Language of document :

Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Jannar 2018 – Ir-Repubblika Taljana vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

(Kawża C-59/18)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Taljana (G. Palmieri, aġent, S. Fiorentino u C. Colelli, avvocati dello Stato)

Konvenuta: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni adottata fil-marġni tal-laqgħa tal-20 ta’ Novembru 2017 – 14559/17, tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fil-formazzjoni “Affarijiet Ġenerali”, ippubblikata permezz ta’ stqarrija għall-istampa li ma tinkludix ir-rendikont [Outcome of the Council meeting (3579th Council meeting)], fil-parti fejn ġie stabbilit li s-sede l-ġdida tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini tiġi stabbilita f’Amsterdam u, konsegwentement, tistabbilixxi l-attribuzzjoni tas-sede lill-belt ta’ Milano.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Gvern Taljan ikkontesta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea d-deċiżjoni, adottata fil-marġni tal-laqgħa tal-20 ta’ Novembru 2017 – 14559/17, tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fil-formazzjoni “Affarijiet Ġenerali”, ippubblikata permezz ta’ stqarrija għall-istampa li ma tinkludix ir-rendikont [Outcome of the Council meeting (3579th Council meeting)], fil-parti fejn ġie stabbilit li s-sede l-ġdida tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini tiġi stabbilita f’Amsterdam. Insostenn tar-rikors, il-Gvern Taljan jinvoka motiv uniku ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter minħabba nuqqas ta’ investigazzjoni u żnaturament tal-fatti, ikkawżat min-nuqqas ta’ qbil bejn is-sitwazzjoni effettiva tas-sede ta’ Amsterdam u l-informazzjoni pprovduta fil-kuntest tal-offerta.

____________