Language of document : ECLI:EU:C:2012:295

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fil-15 ta’ Mejju 2012 (1)

Kawżi magħquda C‑581/10 u C‑629/10

Emeka Nelson,

Bill Chinazo Nelson,

Brian Cheimezie Nelson (C‑581/10)

vs

Deutsche Lufthansa AG

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht Köln (il-Ġermanja)]

u

TUI Travel plc,

British Airways plc,

easyJet Airline Co. Ltd,

International Air Transport Association,

The Queen (C‑629/10)

vs

Civil Aviation Authority

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) (ir-Renju Unit)]

“Trasport — Regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet — Dritt għal kumpens fil-każ ta’ dewmien ta’ titjira — Kompatibbiltà ta’ dan id-dritt mal-Konvenzjoni ta’ Montréal”





1.        Dawn il-kawżi jirrigwardaw l-interpretazzjoni u l-validità tal-Artikoli 5, 6 u 7 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 (2).

2.        Permezz tad-domandi li huma jagħmlu lill-Qorti tal-Ġustizzja, l-Amtsgericht Köln (il-Ġermanja) u l-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) (ir-Renju Unit), ifittxu li jsiru jafu, fir-realtà, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonfermax l-interpretazzjoni li hija tat lil dawn id-dispożizzjonijiet fis-sentenza tagħha tad-19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et (3), skont liema l-passiġġieri ta’ titjiriet imdewma jistgħu jiġu assimilati mal-passiġġieri ta’ titjiriet ikkanċellati għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dritt għal kumpens u jistgħu għaldaqstant jinvokaw id-dritt għal kumpens stabbilit fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 meta huma jsofru, minħabba titjira mdewma, telf ta’ ħin ta’ tliet sigħat jew iktar, jiġifieri meta huma jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom tliet sigħat jew iktar wara l-ħin tal-wasla inizjalment previst mit-trasportatur tal-ajru (4).

3.        F’dawn il-konklużjonijiet, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma din l-interpretazzjoni u tiddeċiedi li l-Artikoli 5, 6 u 7 ta’ dan ir-regolament huma kompatibbli mal-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru, iffirmata f’Montréal fid-9 ta’ Diċembru 1999 (5), mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif ukoll mal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Il-leġiżlazzjoni internazzjonali

4.        Il-Konvenzjoni ta’ Montréal ġiet approvata f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni 2001/539/KE (6) u daħlet fis-seħħ, f’dak li jikkonċerna l-Unjoni Ewropea, fit-28 ta’ Ġunju 2004.

5.        L-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal jipprovdi li t-trasportatur tal-ajru huwa responsabbli għad-dannu kkawżat minn dewmien fit-trasport bl-ajru tal-passiġġieri, tal-bagalji jew tal-merkanzija. Madankollu, dan it-trasportatur ma huwiex responsabbli għad-dannu kkawżat minn dewmien jekk huwa jipprova li huwa, is-servjenti u l-aġenti tiegħu ħadu l-miżuri kollha li setgħu raġonevolment jintalbu sabiex jevitaw id-dannu, jew li kien impossibbli għalihom jieħdu dawn il-miżuri.

6.        L-Artikolu 29 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal jipprovdi:

“Fit-trasport tal-passiġġieri, bagalji u merkanzija, kull azzjoni għal danni, tkun kif tkun fondata, kemm jekk taħt din il-Konvenzjoni, jew taħt kuntratt jew delitt jew xort’oħra, tista’ tinġieb biss bla ħsara għall-kondizzjonijiet u dawn il-limiti ta’ responsabbiltà kif stabbiliti f’din il-Konvenzjoni bla ħsara għall-kwistjoni dwar min huma l-persuni li għandhom id-dritt li jġibu l-azzjoni u x’inhuma d-drittijiet rispettivi tagħhom. F’kull azzjoni ta’ din ix-xorta, m’humiex rikoverabbli danni punitivi, eżemplari jew danni oħrajn non-kompensatorji.”

B –    Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

7.        Il-premessa 1 tar-Regolament Nru 261/2004 tindika li azzjoni mill-Komunità fil-qasam tat-trasport bl-ajru għandha b’mod partikolari tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri.

8.        Il-premessa 14 ta’ dan ir-regolament tipprovdi li l-obbligi tat-trasportaturi tal-ajru li joperaw għandhom ikunu limitati jew esklużi fil-każ li avveniment ġie kkawżat minn ċirkustanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk kienu ttieħdu l-miżuri kollha raġonevoli. Ċirkustanzi bħal dawn jistgħu, partikolarment, iseħħu f’każijiet ta’ instabbiltà politika, ta’ kundizzjonijiet meteoroloġiċi inkompatibbli mal-operazzjoni tat-titjira inkwistjoni, ta’ riskji relatati mas-sigurtà, ta’ nuqqasijiet mhux mistennijin fir-rigward tas-sigurtà tat-titjira kif ukoll ta’ strajkijiet li jaffettwaw l-operazzjoni ta’ trasportatur tal-ajru li jopera.

9.        Skont il-premessa 15 tal-imsemmi regolament, għandu jitqies li jeżistu ċirkustanzi straordinarji meta l-impatt ta’ deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru fir-rigward ta’ ajruplan partikolari fuq vjaġġ partikolari jikkawża dewmien twil, dewmien ta’ matul il-lejl, jew il-kanċellazzjoni ta’ titjira waħda jew iktar ta’ dan l-ajruplan, anki jekk ittieħdu l-miżuri raġonevoli kollha mit-trasportatur tal-ajru inkwistjoni biex jiġu evitati d-dewmien jew il-kanċellazzjonijiet.

10.      L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 261/2004 huwa fformulat kif ġej:

“1.      Fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri in kwistjoni għandhom:

[…]

b)      jiġu offruti assistenza mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 9(1)(a) u 9(2), kif ukoll, fil-każ ta’ għemil ta’ rotta differenti meta l-ħin tat-tluq raġonevolment mistenni tat-titjira ġdida hu mill-inqas il-ġurnata wara t-tluq kif kien ippjanat għat-titjira kkanċellata, l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 9(1)(b) u 9(1)(ċ) u

ċ)      jkollhom id-dritt għal kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 7 […]

3.      Trasportatur ta’ l-ajru li jopera m’għandux ikun obbligat iħallas kumpens skond l-Artikolu 7, jekk jista’ juri li l-kanċellazzjoni hi kkawżata minn ċirkostanzi staordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ġew meħudin.

[…]”

11.      L-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.   Meta trasportatur ta’ l-ajru li jopera jistenna b’mod raġonevoli li titjira tiġi mdewma lil hin mil-ħin tat-tluq tagħha skedat:

a)      għal sagħtejn jew aktar, fil-każ ta’ titjiriet ta’ 1 500 kilometru jew inqas; jew

b)      għal tlett sigħat jew aktar, fil-każ tat-tijiriet intra-Komunitarji kollha ta’ aktar minn 1500 kilometru u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1500 u 3500 kilometru; jew

ċ)      għal erba’ sigħat jew aktar, fil-każ tat-titjiriet kollha li ma jaqawx taħt (a) jew (b),

passiġġieri għandhom jiġu offruti mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera:

i)      l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 9(1)(a) u 9(2); u

ii)      meta l-ħin tat-tluq raġonevolment mistenni hu mill-inqas il-ġurnata wara l-ħin tat-tluq li kien imħabbar qabel, l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 9(1)(b) u 9(1)(ċ); u

iii)      meta d-dewmien hu ta’ mill-inqas ħames sigħat, l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 8(1)(a).

2.      Fi kwalunkwe każ, l-assistenza għandha tiġi offruta fil-limiti tal-ħin stabbiliti hawn fuq fir-rigward ta’ kull parentesi ta’ distanza.”

12.      L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004, intitolat “Dritt għall-kumpens”, jipprevedi, fil-paragrafu (1) tiegħu, kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa marbut mat-tul tat-titjira kkonċernata. Għalhekk, skont din id-dispożizzjoni, il-passiġġieri għandhom jirċievu kumpens li l-ammont tiegħu huwa ffissat għal EUR 250 għat-titjiriet kollha ta’ 1 500 km jew inqas, għal EUR 400 għat-titjiriet intra-Komunitarji kollha ta’ iktar minn 1 500 km kif ukoll għat-titjiriet l-oħra kollha ta’ bejn 1 500 u 3 500 km u għal EUR 600 għat-titjiriet kollha li ma jaqgħux fil-kategoriji preċedenti.

II – Il-fatti tal-kawżi prinċipali

A –    Il-Kawża C581/10

13.      E. Nelson kien għamel, għaż-żewġ uliedu u għalih, prenotazzjoni fuq it-titjira LH 565 Lagos-Frankfurt-am-Main tas-27 ta’ Marzu 2008 tal-10.50 ta’ filgħaxija. Fit-28 ta’ Marzu 2008, lejn is-2.00 ta’ filgħodu, din it-titjira ġiet ikkanċellata minħabba ħsara teknika li kienet taffettwa s-sistema ta’ navigazzjoni tar-roti ta’ quddiem tal-ajruplan. E. Nelson u ż-żewġ uliedu għalhekk raqdu f’lukanda. Fit-28 ta’ Marzu 2008, fl-4.00 ta’ waranofsinhar, huma twasslu mil-lukanda għall-ajruport, peress li l-ajruplan kien ġie ssostitwit b’ajruplan li kien ġej minn Frankfurt-am-Main (il-Ġermanja). It-titjira Lagos-Frankfurt-am-Main kienet finalment twettqet fid-29 ta’ Marzu 2008 fis-1.00 ta’ filgħodu. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li din it-titjira kellha l-istess numru tat-titjira, jiġifieri LH 565, kif ukoll, essenzjalment, l-istess passiġġieri li kienu għamlu prenotazzjoni fuq it-titjira tas-27 ta’ Marzu 2008. L-ajruplan wasal Frankfurt-am-Main fid-29 ta’ Marzu 2008 fil-7.10 ta’ filgħodu, jiġifieri b’dewmien ta’ iktar minn 24 siegħa mill-ħin inizjalment previst.

14.      E. Nelson iqis li dan id-dewmien jagħtih id-dritt, kif ukoll liż-żewġ uliedu, għall-benefiċċju tal-kumpens stabbilit fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 261/2004. Huwa għalhekk fetaħ kawża quddiem l-Amtsgericht Köln fejn talab li l-kumpannija tal-ajru Deutsche Lufthansa AG tiġi kkundannata tħallas, lil kull wieħed minnhom, is-somma ta’ EUR 600 abbażi tal-Artikolu 5(1)(ċ) ta’ dan ir-Regolament kif ukoll tal-Artikolu 7(1) tal-imsemmi regolament.

15.      Deutsche Lufthansa AG tqis li, peress li t-titjira twettqet, din ma tistax tiġi kklassifikata bħala “kkanċellata” fis-sens tar-Regolament Nru 261/2004. Dan huwa każ, għalhekk, ta’ dewmien ta’ titjira, li għalih dan ir-regolament ma jipprevedix kumpens.

16.      Minħabba d-deċiżjoni li kienet mistennija fil-kawżi magħquda li wasslet għas-sentenza Sturgeon et, iċċitati iktar ’il fuq, il-qorti tar-rinviju ssospendiet il-kawża. Din il-kawża tkompliet wara din is-sentenza. Madankollu, il-qorti tar-rinviju kien fadlilha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza mal-Konvenzjoni ta’ Montréal. Għalhekk, hija ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

B –    Il-Kawża C629/10

17.      Il-kawża prinċipali tressqet minn TUI Travel plc (iktar ’il quddiem, “TUI Travel”), British Airways plc, easyJet Airline Co. Ltd kif ukoll l-International Air Transport Association (Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasport bl-Ajru, iktar ’il quddiem, l-“IATA”) kontra s-Civil Aviation Authority (Awtorità tal-Avjazzjoni Ċivili, iktar ’il quddiem, is-“CAA”).

18.      TUI Travel għandha seba’ kumpanniji tal-ajru, ibbażati f’diversi Stati Membri. Dawn il-kumpanniji joperaw essenzjalment titjiriet charter f’isem TUI Travel, li l-attività prinċipali tagħha hija l-organizzazzjoni ta’ vjaġġi u ta’ tours. L-IATA hija organizzazzjoni kummerċjali internazzjonali li tiġbor madwar 230 kumpannija tal-ajru li jirrappreżentaw, huma nfushom, 93 % tat-traffiku internazzjonali regolari.

19.      Il-kawża prinċipali tnisslet minn talba mressqa mir-rikorrenti lis-CAA intiża sabiex jiġi kkonfermat li din tal-aħħar ma kinitx ser tinterpreta r-Regolament Nru 261/2004 fis-sens li dan jimponi obbligu fuq il-kumpanniji tal-ajru li jikkumpensaw lill-passiġġieri f’każ ta’ dewmien. Is-CAA rrifjutat li tikkonferma interpretazzjoni bħal din u indikat li hija kienet marbuta bis-sentenza Sturgeon et, iċċitata iktar ’il fuq. Għaldaqstant ir-rikorrenti ressqu kawża quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court). Din tal-aħħar iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja sensiela ta’ domandi preliminari.

20.      B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Novembru 2011, il-Kawżi C‑581/10 P u C‑629/10 ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali kif ukoll tas-sentenza.

III – Id-domandi preliminari

A –    Il-Kawża C581/10

21.      L-Amtsgericht Köln għamlet is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Id-dritt għal kumpens previst fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 jikkostitwixxi dritt għal danni fuq bażi li ma hijiex dik tal-kumpens fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 29 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal?

2)      X’relazzjoni hemm bejn, minn naħa, id-dritt għal kumpens ibbażat fuq l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 li jista’ jkun pretiż, skont is-sentenza [Sturgeon et, iċċitata iktar ’il fuq], mill-passiġġieri li jilħqu d-destinazzjoni finali tagħhom tliet sigħat jew iktar wara l-ħin tal-wasla inizjalment previst mit-trasportatur tal-ajru u, min-naħa l-oħra, id-dritt għal kumpens tad-danni kkawżati minn dewmien, previst fl-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, fid-dawl tal-esklużjoni, taħt it-tieni sentenza tal-Artikolu 29 ta’ din l-istess konvenzjoni, ta’ danni fuq bażi li ma hijiex dik tal-kumpens?

3)      Kif jista’ l-kriterju ta’ interpretazzjoni li fuqu hija bbażata s-sentenza Sturgeon et, iċċitata iktar ’il fuq, li jippermetti li d-dritt għal kumpens tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 jiġi estiż għal każijiet ta’ dewmien, jiġi rrikonċiljat mal-kriterju ta’ interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tapplika għal dan l-istess regolament fis-sentenza tagħha tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA (C-344/04, Ġabra p. I‑403)?”

B –    Il-Kawża C629/10

22.      Il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court), għamlet is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-Artikoli 5 sa 7 tar-Regolament [...] Nru 261/2004 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jeżiġu l-ħlas tal-kumpens previst fl-Artikolu 7 [ta’ dan ir-regolament] lill-passaġġieri li t-titjiriet tagħhom kellhom dewmien fis-sens tal-Artikolu 6 [tal-imsemmi regolament], u jekk dan huwa l-każ f’liema ċirkustanzi?

2)      Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta negattiva, l-Artikoli 5 sa 7 tar-Regolament [...] Nru 261/2004 huma invalidi, għalkollox jew parzjalment, minħabba ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali?

3)      Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta affermattiva, l-Artikoli 5 sa 7 tar-Regolament [...] Nru 261/2004 huma invalidi, għalkollox jew parzjalment, minħabba (a) inkompatibbiltà mal-Konvenzjoni ta’ Montréal, (b) ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, u/jew (ċ) ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali?

4)      Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta affermativa u t-tielet domanda tingħata risposta negattiva, x’limiti, jekk ikun il-każ, għandhom jiġu imposti fuq l-effett ratione temporis tas-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-każ?

5)      Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta negattiva, x’effett għandu jingħata, jekk ikun il-każ, lis-sentenza Sturgeon et, [iċċitata iktar ’il fuq], bejn id-19 ta’ Novembru 2009, id-data meta ngħatat, u d-data tas-sentenza li ser tingħata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-każ?”

IV – L-analiżi tiegħi

A –    Osservazzjonijiet preliminari

23.      Peress li wħud mid-domandi magħmula mill-Amtsgericht Köln u mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court), huma konnessi, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tittrattahom bil-mod segwenti.

24.      Qabelxejn, l-Amtsgericht Köln, permezz tat-tielet domanda tagħha, kif ukoll il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court), permezz tal-ewwel domanda tagħha, jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja, fir-realtà, tikkonferma l-interpretazzjoni li hija tat lill-Artikoli 5, 6 u 7 tar-Regolament Nru 261/2004 fis-sentenza, Sturgeon et, iċċitata iktar ’il fuq.

25.      Imbagħad, bit-tieni domanda tagħha, il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court), tistaqsi jekk, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra mill-ġdid il-ġurisprudenza tagħha Sturgeon et, iċċitata iktar ’il fuq, l-Artikoli 5, 6 u 7 ta’ dan ir-regolament humiex invalidi minħabba ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

26.      Sussegwentement, l-ewwel u t-tieni domandi magħmula mill-Amtsgericht Köln kif ukoll it-tielet domanda magħmula mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court), jirrigwardaw, essenzjalment, il-kompatibbiltà tal-Artikoli 5, 6 u 7 tal-imsemmi regolament mal-Konvenzjoni ta’ Montréal, sa fejn il-passiġġieri ta’ titjira mdewma jistgħu jitolbu l-kumpens stabbilit fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004, kif ukoll mal-prinċipju ta’ proporzjonalità u mal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

27.      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court), tfittex ukoll li ssir taf, essenzjalment, jekk is-sentenza li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tagħti f’dawn il-kawżi għandux ikollha l-effetti tagħha limitati ratione temporis fil-każ li hija tiddeċiedi li l-Artikoli 5, 6 u 7 ta’ dan ir-regolament għandhom jiġu interpretati fis-sens li t-trasportatur tal-ajru huwa obbligat iħallas kumpens lill-passiġġier li t-titjira tiegħu kienet iddewmet.

28.      Fl-aħħar nett, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati fis-sens li t-trasportatur tal-ajru ma huwiex obbligat iħallas kumpens lill-passiġġier li t-titjira tiegħu kienet iddewmet, il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court), permezz tal-ħames domanda tagħha, tistaqsi liema effett għandu jingħata lis-sentenza Sturgeon et, iċċitata iktar ’il fuq, bejn id-19 ta’ Novembru 2009, id-data meta ngħatat, u d-data tas-sentenza f’dawn il-kawżi.

B –    Fuq id-domandi preliminari

1.      Fuq id-dritt tal-passiġġier tal-ajru għal kumpens f’każ ta’ dewmien ta’ titjira

29.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità li tistħarreġ il-kwistjoni dwar jekk trasportatur tal-ajru kienx obbligat, bis-saħħa tal-Artikoli 5, 6 u 7 tar-Regolament Nru 261/2004, jikkumpensa lill-passiġġieri li t-titjiriet tagħhom ikunu ddewmu. Fil-fatt, fis-sentenza tagħha Sturgeon et, iċċitata iktar ’il fuq, hija ddeċidiet li dawn l-artikoli għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-passiġġieri ta’ titjiriet imdewma jistgħu jiġu assimilati mal-passiġġieri ta’ titjiriet ikkanċellati għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dritt għal kumpens u li b’hekk huma jistgħu jinvokaw id-dritt għal kumpens stipulat fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament meta huma jsofru, minħabba titjira mdewma, telf ta’ ħin ta’ tliet sigħat jew iktar, jiġifieri meta jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom tliet sigħat jew iktar wara l-ħin tal-wasla inizjalment previst mit-trasportatur tal-ajru (7).

30.      Madankollu, il-kawżi prinċipali juru r-rifjut tat-trasportaturi tal-ajru li japplikaw din is-sentenza u li jikkumpensaw lill-passiġġieri li jsibu ruħhom f’sitwazzjonijiet bħal dawn. Dawn it-trasportaturi jqisu, tabilħaqq, minn naħa, li l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha Sturgeon et, iċċitata iktar ’il fuq, lill-Artikoli 5, 6 u 7 tal-imsemmi regolament tikkontradixxi l-approċċ adottat fis-sentenza tagħha IATA u ELFAA, iċċitata iktar ’il fuq, u, min-naħa l-oħra, li l-Qorti tal-Ġustizzja marret lil hinn mill-kompetenzi tagħha.

31.      F’din l-aħħar sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet mitluba tiddeċiedi fuq il-validità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament Nru 261/2004 kinux invalidi għaliex ma kinux konformi mal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

32.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, iddeċidiet, fil-punt 76 tal-imsemmija sentenza, li “għalkemm il-preambolu ta’ att Komunitarju għandu mnejn jippreċiża l-kontenut ta’ l-istess att […] ma jistax jiġi invokat biex issir deroga għad-dispożizzjonijiet infushom ta’ l-att ikkonċenat”. Hija kompliet tispjega li, “ċertament, il-formulazzjoni [tal-premessa 14 u 15 tar-Regolament Nru 261/2004] tagħti l-impressjoni li, b’mod ġenerali, it-trasportatur bl-ajru li jopera għandu jinħeles mill-obbligi kollha tiegħu f’każ ta’ ċirkustanzi straordinarji, u tqajjem għaldaqstant ċerta ambigwità bejn l-intenzjoni hekk speċifikata mil-leġiżlatur Komunitarju u l-kontenut innifsu ta’ l-Artikoli 5 u 6 [ta’ dan ir-]Regolament […] li ma jagħtux natura daqstant ġenerali lil din l-iskuża ta’ responsabbiltà. Madankollu,tali ambigwità mhix tali li tirrendi inkoerenti d-dispożittiv adottat fuq il-bażi ta’ dawn iż-żewġ Artikoli, li huma per se mingħajr ebda ambigwità”.

33.      Il-Gvern tar-Renju Unit minn dan il-punt jiddeduċi li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Regolament Nru 261/2004 ma jipprevedi ebda obbligu ta’ ħlas ta’ kumpens lill-passiġġieri li t-titjira tagħhom kienet iddewmet u li din ma kkunsidratx li l-premessa 15 ta’ dan ir-regolament setgħet tintuża sabiex tiġi mmodifikata t-tifsira tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament (8). Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet żbaljata meta bbażat ir-raġunament tagħha fis-sentenza tagħha Sturgeon et, iċċitata iktar ’il fuq, fuq din il-premessa u kkonkludiet li kumpens jista’ wkoll ikun dovut fil-każ ta’ dewmien.

34.      Jiena ma naħsibx li analiżi bħal din tista’ tiġi dedotta mill-punt 76 tas-sentenza IATA u ELFAA, iċċitata iktar ’il fuq, u li l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Sturgeon et, iċċitata iktar ’il fuq, tikkontradixxi l-approċċ adottat fl-ewwel sentenza.

35.      Jeħtieġ, fil-fatt, li dan il-punt jitqiegħed fil-kuntest tiegħu. Fil-kawża li wasslet għas-sentenza IATA u ELFAA, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi, fil-fehma tiegħi, fuq il-validità tal-Artikoli 5, 6 u 7 tar-Regolament Nru 261/2004. Ir-rikorrenti jsostnu li dan tal-aħħar jipprevedi, b’mod inkonsistenti mal-premessi 14 u 15 tiegħu, li ċirkustanzi straordinarji jistgħu jillimitaw jew jeskludu r-responsabbiltà tat-trasportatur tal-ajru li jopera f’każ ta’ kanċellazzjoni jew ta’ dewmien twil ta’ titjiriet filwaqt li l-Artikoli 5 u 6 ta’ dan ir-regolament, li jirregolaw l-obbligi tagħhom f’każ bħal dan, ma jinkludux, ħlief fir-rigward tal-obbligu ta’ kumpens, tali skuża ta’ responsabbiltà (9).

36.      Dawn ir-rikorrenti kienu sorpriżi, fir-realtà, bin-nuqqas, fil-korp tat-test tar-Regolament Nru 261/2004, tal-eżenzjoni mill-obbligu ta’ assistenza u ta’ teħid ta’ kura tal-passiġġieri fil-każ ta’ dewmien ta’ titjira minħabba ċirkustanzi straordinarji. Skonthom, il-premessi 14 u 15 ta’ dan ir-regolament jindikaw li t-trasportatur tal-ajru għandu jiġi eżentat minn kull obbligu, ikun xi jkun, fil-każ ta’ ċirkustanzi straordinarji meta t-titjira mhux biss ġiet ikkanċellata, imma wkoll imdewma. Huma jargumentaw għalhekk li dawn il-premessi, moqrija flimkien mal-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, dwar id-dewmien ta’ titjira, jagħtu lok għal ċerta ambigwità, fatt li jikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali (10).

37.      Huwa fuq dan l-aspett li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 76 tas-sentenza tagħha IATA u ELFAA, iċċitata iktar ’il fuq, li ambigwità bħal din ma hijiex tali li tirrendi inkoerenti d-dispożittiv adottat fuq il-bażi tal-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament Nru 261/2004, li min-naħa tagħhom huma mingħajr ebda ambigwità. Fi kliem ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fil-fehma tiegħi, li l-ambigwità li tista’ tqum mill-qari tal-premessi 14 u 15 ta’ dan ir-regolament ma tbiddel xejn mill-fatt li huwa ċar, fil-korp tat-test, li l-iskuża ta’ ċirkustanzi straordinarja ma hijiex ta’ natura ġenerali, imma tapplika unikament għall-obbligu ta’ kumpens.

38.      Għalhekk, jiena ma naħsibx li minn din l-analiżi tista’ tinstilet il-konklużjoni li l-interpretazzjoni tal-Artikoli 5, 6 u 7 ta’ dan ir-regolament mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Sturgeon et, iċċitata iktar ’il fuq, tikkontradixxi l-approċċ li hija adottat fis-sentenza tagħha IATA u ELFAA, iċċitata iktar ’il fuq.

39.      Fuq il-prinċipju nnifsu ta’ kumpens lill-passiġġier tal-ajru li t-titjira tiegħu kienet iddewmet b’mill-inqas tliet sigħat, peress li l-partijiet fil-kawża prinċipali ma pproduċew ebda element ġdid li kapaċi jikkontesta l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tat lil dawn id-dispożizzjonijiet fis-sentenza Sturgeon et, iċċitata iktar ’il fuq, ma narax għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tmur lura minn din l-interpretazzjoni.

40.      F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja applikat il-metodu tal-interpretazzjoni teleoloġika tar-Regolament Nru 261/2004 (11). L-interpretazzjoni tal-Artikoli 5, 6 u 7 ta’ dan ir-regolament hija suġġerita mill-premessa 15 tiegħu u hija bbażata fuq l-għan innisfu tat-test li huwa, infakkar, dak li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni lill-passiġġieri tal-ajru irrispettivament mill-fatt jekk dawn ma tħallewx jitilgħu, jekk kienx hemm kanċellazzjoni jew dewmien ta’ titjira, peress li lkoll huma vittmi ta’ diffikultajiet u ta’ inkonvenjenzi serji simili marbuta mat-trasport bl-ajru (12).

41.      Il-Qorti tal-Ġustizzja wettqet, fir-realtà, interpretazzjoni a contrario tal-premessa 15 tar-Regolament Nru 261/2004. Din, fil-fatt, tindika li “ċirkostanzi straordinarji [u minħabba f’hekk ħelsien mill-obbligu ta’ kumpens] għandhom jiġu meqjusin li jeżistu fejn l-impatt ta’ deciżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku ta’ l-ajru fir-rigward ta’ inġenju ta’ l-ajru partikolari fuq ġurnata partikolari tikkawża dewmien twil, dewmien ta’ matul il-lejl, jew il-kanċellazzjoni ta’ titjira waħda jew iktar titjiriet ta’ dak l-inġenju ta’ l-ajru”. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet, fil-punt 43 tas-sentenza Sturgeon et, iċċitata iktar ’il fuq, li l-kunċett ta’ dewmien twil huwa wkoll marbut mal-kunċett ta’ kumpens.

42.      Barra minn hekk, kif il-Qorti tal-Ġustizzja indikat, fil-punt 47 tas-sentenza Sturgeon et, iċċitata iktar ’il fuq, skont prinċipju ġenerali ta’ interpretazzjoni, att Komunitarju għandu jiġi interpretat, sa fejn possibbli, b’mod li ma tiġix affettwata l-validità tiegħu. Bl-istess mod, meta dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ tiġi interpretata b’diversi modi, għandha tiġi ppreferuta dik li tiżgura li d-dispożizzjoni żżomm l-effettività tagħha.

43.      Issa, l-approċċ adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza huwa preċiżament intiż sabiex ma tiġix affettwata l-validità tal-Artikoli 5, 6 u 7 tar-Regolament Nru 261/2004 billi tintgħażel l-interpretazzjoni li tiżgura li dawn id-dispożizzjonijiet iżommu l-effettività tagħhom. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, li dan ir-regolament huwa intiż sabiex jikkumpensa, fost l-oħrajn, id-dannu li jikkonsisti, għall-passiġġieri kkonċernati, f’telf ta’ ħin li ma huwiex riparabbli, minħabba n-natura irreversibbli tiegħu, ħlief b’kumpens. Hija kkonkludiet li l-passiġġieri li t-titjira tagħhom kienet is-suġġett ta’ kanċellazzjoni u dawk affettwati minn dewmien ta’ titjira jsofru dannu simili, li jikkonsisti f’telf ta’ ħin, u għaldaqstant isibu ruħhom f’sitwazzjonijiet komparabbli għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dritt għal kumpens stipulat fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament (13).

44.      Għalhekk, ikun kuntrarju għall-prinċipju ta’ trattament ugwali li dawn il-passiġġieri jkunu ttrattati b’mod differenti, anki jekk huma jinsabu f’sitwazzjonijiet paragunabbli. Din hija r-raġuni għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 61 tas-sentenza Sturgeon et, iċċitata iktar ’il fuq, li l-passiġġieri li t-titjira tagħhom kienet iddewmet jistgħu jinvokaw id-dritt għal kumpens stabbilit fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004.

45.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li dewmien għandu jiġi kkunsidrat bħala twil, u jagħti lok għal kumpens bħal dan, meta l-passiġġieri jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom tliet sigħat jew iktar wara l-ħin tal-wasla oriġinarjament previst mit-trasportatur tal-ajru. Din l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “dewmien twil”, imsemmi fil-premessa 15 ta’ dan ir-regolament, kienet ukoll is-suġġett ta’ kritika min-naħa, b’mod partikolari, tat-trasportaturi tal-ajru u tal-avukati akkademiċi li jargumentaw li l-iffissar ta’ dan it-tul huwa arbitrarju u ma huwiex iġġustifikat f’dan ir-regolament.

46.      Jiena ma naqbilx ma’ din il-pożizzjoni. Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi, b’mod partikolari, li leġiżlazzjoni tkun ċara u preċiża, sabiex l-individwi jkunu jistgħu jagħrfu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom mingħajr ambigwità u jimxu skont dan it-tagħrif (14). Fir-rigward tas-sitwazzjonijiet tal-passiġġieri tal-ajru li t-titjira tagħhom kienet iddewmet u tat-trasportaturi tal-ajru, dan ifisser li tal-ewwel għandhom ikunu jistgħu jkunu jafu minn meta huma jistgħu jitolbu l-ħlas ta’ kumpens u li t-tieni għandhom ikunu jistgħu jkunu jafu minn meta huma obbligati jħallsu dan il-kumpens. L-iffissar ta’ limitu ta’ ħin jippermetti li jiġi evitat li l-qrati nazzjonali jevalwaw b’mod differenti l-kunċett ta’ dewmien twil u li dan ma jwassalx għal inċertezza legali (15). Passiġġieri li jkunu sofrew telf ta’ ħin ta’ erba’ sigħat jistgħu jingħataw kumpens f’ċerti Stati Membri imma mhux f’oħrajn, peress li ċerti qrati nazzjonali jiddeċiedu li dan id-dewmien huwa dewmien twil skont ir-Regolament Nru 261/2004, filwaqt li oħrajn iqisu li dan ma huwiex il-każ. Barra minn inċertezza legali, dan ikollu l-konsegwenza li joħloq inugwaljanzi bejn passiġġieri tal-ajru li madankollu jkunu f’sitwazzjonijiet identiċi.

47.      Fit-tieni lok, sabiex jiġi ddeterminat it-telf ta’ ħin li lil hinn minnu l-passiġġieri ta’ titjira mdewma jistgħu jitolbu l-ħlas ta’ kumpens, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq is-sitwazzjoni ta’ passiġġieri ta’ titjiriet ikkanċellati li tinbidel ir-rotta tagħhom skont l-Artikolu 5(1)(ċ)(iii) tar-Regolament Nru 261/2004, peress li s-sitwazzjoni tagħhom hija simili għal dik ta’ passiġġieri li t-titjira tagħhom kienet iddewmet u peress li ż-żewġ kategoriji ta’ passiġġieri huma informati, fil-prinċipju, fl-istess mument bl-inċident li jirrendi t-trasport tal-ajru iktar diffiċli (16). Barra minn hekk, dawn iż-żewġ kategoriji ta’ passiġġieri jaslu fid-destinazzjoni tagħhom wara l-ħin oriġinarjament previst u huma jsofru, konsegwentement, telf ta’ ħin simili (17). Il-Qorti tal-Ġustizzja sussegwentement irrilevat li l-passiġġieri li huma offruti rotta differenti skont l-Artikolu 5(1)(ċ)(iii) tar-Regolament Nru 261/2004 jingħataw id-dritt għal kumpens stipulat fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament meta t-trasportatur ma joffrilhomx rotta differenti permezz ta’ titjira li titlaq mhux iktar minn siegħa qabel il-ħin tat-tluq previst u li tasal fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn sagħtejn wara l-ħin tal-wasla previst. Dawn il-passiġġieri għalhekk jiksbu dritt għal kumpens meta jsofru telf ta’ ħin ta’ tliet sigħat jew iktar meta mqabbel mal-ħin li kien inizjalment previst mit-trasportatur (18).

48.      Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ikkonkludiet li l-passiġġieri ta’ titjiriet imdewma jistgħu jinvokaw id-dritt għal kumpens stipulat fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 meta huma jsofru, minħabba tali titjiriet, telf ta’ ħin ta’ tliet sigħat jew iktar, jiġifieri meta huma jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom tliet sigħat jew iktar wara l-ħin tal-wasla inizjalment previst mit-trasportatur tal-ajru (19).

49.      Konsegwentement, fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, jiena tal-fehma li l-Artikoli 5, 6 u 7 tar-Regolament Nru 261/2004 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-passiġġieri ta’ titjiriet imdewma jistgħu jiġu assimilati mal-passiġġieri ta’ titjiriet ikkanċellati għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dritt għal kumpens u li b’hekk jistgħu jinvokaw id-dritt għal kumpens stipulat fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament meta huma jsofru, minħabba t-titjira mdewma, telf ta’ ħin ta’ tliet sigħat jew iktar, jiġifieri meta jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom tliet sigħat jew iktar wara l-ħin tal-wasla inizjalment previst mit-trasportatur tal-ajru.

50.      Għalhekk, ma huwiex meħtieġ li tingħata risposta għat-tieni domanda magħmula mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court).

2.      Fuq il-kompatibbiltà tal-Artikoli 5, 6 u 7 tar-Regolament Nru 261/2004 mal-Konvenzjoni ta’ Montréal, mal-prinċipju ta’ proporzjonalità u mal-prinċipju ta’ ċertezza legali

51.      L-Amtsgericht Köln tistaqsi, essenzjalment, dwar kif id-dritt għal kumpens stabbilit fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 jirrelata mal-Artikoli 19 u 29 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet tal-aħħar jeskludu danni li jirriżultaw minn dewmien fit-trasport bl-ajru tal-passiġġieri li ma humiex kumpensatorji.

52.      Barra minn hekk, il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court), tistaqsi, fir-realtà, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-passiġġieri ta’ titjiriet imdewma jistgħu jitolbu l-kumpens stabbilit fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, jekk dik id-dispożizzjoni hijiex invalida, kollha jew parzjalment, minħabba inkompatibbiltà mal-Konvenzjoni ta’ Montréal, ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u/jew ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

53.      Rigward il-kompatibbiltà tad-dritt għal kumpens stabbilit fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament mal-Artikoli 19 u 29 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kull dewmien fit-trasport bl-ajru jista’ jikkawża, bħala regola ġenerali, żewġ tipi ta’ danni, jiġifieri, minn naħa, danni kważi identiċi għall-passiġġieri kollha li l-kumpens għalihom jista’ jieħu l-forma ta’ assistenza jew ta’ teħid ta’ kura, standardizzati u immedjati, għal dawk kollha kkonċernati, u min-naħa l-oħra, danni individwali, inerenti għar-raġuni tal-ivvjaġġjar tagħhom, li l-kumpens għalihom jirrikjedi evalwazzjoni każ b’każ tal-estent tad-danni kkaġunati u jista’ biss, konsegwentement, ikun kumpens a posteriori u individwalizzat (20).

54.      Il-Konvenzjoni ta’ Montréal għandha l-għan li tirregola l-kundizzjonijiet għall-kumpens ta’ dan it-tieni tip ta’ dannu (21). Peress li l-assistenza u t-teħid ta’ kura tal-passiġġieri stabbiliti fl-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 261/2004 f’każ ta’ dewmien twil ta’ titjira jikkostitwixxu miżuri ta’ kumpens standardizzati u immedjati, dawn ma jaqgħux fost dawk li din il-konvenzjoni tiffissa l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tagħhom (22).

55.      L-istess bħall-assistenza u t-teħid ta’ kura, il-kumpens taħt l-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament jikkostitwixxi miżura standardizzata u immedjata intiża sabiex tikkumpensa dannu li jikkonsisti, għall-passiġġier tal-ajru li, b’mod partikolari, it-titjira tiegħu kienet iddewmet, f’telf ta’ ħin irreversibbli (23). Dan huwa kkonfermat min-natura ta’ somma f’daqqa ta’ dan il-kumpens li l-ammont tiegħu jvarja mhux skont id-dannu individwali subit, imma skont id-distanza tat-titjira koperta jew li għandha tiġi koperta, kif ukoll minn natura ġenerali tiegħu għaliex dan huwa applikabbli indistintivament fir-rigward tal-passiġġieri kollha li jissodisfaw il-kundizzjonijiet sabiex jibbenefikaw minnu.

56.      Konsegwentement, l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 huwa, fil-fehma tiegħi, kompatibbli mal-Artikoli 19 u 29 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal.

57.      F’dak li jikkonċerna l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità tiddeċiedi fuq il-kompatibbiltà tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament ma’ dan il-prinċipju (24). Hija ddeċidiet, f’dan ir-rigward li l-miżuri previsti fl-Artikoli 5 u 6 ta’ dan ir-regolament (25) huma, minnhom infushom, ta’ natura li jikkumpensaw immedjatament uħud mid-danni subiti mill-passiġġieri tal-ajru f’każ ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjira, u jippermettu għalhekk li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-persuni kkonċernati, imfittex mir-Regolament Nru 261/2004 (26).

58.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li huwa paċifiku li l-estent tad-diversi miżuri magħżula mil-leġiżlatur tal-Unjoni jvarja skont is-sinjifikanza tad-danni subiti mill-passiġġieri, li hija evalwata jew skont it-tul tad-dewmien u tal-istennija għat-titjira li tkun tmiss, jew skont iż-żmien meħud sabiex il-persuni kkonċernati jiġu mgħarrfa bil-kanċellazzjoni tat-titjira. Il-kriterji hekk adottati sabiex jiġi ddeterminat id-dritt tal-passiġġieri li jibbenefikaw minn dawn il-miżuri xejn ma jidhru għaldaqstant li ma humiex relatati mar-rekwiżit ta’ proporzjonalità (27).

59.      Ċerti partijiet fil-kawża prinċipali, barra minn hekk, iressqu l-argument li l-kumpens tal-passiġġieri li t-titjira tagħhom kienet iddewmet iwassal għall-impożizzjoni ta’ piż finanzjarju arbitrarju u tqil iżżejjed fuq it-trasportaturi tal-ajru. Dan il-kumpens ikun sproporzjonat fid-dawl tal-għan imfittex mir-Regolament Nru 261/2004.

60.      F’dan ir-rigward, skont iċ-ċifri miġjuba għall-attenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea mill-Organizzazzjoni Ewropea għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni bl-Ajru (Eurocontrol), inqas minn 1.2 % tat-titjiriet jistgħu jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament dwar it-titjiriet imdewma. Barra minn hekk, inqas minn 0.5 % tat-titjiriet imdewma jittardjaw bi tliet sigħat jew iktar, kemm jekk id-dewmien huwa dovut għal ċirkustanzi straordinarji jew le. Il-proporzjon tat-titjiriet li d-dewmien tagħhom jagħti lok għall-kumpens stabbilit fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament huwa ta’ inqas minn 0.15 % (28).

61.      Il-frekwenza ta’ dewmien ta’ iktar minn tliet sigħat u li jagħti dritt għal dan il-kumpens għalhekk tidher limitata. L-effetti tal-kumpens dovut fil-każ ta’ dewmien ta’ iktar minn tliet sigħat ma jidhrulix, għalhekk, li huma sproporzjonati fid-dawl tal-għan tar-Regolament Nru 261/2004 li huwa, infakkar, dak li jiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri tal-ajru.

62.      Dan huwa partikolarment il-każ, kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Sturgeon et, iċċitata iktar ’il fuq, minħabba li t-trasportaturi tal-ajru ma humiex obbligati jħallsu kumpens jekk ikunu f’pożizzjoni jipprovaw li l-kanċellazzjoni jew id-dewmien twil huwa dovut għal ċirkustanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati minkejja li ttieħdu l-miżuri kollha raġonevoli, jiġifieri ċirkustanzi li fuqhom it-trasportatur tal-ajru ma għandux kontroll effettiv (29). Barra minn hekk, it-twettiq tal-obbligi skont ir-Regolament Nru 261/2004 huma bla ħsara għad-dritt tat-trasportaturi li jfittxu kumpens mingħand kull persuna li kkaġunat dewmien, inkluż terzi, skont l-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament (30). Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-ammont tal-kumpens dovut lill-passiġġier ta’ titjira mdewma, li jasal fid-destinazzjoni finali tiegħu tliet sigħat jew iktar wara l-ħin tal-wasla inizjalment previst, jista’ jitnaqqas b’50 %, skont l-Artikolu 7(2)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004 meta d-dewmien jibqa’, għal titjira li ma taqax taħt l-Artikolu 7(2)(a) u (b), inqas minn erba’ sigħat (31). Il-piż finanzjarju impost fuq it-trasportaturi tal-ajru fil-każ ta’ dewmien ta’ titjira ta’ iktar minn tliet sigħat jista’ għalhekk ikun ineżistenti jew kunsiderevolment imnaqqas.

63.      Konsegwentement, fid-dawl tal-preċedenti, jiena tal-fehma li l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 huwa kompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

64.      Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C629/10 tistaqsi, essenzjalment, jekk l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Sturgeon et, iċċitata iktar ’il fuq, hijiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

65.      Skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-Kawża C629/10, din l-interpretazzjoni tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali sa fejn din tikkontradixxi l-kliem ċar u inekwivoku tar-Regolament Nru 261/2004, l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni u s-sentenza IATA u ELFAA, iċċitata iktar ’il fuq.

66.      Għar-raġunijiet esposti fil-punti 31 sa 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet, inqis li din l-interpretazzjoni ma hijiex kuntrarja għall-prinċipju ta’ ċertezza legali.

67.      Fid-dawl tal-elementi preċedenti, jiena tal-fehma li l-Artikoli 5, 6 u 7 tar-Regolament Nru 261/2004 huma kompatibbli mal-Konvenzjoni ta’ Montréal, mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif ukoll mal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

3.      Fuq l-effetti ratione temporis tas-sentenza li għandha tingħata

68.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-Kawża C629/10 jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tillimita l-effetti ratione temporis tas-sentenza li għandha tingħata, fil-każ li tingħata risposta affermattiva u negattiva, rispettivament, lill-ewwel u lit-tielet domandi magħmula mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court), f’din il-kawża. Huma jixtiequ li l-Artikoli 5, 6 u 7 tar-Regolament Nru 261/2004 ma jkunux jistgħu jiġu invokati bħala bażi għal talbiet għal kumpens minn passiġġieri relatati ma’ titjiriet imdewma qabel id-data tas-sentenza li għandha tingħata f’dawn il-kawżi, ħlief fir-rigward tal-passiġġieri li diġà ressqu azzjoni ġudizzjarja għal dan il-kumpens f’din id-data.

69.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni mogħtija lilha mill-Artikolu 267 TFUE, tikkjarifika u tippreċiża s-sinjifikat u l-portata ta’ din ir‑regola, kif għandha jew kif kellha tinftiehem u tiġi applikata mill-mument li hija daħlet fis-seħħ. Minn dan jirriżulta li r-regola hekk interpretata tista’ u għandha tiġi applikata mill-qrati anki għal relazzjonijiet ġuridiċi mnissla u stabbiliti qabel is-sentenza li tiddeċiedi fuq it-talba għal interpretazzjoni jekk, barra minn hekk, il-kundizzjonijiet li jippermettu li titressaq kawża dwar l-applikazzjoni tal-imsemmija regola quddiem il-qrati kompetenti jkunu sodisfatti (32).

70.      Eċċezzjonalment, minħabba l-effetti serji li d-deċiżjoni tagħha jista’ jkollha fir-rigward tal-passat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tkun meħtieġa li tillimita l-possibbiltà għal kull parti kkonċernata li tinvoka l-interpretazzjoni li, meta adita permezz ta’ talba għal deċiżjoni preliminari, hija tagħti lil dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni (33).

71.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li jeħtieġ li neċessarjament ikun hemm mument uniku ta’ determinazzjoni tal-effetti ratione temporis tal-interpretazzjoni mitluba li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-prinċipju li limitazzjoni tista’ tiġi biss ammessa fis-sentenza stess li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni mitluba, jiggarantixxi t-trattament ugwali tal-Istati Membri u tal-individwi l-oħra suġġetti għad-dritt tal-Unjoni Ewropea u jissodisfa fl-istess ħin ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ ċertezza legali (34).

72.      F’dawn il-kawżi, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni sottomessi għal interpretazzjoni huma l-Artikoli 5, 6 u 7 tar-Regolament Nru 261/2004. Il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba, essenzjalment, tistabbilixxi jekk dawn id-dispożizzjonijiet għandhomx jiġu interpretati fis-sens li t-trasportatur tal-ajru huwa obbligat iħallas kumpens lill-passiġġieri li t-titjira tagħhom kienet iddewmet. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tiddeċiedi fuq din il-kwistjoni fis-sentenza Sturgeon et, iċċitata iktar ’il fuq (35), u dawn id-domandi preliminari huma intiżi biss sabiex jiġi magħruf, fil-verità, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonfermax l-interpretazzjoni li hija tat lill-imsemmija dispożizzjonijiet fl-imsemmija sentenza.

73.      Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma llimitatx ratione temporis l-effetti tal-imsemmija sentenza.

74.      Konsegwentement, ma hemmx lok, fil-fehma tiegħi, li jiġu limitati ratione temporis l-effetti tas-sentenza li għandha tingħata f’dawn il-kawżi.

75.      Sa fejn nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fl-affermattiv għall-ewwel domanda magħmula mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court), fil-Kawża C629/10, ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għall-ħames domanda magħmula minn din tal-aħħar.

V –    Konklużjoni

76.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi skont kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Amtsgericht Köln u mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court).

“L-Artikoli 5, 6 u 7 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

–        l-passiġġieri ta’ titjiriet imdewma jistgħu jinvokaw id-dritt għal kumpens stipulat fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 meta huma jsofru, minħabba titjira mdewma, telf ta’ ħin ta’ tliet sigħat jew iktar, jiġifieri meta huma jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom tliet sigħat jew iktar wara l-ħin tal-wasla previst mit-trasportatur tal-ajru.

–        dawn huma kompatibbli mal-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru, iffirmata f’Montréal fid-9 ta’ Diċembru 1999, mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif ukoll mal-prinċipju ta’ ċertezza legali.”


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 –      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 259/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).


3 – C402/07 u C432/07, Ġabra p. I10923.


4 – Punt 69.


5 – Iktar ’il quddiem, il-“Konvenzjoni ta’ Montréal”.


6 – Deċiżjoni tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2001, dwar il-konklużjoni tal-Komunità Ewropea tal-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru (Konvenzjoni ta’ Montréal) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 491).


7 – Punt 69 ta’ din is-sentenza.


8 – Punti 35 sa 38 tal-osservazzjonijiet tiegħu fil-Kawża C‑581/10.


9 – Ara l-punt 75 ta’ din is-sentenza.


10 – Ara, b’mod partikolari, il-punt 31 tal-osservazzjonijiet tal-European Low Fares Airline Association kif ukoll il-punti 132 sa 135 tal-osservazzjonijiet tal-IATA fil-kawża li wasslet għas-sentenza IATA u ELFAA, iċċitata iktar ’il fuq.


11 – Ara l-punti 41 u 42 tal-imsemmija sentenza.


12 – Ara l-punt 44 tas-sentenza Sturgeon et, iċċitata iktar ’il fuq.


13 – Ibidem (punt 54).


14 – Ara s-sentenza IATA u ELFAA, iċċitata iktar ’il fuq (punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).


15 – Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 88 sa 90 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża li wasslet għas-sentenza Sturgeon et, iċċitata iktar ’il fuq.


16 – Sentenza Sturgeon et, iċċitata iktar ’il fuq (punti 55 u 56).


17 – Ibidem (punt 56).


18 – Ibidem (punt 57).


19 – Ibidem (punt 61).


20 – Sentenza IATA u ELFAA, iċċitata iktar ’il fuq (punt 43). Ara, ukoll, is-sentenza Sturgeon et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 51).


21 – Sentenza IATA u ELFAA, iċċitata iktar ’il fuq (punt 44).


22 – Ibidem (punt 46).


23 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Sturgeon et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 52).


24 – Ara s-sentenza IATA u ELFAA, iċċitata iktar ’il fuq (punt 81).


25 – Dawn il-miżuri huma l-assistenza u t-teħid ta’ kura tal-passiġġieri, kif previst fl-Artikoli 8 u 9 tar-Regolament Nru 261/2004, kif ukoll il-kumpens, kif previst fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament.


26 – Sentenza IATA u ELFAA, iċċitata iktar ’il fuq (punt 84).


27 – Ibidem (punt 85).


28 – Ara d-dokument ta’ ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni, relatat mal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, tal-11 ta’ April 2011, dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet [SEC(2011) 428 finali]. Dan id-dokument huwa disponibbli bl-Ingliż.


29 – Ara l-punt 67 ta’ din is-sentenza.


30 – Punt 68 tal-imsemmija sentenza.


31 – Sentenza Sturgeon et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 63).


32 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2007, Meilicke et (C292/04, Ġabra p. I1835, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).


33 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2010, Brouwer (C577/08, Ġabra p. I7489, punt 33). Ara, ukoll, is-sentenza Meilicke et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 35).


34 – Sentenza Meilicke et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 37).


35 – Ara l-punt 69 ta’ din is-sentenza.