Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-13 ta’ Mejju 2014 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Audiencia Nacional - Spanja) – Google Spain SL, Google Inc. vs Agencia de Protección de Datos (AEPD), Mario Costeja González

(Kawża C-131/12) 1

(Data personali – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ din id-data – Direttiva 95/46/KE – Artikoli 2, 4, 12 u 14 – Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae u territorjali – Muturi ta’ tfittxija fuq l-internet – Ipproċessar tad-data li tkun tinsab f’siti tal-internet – Tfittxija, elenkar f’indiċi u ħażna ta’ din id-data – Responsabbiltà tal-operatur tal-mutur ta’ tfittxija – Stabbiliment fit-territorju ta’ Stat Membru – Portata tal-obbligi ta’ dan l-operatur u tad-drittijiet tas-suġġett tad-data – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 7 u 8)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Audiencia Nacional

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Google Spain SL, Google Inc.

Konvenuti: Agencia de Protección de Datos (AEPD), Mario Costeja González

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari - Audiencia Nacional (Spanja) - Interpretazzjoni tal-Artikoli 2(b) u (d), 4(1)(a) u (ċ), 12(b) u 14(a) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355) - Kunċett ta’ stabbiliment fit-territorju ta’ Stat Membru - Kriterji rilevanti - Kunċett ta’ “użu ta’ tagħmir [...] li jkun jinsab fit-territorju tal-Istat Membru” - Ħażna limitata ratione temporis tal-informazzjoni elenkata f’indiċi mill-muturi ta’ tfittxija - Drittijiet għat-tneħħija u għall-ibblokkar tad-data

Dispożittiv

L-Artikolu 2(b) u (d) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi [persuni fiżiċi] fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, għandu jiġi interpretat fis-sens li, minn naħa, l-attività ta’ mutur ta’ tfittxija li tikkonsisti fit-tisjib ta’ informazzjoni ppubblikata jew imqiegħda fuq l-internet minn terzi, fl-elenkar b’mod awtomatiku ta’ din l-informazzjoni f’indiċi, fil-ħażna temporanja ta’ din l-informazzjoni u, fl-aħħar nett, fit-tqegħid ta’ din l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-utenti tal-internet skont ordni ta’ preferenza partikolari għandha titqies li hija “ipproċessar ta’ data personali”, fis-sens tal-punt (b) ta’ dan l-Artikolu 2, meta din l-informazzjoni tkun tinkludi data personali u, min-naħa l-oħra, l-operatur ta’ dan il-mutur ta’ tfittxija għandu jitqies li huwa l-“kontrollur” tal-imsemmi pproċessar, fis-sens tal-punt (d) tal-imsemmi Artikolu 2.

L-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 95/46 għandu jiġi interpretat fis-sens li pproċessar ta’ data personali jitwettaq fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ stabbiliment tal-kontrollur ta’ dan l-ipproċessar fit-territorju ta’ Stat Membru, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta l-operatur ta’ mutur ta’ tfittxija joħloq fi Stat Membru fergħa jew sussidjarja maħsuba sabiex tiżgura l-promozzjoni u l-bejgħ tal-ispazji ta’ reklamar proposti minn dan il-mutur u li l-attività tagħha tkun orjentata lejn ir-residenti ta’ dan l-Istat Membru.

L-Artikolu 12(b) u l-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 95/46 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, sabiex jiġu rrispettati d-drittijiet previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet u sakemm il-kundizzjonijiet previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet ikunu effettivament issodisfatti, l-operatur ta’ mutur ta’ tfittxija huwa obbligat ineħħi mil-lista ta’ riżultati, li tintwera wara tfittxija mwettqa fuq il-bażi tal-isem ta’ persuna, il-konnessjonijiet lejn paġni tal-internet, ippubblikati minn terzi u li jinkludu informazzjoni dwar din il-persuna, anki fil-każ fejn dan l-isem jew din l-informazzjoni ma jkunux tneħħew preċedentement jew simultanjament minn dawn il-paġni tal-internet, u dan, jekk ikun il-każ, anki meta l-pubblikazzjoni tagħhom fuq dawn il-paġni tkun, fiha nnifisha, leġittima.

L-Artikolu 12(b) u l-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 95/46 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jiġi eżaminat b’mod partikolari jekk is-suġġett tad-data għandux dritt li l-informazzjoni inkwistjoni dwar il-persuna tiegħu ma tibqax attwalment marbuta ma’ ismu permezz ta’ lista ta’ riżultati, li tintwera wara tfittxija mwettqa fuq il-bażi ta’ ismu, mingħajr ma huwa meħtieġ, sabiex jiġi kkonstatat tali dritt, li l-inklużjoni tal-informazzjoni inkwistjoni fil-lista ta’ riżultati tikkawża preġudizzju għal dan is-suġġett tad-data. Peress li dan tal-aħħar jista’, fid-dawl tad-drittijiet fundamentali tiegħu taħt l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, jitlob li l-informazzjoni inkwistjoni ma tibqax imqiegħda għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ġenerali permezz tal-inklużjoni tagħha f’tali lista ta’ riżultati, dawn id-drittijiet, bħala regola ġenerali, jipprevalu mhux biss fuq l-interess ekonomiku tal-operatur tal-mutur ta’ tfittxija, iżda wkoll fuq l-interess ta’ dan il-pubbliku li jkollu aċċess għall-imsemmija informazzjoni meta jwettaq tfittxija fuq il-bażi tal-isem ta’ dan is-suġġett tad-data. Madankollu, dan ma jkunx il-każ jekk jidher, għal raġunijiet partikolari bħalma huwa r-rwol li l-imsemmi suġġett tad-data jkollu fil-ħajja pubblika, li l-interferenza fid-drittijiet fundamentali tiegħu tkun iġġustifikata mill-interess superjuri tal-imsemmi pubbliku li jkollu, minħabba din l-inklużjoni, aċċess għall-informazzjoni inkwistjoni.

____________

1 ĠU C 165, 09.06.2012