Language of document : ECLI:EU:C:2018:172

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

8 ta’ Marzu 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali u industrijali – Regolament (KE) Nru 6/2002 – Disinn Komunitarju – Artikolu 8(1) – Karatteristiċi tad-dehra ta’ prodott esklużivament iddettati mill-funzjoni teknika tiegħu – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Eżistenza ta’ disinni alternattivi – Teħid inkunsiderazzjoni tal-perspettiva ta’ ‘osservatur oġġettiv’”

Fil-Kawża C‑395/16

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Lulju 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ Lulju 2016, fil-proċedura

DOCERAM GmbH

vs

CeramTec GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tat-Tieni Awla, A. Rosas, C. Toader u E. Jarašiūnas (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad‑29 ta’ Ġunju 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal DOCERAM GmbH, minn M. Bergermann, Rechtsanwalt, u P. Rätsch, Patentanwalt,

–        għal CeramTec GmbH, minn M. A. Mittelstein u A. Bothe, Rechtsanwälte,

–        għall-Gvern Elleniku, minn G. Alexaki, bħala aġent,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn J. Kraehling u G. Brown bħala aġenti, assistiti minn B. Nicholson, barrister,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Samnadda u T. Scharf, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑19 ta’ Ottubru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat‑12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Doceram GmbH u CeramTec GmbH dwar ksur ta’ disinni Komunitarji.

 Il-kuntest ġuridiku

3        Skont il-premessi 5, 7 u 10 tar-Regolament Nru 6/2002:

“(5)      Dan juri l-ħtieġa għal ħolqien ta’ disinn Komunitarju li jkun jista’ jiġi applikat f’kull wieħed mill-Istati Membri, minħabba li b’dan il-mod biss jista jkun possibbli li jinkseb, permezz ta’ applikazzjoni waħda magħmula lill-Uffiċċju ta’ l-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinn) skond proċedura waħdiena taħt liġi waħda, disinn wieħed għal żona waħda li tikkomprendi l-Istati Membri kollha.

[…]

(7)      Il-protezzjoni mtejba għad-disinji industrijali mhux biss tippromwovi l-kontribuzzjoni tad-disinjaturi individwali għas-somma ta’ l-eċċellenza Komunitarja fil-qasam, imma wkoll tinkoraġġixxi l-innovazzjoni u l-iżvilupp ta’ prodotti ġodda u l-investiment fil-produzzjoni tagħhom.

[…]

(10)      L-innovazzjoni teknoloġika ma għandhiex tiġi mfixkla bil-konċessjoni ta’ protezzjoni tad-disinni lill-karatteristiċi ddettati biss b’funzjoni teknika. Huwa mifhum illi dan ma jintitolax illi disinn għandu ikollu kwalità estetika. Bl-istess mod, l-interoperabbiltà tal-prodotti ta’ għamliet differenti ma għandhiex tiġi mfixkla bl-estensjoni tal-protezzjoni għad-disinn ta’ oġġetti mekkaniċi tat-twaħħil. B’konsegwenza ta’ dan, dawk il-karatteristiċi li huma esklużi mill-protezzjoni għal dawn ir-raġunijiet ma għandhomx jitqiesu bl-għan li jiġi stmat jekk il-karatteristiċi l-oħra tad-disinn iwettqux il-ħtiġiet tal-protezzjoni.”

4        L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament jiddisponi:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolment:

(a)      ‘disinn’ ifisser id-dehra ta’ prodott fl-intier tiegħu jew f’parti minnu li tirriżulta mill-karatteristiċi ta’, b’mod partikolari, il-linji, il-konfigurazzjoni, il-kuluri, l-għamla, in-nisġa u/jew il-materjali tal-prodott innifsu u/jew ta’ l-ornamenti tiegħu;

(b)      ‘prodott’ ifisser kull oġġett industrijali jew magħmul bl-idejn, inklużi fost ħwejjeġ oħra l-partijiet maħsuba sabiex jiġu mmuntati fi prodott kumpless, imballaġġ, muntatura, simboli grafiċi u tipi tipografiċi, imma jeskludi l-programmi tal-kompjuter;

[…]”

5        L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 6/2002, intitolat “Ħtiġiet għall-protezzjoni”, fil-paragrafu 1 tiegħu jistabbilixxi li:

“Disinn għandu jiġi protett b’disinn Komunitarju safejn u sakemm ikun ġdid u jkollu karattru individwali.”

6        L-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament, intitolat “Novità”, jiddisponi:

“1.      Disinn għandu jitqies bħala ġdid jekk l-ebda disinn identiku ma jkun disponibbli għall-pubbliku […]

[…]

2.      Id-disinji għandhom jiġu meqjusa li jkunu identiċi jekk il-karatteristiċi tagħhom jiddifferixxu biss f’dettalji immaterjali.”

7        Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002, intitolat “Karattru individwali”:

“1.      Disinn għandu jiġi meqjus li jkollu karattru individwali jekk l-impressjoni ġenerali li jħalli fuq utent informat tkun differenti mill-impressjoni ġenerali mħollija fuq dan l-utent minn kull disinn li jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku […]

[…]”

8        L-Artikolu 8(1) tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“Disinn Komunitarju ma għandux jeżisti fil-karatteristiċi tad-dehra ta’ prodott li jkunu ddettati biss bil-funzjoni teknika tiegħu.”

9        L-Artikolu 10(1) tal-istess regolament jistabbilixxi:

“L-iskop tal-protezzjoni kkonferita b’disinn Komunitarju għandu jinkludi kull disinn li ma jħallix impressjoni ġenerali differenti fuq l-utent informat.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10      DOCERAM hija kumpannija li tipproduċi komponenti taċ-ċeramika tekniċi. Hija tipprovdi, b’mod partikolari, pinnijiet ċentralizzati tal-welding għall-industrija tal-karozzi, l-industrija tal-magni tal-ħjata u l-industrija tal-kostruzzjoni mekkanika. Hija proprjetarja ta’ diversi disinni Komunitarji rreġistrati li jipproteġu pinnijiet ċentralizzati li għandhom tliet forom ġeometriċi distinti, li kull wieħed minnhom huwa pprovdut f’sitt tipi.

11      CeramTec timmanifattura u tikkummerċjalizza wkoll pinnijiet ċentralizzati fl-istess varjetà bħal dik protetta mid-disinni ta’ DOCERAM.

12      Peress li invokat ksur ta’ disinni Komunitarji, DOCERAM ressqet quddiem il-Landgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) talba għal waqfien fil-konfront ta’ CeramTec, li ressqet kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-disinni kontenzjużi, minħabba li l-karatteristiċi tad-dehra tal-prodotti kkonċernati kienu imposti esklużivament minħabba l-funzjoni teknika tagħhom.

13      Il-Landgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali ta’ Düsseldorf) ċaħdet it-talba mressqa minn DOCERAM u ddikjarat l-invalidità tad-disinni kontenzjużi, minħabba li dawn tal-aħħar kienu esklużi mill-protezzjoni skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002.

14      DOCERAM appellat minn din is-sentenza quddiem l-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja). Din tal-aħħar indikat b’mod partikolari, minn naħa, li d-disinni inkwistjoni huma ġodda u għandhom karattru individwali u, min-naħa l-oħra, li jeżistu disinni alternattivi tal-pinnijiet ċentralizzati kkonċernati li ma humiex protetti bis-saħħa tad-dritt tad-disinni Komunitarji. Għalhekk huwa neċessarju, fil-fehma tagħha, li jiġi ddeterminat jekk l-eżistenza ta’ tali disinni alternattivi twassalx għall-konklużjoni li l-karatteristiċi rilevanti tad-dehra tal-imsemmija prodotti ma jaqgħux taħt l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002, jew jekk għandux jiġi vverifikat ukoll jekk il-funzjoni teknika kinitx l-uniku fattur li stabbilixxa l-imsemmija karatteristiċi.

15      Din il-qorti tirrileva li jistgħu jiġu identifikati approċċi differenti fil-ġurisprudenza u fid-duttrina fir-rigward ta’ din il-kwistjoni. Parti minnhom tqis li l-uniku kriterju ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002 huwa l-eżistenza ta’ disinni alternattivi li jippermettu li tkun żgurata l-istess funzjoni teknika, peress li tali eżistenza tindika li d-disinn inkwistjoni ma ġiex impost biss minħabba l-funzjoni teknika tiegħu, fis-sens ta’ din l-istess dispożizzjoni. Inkonformità mat-teżi opposta, din id-dispożizzjoni hija applikabbli meta d-diversi karatteristiċi tad-dehra tal-prodott huma ddeterminati biss mill-ħtieġa li tiġi żviluppata soluzzjoni teknika u li l-kunsiderazzjonijiet estetiċi ma għandhom l-ebda rilevanza. Għalhekk, f’dan il-każ, ma kien hemm ebda attività kreattiva li jistħoqqilha protezzjoni abbażi tad-dritt tad-disinni.

16      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-karatteristiċi tad-dehra ta’ prodott huma ddettati biss mill-funzjoni teknika tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament [Nru 6/2002], li teskludi l-protezzjoni, anki fil-każ meta l-effett estetiku ma jkollu ebda importanza għad-disinn tal-prodott, iżda l-funzjoni (teknika) tikkostitwixxi l-uniku fattur determinanti għad-disinn innifsu?

2)      F’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda: [m]inn liema perspettiva għandu jiġi evalwat jekk il-karatteristiċi differenti tad-dehra ta’ prodott ikunu ntgħażlu biss abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet ta’ funzjoni? Jekk il-kriterju determinanti huwa ta’ ‘osservatur oġġettiv’, u f’każ ta’ risposta fl-affermattiv, kif għandu jiġi ddefinit dan il-kunċett?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

17      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002 għandux jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi evalwat jekk il-karatteristiċi tad-dehra ta’ prodott humiex esklużivament meħtieġa biss minħabba l-funzjoni teknika tagħhom, l-eżistenza ta’ disinni alternattivi hijiex determinanti jew jekk għandux jiġi stabbilit li din il-funzjoni hija l-uniku fattur li jiddetermina dawn il-karatteristiċi.

18      L-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002 jipprevedi li disinn Komunitarju ma għandux jeżisti fil-karatteristiċi tad-dehra ta’ prodott esklużivament iddettati mill-funzjoni teknika tiegħu.

19      Fir-rigward tal-espressjoni “karatteristiċi tad-dehra ta’ prodott esklużivament iddettati mill-funzjoni teknika tiegħu”, la l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002, la dispożizzjonijiet oħra ta’ dan ir-regolament, u lanqas id-Direttiva 98/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ottubru 1998, dwar il-protezzjoni legali ta’ disinji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 21, p. 120), li, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 36 tal-konklużjonijiet tiegħu, tinsab għall-oriġini tal-kontenut ta’ dan l-Artikolu 8(1), ma jippreċiżaw dak li għandu jinftiehem permezz ta’ din l-espressjoni. Barra minn hekk, dan ir-regolament u din id-direttiva ma jagħmlu l-ebda riferiment għad-drittijiet nazzjonali għal dak li jirrigwarda s-sinjifikat li għandu jinżamm ta’ dawn it-termini.

20      Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta mir-rekwiżit ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni li, sa fejn dispożizzjoni ta’ dan tal-aħħar ma tagħmilx riferiment għad-dritt tal-Istati Membri fir-rigward ta’ kunċett partikolari, dan il-kunċett għandu jsib, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tkun imfittxija billi jitqiesu mhux biss il-kliem tad-dispożizzjoni kkonċernata, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għan li għandu jintlaħaq mil-leġiżlazzjoni li din id-dispożizzjoni tagħmel parti minnha (sentenzi tad‑19 ta’ Lulju 2012, A, C‑33/11, EU:C:2012:482, punt 27, u tas‑7 ta’ Settembru 2017, Schottelius, C‑247/16, EU:C:2017:638, punt 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

21      Għaldaqstant, l-espressjoni “karatteristiċi tad-dehra ta’ prodott esklużivament iddettati mill-funzjoni teknika tiegħu” hija kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, li għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha.

22      Fir-rigward, qabelxejn, tal-kliem tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002, għandu jiġi kkonstatat li, fl-assenza ta’ definizzjoni ta’ din l-espressjoni, din ma tistabbilixxi l-ebda kriterju sabiex jiġi evalwat jekk il-karatteristiċi rilevanti tad-dehra ta’ prodott humiex esklużivament iddettati biss mill-funzjoni teknika tiegħu. Għaldaqstant, ma jirriżulta la minn dan l-artikolu u lanqas minn ebda dispożizzjoni oħra ta’ dan ir-regolament li l-eżistenza ta’ disinni alternattivi li jippermettu li jissodisfaw l-istess funzjoni teknika bħal dik tal-prodott ikkonċernat jikkostitwixxi l-uniku kriterju li jippermetti d-determinazzjoni tal-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu.

23      Fir-rigward, sussegwentement, tal-kuntest tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002, hemm lok li jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni tagħmel parti mit-Taqsima 1 tat-Titolu II ta’ dan ir-regolament, intitolat “Ħtiġiet għall-protezzjoni”, u jirrigwarda l-każ fejn il-protezzjoni ma hijiex mogħtija permezz ta’ disinn Komunitarju għall-karatteristiċi tad-dehra ta’ prodott meta dawn ikunu biss iddettati mill-funzjoni teknika tiegħu. Skont il-premessa 10 tal-imsemmi regolament, mill-esklużjoni tal-protezzjoni f’dan il-każ ma jirriżultax li disinn għandu jkollu kwalità estetika. Għaldaqstant, ma huwiex neċessarju, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 27 tal-konklużjonijiet tiegħu, li d-dehra tal-prodott ikkonċernat ikollu aspett estetiku sabiex jiġi protett taħt dan l-istess regolament.

24      Madankollu, l-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 6/2002 jiddefinixxi “disinn” bħala d-dehra ta’ prodott fl-intier tiegħu jew f’parti minnu li tirriżulta mill-karatteristiċi ta’, b’mod partikolari, il-linji, il-konfigurazzjoni, il-kuluri, l-għamla, in-nisġa u/jew il-materjali tal-prodott innifsu u/jew tal-ornamenti tiegħu. Barra minn hekk, l-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament, li jirrigwarda l-karattru individwali ta’ disinn, li jikkostitwixxi waħda mill-kundizzjonijiet ta’ protezzjoni, u l-Artikolu 10(1) tal-imsemmi regolament, dwar il-portata tal-protezzjoni, jirreferu, rispettivament, għall-“impressjoni ġenerali” u l-“impressjoni [viżiva] ġenerali” li dan id-disinn jipproduċi fuq l-utent avżat.

25      Minn dan isegwi li, fil-kuntest tas-sistema prevista mir-Regolament Nru 6/2002, id-dehra tikkostitwixxi element determinanti ta’ disinn (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2017, Easy Sanitary Solutions u EUIPO vs Group Nivelles, C‑361/15 P u C‑405/15 P, EU:C:2017:720, punt 62).

26      Issa, tali konstatazzjoni normalment issostni interpretazzjoni tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002 li din id-dispożizzjoni teskludi mill-protezzjoni mogħtija minn dan ir-regolament il-każ fejn in-neċessità li tiġi ssodisfatta funzjoni teknika tal-prodott ikkonċernat huwa l-uniku fattur li ddetermina l-għażla mid-disninjatur ta’ karatteristika tad-dehra ta’ dan il-prodott, filwaqt li l-kunsiderazzjonijiet ta’ natura oħra, b’mod partikolari dawk marbutin mal-aspett viżiv tal-prodott imsemmi, ma kellhom l-ebda rwol fl-għażla ta’ din il-karatteristika.

27      Fl-aħħar nett, tali interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija kkorroborata wkoll mill-għan li għandu jintlaħaq mir-Regolament Nru 6/2002.

28      Fil-fatt, mill-premessi 5 u 7 tal-imsemmi regolament jirriżulta li dan għandu bħala għan li joħloq disinn Komunitarju applikabbli direttament f’kull Stat Membru li jkun protett għal żona waħda li tinkludi l-Istati Membri kollha u tippromwovi l-innovazzjoni u l-iżvilupp ta’ prodotti ġodda kif ukoll l-investiment fil-produzzjoni tagħhom filwaqt li jagħtu protezzjoni mtejba għad-disinni industrijali.

29      Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002, moqri fid-dawl tal-premessa 10 ta’ dan ir-regolament, din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tipprekludi li l-innovazzjoni teknoloġika tkun imxekkla permezz tal-protezzjoni tal-karatteristiċi tad-dehra ddettati esklużivament mill-funzjoni teknika ta’ prodott.

30      Issa, hekk kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punti 40 u 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, jekk is-sempliċi eżistenza ta’ disinni alternattivi li jippermettu li tinkiseb l-istess funzjoni bħal dik tal-prodott ikkonċernat kienet suffiċjenti sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002, ma jistax jiġi eskluż li operatur ekonomiku jirreġistra, bħala disinn Komunitarju, diversi forom possibbli ta’ prodott li jinkorporaw karatteristiċi tad-dehra tiegħu li jkunu esklużivament iddettati mill-funzjoni teknika tiegħu. Dan jippermetti lil tali operatur li jibbenefika, fir-rigward ta’ prodott bħal dan, minn protezzjoni fil-prattika esklużiva u ekwivalenti għal dik mogħtija minn privattiva, mingħajr ma huwa suġġett għall-kundizzjonijiet li huma applikabbli għall-kisba ta’ din tal-aħħar, u hija ta’ natura li tipprekludi lill-kompetituri milli joffru prodott li jinkorpora ċerti karatteristiċi funzjonali jew tillimita l-possibbiltà ta’ soluzzjonijiet tekniċi possibbli u ċċaħħad b’dan il-mod l-imsemmi Artikolu 8(1) mill-effettività tiegħu.

31      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002 jeskludi mill-protezzjoni abbażi tad-dritt tad-disinni Komunitarji karatteristiċi tad-dehra ta’ prodott meta kunsiderazzjonijiet ta’ natura differenti mill-ħtieġa li dak il-prodott jissodisfa l-funzjoni teknika tiegħu, b’mod partikolari dawk marbuta mal-aspett viżiv, ma kellhom l-ebda rwol fl-għażla tal-imsemmija karatteristiċi, u dan, anki jekk ikun hemm disinni oħra li jippermettu li tiġi żgurata din l-istess funzjoni.

32      Għaldaqstant, hemm lok li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi evalwat jekk karatteristiċi tad-dehra ta’ prodott huma esklużivament iddettati mill-funzjoni teknika tiegħu, hemm lok li jiġi stabbilit li din il-funzjoni hija l-uniku fattur li ddetermina dawn il-karatteristiċi, peress li l-eżistenza ta’ disinni alternattivi ma hijiex determinanti f’dan ir-rigward.

 Fuq it-tieni domanda

33      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002 għandux jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-karatteristiċi rilevanti tad-dehra ta’ prodott huma esklużivament iddettati mill-funzjoni teknika tiegħu, hemm lok li wieħed jibbaża ruħu fuq il-perċezzjoni ta’ “osservatur oġġettiv”.

34      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament Nru 6/2002 ma jinkludix preċiżjonijiet dwar il-mod kif għandu jiġi evalwat jekk il-karatteristiċi rilevanti tad-dehra ta’ prodott ġew iddettati mill-funzjoni teknika ta’ din tal-aħħar.

35      Barra minn hekk, għall-kuntrarju tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 6/2002, li jipprevedu espressament li l-evalwazzjoni li għandha ssir għall-finijiet tal-applikazzjoni tagħhom hija bbażata fuq l-impressjoni ġenerali prodotta minn disinn fuq “utent informat [avżat]”, l-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament, bl-ebda mod ma jimponi li tittieħed inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-applikazzjoni tagħha, il-perċezzjoni ta’ “osservatur oġġettiv”.

36      F’dan il-kuntest, fid-dawl tal-għan li għandu jintlaħaq mir-Regolament Nru 6/2002, li jikkonsisti b’mod partikolari, hekk kif jirriżulta mill-punt 28 ta’ din is-sentenza, li jinħoloq disinn Komunitarju applikabbli direttament u protett fl-Istati Membri kollha, hija l-qorti nazzjonali, li sabiex tiddetermina jekk il-karatteristiċi rilevanti tad-dehra ta’ prodott li jaqa’ taħt l-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament, li għandha tikkunsidra ċ-ċirkustanzi oġġettivi rilevanti kollha ta’ kull każ partikolari.

37      Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 66 u 67 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali evalwazzjoni għandha ssir fir-rigward tad-disinn inkwistjoni, taċ-ċirkustanzi oġġettivi li jindikaw ir-raġunijiet wara l-għażla tal-karatteristiċi tad-dehra tal-prodott ikkonċernat, tad-data dwar l-użu tiegħu jew ukoll tal-eżistenza ta’ disinni alternattivi li jippermettu li tinkiseb l-istess funzjoni teknika, sakemm dawn iċ-ċirkustanzi, din id-data u din l-eżistenza jkunu sostnuti minn provi affidabbli.

38      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-karatteristiċi rilevanti tad-dehra ta’ prodott huma esklużivament iddettati mill-funzjoni teknika tiegħu, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, hija l-qorti nazzjonali li għandha tikkunsidra ċ-ċirkustanzi oġġettivi rilevanti kollha ta’ kull każ partikolari. Ma hemmx lok, f’dan ir-rigward, li wieħed jibbaża ruħu fuq il-perċezzjoni ta’ “osservatur oġġettiv”.

 Fuq l-ispejjeż

39      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 tat12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi evalwat jekk karatteristiċi tad-dehra ta’ prodott huma esklużivament iddettati mill-funzjoni teknika tiegħu, hemm lok li jiġi stabbilit li din il-funzjoni hija l-uniku fattur li ddetermina dawn il-karatteristiċi, peress li l-eżistenza ta’ disinni alternattivi ma hijiex determinanti f’dan ir-rigward.

2)      L-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-karatteristiċi rilevanti tad-dehra ta’ prodott huma esklużivament iddettati mill-funzjoni teknika tiegħu, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, hija l-qorti nazzjonali li għandha tikkunsidra ċ-ċirkustanzi oġġettivi rilevanti kollha ta’ kull każ partikolari. Ma hemmx lok, f’dan ir-rigward, li wieħed jibbaża ruħu fuq il-perċezzjoni ta’ “osservatur oġġettiv”.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.