Language of document : ECLI:EU:C:2014:11

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

16 ta’ Jannar 2014 (*)

“Moviment liberu tal-merkanzija — Artikolu 34 TFUE — Restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni — Miżuri li għandhom effett ekwivalenti — Kummerċjalizzazzjoni ta’ xogħlijiet magħmula minn metalli prezzjużi — Boll — Rekwiżiti imposti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ importazzjoni”

Fil-Kawża C‑481/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Litwanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Settembru 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Ottubru 2012, fil-proċedura

UAB “Juvelta”

vs

VĮ “Lietuvos prabavimo rūmai”,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), President tal-Awla, J. L. da Cruz Vilaça, G. Arestis, J.-C. Bonichot u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal UAB “Juvelta”, minn A. Astauskienė, avukat,

–        għall-Gvern Litwan, minn D. Kriaučiūnas u R. Krasuckaitė, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Steiblytė u G. Wilms, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal‑Artikolu 34 TFUE.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn UAB “Juvelta” (iktar ’il quddiem “Juvelta”) u l-VĮ Lietuvos prabavimo rūmai (l-Uffiċċju ta’ Kontroll Litwan) dwar id-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li jimponi fuq Juvelta l-ħtieġa li timmarka, f’uffiċċju pubbliku indipendenti awtorizzat, b’bolli ta’ garanzija skont ir-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni Litwana, ix-xogħlijiet magħmula mid-deheb li hija kienet tikkummerċjalizza.

 Il-kuntest ġuridiku

3        Skont l-Artikolu 3(21) tal-Liġi tar-Repubblika tal-Litwanja dwar il-Kontroll ta’ Metalli Prezzjużi u Ħaġar Prezzjuż (Lietuvos Respublikos tauriųjų metalų ir brangakmenių valstybinės priežiūros įstatymas), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-kontroll”), il-boll nazzjonali tal-VĮ Lietuvos prabavimo rūmai huwa boll stabbilit mill-Istati taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u mir-Repubblika tat-Turkija, li jiċċertifika li x-xogħlijiet li għandhom l-imsemmi boll ġew ikkontrollati u mmarkati minn uffiċċju ta’ kontroll indipendenti awtorizzat mill-Istat ikkonċernat u huma konformi mal-finezza espressa f’numri bl-Għarbi fuq il-boll u li jindika l-kwantità f’metalli prezzjużi għal kull elf tal-piż tal-liga.

4        Skont l-Artikolu 17(1) ta’ din il-liġi, il-prodotti magħmula minn metalli prezzjużi u l-ħaġar prezzjuż importati fil-Litwanja għandhom ikunu mmarkati b’boll nazzjonali ta’ dan l-Istat mill-VĮ Lietuvos prabavimo rūmai.

5        Il-punt 2 tal-Artikolu 17(2) tal-imsemmija liġi jipprovdi li x-xogħlijiet magħmula minn metalli prezzjużi u l-ħaġar prezzjuż importati minn Stat ieħor, jiġifieri minn Stat taż-ŻEE jew mir-Repubblika tat-Turkija, li t-tqegħid fis-suq tagħhom huwa awtorizzat, jistgħu jiġu kkummerċjalizzati mingħajr il-boll tal-VĮ Lietuvos prabavimo rūmai jew mingħajr ċertifikat ta’ kwalità, jekk dawn ġew ikkontrollati u mmarkati bil-boll ta’ uffiċċju ta’ kontroll indipendenti awtorizzat minn dan l-Istat, u jkollhom il-boll ta’ responsabbiltà obbligatorja, irreġistrat f’dan l-istess Stat u mqiegħed matul il-produzzjoni tagħhom.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

6        Juvelta hija kumpannija li teżerċita, b’mod partikolari, attività ta’ negozju bl-imnut ta’ prodotti ta’ ġojjellerija magħmula minn metalli prezzjużi.

7        Wara spezzjoni, uffiċjali tal-VĮ Lietuvos prabavimo rūmai stabbilixxew li parti (355 unità) mix-xogħlijiet magħmula mid-deheb li ġew ikkontrollati ma kinux skont ir-rekwiżiti tal-punt 2 tal-Artikolu 17(2) tal-Liġi dwar il-Kontroll.

8        Permezz ta’ proċess verbal ta’ ispezzjoni Nru 04-13-41, tal-15 ta’ Marzu 2011, li fih tniżżlu r-riżultati tal-imsemmija spezzjoni, il-VĮ Lietuvos prabavimo rūmai ordna lil Juvelta biex timmarka x-xogħlijiet magħmula mid-deheb li hija kienet tikkummerċjalizza, f’uffiċċju ta’ kontroll pubbliku indipendenti awtorizzat, b’bolli skont ir-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni Litwana.

9        Mill-proċess verbal jirriżulta li x-xogħlijiet inkwistjoni kienu ġew ittimbrati b’boll minn uffiċċju ta’ kontroll indipendenti awtorizzat fir-Repubblika tal-Polonja, iżda li, skont il-VĮ Lietuvos prabavimo rūmai, dan il-boll ma kienx konformi mar-rekwiżiti tal-punt 2 tal-Artikolu 17(2) tal-Liġi dwar il-Kontroll, moqri flimkien mal-Artikolu 3(21) ta’ din il-liġi, għaliex in-numru Għarbi “3”, li jinsab fuqhom, ma kienx jindika l-kontenut tal-metall prezzjuż stabbilit, espress f’elf mill-piż tal-liga.

10      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li ma huwiex ikkontestat li, fir-Repubblika tal-Polonja, ir-referenza tan-numru “3” fuq tali boll hija intiża biex timmarka l-prodotti magħmula minn metalli prezzjużi li l-finezza tagħhom, espressa f’elf mill-piż tal-liga, hija ta’ 585.

11      Barra minn hekk, din il-qorti tindika li Juvelta pproċediet b’immarkar addizzjonali tax-xogħlijiet ikkonċernati billi żiedet fuqhom ir-referenza “585”, intiża biex tindika l-finezza ta’ dawn ix-xogħlijiet f’forma li tinftiehem mill-konsumaturi Litwani.

12      Wara li ppreżentat rikors kontra dan il-proċess verbal quddiem id-direttur tal-VĮ Lietuvos prabavimo rūmai, li, b’Deċiżjoni Nru 1.5-264, tal-15 ta’ April 2011, ċaħad dan ir-rikors u kkonferma l-validità tal-imsemmi proċess verbal, Juvelta talbet l-annullament ta’ dan tal-aħħar u ta’ din id-deċiżjoni quddiem il-Vilniaus apygardos administracinis teismas, li ċaħdet din it-talba bis-sentenza tat-18 ta’ Awwissu 2011.

13      Juvelta appellat minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

14      F’dan il-kuntest, il-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-Artikolu 34 tat-[TFUE] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjonijiet legali nazzjonali li jipprovdu li, meta jiġu kkummerċjalizzati fis-suq ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, prodotti [xogħlijiet] tad-deheb importati minn Stat Membru ieħor li t-tqegħid fis-suq tagħhom f’dak l-Istat Membru (ta’ esportazzjoni) ikun awtorizzat, dawn il-prodotti għandhom ikunu mmarkati b’marka, ta’ uffiċċju tal-bolla indipendenti awtorizzat minn Stat Membru, li tikkonferma li l-prodott li fuqu tqiegħdet il-marka kien ġie assaġġat minn dan l-uffiċċju u li tispeċifika informazzjoni li tista’ tinftiehem mill-konsumaturi tal-Istat Membru ta’ importazzjoni dwar il-livell ta’ finezza tal-prodott, f’ċirkustanzi fejn tali informazzjoni dwar il-livell ta’ finezza hija pprovduta f’marka separata u addizzjonali mqiegħda fuq l-istess prodott tad-deheb?

2)      Għall-finijiet tal-għoti ta’ risposta għall-ewwel domanda, huwa importanti li, bħalma huwa l-każ ineżami, il-marka addizzjonali dwar il-livell ta’ finezza ta’ prodotti tad-deheb li tinsab fuq il-prodotti u li tista’ tinftiehem mill-konsumaturi tal-Istat Membru ta’ importazzjoni (pereżempju, marka bit-tliet numri ‘585’) ma tkunx tqiegħdet minn uffiċċju tal-bolla indipendenti awtorizzat minn Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, iżda l-informazzjoni mogħtija mill-marka tikkorrispondi, fit-tifsira tagħha, għall-informazzjoni speċifikata fil-marka, imqiegħda fuq l-istess prodott, mill-uffiċċju tal-bolla indipendenti awtorizzat mill-Istat Membru ta’ esportazzjoni (pereżempju, il-marka bin-numru [bl-Ġħarbi] ‘3’ mill-Istat ta’ esportazzjoni tidentifika speċifikament, skont id-dispożizzjonijiet legali ta’ dak l-Istat, livell ta’ finezza ta’ 585)?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

15      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 34 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li abbażi tagħha, sabiex jiġu kkummerċjalizzati fis-suq ta’ Stat Membru, xogħlijiet magħmula minn metalli prezzjużi importati minn Stat Membru ieħor, li fih il-kummerċjalizzazzjoni hija awtorizzata u li ġew immarkati b’boll skont il-leġiżlazzjoni ta’ dan it-tieni Stat Membru, għandhom, meta l-indikazzjonijiet dwar il-finezza ta’ dawn ix-xogħlijiet li jinsabu fuq l-imsemmi boll ma humiex konformi mar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni tal-ewwel Stat Membru, jerġgħu jiġu ttimbrati mill-ġdid, minn organu ta’ kontroll indipendenti awtorizzat minn dan l-aħħar Stat Membru, permezz ta’ boll li jikkonferma li l-imsemmija xogħlijiet ġew ikkontrollati u li jindika l-finezza tagħhom skont l-imsemmija rekwiżiti.

16      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, kull leġiżlazzjoni kummerċjali tal-Istati Membri li tista’ tostakola, direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, il-kummerċ fi ħdan l-Unjoni għandha tiġi kkunsidrata li hija miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1974, Dassonville, 8/74, Ġabra p. 837, punt 5, u tat-2 ta’ Diċembru 2010, Ker-Optika, C‑108/09, Ġabra p. I‑12213, punt 47).

17      Għalhekk, l-ostakoli għall-moviment liberu tal-merkanzija li jirriżultaw, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni ta’ leġiżlazzjonijiet, mill-applikazzjoni għal merkanzija li tkun ġejja minn Stati Membri oħra, li fihom hija legalment prodotta u kkummerċjalizzata, ta’ regoli dwar il-kundizzjonijiet li din il-merkanzija għandha tissodisfa, anki jekk dawn ir-regoli japplikaw b’mod indistint għall-prodotti kollha, jikkostitwixxu miżuri li għandhom effett ekwivalenti, ipprojbiti mill-Artikolu 34 TFUE, għaliex din l-applikazzjoni ma tistax tiġi ġġustifikata minn għan ta’ interess ġenerali ta’ natura li jipprevali fuq ir-rekwiżiti tal-moviment liberu tal-merkanzija (ara s-sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 1982, Robertson et, 220/81, Ġabra p. 2349, punt 9; tal-15 ta’ Settembru 1994, Houtwipper, C‑293/93, Ġabra p. I‑4249, punt 11, kif ukoll tal-21 ta’ Ġunju 2001, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda, C‑30/99, Ġabra p. I‑4619, punt 26).

18      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi li xogħlijiet magħmula minn metalli prezzjużi importati minn Stati Membri oħra, li fihom huma legalment ikkummerċjalizzati u ttimbrati skont il-leġiżlazzjoni ta’ dawn l-Istati, jiġu suġġetti għall-ittimbrar mill-ġdid fl-Istat Membru ta’ importazzjoni għandha l-effett li tagħmel l-importazzjonijiet iktar diffiċli u bi prezz ogħla (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Robertson et, punt 10; Houtwipper, punt 13; kif ukoll Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda, punt 27).

19      Dan huwa l-każ tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, abbażi tagħha, xogħlijiet magħmula minn metalli prezzjużi u minn ħaġar prezzjuż immarkati b’boll li l-indikazzjonijiet tagħhom ma humiex konformi mar-rekwiżiti tal-imsemmija leġiżlazzjoni jistgħu jiġu kkummerċjalizzati fil-Litwanja biss wara li jkunu suġġetti għall-ittimbrar mill-ġdid f’dan l-Istat Membru.

20      Konsegwentement, tali leġiżlazzjoni tikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni, ipprojbita mill-Artikolu 34 TFUE.

21      Fir-rigward tal-possibbiltà li tali miżura tiġi ġġustifikata, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-obbligu għall-importatur li jqiegħed fuq ix-xogħlijiet magħmula minn metalli prezzjużi boll li jindika l-finezza huwa, bħala regola ġenerali, ta’ natura li jiżgura protezzjoni effettiva għall-konsumaturi u jippromwovi l-lealtà tat-tranżazzjonijiet kummerċjali (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Robertson et, punt 11; Houtwipper, punt 14; kif ukoll Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda, punt 29).

22      Madankollu, f’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li Stat Membru ma jistax jimponi l-ittimbrar mill-ġdid fuq prodotti importati minn Stat Membru ieħor, li fih huma ġew legalment ikkummerċjalizzati u ttimbrati skont il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat, peress illi l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-boll oriġinali, irrispettivament mill-forma, huma ekwivalenti għal dawk stipulati mill-Istat Membru ta’ importazzjoni u jinftiehmu mill-konsumaturi ta’ dan tal-aħħar (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Robertson et, punt 12; Houtwipper, punt 15; kif ukoll Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda, punti 30 u 69).

23      Sabiex jiġi ddeterminat jekk indikazzjoni dwar il-finezza mhux prevista minn leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tipprovdix informazzjoni ekwivalenti u li tinftiehem mill-konsumaturi ta’ dan l-Istat, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-istennija preżunta ta’ konsumatur medju normalment informat u raġonevolment attent u għaqli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32).

24      Fir-rigward tal-kawża li biha l-qorti tar-rinviju hija adita, għandu jiġi rrilevat li huwa paċifiku li x-xogħlijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġew ittimbrati minn uffiċċju ta’ kontroll indipendenti awtorizzat mir-Repubblika tal-Polonja, skont il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat.

25      Bl-istess mod, il-qorti tar-rinviju tindika li ma huwiex ikkontestat li l-boll imqiegħed fuq l-imsemmija xogħlijiet jippreċiża l-finezza tagħhom permezz tar-referenza tan-numru “3” u li, fir-Repubblika tal-Polonja, din ir-referenza hija intiża sabiex timmarka x-xogħlijiet magħmula minn metalli prezzjużi li l-finezza tagħhom, espressa f’elf mill-piż tal-liga, huwa ta’ 585.

26      Minn dan jirriżulta li l-indikazzjoni pprovduta mill-imsemmija referenza hija, fir-rigward tax-xogħlijiet magħmula minn metalli prezzjużi ttimbrati fir-Repubblika tal-Polonja, ekwivalenti għal dik ipprovduta bir-referenza “585” li tinsab fil-boll imqiegħed mill-uffiċċju ta’ kontroll pubbliku indipendenti awtorizzat fir-Repubblika tal-Litwanja, skont il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-aħħar Stat.

27      Dan premess, għandu jiġi wkoll ivverifikat jekk ir-referenza tan-numru “3” li jinsab fil-bolli mqiegħda fuq ix-xogħlijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprovdix indikazzjoni li tinftiehem minn konsumatur Litwan medju, normalment informat u raġonevolment attent u għaqli.

28      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li huwa minnu li l-imsemmija referenza ma tinftehimx minn tali konsumatur, peress illi dan, bħala regola ġenerali, mhux meqjus li jaf is-sistema Pollakka ta’ indikazzjoni tal-finezza tax-xogħlijiet magħmula minn metalli prezzjużi.

29      Madankollu, għalkemm l-effetti restrittivi tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu għalhekk jiġu ġġustifikati mill-għan li tiġi żgurata protezzjoni effettiva tal-konsumaturi Litwani, billi dawn jiġu pprovduti indikazzjonijiet dwar il-finezza tax-xogħlijiet magħmula minn metalli prezzjużi importati fil-Litwanja li jinftiehmu minnhom, tali ġustifikazzjoni tkun tista’ tiġi aċċettata biss jekk din il-leġiżlazzjoni hija proporzjonata mal-għan li hija ssegwi, jiġifieri jekk, filwaqt li tkun adatta biex tilħaq dan l-għan, hija ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex dan l-għan jintlaħaq.

30      Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk l-imsemmi għan jistax jintlaħaq permezz ta’ miżuri inqas restrittivi ta’ skambju ta’ xogħlijiet magħmula minn metalli prezzjużi fi ħdan l-Unjoni milli l-impożizzjoni ta’ ttimbrar mill-ġdid fl-Istat Membru ta’ importazzjoni, prevista mill-imsemmija leġiżlazzjoni.

31      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, kif indikat il-qorti tar-rinviju, sabiex il-finezza tax-xogħlijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiġi espressa f’forma li tinftiehem mill-konsumaturi Litwani, Juvelta pproċediet b’immarkar addizzjonali ta’ dawn ix-xogħlijiet permezz tal-iskrizzjoni fuqhom tar-referenza “585”, fejn dan in-numru jikkorrispondi mal-finezza tal-imsemmija xogħlijiet, espressa f’elf mill-piż tal-liga.

32      Issa, għandu jiġi kkonstatat li tali mmarkar huwa ta’ natura li jilħaq l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u li jikkostitwixxi miżura inqas restrittiva għall-moviment tax-xogħlijiet magħmula minn metalli prezzjużi fi ħdan l-Unjoni mill-ittimbrar mill-ġdid impost minn din il-leġiżlazzjoni, kemm-il darba l-indikazzjonijiet ipprovduti minn dan l-immarkar jikkorrispondu ma’ dawk li jinsabu fuq il-boll imqiegħed fuq ix-xogħlijiet ikkonċernati minn organu ta’ kontroll indipendenti awtorizzat mill-Istat Membru ta’ esportazzjoni tal-imsemmija xogħlijiet.

33      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, minbarra l-immarkar addizzjonali bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, miżuri oħra, bħall-preżenza obbligatorja, fil-posta tal-kummerċjalizzazzjoni tax-xogħlijiet magħmula minn metalli prezzjużi li ġejjin minn Stati Membri oħra, ta’ tabelli ta’ korrispondenza awtorizzati minn organu ta’ kontroll indipendenti tal-Istat Membru ta’ importazzjoni li jinformaw lill-konsumaturi fuq il-bolli dwar il-finezza ta’ Stat Membri oħra u l-ekwivalenzi tagħhom fl-imsemmi Stat Membru jew l-obbligu li fuq dawn ix-xogħlijiet titqiegħed tikketta li ssemmi l-indikazzjonijiet kollha meħtieġa mil-leġiżlazzjoni tal-istess Stat Membru jistgħu jitqiesu bħala miżuri suffiċjenti li jippermettu li tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva tal-konsumaturi.

34      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 34 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li abbażi tagħha, sabiex jiġu kkummerċjalizzati fis-suq ta’ Stat Membru, xogħlijiet magħmula minn metalli prezzjużi importati minn Stat Membru ieħor, li fih il-kummerċjalizzazzjoni tagħhom hija awtorizzata u li ġew immarkati b’boll skont il-leġiżlazzjoni ta’ dan it-tieni Stat Membru, għandhom, meta l-indikazzjonijiet dwar il-finezza ta’ dawn ix-xogħlijiet li jinsabu fuq dan il-boll ma jkunux skont ir-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni tal-ewwel Stat Membru, jiġu mmarkati mill-ġdid, minn organu ta’ kontroll indipendenti awtorizzat minn dan l-aħħar Stat Membru, permezz ta’ boll li jikkonferma li l-imsemmija xogħlijiet ġew ikkontrollati u li jindika l-finezza tagħhom skont l-imsemmija stipulazzjonijiet.

 Fuq it-tieni domanda

35      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-fatt li mmarkar addizzjonali ta’ xogħlijiet magħmula minn metalli prezzjużi importati, intiż li jipprovdi indikazzjonijiet dwar il-finezza ta’ dawn ix-xogħlijiet f’forma li tinftiehem mill-konsumaturi tal-Istat Membru ta’ importazzjoni, ma sarx minn organu ta’ kontroll indipendenti awtorizzat minn Stat Membru għandux effett fuq ir-risposta mogħtija lill-ewwel domanda.

36      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, sa fejn ix-xogħlijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu s-suġġett ta’ mmarkar addizzjonali biss permezz ta’ boll ta’ finezza mqiegħed minn uffiċċju ta’ kontroll indipendenti awtorizzat mill-Istat Membru esportatur, f’din il-kawża r-Repubblika tal-Polonja, il-funzjoni ta’ garanzija ta’ dan il-boll ġiet sodisfatta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Houtwipper, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19).

37      Fil-fatt, is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi distinta minn dik tax-xogħlijiet magħmula minn metalli prezzjużi li huma ttimbrati mill-produtturi stess fl-Istat Membru ta’ esportazzjoni. Din l-aħħar sitwazzjoni tista’ tagħti lok għal frodi, li, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni, għandha tiġi kkonfrontata mill-Istati Membri, li għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa, billi jadottaw miżuri li huma jqisu xierqa f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Houtwipper, iċċitata iktar ’il fuq, punti 20 sa 22).

38      Dan premess, l-indikazzjonijiet ipprovduti minn immarkar addizzjonali bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom, fi kwalunkwe każ, jikkorrispondu ma’ dawk li jinsabu fuq il-boll imqiegħed fuq ix-xogħlijiet ikkonċernati minn organu ta’ kontroll indipendenti awtorizzat mill-Istat Membru ta’ esportazzjoni.

39      Issa, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mill-punti 25 u 26 ta’ din is-sentenza, dan huwa l-każ fil-kawża prinċipali.

40      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-fatt li mmarkar addizzjonali ta’ xogħlijiet magħmula minn metalli prezzjużi importati, intiż li jipprovdi indikazzjonijiet dwar il-finezza ta’ dawn ix-xogħlijiet f’forma li tinftiehem mill-konsumaturi tal-Istat Membru ta’ importazzjoni, ma sarx minn organu indipendenti ta’ kontroll awtorizzat minn Stat Membru huwa irrilevanti għar-risposta mogħtija lill-ewwel domanda, peress illi boll ta’ finezza kien tqiegħed qabel fuq l-imsemmija xogħlijiet minn uffiċċju ta’ kontroll indipendenti awtorizzat mill-Istat Membru ta’ esportazzjoni u li dawn l-indikazzjonijiet ipprovduti minn dan l-immarkar huma konformi ma’ dawk li jinsabu fuq dan il-boll.

 Fuq l-ispejjeż

41      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 34 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li abbażi tagħha, sabiex jiġu kkummerċjalizzati fis-suq ta’ Stat Membru, xogħlijiet magħmula minn metalli prezzjużi importati minn Stat Membru ieħor, li fih il-kummerċjalizzazzjoni tagħhom hija awtorizzata u li ġew immarkati b’boll skont il-leġiżlazzjoni ta’ dan it-tieni Stat Membru, għandhom, meta l-indikazzjonijiet dwar il-finezza ta’ dawn ix-xogħlijiet li jinsabu fuq dan il-boll ma jkunux skont ir-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni tal-ewwel Stat Membru, jiġu mmarkati mill-ġdid, minn organu ta’ kontroll indipendenti awtorizzat minn dan l-aħħar Stat Membru, permezz ta’ boll li jikkonferma li l-imsemmija xogħlijiet ġew ikkontrollati u li jindika l-finezza tagħhom skont l-imsemmija stipulazzjonijiet.

2)      Il-fatt li mmarkar addizzjonali ta’ xogħlijiet magħmula minn metalli prezzjużi importati, intiż li jipprovdi indikazzjonijiet dwar il-finezza ta’ dawn ix-xogħlijiet f’forma li tinftiehem mill-konsumaturi tal-Istat Membru ta’ importazzjoni, ma sarx minn organu indipendenti ta’ kontroll awtorizzat minn Stat Membru huwa irrilevanti għar-risposta mogħtija lill-ewwel domanda, peress illi boll ta’ finezza kien tqiegħed qabel fuq l-imsemmija xogħlijiet minn uffiċċju ta’ kontroll indipendenti awtorizzat mill-Istat Membru ta’ esportazzjoni u li dawn l-indikazzjonijiet ipprovduti minn dan l-immarkar huma konformi ma’ dawk li jinsabu fuq dan il-boll.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Litwan.