Language of document : ECLI:EU:C:2003:491

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

23 ta’ Settembru 2003 (*)

“Moviment liberu tal-ħaddiema ─ Ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa l-konjuġi ta’ ċittadin ta’ Stat Membru ─ Konjuġi pprojbit milli jidħol u jirresjedi f’dan l-Istat Membru ─ Stabbiliment temporanju tal-koppja fi Stat Membru ieħor ─ Stabbiliment bil-għan li l-konjuġi jikseb, taħt id-dritt Komunitarju, id-dritt ta’ dħul u ta’ residenza fl-ewwel Stat Membru ─ Abbuż”

Fil-Kawża C-109/01,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari, skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Immigration Appeal Tribunal (ir-Renju Unit), fil-proċedura bejn

Secretary of State for the Home Department

u

Hacene Akrich,

dwar l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju fuq il-moviment liberu tal-persuni u d-dritt ta’ residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa l-konjuġi ta’ ċittadin ta’ Stat Membru,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

komposta minn G. C. Rodríguez Iglesias, President, J.-P.-Puissochet, M. Wathelet, R. Schintgen u C. W. A. Timmermans, Presidenti ta’ l-Awli, D. A. O. Edwards, A. La Pergola, P. Jann, F. Macken, N. Colneric (Relatur) u S. von Bahr, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal H. Akrich, minn T. Eicke, barrister, maħtur minn D. Flynn, Joint Council for the Welfare of Immigrants u D. Betts, solicitor,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn J. E. Collins, bħala aġent, assistit minn E. Sharpston, QC, u minn T.R. Tam, barrister,

–        għar-Repubblika Ellenika, minn I. Galani-Maragkoudaki u S. Vodina, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn C. O’Reilly, bħala aġent,

wara li rat ir-rapport għas-seduta,

wara li semgħet l-osservazzjonijiet orali ta’ H. Akrich, irrappreżentat minn T. Eicke, tal-Gvern tar-Renju Unit, irrappreżentat minn J. E. Collins, assistit minn E. Sharpston, tal-Gvern Elleniku, irrappreżentat minn I. Galani-Maragkoudaki u minn E.-M. Mamouna, bħala aġenti, u tal-Kummissjoni, irrappreżentata minn C. O’Reilly, fis-seduta tal-5 ta’ Novembru 2002,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta’ Frar 2003,


tagħti l-preżenti

Sentenza

1        B’digriet tat-3 ta’ Ottubru 2000, li wasal fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Marzu 2001, l-Immigration Appeal Tribunal għamlet, skont l-Artikolu 234 KE, żewġ domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju fil-qasam tal-moviment liberu tal-persuni u d-dritt ta’ residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa konjuġi ta’ ċittadin ta’ Stat Membru.

2        Dawn id-domandi tqajmu fil-kuntest ta’ kawża bejn is-Secretary of State for the Home Department (iktar ’il quddiem, is-“Secretary of State”) u H. Akrich, ċittadin Marokkin, fir-rigward tad-dritt ta’ dan ta’ l-aħħar li jidħol u li jirresjedi fir-Renju Unit.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt Komunitarju

3        L-Artikolu 39(1) sa (3) KE jipprovdi kif ġej:

“1.      Għandu jkun żgurat il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan il-Komunità.

2.      Dan jimplika l-abolizzjoni ta' kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza bejn il-ħaddiema ta’ l-Istati Membri dwar l-impieg, il-paga u l-kundizzjonijiet l-oħra tax-xogħol.

3.      Għandu jinkludi d-dritt, bla ħsara għal-limitazzjonijiet ġustifikati minħabba ordni pubbliku, sigurta’ pubblika u saħħa pubblika:

[...]

b)      li jispostja ruħu liberament għal dan l-iskop fit-territorju ta’ l-Istati Membri,

[...]”

4        Id-Direttiva tal-Kunsill 64/221/KEE, tal-25 ta’ Frar 1964, dwar il-koordinazzjoni ta’ miżuri speċjali rigward il-moviment u r-residenza ta' ċittadini barranin li huma ġġustifikati għal raġunijiet ta’ politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika (ĠU 1964, 56, p. 850), tipprovdi, fl-Artikoli 1, 2 u 3 (1) u (2):

“Artikolu 1

1.      Id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw għal kull ċittadin ta’ xi Stat Membru li joqgħod fi jew jivvjaġġa lejn Stat Membru ieħor tal-Komunità, jew sabiex ikompli attività bħala persuna impjegata jew bħala impjegat għal rasu, jew bħala reċipjent ta' servizzi.

2.      Dawn id-disposizzjonijiet għandhom japplikaw ukoll għall-konjuġi u għall-membri tal-familja li jaqgħu taħt id-disposizzjonijiet tar-regolamenti u direttivi adottati f'dan il-qasam bis-saħħa tat-Trattat.

Artikolu 2

1.      Din id-Direttiva tirrigwarda l-miżuri kollha dwar id-dħul fit-territorju tagħhom, il-ħruġ jew it-tiġdid tal-permessi tar-residenza, jew it-tkeċċija mit-territorju tagħhom, meħuda minn Stati Membri għal raġunijiet ta’ politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika.

2.      Dawn ir-raġunijiet ma għandhomx jiġu invokati biex jaqdu għanijiet ekonomiċi.

Artikolu 3

1.      Il-miżuri li jittieħdu għal raġunijiet ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika għandhom ikunu bbażati fuq il-kondotta personali ta’ l-individwu konċernat.

2.      Il-kundanni kriminali ta’ qabel ma għandhomx jikkostitwixxu fihom infushom raġunijiet sabiex jittieħdu dawk il-miżuri.”

5        L-Aritkolu 10(1) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU L 257, p.2), jipprovdi:

“1.      Dawn li ġejjin għandhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza tagħhom, ikollhom id-dritt li jinstallaw ruħhom ma’ ħaddiem li hu ċittadin ta’ Stat Membru wieħed u li hu mpjegat fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor:

a)      il-mara tiegħu u d-dixxendenti tagħhom li huma taħt l-età ta’ 21 sena jew huma dipendenti;

b)      qraba dipendenti fil-linja axxendenti tal-ħaddiem u l-mara tiegħu.

[…]

3.      Għall-iskopijiet ta’ paragrafi 1 u 2, il-ħaddiem għandu jkollu disponibbli għall-familja tiegħu dar għall-abitazzjoni meqjusa bħala normali għall-ħaddiema ċittadini ta’ dak l-Istat fir-reġjun fejn hu jkun impjegat; din id-disposizzjoni, madanakollu m’għandux joħloq diskriminazzjoni bejn ħaddiema ċittadini u ħaddiema mill-Istati Membri l-oħra.”

6        Fl-istess żmien tar-Regolament Nru 1612/68, il-leġiżlatur Komunitarju adotta d-Direttiva tal-Kunsill 68/360/KEE, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar it-tneħħija ta’ restrizzjonijiet fuq il-moviment u residenza fi ħdan il-Komunità għal ħaddiema ta’ Stati Membri u l-familji tagħhom (ĠU L 257, pġ. 13). Skont l-ewwel premessa tagħha, din id-direttiva tipprevedi l-adozzjoni ta’ miżuri li huma f’konformità mad-drittijiet u l-privileġġi mogħtija mir-Regolament Nru 1612/68 liċ-ċittadini ta’ kull Stat Membru u lill-membri tal-familji tagħhom li jittrasferixxu ruħhom sabiex jeżerċitaw attività bħala persuni impjegati. Skont it-tieni premessa, ir-regoli applikabbli fir-rigward tar-residenza għandhom, sa fejn huwa possibbli, iqarrbu s-sitwazzjoni tal-ħaddiema ta’ l-Istati Membri l-oħra u tal-membri tal-familji tagħhom ma’ dik taċ-ċittadini ta’ l-Istat Membru.

7        Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 68/360:

“L-Istati Membri għandhom, waqt li jaġixxu kif hemm provdut f’din id-Direttiva, ineħħu r-restrizzjonijiet fuq il-moviment u residenza ta’ ċittadini ta’ l-Istati msemmija u ta’ membri tal-familji tagħhom li għalihom japplika r-Regolament (KEE) Nru 1612/68.”

8        L-Artikolu 3 tad-Direttiva 68/360 jipprovdi kif ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom jippermettu lill-persuni li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 1 li jidħlu fit-territorju tagħhom sempliċiment mal-preżentazzjoni ta’ karta ta’ l-identità valida jew passaport validu.

2.      L-ebda visa ta’ dħul jew dokument ekwivalenti m’għandu jintalab ħlief minn membri tal-familja li ma jkunux ċittadini ta' Stat Membru. L-Istati Membri għandhom jagħtu lil dawk il-persuni kull faċilità sabiex jiksbu kull visa meħtieġa.”

9        L-Artikolu 4 tad-Direttiva 63/360 jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jagħtu d-dritt ta’ residenza fit-territorju tagħhom lill-persuni li hemm referenza għalihom f’Artikolu 1 li jistgħu jipproduċu d-dokumenti mniżżla f’paragrafu 3.

2.      Bħala prova tad-dritt ta’ residenza, għandu jinħareġ dokument intitolat “Permess għal Residenza għal ċittadini ta’ Stat Membru tal-KEE”. Dan id-dokument għandu jinkludi dikjarazzjoni li jkun inħareġ bis-saħħa tar-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u mal-miżuri meħuda mill-Istati Membri għall-implimentazzjoni tad-Direttiva preżenti. It-test ta’ din id-dikjarazzjoni hu mogħti fl-Anness għal din id-Direttiva.

3.      Għall-ħruġ ta’ dak il-Permess ta’ Residenza għal ċittadini ta’ Stat Membru tal-KEE, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu l-preżentazzjoni tad-dokumenti segwenti:

–        mill-ħaddiem:

a)      id-dokument li bih tkun daħlet fit-territorju tagħhom;

b)      konferma ta’ impjieg minn dak li jħaddem jew ċertifikat ta’ impjieg;

–        mill-membri tal-familja tal-ħaddiem:

ċ)      id-dokument li bih ikunu daħlu fit-territorju;

d)      dokument maħruġ mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ oriġini jew l-Istat minn fejn ikunu ġew, li jagħti prova tar-relazzjoni tagħhom;

e)      fil-każijiet li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 10 (1) u (2) tar-Regolament (KEE) Nru 1612/68, dokument maħruġ mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ oriġini jew l-Istat minn fejn ikunu ġew, li jagħti xiehda li huma dipendenti fuq il-ħaddiem jew li jgħixu taħt is-saqaf tiegħu f’dak il-pajjiż.

4.      Membru tal-familja li ma jkunx ċittadin ta’ Stat Membru għandu jinħariġlu dokument ta’ residenza li għandu jkollu l-istess validità ta’ dak maħruġ lill-ħaddiem li fuqu jkun dipendenti.”

10      Il-persuni li jaħdmu għal rashom u l-membri tal-familja tagħhom huma koperti mid-Direttiva tal-Kunsill 73/148/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1973, dwar l-abolizzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq il-moviment u r-residenza fil-Komunità għal ċittadini ta’ Stati Membri f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-istabbiliment u l-proviżjoni tas-servizzi (ĠU 1973 L 172 p. 14).

 Id-dritt nazzjonali

 Kunsiderazzjonijiet ġenerali

11      Il-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit dwar l-Immigrazzjoni hija stabbilita prinċipalment permezz ta’ l-Immigration Act 1971 (Liġi tal-1971 dwar l-immigrazzjoni) u permezz ta’ l-United Kingdom Immigration Rules (House of Commons Paper 395) (regoli dwar l-immigrazzjoni adottati mill-Parlament tar-Renju Unit fl-1994), sussegwentement emendati diversi drabi (iktar ’il quddiem, l-“Immigration Rules”).

12      Taħt is-Sezzjonijiet 1(2) u 3(1) ta’ l-Immigration Act 1971, persuna li mhijiex ċittadina Brittanika normalment tista’ tidħol jew tirresjedi fir-Renju Unit biss jekk kisbet permess għal dan il-għan. Dan il-permess jissejjaħ rispettivament “permess għad-dħul” (“leave to enter”) u “permess ta’ residenza” (“leave to remain”).

13      Skont ir-Regola 24 ta’ l-Immigration Rules, iċ-ċittadini ta’ ċerti pajjiżi, fosthom il-Marokk, għandhom jiksbu ċertifikat ta’ dħul validu (“entry clearance”) qabel ma jaslu fir-Renju Unit. Ċertifikat ta’ dħul validu huwa simili għal viża. Għall-persuni li huma meħtieġa jiksbu viża, ċertifikat ta’ dħul validu huwa fil-forma ta’ viża.

14      Skont is-Sezzjoni 7(1) ta’ l-Immigration Act 1988 (Liġi tal-1988 dwar l-immigrazzjoni), persuna mhijiex meħtieġa titlob permess għad-dħul jew ta’ residenza fir-Renju Unit mhuwiex meħtieġ jekk “hija intitolata tagħmel dan bis-saħħa tad-dritt Komuntarju li hija tista’ tinvoka direttament”.

 Setgħa diskrezzjonali tas-Secretary of State

15      Is-Secretary of State għandu setgħa diskrezzjonali li tagħtih il-possibbiltà jammetti persuni fir-Renju Unit jew jawtorizzahom saħansitra jirresjedu hemmekk, anki jekk huma ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet previsti mid-dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ l-Immigration Rules.

 Tkeċċija

16      Skont is-Sezzjonijiet 3(5) u 3 (6) ta’ l-Immigration Act 1971, persuna li mhijiex ċittadina Brittanika tista’, fost l-oħrajn, titkeċċa (“deportation”) barra mir-Renju Unit, meta hija tinstab ħatja ta’ delitt issanzjonat b’piena ta’ priġunerija u meta qorti kriminali tkun issuġġeriet it-tkeċċija tagħha.

17      Ladarba ordni għat-tkeċċija tiġi ffirmata mis-Secretary of State, din għandha bħala effett, skont is-Sezzjoni 5(1) ta’ l-Immigration Act 1971, li tobbliga lill-persuna kkonċernata titlaq mir-Renju Unit u li tipprojbixxiha milli tidħol fir-Renju Unit, kif ukoll li tinvalida kull permess għad-dħul jew permess ta’ residenza li jkun ingħatalha, kemm jekk dan ikun ingħatalha qabel kif ukoll wara li l-ordni ġie ffirmat. L-ordnijiet ta’ tkeċċija jipprevedu mezzi sabiex il-persuni titkeċċa mir-Renju Unit.

18      Persuna li titlob permess sabiex tidħol fir-Renju Unit meta jkun hemm fis-seħħ ordni ta’ tkeċċija kontriha m’għandhiex tingħata permess tidħol [Regola 320(2) ta’ l-Immigration Rules], anki jekk f’ċirkustanzi oħra hija tikkwalifika sabiex tidħol. Persuna li tidħol fir-Renju Unit meta ordni ta’ tkeċċija hija fis-seħħ kontriha titqies bħala persuna barranija li daħlet b’mod illegali [Sezzjoni 33(1) ta’ l-Immigration Act 1971] u għaldaqstant tista’ jitkeċċa mir-Renju Unit taħt is-Sezzjoni 4(2)(c) u l-paragrafu 9 ta’ l-Anness 2 ta’ l-Immigration Act 1971.

19      Ordnijiet ta’ tkeċċija huma għal tul indefinit. Madanakollu, taħt is-Sezzjoni 5(2) ta’ l-Immigration Act 1971, is-Secretary of State jista’ jirrevoka ordni ta’ tkeċċija f’kull mument. Skont ir-Regola 390 ta’ l-Immigration Rules kull talba għar-revoka ta’ ordni ta’ tkeċċija għandha tiġi eżaminata fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha, inklużi r-raġunijiet li għalihom saret l-ordni ta’ tkeċċija, id-dikjarazzjonijiet kollha li saru insostenn tar-revoka, l-interessi nazzjonali, inkluża ż-żamma ta’ kontroll effettiv ta’ l-immigrazzjoni, u l-interessi ta’ l-applikant, inklużi r-raġunijiet ta’ natura umanitarja. Is-sitwazzjonijiet matrimonjali u familjari normalment jittieħdu in kunsiderazzjoni fost ir- raġunijiet ta’ natura umanitarja.

20      Ir-Regola 391 ta’ l-Immigration Rules tipprovdi li ordni ta’ tkeċċija normalment ma tiġix irrevokata sakemm ma kienx hemm tibdil sostanzjali fiċ-ċirkustanzi, jew sakemm il-fatt li għadda ż-żmien jiġġustifika r-revoka. Madankollu, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali ħafna, ordni ta’ tkeċċija tiġi rrevokata biss jekk il-persuna kienet nieqsa mir-Renju Unit għal perijodu ta’ mill-inqas tliet snin minn meta saret l-ordni.

21      Ir-Regola 392 ta’ l-Immigration Rules tispeċifika li r-revoka ta’ ordni ta’ tkeċċija ma tagħtix, minnha nfisha, lill-persuna kkonċernata d-dritt li tidħol fir-Renju Unit. Din tippermettilha biss li tapplika sabiex tkun tista’ tidħol fir-Renju Unit b’mod konformi mal-Immigration Rules jew ma’ dispożizzjonijiet oħra tal-liġi dwar l-immigrazzjoni.

 Żwieġ ma’ ċittadin Brittaniku jew ma’ ċittadin ta’ Stat Membru taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE)

22      Persuna li teħtieġ permess sabiex tidħol fir-Renju Unit tista’ titlob dan il-permess billi tinvoka ż-żwieġ tagħha ma’ persuna, inkluż ċittadin tar-Renju Unit, li huwa preżenti u stabbilit fir-Renju Unit. Ir-rekwiżiti għall-għoti ta’ dan il-permess huma elenkati fir-Regola 281 ta’ l-Immgiration Rules. Din id-dispożizzjoni tipprovdi b’mod partikolari, fis-subparagrafu (vi) ta’ dawn ir-regoli, li l-applikant għandu jkollu ċertifikat ta’ dħul validu fir-Renju Unit fil-kwalità tiegħu bħala konjuġi.

23      Persuna li tissodisfa r-rekwiżiti kollha elenkati fir-Regola 281 ta’ l-Immigration Rules tista’ tingħata ċertifikat ta’ dħul validu u, jekk dan jingħata, hija tista’ imbagħad tapplika għal permess sabiex tidħol meta hija tasal f’punt ta’ dħul fit-territorju tar-Renju Unit. Ir-Regola 282 ta’ l-Immigration Rules tipprovdi li persuna li tixtieq tikseb permess għad-dħul fir-Renju Unit fil-kwalità tagħha ta’ konjuġi ta’ persuni preżenti u stabbilita fir-Renju Unit tista’ tingħata permess għad-dħul inizjali, li jkun validu għal mhux iktar minn tnax-il xahar, jekk din il-persuna jkollha tali ċertifikat ta’ dħul validu.

24      Madankollu, skont ir-Regoli 320(2) u 321(3) ta’ l-Immigration Rules, jekk persuna li kontriha teżisti ordni ta’ tkeċċija tapplika sabiex tidħol fir-Renju Unit fil-kwalità tagħha bħala konjuġi ta’ persuna preżenti u stabbilita fir-Renju Unit, hija m’għandhiex tingħata permess għad-dħul u/jew ċertifikat ta’ dħul validu fir-Renju Unit, anki jekk hija, kieku mhux għal dan il-fatt, tissodisfa r-rekwiżiti sabiex tidħol f’din il-kwalità. Persuna bħal din għandha l-ewwel tikseb ir-revoka ta’ l-ordni ta’ tkeċċija qabel ma tkun tista’ tikseb ċertifikat ta’ dħul validu jew permess għad-dħul fir-Renju Unit. Hija tista’ titlob ir-revoka ta’ l-ordni ta’ tkeċċija jew qabel jew fl-istess żmien li hija titlob iċ-ċertifikat ta’ dħul validu.

25      Il-liġi tar-Renju Unit dwar l-immigrazzjoni inizjalment ma kinitx tinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi dwar is-sitwazzjoni eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tas-7 ta’ Lulju 1992, Singh (C-370/90, Ġabra, p. I-4265), jiġifieri l-ammissjoni fir-Renju Unit ta’ persuna li normalment għandu jkollha ċertifikat ta’ dħul validu fir-Renju Unit, u li tixtieq tidħol fir-Renju Unit bħala l-konjuġi ta’ ċittadin tar-Renju Unit li jmur lura, jew li jixtieq imur lura fir-Renju Unit wara li huwa jkun eżerċita drittijiet li jirriżultaw mit-Trattat li huwa għandu inkwantu ħaddiem fi Stat Membru ieħor.

26      Madankollu, fid-dawl tas-sentenza Singh, iċċitata iktar ’il fuq, persuna bħal din għandha “dritt Komunitarju li hija tista’ tinvoka direttament”, fis-sens tas-Sezzjoni 7(1) ta’ l-Immigration Act 1988 u tas-Sezzjoni 2 ta’ l-European Communities Act 1972 (Liġi tal-1972 dwar il-Komunitajiet Ewropej), u f’din il-kwalità ma kinitx meħtieġa tikseb ċertifikat ta’ dħul validu fir-Renju Unit.

27      Fil-prattika, meta persuna bħal din hija “persuna li hija meħtieġa tikseb ċertifikat ta’ dħul validu minn qabel”, hija għandha tikseb dan iċ-ċertifikat sabiex tiġi ammessa fir-Renju Unit. Dan iċ-ċertifikat, normalment, jingħatalha, iżda jista’ jiġi rrifjutat minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku, sigurtà pubblika, jew saħħa pubblika. Jekk tali ċertifikat ta’ dħul validu jingħata, hija jkollha d-dritt, mal-wasla tagħha fir-Renju Unit, li tidħol u li tirresjedi hemm, taħt l-istess kundizzjonijiet bħal membru tal-familja ta’ ċittadin ta’ Stat Membru taż-ŻEE għajr ir-Renju Unit [Artikolu 3(2) u (3) ta’ l-Immigration (European Economic Area) Order 1994 (Ordinanza tal-1994 dwar l-immigrazzjoni li toriġina miż-Żona Ekonomika Ewropea)].

28      Skont l-Artikolu 11(1) ta’ l-EEA Regulations 2000 (Regolament tal-2000 dwar id-drittijiet ta’ dħul u ta’ residenza fir-Renju Unit taċ-ċittadini taż-ŻEE), dan ir-regolament japplika għal “membru tal-familja” ta’ ċittadin tar-Renju Unit daqs li kieku kien membru tal-familja ta’ “ċittadin taż-ŻEE” jekk il-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 11(2) jiġu sodisfatti. Dawn il-kundizzjonijiet huma li ġejjin:

–        wara li telaq mir-Renju Unit, iċ-ċittadin tar-Renju Unit irrisjeda fi Stat Membru taż-ŻEE u jew ħadem hemmhekk bħala impjegat (mhux b’mod temporanju jew b’mod okkażjonali) jew stabbilixxa ruħu hemmhekk bħala persuna li taħdem għal rasha;

–        iċ-ċittadin tar-Renju Unit ma telaqx mir-Renju Unit sabiex il-membru tal-familja tiegħu jkun jista’ jikseb drittijiet taħt dan ir-regolament u għaldaqstant jevita l-applikazzjoni tal-liġi tar-Renju Unit dwar l-immigrazzjoni;

–        mar-ritorn tiegħu fir-Renju Unit, iċ-ċittadin tar-Renju Unit ikun, jekk huwa kien ċittadin taż-ŻEE, persuna li għandha l-kwalità sabiex tirresjedi fir-Renju Unit (“qualified person”), u

–        jekk il-membru tal-familja taċ-ċittadin tar-Renju Unit huwa l-konjuġi ta’ dan iċ-ċittadin, iż-żwieġ seħħ, u l-partijiet għexu flimkien fi Stat Membru taż-ŻEE qabel ir-ritorn taċ-ċittadin Brittaniku fir-Renju Unit.

 Il-kawża prinċipali

29      Fi Frar tal-1989, H. Akrich, ċittadin tal-Marokk imwieled fl-1967, tħalla jidħol fir-Renju Unit bħala turist għal-xahar. It-talba tiegħu għal permess għad-dħul sabiex ikun jista’ jibqa’ hemmekk bħala student ġiet irrifjutata f’Lulju tal-1989 u r-rikors sussegwenti tiegħu ġie miċħud f’Awwissu tal-1990.

30      F’Ġunju tal-1990, instab ħati għal attentat ta’ serq u talli għamel użu minn karta ta’ identità misruqa. Fuq il-bażi ta’ ordni ta’ tkeċċija mogħtija mis-Secretary of State, tkeċċa lejn l-Alġerija fit-2 ta’ Jannar 1991.

31      F’Jannar tal-1992, huwa reġa’ lura lejn ir-Renju Unit billi uża karta ta’ l-identità Franċiża falza. Huwa ġie arrestat u għal darba oħra tkeċċa f’Ġunju tal-1992. Huwa reġa’ lura b’mod klandestin lejn ir-Renju Unit, wara li kien qagħad barra mir-Renju Unit għal inqas minn xahar.

32      Fit-8 ta’ Ġunju 1996, waqt li kien qiegħed jirresjedi b’mod illegali fir-Renju Unit, huwa żżewweġ lil Helina Jazdewska, ċittadina Brittanika, u, fl-aħħar ta’ dak ix-xahar, huwa applika għal permess sabiex jirresjedi fir-Renju Unit fil-kwalità tiegħu bħala l-konjuġi ta’ ċittadina tar-Renju Unit.

33      Wara li nżamm f’detenzjoni fil-bidu tal-1997 skont l-Immigration Act 1971, H. Akrich tkeċċa f’Awwissu tal-1997, skont ix-xewqa tiegħu, lejn Dublin (fl-Irlanda) fejn il-mara tiegħu kienet stabbilit ruħha sa minn Ġunju tal-1997.

34      F’Jannar tal-1998, H. Akrich talab ir-revoka ta’ l-ordni ta’ tkeċċija u, fix-xahar ta’ wara, ċertifikat ta’ dħul validu inkwantu konjuġi ta’ persuna stabbilita fir-Renju Unit.

35      Fiż-żmien li għamel din it-talba, H. u H. Akrich ġew mistoqsija minn uffiċjal Brittaniku, fl-ambaxxata tar-Renju Unit f’Dublin, dwar ir-residenza tagħhom fl-Irlanda u dwar l-intenzjonijiet tagħhom. Deher, minn naħa, li H. Akrich kienet ilha taħdem f’Dublin minn Awwissu tal-1997, u full-time minn Jannar tal-1998, għal perijodu definit sa Mejju jew Ġunju tal-1998, iżda bil-possibbiltà li dan il-perijodu jiġi estiż. H. Akrich innifsu ħadem bħala impjegat fil-catering permezz ta’ aġenzija, u aċċetta kull xogħol li kien disponibbli. Ħu H. Akrich offrilhom fejn joqgħodu fir-Renju Unit jekk huma jerġgħu lura, u H. Akrich ġiet offruta impjieg fir-Renju Unit li kien jibda f’Awwissu tal-1998.

36      Minn dawn l-intervisti rriżulta, min-naħa l-oħra, li H. u H. Akrich kienu qegħdin japplikaw għal ċertifikat ta’ dħul validu fuq il-bażi tas-sentenza Singh, iċċitata iktar ’il fuq. Għaldaqstant, hija u twieġeb għal mistoqsija, H. Akrich indikat li huma kellhom l-intenzjoni li jerġgħu lura lejn ir-Renju Unit “peress li smajna dwar id-drittijiet Komunitarji, li fuq il-bażi tagħhom jekk noqgħodu sitt xhur, stajna mbagħad nerġgħu lura lejn ir-Renju Unit”. Hija qalet li kienet ingħatat din l-informazzjoni minn “solicitors u nies oħra fl-istess sitwazzjoni”.

37      Fil-21 ta’ Settembru 1998, is-Secretary of State irrifjuta li jirrevoka l-ordni ta’ tkeċċija. Fuq l-istruzzjonijiet tiegħu, iċ-ċertifikat ta’ dħul validu mitlub fuq il-bażi tas-sentenza Singh, iċċitata iktar ’il fuq, ġie wkoll irrifjutat fid-29 ta’ Settembru 1998. Is-Secretary of State ikkunsidra li l-fatt li H. u H. Akrich marru l-Irlanda kien biss assenza temporanja intiża, b’mod intenzjonat, sabiex meta jerġa’ lura lejn ir-Renju Unit H. Akrich jkollu d-dritt ta’ residenza u għaldaqstant sabiex jevita l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tar-Renju Unit, u li H. Akrich ma kinitx eżerċitat ġenwinament id-drittijiet li jirriżultaw mit-Trattat KE inkwantu ħaddiema fi Stat Membru ieħor.

38      F’Ottubru tal-1998, H. Akrich ippreżenta rikors kontra dawn iż-żewġ deċiżjonijiet quddiem l-Immigration Adjudicator (ir-Renju Unit), li laqa’ r-rikors f’Novembru tal-1999.

39      Minkejja li qies bħala stabbilit li H. u H. Akrich ittrasferew ruħhom lejn l-Irlanda bl-għan preċiż li sussegwentement jeżerċitaw drittijiet li jirriżultaw mit-Trattat u li jippermettulhom jerġgħu lura lejn ir-Renju Unit, l-Immigration Adjudicator madankollu kkonkluda li, fuq il-livell ġuridiku, kien hemm l-eżerċizzju effettiv minn H. Akrich tad-drittijiet Komunitraji li ma kienx ivvizzjat bl-intenzjonijiet tal-konjuġi, u li għaldaqstant huma ma kinux invokaw id-dritt Komunitarju sabiex jevitaw l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tar-Renju Unit. Huwa kkonstatat ukoll li H. Akrich ma kienx jikkostitwixxi theddida ġenwina u suffiċjentement serja għall-ordni pubbliku ta’ natura tali li tiġġustifika ż-żamma ta’ l-ordni ta’ tkeċċija.

40      Is-Secretary of State appella minn din id-deċiżjoni quddiem l-Immgiration Appeal Tribunal.

 L-ordni tar-rinviju u d-domandi preliminari

41      Fid-digriet tar-rinviju tiegħu, l-Immigration Appeal Tribunal ifakkar li, fil-punt 24 tas-sentenza Singh, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja fformulat ir-riżerva li ġejja:

“Fir-rigward tar-riskji ta’ frodi invokati mill-Gvern tar-Renju Unit, biżżejjed jiġi mfakkar li, skont il-ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-7 ta’ Frar 1979, Knoors, punt 25, 115/78, Ġabra, p. 399, u tat-3 ta’ Ottubru 1990, Bouchoucha, punt 14, C-61/89, Ġabra p. I-3551), il-possibbiltajiet maħluqa mit-Trattat ma jistgħux ikollhom l-effett li jippermettu lill-persuni li jibbenefikaw minnhom li jevitaw b’mod abużiv l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali u li jipprojbixxu lill-Istati Membri milli jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jimpedixxu tali abbuż.”

42      L-Immigration Appeal Tribunal jistaqsi jekk, billi aċċetta t-teżi ta’ H. Akrich li kull miżura meħuda minn Stat Membru sabiex jimpedixxi abbuż għandha tkun kompatibbli mad-dritt Komunitarju, l-Immigration Adjudicator applikax din ir-riżerva b’mod korrett.

43      Is-Secretary of State huwa tal-fehma li r-riżerva għandha tittieħed in kunsiderazzjoni fiż-żewġ stadji ta’ l-argument ta’ H. Akrich, b’tali mod li mhuwiex possibbli li jiġi stabbilit jekk H. u H. Akrich humiex intitolati għad-drittijiet mogħtija lill-“ħaddiema”, u lanqas jekk il-portata tad-deroga bbażata fuq “l-ordni pubbliku” tippermettix l-esklużjoni tal-konjuġi ta’ “ħaddiem” minn Stat Membru, mingħajr ma jittieħed debitament in kunsiderazzjoni l-fatt li l-għan ta’ l-allegat eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt Komunitarju kien preċiżament li tiġi evitata l-applikazzjoni ordinarja tal-liġi tar-Renju Unti dwar l-immigrazzjoni.

44      Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li din hija kwistjoni li mhijiex solvuta b’mod ċar fis-sentenza Singh, iċċitata iktar ’il fuq, u li għaldaqstant ikun xieraq li l-Qorti tal-Ġustizzja tintalab tagħti gwida ulterjuri.

45      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-Immigration Appeal Tribunal iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“Meta ċittadin ta’ Stat Membru huwa miżżewweġ ma’ ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti mid-dritt nazzjonali sabiex jidħol jew jirresjedi f’dan l-Istat Membru, u jmur fi Stat Membru ieħor flimkien mal-konjuġi li mhuwiex ċittadin, bl-intenzjoni li jeżerċita d-drittijiet mogħtija mid-dritt Komunitarju billi jaħdem hemmekk biss għall-perijodu limitat sabiex wara jkun jista’ jitlob l-benifiċċju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt Komunitarju meta jerġa’ lura fit-territorju ta’ l-Istat Membru taċ-ċittadinanza tiegħu flimkien mal-imsemmi konjuġi:

1)      l-Istat Membru ta’ orġini huwa intitolat li jqis l-intenzjoni tal-koppja - meta hija tmur fi Stat Membru ieħor, sabiex titlob il-benefiċċju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt Komunitarju meta hija terġa’ lura lejn l-Istat Membru ta’ oriġini, minkejja l-fatt li l-konjuġi li mhuwiex ċittadin ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġi nazzjonali - bħala talba għall-eżerċizzju tad-dritt Komunitarju sabiex tiġi evitata l-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali; u

2)      jekk dan ikun il-każ, l-Istat Membru ta’ oriġini jista’ jirrifjuta:

a)      li jneħħi kull ostaklu eżistenti qabel id-dħul tal-konjuġi li mhuwiex ċittadin f’dan l-Istat Membru (f’dan il-każ, ordni ta’ tkeċċija li għadha valida); u

b)      li jagħti lill-konjuġi li mhuwiex ċittadin id-dritt għad-dħul fit-territorju tiegħu?”

 Fuq id-domandi preliminari

46      Bid-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, dwar il-portata tas-sentenza Singh, iċċitata iktar ’il fuq, fir-rigward ta’ sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

47      F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 52 tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 52 tat-Trattat KE, u li sar, wara emenda, l-Artikolu 43 KE) u dawk tad-Direttiva 73/148 għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jobbligaw lil Stat Membru jawtorizza d-dħul u r-residenza fit-territorju tiegħu tal-konjuġi, irrispettivament miċ-ċittadinanza tiegħu, taċ-ċittadin ta’ dan l-Istat Membru li, flimkien ma’ dan il-konjuġi, mar fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor sabiex jaħdem hemmekk bħala persuna impjegata, fis-sens ta’ l-Artikolu 48 tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 48 tat-Trattat KE, u li sar, wara emenda, l-Artikolu 39 KE), u li jerġa’ lura sabiex jistabbilixxi ruħu, fis-sens ta’ l-Artikolu 52 tat-Trattat, fit-territorju ta’ l-Istat ta’ ċittadinanza tiegħu. Skont id-dispożittiv ta’ din is-sentenza, il-konjuġi għandu jgawdi, mill-inqas, l-istess drittijiet li jingħatawlu, taħt id-dritt Komunitarju, jekk il-konjuġi tiegħu jew tagħha jidħol u jirresjedi fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

48      L-istess konsegwenzi jirriżultaw mill-Artikolu 39 KE jekk iċ-ċittadin ta’ l-Istat Membru kkonċernat ikollu l-intenzjoni jerġa’ lura lejn it-territorju tiegħu sabiex jaħdem hemmhekk bħala persuna impjegata. Konsegwentement, meta l-konjuġi jkun ċittadin ta’ pajjiż terz huwa għandu jgawdi, mill-inqas, l-istess drittijiet li jingħatawlu mill-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1612/68 kieku l-konjuġi tiegħu jew tagħha daħal u rrisjeda fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

49      Madankollu, ir-Regolament Nru 1612/68 ikopri biss il-moviment liberu fi ħdan il-Komunità. Huwa ma jipprovdi xejn dwar l-eżistenza tad-drittijiet ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, li huwa l-konjuġi ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni, fir-rigward ta’ l-aċċess għat-territorju tal-Komunità.

50      Sabiex ikun jista’ jibbenefika, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, mid-drittijiet previsti fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1612/68, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, li huwa l-konjuġi ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni, għandu jirresjedi legalment fi Stat Membru meta huwa jmur fi Stat Membru li fih iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni qiegħed jemigra jew emigra.

51      Din l-interpretazzjoni hija konformi mal-istruttura tad-dispożizzjonijiet Komunitarji li huma intiżi sabiex jiggarantixxu l-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan il-Komunità, u li l-eżerċizzju tiegħu ma jistax jippenalizza lill-ħaddiem li jmur jaħdem f’pajjiż ieħor u lill-familja tiegħu.

52      Meta ċittadin ta’ l-Unjoni, stabbilit fi Stat Membru ieħor u miżżewweġ ma’ ċittadin ta’ pajjiż terz, li jibbenefika mid-dritt li jirresjedi f’dan l-Istat Membru, imur fi Stat Membru ieħor sabiex jaħdem hemmekk bħala persuna impjegata, dan iċ-ċaqliq m’għandux jirriżulta fit-telf tal-possibbiltà li jgħixu legalment flimkien, li hija r-raġuni għaliex l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1612/68 jagħti lill-imsemmi konjuġi d-dritt li jistabbilixxi ruħu f’dan l-Istat Membru l-ieħor.

53      Bil-kontra, meta ċittadin ta’ l-Unjoni, miżżewweġ ma’ ċittadin ta’ pajjiż terz li m’għandux id-dritt ta’ residenza f’dan l-Istat Membru, imur fi Stat Membru ieħor sabiex jaħdem hemmhekk bħala persuna impjegata, il-fatt li l-konjuġi tiegħu m’għandux id-dritt, li jirriżulta mill-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1612/68, li jistabbilixxi ruħu miegħu fl-Istat Membru l-ieħor ma jistax jikkostitwixxi trattament inqas favorevoli minn dak li huma kienu jgawdu qabel ma l-imsemmi ċittadin ta’ l-Unjoni għamel użu mill-possibbiltajiet mogħtija mit-Trattat fir-rigward tal-moviment tal-persuni. Għaldaqstant, in-nuqqas ta’ dritt bħal dan mhuwiex tali li jiddiswadi liċ-ċittadin ta’ l-Unjoni milli jeżerċita d-drittijiet fir-rigward tal-moviment liberu mogħtija permezz ta’ l-Artikolu 39 KE.

54      L-istess jgħodd meta ċ-ċittadin ta’ l-Unjoni, miżżewweġ ma’ ċittadin ta’ pajjiż terz, jerġa’ lura fl-Istat Membru li huwa ċittadin tiegħu sabiex jaħdem hemmhekk bħala persuna impjegata. Jekk il-konjuġi tiegħu għandu dritt validu ta’ residenza fi Stat Membru ieħor, l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1612/68 japplika sabiex iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni ma jkunx dissważ milli jeżerċita l-moviment liberu tiegħu, billi jerġa’ lura fl-Istat Membru li huwa ċ-ċittadin tiegħu. Jekk, min-naħa l-oħra, il-konjuġi tiegħu ma jkollux diġà dritt validu ta’ residenza fi Stat Membru ieħor, in-nuqqas ta’ dritt għal dan ta’ l-aħħar, li jirriżulta mill-imsemmi Artikolu 10, li jistabbilixxi ruħu maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni m’għandux effett dissważiv f’dan ir-rigward.

55      Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ l-abbuż, imsemmija fil-punt 24 tas-sentenza Singh, iċċitata iktar ’il fuq, għandu jiġi mfakkar li r-raġunijiet li setgħu ħajjru lil ħaddiem ta’ Stat Membru jfittex xogħol fi Stat Membru ieħor huma irrilevanti f’dak li jirrigwarda d-dritt tiegħu li jidħol u li jirresjedi fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru ta’ l-aħħar, sakemm huwa jeżerċita jew jixtieq jeżerċita attività effettiva u ġenwina (sentenza tat-23 ta’ Marzu 1982, Levin 53/81, Ġabra 1035, punt 23).

56      Dawn ir-raġunijiet lanqas ma huma rilevanti sabiex tiġi evalwata s-sitwazzjoni legali tal-koppja fil-mument li fih huma reġgħu lura lejn l-Istat Membru li tiegħu l-ħaddiem huwa ċittadin. Imġiba bħal din ma tistax tikkostitwixxi abbuż fis-sens tal-punt 24 tas-sentenza Singh, iċċitata iktar ’il fuq, anki jekk il-konjuġi ma kellux, fil-mument li fih il-koppja stabbilixxiet ruħha fi Stat Membru ieħor, dritt li jirresjedi fl-Istat Membru li fih il-ħaddiem huwa ċittadin.

57      Bil-kontra, ikun hemm abbuż jekk il-possibbiltajiet offruti mid-dritt Komunitarju lill-ħaddiema li jmorru jaħdmu f’pajjiż ieħor u lill-konjuġi tagħhom jiġu invokati fil-kuntest ta’ żwiġijiet ta’ konvenjenza konklużi sabiex jiġu evitati d-dispożizzjonijiet dwar id-dħul u r-residenza taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

58      Meta żwieġ ikun ġenwin u meta, mar-ritorn taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni fl-Istat Membru li tiegħu huwa ċittadin, il-konjuġi tiegħu, li huwa ċittadin ta’ pajjiż terz u li miegħu kien jgħix fl-Istat Membru li huwa telaq minnu, mhuwiex residenti b’mod legali fit-territorju ta’ Stat Membru, għandu madankollu jittieħed in kunsiderazzjoni d-dritt għar-rispett tal-ħajja familjari fis-sens ta’ l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni”). Dan id-dritt jaqa’ taħt id-drittijiet fundamentali li, skont il-ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, ikkonfermata permezz tal-perambolu ta’ l-Att Uniku Ewropew (Single European Act) u l-Artikolu 6(2) UE, huma protetti mis-sistema legali Komunitarja.

59      Għalkemm il-Konvenzjoni ma tiggarantixxi, bħala tali, l-ebda dritt favur persuna barranija li tidħol jew li tirresjedi fit-territorju ta’ pajjiż speċifiku, l-esklużjoni ta’ persuna minn pajjiż fejn jgħixu l-qraba viċini tagħha tista’ tikkostitwixxi ndħul fid-dritt għar-rispett għall-ħajja familjari, kif huwa protett permezz ta’ l-Artikolu 8(1) tal-Konvenzjoni. Tali ndħul imur kontra l-Konvenzjoni jekk huwa ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-paragrafu 2 ta’ l-istess artikolu, jiġifieri, jekk mhuwiex “previst mil-liġi”, ispirat minn għan jew diversi għanijiet leġittimi fid-dawl ta’ l-imsemmi paragrafu, u neċessarju f’soċjetà demokratika, jiġifieri, “iġġustifikat minn bżonn soċjali imperattiv” u, b’mod partikolari, fi proporzjon mal-għan leġittimu segwit (sentenza tal-11 ta’ Lulju 2002, Carpenter, C-60/00, Ġabra, I-6279, punt 42).

60      Il-limiti ta’ dak li huwa “neċessarju f’soċjetà demokratika”, meta l-konjuġi jkun wettaq ksur, ġew enfasizzati mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fis-sentenzi tagħha Boultif vs L-Isvizzera tat-2 ta’ Awwissu 2001 (Recueil des arrêts et décisions 2001-IX §§46 sa 56, u Amrollahi vs Id-Danimarka, tal-11 ta’ Lulju 2002, li għadha ma ġietx ippubblikata fir-Recueil des arrêts et décisions, §§ 33 sa 44).

61      Fi-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposti għad-domandi magħmula għandhom ikunu:

–        Sabiex ikun jista’ jibbenefika, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mid-drittijiet previsti taħt l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1612/68, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, li huwa l-konjuġi ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni, għandu jirresjedi legalment fi Stat Membru meta huwa jmur fi Stat Membru ieħor fejn iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni qiegħed jemigra jew emigra.

–        L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1612/68 mhuwiex applikabbli meta ċ-ċittadin ta’ Stat Membru u ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz daħlu fi żwieġ ta’ konvenjenza sabiex jevitaw id-dispożizzjonijiet rigward id-dħul u r-residenza taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz.

–        Meta żwieġ bejn ċittadin ta’ Stat Membru u ċittadin ta’ pajjiż terz ikun ġenwin, il-fatt li l-konjuġi stabbilixxew ruħhom fi Stat Membru ieħor sabiex, meta huma jerġgħu lura lejn l-Istat Membru li tiegħu dan ta’ l-ewwel huwa ċittadin, jiksbu l-benefiċċju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt Komunitarju mhuwiex rilevanti għall-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni legali tagħhom mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat ta’ l-aħħar.

–        Meta, fil-mument li fih ċittadin ta’ Stat Membru huwa miżżewweġ ma’ ċittadin ta’ pajjiż terz li miegħu huwa jgħix fi Stat Membru ieħor jerġa’ lura lejn l-Istat Membru li tiegħu huwa ċittadin sabiex jaħdem hemmhekk bħala persuna impjegata, il-konjuġi tiegħu ma jibbenefikax mid-drittijiet previsti taħt l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1612/68, għaliex ma jkunx irrisjeda legalment fit-territorju ta’ Stat Membru, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-ewwel Stat Membru msemmi għandhom madankollu, fl-evalwazzjoni tagħhom ta’ l-applikazzjoni tal-konjuġi sabiex jidħol u jirresjedi fit-territorju tagħhom, jieħdu in kunsiderazzjoni d-dritt għar-rispett għall-ħajja familjari fis-sens ta’ l-Aritkolu 8 tal-Konvenzjoni, sakemm iż-żwieġ huwa wieħed ġenwin.

 Fuq l-ispejjeż

62      L-ispejjeż sostnuti mill-Gvern tar-Renju Unit u mill-Gvern Elleniku, kif ukoll mill-Kumissjoni, li ssottomettew osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

b’risposta għad-domandi mressqa quddiemha mill-Immigration Appeal Tribunal, b’digriet tat-3 ta’ Ottubru 2000, taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Sabiex ikun jista’ jibbenefika, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mid-drittijiet previsti taħt l-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, li huwa l-konjuġi ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni, għandu jirresjedi legalment fi Stat Membru meta huwa jmur fi Stat Membru ieħor fejn iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni qiegħed jemigra jew emigra.

2)      L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1612/68 mhuwiex applikabbli meta ċ-ċittadin ta’ Stat Membru u ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz daħlu fi żwieġ ta’ konvenjenza sabiex jevitaw id-dispożizzjonijiet rigward id-dħul u r-residenza taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz.

3)      Meta żwieġ bejn ċittadin ta’ Stat Membru u ċittadin ta’ pajjiż terz ikun ġenwin, il-fatt li l-konjuġi stabbilixxew ruħhom fi Stat Membru ieħor sabiex, meta huma jerġgħu lura lejn l-Istat Membru li tiegħu dan ta’ l-ewwel huwa ċittadin, jiksbu l-benefiċċju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt Komuntarju mhuwiex rilevanti għall-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni legali tagħhom mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat ta’ l-aħħar.

4)               Meta, fil-mument li fih ċittadin ta’ Stat Membru huwa miżżewweġ ma’ ċittadin ta’ pajjiż terz li miegħu huwa jgħix fi Stat Membru ieħor jerġa’ lura lejn l-Istat Membru li tiegħu huwa ċittadin sabiex jaħdem hemmhekk bħala persuna impjegata, il-konjuġi tiegħu ma jibbenefikax mid-drittijiet previsti taħt l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1612/68, għaliex ma jkunx irrisjeda legalment fit-territorju ta’ Stat Membru, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-ewwel Stat Membru msemmi għandhom madankollu, fl-evalwazzjoni tagħhom ta’ l-applikazzjoni tal-konjuġi sabiex jidħol u jirresjedi fit-territorju tagħhom, jieħdu in kunsiderazzjoni d-dritt għar-rispett għall-ħajja familjari fis-sens ta’ l-Aritkolu 8 tal- Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, sakemm iż-żwieġ huwa wieħed ġenwin.

Rodríguez Iglesias

Puissochet

Wathelet

Schintgen

Timmermans

Edward

La Pergola

Jann

Macken

Colneric

 

      von Bahr

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-23 ta’ Settembru 2003.

R. Grass

 

      G. C. Rodríguez Iglesisas

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.