Language of document : ECLI:EU:C:2010:41

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ippreżentati fis-26 ta’ Jannar 2010 1(1)

Kawża C‑48/09 P

Lego Juris A/S

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (UASI)

u

MEGA Brands

“Appell – Trade mark Komunitarja – Trade mark tridimensjonali fil-forma ta’ brikk tal-Lego – Talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Dikjarazzjoni ta’ invalidità parzjali tat-trade mark Komunitarja”





I –    Introduzzjoni

1.        “Il-lego tal-ħajja”. Dan kien it-titlu ftit xhur ilu fir-rivista Ġermaniża ta’ kull ġimgħa DIE ZEIT ta’ artiklu (2) dwar fergħa ġdida tax-xjenza, il-“bijoloġija sintetika”. Ix-xebh mal-ġugarell magħruf tal-kostruzzjoni ta’ bini kien ibbażat fuq il-fatt li x-xjentisti, sabiex jiffurmaw organiżmi, bħal pereżempju, proteini artifiċjali li jibdew minn mikrobi, jużaw l-istess metodu li juża tifel bil-kaxxa tal-Lego tiegħu: l-ewwel jinġabru l-brikkijiet (jew, għar-riċerkatur, il-biobricks, li huma frammenti ġenetiċi standardizzati) li jammontaw għal iktar minn tliet elef. Imbagħad, jintgħażlu dawk adatti fir-rigward tal-karetteristiċi li jkunu mixtieqa li jingħataw liċ-ċellola l-ġdida u, fl-aħħar nett, ikunu impjantati l-frammenti tad-DNA fil-patrimonju ġenetiku ta’ ċellola ta’ speċi ieħor sabiex“tingħata l-ħajja” lill-entità ġdida.

2.        Permezz ta’ dan l-appell, Lego Juris qed tikkontesta s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (li issa saret il-Qorti Ġenerali) tat-12 ta’ Novembru 2008, Lego Juris vs UASI (3). Ma huwiex il-każ ta’ diskussjoni dwar il-vantaġġi tal-passatemp, peress li ħadd ma għandu dubju fir-rigward tal-valur pedagoġiku tiegħu u tal-kwalitajiet tiegħu għall-iżvilupp tal-loġika u tal-kreattività, iżda huwa l-każ li jiġi vverifikat jekk l-interpretazzjoni ta’ din il-qorti tal-leġiżlazzjoni dwar it-trade mark Komunitarja u tal-uniku preċedent ġurisprudenzjali tal-Qorti tal-Ġustizzja hijiex ivvizzjata bl-iżbalji allegati mill-impriża Daniża.

3.        L-impriża Lego u l-kompetitriċi ewlenija tagħha, MEGA Brands, ma jaqblux fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk huwiex possibbli li tiġi rreġistrata bħala trade mark riproduzzjoni fotografika ta’ brikk tipiku tal-ġugarell inkwistjoni jew jekk id-disinn tagħha jinkludix karatteristiċi essenzjali tal-għamla tal-brikk li, minħabba l-funzjoni tagħhom, għandhom jibqgħu aċċessibbli għal kull manifattur tal-ġugarelli u, għaldaqstant, ma jistgħux jiġu rreġistrati.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Il-leġiżlazzjoni applikabbli

4.        Sa mit-13 ta’ April 2009 it-trade mark Komunitarja hija essenzjalment irregolata mir-Regolament (KE) Nru 207/2009 (4), iżda, għall-finijiet ta’ dan l-appell, jibqgħu applikabbli, ratione temporis, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 40/94 (5).

5.        Għandha tingħata enfasi fuq l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 40/94, li jipprovdi illi:

“Trade mark Komunitarja tista’ tikkonsisti f’sinjali li jistgħu jiġu rappreżentati b’mod grafiku, partikolarment kliem, fosthom ismijiet personali, disinnji, ittri, numri, il-forma ta’ prodotti jew l-imballaġġ tagħhom, sakemm dawn is-sinjali jiddistingwu l-prodotti jew is-servizzi ta’ impriża minn dawk ta’ impriża oħra.”

6.        Skont l-Artikolu 7(1), tar-Regolament imsemmi:

“1.      Dawn li ġejjin ma jistgħux jiġu rreġistrati:

a)      sinjali li ma jikkonformawx mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4;

b)      trade marks li mhumiex ta’ karattru distintiv;

[…]

e)      sinjali li jikkonsistu esklussivament f’dawn li ġejjin:

i)      […]

ii)      forma ta’ merkanzija li hija neċessarja sabiex jinkiseb riżultat tekniku, jew

iii)      forma li tagħti valur sostanzjali lill-prodotti;

[…]”

7.        Madankollu, l-Artikolu 7(3) jispeċifika li:

“3.      Il-paragrafu 1(b), (ċ) u (d) m’għandhomx japplikaw jekk it-trade mark tkun saret distintiva fir-rigward tal-prodotti jew is-servizzi li għalihom tkun qiegħda tintalab ir-reġistrazzjoni minħabba l-użu li jkun sar ta’ din it-trade mark.”

B –    Ġurisprudenza: is-sentenza Philips (6)

8.        Anki jekk fid-deskrizzjoni tal-liġi rilevanti għar-riżoluzzjoni tal-kawżi sottomessi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja normalment ma jiġux inklużi siltiet minn sentenzi tagħha stess, il-fatt li, sallum, hemm biss sentenza waħda rilevanti għar-riżoluzzjoni ta’ din il-kawża, jiġġustifika biżżejjed li jissemmew ċerti punti mis-sentenza Philips f’din il-parti tal-konklużjonijiet. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-interpretazzjoni tal-argumentazzjoni tagħha hija sa ċertu punt komparabbli għal regola ġuridika.

9.        Fil-kawża Philips, il-kwistjoni fil-kawża prinċipali kienet tirrigwarda r-rappreżentazzjoni grafika tal-għamla tal-parti ta’ fuq ta’ magna tal-leħja tal-elettriku manifatturata minn din l-impriża Olandiża.

10.      B’dan il-mod, din is-sentenza stabbilixxiet bħala “ostaklu preliminari” l-Artikolu 7(1)(e)(ii), tar-Regolament Nru 40/94, li “jista’ jfixkel ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal kkostitwit biss mill-għamla ta’ prodott” (7).

11.      Din stabbilixxiet ukoll li l-bażi tal-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva 89/104/KEE (8) hija dik li jiġi evitat li l-protezzjoni tad-dritt tat-trade mark twassal sabiex il-proprjetarju tat-trade mark ikollu monopolju fir-rigward ta’ soluzzjonijiet tekniċi jew karatteristiċi utilitarji ta’ prodott, li jistgħu jiġu mfittxija mill-konsumatur fost il-prodotti tal-kompetituri. L-Artikolu 3(1)(e) huwa għaldaqstant intiż sabiex jevita li l-protezzjoni mogħtija mid-dritt tat-trade mark tiġi estiża, lil hinn mis-sinjali li jippermettu li prodott jew servizz jiġi distint mill-prodotti jew servizzi offruti mill-kompetituri, sabiex isservi ta’ ostakolu b’tali mod li dawn tal-aħħar ma jkunux jistgħu joffru liberament prodotti li jinkludu l-imsemmija soluzzjonijiet tekniċi jew l-imsemmija karatteristiċi utilitarji f’kompetizzjoni mal-proprjetaru tat-trade mark (9).

12.      Din is-sentenza spjegat ukoll l-għan ta’ din id-dispożizzjoni, u żiedet li din hija intiża sabiex tirrifjuta r-reġistrazzjoni tal-għamliet li l-karatteristiċi essenzjali tagħhom jissodisfaw funzjoni teknika, b’tali mod li l-esklużività inerenti għad-dritt tat-trade mark isservi sabiex tostakola l-possibbiltà li l-kompetituri joffru prodott li jinkludi din il-funzjoni (10) u li din “[t]ippersegwi għan ta’ interess ġenerali, li jeżiġi li għamla li l-karatteristiċi essenzjali tagħha jissodisfaw funzjoni teknika, [...] tkun tista’ tintuża liberament minn kulħadd” (11).

13.      Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li d-dispożizzjoni msemmija f’din il-kawża “[tirrifletti] l-għan leġittimu li jikkonsisti f’li individwu partikolari ma jkollux id-dritt li juża r-reġistrazzjoni ta’ trade mark sabiex jikseb jew jeżerċita drittijiet esklużivi li jirrigwardaw soluzzjonijiet tekniċi” (12), u li bl-ebda mod ma jirriżulta mit-test ta’ din id-dispożizzjoni li l-eżistenza ta’ għamliet oħra li jippermettu li jinkiseb l-istess riżultat tekniku hija ta’ natura li teskludi r-raġuni għal rifjut jew ta’ invalidità tar-reġistrazzjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni (13).

III – Il-fatti tal-kawża

14.      Fl-1 ta’ April 1996, il-predeċessur ta’ Lego Juris A/S ippreżenta applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja fl-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (iktar ’il quddiem “UASI”). Huwa talab ir-reġistrazzjoni tal-brikk (tal-ġugarell) tridimensjonali tal-kulur aħmar li jidher hawn taħt:

Image not found

15.      Ir-reġistrazzjoni ntalbet għall-prodotti fil-klassijiet 9 (li ma għandhom ebda impatt fuq dan l-appell, u għalhekk ma humiex elenkati) u  28 tal-Ftehim ta’ Nizza (14), b’mod partikolari, f’din l-aħħar klassi, għal “logħob u ġugarelli”.

16.      Fid-19 ta’ Ottubru 1999 ingħata t-titolu ta’ proprjetà industrijali mitlub, iżda jumejn wara, fil-21 ta’ Ottubru 1999, il-predeċessur ta’ Mega Brands, Inc. (iktar ’il quddiem, “MEGA Brands”) talbet li tiġi ddikjarata l-invalidità ta’ din ir-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94, għall-“ġugarelli tal-kostruzzjoni ta’ bini” li jaqgħu fil-klassi 28. Skont MEGA Brands, it-trade mark irreġistrata kienet tmur kontra r-raġunijiet assoluti għal rifjut previsti mill-Artikolu 7(1)(a),(e), (ii) u (iii) u (f) tal-istess regolament.

17.      Id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni li quddiemha tressqet din il-kwistjoni ssospendiet il-proċedimenti quddiemha sakemm tingħata s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Philips, li ngħatat f’Ġunju 2002, u kompliet bil-proċedimenti fil-31 ta’ Lulju 2002. Fit-30 ta’ Lulju 2004, filwaqt li kkunsidrat li t-trade mark inkwistjoni kienet tixbah esklużivament l-għamla tal-prodotti li kienet neċessarja sabiex jintlaħaq riżultat tekniku, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ddikjarat invalida r-reġistrazzjoni għall-“ġugarelli tal-kostruzzjoni ta’ bini” li jaqgħu fil-klassi 28, abbażi tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94.

18.      Fl-20 ta’ Settembru 2004, l-appellanti appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-Bordijiet tal-Appell tal-UASI, li l-Presidium tagħhom, wara għadd ta’ kwistjonijiet proċedurali (15) u fuq talba tal-appellanti, bagħat il-każ quddiem il-Bord Suprem tal-Appell (16).

19.      B’deċiżjoni tal-10 ta’ Lulju 2006 (17), il-Bord Suprem tal-Appell ċaħad ir-rikors bħala infondat, billi kkunsidra li, b’applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94, it-trade mark inkwistjoni ma setgħetx tiġi rreġistrata taħt il-“ġugarelli tal-kostruzzjoni ta’ bini” li jaqgħu taħt il-klassi 28.

20.      Fil-fatt, il-Bord Suprem tal-Appell ikkunsidra li l-ksib ta’ karattru distintiv minħabba l-użu, previst fl-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94 ma jistax ikun ta’ ostakolu għall-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tal-imsemmi regolament (18). Huwa sostna li din l-aħħar dispożizzjoni hija intiża biex tipprojbixxi r-reġistrazzjoni ta’ forom li l-karatteristiċi essenzjali tagħhom jikkorrispondu għal funzjoni teknika, b’tali mod li jkunu jistgħu jintużaw b’mod liberu minn kulħadd u li forma ma tistax toħroġ mill-ambitu ta’ din il-projbizzjoni minħabba li tkun tinkludi element arbitrarju minuri bħalma huwa kulur (19). Huwa ma aċċettax ir-rilevanza tal-eżistenza ta’ forom oħra li jippermettu l-ksib tal-istess riżultat tekniku (20).

21.      Barra minn hekk, il-Bord Suprem tal-Appell sostna li t-terminu “esklussivament”, użat mill-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 ifisser li l-forma għandha biss l-għan li tikseb ir-riżultat tekniku mixtieq u li l-kelma “neċessarja”, użata mill-istess dispożizzjoni, tfisser li l-forma hija meħtieġa sabiex jinkiseb dan ir-riżultat tekniku, anki jekk forom oħrajn jistgħu jwasslu wkoll għall-istess riżultat (21). Huwa osserva wkoll il-karatteristiċi tal-forma inkwistjoni li huwa qies essenzjali (22) u wettaq analiżi tal-funzjonalità tagħhom (23).

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

22.      Fil-25 ta’ Settembru 2006, Lego Juris ippreżentat appell fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali li permezz tiegħu hija talbet l-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord Suprem tal-Appell. Hija invokat aggravju wieħed, dwar il-ksur tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 (iktar ’il quddiem, ukoll, id-“dispożizzjoni inkwistjoni”), li jinqasam f’żewġ partijiet, fejn hija tallega interpretazzjoni żbaljata ta’ din id-dispożizzjoni u l-evalwazzjoni żbaljata tal-għan tat-trade mark inkwistjoni, rispettivament.

23.      Essenzjalment (24), Lego Juris tallega li l-Bord Suprem tal-Appell injora l-portata reali tal-imsemmi Artikolu 7(1)(e)(ii), li ma jeskudix ir-reġistrazzjoni tal-forom funzjonali per se, iżda biss is-sinjali magħmula “eskussivament” mill-għamla tal-prodotti “neċessarja” sabiex jinkiseb riżultat tekniku. Hija sostniet li, sabiex taqa’ taħt din id-dispożizzjoni, forma għandu jkollha biss karatteristiċi funzjonali u li t-tibdil tal-karatteristiċi distinti tal-apparenza esterna tagħha jwassal għan-nuqqas tal-funzjonalità tagħha. Barra minn hekk, hija sostniet li l-eventwalità ta’ forom alternattivi funzjonalment ekwivalenti li jinkorporaw soluzzjoni teknika identika tikkostitwixxi l-kriterju xieraq sabiex jiġi ddeterminat jekk il-konċessjoni tat-trade mark tistax tqajjem sitwazzjoni ta’ monopolju fis-sens tad-dispożizzjoni inkwistjoni.

24.      L-appellanti tikkunsidra wkoll li d-dispożizzjoni inkwistjoni ma tipprojbixxix il-protezzjoni bħala trade mark ta’ “disinni industrijali”, li jistgħu jkunu rreġistrati anki jekk ikunu magħmula biss minn elementi li jkollhom funzjoni. Il-kwistjoni prinċipali tkun dwar jekk din il-protezzjoni toħloqx monopolju fuq soluzzjonijiet tekniċi jew fuq karatteristiċi ta’ użu tal-forma kkonċernata jew jekk il-kompetituri għandhomx biżżejjed libertà sabiex japplikaw soluzzjoni teknika simili u jutilizzaw karatteristiċi simili.

25.      Minkejja dan, il-Qorti Ġenerali ma kinitx ta’ din l-opinjoni. Fir-rigward tal-kelma “esklussivament” tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 (25), hija pproponiet li għandha tinqara fid-dawl tal-espressjoni “karatteristiċi essenzjali li jissodisfaw funzjoni teknika”, użata fil-punti 79, 80 u 83 tas-sentenza Philips. Minn din l-espressjoni jirriżulta li ż-żieda ta’ karatteristiċi li ma humiex essenzjali u li ma għandhomx funzjoni teknika ma tfissirx li forma tista’ tevita li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ raġuni assoluta ta’ rifjut jekk il-karatteristiċi essenzjali tal-imsemmija forma jissodisfaw tali funzjoni.

26.      Fir-rigward tal-espressjoni “neċessarja sabiex jinkiseb riżultat tekniku”, inkluża kemm fid-dispożizzjoni inkwistjoni kif ukoll fil-punti 81 u 83 tas-sentenza Philips, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li ma tikkunsidrax li din ir-raġuni assoluta għal rifjut għandha tapplika biss meta l-forma tirrappreżenta l-unika waħda possibbli sabiex jinkiseb ir-riżultat mixtieq. Hija fakkret li, fil-punt 81, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “l-eżistenza ta’ għamliet oħra li jippermettu li jinkiseb l-istess riżultat tekniku [ma hijiex] ta’ natura tali li teskludi r-raġuni tar-rifjut” u, fil-punt 83, li “[hija eskluża] ir-reġistrazzjoni ta’ sinjali kkostitwit mill-imsemmija għamla, anki jekk ir-riżultat tekniku in kwistjoni jista’ jinkiseb permezz ta’ għamliet oħra”. Minn dawn l-affermazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li, għall-applikazzjoni ta’ dan il-motiv għal rifjut assolut, huwa biżżejjed li l-karatteristiċi essenzjali tal-forma jiġbru flimkien il-karatteristiċi teknikament kawżali u suffiċjenti sabiex jinkiseb ir-riżultat tekniku mixtieq, b’tali mod li jkunu attribwiti b’dan ir-riżultat tekniku.

27.      Il-Qorti Ġenerali rrifjutat ukoll l-argumenti ta’ Lego Juris li hemm forom oħra li jippermettu li jinkiseb l-istess riżultat tekniku, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punti 81 u 83 tas-sentenza Philips, iddubitat mir-rilevanza ta’ dan, mingħajr ma għamlet distinzjoni bejn il-forom li jużaw “soluzzjoni teknika” oħra u dawk li jużaw l-istess “soluzzjoni teknika”.

28.      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali invokat dan li ġej: minn naħa, il-punt 78 tas-sentenza Philips, li skontu l-bażi tad-dispożizzjoni inkwistjoni hija li jiġi evitat li d-dritt ta’ trade mark iwassal għar-riżultat li l-proprjetarju tagħha jkollu monopolju fuq il-karatteristiċi tal-użu ta’ prodott u li jiġi stabbilit ostakolu fuq l-offerta libera mill-kompetituri ta’ prodotti li jinkorporaw dawn il-karatteristiċi utilitarji. Hija żiedet ukoll li ma jistax ikun eskluż li l-karatteristiċi utilitarji ta’ prodott, li skont il-Qorti tal-Ġustizzja għandhom jitħallew għad-dispożizzjoni tal-kompetituri, ikunu speċifiċi għal forma partikolari. Min-naħa l-oħra, billi tinvoka l-punt 80 ta’ din is-sentenza, li fih huwa stabbilit li d-dispożizzjoni inkwistjoni tippromwovi għan ta’ interess ġenerali, li jeħtieġ l-utilizzazzjoni libera minn kulħadd ta’ forma, li l-aspetti fundamentali tagħha jikkorrispondu għal funzjoni teknika, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li dan l-iskop ma jirreferix biss għas-soluzzjoni teknika inkorporata f’dik il-forma, iżda wkoll fil-forma nnifisha u fil-karatteristiċi essenzjali tagħha. Konsegwentement, jekk il-forma bħala tali għandha tkun tista’ tintuża liberament, id-distinzjoni proposta minn Lego Juris bejn il-forom li jużaw “soluzzjoni teknika” oħra u dawk li jużaw “soluzzjoni teknika” identika ma tistax tiġi aċċettata.

29.      Għall-Qorti Ġenerali, għaldaqstant, l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 jipprojbixxi r-reġistrazzjoni ta’ kull forma kkostitwita esklużivament, fil-karatteristiċi essenzjali tagħha, mill-forma tal-prodott teknikament kawżali u suffiċjenti sabiex jinkiseb ir-riżultat tekniku previst, anki jekk dan ir-riżultat jista’ jintlaħaq permezz ta’ forom oħrajn. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali kkonfermat l-analiżi tal-Bord Suprem tal-Appell u ċaħdet l-ewwel parti tal-uniku aggravju tal-appell.

30.      It-tieni parti tal-aggravju tinqasam, min-naħa tagħha, fi tliet ilmenti, li tnejn minnhom biss huma rilevanti għal dan l-appell. L-ewwel wieħed jirrigwarda n-nuqqas ta’ identifikazzjoni tal-komponenti prinċipali tat-trade mark inkwistjoni u t-tieni wieħed huwa bbażat fuq żbalji tal-evalwazzjoni tal-karattru funzjonali tal-imsemmija karatteristiċi essenzjali (26).

31.      Fl-ewwel ilment tagħha, l-appellanti tikkritika lill-Bord Suprem tal-Appell li ma ddeterminax il-karatteristiċi essenzjali tal-forma inkwistjoni, jiġifieri, id-disinn u l-proporzjon tat-tappini, fil-kuntest ta’ eżami tal-funzjonalità tal-brikk tal-Lego fit-totalità tagħha, inklużi ċerti elementi li l-protezzjoni tagħhom ma kinitx mitluba, bħall-parti ta’ fuq moħbija u l-projezzjonijiet sekondarji. Għaldaqstant, is-sentenza appellata ma kkunsidratx li, permezz ta’ din it-trade mark, l-appellanti setgħet topponi l-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ brikkijiet tal-kostruzzjoni ta’ bini li għandhom l-istess dehra, iżda mhux dawk li għandhom dehra differenti, indipendentement mis-soluzzjoni teknika li japplikaw.

32.      L-appellanti żiedet ukoll li dawn il-karatteristiċi essenzjali ta’ forma għandhom jiġu stabbiliti mill-perspettiva tal-konsumatur, u mhux minn esperti permezz ta’ analiżi purament teknika.

33.      F’dak li jirrigwarda t-tieni lment, dwar il-funzjonalità ta’ dawn il-karatteristiċi, Lego Juris tikkritika lill-Bord Suprem tal-Appell li kkunsidra li d-disinni alternattivi funzjonalment ekwivalenti utilizzati mill-kompetituri tagħha kienu irrilevanti, minkejja l-importanza tagħhom sabiex jiġi evalwat jekk il-protezzjoni ta’ forma tinvolvix monopolju fuq soluzzjoni teknika. Hija kkritikat ukoll in-nuqqas min-naħa tal-Bord tal-appell li jikkunsidra l-impatt tal-protezzjoni preċedenti permezz ta’ privattiva fuq l-evalwazzjoni tal-funzjonalità ta’ forma.

34.      Fl-aħħar nett, Lego Juris tenfasizza li hija ma kinitx kisbet monopolju fir-rigward ta’ soluzzjoni teknika mill-fatt tal-protezzjoni bħala trade mark tal-forma inkwistjoni u li, sabiex japplikaw l-istess soluzzjoni teknika, il-kompetituri ma kinux obbligati jikkupjaw il-forma tal-brikk Lego.

35.      Il-Qorti Ġenerali lanqas ma laqgħet it-tieni parti tal-uniku aggravju tal-annullament (27).

36.      Minn naħa waħda, rigward l-ewwel ilment, il-Qorti Ġenerali eskludiet li l-perspettiva tal-konsumaturi kienet rilevanti, peress li jirriżulta li mhux probabbli li dawn ikollhom l-għarfien tekniku neċessarju sabiex jevalwaw il-karatteristiċi essenzjali. Min-naħa l-oħra, hija qieset li, peress li l-Bord Suprem tal-Appell identifika b’mod korrett dawn il-karatteristiċi essenzjali kollha tal-brikk tal-Lego, il-legalità tad-deċiżjoni tiegħu mhix imnaqqsa minħabba li hi bbażata fuq karatteristiċi oħra.

37.      Fir-rigward tat-tieni lment, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti tal-appellanti dwar ir-rilevanza tal-forom alternattivi filwaqt li rreferiet, għal darba oħra, għall-punt 80 tas-sentenza Philips, u kkonkludiet minnha li l-interpretazzjoni tal-funzjonalità ta’ forma għandha tkun imwettqa indipendentement minn jekk ikunx hemm forom oħra. Fir-rigward tas-saħħa probatorja tal-privattivi preċedenti, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li l-allegazzjonijiet tal-appellanti ma kinux rilevanti, peress li l-Bord Suprem tal-Appell kien iddikjara b’mod espliċitu, fil-punt 39 tad-deċiżjoni tiegħu, li sinjal jista’ jkun protett permezz ta’ privattiva u permezz ta’ trade mark, u rrefera għall-ewwel wieħed minn dawn iż-żewġ drittijiet ta’ proprjetà industrijali biss sabiex juri l-portata tal-karatteristiċi essenzjali tal-brikk Lego (it-tappini prinċipali ċilindriċi).

38.      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-affermazzjoni tal-appellanti li sabiex japplikaw l-istess soluzzjoni teknika l-kompetituri tagħha ma għandhomx ħtieġa jikkupjaw il-forma tal-brikk Lego, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li dan l-argument huwa bbażat fuq l-idea żbaljata li d-disponibbiltà ta’ forom oħrajn li jinkorporaw l-istess soluzzjoni teknika turi nuqqas ta’ funzjonalità tal-forma inkwistjoni, idea li kienet diġà ġiet preċedentement miċħuda b’riferiment għas-sentenza Philips, li tiddefinixxi l-prinċipju li jipprovdi li l-forma funzjonali nnifisha għandha tkun disponibbli għal kulħadd.

39.      Peress li ma ntlaqgħet ebda waħda mill-allegazzjonijiet ta’ Lego Juris, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors għall-annullament.

V –    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

40.      L-appell ta’ Lego Juris ġie ppreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Frar 2009; u r-risposti ta’ MEGA Brands u tal-UASI ġew ippreżentati fil-15 u fit-23 ta’ April 2009 (28), rispettivament. La kien hemm replika u lanqas kontroreplika.

41.      Lego Juris titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tħassar is-sentenza appellata u tirrinvija l-kawża lill-Qorti Ġenerali, filwaqt li l-UASI tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

42.      L-UASI u MEGA Brands jitolbu li l-appell jinċaħad u li l-appellanti tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

43.      Matul is-seduta, tal-10 ta’ Novembru 2009, ir-rappreżentanti taż-żewġ partijiet u ta’ MEGA Brands għamlu l-osservazzjonijiet orali tagħhom u rrispondew għad-domandi magħmula mill-membri tal-Bord Suprem u mill-Avukat Ġenerali.

VI – Analiżi tal-appell

A –    Sommarju tal-pożizzjoni tal-partijiet u preżentazzjoni tal-analiżi tiegħi

1.      L-argumenti tal-partijiet

44.      L-impriża Lego Juris tibbaża l-appell tagħha fuq tliet ilmenti, miġburin fil-qosor kif ġej u li, barra minn hekk, huma essenzjalment identiċi għal dawk imqajma quddiem il-Qorti Ġenerali.

45.      Fl-ewwel lok, fl-appell tagħha l-appellanti tallega li s-sentenza appellata tinkludi interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94, li ċċaħħad mill-protezzjoni mogħtija skont il-liġi tat-trade marks lill-forom kollha li jwettqu funzjoni, indipendentement mill-kriterji previsti minn din ir-regola. Hija tiddikjara li l-Qorti Ġenerali tbiegħdet mis-sentenza Philips, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet distinzjoni bejn “soluzzjoni teknika” u “riżultat tekniku”, billi assoċjat ir-rekwiżit tad-disponibbiltà mal-ewwel waħda sabiex ma tobbligax lill-kompetituri jirrikorru għal soluzzjonijiet differenti li jwasslu għall-istess riżultat; iżda billi tħeġġiġhom isibu forom differenti li japplikaw l-istess soluzzjoni. Dan l-iżball tal-Qorti Ġenerali wassal għad-dikjarazzjoni li l-forma funzjonali fiha nnifisha għandha tkun għad-dispożizzjoni ta’ kulħadd, filwaqt li mis-sentenza Philips jirriżulta li huma biss il-karatteristiċi utilitarji tal-forma li għandhom jibqgħu disponibbli.

46.      Fit-tieni lok, Lego Juris tilmenta li s-sentenza appellata użat parametri żbaljati sabiex tiddetermina l-karatteristiċi essenzjali tat-trade marks tridimensjonali. Fil-każ ta’ eżerċizzju effettiv ta’ dritt tat-trade mark, il-“karatteristiċi essenzjali” huma ekwivalenti għall-“elementi dominanti u distintivi”, li għandhom ikunu eżaminati mill-perspettiva tal-konsumatur medju, normalment infurmat u raġonevolment attent u kawt (29). Min-naħa l-oħra, fil-punt 70 tas-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali ma applikatx ir-regola tal-konsumatur peress li adottat raġunament ċirkulari sabiex tistabbilixxi l-karatteristiċi essenzjali tal-funzjoni stess tad-diversi aspetti tal-forma.

47.      Fit-tielet lok, Lego Juris tikkritika s-sentenza inkwistjoni inkwantu din użat xi kriterji ta’ funzjonalità żbaljati. Fl-opinjoni tagħha, l-aħjar metodu ta’ verifika tal-funzjonalità ta’ karatteristika partikolari tal-forma ta’ oġġett tikkonsisti fit-tibdil tagħha. Jekk dan it-tibdil ma jibdilx il-funzjoni, din il-karatteristika ma għandhiex tkun ikkunsidrata funzjonali. F’dan ir-rigward, huwa importanti li jkunu kkunsidrati l-forom alternattivi peress li dawn juru li l-għoti ta’ trade mark għal forma partikolari ma jimplikax il-ħolqien ta’ monopolju. Għaldaqstant il-projbizzjoni assoluta ta’ reġistrazzjoni prevista fl-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 ma tapplikax għat-trade mark inkwistjoni.

48.      Kemm il-UASI kif ukoll MEGA Brands jiċħdu l-argumenti kollha tal-appellanti u jsostnu l-validità tar-raġunamenti u tad-dispożittiv tas-sentenza appellata.

2.      Il-preżentazzjoni tal-analiżi tiegħi

49.      Dan l-appell jeħtieġ spjegazzjoni lill-operaturi ekonomiċi tal-kriterji rilevanti għar-reġistrazzjoni bħala tade mark tal-forom ta’ prodotti li jkunu konformi mal-funzjonijiet tekniċi li għandhom jitwettqu.

50.      Mingħajr dubju, fis-sentenza Philips kienu stabbiliti l-prinċipji għall-interpretazzjoni tar-regola inkwisjoni, anki jekk tirrigwarda d-direttiva. Madankollu, fil-kawża Philips, il-fatti wasslu għal sentenza relattivament enfatika fir-rigward tal-possibbiltà ta’ reġistrazzjoni ta’ sinjali kkostitwiti minn forom funzjonali. Mill-istess sentenza jirriżulta li kien hemm ċertu qbil dwar il-funzjonalità totali tar-rappreżentazzjoni grafika tal-parti ta’ fuq tal-magna tal-leħja kummerċjalizzata minn din l-impriża Olandiża.

51.      F’rabta mill-qrib mal-fatti tal-kawża, ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja lill-Court of Appeal Ingliża għamlet enfasi fuq ir-raġunijiet li għalihom kellha tiġi miċħuda r-reġistrazzjoni ta’ trade mark b’dawn il-karatteristiċi, iżda ftit li xejn ipprovdiet linji gwida lill-impriżi fir-rigward tar-reġistrazzjoni ta’ sinjali funzjonali fir-reġistru tat-trade marks. Is-sentenza, b’mod leali għall-ispirtu tal-leġiżlazzjoni, ma eskludietx b’mod assolut ir-reġistrazzjoni ta’ trade marks b’forom funzjonali, għalkemm ma għamlitx dan faċli. B’mod metaforiku, jista’ jingħad li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għalqitx il-bieb tal-uffiċċji tat-trade marks lis-sinjali funzjonali, iżda ħallietu mbexxaq u dan l-appell jeżiġi li jiġi ddeterminat b’mod preċiż kemm dan il-bieb imbexxaq huwa miftuħ.

52.      Fil-fatt, Lego Juris mhux biss tissottometti li hemm żball fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 fis-sentenza appellata (l-ewwel aggravju); iżda tikkritika wkoll l-użu ta’ kriterji ta’ interpretazzjoni li ma humiex adegwati sabiex jiġu ddeterminati l-karatteristiċi funzjonali tal-blokka jew brikk tagħha (it-tieni u t-tielet ilmenti). Konsegwentement, l-eżami tal-appell għandu jidħol fil-fond kemm fir-rigward tal-aspetti sostantivi, li jinvolvu l-iżbalji ta’ interpretazzjoni li seta’ kien hemm, kif ukoll fir-rigward tal-aspetti metodoloġiċi, li jinvolvu l-modus operandi għall-evalwazzjoni tal-karattersitiċi tal-oġġetti u għad-definizzjoni tal-funzjonalità tagħhom.

53.      Nemmen, għaldaqstant, li hemm biss preċedent wieħed; u li dan l-appell huwa t-tieni opportunità f’għaxar snin li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha biex teżamina l-kumplessità tad-dispożizzjoni inkwistjoni, u dan jiġġustifika li tipprova tagħti risposta li tmur lil hinn mil-limiti stabbiliti mill-aggravji invokati mill-appellanti, qabel l-istudju ta’ dawn l-aggravji. Barra minn hekk, nispera li b’hekk nissodisfa l-aspettattivi loġiċi tal-qasam tan-negozju fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ reġistrazzjoni tat-trade marks funzjonali, li jixtieq li din il-problema kumplessa tiġi ċċarata.

B –    Interpretazzjoni iktar wiesgħa tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94

1.      Regoli ta’ interpretazzjoni kkonsolidati u inqas stretti

54.      B’paragun tas-sentenza Philips mal-ġurisprudenza ta’ xi wħud mis-sistemi legali nazzjonali, nara ċertu qbil fl-interpretazzjoni tar-regoli rispettivi ta’ traspożizzjoni tad-direttiva, kif ukoll ċerti diverġenzi notevoli li jgħidu ħafna fir-rigward ta’ kemm huwa opportun li jiġu armonizzati l-kundizzjonijiet ta’ reġistrazzjoni tat-trade marks funzjonali. In-noti ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mill-partijiet jipprovdu studju tad-dritt tal-Istati Uniti tal-Amerika dwar it-trade marks, u għalhekk inħossni obbligat li nirreferi għalih meta dan jista’jkun utli f’din il-kawża.

55.      Fir-rigward tax-xebh, huwa stabbilit b’mod unanimu li l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94, kif ukoll id-dispożizzjonijiet nazzjonali ekwivalenti għalih, huma bbażati fuq premessa doppja: minn naħa waħda, dik li ma jkunx hemm monopolju tas-soluzzjonijiet tekniċi fir-rigward ta’ prodotti, permezz tad-dritt tat-trade marks, b’mod partikolari meta dawn ikunu diġà jgawdu minn protezzjoni mogħtija minn dritt ieħor tal-proprjetà industrijali (30); u min-naħa l-oħra, dik li l-protezzjoni mogħtija minn trade mark tinżamm separata minn dik mogħtija minn tipi oħra ta’ proprjetà intellettwali (31).

56.      Fl-interess taċ-ċarezza, għandu jitfakkar li s-sentenza Philips ibbażat ir-risposta tagħha għar-raba’ domanda tal-Court of Appeal preċiżament fuq dawn iż-żewġ ideat (32), b’konformità b’dan il-mod mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo f’din il-kawża (33).

57.      Madankollu, din il-bażi komuni fid-drittijiet nazzjonali u fid-dritt Komunitarja dwar it-trade marks ma kinitx biżżejjed sabiex tarmonizza b’mod sħiħ il-prattika ġudizzjarja. B’dan il-mod, fis-sentenza stess tal-kawża Philips, fir-rigward tal-korpi ġudizzjarji ta’ kull Stat, filwaqt li l-qrati Svediżi qablu li forma għandha tkun ikkunsidrata esklużivament funzjonali meta ebda forma oħra ma tkun awtorizzata li twettaq l-istess funzjoni, il-qrati Ingliżi ppreferew jiddikjaraw li d-dispożizzjoni nazzjonali li tikkorrispondi għall-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 teskludi l-każijiet kollha li fihom il-funzjoni tikkostitwixxi r-raġuni prinċipali li għaliha l-prodott ikollu l-forma li wieħed jipprova jirreġistra bħala trade mark (34).

58.      Id-deċiżjonijiet tal-qrati nazzjonali msemmija fil-punt preċedenti ngħataw qabel is-sentenza Philips tal-Qorti tal-Ġustizzja; iżda jidher li, f’ċerti każijiet, l-ogħla qrati nazzjonali jirriduċu għall-minimu tagħhom il-prinċipji ta’ din is-sentenza, b’tali mod li l-projbizzjoni fformulata mid-dispożizzjoni inkwistjoni, jew mid-dispożizzjoni nazzjonali ekwivalenti għaliha, titlef l-effikaċità tagħha, b’żieda, konsegwentement, tad-diffikultajiet li jsibu l-kompetituri sabiex idaħħlu fis-suq l-oġġett li l-forma funzjonali tiegħu setgħet tiġi rreġistrata (35).

59.      Din id-diverġenza toriġina probabbilment mill-fatt li s-sentenza Philips, filwaqt li setgħet tadotta kriterju iktar strett li jillimita l-projbizzjoni għas-sinjali komposti esklużivament minn karatteristiċi funzjonali, ippreferiet kriterju iktar flessibbli li jippermetti l-projbizzjoni ta’ iktar sinjali funzjonali, billi jirrikjedi li huma “il-karatteristiċi essenzjali” li jista’ jkollhom funzjoni teknika (36). Iżda, b’dan il-mod, din is-sentenza introduċiet ċertu nuqqas ta’ ċarezza, li l-kosegwenzi tiegħu qed jinħassu issa.

60.      Għalhekk, jinħass ir-riskju li r-regoli stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirċevux trattament identiku fl-Istati Membri kollha, u għal din ir-raġuni nqis li huwa xieraq li jinħolqu kriterji addizzjonali li jgħinu sabiex ikun hemm żvilupp fil-ġurisprudenza li, bl-uniku preċedent ta’ Philips, hija wisq inklinata lejn is-sinjali li għandhom ikunu esklużi mir-reġistrazzjoni skont l-Artikolu (7)(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94. L-aħjar mod kif ikun definit aħjar l-ambitu ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni huwa billi jiġu identifikati l-każijiet li fihom it-trade mark mitluba jkun jimmerita li tiġi rreġistrata, minkejja li jkollha xi aspetti funzjonali.

2.      Interpretazzjoni proposta.

61.      L-ewwel nett, nixtieq nippreċiża li ma nissuġġerixxix tibdil tal-ġurisprudenza, iżda biss interpretazzjoni ftit differenti, prinċipalment fl-aspetti metodoloġiċi, peress li l-prinċipji stabbiliti mis-sentenza Philips huma validi (37), jiġifieri: minn naħa waħda, il-bażi doppja, diġà msemmija, li jistabbilixxi l-Artikolu 7(1)(e)(ii), tar-Regolament Nru 40/94 u li wieħed jista’ jiġbor fil-kriterji ta’ “antimonopolizzazzjoni” u ta’ delimitazzjoni stretta tad-diversi drittijiet tal-proprjetà industrijali; min-naħa l-oħra, li r-regola inkwistjoni tiċħad ir-reġistrazzjoni ta’ forom li l-karatteristiċi essenzjali jaqdu funzjoni teknika (38); u, fl-aħħar nett, il-fatt li l-prova tal-eżistenza ta’ forom oħra li jippermettu li jinkiseb l-istess riżultat tekniku ma huwiex ta’ natura li jwarrab ir-raġuni għal rifjut assoluta jew ir-raġuni ta’ invalidità inkluża f’din id-dispożizzjoni (39).

62.      Madankollu, din il-bażi ta’ interpretazzjoni għandha titkompla billi nirrikorru għal ċerti regoli metodoloġiċi ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni; fil-fehma tiegħi, il-mod ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 jinvolvi sa tliet stadji (40).

a)      L-ewwel stadju

63.      Fl-ewwel lok, l-entità responsabbli mill-eżami tar-raġuni assoluta għal rifjut jew tar-raġuni ta’ invalidità għandha ssib l-elementi l-iktar importanti tal-forma li tagħha ntalbet ir-reġistrazzjoni. F’dan l-istadju, ir-regola li għandha tiġi segwita tikseb importanza fundamentali.

64.      Peress li din għadha ma hijiex kwistjoni ta’ determinazzjoni tal-karattru distintiv tas-sinjal, iżda biss li jiġu identifikati l-karatteristiċi prinċipali tiegħu, għandha ssir l-analiżi suċċessiva ta’ kull wieħed mid-diversi elementi ta’ preżentazzjoni użati mit-trade mark inkwistjoni (41). B’kuntrast mal-eżami tal-karattru distintiv, ma huwiex meħtieġ li tiġi kkunsidrata l-impressjoni ġenerali, sakemm, pereżempju fil-każ ta’ oġġett sempliċi, il-karatteristiċi kollha li jikkostitwixxu l-forma tiegħu jkunu kkunsidrati essenzjali.

65.      Mill-kliem tal-Artikolu 7(1)(e)(ii), huwa ċar li għandhom jiġu identifikati l-karatteristiċi essenzjali tal-forma u dawn għandhom jiġu marbuta mar-riżultat tekniku sabiex ikun evalwat jekk teżistix konnessjoni neċessarja bejn dawn il-karatteristiċi u l-imsemmi riżultat tekniku. Għaldaqstant, f’dan il-kuntest, il-verifika ta’ dawn l-aspetti fundamentali ma ssirx sabiex ikun ivverifikat jekk is-sinjal jistax iwettaq il-funzjoni essenzjali tat-trade mark, li hija dik li tiggarantixxi l-oriġini tal-prodotti tagħha (42), iżda sabiex ikun hemm paragun tal-karattru neċessarju tiegħu mar-riżultat tekniku, li l-karatteristiċi tiegħu jeħtieġu wkoll definizzjoni preċiża.

66.      Għaldaqstant, f’dan l-istadju inizjali, il-perspettiva tal-konsumatur ma hijiex rilevanti peress li, kif tosserva s-sentenza Philips (43), dan jinvolvi biss l-eżami ta’ kundizzjoni preliminari li għaliha huma suġġetti s-sinjali kkostitwiti esklużivament mill-forma ta’ prodott li r-reġistrazzjoni tiegħu tista’ tiġi rrifjutata jekk din il-kundizzjoni ma tkunx sodisfatta; dan għadu ma huwiex l-istadju tal-eżami tal-karattru distintiv possibbli, f’liema stadju l-ġurisprudenza dejjem tagħti rilevanza lill-opinjoni tal-konsumatur (44).

67.      Fl-aħħar nett, fil-kuntest tal-ewwel stadju, jibqa’ meħtieġ li tiġi stabbilita l-funzjonalità ta’ kull waħda mill-karatteristiċi essenzjali identifikati. Id-definizzjoni ta’ din il-funzjonalità toħloq, min-naħa tagħha, problemi fil-metodu. Għalhekk, ma huwiex possibbli li wieħed jibbaża ruħu fuq suppożizzjonijiet sempliċi jew fuq ġeneralitajiet li jirriżultaw mill-esperjenza kurrenti (45). Normalment, għal dak it-tip ta’ oġġetti li huma protetti permezz ta’ privattiva jew disinn, l-ispjegazzjonijiet inklużi fiċ-ċertifikati tar-reġistrazzjoni ta’ dawn id-drittijiet tal-proprjetà industrijali jikkostitwixxu preżunzjoni sempliċi, għalkemm b’saħħitha ħafna, fis-sens li l-karatteristiċi fundamentali tal-forma tal-oġġett jaqdu funzjoni teknika, kif diġà osserva l-Bord Suprem tal-Appell b’referenza għall-ġurisprudenza tal-Qorti Suprema tal-Istati Unti tal-Amerika fil-kawża TrafFix (46). Lil hinn minn dan il-każ ineżami, huwa dejjem possibbli li wieħed jirrikorri għas-servizzi ta’ espert.

68.      Il-kontinwazzjoni tal-proċedura tiddependi mir-riżultat li jipproduċi dan l-eżami tal-funzjonalità: jekk, minn naħa waħda (ipoteżi A), il-karatteristiċi essenzjali kollha tal-forma li tagħha hija mitluba r-reġistrazzjoni jaqdu funzjoni teknika, il-forma nnifisha hija kkunsidrata funzjonali u ma għandhiex tiġi rreġistrata jew, jekk diġà hija rreġistrata, ir-reġistrazzjoni għandha tiġi kkanċellata; f’dan il-każ, l-eżami jieqaf fl-ewwel stadju. Madankollu, jekk min-naħa l-oħra (ipoteżi B), dawn il-karatteristiċi ma humiex kollha funzjonali, tibda t-tieni fażi.

b)      It-tieni stadju

69.      F’dan it-tieni stadju, għaldaqstant, l-entità responsabbli mill-eżami tas-sinjal ikollha quddiemha forma, li tagħha huma biss parti mill-karatteristiċi fundamentali li hija parzjalment funzjonali. Interpretazzjoni stretta tas-sentenza Philips twassal għan-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94, peress li l-punt 84 tagħha jipprojbixxi r-reġistrazzjoni ta’ sinjal ikkostitwit esklużivament mill-forma ta’ prodott, “… jekk jiġi pprovat li l-karatteristiċi essenzjali ta’ din l-għamla huma attribwibbli biss għar-riżultat tekniku”. Minkejja dan, nemmen li s-sentenza hija, għal darba oħra, wisq marbuta mal-fatti tal-kawża.

70.      Fil-fatt, fid-dawl taż-żewġ premessi bażiċi tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94, li skonthom din id-dispożizzjoni “[t]irrifletti l-għan leġittimu li jikkonsisti f’li individwu partikolari ma jkollux id-dritt li ... jikseb jew jeżerċita drittijiet esklużivi li jirrigwardaw soluzzjonijiet tekniċi” (47) u dik li l-forma funzjonali “tkun tista’ tintuża liberament minn kulħadd” (48), nemmen li d-dispożizzjoni tipproduċi l-effetti tagħha f’dan il-kuntest ibridu fejn ikun hemm karatteristiċi essenzjali funzjonali u oħrajn mhux funzjonali.

71.      L-eżami jsir sempliċement iktar ikkumplikat.

72.      Il-kwistjoni li tqum hija dik dwar jekk il-konċessjoni ta’ trade mark timpedixxix lill-kompetituri milli jużaw il-karatteristiċi funzjonali essenzjali protetti mill-imsemmi sinjal, peress li, f’sitwazzjoni bħal dik deskritta, huwa konċepibbli li xi wħud, jew diversi, minn dawn l-aspetti funzjonali jirriżultaw indispensabbli għall-kompetituri fis-suq, pereżempju għall-interoperabbiltà bejn il-prodotti rispettivi tagħhom u dawk tal-proprjetarju tal-forma funzjonali li tagħha hija mitluba r-reġistrazzjoni. Peress li din il-konsegwenza tmur direttament kontra l-prinċipji tas-sentenza Philips, jiena nara żewġ alternattivi possibbli.

73.      L-ewwel waħda tillimita d-dritt dwar it-trade marks għall-elementi essenzjali u distintivi li ma humiex funzjonali. B’hekk, pereżempju, il-USBs (49) jinkludu parti li evidentement isservi għall-konnessjoni mal-kompjuter jew apparat ieħor u parti oħra li, anki jekk twettaq funzjoni teknika, jista’ jkolla – u ħafna drabi jkollha – forma partikolari, iktar estetika. Jiena ma nara ebda inkonvenjenza fil-fatt li wieħed jikkonċedi trade marks fuq dawn il-USBs, jekk dawn ikunu limitati għall-parti koperta mid-disinn, peress li l-parti l-oħra iżżomm dejjem il-funzjonalità tagħha. Iżda l-UASI għandu jrendi l-prattika tiegħu fil-qasam tar-reġistrazzjoni iktar flessibbli billi jippermetti l-użu ta’ “disclaimers”, ladarba huwa ma jużax is-setgħa, li l-Artikolu 37(2) tar-Regolament Nru 207/2009 (50) jagħtih, fl-applikazzjoni rigoruża tal-prinċipju, mhux stabbilit mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (51), li s-sinjali b’diversi komponenti ma jistgħux jitolbu l-protezzjoni ta’ wieħed biss minn dawn il-kompenenti (52). Minkejja li l-manifatturi ta’ dan it-tip ta’ USBs jistgħu jitolbu l-protezzjoni tal-element estetiku, mingħajr ma jinkludu, fl-istampa tal-applikazzjoni għal trade mark, il-parti li sservi għall-konnessjoni, is-sinjal ikollu inqas valur, peress li huwa possibbli li l-konsumatur ma jagħrafx li dan huwa parti minn USB, u b’dan il-mod jonqos l-interess tal-manifattur li japplika għal trade mark.

74.      Din id-diffikultà twassalni biex nipproponi alternattiva oħra. Peress li l-iskop prinċipali tar-regola inkwistjoni huwa l-protezzjoni tal-kompetizzjoni, l-eżami tas-sinjal ikkostitwit parzjalment minn elementi funzjonali għandu jkun suġġett għall-kundizzjoni li t-titolu eventwali ta’ proprjetà industrijali ma jimplikax, għall-kompetituri, żvantaġġ sinjifikattiv li ma huwiex marbut mar-reputazzjoni tas-sinjali tagħhom (53). F’dan l-istadju, għandhom ikunu pparagunati l-alternattivi l-oħra kompatibbli mas-suq, kif titlob b’mod insistenti l-appellanti fl-appell. Mingħajr ma nelabora dwar din l-alternattiva f’dan l-istadju, huwa ta’ interess li nenfasizza li l-analiżi tal-forom alternattivi għandha tkun imwettqa fid-dawl tal-interoperabbiltà u r-rekwiżit ta’ disponibbiltà, bħala turija tal-interess ġenerali li huwa wkoll il-bażi tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94.

c)      It-tielet stadju

75.      Fl-aħħar nett, ladarba jingħelbu dawn l-ostakoli permezz ta’ “disclaimers” jew permezz tal-konvinċiment li l-forma ma tikkawżax ħsara lill-kompetizzjoni, l-entitajiet responsabbli mill-eżami tal-funzjonalità ta’ forma ta’ dan it-tip ibridu, ġeneralment uffiċċju tat-trade marks jew qorti li quddiemha titressaq kontrotalba għal invalidità, jidħlu fit-tielet stadju, fejn għandu jiġi evalwat il-karattru distintiv tas-sinjal (il-forma). Skont il-ġurisprudenza (54), l-impressjoni ġenerali tas-sinjal, il-perspettiva tal-konsumatur u l-prodotti jew is-servizzi li għalihom tintalab it-trade mark, huma issa rilevanti.

76.      Barra minn hekk, dejjem jibqa’ applikabbli l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94, li jimpedixxi lill-proprjetarju ta’ forma funzjonali milli jinvoka l-ksib tal-karattru distintiv mill-użu. (55) F’dan ir-rigward, minn naħa waħda, nemmen li l-esklużjoni tal-forom funzjonali tal-benefiċċju possibbli mogħti permezz ta’ din id-dispożizzjoni jissodisfa x-xewqa tal-leġiżlatur li jevita li oġġett li kien protett minn privattiva jew disinn igawdi minn din il-possibbiltà. Għaldaqstant, meta jiskadi dan id-dritt l-ieħor tal-propretà industrijali, huwa probabbli, speċjalment fil-każ ta’ prodotti innovattivi bħal-Lego, li dawn il-prodotti jgawdu diġà, f’għajnejn il-konsumatur, minn dak li fiċ-ċirkustanzi normali wieħed jista’ jikkunsidra bħala “karattru distintiv”, peress li dawn il-prodotti jibqgħu l-uniċi fil-kategorija tagħhom matul il-perijodu ta’ validità tal-privattiva jew id-disinn (56). Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-leġiżlatur Komunitarju kien se jagħti l-protezzjoni bħala trade mark Komunitarja biss lil dawk it-trade marks li kellhom karattru distintiv miksub permezz ta’ użu qabel l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni (57). Għaldaqstant, il-proprjetarju ta’ trade mark miksuba b’“disclaimer” ma jista’ fl-ebda każ jinvoka l-benefiċċju tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94 sabiex jestendi l-protezzjoni għall-karatteristiċi funzjonali essenzjali.

C –    Konsegwenzi għal dan l-appell

77.      Ladarba indikati l-aspetti prinċipali tal-interpretazzjoni iktar flessibbli tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94, għandhom jiġu studjati r-riperkussjonijiet tagħha għall-evalwazzjoni tal-ilmenti sostnuti minn Lego Juris fl-aggravju uniku tal-appell tagħha.

78.      Nista’ niddikjara minn issa li x-xogħol imwettaq mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata jidher li huwa tajjeb u konformi mas-sentenza Philips. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali ttrattat l-allegazzjonijiet ta’ Lego Juris b’attenzjoni, u rrispondiethom b’mod legalment impekkabbli, u għaldaqstant, fid-dawl tal-fatt li l-analiżi tiegħi xxejjen il-ġist tal-ilmenti ta’ Lego Juris, huwa biżżejjed li nikkunsidra biss is-sustanza ta’ din il-kritika, u dan mingħajr ma nnaqqas is-saħħa taċ-ċaħda min-naħa tiegħi tal-argumenti tal-appellanti.

1.      Rigward l-ewwel ilment ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94

79.      L-appell, li ma huwiex nieqes minn ċerta konfużjoni, jikkritika s-sentenza appellata inkwantu din waslet għal soluzzjoni li ċċaħħad lill-forom funzjonali kollha mill-protezzjoni mogħtija mid-dritt tat-trade marks, indipendentement minn jekk humiex milħuqa l-kriterji tar-regola inkwistjoni. L-appell jikkritika lill-Qorti Ġenerali li titbiegħed mis-sentenza Philips, li tippermetti r-reġistrazzjoni ta’ dawn il-forom, sakemm ikun hemm forom oħra differenti, iżda ekwivalenti. F’dan il-kuntest, ikun żbaljat li wieħed jiddikjara li l-forma funzjonali fiha nnifisha għandha tibqa’ għad-dispożizzjoni ta’ kulħadd, peress li skont is-sentenza Philips huma biss il-karatteristiċi utilitarji tal-forma li għandhom jibqgħu disponibbli.

80.      Ma naqbilx ma’ dan il-mod ta’ interpretazzjoni tas-sentenza appellata.

81.      L-appellanti hija żbaljata, anki jekk tinterpreta b’mod kreattiv kemm is-sentenza Philips kif ukoll id-dispożizzjoni inkwistjoni.

82.      Minn naħa waħda, kif tosserva MEGA Brands, l-istudju fid-dettall dwar l-allegati differenzi bejn “soluzzjoni teknika” u “riżultat tekniku” ma jsib ebda bażi fis-sentenza Philips jew fl-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94. Dan ġie korrettement ikkonfermat mill-Qorti Ġenerali fil-punt 40 tas-sentenza appellata filwaqt li rreferiet għall-punti 81 u 83 tas-sentenza Philips, li ma jagħmilx distinzjoni bejn “soluzzjoni teknika” u “riżultat tekniku”.

83.      Min-naħa l-oħra, mill-punti 80 u 83 tas-sentenza Philips jirriżulta li l-għan tal-interess ġenerali, li d-dispożizzjoni inkwistjoni tfittex, jeżiġi li l-forom funzjonali jkunu jistgħu jiġu liberament użati minn kulħadd, filwaqt li l-eżistenza tal-forom alternattivi li jista’ jkun hemm ma humiex rilevanti għall-evalwazzjoni tal-funzjonalità tagħhom. Konsegwentement, ma hemm ebda indikazzjoni ta’ żball ta’ liġi min-naħa tal-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata.

84.      Se nerġa’ nirreferi għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 sostnuta fit-taqsima preċedenti.

85.      Iktar ’il fuq, jien indikajt li s-sentenza Philips intrabtet ħafna mal-fatti tal-kawża, u dan iffavorixxa pożizzjoni ċertament b’saħħitha tal-Qorti tal-Ġustizzja. Issa, fil-kawża ineżami, il-fatti għandhom ukoll influwenza deċiżiva.

86.      Għalhekk, il-punt 75 tas-sentenza appellata jikkonstata li l-Bord Suprem tal-Appell tal-UASI pproċeda b’analiżi eżawrjenti tal-brikk Lego u kkonkluda li l-forma ta’ dan il-ġugarell fl-intier tagħha kellha aspetti funzjonali. F’dan il-kuntest, li jikkorrispondi għall-ewwel stadju tar-regoli ta’ interpretazzjoni tiegħi, kien normali li din l-aġenzija Komunitarja tirrifjuta r-reġistrazzjoni tas-sinjal mitlub minn Lego Juris, peress li mhux biss il-karatteristiċi essenzjali tiegħu, iżda wkoll il-brikk fl-intier tiegħu, jaqdu biss rekwiżiti marbuta mal-funzjoni tagħha; f’sitwazzjoni bħal din ma hemmx lok li ngħaddi għall-istadju sussegwenti tal-analiżi tiegħi (ipoteżi A) (58).

87.      Fid-dawl taċ-ċarezza tas-sentenza Philips, tal-inqas fil-punti msemmija, u fid-dawl tal-interpretazzjoni inkontestabbli tal-funzjonalità tal-brikk Lego li l-Bord Suprem tal-Appell stabbilixxa, li ma ġietx mibdula fis-sentenza appellata u li l-appellanti ma tikkontestax quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fl-allegazzjoni tal-iżnaturament tal-fatti u tal-provi, jiena nista’ biss naqbel mal-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 mogħtija mill-Qorti Ġenerali u niċħad dan l-ilment.

2.      Rigward it-tieni lment ibbażat fuq definizzjoni żbaljata tal-karatteristiċi essenzjali ta’ trade mark tridimensjonali

88.      Permezz ta’ dan l-ilment, Lego Juris essenzjalment titlob li l-analiżi tal-karatteristiċi essenzjali għandha ssir fid-dawl tal-perspettiva tal-konsumatur, u dan ma għamlitux il-Qorti Ġenerali li rrifjutat b’mod espliċitu li tagħmel dan fil-punt 70 tas-sentenza tagħha.

89.      Skont l-interpretazzjoni li nipproponi, dan l-ilment jista’ faċilment jinċaħad, peress li, skont ir-regoli metodoloġiċi stabbiliti, l-eżami tal-karattru distintiv intrinsiku tat-trade marks isir biss fit-tielet stadju (59). Diġà ddikjarajt fil-kuntest tal-eżami tal-ilment preċedenti li, skont ir-riżultat miksub dwar il-funzjonalità tal-intier tal-brikk Lego, la l-Bord Suprem tal-Appell tal-UASI u lanqas il-Qorti Ġenerali ma kellhom jidħlu fl-istadji sussegwenti.

90.      Iżda, anki jekk wieħed ma jaqbilx mal-pożizzjoni tiegħi, naħseb li l-ilment ta’ Lego Juris ma jistax jintlaqa’, ikun xi jkun l-angolu li minnu wieħed iħares lejh. Għaldaqstant, fil-punt 76 tas-sentenza Philips, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li r-raġuni assoluta għal rifjut ta’ reġistrazzjoni analizzata f’din il-kawża tikkostitwixxi “ostakolu preliminari”, u għalhekk l-eżami tagħha ma jaqax taħt l-istess regoli ta’ dak tal-elementi dominanti u distintivi, li l-identifikazzjoni tagħhom tfittex li tevalwa l-funzjoni tal-indikazzjoni tal-oriġini tal-prodotti f’għajnejn il-konsumatur, li huwa differenti mid-determinazzjoni tal-elementi essenzjali ta’ forma.

91.      Fil-fatt, jekk wieħed isegwi l-argument ta’ Lego Juris sal-konklużjoni loġika tiegħu, il-kriterju tal-konsumatur medju, kif inhu deskritt normalment fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jkun applikat ukoll fir-rigward tal-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 40/94, filwaqt li l-“ordni pubbliku” jew il-“prinċipji aċċettati tal-moralità” għandhom għalhekk jiġu evalwati mill-perspettiva tal-konsumatur.

92.      L-iżball ta’ din l-implikazzjoni jirriżulta mill-fatt li kienet imwarrba l-premessa li r-raġunijiet differenti għal rifjut ta’ reġistrazzjoni inklużi fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 40/94 jirriflettu sensibbiltajiet differenti tal-leġiżlatur, filwaqt li kull waħda minnhom għandha s-saħħa normattiva tagħha skont kriterji li jistgħu, iżda ma għandhomx, ikunu identiċi f’kull każ ta’ rifjut jew ta’ invalidità tar-reġistrazzjoni. F’dan il-każ, peress li r-raġunament tal-Artikolu 7(1)(e) huwa differenti ħafna mill-funzjoni essenzjali tat-trade mark, mhux bħal fil-każ tal-Artikolu 7(1)(b) (dwar il-karattru distintiv), ma hemmx lok li jiġi aċċettat il-kriterju tal-konsumatur medju.

93.      Għalhekk, l-appellanti tiżbalja meta tipprova tittrasferixxi l-parametri tipiċi tal-eżami tal-karattru distintiv għall-elementi essenzjali ta’ forma sabiex tiġi ddeterminata l-funzjonalità tagħha, peress li dawn tal-aħħar għandhom jiġu ddeterminati b’mod oġġettiv, kif ikkonstatat ġustament il-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata. Konsegwentement, it-tieni lment għandu wkoll jinċaħad.

3.      Rigward it-tielet ilment ibbażat fuq l-applikazzjoni ta’ kriterji tal-funzjonalità żbaljati

94.      Lego Juris, fit-tielet ilment tagħha, tiddefendi l-metodu komparattiv għall-evalwazzjoni tal-funzjonalità tal-karatteristiċi ta’ forma. Minn naħa waħda, hija titlob li dawn il-karatteristiċi essenzjali għandhom jinbidlu sabiex il-funzjonalità tiġi pprovata, billi din il-kwalità ta’ karatteristika essenzjali tiġi rrikonoxxuta meta t-tibdil jaffettwa l-funzjoni. F’dan ir-rigward, l-appellanti tinvoka l-importanza tal-forom alternattivi, li jikkostitwixxu indikazzjoni fis-sens li t-trade mark fuq forma konkreta ma twassalx għal monopolju, filwaqt li r-raġuni assoluta għal rifjut eżaminata f’dan l-appell ma taffettwax din l-indikazzjoni.

95.      Lanqas dan l-argument tal-appellanti ma huwa konvinċenti.

96.      Jekk wieħed jimxi mal-interpretazzjoni metodoloġika tiegħi tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94, il-kritika tas-sentenza appellata ma tkunx rilevanti. Minkejja li aċċettajt ir-rilevanza li jista’ jkun hemm tal-paragun mal-forom alternattivi għall-finijiet tal-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni, jiena ħallejt din l-analiżi komparattiva għat-tieni stadju. Huwa f’dan l-istadju li jkun hemm raġuni sabiex ikun analizzat jekk il-monopolju li trade mark toħloq għal prodott b’ċerti karatteristiċi funzjonali jistax jelimina l-kompetizzjoni fis-suq. Kif diġà osservajt, ladarba tkun stabbilita l-funzjonalità tal-brikk Lego fl-intier tagħha, ma hemmx għalfejn nidħlu fl-istadji sussegwenti.

97.      Barra minn hekk, skont is-sentenza Philips u d-dispożizzjoni inkwistjoni, għandu jiġi rrimarkat li l-iżball li Lego Juris tattribwixxi lis-sentenza appellata huwa irrilevanti. Fil-punti 81 sa 84 tas-sentenza Philips, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat b’mod ċar ħafna li “[i]l-prova tal-eżistenza ta’ għamliet oħra li jippermettu li jinkiseb l-istess riżultat tekniku [ma teskludix] r-raġuni ta’ rifjut jew invalidità tar-reġistrazzjoni [tad-dispożizzjoni]” inkwistjoni li, peress li teskludi mir-reġistrazzjoni tas-sinjali kkostitwiti esklużivament mill-forma neċessarja għall-ksib ta’ riżultat tekniku, hija applikabbli bis-sħiħ fil-każ tal-brikk Lego, ladarba l-funzjonalità sħiħa tagħha ġiet stabbilita. Għalhekk, Lego Juris ma setgħetx tinvoka favur tagħha l-aspetti divrenzjali tas-sentenza Philips fir-rigward tal-limitazzjoni għall-karatteristiċi essenzjali, peress li l-karatteristiċi kollha tal-brikk, essenzjali jew le, jirriżultaw li huma funzjonali; f’dan ir-rigward, ma hemmx bżonn li jkunu kkunsidrati l-alternattivi, peress li t-trade mark li tingħata dejjem timmonopolizza l-forma.

98.      Fid-dawl tal-premess, nikkunsidra li t-tielet ilment ma huwiex fondat u għandu għalhekk ikollu l-istess eżitu bħalma kellhom l-ewwel żewġ ilmenti. Għaldaqstant, peress li l-ilmenti kollha ġew miċħuda, l-aggravju uniku tal-appell ma jistax jintlaqa’.

VII – L-ispejjeż

99.      Peress li t-talbiet kollha ta’ Lego Juris f’dan l-appell huma miċħuda, hija għandha tiġi ordnata tbati l-ispejjeż skont id-dispożizzjonijiet tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122(1) flimkien mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

VIII – Konklużjoni

100. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

1)         tiċħad l-appell ippreżentat minn Lego Juris mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tmien Awla), tat-12 ta’ Novembru 2008, fil-kawża T‑270/06;

2)         tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2 – J. Maier, “Lego des Lebens”, DIE ZEIT Nru 32, tat-30 ta’ Lulju 2009, p. 27.


3 – Sentenza T‑270/06, Ġabra p. II-3117.


4 – Regolament tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1) fis-seħħ mid-data msemmija fil-punt li tirreferi għalih din in-nota.


5 – Regolament tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3288/94, tat-22 ta’ Diċembru 1994, għall-implimentazzjoni tal-ftehim milħuq fil-qafas tal-Uruguay Round (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1 p. 185) u, fl-aħħar nett, bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 422/2004, tad-19 ta’ Frar 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 3).


6 – Sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2002 (C‑299/99, Ġabra p. I‑5475).


7 – Punt 76 tas-sentenza.


8 – Direttiva 89/104/KEE tal-Kunsill, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol 1, p. 92, minn issa ’l quddiem, id-“Direttiva”); dan l-artikolu huwa l-alter ego tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94.


9 – Punt 78 tas-sentenza Philips.


10 – Punt 79.


11 – Punt 80.


12 – Punt 82.


13 – Punt 81.


14 – Il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat.


15 – Punti 9 u 10 tas-sentenza appellata.


16 – Skont l-Artikolu 1(3), tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 216/96 tal-5 ta’ Frar 1996, li jistipula r-regolai tal-proċedura tal-Bordijiet tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Armonizzazzjoni tas-Suq Intern (Trade Marks u Disinji) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 221).


17 – Appell tal-Bord Suprem tal-Appell tal-UASI tal-10 ta’ Lulju 2006 (Każ R 856/2004 G), dwar proċedura ta’ nullità bejn MEGA Brands, Inc. u Lego Juris A/S.


18 – Punti 32 u 33 tas-sentenza.


19 – Punti 34 u 36, tal-istess sentenza.


20 – Punt 58.


21 – Punt 60.


22 – Punti 54 u 55.


23 – Punti 41 sa 63.


24 – Punti 27 sa 34 tas-sentenza appellata.


25 – Tinstab ukoll fit-tieni inċiż tal-Artikolu 3(1)(e) tad-direttiva. Din ir-regola għandha tkun imsemmija, peress li hija dik li s-sentenza Philips interpretat.


26 – Punti 51 sa 68 tas-sentenza appellata.


27 – Punti 70 sa 88 tas-sentenza appellata.


28 – Faks tal-20 ta’ April.


29 – B’riferiment għas-sentenza tas-16 ta’ Lulju 1998, Gut Springenheide u Tusky (C‑210/96, Ġabra p. I‑4657, punt 31), li stabbilixxiet dan il-kriterju riprodott fil-ġurisprudenza sussegwenti dwar it-trade marks.


30 – Fid-dritt Ġermaniż, F. Hacker, “Als Marke Schutzfähige Zeichen - § 3”, fi Ströbele vs Hacker, Markengesetz, it-8 ed., Ed. Carl Heymanns, Köln, 2006, p. 85; fid-dritt Spanjol, L.A. Marco Arcalá, “Artículo 5. Prohibiciones absolutas”, f’A. Bercovitz Rodríguez‑Cano(Direttur), Comentarios a la Ley de Marcas, ed. 2, Ed. Thomson Aranzadi, Pamplona, 2008, tomo I, p. 204; fid-dritt Franċiż, J. Azéma, J.-Ch. Galloux, Droit de la propriété industrielle, is-6 ed., Ed. Dalloz, Pariġi, 2006, p. 773; fid-dritt Amerikan, M. Wong, “The aesthetic functionality doctrine and the law of trade-dress protection”, Cornell Law Review, vol. 83, 1998, p. 1116, 1154.


31Ibidem; dan ir-raġunament jirriżulta partikolarment b’saħħtu fid-dritt Spanjol u f’dak Franċiż, li jirreferu għall-“fraude de ley” u għall-“abus de droit” li jwassal għall-estensjoni tal-protezzjoni tal-privattivi jew tad-disinni industrijali permezz tad-dritt tat-trade marks.


32 – B’mod partikolari fil-punti 79 u 82, rispettivament.


33 – Speċjalment il-punti 30 u 39.


34 – W. Cornish, D. Llewelyn, Intellectual Property: Patents, Copyright, Trade Marks and Allied Rights, is-6 ed., Ed. Thomson Sweet & Maxwell, Londra, 2007, p. 710.


35 – Kritika tal-applikazzjoni iktar rigoruża tas-sentenza Philips mill-Bundesgerichtshof, Hildebrandt, U., Marken und andere Kennzeichen – Einführung in die Praxis, Ed. Carl Heymann, Köln, 2006, p. 109 u 110. Minkejja dan, il-Qorti Suprema Ġermaniża ma awtorizzatx ir-reġistrazzjoni tal-brikk tal-Lego li huwa s-suġġett ta’ din il-kawża peress li qieset li din kienet biss funzjonali, u dan wassal għall-annullament tat-trade mark li, inizjalment, ġiet aċċettata fil-Ġermanja; Bundesgerichtshof, Stqarrija għall-istampa Nru 158/2009 (http://juris.bundesgerichtshof.de /cgi‑bin/rechtsprechung).


36 – Punt 79 tas-sentenza Philips.


37 – Is-sentenza Philips dejjem kienet segwita mill-Qorti Ġenerali, mill-UASI u, bl-eżitazzjonijiet li indikajt, mid-diversi qrati nazzjonali.


38 – Punt 79 tas-sentenza Philips.


39 – Punti 81 sa 83 tas-sentenza Philips.


40 – Nirreferi mutatis mutandis għad-dritt Ġermaniż, F. Hacker, Op. cit., p. 88; u dak Amerikan, T. McCormick, “Will TrafFix ‘Fix’ the Splintered Functionality Doctrine?: TrafFix Devices, Inc. v. Marketing Displays, Inc.”, 40 Houston Law Review, (2003), p. 541, 566.


41 – Niddeduċi din l-affermazzjoni mill-qari a contrario sensu tas-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2005, Eurocermex vs UASI (C‑286/04 P, Ġabra p. I‑5797, punti 22 u 23) u l-ġurisprudenza hemm imsemmija. Din is-sentenza ġiet ikkonfermata permezz tas-sentenza tal- 25 ta’ Ottubru 2007, Develey vs UASI (C-238/06 P, Ġabra p. I‑9375, punt 82).


42 – Ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja; pereżempju, is-sentenzi tat-23 ta’ Mejju 1978, Hoffmann-La Roche vs Centrafarm (102/77, Ġabra p. 1139, punt 7); tat-12 ta’ Novembru 2002, Arsenal Football Club (C‑206/01, Ġabra p. I‑ 10273, punt 48); u tas-26 ta’ April 2007, Alcon vs UASI (C‑412/05 P, Ġabra p. I‑3569, punt 53).


43 – Punt 76.


44 – Pereżempju fis-sentenzi tat-8 ta’ Mejju 2008, Eurohypo vs UASI (C-304/06 P, Ġabra p. I‑3297, punt 67); u tat-22 ta’ Ġunju 2006, Storck vs UASI (C‑25/05 P, Ġabra p. I‑5719, punt 25).


45 – Kif jindika korrettament F. Hacker, Op. cit., p. 88.


46 – Punt 40 tas-sentenza tagħha fil-kawża Lego; TrafFix Devices, Inc. vs Marketing Displays, Inc., 532 U.S. 23(2001).


47 – Sentenza Philips, punt 82.


48 – Punt 80 tas-sentenza Philips.


49 – Jissejħu wkoll “pen drive” bl-Ingliż.


50 – Li jissostitwixxi l-Artikolu 38(2) tar-Regolament Nru 40/94.


51 – Barra minn hekk, jekk il-leġiżlatur innifsu ppreveda l-possibbiltà li l-protezzjoni trade mark tagħti mhix estiża għas-sinjal kollu, jidhirli li l-pożizzjoni sostnuta mill-UASI ma hijiex għal kollox konvinċenti.


52 – A. Bender, “Der Ablauf des Anmeldeverfahrens”, f’K.‑H. Fezer, Handbuch der Markenpraxis – Band I Markenverfahrensrecht, Ed. C.H. Beck, Munich, 2007, p. 585.


53 – Id-dritt Amerikan isemmi “significant non-reputation related disadvantage”; T. McCormick, Op. cit., p. 567.


54 – Sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Procter & Gamble vs UASI (C‑473/01 P u C‑474/01 P, Ġabra p. I‑5173, punt 33); Storck vs UASI (iċċitata iktar ’il fuq, punt 25) u Eurohypo vs UASI (iċċitata iktar ’il fuq, punt 67).


55 – Sentenza Philips, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57, u s-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2007, Benetton Group (C‑371/06; Ġabra p. I‑7709, punti 24 sa 27).


56 – Fl-istess sens, U. Hildebrandt, Op. cit., p. 110.


57 – Sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, Imagination Technologies vs UASI (C‑542/07 P; Ġabra, p. I‑4937 punt 44).


58 – Punt 68 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


59 – Punt 75 supra.