Language of document : ECLI:EU:F:2011:162

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tielet Awla)

28 ta’ Settembru 2011

Kawża F‑23/10

Finola Allen

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Sigurtà soċjali — Mard serju — Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal — Estensjoni tal-kopertura kontra r-riskji ta’ mard taħt l-Iskema Komuni ta’ Assigurazzjoni għas-Saħħa — Kriterju bbażat fuq l-assenza ta’ kopertura minn skema oħra”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEFA bis-saħħa tal-Artikolu 106A tiegħu, li permezz tiegħu Finola Allen titlob l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jirrifjutaw ir-rikonoxximent tal-eżistenza ta’ marda serja u l-estensjoni tal-kopertura kontra r-riskji ta’ mard taħt l-Iskema Komuni ta’ Assigurazzjoni għas-Saħħa tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjonijiet tat-30 ta’ Ġunju 2009, tas-17 ta’ Lulju 2009 u tas-7 ta’ Jannar 2010, li permezz tagħhom il-Kummissjoni rrifjutat li tirrikonoxxi li r-rikorrenti kienet issofri minn marda serja u rrifjutat li testendi l-kopertura kontra riskji ta’ mard tagħha, huma annullati. Il-kumplament tat-talbiet tar-rikors huma miċħuda. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż kollha.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rikors — Att li jikkawża preġudizzju — Kunċett — Ċaħda ta’ talba għal rikonoxximent tal-eżistenza ta’ marda serja — Rifjut li l-kopertura kontra riskji ta’ mard taħt l-Iskema Komuni ta’ Assigurazzjoni għas-Saħħa tiġi estiża — Inklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 72(1))

2.      Uffiċjali — Sigurtà soċjali — Assigurazzjoni għall-mard — Mard rikonoxxut bħala ta’ “gravità kumparabbli” ma’ dawk imsemmija b’mod espliċitu fl-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 72)

3.      Dritt tal-Unjoni — Interpretazzjoni — Testi plurilingwi — Interpretazzjoni uniformi — Teħid inkunsiderazzjoni tal-verżjonijiet lingwistiċi differenti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 72)

4.      Uffiċjali — Sigurtà soċjali — Assigurazzjoni għall-mard — Marda serja — Determinazzjoni — Kriterji

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 72)

5.      Uffiċjali — Rikors — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel — Deċiżjoni ta’ ċaħda — Sostituzzjoni tal-motivi tal-att ikkontestat

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

6.      Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri — Direttiva 2004/38 — Kundizzjonijiet tad-dritt ta’ residenza skont id-dritt tal-Unjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38, Artikolu 7)

1.      Ir-rikonoxximent tal-eżistenza ta’ marda serja jippermetti lill-persuna kkonċernata, b’applikazzjoni tal-punt 2 tal-Kapitolu 5 tat-Titolu III tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni dwar ir-rimbors tal-ispejjeż mediċi, adottati mill-Kummissjoni, li tibbenefika minn rimbors bir-rata ta’ 100 % tal-ispejjeż mediċi marbuta mal-marda inkwistjoni. Tali rikonoxximent jinkiseb wara talba f’dan is-sens, kif previst fil-punt 3 tal-Kapitolu 5 tat-Titolu III tal-imsemmija dispożizzjonijiet, meta l-marda inkwistjoni titqies li hija konformi mad-definizzjoni ta’ “mard serju” mogħtija fil-punt 1 tal-Kapitolu 5 tat-Titolu III tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni.

Barra minn hekk, f’każ ta’ rikonoxximent tal-eżistenza ta’ marda serja, il-konjuġi ddivorzjat ta’ uffiċjal jista’ jibbenefika, għall-ispejjeż mediċi marbuta ma’ din il-marda, minn estensjoni tal-kopertura mill-Iskema Komuni ta’ Assigurazzjoni għas-Saħħa tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, lil hinn mill-perijodu ta’ sena mid-data uffiċjali tad-divorzju, jekk huwa jissodisfa ċertu numru ta’ kundizzjonijiet kumulattivi previsti fil-punt 2 tal-Kapitolu 3 tat-Titolu I tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni.

Għaldaqstant, billi tkun ġiet adottata fi tmiem proċedura speċifika li twassal għal ċertu numru ta’ effetti fuq is-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata, deċiżjoni dwar rifjut li tiġi rrikonoxxuta l-eżistenza ta’ marda serja tikkostitwixxi, bħala tali, att li jikkawża preġudizzju lill-persuna li tkun ressqet talba f’dan is-sens. Fl-istess waqt, meta l-persuna li tkun għamlet talba f’dan is-sens tkun il-konjuġi divorzjat ta’ uffiċjal, tali deċiżjoni tista’ tkun il-bażi ta’ deċiżjoni distinta dwar rifjut li l-kopertura tagħha kontra r-riskji ta’ mard taħt l-Iskema Komuni ta’ Assigurazzjoni għas-Saħħa tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni tiġi estiża.

(ara l-punti 38 sa 40)

2.      Fir-rigward tar-rikonoxximent ta’ marda serja, il-kriterji msemmija fil-punt 1 tal-Kapitolu 5 tat-Titolu III tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni dwar ir-rimbors tal-ispejjeż mediċi, adottati mill-Kummissjoni, ma jidhrux manifestament mhux xierqa, jew żbaljati, fir-rigward tal-għan li għandu jintlaħaq, jiġifieri l-identifikazzjoni tal-mard ta’ gravità komparabbli ma’ dawk imsemmija b’mod espliċitu fl-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal.

Fil-fatt, qabelxejn, l-erba’ mardiet imsemmija b’mod espliċitu fl-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal jistgħu, f’ċertu numru ta’ każijiet, ikollhom konsegwenzi fiżiċi jew psikoloġiċi partikolarment serji, ta’ natura li jdumu jew kronika u jeħtieġu miżuri terapewtiċi qawwija li jeħtieġu li d-dianjożi li ssir minn qabel tingħata b’mod ċar, liema ħtieġa tirrikjedi analiżi jew investigazzjonijiet speċifiċi. Dan il-mard jista’ wkoll jesponi lill-persuna kkonċernata għal riskju ta’ diżabbiltà serja.

Barra minn hekk, mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 72(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li, anki jekk ikunu jaqgħu f’waħda mill-erba’ mardiet imsemmija b’mod espliċitu f’dan l-artikolu, huma biss il-każijiet li jkunu partikolarment serji li jistgħu jiġu kklassifikati bħala marda serja u għaldaqstant jippermettu li l-persuna kkonċernata tibbenefika mis-sistema iktar favorevoli applikabbli f’każ ta’ rikonoxximent ta’ tali marda.

L-imsemmija kriterji ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għan leġittimu li għandu jintlaħaq mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, liema leġiżlazzjoni għandha t-tendenza li tillimita l-għoti tad-diversi vantaġġi marbuta mar-rikonoxximent tal-eżistenza ta’ marda serja preċiżament għall-mard biss li jkunu partikolarment serji. Konsegwentement, il-punt 1 tal-Kapitolu 5 tat-Titolu III tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni ma jmorrux kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

(ara l-punti 49 sa 52)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 23 ta’ Novembru 2010, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, F-65/09, punti 51 sa 53 u 70, suġġetta għal appell pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T-85/11 P

3.      In-neċessità ta’ applikazzjoni u, għaldaqstant, ta’ interpretazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni teskludi li test jitqies waħdu f’wieħed mill-verżjonijiet tiegħu, iżda teżiġi li dan jiġi interpretat kemm skont ir-rieda vera tal-awtur tiegħu kif ukoll skont l-għan li għandu jintlaħaq minn dan ta’ l-aħħar, fid-dawl b’mod partikolari tal-verżjonijiet li saru bil-lingwi kollha tal-Unjoni.

(ara l-punt 57)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 30 ta’ Novembru 2009, Zangerl‑Posselt vs Il-Kummissjoni, suġġetta għal appell pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T-62/10 P

4.      Fir-rigward tal-evalwazzjonijiet mediċi magħmula mill-uffiċjal mediku jew mill-Kunsill mediku, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni ma jinkludix l-evalwazzjonijiet mediċi msemmija, liema evalwazzjonijiet għandhom jitqiesu bħala definittivi meta jkunu saru f’kundizzjonijiet regolari.

Il-kriterji tal-marda serja (taqsir tal-aspettattiva tal-għomor, żvilupp kroniku, neċessità ta’ miżuri dianjostiċi/terapewtiċi qawwija, preżenza jew riskju ta’ diżabbiltà serja) jaqgħu fil-kategorija tal-evalwazzjonijiet mediċi, peress li, sabiex jiddeċiedu dwar il-kwistjoni ta’ jew wieħed jew l-ieħor minn dawn il-kriterji humiex issodisfatti, l-uffiċjal mediku jew il-Kunsill mediku ma jikkonstatawx biss fatti iżda jwettqu evalwazzjoni vera u proprja tagħhom, liema evalwazzjoni teħtieġ kompetenza fil-qasam mediku.

Madankollu, minkejja li l-istħarriġ tagħha ma jinkludix l-evalwazzjonijiet strettament mediċi bħalma huma dawk li jirrigwardaw il-gravità ta’ marda, il-qorti għandha tiżgura, u dan iktar u iktar meta l-proċedura tkun tal-istess livell ta’ garanzija f’termini ta’ bilanċ bejn il-partijiet u l-proċeduri previsti fl-Artikoli 73 u 78 tar-Regolamenti tal-Persunal, li l-uffiċjal mediku jew il-Kunsill mediku wettqu eżami konkret u ddettaljat tas-sitwazzjoni li ġiet ippreżentata quddiemhom. Barra minn hekk, hija l-amministrazzjoni li għandha tistabbilixxi li tali evalwazzjoni twettqet.

Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-punt 1 tal-Kapitolu 5 tat-Titolu III tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni dwar ir-rimbors tal-ispejjeż mediċi, adottati mill-Kummissjoni, l-intenzjoni tal-awturi ta’ din id-dispożizzjoni, bħalma jixhed l-użu tal-espressjoni “tgħaqqad, fuq livelli varji, l-erba’ kriterji”, kienet li jiġu pprovduti ħjiel interdipendenti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fir-rigward ta’ bejn kull wieħed minnhom fil-konfront tal-oħrajn, mill-uffiċjal mediku jew mill-Kunsill mediku bl-għan li ssir evalwazzjoni globali dwar il-gravità tal-konsegwenzi tal-marda inkwistjoni u billi b’hekk titħalla libertà kbira lit-tobba fl-evalwazzjoni medika tas-sitwazzjonijiet partikolari li huma jinħtieġu jevalwaw.

L-uffiċjal mediku jew il-Kunsill mediku għaldaqstant ma jistgħux jeżaminaw talba għar-rikonoxximent tal-eżistenza ta’ marda serja billi kulma jagħmlu huwa li jeżaminaw, b’mod iżolat, uħud mill-kundizzjonijiet previsti fil-punt 1 tal-Kapitolu 5 tat-Titolu III tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni, jew saħansitra billi jillimitaw l-evalwazzjonijiet tagħhom għall-kundizzjonijiet biss li jidhrilhom li ma humiex issodisfatti. Għalhekk, minkejja li wieħed mill-kriterji jista’ jidher li ma huwiex issodisfatt meta jiġi eżaminat b’mod iżolat, l-eżami tiegħu fid-dawl tal-evalwazzjoni magħmula fuq il-kriterji l-oħra tista’ twassal għall-konklużjoni kuntrarja, jiġifieri li l-imsemmi kriterju huwa ssodisfatt, liema possibbiltà tipprojbixxi lill-uffiċjal mediku jew lill-Kunsill mediku milli jikkuntentaw bl-eżami ta’ kriterju wieħed biss.

Konsegwentement, hija l-qorti tal-Unjoni, fil-kuntest tal-istħarriġ limitat li hija teżerċita fuq l-opinjonijiet mogħtija mill-organi mediċi li jintervjenu matul il-proċedura ta’ rikonoxximent tal-eżistenza ta’ marda serja, li għandha tiżgura li dawn l-opinjonijiet ġew adottati abbażi ta’ eżami konkret u dettaljat tal-istat tas-saħħa tal-persuna kkonċernata, liema eżami jieħu inkunsiderazzjoni b’mod globali, hekk kif jirrikjedi l-punt 1 tal-Kapitolu 5 tat-Titolu III tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni, l-erba’ kriterji interdipendenti previsti mill-imsemmi punt.

(ara l-punti 73 u 75 sa 80)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 9 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs Bikhoff, T-377/08 P, punti 67 u 68

5.      Minkejja li, fis-sistema tar-rimedji ġudizzjarji prevista fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-amministrazzjoni tista’ titwassal sabiex, meta hija tiċħad l-ilment b’mod espliċitu, temenda r-raġunijiet li fuqhom hija tkun adottat l-att ikkontestat, tali emenda ma tistax isseħħ wara l-preżentata, quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tar-rikors kontra l-att ikkontestat. Barra minn hekk, fil-mori tal-kawża, l-amministrazzjoni ma hijiex awtorizzata tissostitwixxi motivazzjoni inizjali żbaljata b’motivazzjoni totalment ġdida.

(ara l-punt 98)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 12 ta’ Mejju 2010, Il‑Kummissjoni vs Meierhofer, T-560/08 P, punt 59

6.      L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/38, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, isemmi l-kundizzjonijiet fejn kull ċittadin tal-Unjoni jgawdi, taħt id-dritt tal-Unjoni, mid-dritt li jirrisjedi fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal iktar minn tliet xhur, mingħajr madankollu ma jxekkel milli Stat Membru joħroġ permess għal residenza lil ċittadin tal-Unjoni b’kundizzjonijiet iktar flessibbli.

(ara l-punt 106)