Language of document : ECLI:EU:C:2008:401

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fl-10 ta’ Lulju 2008 1(1)

Kawża C-304/07

Directmedia Publishing GmbH

vs

Albert-Ludwigs-Universität Freiburg

(Protezzjoni legali ta’ databases – Direttiva 96/9/KE – Kunċett ta’ “estrazzjoni” fl-Artikolu 7(2)(a) tad-Direttiva 96/9/KE)





1.        Il-Bundesgerichtshof (Qorti tal-Ġustizzja Federali) tal-Ġermanja jistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk it-trasferiment ta’ data minn database protetta skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 96/9/KE (iktar’il quddiem id-“Direttiva dwar il-protezzjoni ta’ databases”)(2) u l-inkorporazzjoni tagħha f’database differenti tistax tikkostitwixxi estrazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 7(2)(a) ta’ din id-direttiva anki meta d-data tiġi valutata individwalment wara konsultazzjoni tad-database qabel ma tiġi użata b’dak li-mod, jew jekk l-estrazzjoni skont it-tifsira ta’ din id-dispożizzjoni tkoprix sempliċement l-ikkopjar (fiżiku) ta’ data(3).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-Direttiva dwar il-protezzjoni ta’ databases

2.        Id-direttiva fiha l-premessi rilevanti li ġejjin:

“[…]

(7)      [...] biex isiru databases jeħtieġ li jkun hemm investiment kbir fir-riżorsi umani, tekniċi u finanzjarji, filwaqt li dawn id-databases jistgħu jkunu kkopjati jew milħuqa b’parti żgħira ta’ l-ispiża meħtieġa biex jitfasslu fl-oriġinal;

(8)      […] l-estrazzjoni mhux awtorizzata u/jew l-użu mill-ġdid tal-kontenut ta’ database jikkostitwixxu atti li jistgħu jkollhom konsegwenzi ekonomiċi u tekniċi serji;

(9)      […] databases huma għodda siewja fl-iżvilupp tas-suq ta’ l-informazzjoni fil-Komunità; […] din l-għodda għandha użu wkoll f’ħafna oqsma oħra;

(10)      […] t-tkabbir esponenzjali fil-Komunità u mad-dinja kollha, fl-ammont ta’ informazzjoni magħmulha u pproċessata kull sena fis-setturi kollha tal-kummerċ u ta’ l-industrija jitlob li jkun hemm investiment fl-Istati Membri kollha fis-sistemi avvanzati li jipproċessaw l-informazzjoni;

(11)      […] fil-preżent hemm żbilanċ kbir fil-livell ta’ investiment fil-qasam tad-databases kemm bejn l-Istati Membi u l-Komunità u pajjiżi terzi li l-aktar jipproduċu databases;

(12)      […] investiment bħal dan għal ħażna ta’ informazzjoni moderna u sistemi ta’ proċessar ma jseħħx fil-Komunità kemm-il darba ma jkunx hemm sistema ta’ protezzjoni legali stabbli u uniformi għall-protezzjoni tad-drittijiet ta’ dawk li jagħmlu databases;

[…]

(17)      […] l-kelma ‘database’ għandha tinftiehem li tinkludi kollezzjonijiet letterarji, artistiċi, mużikali, jew kollezzjonijiet oħra ta’ xogħlijiet jew kollezzjonijiet ta’ materjal ieħor bħal testi, ħoss, immaġini, numri, fatti u data; [...] din għandha tinkludi kollezzjonijiet ta’ xogħlijiet indipendenti, data jew materjal ieħor li jkunu rranġati b’mod sistematiku jew metodoloġiku [metodiku] u jkunu aċċessibbli individwalment […];

(18)      […] l-protezzjoni ta’ databases, bi dritt sui generis, hija bla ħsara għal drittijiet eżistenti fuq il-kontenut tagħhom, […] b’mod partikolari, meta awtur jew min ikollu dritt relatat iħalli xogħlijiet jew suġġetti oħra tiegħu li jkunu nklużi f’database bis-saħħa ta’ ftehim mhux esklussiv, terza persuna tista’ tagħmel użu minn dawk ix-xogħlijiet jew suġġetti skond il-kunsens meħtieġ ta’ l-awtur jew ta’ min ikollu dan id-dritt mingħajr ma jkun jiddependi fuq id-dritt sui generis ta’ min ikun għamel id-database biex ma jħallihiex tagħmel hekk, bil-kondizzjoni li dawk ix-xogħlijiet jew suġġetti ma jinħarġux mid-database jew użati mill-ġdid għal dik ir-raġuni;

[…]

(21)      […] l-protezzjoni mogħtija b’din id-Direttiva tirreferi għal databases li fihom xogħlijiet, data jew materjal ieħor li jkunu rranġati b’mod sistematiku jew metodoloġiku; […] mhux meħtieġ li dawk il-materjali jkunu nħażnu fiżikament b’mod organizzat;

[…]

(26)      […] x-xogħlijiet protetti bid-dritt ta’ l-awtur u suġġetti oħra protetti bi drittijiet relatati, li huma nkorporati f’database jibqgħu madankollu protetti bid-drittijiet esklussivi rispettivi u ma jistgħux ikunu nkorporati fi, jew meħuda mid-database mingħajr il-permess tat-titulari tad-dritt jew is-suċċessur tiegħu fit-titolu;

(27)      […] d-dritt ta’ l-awtur f’xogħlijiet bħal dawn u drittijiet relatati f’suġġetti hekk inkorporati f’database ma jkunu bl-ebda mod affettwati mill-eżistenza ta’ dritt separat fl-għażla jew fl-arranġament ta’ dawn ix-xogħlijiet u suġġetti f’database;

[…]

(38)      […] ż-żieda fl-użu tat-teknoloġija ta’ reġistrazzjoni diġitali tqiegħed lil min jagħmel id-database għar-riskju li l-kontenut tad-database tiegħu jista’ jiġi kkopjat u rranġat mill-ġdid b’mod elettroniku, mingħajr l-awtorizzazzjoni tiegħu, sabiex issir database ta’ kontenut identiku li, iżda, ma jiksirx xi dritt ta’ l-awtur fl-arranġament tad-database tiegħu;

(39)      […] flimkien ma’ l-għan li jkun protett id-dritt ta’ l-awtur fl-għażla oriġinali jew l-arranġamenti tal-kontenut ta’ database, din id-Direttiva għandha tara li titħares il-pożizzjoni ta’ dawk li jagħmlu databases kontra misappropjazzjoni tar-riżultati ta’ l-investiment finanzjarju u professjonali magħmul għall-kisba u kollezzjoni tal-kontenut, billi tipproteġi database kollha jew parti sewwa minnha kontra ċerti atti ta’ min jużaha jew ta’ kompetitur;

[…]

(42)      […] d-dritt speċjali li ma jħallix li ssir estrazzjoni mhux awtorizzata u/jew użu mill-ġdid jirreferi għal atti ta’ min jagħmel użu li jmur ‘il hinn mid-drittijiet leġittimi tiegħu u għalhekk jagħmel ħsara lill-investiment; [...] d-dritt li ma jħallix li ssir estrazzjoni u/jew użu mill-ġdid tal-kontenut kollu jew parti sewwa minnu jirreferi mhux biss għall-manifattura ta’ prodott parassitiku kompetitur, iżda wkoll għal kull min jagħmel użu li permezz tiegħu ssir ħsara kbira kwalitattiva jew kwantitattiva lill-investiment;

(43)      […] fil-każ ta’ trasmissjoni on-line d-dritt li ma jsirx użu mill-ġdid ma jkunx eżawrit, kemm għal database u kemm għal kopja materjali tad-database jew ta’ parti minnha, jekk issir minn min jirċievi t-trasmissjoni bil-kunsens tat-titulari tad-dritt;

[…]

(45)      […] d-dritt li ma titħalliex li ssir estrazzjoni mhux awtorizzata u/jew użu mill-ġdid bl-ebda mod ma jikkostitwixxi estensjoni tal-protezzjoni tad-dritt ta’ l-awtur għal sempliċi fatti jew data;

[…]

(48)      […] l-mira ta’ din id-Direttiva, li jingħata livell xieraq u uniformi ta’ protezzjoni ta’ databases bħala mezz li jassigura l-ħlas li min ikun għamel id-database, huwa differenti għall-finijiet [mill-finijiet] tad-Direttiva 95/46/KE […] [(4)], li huwa li jiggarantixxi ċ-ċirkolazzjoni libera ta’ data personali skond regoli armonizzati mfassla biex jipproteġu drittijiet fundamentali, partikolarment d-dritt għal privatezza, li huwa rikonoxxut fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali; [...] d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva huma bla ħsara għal liġijiet ta’ protezzjoni ta’ data;

[…]”

3.        L-Artikolu 1(1) jiddefinixxi l-portata tad-direttiva bħala “il-protezzjoni legali ta’ databases ta’ kull xorta”.

4.        Fl-Artikolu 1(2) “database” tfisser “kollezzjoni ta’ xogħlijiet indipendenti, data jew materjali oħra irranġati b’mod sistematiku jew metodiku u aċċessibbli individwalment b’mezzi elettroniċi jew b’mezzi oħra”.

5.        L-Artikolu 3(1) jipprovdi li “databases li, minħabba l-għażla jew l-arranġament tal-kontenut tagħhom, jikkostitwixxu kreazzjoni intellettwali ta’ l-awtur innifsu għandhom ikunu protetti bid-dritt ta’ l-awtur. L-ebda kriterji oħra m’għandhom ikunu applikati biex tkun stabbilita l-eliġibilità tagħhom għal dik il-protezzjoni”.

6.        L-Artikolu 7 jistabbilixxi protezzjoni sui generis għal databases:

“1.   Stati Membri għandhom jipprovdu għal dritt għal min jagħmel database li juri li jkun sar investiment sostanzjali kwalitattiv u/jew kwantitattiv fil-kisba, verifika jew preżentazzjoni tal-kontenut biex ma titħalliex li ssir estrazzjoni u/jew użu mill-ġdid tiegħu kollu jew parti sostanzjali minn, valutat b’mod kwalitattiv u/jew kwantitattiv, tal-kontenut ta’ dik id-database.

2.     Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu:

(a)      ‘estrazzjoni’ tfisser it-trasferiment permanenti jew temporanju tal-kontenut kollu jew parti sostanzjali minnu ta’ database lil apparat ieħor b’kull mezz jew f’kull forma;

(b)      ‘użu mill-ġdid’ tfisser kull mod li jagħmel disponibbli lill-pubbliku l-kontenut kollu jew parti sostanzjali minnu ta’ database permezz tad-distribuzzjoni ta’ kopji, kiri, trasmissjoni on-line jew modi oħra ta’ trasmissjoni. L-ewwel bejgħ fil-Komunità ta’ kopja tad-database mit-titulari tad-dritt jew bil-kunsens tiegħu jeżawrixxi d-dritt li jkun hemm kontroll tal-bejgħ mill-ġdid ta’ dik il-kopja fil-Komunità;

[…]

4.     Id-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 għandu japplika wkoll jekk dik id-database ma tkunx eliġibbli għal protezzjoni bid-dritt ta’ l-awtur jew bi drittijiet oħra. Barra dan, dan għandu japplika wkoll jekk il-kontenut ta’ dik id-database ma jkunx eliġibbli għall-protezzjoni bid-dritt ta’ l-awtur jew bi drittijiet oħra. Il-protezzjoni ta’ databases skond id-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 għandha tkun bla ħsara għal drittijiet li jkun hemm fir-rigward tal-kontenut tagħhom.

5.     L-estrazzjoni u/jew l-użu mill-ġdid ta’ sikwit [ripetuti] u sistematika [sistematiċi] ta’ partijiet żgħar [mhux sostanzjali] tal-kontenut tad-database li jġibu magħhom [jippresupponu] atti kuntrarji għall-użu normali ta’ dik id-database jew li jagħmlu ħsara irraġonevoli lill-interessi leġittimi ta’ min ikun għamel id-database m’għandhomx jitħallew isiru.”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti

7.        L-Artikolu 87a tal-Urheberrechtsgesetz (“UrhG”) (Liġi Ġermaniża dwar id-dritt tal-awtur)(5) jistipula:

“(1)      Database skont dan l-Att tfisser kollezzjoni ta’ xogħlijiet, data jew elementi oħra indipendenti irranġati b’mod sistematiku jew metodiku li l-elementi tagħha jkunu aċċessibbli individwalment b’mezzi elettroniċi jew b’mezzi oħra, u li l-kisba, verifika jew preżentazzjoni tagħha teħtieġ investiment sostanzjali kwalitattiv u/jew kwantitattiv. Database li l-kontenut tagħha jkun tbiddel b’mod li huwa kwalitattivament jew kwantitattivament sostanzjali tiġi meqjusa li hija database ġdida bil-kundizzjoni li t-tibdil jinvolvi investiment kwalitattivament jew kwantitattivament sostanzjali.

(2)      Min jagħmel database skont it-tifsira ta’ dan l-Att huwa dak li għamel l-investiment iddefinit fis-subparagrafu 1.”

8.        L-Artikolu 87b tal-UrhG jipprovdi:

“(1)      Min jagħmel database għandu d-dritt esklużiv li jirriproduċi, jiddistribwixxi u jikkomunika lill-pubbliku d-database sħiħa jew parti kwalitattivament jew kwantitattivament sostanzjali minnha. Ir-riproduzzjoni, id-distribuzzjoni jew il-komunikazzjoni ripetuta jew sistematika lill-pubbliku ta’ partijiet kwalitattivament jew kwantitattivament mhux sostanzjali tad-database għandhom jitqiesu bħala ekwivalenti għar-riproduzzjoni, għad-distribuzzjoni jew għall-komunikazzjoni ta’ parti kwalitattivament jew kwantitattivament sostanzjali tad-database bil-kondizzjoni li dawn l-atti jmorru kontra l-użu normali tad-database jew jippreġudikaw b’mod mhux raġonevoli l-interessi leġittimi ta’ dak li għamel id-database.

[…]”(6).

 Il-kuntest fattwali u d-domanda rrinvjata

9.        Il-Professur Dr Ulrich Knoop huwa professur fid-Dipartiment tal-Ġermaniż I tal-Albrecht-Ludwigs-Universität Freiburg (l-“Università ta’ Freiburg”). Huwa jiddirieġi l-proġett intitolat il-“vokabolarju tal-klassiċi” (Klassikerwortschatz), li wassal għall-pubblikazzjoni tal-Antoloġija ta’ Freiburg, kollezzjoni ta’ poeżiji mill-1720 sal-1933.

10.      Bħala parti mill-proġett intitolat il-“vokabolarju tal-klassiċi”, il-Professur Knoop għamel lista ta’ titoli ta’ poeżiji li ġiet ippubblikata fuq l-Internet bit-titolu “L-iktar 1100 poeżija importanti fil-letteratura Ġermaniża bejn l-1730 u l-1900” (Die 1100 wichtigsten Gedichte der deutschen Literatur zwischen 1730 und 1900)(7), li serviet bħala bażi għall-Antoloġija ta’ Freiburg. Il-lista tagħti, fl-ordni tal-frekwenza li biha tissemma l-poeżija(8), l-awtur, it-titolu, il-vers tal-ftuħ u s-sena tal-pubblikazzjoni ta’ kull poeżija.

11.      L-għażla ta’ poeżiji li fformat il-bażi tal-lista ġiet ikkompilata kif ġej. Minn xi 3 000 antoloġija ta’ poeżiji ppubblikati, intagħżlu 14. Din l-għażla ġiet supplimentata bil-kompilazzjoni biblijografika ta’ 50 antoloġija bil-Ġermaniż minn Anneliese Dühmert bit-titolu “Min kiteb din il-poeżija?” (Von wem ist das Gedicht?). B’kollox, dan wassal għal xi 20 000 poeżija. Poeżiji li kienu inklużi f’tal-inqas tliet antoloġiji jew issemmew f’tal-inqas tliet okkażjonijiet fil-kompilazzjoni bibliografika ta’ A. Dühmert ikkwalifikaw biex jiġu inklużi fil-lista. Bħala prekundizzjoni għal din l-analiżi statistika, it-titoli u l-versi tal-ftuħ tal-poeżiji ġew standardizzati u ġiet ikkompilata lista tat-titoli tal-poeżiji kollha. Fl-aħħar nett, il-poeżiji ngħataw referenza għax-xogħlijiet li fihom ġew ippubblikati u ġiet stabbilita s-sena tal-kompożizzjoni tagħhom.

12.      Ix-xogħol biex tiġi kkompilata l-lista, li twettaq minn Klemens Wolber u mill-assistenti tiegħu taħt id-direzzjoni globali tal-Professur Knopp, ħa bejn wieħed u ieħor sentejn u nofs biex jitlesta. L-ispejjeż totali ta’ EUR 34 900 nħarġu mill-Università ta’ Freiburg.

13.      Directmedia Publishing GmbH (iktar’il quddiem “Directmedia”) tikkummerċjalizza CD-ROM intitolata “1000 poeżija li kulħadd għandu jkollu” (1000 Gedichte, die jeder haben muss), li nħarġet fl-2002. Mill-poeżiji fuq is-CD-ROM, 876 huma mill-perijodu 1720-1900 u, minn dawn, 856 jidhru fit-titoli tal-poeżiji ġġenerati mill-proġett intitolat il-“vokabolarju tal-klassiċi”.

14.      Fl-għażla tal-poeżiji biex jiġu inklużi fis-CD-ROM tagħha, Directmedia użat bħala gwida l-lista tat-titoli ta’ poeżiji mill-proġett intitolat il-“vokabolarju tal-klassiċi”. Hija eżaminat bir-reqqa l-għażla li saret mill-Professur Knoop, u ħalliet barra xi wħud mill-poeżiji elenkati u żiedet xi oħrajn tal-għażla tagħha. Directmedia ħadet it-testi attwali tal-poeżiji mir-riżorsi diġitali tagħha stess.

15.      Il-Professur Knoop u l-Università ta’ Freiburg ħadu l-pożizzjoni li, bir-riproduzzjoni u d-distribuzzjoni tas-CD-ROM tagħha, Directmedia kienet kisret id-dritt tal-awtur tal-Professur Knoop bħala kompilatur ta’ antoloġija u d-dritt relatat tal-Università ta’ Freiburg bħala dik li għamlet database. Għalhekk huma talbu li tingħata ordni li tobbliga lil Directmedia biex tieqaf milli tirriproduċi u/jew tiddistribwixxi s-CD-ROM intitolat “1000 poeżija li kulħadd għandu jkollu”. Huma talbu wkoll li jiġu kkumpensati għad-danni minn Directmedia, kif ukoll li tingħata ordni li tobbligaha tagħti l-informazzjoni u tikkunsinna l-kopji kollha tal-kollezzjoni ta’ poeżiji tagħha li kellha fil-pussess tagħha biex jiġu distrutti.

16.      Madankollu, Directmedia argumentat li hija nfisha kienet ġabret għas-CD-ROM tagħha l-iktar poeżiji popolari mill-perijodu 1720-1900. Biex waslet għal din l-għażla, hija kienet użat biss il-lista ta’ titoli ta’ poeżiji mill-proġett intitolat il-“vokabolarju tal-klassiċi”, u dan sempliċement bħala referenza. Hija kienet applikat kriterji ta’ għażla addizzjonali, bħal jekk poeżiji individwali kinux imsemmija f’enċiklopediji letterarji. Hija kienet iddatat ukoll il-poeżiji b’mod indipendenti. Fil-fehma tagħha, in-nuqqas ta’ sforz kreattiv involut fl-għażla u fl-arranġament tal-materjal irrenda l-lista ta’ titoli ta’ poeżiji mill-proġett intitolat il-“vokabolarju tal-klassiċi” xogħol li ma setax jiġi protett bid-dritt tal-awtur. Barra dan, il-ġabra ta’ data ma kinitx, bħala tali, database skont it-tifsira tal-Artikolu 87a tal-UrhG.

17.      Il-Landgericht (Qorti Reġjonali) iddeċieda favur il-Professur Knoop u l-Università ta’ Freiburg.

18.      L-appell ta’ Directmedia quddiem l-Oberlandesgericht ġie miċħud. Hija appellat fuq punt ta’ liġi lill-Bundesgerichtshof.

19.      Il-Bundesgerichtshof, f’sentenza preliminari tiegħu, ċaħad l-appell mis-sentenza mogħtija favur il-Professur Knoop(9). Huwa mbagħad għadda biex jikkunsidra l-appell mis-sentenza mogħtija favur l-Università ta’ Freiburg.

20.      L-Università ta’ Freiburg tissottometti li Directmedia kisret id-drittijiet tagħha bħala dik li għamlet id-database skont l-Artikoli 97(1) u 98(1)(10) flimkien mal-Artikoli 87a u 87b tal-UrhG. Dawn id-dispożizzjonijiet iddaħħlu fl-UrhG biex tiġi trasposta d-Direttiva dwar il-protezzjoni ta’ databases. Il-qorti ta’ rinviju għalhekk tieħu l-pożizzjoni li l-eżitu tal-appell ta’ Directmedia jiddependi fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(2)(a) ta’ din id-direttiva.

21.      Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-lista ta’ titoli ta’ poeżiji “L-iktar 1100 poezija importanti fil-letteratura Ġermaniża bejn l-1730 u l-1900” ippubblikata fuq l-Internet tikkostitwixxi database skont it-tifsira tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva dwar il-protezzjoni ta’ databases. (11) Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra wkoll li l-Università ta’ Freiburg tgawdi dritt sui generis fir-rigward ta’ din id-database, billi għamlet investiment sostanzjali fil-kisba, fil-verifika u fil-preżentazzjoni tal-kontenut tagħha.

22.      Il-qorti tar-rinviju tistqarr li, bħala l-bażi għall-għażla ta’ poeżiji fuq is-CD-ROM tagħha, Directmedia għamlet użu ripetut u sistematiku ta’ partijiet sostanzjali tad-data inkluża fid-database tal-Università ta’ Freiburg. L-għażla tal-poeżiji għall-perijodu 1720-1900 tikkorrispondi kważi eżattament għal-lista ta’ titoli ta’ poeżiji tal-Università ta’ Freiburg: minn 876 poeżiji ta’ dak il-perijodu, 856 (kważi 98 %) kienu diġà elenkati fid-database tal-Università ta’ Freiburg. Directmedia nfisha kisbet it-testi attwali tal-poeżiji, peress li l-lista tal-Università ta’ Freiburg kienet tagħti biss it-titoli.

23.      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, skont il-konstatazzjonijiet tal-qorti tal-appell, Directmedia użat il-lista ta’ titoli ta’ poeżiji tal-Università ta’ Freiburg sempliċement bħala gwida fl-għażla tal-poeżiji għas-CD-ROM tagħha. Directmedia infisha eżaminat b’mod kritiku kull poeżija magħżula mill-Università ta’ Freiburg. B’riżultat ta’ dan, hija ħalliet barra xi poeżiji li kienu jinsabu fil-lista ta’ titoli ta’ poeżiji u żiedet oħrajn. Id-domanda għalhekk hija jekk l-użu tal-kontenut ta’ database b’dan il-mod (wara evalwazzjoni individwali) madankollu jikkostitwixxix estrazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 7(2)(a) tad-Direttiva dwar il-protezzjoni ta’ databases.

24.      Kummentaturi akkademiċi jieħdu l-pożizzjoni li d-dritt sui generis li jgawdi dak li għamel database ma jintitolahx li ma jħallix isir użu mid-database tiegħu bħala sors ta’ informazzjoni, anki jekk b’dan il-proċess partijiet sostanzjali tad-data jittieħdu gradwalment mid-database u jiġu inkorporati f’database differenti. Id-dritt għal protezzjoni jista’ jiġi invokat biss jekk il-kontenut kollu tad-database (jew partijiet sostanzjali minnu) jiġu ttrasferiti “fiżikament”, jiġifieri, jiġu kkopjati fuq apparat ieħor. Il-qorti tar-rinviju ssib sostenn għal dan l-approċċ fil-premessi 38, 42, 45, u 48 tal-preambolu tad-direttiva, fit-termini tal-Artikolu 7(2)(a) innifsu, fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja The British Horseracing Board, fil-perċezzjoni tagħha tal-għan u tas-suġġett speċifiku tad-dritt sui generis, f’ċerti siltiet mill-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Stix-Hackl fil-kawża Svenska Spel(12) u fl-interessi taċ-ċertezza legali. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tirrikonoxxi li interpretazzjoni differenti hija wkoll possibbli.

25.      Il-Bundesgerichtshof għalhekk għamel id-domanda li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Il-fatt li tittieħed data minn database protetta (skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 96/9/KE) għal database oħra jista’ jikkostitwixxi estrazzjoni fis-sens tal-Artikolu 7(2)(a) tal-imsemmija direttiva meta dan it-teħid isir abbażi ta’ konsultazzjoni tad-database u wara evalwazzjoni individwali, jew estrazzjoni fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni tippresupponi proċess ta’ kkopjar (fiżiku) ta’ ġabra ta’ data?”

26.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Directmedia u mill-Università ta’ Freiburg, mill-Gvern Taljan, u mill-Kummissjoni.

27.      Essenzjalment, Directmedia tissottometti li “estrazzjoni” skont it-tifsira tal-Artikolu 7(2)(a) tad-direttiva teħtieġ li d-database tiġi direttament jew indirettament ikkopjata fiżikament. Ma jkun hemm l-ebda estrazzjoni jekk id-database tintuża biss bħala sors ta’ informazzjoni. L-Università ta’ Frieburg (sostnuta mill-Italja u mill-Kummissjoni) tieħu l-pożizzjoni kuntrarja, u tissottometti li “estrazzjoni” abbażi ta’ konsultazzjoni preċedenti tad-database u evalwazzjoni individwali tad-data xorta hija “estrazzjoni”.

28.      L-ebda seduta ma ntalbet li ssir u l-ebda seduta ma saret.

 Evalwazzjoni

29.      L-ikkopjar dirett ta’ database sħiħa jew ta’ partijiet sostanzjali minnha minn apparat għal ieħor kjarament jikkostitwixi estrazzjoni(13). Is-sempliċi konsultazzjoni ta’ database mingħajr ebda trasferiment ta’ data daqstant ieħor kjarament ma jikkostitwixxix estrazzjoni(14). L-użu minn Directmedia tad-database tal-Università ta’ Freiburg jidher li jaqa’ x’imkien bejn dawn iż-żewg punti tal-ispettru.

30.      Il-qorti tar-rinviju essenzjalment tieħu l-pożizzjoni li t-termini tal-Artikolu 7(2)(a) tad-direttiva, is-suġġett u l-għan tad-dritt sui generis ilkoll kemm huma jimmilitaw favur interpretazzjoni stretta tal-kunċett ta’ ‘estrazzjoni’, jiġifieri, ristretta għall-ikkopjar “fiżiku” tal-kontenut kollu ta’ database jew ta’ partijiet sostanzjali minnu għal apparat ieħor. Għalhekk se neżamina dawk it-tliet elementi wara xulxin.

 It-termini tal-Artikolu 7(2)(a) tad-Direttiva dwar il-protezzjoni ta’ databases

31.      L-Artikolu 7(2)(a) tad-direttiva jiddefinixxi “estrazzjoni” bħala “it-trasferiment permanenti jew temporanju tal-kontenut kollu jew parti sostanzjali minnu ta’ database lil apparat ieħor b’kull mezz jew [f’]kull forma”.

32.      Fis-sentenza The British Horseracing Board, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-użu, fl-Artikolu 7(2), ta’ espressjonijiet bħal “b’kull mezz jew [f’]kull forma” (fid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “estrazzjoni”) u “kull mod li jagħmel disponibbli lill-pubbliku” (fid-definizzjoni ta’ “użu mill-ġdid”) jindika li l-leġiżlatur Komunitarju xtaq jiddefinixxi dawn il-kunċetti b’mod wiesa’. Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet tgħid li, fid-dawl tal-għan tad-direttiva, dawn it-termini għalhekk “għandhom jiġu interpretati fis-sens li jirreferu għal kull att li jikkonsisti, rispettivament, fl-appropjazzjoni jew fit-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, mingħajr il-kunsens tal-persuna li tkun bniet id-database, tar-riżultati tal-investiment ta’ din il-persuna li b’hekk iwassal sabiex din tal-aħħar tkun imċaħħda mid-dħul li kellu jagħmel tajjeb għall-investiment magħmul”(15).

33.      Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li dawn it-termini jissuġġerixxu li m’hemmx estrazzjoni meta utent li jikkonsulta database elettronika jittraskrivi data mill-iskrin u jinkorporaha, wara evalwazzjoni individwali, f’database differenti. Fil-fehma tagħha “estrazzjoni” tirreferi għal proċess li permezz tiegħu, b’“atti ta’ kkopjar”, id-data inkorporata ġewwa database tiġi “trasferita” f’apparat ieħor. Il-premessa 38 issostni din l-interpretazzjoni, peress li tgħid li “ż-żieda fl-użu tat-teknoloġija ta’ reġistrazzjoni diġitali tqiegħed lil min jagħmel id-database għar-riskju li l-kontenut tad-database tiegħu jista’ jiġi kkopjat u rranġat mill-ġdid b’mod elettroniku, mingħajr l-awtorizzazzjoni tiegħu, sabiex issir database ta’ kontenut identiku […]”(16).

34.      Fil-fehma tiegħi, il-qorti tar-rinviju b’hekk tillimita l-kunċett ta’ “estrazzjoni” b’żewġ modi. Minn banda waħda, hija tintroduċi kriterju kwalitattiv, jiġifieri l-isforz intellettwali li tagħmel il-persuna li tikkopja l-informazzjoni mid-database, u tqis li, meta dan il-kriterju jiġi sodisfatt, m’hemm ebda estrazzjoni. Mill-banda l-oħra, hija torbot il-kunċett ta’ “estrazzjoni” ma’ tifsira partikolari (limitata) ta’ xi jfisser “ikkopjar” ta’ data minn database.

35.      L-ebda waħda minn dawn il-limitazzjonijiet m’hija konvinċenti.

36.      L-ewwel nett, il-fatt li l-Artikolu 7(1) jipprojbixxi l-estrazzjoni tal-kontenut tad-database “kollu jew parti sostanzjali minn[u]”(17) jimplika li għall-inqas isir ċertu grad ta’ għażla u eżami kritiku, jekk xejn biex jiġi stabbilit liema partijiet għandhom jiġu estratti. Bl-istess mod (kif ġie rrilevat mill-Università ta’ Freiburg) il-projbizzjoni fl-Artikolu 7(5) tal-“estrazzjoni u/jew l-użu mill-ġdid ta’ sikwit [ripetuti] u sistemati[ċi] ta’ partijiet żgħar [mhux sostanzjali] tal-kontenut tad-database” tippresupponi xi evalwazzjoni individwali tal-elementi li għandhom jiġu estratti. Meta l-utent jiddeċiedi li jikkopja d-database kollha f’daqqa, dan jista’ jkun li jkun sar wara li jkun ġie eżaminat il-kontenut kollu tagħha u ġie deċiż li kollu kemm hu kien jimmerita li jiġi estratt.

37.      Kif tosserva ġustament il-Kummissjoni, il-fatt li Directmedia “eżaminat b’mod kritiku” l-kontenut tad-database tal-Università ta’ Freiburg jista’ jkun rilevanti biex jiġi stabbilit jekk is-CD-ROM ta’ Directmedia huwiex (min-naħa tiegħu) ir-riżultat ta’ “kreazzjoni intellettwali” tagħha skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1) tad-direttiva jew jekk jikkostitwixxix ir-riżultat ta’ “investiment sostanzjali kwalitattiv u/jew kwantitattiv” fis-sens tal-Artikolu 7(1) tad-direttiva, biex jagħti lok għal protezzjoni tas-CD-ROM taħt id-dritt tal-awtur jew id-dritt sui generis, rispettivament. Madanakollu, anki li kieku kien hekk, dan ma setax jippreġudika d-dritt sui generis (preċedenti) tal-Università ta’ Freiburg. F’dan il-kuntest il-Kummissjoni tislet parallel mal-Artikolu 2(3) tal-Konvenzjoni ta’ Berna(18), li jipprovdi li “traduzzjonijiet, adattamenti, arranġamenti ta’ mużika u alterazzjonijiet oħrajn ta’ xogħol letterarju jew artistiku” għandhom jiġu protetti bħala xogħol oriġinali bla preġudizzju għad-dritt tal-awtur għax-xogħol oriġinali.

38.      It-tieni nett, mhuwiex ċar għalija fuq liema bażi l-qorti tar-rinviju qed tfittex li tillimita xi jfisser “ikkopjar” ta’ data. Hija tidher li qed tissuġġerixxi li kkopjar jimplika (fil-każ ta’ database elettronika) l-ikkopjar elettroniku effettiv ta’ data, preżumibbilment permezz ta’ operazzjoni simili għall-funzjonijiet ‘ikkopja’ u ‘waħħal’ fuq proċessur tal-kliem jew (fil-każ ta’ database bbażata fuq il-karti)(19) it-teħid ta’ fotokopja. Ma nista’ nsib ebda bażi għal tali restrizzjoni fit-termini attwali tal-Artikolu 7(2)(a) tad-direttiva.

39.      Fis-sentenza OPAP(20) il-Qorti tal-Ġustizzja ġibdet l-attenzjoni lejn diversi indikazzjonijiet li l-leġiżlatur Komunitarju kellu l-ħsieb li tagħti lit-terminu “database” innifsu, kif definit fid-direttiva, portata wiesgħa, ħielsa minn kunsiderazzjonijiet ta’ natura formali, teknika jew materjali. Il-klassifikazzjoni ta’ kollezzjoni bħala database teħtieġ li l-materjali indipendenti li jikkostitwixxu l-kollezzjoni jkunu rranġati b’mod sistematiku jew metodiku u jkunu aċċessibbli individwalment b’xi mod jew ieħor(21). Kif tagħmilha ċara l-premessa 21, mhuwiex meħtieġ li l-arranġament sistematiku jew metodiku jkun fiżikament apparenti(22).

40.      Għalhekk jidher li jkun inadegwat u arbitrarju li l-kunċett ta’ “estrazzjoni” jiġi llimitat għal proċess li permezz tiegħu data inkorporata ġo database tiġi ttrasferita lil apparat ieħor billi tittieħed ‘fiżikament’ kopja (jew kopji) tagħha. L-ikkopjar tal-parti l-kbira mid-data f’database b’mod individwali billi tiġi kkonsultata d-database fuq l-iskrin u mbagħad tiddaħħal manwalment f’apparat ieħor ma tistax b’mod plawżibbli tiġi kkunsidrata li hija ta’ inqas ħsara għall-investiment li jkun sar minn dak li għamel id-database milli meta jsir ikkopjar elettroniku ta’ dawn l-oġġetti mid-database oriġinali u twaħħil tagħhom direttament f’apparat elettroniku ieħor.

41.      Lanqas ma nifhem li l-premessa 38 tad-direttiva ssostni interpretazzjoni restrittiva tat-terminu “estrazzjoni”. Din il-premessa titkellem biss fuq riskji partikolari għal min għamel id-database li joħorġu mill-ikkopjar elettroniku tal-kreazzjoni tiegħu. Hija ma timplikax li dan huwa l-uniku mod li jagħmel ħsara li bih jistgħu jiġu kkopjati d-databases. Tabilħaqq, il-fatt li l-protezzjoni taħt id-direttiva tkopri wkoll databases mhux elettroniċi(23) jimplika li dan ma jistax ikun. Jekk utent jikkonsulta database fuq l-iskrin u mbagħad jikkopja xi ftit mill-kontenut tagħha f’database oħra billi jdaħħal manwalment l-informazzjoni f’din tal-aħħar, huwa jkun sempliċement wettaq, b’mod iktar ingombranti, l-ekwivalenti tal-operazzjoni ta’ “kkopja[r] u rranġa[r] mill-ġdid b’mod elettroniku” tal-kontenut tad-database. Kif tosserva korrettament il-Kummissjoni, li jimporta huwa li l-arranġament sistematiku u metodiku tad-data li tinsab fid-database oriġinali tiġi mbagħad riprodotta b’xi mod f’apparat ieħor.

42.      Inżid ngħid li fil-fehma tiegħi l-premessa 43 bl-istess mod ma tipprovdi ebda sostenn għall-interpretazzjoni suġġerita mill-qorti tar-rinviju. Il-premessa 43 tindika li “fil-każ ta’ trasmissjoni on-line d-dritt li ma jsirx użu mill-ġdid ma jkunx eżawrit, kemm għal database u kemm għal kopja materjali tad-database jew ta’ parti minnha, jekk issir minn min jirċievi t-trasmissjoni bil-kunsens tat-titulari tad-dritt”(24). Fil-fehma tiegħi, din il-premessa ma tagħmel xejn ħlief tirrileva li d-dritt sui generis ma jiġix eżawrit sempliċement għaliex id-database ġiet trażmessa on-line. Ir-referenza għal “kopja materjali tad-database” sempliċement tikkjarifika li kopja materjali ta’ tali database trasmessa on-line bl-istess mod ma tistax tippreġudika d-dritt sui generis tat-titulari tad-dritt. Ma nifhimx it-termini “kopja materjali” fis-sens li jillimitaw il-protezzjoni sui generis għal ċirkustanzi li fihom tittieħed kopja materjali tad-database mill-utent.

43.      Kif ninterpretahom jien, it-termini tal-Artikolu 7(2)(a) tad-direttiva u ta’ dawn il-premessi pjuttost jimmilitaw favur interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “estrazzjoni”.

44.      Analiżi tas-suġġett u tal-għan tad-dritt sui generis issostni din il-konklużjoni.

 Is-suġġett tad-dritt sui generis

45.      Il-qorti tar-rinviju tirrileva ġustament li d-dritt sui generis mhuwiex dritt fuq l-informazzjoni maħżuna fid-database(25). Madankollu, kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, dan ma jimplikax li d-dritt sui generis jirreferi għad-database tanġibbli bħala tali. Huwa pjuttost jipproteġi r-riżultat tal-investiment fi klassifikazzjoni metodika u sistematika ta’ data indipendenti bħala proprjetà intanġibbli, indipendentement mill-apparat li permezz tiegħu jkun disponibbli. F’dan ir-rigward hija pjuttost tixbah lil test, li jibqa’ l-istess indipendentement minn jekk ikunx disponibbli permezz ta’ kopja tal-karti ta’ ktieb, f’ebook, fuq l-Internet, billi jiġi pproġettat fuq bini jew permezz ta’ kwalunkwe mezz ieħor. Jekk wieħed jużax fotokopjatur biex jieħu kopja tal-karti tal-ktieb, jikkopjahx b’mod elettroniku minn ebook jew mill-Internet u jwaħħlu fuq dokument ieħor, jew jagħmilx ritratt diġitali tal-projezzjoni u jimmanipulah b’mod diġitali f’dokument ġdid, wieħed xorta waħda jkun qed “jikkopja” t-test.

 L-għan tad-dritt sui generis

46.      L-għan li jinħoloq u jiġi protett id-dritt sui generis jista’ jinsilet, inter alia, mill-preambolu tad-direttiva. Dan tal-aħħar jenfasizza l-investiment kunsiderevoli f’riżorsi meħtieġa biex jinħolqu databases (deskritti bħala “għodda siewja fl-iżvilupp tas-suq tal-informazzjoni fil-Komunità” u jikkuntrastah mal-fatt li databases jistgħu jiġu kkopjati jew milħuqa b’parti żgħira tal-ispiża meħtieġa biex jitfasslu fl-oriġinal(26). Jingħad li l-estrazzjoni mhux awtorizzata u/jew l-użu mill-ġdid tal-kontenut ta’ database potenzjalment għandhom konsegwenzi ekonomiċi u tekniċi serji(27). Il-preambolu jsemmi wkoll it-tkabbir esponenzjali, fil-Komunità u mad-dinja kollha, fl-ammont ta’ informazzjoni magħmula u pproċessata ta’ kull sena fis-setturi kollha tal-kummerċ u tal-industrija, li jitlob li jkun hemm investiment fl-Istati Membri kollha f’“sistemi avvanzati li jipproċessaw l-informazzjoni”, imma jindika li jeżisti żbilanċ kbir fil-livell ta’ investiment fil-qasam tad-databases kemm bejn l-Istati Membri kif ukoll bejn il-Komunità u l-pajjiżi terzi tad-dinja li l-iktar li jipproduċu databases(28). L-investiment meħtieġ ma jseħħx fil-Komunità “kemm-il darba ma jkunx hemm sistema ta’ protezzjoni legali stabbli u uniformi għall-protezzjoni tad-drittijiet ta’ dawk li jagħmlu databases”(29). Abbażi tal-premessi 9, 10, u 12, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-għan tad-Direttiva dwar il-protezzjoni ta’ databases fis-sens “li tinkoraġġixxi u tipproteġi l-investimenti f’sistemi ta’ ‘ħażna’ u ta’ ‘proċessar’ ta’ data [...]”(30).

47.      Id-direttiva tara wkoll li “titħares il-pożizzjoni ta’ dawk li jagħmlu databases kontra misappropjazzjoni tar-riżultati tal-investiment finanzjarju u professjonali magħmul għall-kisba u kollezzjoni tal-kontenut, billi tipproteġi database kollha jew parti sewwa minnha kontra ċerti atti ta’ min jagħmel użu minnha jew ta’ kompetitur”(31). Għalhekk, id-dritt sui generis għandu l-mira li jassigura l-protezzjoni ta’ kull investiment għall-kisba, verifika jew preżentazzjoni tal-kontenut ta’ database (li jista’ jkun magħmul bi tħaddim tajjeb ta’ riżorsi finanzjarji u/jew użu ta’ ħin, sforzi u enerġija) u li jagħti lil min jagħmel database l-għażla li ma jħallix li ssir estrazzjoni mhux awtorizzata u/jew l-użu mill-ġdid tal-kontenut kollu jew parti sewwa minn dik id-database(32).

48.      Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja The British Horseracing Board tipprovdi indikazzjoni ċara dwar kif għandha tingħatalha risposta d-domanda rrinvjata.

49.      L-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-termini “estrazzjoni” u “użu mill-ġdid” fl-Artikoli 7(1) u (5) għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-għan tad-dritt sui generis, li huwa maħsub biex jipproteġi lil min għamel id-database kontra “atti ta’ min jagħmel użu li jmur [jmorru]’il hinn mid-drittijiet leġittimi [...] u għalhekk jagħmel [jagħmlu] ħsara lill-investiment” ta’ min għamel id-database(33). Barra dan, “id-dritt li ma jħallix li ssir estrazzjoni u/jew l-użu mill-ġdid tal-kontenut kollu jew parti sewwa minnu jirreferi mhux biss għall-manifattura ta’ prodott parassitiku kompetitur, iżda wkoll għal kull min jagħmel użu li permezz tiegħu ssir ħsara kbira kwalitattiva jew kwantitattiva lill-investiment’(34). F’dan l-isfond, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li fatti bħal dawk li l-estrazzjoni u/jew l-użu mill-ġdid isir bil-għan li tinħoloq database oħra, irrispettivament minn jekk din tikkompetix mad-database oriġinali jew le u irrispettivament minn jekk din tkunx tal-istess daqs jew le bħal dik oriġinali, jew li l-estrazzjoni u/jew l-użu mill-ġdid jifforma parti minn attività oħra li ma tkunx dik tal-ħolqien ta’ database, ma kinux rilevanti biex tiġi stabbilita l-portata tad-dritt sui generis(35).

50.      It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-kunċetti ta’ “estrazzjoni” u “użu mill-ġdid” ma jistgħux ikunu limitati għall-każijiet ta’ estrazzjoni u ta’ użu mill-ġdid imwettqa direttament mid-database oriġinali. Jekk wieħed jagħmel hekk, ikun qed jirriskja li l-persuna li tkun għamlet id-database titħalla mingħajr protezzjoni fir-rigward ta’ atti mhux awtorizzati ta’ kkopjar imwettqa minn kopja tad-database(36). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li, peress li atti ta’ estrazzjoni u/jew użu mill-ġdid mingħajr awtorizzazzjoni, imwettqa minn terza persuna minn sors ieħor għajr id-database ikkonċernata, huma ta’ natura, l-istess bħal atti bħal dawn imwettqa direttament mill-imsemmija database, li jippreġudikaw l-investiment ta’ min għamel id-database, il-kunċetti ta’ estrazzjoni u ta’ użu mill-ġdid ma jistgħux jimplikaw aċċess dirett għad-database(37).

51.      Bl-istess mod, jidhirli li t-traskrizzjoni tal-kontenut ta’ database wara li din tiġi kkonsultata fuq l-iskrin u l-inkorporazzjoni sussegwenti tiegħu f’database differenti tista’ tippreġudika l-investiment ta’ min għamel id-database daqs l-ikkopjar ta’ din id-database b’mod elettroniku jew l-iffotokopjar tagħħa. L-analiżi tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza The British Horseracing Board ma tippresupponix li “estrazzjoni” għandha tiġi limitata għal dawn l-aħħar metodi ta’ kkopjar ta’ (partijiet minn) database.

52.      Lanqas il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-protezzjoni tad-dritt sui generis tikkonċerna biss l-atti ta’ estrazzjoni u ta’ użu mill-ġdid kif definiti fl-Artikolu 7(2) tad-direttiva, u li ma tkoprix il-konsultazzjoni ta’ database, ma jimplika tali limitazzjoni. Il-kunsens ta’ min għamel id-database għall-konsultazzjoni ma jġibx miegħu l-eżawriment tad-dritt sui generis. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din l-analiżi kienet ikkonfermata, fir-rigward tal-estrazzjoni, mill-premessa 44 tad-direttiva, li tindika li t-trasferiment permanenti jew temporanju tal-kontenut kollu jew parti sewwa mill-kontenut ta’ database murija fuq l-iskrin għal xi apparat ieħor huwa suġġett għall-awtorizzazzjoni tat-titulari tad-dritt(38).

53.      Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja kkjarifikat il-portata tal-Artikolu 7(5) tad-direttiva. L-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li ma tħallix li jsiru estrazzjonijiet u/jew użi mill-ġdid ripetuti u sistematiċi ta’ partijiet mhux sostanzjali tal-kontenut ta’ database li l-effett kumulattiv tagħhom ikun li jippreġudika b’mod serju l-investiment li jkun sar minn min għamel id-database bħalma jagħmlu l-estrazzjonijiet u/jew l-użi mill-ġdid imsemmija fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva(39). Fir-rigward tal-“estrazzjoni”, l-espressjoni “atti kuntrarji għall-użu normali ta’ [...] database jew li jagħmlu ħsara irraġonevoli lill-interessi leġittimi ta’ min ikun għamel id-database” tirreferi għal azzjonijiet li ma jkunux awtorizzati u li, permezz tal-effett kumulattiv ta’ atti ta’ estrazzjoni, huma intiżi sabiex jibnu mill-ġdid il-kontenut kollu, jew parti sostanzjali minnu, ta’ database protetta mid-dritt sui generis, u li, għaldaqstant, jippreġudikaw serjament l-investiment li sar minn min għamel id-database(40).

54.      Fil-fehma tiegħi, l-għan tad-dritt sui generis kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ma jagħtix sostenn lil interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett ta’ “estrazzjoni”. Tabilħaqq, il-fatt li l-konvenut fil-kawża The British Horseracing Board ma setax jikkopja “fiżikament” id-data kollha tal-British Horseracing Board fis-sistema elettronika tiegħu evidentement ma żammx lill-Qorti tal-Ġustizzja milli sostni li huwa kien qed iwettaq “atti ta’ estrazzjoni u użu mill-ġdid fis-sens tal-Artikolu 7(2)” tad-direttiva(41).

55.      Għalhekk il-kwistjoni prinċipali tidher li hija jekk l-estrazzjoni (fi kwalunkwe forma li fiha saret) taffettwax il-kontenut kollu jew parti sostanzjali mill-kontenut ta’ database u għalhekk tagħmel ħsara lill-investiment magħmul biex inħoloq id-database oriġinali. Dan ikun il-każ jekk il-proċess ta’ kkopjar jinvolvi mhux biss id-data kollha jew parti sostanzjali mid-data nfisha li kienet inkluża fid-database, imma anki l-mod sistematiku u metodiku li bih kienet irranġata fid-database. Fil-fehma tiegħi, huwa irrilevanti jekk l-estrazzjoni sseħħx bl-ikkopjar tal-kontenut tad-database oriġinali jew bir-riproduzzjoni tagħha wara konsultazzjoni fuq l-iskrin tad-database.

56.      Il-qorti tar-rinviju tissuġġerixxi li ċ-ċertezza legali tiġi osservata aħjar jekk (kif qed tipproponi) m’hemm ebda “estrazzjoni” jekk id-database tintuża biss bħala sors ta’ informazzjoni, anki fejn dan l-użu huwa partikolarment wiesgħa. Hija targumenta li l-utenti li ma jiksbux id-data tagħhom direttament mid-database nfisha, imma minn sorsi derivati, ħafna drabi ma jkunux jistgħu jgħidu jekk (u jekk dan huwa hekk, kif) din id-data tkun ittieħdet minn database protetta, u jekk id-data adottata tikkostitwixxix parti sostanzjali ta’ database jew kinitx miksuba permezz ta’ estrazzjoni ripetuta u sistematika mhux awtorizzata.

57.      Fil-fehma tiegħi, il-protezzjoni taċ-ċertezza legali hawnhekk qed tintuża bħala argument kontra li wieħed isostni li l-ikkopjar indirett ta’ databases huwa ksur tad-dritt sui generis. L-argument huwa, mal-ewwel daqqa t’għajn, attraenti. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet impliċitament li kunsiderazzjoniet ibbażati fuq iċ-ċertezza legali mhumiex neċessarjament konklużivi, billi diġà ddeċidiet li aċċess dirett għad-database oriġinali mhuwiex meħtieġ biex ikun hemm “estrazzjoni” mhux awtorizzata. Għalhekk, ikkopjar indirett ta’ database protetta jista’ tabilħaqq jikser id-dritt sui generis.(42).

58.      Fi kwalunkwe każ, jidher mid-digriet tar-rinviju li fil-fatt Directmedia għamlet użu dirett mid-database tal-Università ta’ Freiburg. Il-kwistjoni ta’ aċċess indirett għal database għalhekk ma tqumx f’dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari. Naturalment hija l-qorti nazzjonali, u mhux il-Qorti tal-Ġustizzja, li għandha tiddeċiedi jekk, abbażi tal-fatti, l-użu li Directmedia għamlet mid-database tal-Università ta’ Freiburg jammontax għal estrazzjoni.

59.      Għalhekk nikkonkludi li “estrazzjoni” skont it-tifsira tal-Artikolu 7(2)(a) tad-direttiva ma tippresupponix l-ikkopjar (fiżiku) ta’ data. Sabiex ikun hemm “estrazzjoni” skont it-tifsira tal-Artikolu 7(2)(a) tad-direttiva, huwa immaterjali jekk it-trasferiment ta’ data minn database protetta skont l-Artikolu 7(1) tad-direttiva u l-inkorporazzjoni tagħha f’database differenti jseħħux wara evalwazzjoni individwali tad-data wara li tkun ġiet ikkonsultata d-database.

 Konklużjonijiet

60.      Għar-raġunijiet mogħtija iktar’il fuq, jidhirli li r-risposta għad-domanda magħmula mill-Bundesgerichtshof għandha tkun kif ġej:

–        “Estrazzjoni” skont it-tifsira tal-Artikolu 7(2)(a) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 96/9/KE tal-11 ta’ Marzu 1996 dwar il-protezzjoni legali ta’ databases ma tippresopponix l-ikkopjar (fiżiku) ta’ data;

–        Sabiex ikun hemm “estrazzjoni” skont it-tifsira tal-Artikolu 7(2)(a) tad-direttiva, huwa immaterjali jekk it-trasferiment ta’ data minn database protetta skont l-Artikolu 7(1) tad-direttiva u l-inkorporazzjoni tagħha f’database differenti jseħħux wara evalwazzjoni individwali tad-data wara li tkun ġiet ikkonsultata d-database.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 1996 dwar il-protezzjoni legali ta’ databases (ĠU 1996 L 77, p. 20).


3 – Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet għall-ewwel darba dwar l-interpretazzjoni ta’ din id-direttiva fis-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 2004, The British Horseracing Board et (C-203/02, Ġabra p. I-10415); Fixtures Marketing vs Veikkaus (C-46/02, Ġabra p. I-10365); Fixtures Marketing vs Svenska Spel (C-338/02, Ġabra p. I-10497); u Fixtures Marketing vs OPAP (C-444/02, Ġabra p. I-10549). Jien ser nirreferi għall-aħħar tliet kawżi individwalment bl-isem tal-konvenut. Is-sentenzi fl-erba’ kawżi kollha ngħataw fid-9 ta’ Novembru 2004. Kien sar rinviju għal deċiżjoni preliminari li jikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) u (5) u l-Artikolu 9 tad-Direttiva lill-Qorti tal-Ġustizzja, imma sussegwentement ġie rtirat, fil-kawża Verlag Schawe (C-215/07).


4 –      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU 1995 L 281, p. 31).


5 – Liġi tad-9 ta’ Settembru 1965 (BGBl. I, p. 1273).


6 –      Traduzzjoni mill-Bureau Internazzjonali tal-WIPO, disponibbli online fuq http://www.wipo.int/clea/docs_new/pdf/en/de/de080en.pdf.


7 – Disponibbli online fuq http://www.klassikerwortschatz.uni-freiburg.de/Lyrik.htm.


8 – Ara l-punt li jmiss.


9 – Għalhekk il-Professur Knoop ma jidhirx bħala parti fir-rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja.


10 – L-Artikolu 97(1) jistipula li l-parti leża tista’ tressaq azzjoni kontra l-persuna li tikser id-dritt tal-awtur jew kwalunkwe dritt ieħor protett bl-UrhG biex jinħareġ mandat ta’ inibizzjoni biex hija tieqaf mill-aġir tagħha u, jekk ikun il-każ, azzjoni għad-danni jew għaċ-ċessjoni tal-profitti li jkun għamel min ikun kiser id-dritt. L-Artikolu 98(1) jipprovdi għall-possibbiltà li l-parti leża titlob li jiġu distrutti l-kopji illegali kollha fil-pussess ta’ min ikun kiser id-dritt jew li jkunu proprjetà tiegħu.


11 – Id-digriet tar-rinviju jispjega r-raġunijiet li wasslu lill-Bundesgerichthof għal din il-konklużjoni.


12 – Iż-żewġ sentenzi huma ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.


13 – Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Stix-Hackl fil-kawżi The British Horseracing Board et, punti 62 sa 70, Veikkaus, punti 78 sa 86, u OPAP, punti 84 sa 92, ilkoll iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.


14 – Sentenza The British Horseracing Board et, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punti 54 u 55.


15 – Sentenza The British Horseracing Board, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 51. Fil-konklużjonijiet tagħha f’dik il-kawża, l-Avukat Ġenerali Stix-Hackl bl-istess mod issuġġeriet li l-kliem “b’kull mezz jew [f’]kull forma” kien jimplika li l-leġiżlatur Komunitarju ta tifsira wiesgħa lit-terminu “estrazzjoni” u żiedet tgħid li “għalhekk dan ikopri mhux biss it-trasferiment lil apparat ieħor tal-istess tip imma anki lil wieħed ta’ xi tip ieħor. Dan ifisser li s-sempliċi stampar ta’ data jaqa’ fid-definizzjoni ta’ ‘estrazzjoni’” (punti 98 u 99). Ara wkoll il-konklużjonijiet tagħha fil-kawżi Veikkaus, punti 113 u 114, Svenska Spel, punti 94 u 95, u OPAP, punti 119 u 120 (ilkoll iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3).


16 – Enfażi miżjuda.


17 – Enfażi miżjuda.


18 – Il-Konvenzjoni ta’ Berna tad-9 ta’ Settembru 1886 dwar il-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi, kif emendata l-aħħar fit-28 ta’ Settembru 1979.


19 – Il-premessa 14 tad-direttiva tindika li l-protezzjoni taħt id-direttiva għandha tiġi estiża biex tkopri databases mhux elettroniċi.


20 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.


21 – Ara wkoll il-premessa 17 tad-direttiva.


22 – Madankollu, din il-kundizzjoni timplika li l-kollezzjoni għandha tkun tinsab f’bażi fissa, ta’ xi xorta, u tkun tinkludi mezzi tekniċi (bħal proċessi elettroniċi, elettromanjetiċi jew elettroottiċi, kif indikat fil-premessa 13 tad-direttiva) jew mezzi oħrajn (bħal indiċi, werrej, jew pjan jew metodu ta’ klassifikazzjoni partikolari) li jippermettu l-irkupru ta’ kwalunkwe materjal indipendenti li jinsab fih: is-sentenza OPAP, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punti 20 u 30.


23 – Premessa 14.


24 – Enfażi miżjuda.


25 – Ara l-Artikolu 7(4) tad-direttiva, kif ukoll il-premessi 18, 26 u 27 tad-direttiva.


26 – Premessi 7 u 9.


27 – Premessa 8.


28 – Premessa 10 u 11.


29 – Premessa 12.


30 – Sentenzi The British Horseracing Board, punt 30; Veikkaus, punt 33; Svenska Spel, punt 23; u OPAP, punt 39, ilkoll iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3 (enfażi miżjuda).


31 – Premessa 39.


32 – Premessi 40 u 41.


33 – Fil-punt 45. Il-Qorti tal-Ġustizzja hemmhekk kienet qed tiċċita l-premessa 42.


34 – Ibid. Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment ukoll [fil-punt 46] għall-premessa 48, li tispjega li d-dritt sui generis għandu ġustifikazzjoni ekonomika: li jipproteġi lil min ikun għamel id-database u li jiggarantilu qligħ fuq l-investiment tiegħu fil-kreazzjoni u l-manutenzjoni tiegħu.


35 – Sentenza The British Horseracing Board, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punti 45 sa 47.


36 – Hija ddeċidiet li din l-interpretazzjoni kienet ikkonfermata mill-Artikolu 7(2)(b) tad-direttiva li jipprovdi li l-ewwel bejgħ fil-Komunità ta’ kopja tad-database mit-titulari tad-dritt jew bil-kunsens tiegħu jeżawrixxi d-dritt li jikkontrolla l-“bejgħ mill-ġdid” ta’ din il-kopja fil-Komunità, iżda mhux id-dritt li jikkontrolla l-estrazzjoni u l-użu mill-ġdid tal-kontenut ta’ din il-kopja.


37 – Sentenza The British Horseracing Board, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punti 52 u 53.


38 – Sentenza The British Horseracing Board, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punti 54 sa 59.


39 – Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Stix-Hackl fil-kawżi The British Horseracing Board, punt 34; Svenska Spel, punt 121; u OPAP, punt 146 (ilkoll iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3).


40 – Sentenza The British Horseracing Board, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punti 86 sa 89.


41 – Sentenza The British Horseracing Board, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punti 63 sa 66. Id-digriet tar-rinviju f’dik il-kawża indika li l-informazzjoni dwar it-tiġrijiet taż-żwiemel li l-konvenut qiegħed fuq is-sit Internet tiegħu u li oriġinat fid-database tal-British Horseracing Board (BHB) ġiet mill-gazzetti ppubblikati fil-ġurnata ta’ qabel it-tiġrija u minn informazzjoni mhux ipproċessata pprovduta minn terza persuna. Il-konvenut wettaq estrazzjoni ta’ data (li oriġinat mid-database tal-BHB) minn dawn iż-żewġ sorsi billi intergraha fis-sistema elettronika tiegħu. Huwa mbagħad uża mill-ġdid din id-data billi għamilha disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit Internet tiegħu sabiex il-klijenti tiegħu jkunu jistgħu jagħmlu l-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel.


42 – Sentenza The British Horseracing Board, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punti 52 u 53. Ara l-punt 51 iktar ’il fuq.