Language of document : ECLI:EU:C:2016:816

Kawża C‑290/15

Patrice D’Oultremont et

vs

Région wallonne

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill‑Conseil d’État (il-Belġju))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent – Direttiva 2001/42/KE – Artikolu 2(a) u Artikolu 3(2)(a) – Kunċett ta’ ‘pjanijiet u programmi’ – Kundizzjonijiet relatati mal-installazzjoni ta’ eoliċi stabbiliti minn digriet leġiżlattiv – Dispożizzjonijiet li b’mod partikolari jikkonċernaw miżuri ta’ sigurtà, ta’ kontroll, ta’ tiswija u ta’ garanziji finanzjarji, kif ukoll regoli dwar il-livell ta’ ħsejjes iddefiniti fir-rigward tal-assenjazzjoni taż-żoni”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It‑Tieni Awla) tas-27 ta’ Ottubru 2016

Ambjent – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent – Direttiva 2001/42 – Pjan u programm – Kunċett – Kundizzjonijiet relatati mal-installazzjoni ta’ eoliċi stabbiliti minn digriet leġiżlattiv – Inklużjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/42, Artikoli 2(a), u 3(2)(a))

L‑Artikolu 2(a) u l‑Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2001/42, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent, għandhom jiġu interpretati fis-sens li digriet leġiżlattiv, li jinkludi diversi dispożizzjonijiet relatati mal-installazzjoni ta’ eoliċi, li għandhom jiġu osservati fil-kuntest tal-ħruġ ta’ awtorizzazzjonijiet amministrattivi li jirrigwardaw il-kostruzzjoni u l-użu ta’ tali installazzjonijiet, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi”, fis-sens ta’ din id-direttiva.

Fil-fatt, l-eżami tal-kriterji stabbiliti f’dawn id-dispożizzjonijiet, sabiex jiġi stabbilit jekk digriet jistax jaqa’ taħt dan il-kunċett, għandu b’mod partikolari jitwettaq fid-dawl tal-għan ta’ din id-direttiva li jikkonsisti li d-deċiżjonijiet li jistgħu jkollhom effetti sinjifikattivi fuqu jiġu suġġetti għal stima ambjentali.

Barra minn hekk, għandhom jiġu evitati strateġiji possibbli ta’ evażjoni tal-obbligi stabbiliti bid-Direttiva 2001/42 li jistgħu jimmaterjalizzaw ruħhom minn frammentazzjoni ta’ miżuri, li għalhekk inaqqsu l-effett utli ta’ din id-direttiva. Fir-rigward ta’ dan il-għan, il-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi” huwa relatat ma’ kull att li jistabbilixxi, billi jiddefinixxi regoli u proċeduri ta’ kontroll applikabbli għas-settur ikkonċernat, ġabra sinjifikattiva ta’ kriterji u ta’ modalitajiet għall-awtorizzazzjoni u għall-implementazzjoni ta’ proġett wieħed jew iktar li jistgħu jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent.

F'dan ir-rigward, ir-regoli tekniċi, il-modalitajiet ta’ użu, il-prevenzjoni ta’ inċidenti u ta’ nirien, ir-regoli ta’ livell ta’ ħsejjes, it-tiswija kif ukoll il-kostituzzjoni ta’ garanziji finanzjarji għall-eoliċi għandhom importanza u portata suffiċjentement sinjifikattivi għad-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet applikabbli għas-settur ikkonċernat u l-għażliet b’mod partikolari ta’ natura ambjentali magħmula permezz ta’ dawn ir-regoli huma mitluba sabiex jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet li fihom il-proġetti konkreti ta’ kostruzzjoni u ta’ użu ta’ siti eoliċi jistgħu jiġu awtorizzati fil-futur.

(ara l-punti 47-50, 54 u dispożittiv)