Language of document : ECLI:EU:C:2012:630

Kawża C-364/10

L-Ungerija

vs

Ir-Repubblika Slovakka

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Artikolu 259 TFUE — Ċittadinanza tal-Unjoni — Artikolu 21 TFUE — Direttiva 2004/38/KE — Dritt ta’ moviment fit-territorju tal-Istati Membri — President tal-Ungerija — Projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju tar-Repubblika Slovakka — Relazzjonijiet diplomatiċi bejn Stati Membri”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-16 ta’ Ottubru 2012

1.        Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Rikors ippreżentat minn Stat Membru — Eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq l-allegat nuqqas ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni — Ċaħda — Kwistjoni li taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni

(Artikolu 259 TFUE)

2.        Ċittadinanza tal-Unjoni — Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri — Persuna li taqdi l-funzjonijiet ta’ Kap ta’ Stat — Status partikolari rregolat minn regoli tad-dritt internazzjonali — Limitazzjoni għad-dritt ta’ moviment ibbażata fuq dawn ir-regoli — Ammissibbiltà

(Artikolu 21 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38)

3.        Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Abbuż ta’ liġi allegatament imwettaq minn Stat Membru — Provi — Provi li għandhom jikkonċernaw kemm iċ-ċirkustanzi oġġettivi kif ukoll il-volontà li jinkiseb vantaġġ

(Artikolu 259 TFUE)

4.        Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Rikors ippreżentat minn Stat Membru — Ilment ibbażat fuq riskju ta’ ksur futur tad-dritt tal-Unjoni — Ilment intiż sabiex tinkiseb interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni — Inammissibbiltà

(Artikolu 259 TFUE)

1.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 24-26)

2.        Kap ta’ Stat li jkollu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru jibbenefika inkontestabbilment mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, li jagħti, skont l-Artikolu 21 TFUE, dritt fundamentali u individwali li jiċċaqlaq u jirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri, bla ħsara għal-limitazzjonijiet u għar-restrizzjonijiet stabbiliti mit-Trattat TFUE u miżuri adottati bil-għan tal-applikazzjoni tagħhom.

Tali limitazzjonijiet jistgħu wkoll ikunu bbażati fuq regoli relevanti tad-dritt internazzjonali, peress li dan id-dritt jagħmel parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

Għalhekk, peress li, abbażi tar-regoli konswetudinarji tad-dritt internazzjonali ġenerali kif ukoll dawk konvenzjonali multilaterali, kap ta’ Stat fir-relazzjonijiet internazzjonali jgawdi minn status partikolari li jimplika, b’mod partikolari, privileġġi u immunitajiet, tali speċifiċità hija ta’ natura li tiddistingwi l-persuna li tgawdi minn dan l-istatus miċ-ċittadini tal-Unjoni l-oħra, b’mod li l-aċċess ta’ din il-persuna għat-territorju ta’ Stat Membru ieħor ma jaqax taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikabbli għaċ-ċittadini l-oħra.

Għalhekk, l-ispeċifiċità tal-istatus tal-kap ta’ Stat hija ta’ natura li tiġġustifika limitu, ibbażat fuq id-dritt internazzjonali, għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment li l-Artikolu 21 TFUE jikkonferilu.

(ara l-punti 42-44, 46, 50, 51)

3.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 57, 58)

4.        Il-proċedura mibdija bl-Artikolu 259 TFUE hija intiża sabiex jiġi kkonstatat u sabiex jitwaqqaf l-aġir ta’ Stat Membru bi ksur tad-dritt tal-Unjoni.

Għalhekk, peress li l-għan tat-trattat huwa li jiġi eliminat b’mod effettiv in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mill-Istati Membri u mill-konsegwenzi ta’ dan in-nuqqas, rikors skont l-Artikolu 259 TFUE dwar nuqqas futur u eventwali jew li huwa limitat sabiex jitlob l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni huwa inammissibbli.

(ara l-punti 67, 68)