Language of document : ECLI:EU:C:2018:325

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

17 ta’ Mejju 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Dispożizzjonijiet fiskali – Dazji tas-sisa – Direttiva 92/83/KEE – Artikolu 3(1) – Alkoħol u xorb alkoħoliku – Birra – Birra aromatizzata – Grad Plato – Metodu ta’ kalkolu”

Fil-Kawża C-30/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Suprema Amministrattiva, il‑Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Ottubru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑20 ta’ Jannar 2017, fil-proċedura

Dyrektor Izby Celnej w Poznaniu

vs

Kompania Piwowarska S.A. w Poznaniu,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, C. Vajda, E. Juhász, K. Jürimäe u C. Lycourgos (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Diċembru 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għad-Dyrektor Izby Celnej w Poznaniu, minn M. Jurkowska u C. Komorowski, bħala aġenti, assistiti minn A. Toboła, radca prawny,

–        għal Kompania Piwowarska S.A. w Poznaniu, minn M. Gizicki, adwokat, u R. Pietrzak, doradca podatkowy,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u A. Kramarczyk – Szaładzińska, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Elleniku, minn G. Papadaki, E. Zisi, M. Tassopoulou u D. Tsagkaraki, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol, minn S. Jiménez García, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Perrin u Ł. Habiak, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-1 ta’ Frar 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-armonizzazzjoni ta’ l-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 206).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn id-Dyrektor Izby Celnej w Poznaniu (id-Direttur tal-Amministrazzjoni tad-Dwana ta’ Poznań, il-Polonja) u Kompania Piwowarska S.A. w Poznaniu (iktar ’il quddiem “Kompania Piwowarska) dwar il-kalkolu tal-ammont ta’ dazju tas-sisa dovut minn din il-kumpannija fuq il-bejgħ ta’ birer aromatizzati.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 92/83

3        Il-ħames u s-sitt premessi tad-Direttiva 92/83 jiddikjaraw:

“Billi, fil-każ tal-birra, hu possibbli li jkunu permessi metodi alternattivi għall-kalkolu tat-taxxa fuq il-prodott komplet [lest];

Billi, fil-każ tal-birra, hu possibbli fi ħdan ċerti limiti li l-Istati Membri jitħallew japplikaw it-taxxa għal faxex ta’ gravità ta’ iżjed minn grad wieħed Plato, dejjem sakemm l-ebda birra ma tkun prezzata b’rata inqas minn dik minima Komunitarja”.

4        L-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom japplikaw taxxa [dazju] tas-sisa fuq il-birra skont din id-Direttiva.”

5        L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, it-terminu ‘birra’ jkopri kwalunkwe prodott li jaqa’ fi ħdan il-kodiċi NM 2203 jew xi prodott ieħor li tkun tinsab fih taħlita ta’ birra ma’ xorb mhux alkoħoliku li jaqa’ fi ħdan il-kodiċi NM 2206, f’kull każ b’qawwa alkoħolika attwali skond il-volum li jeċċedi 0.5 % vol.”

6        L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 92/83 huwa fformulat kif ġej:

“It-taxxa [dazju] tas-sisa ntaxxata mill-Istati Membri fuq il-birra għandha tkun iffissata b’riferenza jew:

–        lejn in-numru ta’ ettolitri/gradi Plato,

jew

–        lejn in-numru ta’ ettolitri/gradi ta’ qawwa alkoħolika attwali skond il-volum

tal-prodott komplut [lest].”

7        L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“1.      L-Istati Membri jistgħu japplikaw rati mnaqqsa, li jistgħu jaqgħu taħt ir-rata minima, għal birra b’qawwa alkoħolika attwali skond il-volum li ma teċċedix it-2.8 % vol.

2.      L-Istati Membri jistgħu jillimitaw l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għal prodotti li jkollhom taħlita ta’ birra ma xorb mhux alkoħoliku li jaqa taħt il-kodiċi NM 2206.”

8        L-Artikolu 28 tad-Direttiva 92/83 jiddikjara:

“Ir-Renju Unit [tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq] jista’ jkompli japplika l-eżenzjonijiet li dan kien applika fl‑1 ta’ Jannar 1992 lill-prodotti segwenti:

–        xorb ikkonċentrat tax-xgħir li l-wort tiegħu qabel il-fermentazzjoni kienu ta’ gravità speċifika ta’ 1 200 tal-Gravità Oriġinali (47oPlato) jew iżjed;

[…]”

 Id-Direttiva 92/84/KEE

9        It-tieni u s-seba’ premessi tad-Direttiva tal-Kunsill 92/84/KEE tad‑19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-approssimazzjoni tar-rati tat-taxxa tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 213), jiddikjaraw:

“Billi d-Direttiva 92/83/KEE tistabbilixxi disposizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ l-armonizzazzjoni ta’ l-istrutturi tat-taxxi [dazji] tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku;

[…]

Billi l-metodi ta’ l-intaxxar tal-birra ġewwa l-Istati Membri jvarjaw, u hu possibbli li din il-varjazzjoni titħalla titkompla, b’mod partikolari billi tiġi ffissata rata minima mfissra bħala ħlas li għandu jsir u li għandu x’jaqsam kemm mal-gravità oriġinali kif ukoll mal-kontenut alkoħoliku tal-prodott”.

10      L-Artikolu 6 tad-Direttiva 92/84 jipprevedi:

“Mill-1 ta’ Jannar 1993, ir-rata minima ta’ taxxa [dazju] tas-sisa fuq il-birra għandha tiġi ffissata:

–        [EUR] 0.748 għal kull ettolitru/grad Plato, jew

jew

–        [EUR] 1.87 għal kull ettolitru/grad ta’ alkoħol

tal-prodott lest.”

 Id-dritt Pollakk

11      L-Artikolu 68 tal-ustawa o podatku akcyzowym (il-Liġi dwar id-Dazju tas-Sisa), tat‑23 ta’ Jannar 2004 (Dz. U. Nru 29, pożizzjoni 257), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, tipprovdi:

“1.      Għall-finijiet ta’ din il-liġi, ‘birra’ tfisser il-prodotti msemmija fil-punt 13 tal-Anness 2, kif ukoll il-prodotti kollha li jikkonsistu f’taħlita ta’ birra u xorb mhux alkoħoliku, li jaqgħu fil-kodiċi PKWiU 15.94.10 u fil-kodiċi NM 2206 00, li għandhom qawwa alkoħolika attwali ta’ iktar minn 0.5 % vol.

[…]

3.      L-ammont taxxabbli tal-birra jikkonsisti fin-numru ta’ ettolitri/gradi Plato tal-prodott lest.

4.      Ir-rata tad-dazju tas-sisa fuq il-birra tammonta sa 6.86 złoty Pollakk (PLN) (madwar EUR 1.63) għal kull ettolitru/grad Plato tal-prodott lest.

5.      Il-Ministru kompetenti fil-qasam tal-finanzi pubbliċi jistabbilixxi, permezz ta’ digriet, il-metodi ta’ kalkolu tal-ammont taxxabbli għall-birra, billi jieħu inkunsiderazzjoni l-ammonti taxxabbli applikabbli fl-Istati Membri.”

12      L-Artikolu 1(1) tar-rozporządzenie Ministra Finansów w sprawie sposobu ustalania podstawy opodatkowania piwa (id-Digriet tal-Ministru għall-Finanzi dwar il-Metodi ta’ Kalkolu tal-Ammont Taxxabbli għall-Birra), tal‑31 ta’ Marzu 2004, jistabbilixxi:

“Għall-finijiet ta’ kalkolu tal-ammont taxxabbli għall-birra, grad Plato 1 ifisser: volum ta’ 1 % ta’ estratt niexef ta’ wort ikkalkulat abbażi tal‑qawwa alkoħolika u tal-estratt reali fil-prodott lest.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

13      Kompania Piwowarska hija kumpannija stabbilita fil-Polonja li tipproduċi l-birra, inkluża l-birra aromatizzata, li taqa’ taħt il-pożizzjoni 2206 tan-Nomenklatura Magħquda u li hija mmanifatturata minn birra tradizzjonali, li magħha jiġu miżjuda, wara li ssir il-fermentazzjoni alkoħolika, xropp taz-zokkor, aromi u ilma.

14      F’dikjarazzjoni fiskali inizjali, Kompania Piwowarska ffissat l-ammont tad-dazju tas-sisa dovut għall-bejgħ ta’ birra aromatizzata billi ħadet inkunsiderazzjoni, fil-kalkolu intiż sabiex jiġu ddeterminati, skont il-formula ta’ Balling, il-gradi Plato ta’ din il-birra, l-ingredjenti li kienu ġew miżjuda wara li jkun sar il-proċess ta’ fermentazzjoni. Id-dazju tas-sisa, ikkalkolat fuq din il-bażi, tħallas minn din il-kumpannija.

15      Sussegwentement, l-imsemmija kumpannija bagħtet talba lill-awtorità fiskali intiża sabiex jiġi kkonstatat li tħallas dazju tas-sisa żejjed fuq il-bejgħ ta’ birer aromatizzati għax-xahar ta’ Novembru 2004, flimkien ma’ rettifika tad-dikjarazzjoni fiskali inizjali tagħha, fejn sostniet li l-metodu ta’ kalkolu tal-gradi Plato tal-birer aromatizzati tagħha, adottat fid-dikjarazzjoni inizjali tagħha, kien żbaljat. Skont Kompania Piwowarska, iz-zokkor, li kien jinsab fil-prodott lest, fil-fatt, imissu ġie eskluż mill-estratt reali tal-birra, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-formula ta’ Balling, fejn din tal-aħħar hija applikabbli biss għall-birra tradizzjonali, jiġifieri l-birra mingħajr adittivi.

16      Din it-talba għal konstatazzjoni ta’ ħlasijiet żejda ġiet miċħuda mill-awtorità fiskali tal-ewwel grad u peress li din iċ-ċaħda ġiet ikkonfermata mill-organu ta’ appell, Kompania Piwowarska ppreżentat rikors quddiem il-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Poznaniu (il-Qorti Amministrattiva tal-Provinċja ta’ Poznań, il-Polonja), li annullat kemm id-deċiżjoni tal-awtorità fiskali tal-ewwel grad kif ukoll dik tal-organu ta’ appell.

17      Id-Direttur tal-Amministrazzjoni tad-Dwana ta’ Poznań ippreżenta appell ta’ kassazzjoni kontra d-deċiżjoni tal-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Poznaniu (il-Qorti Amministrattiva tal-Provinċja ta’ Poznań).

18      Il-qorti tar-rinviju tosserva li, f’dan il-każ, il-piż tal-estratt tal-birra aromatizzata huwa ogħla minn dak tal-estratt niexef ta’ wort oriġinali, minħabba ż-żieda fil-gravità kkawżata biż-żieda ta’ xropp taz-zokkor u, f’ammonti iżgħar, ta’ aromi. Hija tqis li hija għandha tiddetermina jekk l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 92/83 jobbligax, meta l-ammont taxxabbli għall-birer aromatizzati tiġi kkalkolata skont il-grad Plato tagħhom, li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-estratt reali tal-prodott lest, inkluż l-estratt minn aromi miżjuda wara li jsir il-proċess ta’ fermentazzjoni, jew li ma jittiħdux inkunsiderazzjoni l-ingredjenti miżjuda wara li jkun sar dan il-proċess.

19      Din il-qorti tirrimarka li quddiemha għandha żewġ approċċi differenti. Skont l-ewwel approċċ, sostnut minn Kompania Piwowarska, il-kunċetti użati sabiex jiġi ddeterminat l-ammont taxxabbli tal-birra għandhom jiġu interpretati fis-sens tekniku tagħhom, li huwa marbut mas-settur tal-birrerija, u ma jistgħux jiġu mmodifikati minħabba raġunijiet fiskali. Issa, peress li grad Plato ekwivalenti għal 1 % tal-massa tal-estratt niexef tal-wort, huwa dan l-estratt biss, u mhux il-prodott finali, li għandu jservi bħala riferiment għad-determinazzjoni tal-grad Plato. Il-grad Plato tal-birer aromatizzati għandu, għalhekk, jiġi kkalkolat, permezz tal-formula ta’ Balling, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni ingredjenti miżjuda wara li jkun sar il-proċess ta’ fermentazzjoni. Din il-perspettiva tistrieħ fuq l-idea, li tirriżulta mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 92/83, li, meta d-dispożizzjonijiet tal-Unjoni jipprevedu l-possibbiltà li jiġu adottati żewġ metodi alternattivi ta’ kalkolu tal-ammont taxxabbli tal-birra, dawn iż-żewġ metodi għandhom iwasslu għal riżultati simili.

20      Skont it-tieni approċċ, sostnut mid-Direttur tal-Amministrazzjoni tad-Dwana ta’ Poznań, it-tassazzjoni skont il-gradi Plato għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-estratti kollha preżenti fil-prodott lest, inkluż iz-zokkor miżjud wara li jkun sar il-proċess ta’ fermentazzjoni. Dan l-approċċ jistrieħ fuq il-fatt li l-leġiżlatur ippreveda li l-gradi Plato huma ddeterminati fuq il-bażi tal-prodott lest. Dan l-approċċ ikun jippermetti li jiġi applikat l-istess trattament fiskali għall-birer bl-istess kwalità gustativa u l-istess qawwa alkoħolika, indipendentement mid-differenzi bejn it-teknoloġiji għall-produzzjoni tagħhom.

21      Peress li kellha dubji dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 92/83, in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Suprema Amministrattiva, il-Polonja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Fid-dawl tal-Artikolu 3(1) u tal-għanijiet tad-Direttiva [92/83], sabiex jiġi ddeterminat l-ammont taxxabbli għall-birer aromatizzati skont l-iskala ta’ Plato, l-estratt li jirriżulta mis-sustanzi aromatizzanti miżjuda wara l‑fermentazzjoni għandu jiżdied mal-estratt reali tal-prodott lest, jew tali estratt li jirriżulta mis-sustanzi miżjuda għandu jitwarrab għal kollox?”

 Fuq id-domanda preliminari

22      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 92/83 għandux jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont taxxabbli tal-birer skont l-iskala Plato, hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-estratt niexef tal-wort oriġinali jew l-estratt niexef tal-prodott lest li jinkludi aromi u xropp taz-zokkor miżjuda wara li jintemm il-proċess ta’ fermentazzjoni.

23      Preliminarjament, jeħtieġ, l-ewwel nett, li jitfakkar li, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 92/83, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu bejn żewġ metodi ta’ kalkolu tal-ammont taxxabbli tad-dazju tas-sisa dovut fuq il-birra, jiġifieri b’riferiment għan-numru ta’ ettolitri/grad Plato ta’ prodott lest jew b’riferiment għan-numru ta’ ettolitri skont il-qawwa alkoħolika skont il-volum tal-prodott lest.

24      Fil-każ tar-Repubblika tal-Polonja, mill-Artikolu 68(3) tal-Liġi dwar id-Dazju tas-Sisa tat‑23 ta’ Jannar 2004, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, mill-Artikolu 1(1) tad-Digriet tal-Ministru tal-Finanzi dwar il-Metodi ta’ Kalkolu tal-Ammont Taxxabbli għall-Birra tal‑31 ta’ Marzu 2004 kif ukoll mill-osservazzjonijiet bil-miktub tad-Direttur tal-Amministrazzjoni tad-Dwana ta’ Poznań, jirriżulta li dan l-Istat Membru għażel il-metodu ta’ kalkolu b’riferiment għan-numru ta’ ettolitri/grad Plato ta’ prodott lest.

25      It-tieni nett, jeħtieġ li jiġi ppreċiżat li, skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-birra aromatizzata inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija mmanifattrata minn birra tradizzjoniali, li magħha jiġu miżjuda, b’mod ġenerali wara ssir il-fermentazzjoni alkoħolika, xropp taz-zokkor u aromi.

26      It-tielet nett, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 44 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kunċett ta’ “wort oriġinali” jiġbor fih, sal-mument meta jibda l-proċess ta’ fermentazzjoni, it-taħlit kompost ta’ ilma u ingredjenti oħra tal-birra ppreparati għall-fermentazzjoni, bħax-xgħir u l-ħops. L-“estratt niexef tal-wort oriġinali” jikkonsisti fl-ingredjenti kollha tal-wort oriġinali minbarra l-ilma.

27      Fir-rigward tad-domanda magħmula, jeħtieġ li jiġi osservat li l-kunċett ta’ “grad Plato”, imsemmi fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 92/83, la huwa ddefinit f’din id-direttiva u lanqas f’atti oħra tal-Unjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tifsira ta’ dan il-kunċett għandha tiġi stabbilita konformement mas-sens komuni tiegħu, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintuża u l-għanijiet li jridu jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li minnu jagħmel parti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2017, Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs Frankfurt am Main, C‑568/15, EU:C:2017:154, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, huwa paċifiku li, skont is-sens komuni fis-settur tal-birrerija, l-iskala Plato tippermetti li tiġi kkalkolata l-perċentwali ta’ estratt niexef fil-massa tal-wort oriġinali, fejn grad Plato huwa ekwivalenti għal 1g ta’ estratt niexef għal kull 100g ta’ wort oriġinali. Għalhekk, hekk kif inhu normalment mifhum fis-settur tal-birrerija, il-grad Plato huwa kkalkolat mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-aromi u x-xropp ta’ zokkor miżjuda fil-birer aromatizzati wara l-proċess ta’ fermentazzjoni.

29      L-użu tat-termini “tal-prodott komplut [lest]” fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 92/83, ma huwiex tali li jqiegħed inkwistjoni din l-interpretazzjoni. Fil-fatt, kif tosserva ġustament il-Kummissjoni Ewropea, il-fatt li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 92/83 jirreferi għall-gradi Plato ta’ prodott lest ifisser li n-numru ta’ gradi Plato għandu jkun valur li jiddetermina karatteristika tal-prodott lest, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk dan in-numru ta’ gradi jitkejjilx fil-prodott lest jew fi stadju li jippreċedi l-proċess ta’ produzzjoni.

30      Issa, il-gradi Plato, li jkejlu l-estratt niexef fil-wort oriġinali użat għall-fermentazzjoni, ikomplu jikkaratterizzaw il-prodotti lesti kollha derivanti minn dan il-wort, sew jekk il-prodotti jkunux birra tradizzjonali sew jekk ikunu birra aromatizzata.

31      Fit-tieni lok, l-analiżi kuntestwali tikkonferma li, fil-kuntest tad-Direttiva 92/83, il-kalkolu tal-gradi Plato tal-birra aromatizzata ma jistax jieħu inkunsiderazzjoni l-aromi u x-xropp taz-zokkor miżjuda wara li jsir il-proċess ta’ fermentazzjoni.

32      F’dan ir-rigward, hemm lok li jsir riferiment, minn naħa, għall-ewwel inċiż tal-Artikolu 28 tad-Direttiva 92/83, li wkoll jagħmel użu mill-kunċett ta’ “gradi Plato”. Skont din id-dispożizzjoni, ir-Renju Unit jista’ jkompli japplika l-eżenzjonijiet fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 1992, dwar, b’mod partikolari, xorb ikkonċentrat tax-xgħir li l-wort tiegħu, qabel il-fermentazzjoni, kellu gravità ta’ 1 200 ta’ estratt oriġinali, jiġifieri 47 Plato, jew iktar.

33      Kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 93 u 96 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-imsemmi l-ewwel inċiż tal-Artikolu 28 jirriżulta b’mod ċar li, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, il-gradi Plato huma misluta mill-gravità tal-wort oriġinali, qabel il-fermentazzjoni tiegħu, u ma huwiex konċepibbli li, mingħajr ebda indikazzjoni f’dan is-sens, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jimponi, f’żewġ dispożizzjonijiet tal-istess direttiva, żewġ metodi differenti ta’ kalkolu tal-gradi Plato.

34      Min-naħa l-oħra, fl-interpretazzjoni kuntestwali tad-Direttiva 92/83, huwa ġustifikat li tittieħed inkunsiderazzjoni d-Direttiva 92/84 li tistabbilixxi r-rata minima tad-dazju tas-sisa fuq il-birra, li l-istruttura tagħha hija ddeterminata mill-ewwel waħda minn dawk id-direttivi. Jeħtieġ li jiġi osservat li s-seba’ premessa tad-Direttiva 92/84 tiddikjara li l-metodi ta’ tassazzjoni tal-birra jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor u tindika li jeħtieġ li tiġi awtorizzata ż-żamma ta’ din id-differenza, b’mod partikolari billi tiġi ffissata rata minima espressa jew b’rabta mal-gravità inizjali jew mal-ammont ta’ alkoħol fil-prodott.

35      Din ir-rata minima hija ffissata fl-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, skont in-numru ta’ ettolitri/grad Plato ta’ prodott lest jew skont in-numru ta’ ettolitri/grad ta’ alkoħol tal-prodott lest. Għalhekk, ir-riferiment għall-gravità inizjali tal-prodott, li jinsab fis-seba’ premessa tal-imsemmija direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li jirreferi għall-metodu ta’ kalkolu tad-dazju tas-sisa fuq il-birra skont il-gradi Plato tagħha, filwaqt li r-riferiment għall-ammont ta’ alkoħol fil-prodott, li jinsab fl-istess premessa, għandu jiġi interpretat fis-sens li jirreferi għall-metodu ta’ kalkolu tad-dazju tas-sisa fuq il-birra fid-dawl tal-gradazzjoni alkoħolika tagħha. Minn dan jirriżulta li l-gradi Plato għandhom jiġu kkalkolati, għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu 6, billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-gravità inizjali tal-birra, jiġifieri l-wort oriġinali tagħha.

36      Issa, iż-żewġ metodi ta’ ffissar tar-rata minima tad-dazju tas-sisa msemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 92/84 jikkorrispondu għaż-żewġ metodi ta’ determinazzjoni tad-dazju tas-sisa msemmija fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 92/83. Il-kliem “tal-prodott lest” jintużaw ukoll, bl-istess mod, f’dawn iż-żewġ artikoli.

37      Mill-argumenti preċedenti jirriżulta li, fid-dawl tas-sens komuni tiegħu u tal-kuntest li fih jintuża, il-kunċett ta’ “grad Plato”, imsemmi fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 92/83, għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi unità ta’ kejl li tirreferi għall-gravità inizjali tal-birra u, għaldaqstant, għall-wort oriġinali tagħha.

38      Fit-tielet lok, jeħtieġ li jiġi osservat li tali interpretazzjoni hija sostnuta wkoll bl-eżami tal-għanijiet li jridu jintlaħqu mill-qafas ġuridiku stabbilit mid-Direttivi 92/83 u 92/84.

39      Fil-fatt, id-Direttivi 92/83 u 92/84 huma intiżi sabiex jimponu livell minimu ta’ dazju tas-sisa għal kull ettolitru ta’ birra, sew jekk tkun aromatizzata sew jekk le, li togħla skont kemm ikun għoli l-ammont ta’ alkoħol fil-birra. Id-dazju tas-sisa previst minn dawn id-direttivi għaldaqstant għandu bħala għan, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 101 tal-konklużjonijiet tiegħu, li jintaxxa l-akoħol ikkonsmat.

40      B’hekk, l-Artikolu 2 u l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 92/83 jipprevedu, rispettivament, eżenzjonijiet mit-tassazzjoni għall-birer jew il-birer aromatizzati li l-perċentwali ta’ alkoħol ta’ ġo fihom tkun inqas minn 0.5 % mill-volum u l-applikazzjoni ta’ rati mnaqqsa, inferjuri għar-rata minima, għall-birra li l-ammont ta’ alkoħol ta’ ġo fih ma jaqbiżx 2.8 % mill-volum. Barra minn hekk, mit-tieni inċiż tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 92/84 jirriżulta li l-ammont minimu tad-dazju tas-sisa fuq il-birra, meta jiġi kkalkolat skont il-grad ta’ alkoħol tiegħu, huwa direttament proporzjonali għalih.

41      Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-bażi ta’ taxxa tad-dazju tas-sisa skont l-iskala Plato, huwa paċifiku bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali li, bħala prinċipju, iktar ma l-perċentwali ta’ estratt niexef tal-wort oriġinali jkun għoli, iktar ma l-birra li toħroġ minn dan il-wort oriġinali jkollu livell għoli ta’ alkoħol.

42      Min-naħa l-oħra, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 107 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-ingredjenti miżjuda wara l-fermentazzjoni ma għandhom ebda effett fuq l-ammont ta’ alkoħol li jkun jinsab fil-prodott lest. Għalhekk, il-kalkolu tal-gradi Plato ta’ birra aromatizzata billi mhux biss jittieħed inkunsiderazzjoni l-wort oriġinali, iżda wkoll l-aromi u x-xropp taz-zokkor li jkunu ġew miżjuda wara l-fermentazzjoni jista’ jwassal sabiex din il-birra tiġi ntaxxata b’mod iktar qawwi minn birra tradizzjonali li jkollha l-istess gradazzjoni alkoħolika.

43      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonjiet preċedenti, hemm lok li r-risposta għad-domanda magħmula tkun li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 92/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li, għad-determinazzjoni tal-bażi ta’ taxxa tal-birer aromatizzati skont l-iskala Plato, hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-estratt niexef tal-wort oriġinali mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-aromi u x-xropp taz-zokkor miżjuda wara li ssir il-fermentazzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

44      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE tad‑19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-armonizzazzjoni ta’ l-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku, għandu jiġi interpretat fis-sens li, għad-determinazzjoni tal-bażi ta’ taxxa tal-birer aromatizzati skont l-iskala Plato, hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-estratt niexef tal-wort oriġinali mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-aromi u x-xropp taz-zokkor miżjuda wara li ssir il-fermentazzjoni.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.