Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Oldenburg (il-Ġermanja) fit-3 ta’ April 2018 – Proċedura dwar multa fil-konfront ta’ NK

(Kawża C-231/18)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Oberlandesgericht Oldenburg

Partijiet fil-kawża prinċipali

NK

Partijiet oħra: Staatsanwaltschaft Oldenburg, Staatliches Gewerbeaufsichtsamt Oldenburg

Domandi preliminari

Negozjant tal-bhejjem bl-ingrossa, li jixtri annimali ħajjin mingħand bidwi u li jittrasportahom lejn biċċerija u jbigħhom lil din il-biċċerija li tinsab iktar minn 100 km ’il bogħod, jista’ jagħmel użu mill-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 13(1)(p) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġislazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 561/2006 1 ) – “vetturi wżati għat-trasport ta’ annimali ħajjin mill-irziezet lejn is-swieq lokali u viċi-versa jew mis-swieq lejn il-biċċeriji lokali f’distanza ta’ mhux aktar minn 100 km” – minħabba li x-xiri minn bidwi jikkostitwixxi “suq” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni jew minħabba li l-impriża tal-kummerċ tal-bhejjem għandha titqies li hija “suq”?

Fil-każ li dan ma huwiex “suq” fis-sens tat-tifsira ta’ din id-dispożizzjoni:

In-negozjant tal-bhejjem bl-ingrossa, li jixtri annimali ħajjin mingħand bidwi u li jittrasportahom lejn biċċerija u jbigħhom lil din il-biċċerija li tinsab f’distanza ta’ mhux iktar minn 100 km, jista’ jinvoka l-applikazzjoni mutatis mutandis ta’ din l-eċċezzjoni?

____________

1     Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġislazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 (ĠU 2006, L 102, p. 1, rettifika fil-ĠU 2016, L 195, p. 83).