ta’ dħul u ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti, għandha tiġi eżaminata mill-Istat Membru ospitanti skond il-bażi tal-leġislazzjoni nazzjonali tiegħu, sabiex jiddeċiedi jekk id-dħul u r-residenza għandhomx jiġu awtorizzati lil dawn il-persuni, waqt li titqies ir-relazzjoni tagħhom maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni jew kwalunkwe ċirkostanzi oħrajn, bħad-dipendenza finanzjarja jew fiżika fuq iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni”.

21      Għalkemm jirriżulta għaldaqstant li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 ma jobbligax lill-Istati Membri jirrikonoxxu d-dritt ta’ dħul u ta’ residenza lil persuni li huma membri tal-familja, fis-sens wiesa’ tat-terminu, li huma dipendenti ta’ ċittadin tal-Unjoni, xorta jibqa’ l-fatt, kif jirriżulta mill-użu tal-preżent indikattiv “jiffaċilita” fl-imsemmi Artikolu 3(2), li din id-dispożizzjoni timponi fuq l-Istati Membri obbligu li jagħtu ċertu vantaġġ lit-talbiet magħmula minn persuni li għandhom rabta ta’ dipendenza partikolari fil-konfront ta’ ċittadin tal-Unjoni, meta mqabbla mat-talbiet għal dħul u għal residenza ta’ ċittadini oħrajn ta’ Stati terzi.

22      Sabiex jissodisfaw dan l-obbligu, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38, l-Istati Membri għandhom jipprevedu l-possibbiltà li l-persuni msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) ikunu jistgħu jiksbu deċiżjoni dwar it-talba tagħhom li tkun ibbażata fuq eżami fid-dettall tas-sitwazzjoni personali tagħhom u li, fil-każ ta’ rifjut, din id-deċiżjoni għandha tkun motivata.

23      Fil-kuntest tal-imsemmi eżami tas-sitwazzjoni personali tal-applikant, hekk kif jirriżulta mill-premessa 6 tad-Direttiva 2004/38, huwa l-obbligu tal-awtorità kompetenti li tieħu inkunsiderazzjoni d-diversi fatturi li jistgħu jkunu rilevanti skont il-każ, bħall-grad ta’ dipendenza ekonomika jew fiżika u r-relazzjoni ta’ parentela bejn il-membru tal-familja u ċ-ċittadin tal-Unjoni li huwa jkun jixtieq jakkumpanja jew jingħaqad miegħu.

24      Fid-dawl kemm ta’ nuqqas ta’ regoli iktar preċiżi fid-Direttiva 2004/38 u tal-użu tal-kelmiet “skond il-leġislazzjoni nazzjonali” fl-Artikolu 3(2) tagħha, għandu jiġi kkonstatat li kull Stat Membru għandu marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fir-rigward tal-għażla ta’ fatturi li jridu jittieħdu inkunsiderazzjoni. Għaldaqstant, l-Istat Membru ospitanti għandu jiżgura li l-leġiżlazzjoni tiegħu tinkludi kriterji li jkunu konformi mat-tifsira normali tal-kelma “jiffaċilita” kif ukoll mal-kliem relatat mad-dipendenza użati fl-imsemmi Artikolu 3(2) u li ma jeliminawx l-effett utli ta’ din id-dispożizzjoni.

25      Fl-aħħar nett għandu jiġi rrilevat li, anki jekk, bħalma ġustament osservaw il-Gvernijiet li ssottomettew osservazzjonijiet, il-kliem użat fl‑Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 ma huwiex preċiż biżżejjed sabiex jippermetti li persuna li tagħmel talba għal dħul jew għal residenza tuża direttament din id-dispożizzjoni sabiex tinvoka kriterji ta’ evalwazzjoni li fil-fehma tagħha kellhom jiġu applikati għat-talba tagħha, xorta waħda jibqa’ l-fatt li tali persuna għandha d-dritt li titlob li jiġi vverifikat minn qorti jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-applikazzjoni tagħha baqgħux fil-limiti tal-marġni ta’ diskrezzjoni ddefinit mid-direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-24 ta’ Ottubru 1996, Kraaijeveld et, C‑72/95, Ġabra p. I‑5403, punt 56; tas‑7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging, C‑127/02, Ġabra p. I‑7405, punt 66, kif ukoll tas-26 ta’ Mejju 2011, Stichting Natuur en Milieu et, C‑165/09 sa C‑167/09, Ġabra p. I-4599, punti 100 sa 103).

26      Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, ir-risposta għall-ewwel u t-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens

–        li l-Istati Membri ma humiex obbligati jilqgħu kull talba għal dħul jew għal residenza magħmula minn membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma humiex koperti mid-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 2(2) tal-imsemmija direttiva, anki jekk juru, skont l-Artikolu 10(2) tagħha, li huma dipendenti tal-imsemmi ċittadin.

–        li, madankollu, huwa l-obbligu tal-Istati Membri li jiżguraw li l-leġiżlazzjoni tagħhom tinkludi kriterji li jippermettu li l-imsemmija persuni jiksbu deċiżjoni dwar it-talba tagħhom għal dħul jew għal residenza li tkun ibbażata fuq eżami fid-dettall tas-sitwazzjoni personali tagħhom u li, fil-każ ta’ rifjut, tkun motivata.

—      li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fl-għażla tal-imsemmija kriterji, filwaqt li dawn tal-aħħar għandhom, madankollu, jkunu konformi mat-tifsira normali tal-kelma “jiffaċilita” kif ukoll mal-kliem relatat mad-dipendenza użati fl-imsemmi Artikolu 3(2) u ma jeliminawx l-effett utli ta’ din id-dispożizzjoni; u

—      li kull applikant għandu d-dritt jitlob li qorti tivverifika jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-applikazzjoni tagħha jissodisfawx dawn il-kundizzjonijiet.

 Fuq it-tielet u r-raba’ domanda

27      Permezz tat-tielet u r-raba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati wkoll flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, sabiex persuna taqa’ taħt il-kategorija ta’ membri tal-familja “dipendenti” ta’ ċittadin tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38, huwiex neċessarju li tkun diġà kienet residenti fl-istess Stat bħaċ-ċittadin u li tkun diġà kienet dipendenti ta’ dan tal-aħħar ftit żmien qabel jew fil-mument li huwa jkun mar joqgħod fl-Istat Membru ospitanti.

28      Hekk kif sostnew b’mod partikolari s-Centre for Advice on Individual Rights in Europe (AIRE Centre), il-Gvern Olandiż u l-Kummissjoni, il-kliem tad-Direttiva 2004/38 ma jippermettix li jiġi konkluż li l-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma humiex koperti mid-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva u li ma wrewx kif xieraq is-sitwazzjoni ta’ dipendenza fir-rigward ta’ dan iċ-ċittadin, jistgħu jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva minħabba s-sempliċi raġuni li ma kinux residenti fl-istess Stat bħall-imsemmi ċittadin.

29      Skont l-imsemmi Artikolu 3(2), l-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw, skont il-leġiżlazzjoni tagħhom, id-dħul u r-residenza ta’ “kwalunkwe membri oħrajn tal-familja, […] li, fil-pajjiż li ġejjin minnu huma dipendenti jew membri tad-dar taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni li għandu d-dritt primarju ta’ residenza […]”.

30      Bl-istess mod, l-Artikolu 10(2)(e) tad-Direttiva 2004/38, li jirrigwarda l-ħruġ tal-karta ta’ residenza, jawtorizza lill-Istati Membri sabiex jitolbu lill-membri tal-familja msemmija fl-Artikolu 3(2) tal-istess direttiva jippreżentaw “dokument maħruġ mill-awtorità rilevanti tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-pajjiż li ġejjin minnu li jiċċertifika li huma dipendenti [ta]ċ-ċittadin ta’ l-Unjoni”.

31      Hekk kif espona l-Avukat Ġenerali fil-punti 91, 92 u 98 tal-konklużjonijiet tiegħu, xejn ma jindika li l-espressjoni “pajjiż li ġejjin minnu” użata f’dawn id-dispożizzjonijiet għandha tinftiehem bħala tirreferi għall-pajjiż li fih iċ-ċittadin tal-Unjoni kien jirrisjedi qabel ma mar joqgħod fl-Istat Membru ospitanti. Bil-kontra, minn qari flimkien tal-imsemmija dispożizzjonijiet jirriżulta li l-“pajjiż li ġejjin minnu” huwa, fil-każ ta’ ċittadin tal-Stat terz li jiddikjara li huwa “dipendenti” ta’ ċittadin tal-Unjoni, l-Istat li fih kien jirrisjedi fid-data meta talab li jakkumpanja jew li jingħaqad maċ-ċittadin tal-Unjoni.

32      Għal dak li jikkonċerna l-mument li fih l-applikant irid ikun f’sitwazzjoni ta’ dipendenza sabiex jitqies bħala “dipendenti” fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38, għandu jiġi rrilevat li l-għan ta’ din id-dispożizzjoni jikkonsisti, hekk kif jirriżulta mill-premessa 6 ta’ din id-direttiva, f’li “tinżamm l-unità tal-familja fis-sens l-aktar wiesgħa” billi jiġu ffaċilitati d-dħul u r-residenza ta’ persuni li ma humiex inklużi fid-definizzjoni ta’ membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li tinsab fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2004/38 iżda li madankollu għandhom rabta mill-qrib u stabbli ma’ ċittadin tal-Unjoni minħabba ċirkustanzi fattwali speċifiċi, bħal dipendenza ekonomika, bħall-fatt li huma membri tad-dar jew bħal raġunijiet serji ta’ saħħa.

33      Issa, għandu jiġi kkonstatat li tali rabtiet jistgħu jeżistu mingħajr ma l-membru tal-familja taċ-ċittadin tal-Unjoni jkun irrisjeda fl-istess Stat ta’ dan iċ-ċittadin jew mingħajr ma kien dipendenti ta’ dan tal-aħħar ftit żmien qabel jew fil-mument li dan mar joqgħod fl-Istat Membru ospitanti. Is-sitwazzjoni ta’ dipendenza għandha, min-naħa l-oħra, teżisti fil-pajjiż minn fejn ġej il-membru tal-familja kkonċernat, fil-mument meta jitlob li jingħaqad maċ-ċittadin tal-Unjoni li tiegħu huwa dipendenti.

34      Fil-kawża prinċipali, huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika, fuq il-bażi tal-elementi ta’ interpretazzjoni pprovduti iktar ’il fuq, jekk il-konvenuti fil-kawża prinċipali kinux dipendenti taċ-ċittadin tal-Unjoni, f’dan il-każ il-miżżewġa Rahman, fil-pajjiż min fejn ġejjin, il-Bangladexx, fil-mument meta talbu li jingħaqdu magħha fir-Renju Unit. Huwa biss fil-każ li jirnexxilhom jipprovaw din id-dipendenza fil-pajjiż minn fejn ġejjin, skont l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2004/38, li l-Istat Membru ospitanti jkollu jiffaċilita d-dħul u r-residenza tagħhom skont l-Artikolu 3(2) tal-imsemmija direttiva, kif interpretat fil-punti 22 sa 25 tas-sentenza preżenti.

35      Fid-dawl ta’ dan li ntqal qabel, ir-risposta għat-tielet u r-raba’ domanda magħmula għandha tkun li, sabiex jaqgħu taħt il-kategorija tal-membri tal-familja “dipendenti” ta’ ċittadin tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38, is-sitwazzjoni ta’ dipendenza għandha teżisti fil-pajjiż minn fejn ġej il-membru tal-familja kkonċernat, u dan għall-inqas fil-mument meta jitlob li jingħaqad maċ-ċittadin tal-Unjoni li tiegħu huwa dipendenti.

 Fuq il-ħames domanda

36      Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk Stat Membru jistax jimponi xi rekwiżiti partikolari dwar in-natura jew it-tul taż-żmien tad-dipendenza fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38, sabiex jiżgura ruħu li tali dipendenza hija reali u stabbli u ma hijiex ikkawżata biss bl-għan li jinkisbu d-dħul u r-residenza fit-territorju tiegħu.

37      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar, hekk kif ġie spjegat b’risposta għall-ewwel u t-tieni domanda, li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ rigward l-għażla tal-fatturi li jridu jittieħdu inkunsiderazzjoni matul l-eżami tal-applikazzjonijiet għal dħul u għal residenza ppreżentati minn membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38.

38      Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 105 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Istati Membri jistgħu, fl-eżerċizzju ta’ dan il-marġni ta’ diskrezzjoni, jipprovdu rekwiżiti partikolari fil-leġiżlazzjoni tagħhom dwar in-natura u t-tul ta’ żmien tad-dipendenza u dan sabiex jiżguraw ruħhom, b’mod partikolari, li din is-sitwazzjoni ta’ dipendenza hija reali, stabbli u ma ġietx ikkawżata biss bl-għan li jinkisbu d-dħul u r-residenza fl-Istat Membru ospitanti.

39      Madankollu, huwa importanti, bħalma ġie deċiż fil-punt 24 tas-sentenza preżenti, li r-rekwiżiti jkunu konformi mat-tifsira normali tal-kliem relatat mad-dipendenza msemmija fl-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2004/38 u li dawn ma jeliminawx l-effett utli ta’ din id-dispożizzjoni.

40      Għaldaqstant, ir-risposta għal ħames domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri jistgħu, fl-eżerċizzju tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom, jimponu rekwiżiti partikolari li jirrigwardaw in-natura u t-tul taż-żmien tad-dipendenza, sakemm dawn ir-rekwiżiti jkunu konformi mat-tifsira normali tal-kliem relatat mad-dipendenza msemmija fl-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2004/38 u li dawn ma jeliminawx l-effett utli ta’ din id-dispożizzjoni.

 Fuq is-sitt domanda

41      Permezz tas-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-ħruġ tal-karta ta’ residenza msemmija fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/38 jistax jiġi suġġett għar-rekwiżit li s-sitwazzjoni ta’ dipendenza fis-sens tal-Artikolu 3(2)(a) ta’ din id-direttiva tkun kompliet fl-Istat Membru ospitanti.

42      F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li, għal dak li jikkonċerna l-ħruġ tal-karta ta’ residenza msemmija mid-Direttiva 2004/38, il-leġiżlatur tal-Unjoni essenzjalment sempliċement elenka, fl-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, id-dokumenti li għandhom jiġu ppreżentati sabiex tinkiseb tali karta, liema karta mbagħad għandha tiġi pprovduta mhux iktar tard minn sitt xhur wara li tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni.

43      Għal dak li jikkonċerna l-applikanti msemmija fl-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2004/38, l-imsemmi Artikolu 10 jipprovdi li dawn l-applikanti għandhom jippreżentaw fost oħrajn “dokument maħruġ mill-awtorità rilevanti tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-pajjiż li ġejjin minnu li jiċċertifika [d-dipendenza] miċ-ċittadin ta’ l-Unjoni”.

44      Għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlatur la rregola permezz ta’ din id-dispożizzjoni u lanqas permezz ta’ dispożizzjonijiet oħrajn tad-Direttiva 2004/38, il-kwistjoni dwar jekk membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, li ma humiex koperti bid-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 2(2) tal-imsemmija direttiva, li jitolbu tinħarġilhom karta ta’ residenza filwaqt li jippreżentaw dokument maħruġ mill-pajjiż minn fejn ikunu ġejjin u li jiċċertifika li huma dipendenti ta’ dan iċ-ċittadin tal-Unjoni, jistgħux jiġu rrifjutati l-ħruġ ta’ din il-karta ta’ residenza minħabba li, wara li jkunu daħlu fl-Istat Membru ospitanti, ma jkunux baqgħu dipendenti tal-imsemmi ċittadin.

45      Għaldaqstant, ir-risposta għas-sitt domanda għandha tkun li l-kwistjoni dwar jekk il-ħruġ tal-karta ta’ residenza msemmija fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/38 jistax jiġi suġġett għar-rekwiżit li s-sitwazzjoni ta’ dipendenza fis-sens tal-Artikolu 3(2)(a) ta’ din id-direttiva tkun kompliet fl-Istat Membru ospitanti, ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva.

 Fuq l-ispejjeż

46      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal‑membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id‑Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, għandu jiġi interpretat fis-sens:

      li l-Istati Membri ma humiex obbligati jilqgħu kull talba għal dħul jew għal residenza magħmula minn membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma humiex koperti mid-definizzjoni li tinsab fl‑Artikolu 2(2) tal-imsemmija direttiva, anki jekk juru, skont l‑Artikolu 10(2) tagħha, li huma dipendenti tal-imsemmi ċittadin;

      li, madankollu, huwa l-obbligu tal-Istati Membri li jiżguraw li l-leġiżlazzjoni tagħhom tinkludi kriterji li jippermettu li l-imsemmija persuni jiksbu deċiżjoni dwar it-talba tagħhom għal dħul jew għal residenza li tkun ibbażata fuq eżami fid-dettall tas-sitwazzjoni personali tagħhom u li, fil-każ ta’ rifjut, tkun motivata;

      li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fl-għażla tal-imsemmija kriterji, filwaqt li dawn tal-aħħar għandhom, madankollu, ikunu konformi mat-tifsira normali tal-kelma “jiffaċilita” kif ukoll mal-kliem relatat mad-dipendenza użat fl-imsemmi Artikolu 3(2) u ma jeliminawx l-effett utli ta’ din id-dispożizzjoni; u

      li kull applikant għandu d-dritt jitlob li qorti tivverifika jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-applikazzjoni tagħha jissodisfawx dawn il-kundizzjonijiet.

2)      Sabiex jaqgħu taħt il-kategorija tal-membri tal-familja “dipendenti” ta’ ċittadin tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38, is-sitwazzjoni ta’ dipendenza għandha teżisti fil-pajjiż minn fejn ġej il-membru tal-familja kkonċernat, u dan għall-inqas fil-mument meta jitlob li jingħaqad maċ-ċittadin tal-Unjoni li tiegħu huwa dipendenti.

3)      L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri jistgħu, fl-eżerċizzju tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom, jimponu rekwiżiti partikolari li jirrigwardaw in-natura u t-tul taż-żmien tad-dipendenza, sakemm dawn ir-rekwiżiti jkunu konformi mat-tifsira normali tal-kliem relatat mad-dipendenza msemmija fl-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2004/38 u li dawn ma jeliminawx l-effett utli ta’ din id-dispożizzjoni.

4)      Il-kwistjoni dwar jekk il-ħruġ tal-karta ta’ residenza msemmija fl‑Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/38 jistax jiġi suġġett għar-rekwiżit li s-sitwazzjoni ta’ dipendenza fis-sens tal-Artikolu 3(2)(a) ta’ din id-direttiva tkun kompliet fl-Istat Membru ospitanti, ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.