Language of document :

Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Marzu 2018 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tas-Slovenja

(Kawża C-188/18)

Lingwa tal-kawża: is-Sloven

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: P. Ondrůšek, G. von Rintelen, M. Žebre)

Konvenuta: Ir-Repubblika tas-Slovenja

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

billi ma adottatx, sat-18 ta’ April 2016, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi kollha neċessarji għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU L 94 tat-28 ta’ Marzu 2014, p. 1) jew,fi kwalunkwe każ, billi ma kkomunikatx il-miżuri tagħha lill-Kummissjoni, ir-Repubblika tas-Slovenja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 51 tal-imsemmija direttiva;

timponi fuq ir-Repubblika tas-Slovenja, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 260 TFUE, il-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 8 992.32 kuljum b’effett mill-jum li tingħata s-sentenza fil-kawża preżenti;

tikkundanna lir-Repubblika tas-Slovenja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Skont l-Artikolu 51 tad-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni, ir-Repubblika tas-Slovenja kellha tadotta u tippubblika, sa mhux iktar tard mit-18 ta’ April 2016 il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex tikkonforma ruħha ma’ din id-direttiva. Peress li sal-iskadenza ta’ dan it-terminu r-Repubblika tas-Slovenja ma kinitx informat lill-Kummissjoni bit-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha tal-imsemmija direttiva, din tal-aħħar iddeċidiet li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja.

Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha timponi fuq ir-Repubblika tas-Slovenja il-pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 8 992.32 kuljum. Meta kkalkolat dan il-pagament ta’ penalità, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-gravità u t-tul tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll l-effett dissważiv b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru, f’dan il-każ ir-Repubblika tas-Slovenja.

____________