Language of document : ECLI:EU:C:2017:795

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fl-24 ta’ Ottubru 2017 (1)

Kawża C353/16

MP

vs

Secretary of State for the Home Department

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court of the United Kingdom (qorti suprema tar-Renju Unit)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika tal-ażil – Standards minimi dwar l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat – Kundizzjonijiet sabiex wieħed ikun jista’ jibbenefika mill-protezzjoni sussidjarja – Konsegwenzi ta’ atti ta’ tortura subiti fil-pajjiż ta’ oriġini – Riskju ta’ perikolu serju għas-saħħa psikoloġika tal-applikant fil-każ ta’ ritorn lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu – Assenza ta’ trattament adattat tal-patoloġiji fil-pajjiż ta’ oriġini”






I.      Introduzzjoni

1.        Ċittadin ta’ pajjiż terz, li għadu jbati mill-konsegwenzi ta’ atti ta’ tortura mwettqa fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, iżda li ma huwiex iktar f’riskju li jissubixxi tali trattament jekk jirritorna hemmhekk, jista’ jibbenefika mill-protezzjoni sussidjarja, minħabba l-fatt li l-patoloġiji psikoloġiċi tiegħu ma jistgħux jiġu ttrattati b’mod adegwat mis-sistema ta’ saħħa ta’ dan il-pajjiż terz?

2.        Hija din id-domanda, essenzjalment, li l-Qorti tal-Ġustizzja qegħda tintalab tirrispondi fil-kawża preżenti. Din tkun l-okkażjoni għaliha sabiex tiddeċiedi, mill-ġdid, fuq l-Artikolu 2(e) u fuq l-Artikolu 15(b) tad-Direttiva 2004/83/KE (2), kif ukoll, sussidjarjament, fuq l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (3) u fuq l-Artikolu 14(1) tal-Konvenzjoni Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra (4).

3.        Fit-tmiem tal-analiżi tiegħi, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Artikolu 2(e) u l-Artikolu 15(b) tad-Direttiva 2004/83 ma jimponux lill-Istati Membri jestendu l-iskema tal-protezzjoni sussidjarja għal każ bħal dak tal-kawża prinċipali, u dan, indipendentement mill-Artikolu 3 tal-KEDB u mill-Artikolu 14(1) tal-Konvenzjoni kontra t-tortura.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt internazzjonali

4.        L-Artikolu 14(1), tal-Konvenzjoni kontra t-tortura jipprovdi:

“Kull Stat Parti għandu jiggarantixxi, fis-sistema legali tiegħu, lill-vittma ta’ att ta’ tortura, id-dritt li tikseb rimedju u li tiġi kkumpensata b’mod ekwu u adegwat, inklużi l-mezzi neċessarji għar-riabilitazzjoni tagħha l-iktar kompleta possibbli. Fil-każ tal-mewt tal-vittma li tirriżulta minn att ta’ tortura, l-aventi kawża tagħha għandhom dritt għal kumpens.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5.        L-Artikolu 3 tal-KEDB jipprovdi:

“Ħadd ma għandu jkun assoġġettat għal tortura jew għal trattament jew piena inumana jew degradanti.”

B.      Id-dritt tal-Unjoni

6.        Il-premessi 9, 25 u 26 tad-Direttiva 2004/83 jipprovdu:

“(9)      Dawk iċ-ċittadini nazzjonali tal-pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat, li huma permessi li jibqgħu fit-territorji ta’ l-Istati Membri għal raġunijiet li mhumiex minħabba ħtieġa għal protezzjoni internazzjonali imma fuq bażi għaqlija (discretionary) fuq bażijiet ta’ kumpassjoni jew umanitarji, joħorġu barra mill-iskop ta’ din id-Direttiva.

[…]

(25)      Huwa meħtieġ li jiddaħħlu kriterji li fuq il-bażi tagħhom applikanti għal protezzjoni internazzjonali jridu jintgħarfu bħala eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja. Dawk il-kriterji għandhom jitfasslu mill-obbligi internazzjonali skont strumenti u prattiċi tad-drittijiet tal-bniedem li jeżistu fl-Istati Membri.

(26)      Riskji li għalihom popolazzjoni ta’ pajjiż jew taqsima tal-popolazzjoni hija ġeneralment esposta normalment ma joħolqux fihom nfushom theddida individwali li tikkwalifika bħala periklu serju.”

7.        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

(e)      ‘persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja’ tfisser ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat li ma tikkwalifikax bħala refuġjat imma rigward min intwerew raġunijiet sostanzjali sabiex jitwemmen li l-persuna interessata, jekk tirritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew tagħha, jew fil-każ ta’ persuna mingħajr stat, lejn il-pajjiż ta’ residenza abitwali ta’ qabel tiegħu jew tagħha, jiffaċċja riskju veru li jsofri periklu serju kif definit fl-Artikolu 15, u li għalihom l-Artikolu 17(1) u (2) ma japplikawx, u ma jistax, jew, minħabba f’dan ir-riskju, ma jixtieqx japprofitta ruħu jew ruħha mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż;

[…]”

8.        L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri jistgħu jdaħħlu jew jżommu livelli stabbiliti aktar favorevoli biex jistabbilixxu min jikkwalifika bħala refuġjat jew bħala persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u biex jistabbilixxu l-kontenut ta’ protezzjoni internazzjonali, sakemm u safejn dawk il-livelli stabbiliti huma kompatibbli ma’ din id-Direttiva.”

9.        L-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2004/83 jipprovdi:

“Il-fatt li applikant diġa kien suġġett għal persekuzzjoni jew periklu serju jew għal theddid dirett għal din il-persekuzzjoni jew dan il-perikolu, huwa indikazzjoni serja tal-biża bir-raġun ta’ persekuzzjoni jew ir-riskju veru li jsofri periklu serju, minbarra jekk ikun hemm raġunijiet tajbin li jista’jitqies li din il-persekuzzjoni jew periklu serju ma jiġix ripetut.”

10.      L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Atturi ta’ persekuzzjoni jew periklu serju jinkludu:

(a)      l-Istat;

(b)      partijiet jew organizzazzjonijiet li jikkontrollaw l-Istat jew parti sostanzjali tat-territorju ta’ l-Istat;

(ċ)      atturi mhux ta’l-Istat, jekk ikun jista’ jiġi muri li l-atturi msemmija f’(a) u (b), inkluż organizzazzjonijiet internazzjonali, ma jistgħux jew ma jixtiequx jipprovdu protezzjoni kontra persekuzzjoni jew periklu serju kif definit fl-Artikolu 7.”

11.      L-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Periklu serju jikkonsisti minn:

(a)      piena kapitali jew eżekuzzjoni; jew

(b)      tortura jew trattament inuman jew degradanti jew kastig ta’ applikant fil-pajjiż ta’l-oriġini; jew

(ċ)      theddida serja u individwali għal ħajja ta’ pajżan jew persuna minħabba fi vjolenza indiskriminatorja f’sitwazzjonijiet ta’ konflitt armat internazzjonali jew intern.”

12.      L-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/83 jipprevedi:

“1.      Ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għandha tieqaf milli tkun eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja meta ċ-ċirkostanzi li wasslu għall-għoti ta’ stat ta’ protezzjoni sussidjarja jkunu waqfu milli jeżistu jew ikunu nbiddlu sat-tali punt li l-protezzjoni ma tkunx għadha meħtieġa.

2.      Fl-applikazzjoni ta’ paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom iqisu jekk il-bdil fiċ-ċirkostanzi huwiex ta’ natura sinifikanti u mhux temporanja li l-persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja m’għadhiex tiffaċċja riskju veru ta’ periklu serju.”

III. Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

13.      MP, ċittadin tas-Sri Lanka, li wasal fir-Renju Unit fix-xahar ta’ Jannar 2005, ingħata permess sabiex jirresjedi hemmhekk bħala student. L-estensjoni ta’ din l-awtorizzazzjoni ta’ residenza ġiet miċħuda fil-11 ta’ Diċembru 2008.

14.      Fil-5 ta’ Jannar 2009, il-persuna kkonċernata ppreżentat applikazzjoni għall-ażil, filwaqt li sostniet li fil-passat hija kienet membru tal-organizzazzjoni “Tigri għal-liberazzjoni ta’ Tamil Eelam” (iktar ’il quddiem il-“LTTE”), kienet inżammet u ġiet ittorturata mill-forzi tas-sigurtà tal-pajjiż ta’ oriġini tagħha u kienet f’riskju li tissubixxi, mill-ġdid, trattament ħażin fil-każ ta’ ritorn f’dan l-Istat terz.

15.      Fit-23 ta’ Frar 2009, din l-applikazzjoni kienet ġiet miċħuda minħabba l-fatt li ma ġiex stabbilit li l-applikant kien ser ikun mhedded mill-ġdid fil-każ ta’ ritorn fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.

16.      MP ikkontesta din id-deċiżjoni, quddiem l-Upper Tribunal (qorti superjuri, ir-Renju Unit), billi pproduċa provi mediċi li jattestaw li huwa kellu konsegwenzi ta’ atti ta’ tortura, kien qiegħed ibati minn sindromu ta’ stress post-trawmatiku kif ukoll minn depressjoni, kellu tendenzi ta’ suwiċidju u kien jidher li kien iddeterminat joqtol ruħu b’idejh jekk jiġi rritornat lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu. Madankollu, din il-qorti ċaħdet ir-rikors tal-persuna kkonċernata, minn naħa, sa fejn dan kien ibbażat fuq il-Konvenzjoni dwar l-istatus tar-refuġjati (5) kif ukoll fuq id-Direttiva 2004/83 u, min-naħa l-oħra, sa fejn ma ġiex stabbilit li MP kien għadu mhedded fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.

17.      Madankollu, l-Upper Tribunal (qorti superjuri) laqgħet ir-rikors ta’ MP, sa fejn dan kien ibbażat fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3 tal-KEDB, minħabba l-fatt li, essenzjalment, jekk ir-rikorrent kien irritornat lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu huwa ma jkunx jista’ jibbenefika mill-kura adatta għat-trattament tal-patoloġija psikoloġika tiegħu, bi ksur ta’ dan l-artikolu.

18.      Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata mill-Court of Appeal (England and Wales) [qorti tal-appell (Ingilterra u Wales), ir-Renju Unit], billi kkunsidrat li d-Direttiva 2004/83 ma kinitx tinkludi l-każijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 3 tal-KEDB li fihom ir-riskju jirrigwarda s-saħħa jew is-suwiċidju u mhux il-persekuzzjoni.

19.      MP appella minn din id-deċiżjoni quddiem is-Supreme Court of the United Kingdom (qorti suprema tar-Renju Unit), il-qorti tar-rinviju. Huwa jsostni li d-Direttiva 2004/83 ma tistax ikollha kamp ta’ applikazzjoni daqshekk strett daqs l-interpretazzjonijiet li tawha l-qrati tal-ewwel istanza u tal-appell, u li huwa kien imissu bbenefika mill-protezzjoni sussidjarja b’teħid inkunsiderazzjoni, minn naħa, tat-trattament ħażin subit fil-passat fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu li huwa l-kawża tal-patoloġija tiegħu, u min-naħa l-oħra, tal-assenza ta’ infrastrutturi li jippermettu trattament adatt tal-konsegwenzi li jbati minnhom, fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu. Skont ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, l-assenza ta’ riskji fil-futur li jissubixxi trattament ħażin, fil-każ ta’ ritorn fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tad-dritt tiegħu li jibbenefika minn protezzjoni sussidjarja.

20.      Il-qorti tar-rinviju tqis li din il-kwistjoni għadha ma ġietx ittrattata preċiżament mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas minn dik tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

21.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Supreme Court of the United Kingdom (qorti suprema tar-Renju Unit) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 2(e), moqri flimkien mal-Artikolu 15(b), tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE ikopri riskju veru ta’ periklu serju għas-saħħa fiżika jew psikoloġika tal-applikant jekk jintbagħat lura lejn il-pajjiż tal-oriġini, li jirriżulta minn tortura jew trattament inuman jew degradanti preċedenti li għalih il-pajjiż tal-oriġini kien responsabbli?”

IV.    L-analiżi tiegħi

22.      Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha żewġt għażliet sabiex tittratta d-domanda preliminari preżenti. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi fil-limiti tad-domanda mressqa mill-qorti tar-rinviju, jiġifieri sempliċiment fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(e) u tal-Artikolu 15(b) tad-Direttiva 2004/83, iżda r-risposta tagħha tista’ tinkludi wkoll evalwazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3 tal-KEDB u tal-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni kontra t-tortura.

23.      Fl-ewwel lok, fir-rigward ta’ risposta ffokata esklussivament fuq id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/83, għandu jiġi rrilevat li interpretazzjoni purament litterali tal-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva, li jiddefinixxi l-perikoli serji b’mod eżawrjenti, teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni sussidjarja l-assenza ta’ kura adattata għat-trattament ta’ patoloġija fil-pajjiż ta’ oriġini fejn huwa previst li tiġi rritornata l-persuna kkonċernata.

24.      Fil-fatt, it-termini tal-Artikolu 15(b) tal-imsemmija direttiva huma ċari. Dawn jippermettu l-għoti tal-protezzjoni sussidjarja biss fil-każ ta’ riskju ta’ perikoli serji li jirriżultaw minn atti ta’ tortura jew minn trattament jew kastig inuman jew degradanti li jkunu imposti, fil-futur, fuq applikant fil-każ ta’ ritorn fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.

25.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-tliet tipi ta’ perikoli serji, iddefiniti fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/83, jikkostitwixxu kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex persuna tkun tista’ titqies bħala li tista’ tibbenefika mill-protezzjoni sussidjarja, meta, skont l-Artikolu 2(e) ta’ din id-direttiva, ikun hemm raġunijiet sostanzjali u fondati sabiex jitwemmen li l-applikant, jekk jiġi rritornat lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, jiltaqa’ ma’ riskju veru li jissubixxi tali perikoli serji (6).

26.      Dan il-qari jimplika, fil-kawża preżenti, li MP ma jistax jippretendi l-benefiċċju tal-protezzjoni sussidjarja, sa fejn huwa paċifiku li huwa ma huwiex iktar f’riskju li jissubixxi atti ta’ tortura fil-każ ta’ ritorn fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, anki jekk huwa improbabbli li jkun jista’ jibbenefika mit-trattament meħtieġ sabiex jikkura s-sindromu ta’ stress post-trawmatiku li huwa jbati minnu, minħabba insuffiċjenzi fis-sistema ta’ saħħa, u huwa f’riskju li jipprova jtemm ħajtu fil-każ ta’ ritorn fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.

27.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-riskji ta’ deterjorament tal-istat ta’ saħħa ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jirriżultawx minn ċaħda intenzjonata ta’ kura imposta fuq dan iċ-ċittadin ma humiex koperti mill-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/83. L-Artikolu 15(b) tad-Direttiva 2004/83 jiddefinixxi perikolu serju bħala atti ta’ tortura jew trattament jew kastig inuman jew degradanti fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu (7).

28.      Skont din il-ġurisprudenza, mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva jirriżulta li l-perikoli serji inkwistjoni għandhom jitwettqu bl-aġir ta’ terz u ma jistgħux sempliċement jirriżultaw mill-insuffiċjenzi ġenerali fis-sistema ta’ saħħa tal-pajjiż tal-oriġini (8).

29.      Infakkar li, għalkemm, f’ċerti ċirkustanzi partikolari, it-tbatija minħabba marda tista’ tikkostitwixxi trattament inuman jew degradanti (9), xorta jibqa’ l-fatt li wieħed mill-kriterji essenzjali għall-għoti tal-protezzjoni sussidjarja, jiġifieri l-identifikazzjoni ta’ attur responsabbli għall-perikolu u li kontra tiegħu hija meħtieġa l-protezzjoni, ikun nieqes.

30.      Fil-fatt, sabiex persuna tkun tista’ tiġi kkunsidrata bħala li tista’ tibbenefika mill-protezzjoni sussidjarja, ma huwiex suffiċjenti li jiġi pprovat li din qegħda taħt riskju li tiġi esposta għal trattament inuman jew degradanti ladarba tirritorna fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha. Jibqa’ neċessarju li jintwera li dan ir-riskju ġej minn fatturi li huma direttament jew indirettament, iżda dejjem intenzjonalment, imputabbli lill-awtoritajiet pubbliċi ta’ dan il-pajjiż, kemm jekk it-theddid dirett personalment kontra l-parti kkonċernata huwa mwettaq mill-awtoritajiet tal-pajjiż li hija ċittadina tiegħu jew huma ttollerati minn dawn l-awtoritajiet, u kemm jekk dan it-theddid huwa t-twettiq ta’ gruppi indipendenti li kontrihom l-imsemmija awtoritajiet ma humiex f’pożizzjoni li jiżguraw protezzjoni effettiva għaċ-ċittadini tagħhom.

31.      Issa fil-każ ta’ individwu li l-istat ta’ saħħtu jeħtieġ trattament mediku u li ma jistax jibbenefika minn trattament adegwat fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, it-trattament inuman jew degradanti li huwa jkun fir-riskju li jġarrab f’każ ta’ ritorn lejn dak il-pajjiż ma huwiex provenjenti minn att jew ommissjoni intenzjonali mill-awtoritajiet pubbliċi jew il-korpi indipendenti tal-Istat u ma huwiex dirett kontra persuna partikolari.

32.      Hawn, wieħed mill-kriterji essenzjali għall-għoti tal-protezzjoni sussidjarja, jiġifieri r-responsabbiltà diretta jew indiretta tal-awtoritajiet pubbliċi tal-pajjiż ta’ oriġini fit-twettiq tal-perikolu serju u li kontrih hija meħtieġa protezzjoni, huwa nieqes fil-fatt.

33.      Għaldaqstant, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-protezzjoni offruta mill-Istat Membru ma tissodisfax ħtieġa ta’ protezzjoni internazzjonali fis-sens tal-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2004/83 u għaldaqstant ma tistax taqa’ taħt il-kuntest tas-sistema komuni Ewropea tal-ażil.

34.      Minn dan isegwi li r-riskju ta’ deterjorament tal-istat ta’ saħħa ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jsofri minn marda psikoloġika, li tirriżulta mill-ineżistenza ta’ trattament adatt fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, mingħajr ma tkun inkwistjoni ċaħda intenzjonata ta’ kura, ma huwiex biżżejjed sabiex huwa jingħata l-benefiċċju tal-protezzjoni sussidjarja (10), anki meta l-patoloġija li jbati minnha l-applikant hija r-riżultat ta’ tortura subita, fil-passat, fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.

35.      B’dan il-mod, ma hemm l-ebda lok li jiġi kkunsidrat, hekk kif jissuġġerixxu r-rikorrent fil-kawża prinċipali, kif ukoll ir-Repubblika tal-Polonja, li l-unika differenza mal-kawża li tat lok għas-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, M’Bodj (11), jiġifieri l-fatt li l-patoloġiji ta’ MP jirriżultaw mill-konsegwenzi marbuta ma’ atti ta’ tortura li kienet vittma tagħhom il-parti kkonċernata fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha u mhux ma’ marda li seħħet naturalment, hija ta’ natura li tbiddel il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-benefiċċju tal-protezzjoni sussidjarja hekk kif jirriżultaw mid-Direttiva 2004/83 u kif diġà ġew interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja (12).

36.      Konsegwentement, hemm lok li jiġi propost lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li d-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 2(e) moqri flimkien mal-Artikolu 15(b) tad-Direttiva 2004/83, ma tinkludix ir-riskju reali ta’ perikolu serju għas-saħħa fiżika u psikoloġika li jirriżulta mit-tortura jew mit-trattament inuman jew degradanti subit minnu fil-passat u li għalih il-pajjiż ta’ oriġini huwa responsabbli, fil-każ fejn l-applikant jiġi rritornat lejh.

37.      Fit-tieni lok, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja xtaqet tagħti risposta, iktar inklużiva, li tippermetti l-qari tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/83 flimkien mal-Artikolu 3 tal-KEDB u mal-Artikolu 14(1) tal-Konvenzjoni kontra t-tortura, għandhom isiru l-osservazzjonijiet li ġejjin.

38.      F’dak li jirrigwarda, minn naħa, l-Artikolu 3 tal-KEDB, il-ġurisprudenza diġà tagħtina punti ta’ riferiment importanti.

39.      Qabel kollox, hemm lok li jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-dritt fundamentali ggarantit mill-Artikolu 3 tal-KEDB jifforma parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura l-osservanza tagħhom u li l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni tal-portata ta’ dan id-dritt fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, peress li l-Artikolu 15(b) tad-Direttiva 2004/83 jikkorrispondi, essenzjalment, għall-Artikolu 3 tal-KEDB (13).

40.      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li mill-premessi 5, 6, 9 u 24 tad-Direttiva 2004/83 jirriżulta li, għalkemm din id-direttiva hija intiża li tikkompleta, permezz tal-protezzjoni sussidjarja, il-protezzjoni tar-refuġjati stabbilita mill-Konvenzjoni ta’ Genève, billi tidentifika l-persuni li għandhom tassew bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali, il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha ma jestendix għall-persuni awtorizzati jirresjedu fit-territorju tal-Istat Membri għal raġunijiet oħra, jiġifieri fuq bażi diskrezzjonarja u għal raġunijiet ta’ kumpassjoni jew umanitarji. L-obbligu ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 15(b), tad-Direttiva 2004/83 b’teħid inkunsiderazzjoni tal-Artikolu 3 tal-KEDB, li għalih dan jikkorrispondi essenzjalment, ma huwiex ta’ natura li jikkontesta din l-interpretazzjoni (14).

41.      Madankollu, diġà ġie deċiż ukoll (15) li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/83 fid-dawl tal-Artikolu 3 tal-KEDB, tista’ tippermetti l-għoti tal-benefiċċju tal-protezzjoni sussidjarja, iżda biss f’każijiet eċċezzjonali ħafna u meta l-kunsiderazzjonijiet umanitarji li jimmilitaw kontra l-imsemmija tkeċċija jkunu imperattivi, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (16).

42.      F’dan ir-rigward, din il-qorti ddeċidiet li, il-fatt li ċittadin ta’ Stat terz li jbati minn marda serja ma jistax, f’każijiet eċċezzjonali ħafna, jitkeċċa lejn pajjiż li fih it-trattament adegwat għall-patoloġija tiegħu ma huwiex disponibbli ma jimplikax neċessarjament li l-persuna kkonċernata għandha tiġi awtorizzata tirresjedi fi Stat parti (17).

43.      Din il-ġurisprudenza tista’ tiġi trasposta għall-każ fil-kawża prinċipali u timplika li l-Istati Membri ma għandhomx l-obbligu li jagħtu awtomatikament il-benefiċċju tal-protezzjoni sussidjarja lill-persuni li jbatu minn patoloġiji li rriżultaw wara atti ta’ tortura subiti fil-passat fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom. Fil-fatt, ma jistax jitqies li l-każ ta’ MP jikkorrispondi għal każ eċċezzjonali li fih kunsiderazzjonijiet umanitarji huma imperattivi.

44.      Fil-kawża preżenti, ma huwiex stabbilit li l-insuffiċjenza tas-sistema ta’ saħħa, fiha nnifisha, tikkostitwixxi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3 tal-KEDB. Madankollu, jekk din l-insuffiċjenza twassal għal aggravazzjoni tal-istat ta’ saħħa tal-parti kkonċernata, allura jista’ jkun hemm ksur ta’ din id-dispożizzjoni. Hija biss il-qorti nazzjonali li għandha tevalwa l-eżistenza ta’ tali ksur, anki jekk jidher probabbli li dan il-każ jaqa’ taħt tali ipoteżi b’teħid inkunsiderazzjoni tal-istress post-trawmatiku li jbati minnu MP u tar-riskju li jwettaq suwiċidju, fil-każ ta’ ritorn fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu. Barra minn hekk, il-qrati nazzjonali, tal-ewwel istanza u tal-appell, ikkonstataw il-ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u mid-dokumenti tal-fajl jirriżulta, fatt li ma ġiex ikkontestat, li MP ma huwiex ser jiġi rritornat lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.

45.      Barra minn hekk, infakkar li l-iskema tal-protezzjoni sussidjarja għandha tinżamm separata mill-kunsiderazzjonijiet li jippresjedu l-kawża prinċipali, fejn huwa kostanti li l-applikant ma għadux fir-riskju li jissubixxi atti ta’ tortura fil-każ ta’ ritorn tiegħu fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.

46.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jkun kuntrarju għas-sens ġenerali u għall-għanijiet tad-Direttiva 2004/83 li jiġu applikati l-protezzjonijiet li hija tipprevedi fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jinsabu f’sitwazzjonijiet li ma jkollhom ebda rabta mal-loġika stess ta’ din il-protezzjoni internazzjonali (18).

47.      Fil-fatt, u wara l-kunsiderazzjonijiet li diġà ġew evokati li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(e) u tal-Artikolu 15(b) ta’ din id-direttiva, jekk kellha tingħata protezzjoni internazzjonali lill-applikant, din tkun tip ta’ protezzjoni oħra, skont it-termini tal-Artikolu 2(g), in fine, tal-imsemmija direttiva. Din il-protezzjoni tkun tingħata minħabba raġuni oħra, fuq bażi diskrezzjonarja u b’kumpassjoni jew tkun iddettata minn kunsiderazzjonijiet umanitarji, ibbażati fuq l-osservanza tal-Artikolu 3 tal-KEDB, b’mod partikolari.

48.      Issa, il-leġiżlatur xtaq manifestament jeskludi s-sitwazzjonijiet ibbażati fuq raġunijiet umanitarji mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/83, konformement mal-premessa 9 tagħha (19).

49.      Għaldaqstant, minn dak li ntqal qabel jirriżulta li l-qari flimkien tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/83 u tal-Artikolu 3 tal-KEDB ma jipprojbixxix lill-Istati Membri milli jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni sussidjarja l-persuni, li jinsabu f’sitwazzjoni bħal dik ta’ MP, li jbatu minn konsegwenzi marbuta ma’ atti ta’ tortura subiti fil-passat, iżda li ma humiex iktar f’riskju li jiġu kkonfrontati b’tali trattament fil-każ ta’ ritorn fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, anki jekk ikunu suġġetti għal riskju ta’ suwiċidju u ċertament ma jkunux jistgħu jibbenefikaw minn trattament adattat għat-trattament tal-patoloġiji tagħhom. F’dan il-kuntest, hija esklussivament il-qorti nazzjonali, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi li hija għandha, li għandha tevalwa l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 3 tal-KEDB.

50.      Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni kontra t-tortura, infakkar qabel kollox li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/83 u t-testi l-oħra li fuqhom hija bbażata s-sistema komuni Ewropea tal-ażil, ġew adottati sabiex jgħinu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri japplikaw il-Konvenzjoni ta’ Genève, kif ukoll it-trattati l-oħra rilevanti fil-qasam, konformement mal-Artikolu 78(1) TFUE (20). Għaldaqstant, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva għandha issir fid-dawl tas-sens ġenerali u tal-għan ta’ dawn it-testi (21).

51.      Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandha tkun awtonoma minn dik tad-dritt internazzjonali umanitarju (22). Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dritt internazzjonali umanitarju u l-iskema tal-protezzjoni sussidjarja, prevista mid-Direttiva 2004/83, isegwu għanijiet differenti u jistabbilixxu mekkaniżmi ta’ protezzjoni manifestament separati (23).

52.      Għaldaqstant, nirrileva li d-Direttiva 2004/83 ma fiha ebda dispożizzjoni li hija simili, mill-qrib jew mill-bogħod, għal dawk tal-Artikolu 14(1) tal-Konvenzjoni kontra t-tortura li jobbliga lill-Istati parti jipprevedu l-proċeduri u l-mezzi li jippermettu lill-vittmi ta’ atti ta’ tortura jiksbu rimedju.

53.      Huwa għaldaqstant, f’dawn il-limiti biss, li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ eventwalment tistaqsi fuq il-kwistjoni dwar jekk il-ksur tal-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni kontra t-tortura, minn Stat terz li tiegħu l-applikant huwa ċittadin, jistax jinfluwenza l-obbligi tal-Istati Membri tal-Unjoni, fil-qasam ta’ għoti tal-protezzjoni sussidjarja, li jirriżultaw mid-Direttiva 2004/83 li jippermettu l-protezzjoni tal-individwi kontra kull perikolu serju.

54.      Fil-fatt, minn interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 14(1) tal-Konvenzjoni kontra t-tortura jirriżulta li huwa l-Istat responsabbli għall-atti ta’ tortura mwettqa fit-territorju tiegħu li għandu, bħala prinċipju, jipprevedi l-mezzi u l-proċeduri li jippermettu lill-persuni kkonċernati jiksbu rimedju jew jibbenefikaw minn riabilitazzjoni kompluta kemm jista’ jkun (24).

55.      Qari komprensiv tal-istipulazzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni jsaħħaħ effettivament din l-interpretazzjoni litterali, sa fejn l-Artikoli 13 et seq tagħha huma indirizzati, essenzjalment, lill-Istat responsabbli għall-ksur (25). Sa dan l-estent, hemm lok li jiġi mistoqsi jekk, fil-każ fejn is-Sri Lanka ma tosservax l-obbligi li jirriżultaw mill-Konvenzjoni kontra t-tortura, li għaliha hija parti, dan jistax jestendi l-obbligi tal-Istati Membri fil-qasam tal-protezzjoni sussidjarja.

56.      Il-ksur tal-Konvenzjoni kontra t-tortura, minn Stat terz li ma jifformax parti mill-Unjoni, jista’ jippermetti lill-individwi jinvokaw dritt għall-protezzjoni sussidjarja fl-Unjoni Ewropea? Dan il-ksur jista’ jiġi interpretat bħala prova tal-eżistenza ta’ riskju ta’ trattament inuman u degradanti fil-każ tar-ritorn tal-persuna kkonċernata fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha? L-assenza ta’ proċedura li tippermetti rimedju fil-pajjiż ta’ oriġini tista’ tiġi kkunsidrata bħala riskju ta’ perikoli serji? Huma dawn il-mistoqsijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tkun trid tiddeċiedi fuqhom.

57.      Ċerti Stati jistgħu jaċċettaw li jassumu l-obbligi li tnissel il-Konvenzjoni kontra t-tortura, minkejja li ma jkunux responsabbli għall-atti ta’ tortura inkwistjoni. Tali ġurisdizzjoni universali hija ammessa fil-qasam kriminali, fir-rigward tal-prosekuzzjoni u tal-ġudizzju ta’ awturi ta’ atti ta’ tortura. Effettivament, dan it-test jammetti li l-unika rabta bejn l-Istat tal-qorti li jkollha ġurisdizzjoni u t-twettiq tar-reat tkun il-preżenza tal-awtur allegat tal-atti ta’ tortura fit-territorju tal-Istat, li għandu jew jestradixxi jew iressaq azzjoni kriminali u jiġġudika kriminalment lil dan l-awtur allegat (26). Madankollu, ma huwiex komuni li din il-ġurisdizzjoni universali tiġi rrikonoxxuta fil-qasam tar-responsabbiltà ċivili u tad-dritt għal kumpens tal-vittmi ta’ atti dannużi (27). L-unika rabta meħtieġa bejn il-ksur u l-Istat tkun, f’dan il-kuntest, il-preżenza tal-vittma ta’ atti ta’ tortura, imwettqa barra mill-pajjiż, fit-territorju tal-Istat li jieħu r-responsabbiltà għall-azzjoni għall-finijiet ta’ rimedju. Din l-estenzjoni tal-kompetenza ġudizzjarja tal-Istati parti għall-Konvenzjoni kontra t-tortura, jekk tkun ammessa mill-Qorti tal-Ġustizzja (28), tippermetti lill-vittmi ta’ atti ta’ tortura jeżerċitaw effettivament id-drittijiet tagħhom għal rimedju u li jiġi rifless kompletament il-jus cogens (29), u b’hekk tissaħħaħ il-ġlieda kontra t-tortura fuq livell internazzjonali (30).

58.      Huwa f’dawn il-limiti biss, li jkun jista’ jiġi ammess li l-Artikolu 14(1) tal-Konvenzjoni kontra t-tortura jiġi applikat għall-każ fil-kawża prinċipali, bħala li jippermetti l-estenzjoni tal-obbligi tal-Istat Membri fil-qasam tal-protezzjoni sussidjarja. Madankollu, ir-rikonoxximent ta’ tali ġurisdizzjoni universali jmur lil hinn minn dak li diġà ammettiet il-ġurisprudenza tal-Unjoni u l-każ fil-kawża prinċipali ma jidhirx li huwa l-aħjar okkażjoni sabiex jittieħed dan il-pass, sa fejn żewġ elementi jostakolaw l-applikabbiltà tal-Artikolu 14(1) tal-Konvenzjoni kontra t-tortura.

59.      Minn naħa, ma jirriżulta minn l-ebda dokument tal-fajl li s-Sri Lanka ser tikser intenzjonalment l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 14(1) tal-Konvenzjoni kontra t-tortura fil-konfront ta’ MP jekk dan tal-aħħar kellu jiġi rritornat lil hemm. Effettivament, minn dak li ntqal qabel jirriżulta li ebda ċaħda intenzjonali ta’ kura ma tista’ tiġi allegata b’mod validu minn MP kontra s-Sri Lanka u għaldaqstant, dan ma jistax għaldaqstant jikkostitwixxi riskju ta’ perikoli serji bħal dawk elenkati mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/83 sabiex jiġi permess l-għoti tal-protezzjoni sussidjarja, u dan anki jekk l-insuffiċjenza tas-sistema ta’ saħħa ma hijiex ikkontestata. Għaldaqstant, ma huwiex possibbli li jiġi rrikonoxxut a priori li s-Sri Lanka kisret l-obbligi li jirriżultaw mill-Konvenzjoni kontra t-tortura fir-rigward ta’ MP.

60.      Min-naħa l-oħra, sabiex jiġi ammess id-dritt għal rimedju, huwa wkoll neċessarju li jitressaq ilment jew talba għal azzjoni ġudizzjarja. Fil-fatt, hija l-persuna li tallega li hija vittma ta’ atti ta’ tortura li għandha tressaq azzjoni sabiex tikseb rimedju jew sabiex tibbenefika mill-kundizzjonijiet adegwati li jippermettu r-riabilitazzjoni l-iktar kompleta possibbli tagħha, abbażi tad-dispożizzjonijiet stess tal-Artikolu 14(1), tal-Konvenzjoni kontra t-tortura. Madankollu, fil-kawża preżenti, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ma jistabbilixxix, u lanqas ma jallega, li ressaq talba intiża sabiex jibbenefika minn kumpens jew minn mezzi ta’ riabilitazzjoni, kemm quddiem l-awtoritajiet tas-Sri Lanka, u kemm quddiem dawk ta’ Stat Membru, jekk dawn tal-aħħar jistgħu jirrikonoxxu lilhom infushom bħala li għandhom ġurisdizzjoni. Minn l-ebda dokument tal-fajl ma jirriżulta li MP kien ressaq xi azzjoni fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14(1) tal-Konvenzjoni kontra t-tortura.

61.      Għaldaqstant, u bħala ipoteżi, l-uniku mod sabiex il-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali jiġi inkluż fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn l-istipulazzjonijiet huwa li jiġi kkunsidrat, minn naħa, li l-insuffiċjenzi tas-sistema ta’ saħħa tas-Sri Lanka huma l-oriġini ta’ ksur intenzjonali tal-obbligi ta’ dan l-Istat abbażi tal-Artikolu 14(1) tal-Konvenzjoni kontra t-tortura fil-konfront ta’ MP u, min-naħa l-oħra, li l-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja, fi Stat Membru tal-Unjoni, hija ekwivalenti għal talba għad-dritt għall-ibbenefikar minn kumpens jew mill-mezzi neċessarji għal riabilitazzjoni l-iktar kompleta possibbli.

62.      Madankollu, din l-interpretazzjoni tidher li testendi, b’mod eċċessiv, il-kamp ta’ applikazzjoni kemm tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/83, u kemm tal-istipulazzjonijiet tal-Artikolu 14(1) tal-Konvenzjoni kontra t-tortura.

63.      Barra minn hekk, huwa indispensabbli li jiġu eżaminati l-konsegwenzi prattiċi ta’ interpretazzjoni hekk estensiva. Jekk din kellha tippermetti lil kull persuna li subiet, fil-passat, trattament ħażin tibbenefika minn dritt għal protezzjoni sussidjarja, u dan sakemm il-pajjiż ta’ oriġini tagħha ma jipprevedix il-mezzi u l-proċeduri li jippermettu kumpens jew riabilitazzjoni tal-vittmi, inkluż permezz tal-implementazzjoni ta’ sistema ta’ saħħa suffiċjenti, din iżżid kunsiderevolment l-obbligi tal-Istati Membri fil-qasam tal-protezzjoni sussidjarja u toħloq diffikultajiet kemm proċedurali kif ukoll materjali. Tali interpretazzjoni tkun tmur tassew lil hinn minn dak li xtaq il-leġiżlatur tal-Unjoni meta adotta d-Direttiva 2004/83 u s-sistema Ewropea komuni tal-ażil u toħloq riskju li twassal għal żieda fit-talbiet għal protezzjoni internazzjonali kif ukoll għal diffikultajiet sabiex jintemmu dawn is-sistemi ta’ protezzjoni, konformement mal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/83, fil-każ ta’ stress post-trawmatiku jew ta’ riskju ta’ suwiċidju. Barra minn hekk, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tapplika bla ħsara għas-setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri li jawtorizzaw ir-residenza, minħabba raġunijiet umanitarji, tal-persuni li jbatu minn tali patoloġiji.

64.      Minn dak li ntqal qabel jirriżulta li hemm lok li jiġi propost lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-istipulazzjonijiet tal-Artikolu 14(1), tal-Konvenzjoni kontra t-tortura ma jipprekludux li l-protezzjoni sussidjarja ma tingħatax lil applikant li jsib ruħu f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

65.      Konsegwentement, hemm lok li jiġi propost lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li d-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 2(e) moqri flimkien mal-Artikolu 15(b) tad-Direttiva 2004/83, ma tinkludix ir-riskju reali ta’ perikolu serju għas-saħħa fiżika u psikoloġika li jirriżulta mit-tortura subita mill-applikant fil-passat u li għaliha l-pajjiż ta’ oriġini huwa responsabbli, fil-każ fejn dan jiġi rritornat lejh, mingħajr ma dan huwa prekluż mill-Artikolu 3 tal-KEDB u mill-Artikolu 14(1) tal-Konvenzjoni kontra t-tortura.

V.      Konklużjoni

66.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda preliminari magħmula mis-Supreme Court of the United Kingdom (qorti suprema tar-Renju Unit) għandha tkun is-segwenti:

Id-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 2(e) moqri flimkien mal-Artikolu 15(b) tad-Direttiva Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, ma tinkludix ir-riskju reali ta’ perikolu serju għas-saħħa fiżika u psikoloġika li jirriżulta mit-tortura jew mit-trattament inuman jew degradanti subit mill-applikant fil-passat u li għalih il-pajjiż ta’ oriġini huwa responsabbli, fil-każ fejn dan jiġi rritornat lejh.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Direttiva tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 19, Vol. 7, P. 96).


3      Iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, iktar ’il quddiem il-“KEDB”.


4      Adottata f’New York fl-10 ta’ Diċembru 1984, iktar ’il quddiem, il-“Konvenzjoni kontra t-tortura”.


5      Iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951, iktar ’il fuq il-“Konvenzjoni ta’ Genève”.


6      Sentenzi tas-17 ta’ Frar 2009, Elgafaji (C-465/07, EU:C:2009:94, punt 31), tat-30 ta’ Jannar 2014, Diakité (C-285/12, EU:C:2014:39, punt 18), u tat-18 ta’ Diċembru 2014, M’Bodj (C-542/13, EU:C:2014:2452, punt 30).


7      Sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, M’Bodj (C-542/13, EU:C:2014:2452, punti 31 u 32).


8      Sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, M’Bodj (C-542/13, EU:C:2014:2452, punt 35).


9      Ara l-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża M’Bodj (C-542/13, EU:C:2014:2113, punti 44 sa 46) u l-ġurisprudenza tal-Qorti EDB iċċitata). Ara wkoll, il-Qorti EDB, 29 ta’ April 2002, Pretty vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:2002:0429JUD000234602, § 52).


10      Sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, M’Bodj (C-542/13, EU:C:2014:2452, punt 36).


11      C-542/13, EU:C:2014:2452.


12      Sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, M’Bodj (C-542/13, EU:C:2014:2452).


13      Sentenza tas-17 ta’ Frar 2009, Elgafaji (C-465/07, EU:C:2009:94, punt 28). Sabiex tiġi mfakkra l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tal-KEDB mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, ara il-Qorti EDB, 28 ta’ Frar 2008, Saadi vs L-Italja (CE:ECHR:2008:0228JUD003720106, § 134 u 135), kif ukoll 21 ta’ Jannar 2011, M.S.S. vs Il-Belġju u Il-Greċja (CE:ECHR:2011:0121JUD003069609, § 219 et seq). F’din is-sentenza, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tfakkar li t-trattament ipprojbit mill-Artikolu 3 tal-KEDB għandu, b’mod partikolari, ikun ta’ livell minimu ta’ serjetà, jiġi impost bi premeditazzjoni, ikun umiljanti u degradanti.


14      Sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, M’Bodj (C-542/13, EU:C:2014:2452, punti 37 u 38).


15      Sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, M’Bodj (C-542/13, EU:C:2014:2452, punti 39 u 40).


16      Ara, b’mod partikolari, il-Qorti EDB, 27 ta’ Mejju 2008, N. vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:2008:0527JUD002656505, § 42 sa 45. F’din is-sentenza, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tindika li l-ġurisprudenza tagħha tikkonċerna prinċipalment lill-persuni sjeropożittivi, iżda li każijiet oħra jistgħu eċċezzjonalment jostakolaw it-tkeċċija ta’ persuni li għandhom marda fiżika jew mentali li seħħet naturalment.


17      Il-Qorti EDB, 27 ta’ Frar 2014, S.J. vs Il-Belġju (CE:ECHR:2015:0319JUD007005510, § 118 sa 120). Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fakkret f’din is-sentenza li, skont il-ġurisprudenza tagħha, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu s-suġġett ta’ miżura ta’ tkeċċija ma jistgħux, bħala prinċipju, jinvokaw dritt li jibqgħu fit-territorju ta’ Stat kontraenti sabiex jibqgħu jibbenefikaw mill-assistenza u mis-servizzi mediċi, soċjali jew oħrajn ipprovduti mill-Istat li qiegħed ikeċċi. Il-fatt li, fil-każ ta’ tkeċċija mill-Istat kontraenti, ir-rikorrent jista’ jkollu degradazzjoni sinjifikattiva fis-sitwazzjoni tiegħu, u, b’mod partikolari, tnaqqis sinjifikattiv fl-istennija tal-għomor tiegħu, ma huwiex fih innifsu suffiċjenti sabiex iwassal għal ksur tal-Artikolu 3 tal-KEDB.


18      Sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, M’Bodj (C-542/13, EU:C:2014:2452, punt 44).


19      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża M’Bodj (C-542/13, EU:C:2014:2113, punti 60 sa 63).


20      Ara, b’mod partikolari, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Danqua (C-429/15, EU:C:2016:485, punt 55).


21      Sentenza tas-7 ta’ Novembru 2013, X et (C-199/12 à C-201/12, EU:C:2013:720, punti 39 u 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).


22      Sentenzi tat-30 ta’ Jannar 2014, Diakité (C-285/12, EU:C:2014:39, punti 24 sa 26), u tal-14 ta’ Marzu 2017, A et (C-158/14, EU:C:2017:202, punt 91).


23      Sentenza tat-30 ta’ Jannar 2014, Diakité (C-285/12, EU:C:2014:39, punt 24).


24      Ara, f’dan is-sens, Chanet, C., “La Convention des Nations Unies contre la torture et autres peines ou traitements cruels, inhumains ou dégradants”, Annuaire français de droit international, Volum 30, Persée, Paris, 1984, p. 625 sa 636.


25      Ara, f’dan is-sens, Ponroy, E., u Jacq, C., “Étude comparative des Conventions des Nations Unies et du Conseil de l’Europe relatives à la torture et aux peines ou traitements inhumains ou dégradants”, Revue de science criminelle et de droit pénal comparé, Dalloz, Paris, 1990, p. 317.


26      Ara l-Artikolu 5(2) tal-Konvenzjoni kontra t-tortura, skont il-prinċipju aut dedere aut judicare. Ara, f’dan is-sens, Vandermeersch, D., “La compétence universelle”, Juridictions nationales et crimes internationaux, Presses universitaires de France, Paris, 2002, p. 59 sa 594.


27      Il-Qorti EDB, 21 ta’ Ġunju 2016, Nait-Liman vs L-Isvizzera (CE:ECHR:2016:0621JUD005135707, § 49 et seq. kif ukoll § 115 et seq.). F’din is-sentenza, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tirrifjuta li tqis li l-Artikolu 6(1) tal-KEDB jobbliga lill-Istati parti jipprevedu mekkaniżmi ta’ rimedji ċivili għal atti ta’ tortura mwettqa fi Stati terzi. Il-Qorti tippreċiża li l-aċċettazzjoni ta’ ġurisdizzjoni universali f’dan il-qasam kienet tikkawża influss kbir ta’ rikorsi. Wara eżami eżawrjenti tas-sistemi ġudizzjarji Ewropej, (§ 49), il-Qorti tikkonkludi li, għalkemm il-projbizzjoni ta’ tortura taqa’ tassew taħt il-jus cogens u tibbenefika mill-ġurisdizzjoni universali, l-azzjonijiet ċivili li huma l-konsegwenza ta’ atti ta’ tortura għandhom madankollu josservaw ir-regoli ta’ territorjalità tal-ġurisdizzjoni. Ara, wkoll, il-Qorti EDB, 21 ta’ Novembru 2001, Al-Adsani vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:2001:1121JUD003576397, § 61 u 115 et seq.).


28      Bil-konsapevolezza li din il-kwistjoni hija ’l bogħod milli tkun unanima fl-ordinamenti ġuridiċi Ewropej u fid-duttrina, kif tfakkar il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fis-sentenzi tagħha tal-21 ta’ Novembru 2001, Al-Adsani vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:2001:1121JUD003576397, § 61 u 62), u tal-21 ta’ Ġunju 2016, Nait-Liman vs L-Isvizzera (CE:ECHR:2016:0621JUD005135707, § 115 et seq.).


29      Għal definizzjoni, ara s-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C-402/05 P u C-415/05 P, EU:C:2008:461, punt 87): “intiż bħala kwistjoni ta’ ordni pubbliku internazzjonali li hija imposta fuq dawk kollha li huma suġġetti għad-dritt internazzjonali, […] u li ma tistax issir deroga minnha”.


30      Ara s-sentenza tat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-ex Jugoslavja, tal-10 ta’ Diċembru 1998, Anto Furundzija (IT-95-17, § 156).