Language of document : ECLI:EU:C:2012:527

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

Jääskinen

ippreżentati fis-6 ta’ Settembru 2012 (1)

Kawża C‑555/10

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika tal-Awstrija

“Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Direttiva 91/440/KEE – Żvilupp ta’ linji tal-ferrovija Komunitarji – Direttiva 2001/14/KE – Allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura tal-ferrovija – Artikolu 6(3) u Anness II tad-Direttiva 91/440 – Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2001/14 - Amministratur tal-infrastruttura – Indipendenza organizzattiva u deċiżjonali – Struttura ta’ holding”






I –    Introduzzjoni

1.        Permezz ta’ dan ir-rikors dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tikkonstata li r-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(3) u l-Anness II tad-Direttiva 91/440/KEE (2), kif emendata bid-Direttiva 2001/12/KE (3) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 91/440”), kif ukoll l-Artikoli 4(2) u 14(2) tad-Direttiva 2001/14/KE (4), kif emendata bid-Direttiva 2004/49/KE (5) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2001/14”). Ir-Repubblika tal-Awstrija titlob li jiġi miċħud ir-rikors tal-Kummissjoni.

2.        Din il-kawża hija waħda minn għadd ta’ rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (6), li ġew ippreżentati mill-Kummissjoni fl-2010 u fl-2011, u li jirrigwardaw l-applikazzjoni mill-Istati Membri tad-Direttivi 91/440 u 2001/14, li s-suġġett prinċipali tagħhom huwa l-aċċess ġust u nondiskriminatorju ta’ impriżi ferrovjarji għall-infrastruttura, jiġifieri għan-netwerk ferrovjarju. Dawn ir-rikorsi huma mingħajr preċedent, u joffru lill-Qorti tal-Ġustizzja opportunità għall-ewwel darba li tesprimi l-pożizzjoni tagħha dwar il-liberalizzazzjoni tal-linji tal-ferrovija fl-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari li tinterpreta l-hekk imsejjaħ “l-ewwel pakkett ferrovjarju”.

3.        Fir-rigward tal-uniku motiv dwar l-indipendenza meħtieġa fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet essenzjali, jidhirli li l-kwistjonijiet ġuridiċi relatati mad-dritt tal-Unjoni f’din il-kawża huma mutatis mutandis l-istess bħal li jirrigwardaw l-ewwel ilment fil-Kawża C‑556/10, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, peress li ż-żewġ Stati Membri adottaw il-mudell ta’ holding, fejn il-funzjonijiet essenzjali tal-amministratur tal-infrastruttura huma ddelegati lil kumpannija separata fi ħdan grupp ta’ kumpanniji li jinkludi wkoll l-impriżi ferrovjarji. Għal din ir-raġuni, l-argumentazzjoni ġuridika ppreżentata fil-konklużjonijiet tiegħi f’din il-kawża hija applikabbli wkoll fil-kuntest tal-Kawża C‑556/10, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, minkejja ċerti differenzi fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

4.              Ir-raba’ premessa 4 tad-Direttiva 91/440 tipprovdi:

“Billi l-iżvilupp fil-ġejjieni u t-tħaddim effiċjenti tas-sistema tal-ferrovija tista’ teħfief jekk issir kull distinzjoni bejn il-ħolqien tas-servizzi tat-trasport u t-tħaddim ta’ l-infrastruttura; billi minħabba din is-sitwazzjoni, jeħtieġ li dawn iż-żewġ attivitajiet ikunu mmexxija b’mod separat u jkollhom żewġ kontijiet separati”.

5.        L-Artikolu 6(1) sa (3) tad-Direttiva 91/440 jipprovdi:

“1.       L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri biex jassiguraw li accounts ta’ profitt u telf u paġni tal-bilanċ jinżammu u jkunu ppubblikati, minn naħa għall-kummerż relatat mal-provediment ta’ servizzi ta’ trasport minn impriżi ferrovjarji u, minn naħa l-oħra, għall-kummerċ relatat ma’ l-immaniġġjar ta’ l-infrastruttura ferrovjarja. Fondi pubbliċi mħallsa lil waħda minn dawn iż-żewġ oqsma ta’ attività ma jistgħux jiġu trasferiti lill-oħra.

Ir-rendikonti għaż-żewġ oqsma ta’ attività jridu jinżammu b’tali mod li jirriflettu din il-projbizzjoni.

2.       L-Istati Membri jistgħu wkoll jagħtu lok li din il-firda titlob ukoll l-organizzazzjoni ta’ firdiet distinti bejn kull impriża jew li l-infrastruttura tkun immexxija minn kull entità separata.

3.       L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jagħmlu ċert li l-funzjonijiet li jiddeterminaw aċċess ekwu u mhux diskriminatorju għall-infrastruttura, elenkati fl-Anness II, jkunu fdati lill-korpi jew lid-ditti li ma jipprovdux huma stess xi servizzi ta’ trasport ferrovjarju. Irrispettivament mill-istrutturi organizzattivi, irid jinwera li dan l-oġġettiv jkun inkiseb.

L-Istati Membri jistgħu, madanakollu, jassennjaw lill-impriżi ferrovjarji jew lil kwalunkwe korp ieħor il-ġbir tal-ħlasijiet [ta’ tariffi] u r-responsabbiltà ta’ l-amministrazzjoni ta’ l-infrastruttura ferrovjarja, bħall-investiment, il-manutenzjoni u l-iffinanzjar."

6.        L-Anness II tad-Direttiva 91/440 jelenka l-funzjonijiet essenzjali msemmija fl-Artikolu 6(3):

“‒     preparazzjoni u teħid tad-deċiżjonjiet relatati ma’ l-illiċenzjar ta’ impriżi ferrovjarji inklużi l-għoti ta’ liċenzi individwali,

–        it-teħid ta’ deċiżjonijiet relatati ma’ l-allokazzjoni ta’ passaġġi [mogħdijiet] inklużi kemm id-definizzjoni kif ukoll l-evalwazzjoni tad-disponibbiltà u l-allokazzjoni ta’ passaġġi [mogħdijiet] tal-ferrovija individwali,

–        it-teħid ta’ deċiżjonijiet marbuta ma’ l-iċċarġjar [impożizzjoni ta’ tariffi] ta’ l-infrastruttura,

–        l-osservanza tas-sorveljanza ta’ l-obbligi tas-servizz pubbliku meħtieġa fil-provvista ta’ċerti servizzi”.

7.        Il-premessi 11 u 16 tad-Direttiva 2001/14 jipprovdu:

“(11)  Il-piżijiet [L-impożizzjoni ta’ tariffi] u skemi ta’ allokazzjoni ta’ kapaċità għandhom jippermettu aċċess ugwali u non-diskriminatorju għall-impriżi kollha u jippruvaw sa fejn possibbli jissodisfaw il-bżonnijiet ta’ l-utenti kollha u t-tipi ta’ traffiku b’mod ġust u non-diskriminatorju.

[…]

(16)  Piżijiet [Sistemi ta’ impożizzjoni ta’ tariffi] u skemi ta’ allokazzjoni tal-kapaċità għandhom jippermettu kompetizzjoni ġusta fid-disposizzjoni ta’ servizzi tal-ferroviji.”

8.        L-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2001/14 jipprovdi:

“Meta l-amministratur ta’ l-infrastruttura, fil-forma legali, l-organizzazzjoni jew fil-funzjonijiet ta’ teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu, mhuwiex indipendenti minn kull impriża tal-ferroviji, il-funzjonijiet, deskritti f’ dan il-Kapitolu, ta’ xort’ oħra mill-ġbir tal-piżijiet [tariffi] għandhom jitwettqu minn korp tal-piżijiet [ta’ impożizzjoni ta’ tariffi] li hu indipendenti fil-forma legali, fl-organizzazzjoni u fit-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu minn kull impriża tal-ferroviji.”

9.        Skont l-Artikolu 14(1) u (2) tad-Direttiva 2001/14:

“1.      L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu qafas għall-allokazzjoni ta’ kapaċità infrastrutturali filwaqt li jirrispettaw l-indipendenza amministrattiva stabbilita fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/440/KEE. Regoli speċifiċi ta’ allokazzjoni ta’ kapaċità għandhom jiġu stabbiliti. L-amministratur infrastrutturali għandu jwettaq il-proċessi ta’ l-allokazzjoni tal-kapaċità. Partikolarment, l-amministratur ta’ l-infrastruttura għandu jassigura li l-kapaċità infrastrutturali tiġi allokata fuq bażi ġusta u non-diskriminatorja u skond il-liġi Komunitarja.

2.      Meta l-amministratur ta’ l-infrastruttura, fil-forma legali, l-organizzazzjoni jew fil-funzjonijiet tiegħu ta’ teħid tad-deċiżjonijiet, mhuwiex indipendenti minn kull impriża tal-ferroviji, il-funzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 u deskritti f’ dan il-Kapitolu għandhom jitwettqu minn korp ta’ allokazzjoni li hu huwa indipendenti fil-forma legali, l-organizzazzjoni u t-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu minn kull impriża tal-ferroviji.”

B –    Id-dritt nazzjonali

10.      It-tieni parti tal-Liġi Federali dwar il-linji tal-ferrovija (Bundesbahngesetz) (7), li tinkludi l-Artikoli 2 sa 4, hija intitolata “ÖBB-Holding AG”.

11.      L-Artikolu 2(1) ta’ din il-liġi jipprovdi:

“Kostituzzjoni u ħolqien

1.       Il-Ministru Federali tat-Trasport, tal-Innovazzjoni u tat-Teknoloġija għandu jikkostitwixxi u joħloq kumpannija b’kapital azzjonarju fil-forma li jkollha kapital azzjonarju ta’ EUR 1.9 biljun, imsejħa ‘Österreichische Bundesbahnen-Holding Aktiengesellschaft’ (iktar ’il quddiem ‘ÖBB-Holding AG’), li jkollha s-sede tagħha fi Vjenna u li l-ishma tagħha huma rriżervati esklużivament għall-Istat Federali. Il-ħolqien tal-kumpannija ma huwiex is-suġġett ta’ eżami.”

12.      Skont l-Artikolu 3 tal-imsemmija liġi:

“Ġestjoni ta’ ishma

Il-ġestjoni tal-ishma hija żgurata f’isem l-Istat Federali mill-Ministru Federali tat-Trasport, tal-Innovazzjoni u tat-Teknoloġija.”

13.      L-Artikolu 4 tal-imsemmija liġi jipprovdi:

“1.       L-għan korporattiv ta’ ÖBB-Holding AG huwa l-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ proprjetà tagħha fil-kumpanniji li fihom hija għandha sehem dirett jew indirett, bil-għan li tiġi ffissata gwida strateġika.

2.       Il-kompiti prinċipali tal-kumpannija huma:

1)       li tiżgura l-koordinazzjoni ġenerali tat-tfassil u tal-implimentazzjoni tal-istrateġiji tal-kumpanniji;

2)       li tiggarantixxi t-trasparenza tal-fondi pubbliċi stabbiliti.

3.       ÖBB-Holding AG tista’ barra minn hekk adotta l-miżuri kollha meħtieġa jew xierqa fir-rigward tal-għan korporattiv li ġie assenjat lilha u tal-kompiti prinċipali tagħha. Dawn jistgħu jikkonsistu b’mod partikolari, fil-qasam tar-riżorsi umani, f’miżuri strateġiċi relatati mal-kumpens għall-persunal bejn il-kumpanniji.”

14.      It-tielet parti tal-Liġi Federali dwar il-linji tal-ferrovija hija intitolata “Ristrutturar tal-kumpanniji tal-linji tal-ferrovija Awstrijaki”.

15.      L-Artikolu 25 tal-liġi federali dwar il-linji tal-ferrovija jipprovdi:

“Għall-finijiet tal-implimentazzjoni tar-ristrutturar tal-kumpannija tal-linji tal-ferrovija Awstrijaki, ÖBB-Holding AG hija obbligata li tikkostitwixxi u li toħloq, sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Mejju 2004, kumpannija b’kapital azzjonarju b’kapital azzjonarju ta’ EUR 70 000, bl-isem ‘ÖBB-Infrastruktur Betrieb Aktiengesellschaft’ (iktar ‘il quddiem ‘ÖBB-Infrastruktur Betrieb AG’) u li jkollha s-sede tagħha fi Vjenna.”

16.      Skont l-Artikolu 62 tal-Liġi dwar il-linji tal-ferrovija (Eisenbahngesetz) (8):

“Korp ta’ allokazzjoni

1.       Il-korp ta’ allokazzjoni huwa l-impriża tal-infrastruttura ferrovjarja.

2.       Impriża ta’ infrastuttura ferrovjarja indipendenti fil-konfront tal-impriżi ferrovjarji mill-aspett ġuridiku, organizzativ u deċizjonali tista’ wkoll madankollu tiddelega, totalment jew parzjalment, permezz ta’ kuntratt bil-miktub, il-kompiti relatati mal-korp ta’ allokazzjoni lil Schieneninfrastruktur-Dienstleistungsgesellschaft mbH, lil impriża kompetenti oħra jew lil awtorità kompetenti oħra .

3.       Il-missjonijiet marbuta mal-funzjoni tal-korp ta’ allokazzjoni ma jistgħux jitwettqu minn impriża ta’ infrastruttura ferrovjarja fuq livell ġuridiku, organizzattiv u deċiżjonali. Tali impriża ta’ infrastruttura ferrovjarja b’hekk għandha tassenja, b’kuntratt bil-miktub, il-missjonijiet kollha marbuta mal-funzjoni ta’ korp ta’ allokazzjoni jew lis-Schieneninfrastruktur-Dienstleistungsgesellschaft mbH, jew inkella lil impriża jew entità oħra kompetenti – u unikament, għal dawn it-tnejn tal-aħħar, jekk ikunu indipendenti fil-konfront ta’ impriżi ferrovjarji fuq il-livell ġuridiku, organizzattiv u deċiżjonali –, li b’hekk huma obbligati li jassumu, taħt ir-responsabbiltà tagħhom stess u minflok din l-impriża, dawn il-missjonijiet li jappartjenu lil korp ta’ allokazzjoni; il-kuntratt ma jista’ jkun fih ebda regola li tmur kontra jew ixxekkel l-eżerċizzju konformi mal-liġi tal-missjonijiet marbuta mal-funzjoni tal-korp ta’ allokazzjoni.

4.       L-impriżi tal-infrastruttura ferrovjarja għandhom jikkomunikaw lil Schienen-Control GmbH l-isem tal-impriża li lilha jkunu fdaw b’kuntratt il-missjonijet kollha, jew parti minnhom, marbuta mal-funzjoni tal-korp ta’ allokazzjoni.”

17.      L-Artikolu 74 tal-Liġi dwar il-linji tal-ferrovija jipprovdi:

“Kontroll tal-kompetizzjoni

1.       Il-kumitat regolatorju ferrovjarju għandu ex ufficio:

1)       jimponi aġir nondiskriminatorju jew jipprojbixxi aġir diskriminatorju lil korp ta’ allokazzjoni f’dak li jirrigwarda l-aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja, inklużi l-kundizzjonijiet kollha relatati f’termini ta’ proċeduri amministrattivi, tekniċi u finanzjarji bħal, pereżempju, id-drittijiet ta’ użu, kif ukoll fir-rigward tal-provvista ta’ servizzi oħrajn, inklużi l-kundizzjonijiet kollha relatati f’termini ta’ proċeduri amministrattivi, tekniċi u finanzjarji bħal, pereżempju, ir-rimbors xieraq tal-ispejjeż u l-impożizzjoni ta’ tariffi ipprattikata fis-settur, jew

2)       jimponi aġir nondiskriminatorju jew jipprojbixxi aġir diskriminatorju lil impriża tat-trasport ferrovjarju f’dak li jirrigwarda l-forniment ta’ servizzi u s-servizz supplimentari ta’ selezzjoni, inklużi l-kundizzjonijiet kollha relatati f’termini ta’ proċeduri amministrattivi, tekniċi u finanzjarji bħal, pereżempju, ir-rimbors xieraq tal-ispejjeż u l-impożizzjoni ta’ tariffi ipprattikata fis-settur, jew

3)       jiddikjara nulli, totalment jew parzjalment, il-kundizzjonijiet għall-użu tan-netwerk ferrovjarju li jkunu diskriminatorji, kundizzjonijiet ġenerali ta’ bejgħ diskriminatorji, kuntratti diskriminatorji jew dokumenti diskriminatorji.

2.       Dawn id-dispożizzjonijiet huma mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-qorti tal-kompetizzjoni.”

18.      L-Artikolu 70 tal-Liġi dwar il-kumpanniji b’responsabbiltà limitata (Aktiengesetz) (9) tipprovdi:

“Ġestjoni tal-kumpannija b’responsabbiltà limitata

1.       Il-Bord tad-Diretturi għandu jmexxi l-kumpannija taħt ir-responsabbiltà tiegħu, kif jeħtieġ l-interess tal-impriża waqt li jitqiesu l-interessi tal-azzjonisti u tal-ħaddiema kif ukoll l-interess pubbliku.

2.       Il-Bord tad-Diretturi jista’ jkun ikkostitwita minn persuna waħda jew iktar. Jekk membru tal-Bord tad-Diretturi maħtur għall-kariga ta’ president, il-vot tiegħu jkun deċiżiv f’każ ta’ parità fil-voti, salv dispożizzjoni kuntrarja fl-istatut.”

19.      L-Artikolu 75 tal-Liġi dwar il-kumpanniji b’responsabbiltà limitata jipprovdi:

“Ħatra u revoka tal-Bord tad-Diretturi

1.       Il-membri tal-Bord tad-Diretturi huma maħtura mill-kunsill ta’ sorveljanza għal terminu ta’ mhux iktar minn ħames snin. F’każ ta’ ħatra ta’ membru għal terminu fiss li jkun itwal, għal terminu indefinit jew mingħajr indikazzjoni ta’ terminu, il-mandat tiegħu jkun għal terminu ta’ ħames snin. Dan jista’ jiġġedded; dan it-tiġdid għandu madankollu jiġi kkonfermat bil-miktub mill-president tal-kunsill ta’ sorveljanza. Dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw mutatis mutandis għall-kuntratt ta’ impjieg.

2.       Persuna ġuridika jew soċjetà ta’ persuni (soċjetà en nom collectif, soċjetà en commandite) ma tistax tinħatar membru tal-Bord tad-Diretturi.

3.       Jekk diversi persuni jinħatru bħala membri tal-Bord tad-Diretturi, il-kunsill ta’ sorveljanza jista’ jaħtar lil waħda minnhom fil-kariga ta’ president tal-Bord tad-Diretturi.

4.       Il-kunsill ta’ sorveljanza jista’ jirrevoka l-ħatra ta’ membru tal-Bord tad-Diretturi u l-ħatra għall-kariga ta’ president għal raġunijiet serji. Dan jista’ jikkonsisti b’mod partikolari f’nuqqas serju, l-inkapaċità li tiġi żgurata ġestjoni tajba jew sfiduċja mil-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti, ħlief jekk il-fiduċja ma tkunx ġiet irtirata għal raġunijiet manifestament suġġettivi. Din id-dispożizzjoni tapplika wkoll għall-Bord tad-Diretturi maħtur mill-ewwel kunsill ta’ sorveljanza. Ir-revoka tibqa’ effettiva għal daqstant żmien sakemm l-ineffikaċja tagħha ma tkunx is-suġġett ta’ deċiżjoni li jkollha s-saħħa ta’ res judicata, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet maħluqa mill-kuntratt ta’ impjieg.”

20.      L-Artikolu 3(4) tal-Istatuti ta’ ÖBB-Infrastruktur AG, fil-verżjoni tagħhom tat-30 ta’ Ġunji 2010, jipprovdi:

“Il-kisba ta’ dan l-għan korporattiv huwa wkoll fl-interess komuni tal-kumpanniji li fihom Österreichische Bundesbahnen-Holding Aktiengesellschaft ikollha, direttament jew indirettament, sehem maġġoritarju, u għandha tosserva l-għanijiet strateġiċi ġenerali, kemm-il darba dan ma jmurx kontra l-indipendenza ġuridika, organizzattiva u deċiżjonali, prevista mid-dritt Komunitarju u mil-liġi Awstrijaka dwar il-linji tal-ferrovija, ta’ ÖBB-Infrastruktur Aktiengesellschaft fil-konfront tal-impriżi tat-trasport ferrovjarju (b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-allokazzjoni tal-mogħdijiet tal-ferrovija, l-impożizzjoni ta’ tariffi għall-użu tal-mogħdijiet tal-ferrovija, iċ-ċertifikazzjoni fil-qasam tas-siguratà u l-istabbiliment ta’ regoli ta’ funzjonament).”

III – Il-proċedura prekontenzjuża u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

21.      F’Mejju 2007, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lill-awtoritajiet Awstrijaki sabiex tivverifika t-traspożizzjoni mir-Repubblika tal-Awstrija tad-Direttivi dwar l-ewwel pakkett ferrovjarju. L-imsemmi Stat Membru rrisponda b’ittra tat-2 ta’ Awwissu 2007.

22.      B’ittra tas-27 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni intimat lir-Repubblika tal-Awstrija biex tikkonforma mad-Direttivi 91/440, 95/18 u 2001/14. B’ittra tat-30 ta’ Settembru 2008, ir-Repubblika tal-Awstrija rrispondiet għal dik l-ittra ta’ intimazzjoni.

23.      B’ittra tat-8 ta’ Ottubru 2009, il-Kummissjoni indirizzat opinjoni motivata lir-Repubblika tal-Awstrija fejn hija kkonstatat li dan l-Istat ma kienx issodisfa l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 6(3) u l-Anness II tad-Direttiva 91/440 kif ukoll l-Artikoli 4(2) u 14(2) tad-Direttiva 2001/14. Il-Kummissjoni talbitha biex tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tikkonforma ma’ din l-opinjoni motivata fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika. B’ittra tad-9 ta’ Diċembru 2009, ir-Repubblika tal-Awstrija rrispondiet għall-opinjoni motivata u kkontestat l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mill-Kummissjoni.

24.      Peress li ma kinitx sodisfatta bir-risposta tar-Repubblika tal-Awstrija, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors, li wasal għand il-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Novembru 2010.

25.      B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Mejju 2011, ir-Repubblika Taljana ġiet ammessa sabiex tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Repubblika tal-Awstrija.

26.      Il-Kummissjoni, ir-Repubblika tal-Awstrija u r-Repubblika Taljana kienu rrappreżentati matul is-seduta li saret fit-23 ta’ Mejju 2012.

IV – Il-motivi u l-argumenti tal-partijiet

27.      Il-Kummissjoni ssostni li l-entità li lilha ġiet fdat l-eżerċizzju tal-funzjonijiet essenzjali elenkati fl-Anness II tad-Direttiva 91/440 għandha tkun indipendenti ekonomikament – u mhux biss ġuridikament – mill-impriża li tipprovdi servizzi ta’ trasport ferrovjarju.

28.      F’dan ir-rigward, hija ssostni li, għalkemm l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/440 ma jeħtiġx espliċitament li l-entità li lilha jiġi fdat l-eżerċizzju tal-funzjonijiet essenzjali tkun “indipendenti” mill-kumpanniji li jipprovdu s-servizzi ta’ traspost ferrovjarju, it-terminu “impriża” użat f’dik id-dispożizzjoni għandu madankollu jiġi interpretat, skont l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, bħala li jkopri l-entitajiet kollha li, għalkemm ma jkunux ġuridikament separati, jaġixxu bħala “unità ekonomika”.

29.      Skont il-Kummissjoni, l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/440 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-funzjonijiet essenzjali eżerċitati mill-amministratur tal-infrastruttura għandhom jitwettqu minn entità distinta mill-impriżi ferrovjarji mhux biss mill-aspett ġuridiku, iżda wkoll indipendenti minnhom fuq livell organizzattiv u deċiżjonali.

30.      Il-Kummissjoni ssostni sussegwentement li, meta l-funzjonijiet essenzjali jiġu eżerċitati minn kumpannija li tiddependi fuq kumpannija holding ferrovjarja bħal ma huwa l-każ ta’ ÖBB Infrastruktur AG, ikollu jiġi evalwat sa liema grad u taħt liema kundizzjonijiet il-kumpannija dipendenti, li tkun barra minn hekk l-amministratur tal-infrastruttura inkarigat biex jeżerċita dawn il-funzjonijiet essenzjali, tista’ titqies bħala “indipendenti” mill-impriża li tipprovdi s-servizzi tat-trasport ferrovjarju (jiġifieri l-kumpannija holding u l-kumpanniji li jiddependu minn din tal-aħħar li jipprovdu s-servizzi ta’ trasport ta’ persuni u merkanzija), minkejja l-appartenenza tagħhom għall-istess grupp.

31.      Ir-Repubblika tal-Awstrija ma pprovditx mekkaniżmi effikaċi biex tiggarantixxi l-indipendenza organizzattiva u deċiżjonali tal-amministratur tal-infrastruttura ÖBB-Infrastruktur AG. Minn dan il-Kummissjoni ddeduċiet li l-imsemmi Stat Membru b’hekk naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 6(3) u l-Anness II tad-Direttiva 91/440, kif ukoll taħt l-Artikoli 4(2) u 14(2) tad-Direttiva 2001/14.

32.      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni fl-ewwel lok li l-osservanza tal-obbligi ta’ indipendenza għandha tkun suġġetta għal kontroll min-naħa ta’ awtorità indipendenti, bħall-awtorità regolatorja għall-ferroviji, jew minn terz. Il-kompetituri kellu jkollhom il-possibbiltà li jilmentaw fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżit ta’ indipendenza. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li ebda waħda minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet ma ġiet osservata mill-Awstrija.

33.      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni hija tal-fehma li għandu jkun hemm dispożizzjonijiet legali jew tal-inqas kuntrattwali dwar l-indipendenza fir-relazzjoni bejn il-kumpannija holding u l-entità inkarigata mill-funzjonijiet essenzjali, bejn din tal-aħħar u impriżi oħrajn tal-grupp li jipprovdu servizzi ferrovjarji, u l-awtoritajiet l-oħrajn li huma kkontrollati mill-imsemmija kumpannija holding, b’mod partikolari l-laqgħa tal-azzjonisti tal-entità inkarigata mill-funzjonijiet essenzjali.

34.      Il-Kummissjoni ssostni li l-fatt li l-Artikolu 3 tal-Istatuti u l-Artikolu 10(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Kunsill ta’ sorveljanza ta’ ÖBB-Infrastruktur AG jipprovdu li l-Bord tad-Diretturi ta’ din il-kumpannija ma huwiex suġġett, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet essenzjali, għall-istruzzjonijiet tal-Kunsill ta’ sorveljanza jew ta’ ÖBB-Holding AG ma huwiex suffiċjenti biex tiġi eskluża l-possibbiltà ta’ konflitti ta’ interess bejn id-Diretturi tal-amministratur tal-infrastruttura u tal-kumpannija holding, peress li d-diretturi, li jistgħu jinħatru u jitneħħew minn din tal-aħħar, kellhom inċentiv biex ma jiħdux deċiżjonijiet li jmorru kontra l-interessi ekonomiċi tal-kumpannija holding tagħhom.

35.      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-membri tal-Bord tad-Diretturi tal-kumpannija holding u ta’ impriżi oħrajn ta’ din il-kumpannija holding ma għandhomx jifformaw parti mill-Bord tad-Diretturi tal-entità inkarigata mill-funzjonijiet essenzjali.

36.      Fil-fatt, fil-fehma tagħha, huwa diffiċli li jiġi sostnut li l-Bord tad-Diretturi tal-entità inkarigata mill-funzjonijiet essenzjali huwa indipendenti mill-aspett deċiżjonali mill-Bord tad-Diretturi tal-kumpannija holding meta ż-żewġ bordijiet huma komposti mill-istess persuni. Il-Kummissjoni tosserva li ebda dispożizzjoni legali ma tipprekludi li tinħoloq sitwazzjoni bħal din.

37.      Fir-raba’ lok, ebda dispożizzjoni ma tipprojbixxi lill-amministraturi tal-entità inkarigata mill-funzjonijiet essenzjali u lill-uffiċjali superjuri inkarigati mill-funzjonijiet essenzjali milli jaċċettaw, għal numru raġonevoli ta’ snin wara li jkunu telqu mill-entità kkonċernata, kull impjieg ta’ livell superjuri fi ħdan il-kumpannija holding jew ta’ korpi oħrajn taħt il-kontroll tagħha. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 15 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, invokat mill-Awstrija, li jistabbilixxi dritt fundamentali għal-libertà professjonali u u d-dritt għax-xogħol, huwa madankollu suġġett għar-riżerva ġenerali tal-legalità prevista fl-Artikolu 52 tal-imsemmija karta. Limitazzjoni raġonevoli tal-eżerċizzju ta’ attività professjonali b’hekk hija ġustifikata.

38.      Fil-ħames lok, il-Kummissjoni ssostni li l-Bord tad-Diretturi inkarigat mill-funzjonijiet essenzjali għandu jinħatar skont kundizzjonijiet iddefiniti b’mod ċar u b’impenji ġuridiċi li jiggarantixxu l-indipendenza totali tad-deċiżjonijiet meħuda minnu. Dan għandu jinħatar u jitneħħa taħt il-kontroll ta’ awtorità indipendenti.

39.      Finalment, il-Kummissjoni ssostni li l-miżuri ta’ salvagwardja meħuda sabiex tiġi ggarantita l-indipendenza ta’ ÖBB-Infrastruktur AG fil-konfront ta’ ÖBB-Holding AG ma humiex suffiċjenti.

40.      Il-Gvern Awstrijak jargumenta li ma hemmx lok li tiġi implementata “indipendenza ekonomika” tal-amministratur tal-infrastruttura, iżda d-dispożizzjonijiet tal-ewwel pakkett finanzjarju li huma orjentati, minn naħa, lejn l-għanijiet li għandhom jinkisbu – l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/440 – u, min-naħa l-oħra, lejn il-funzjonijiet – l-Artikoli 4(2) u 14(2) tad-Direttiva 2001/14. L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/440 jimponi biss l-għan li għandu jinkiseb, jiġifieri li jiġu fdati l-funzjonijiet essenzjali lil awtoritajiet jew impriżi indipendenti, u l-Artikoli 4(2) u 14(2) tad-Direttiva 2001/14 jimponu l-mod kif għandhom jiġu eżerċitati dawn il-funzjonijiet, jiġifieri minn korp indipendenti ta’ impriżi ferrovjarji fuq il-livelli ġuridiċi, organizzattivi u deċiżjonali.

41.      B’hekk, skont id-dispożizzjonijiet tal-ewwel pakkett ferrovjarju, ma huwiex wisq rilevanti li ÖBB-Infrastruktur AG, bħala “awtorità” fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/440, hija “ekonomikament” indipendenti.

42.      Il-Gvern Awstrijak isostni li l-kriterji ta’ eżami dwar il-prova tal-indipendenza previsti fl-Anness 5 tad-dokument ta’ ħidma SEC(2006) 530 tas-servizzi tal-Kummissjoni (10) ma jaqblux mad-dispożizzjonijiet vinkolanti rilevanti f’dan il-każ, li jinsabu fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/440, fl-Anness II tad-Direttiva 91/440 kif ukoll fl-Artikoli 4(2) u 14(2) tad-Direttiva 2001/14. Barra minn hekk, dan id-dokument ma ġiex ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u ma jikkostitwixxix att ġuridiku vinkolanti. B’hekk, ma jistax jiġi invokat fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

43.      F’dak li jirrigwarda l-kontroll minn awtorità indipendenti, il-Gvern Awstrijak huwa tal-fehma li l-ħolqien ta’ Schienen-Control GmbH u ta’ Schienen-Control Kommission iwassal biex il-ħarsien tar-rekwiżiti dwar l-indipendenza bil-għan li jiġu evitati distorsjonijiet tal-kompetizzjoni jista’ jiġi kkontrollat. Barra minn hekk, jistgħu jsiru prosekuzzjonijiet, kemm ex ufficio kif ukoll bi kwerela, minn awtorità regolatorja mhux suġġetta għal awtorità ta’ tmexxija, jiġifieri mis-Schienen-Control Kommission. B’hekk, ir-rekwiżiti ta’ indipendenza jkunu kkontrollati minn awtorità indipendenti.

44.      Il-Gvern Awstrijak isostni li, fir-rigward tal-eżistenza ta’ dispożizzjonijiet legali jew tal-inqas kuntrattwali bejn il-kumpannija holding u d-diversi entitajiet, l-obbligi korrispondenti li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tad-direttivi inkwistjoni, bħall-kriterji msemmija fl-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2001/14, dwar il-ġestjoni tal-mogħdijiet tal-ferrovija, u fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/440, ġew implementati bis-sħiħ bl-Artikolu 62(3) tal-Liġi dwar il-linji tal-ferrovija.

45.      Il-Gvern Awstrijak isostni li r-rekwiżit ta’ separazzjoni fi ħdan il-grupp ÖBB tal-oqsma ta’ “infrastruttura” u “servizzi ta’ trasport” ittieħed inkunsiderazzjoni, peress li, fl-ewwel lok, ÖBB-Infrastruktur AG hija mmexxija minn Bord ta’ Diretturi li ma huwiex suġġett għal awtorità ta’ tmexxija u li, fit-tieni lok, il-membri tal-Bord tad-Diretturi huma maħtura fil-karigi tagħhom għal perijodu ta’ bejn erba’ u ħames snin u ma jistgħux jitneħħew qabel l-iskadenza ta’ dan it-terminu ħlief fil-każijiet eċċezzjonali li jkunu debitament iġġustifikati. Fit-tielet lok, l-eżerċizzju ta’ influwenza, mhux biss diretta, iżda wkoll indiretta, fuq it-tmexxija huwa eskluż mid-dispożizzjonijiet supplimentari tal-istatuti u tar-regoli tal-proċedura tal-kunsill ta’ sorveljanza u tal-Bord tad-diretturi ta’ ÖBB-Infrastruktur AG, li permezz tagħhom id-drittijiet kollha ta’ awtorizzazzjoni tal-kunsill ta’ sorveljanza ma japplikawx meta din l-applikazzjoni tmur kontra l-indipendenza, meħtieġa mid-dritt tal-Unjoni u mil-liġi Awstrijaka dwar il-linji tal-ferrovija, ta’ ÖBB-Infrastruktur AG fir-rigward ta’ kwistjonijiet marbuta mal-aċċess għan-netwerk.

46.      Il-Gvern Awstrijak iqis li d-direttivi kkonċernati ma jipprovdux għal projbizzjoni tal-funzjonijiet doppji. Fil-każ fejn membru wieħed tal-Bord tad-Diretturi ta’ ÖBB-Infrastruktur AG imur fuq il-Bord tad-Diretturi ta’ ÖBB-Holding AG (bħala korp kolleġjali) jew fejn membru tal-Bord tad-Diretturi ta’ ÖBB-Infrastruktur AG imur fil-kunsill ta’ sorveljanza ta’ din il-kumpannija, huwa ma jistax ikollu influwenza determinanti, għaliex membru tal-Bord tad-Diretturi ta’ ÖBB-Holding AG jew tal-kunsill ta’ sorveljanza ma jistax individwalment jeżerċita influwenza fuq ÖBB-Infrastruktur AG. Il-miżuri dwar l-indipendenza tal-amministrazzjoni u s-separazzjoni tal-infrastrutturi u tal-kummerċjalizzazzjoni, adottati fil-Liġi dwar il-linji tal-ferrovija u l-Liġi tal-2003 dwar l-istruttura tal-linji tal-ferrovija federali, għandhom jiġu applikati b’analoġija wkoll bħala kriterju għall-funzjonijiet doppji.

47.      Għal dak li jirrigwarda n-nuqqas ta’ perijodi tranżizzjonali bejn l-okkupazzjoni ta’ kariga fi ħdan l-entità inkarigata mill-funzjonijiet essenzjali bħala amministratur jew uffiċjal superjuri inkarigat minn dawn il-funzjonijiet u l-eżerċizzju ta’ impjieg ta’ livell superjuri fi ħdan il-kumpannija holding, ir-riżerva ġenerali tal-legalità fl-Artikolu 15(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ma tiġġustifikax limitazzjoni temporanja tal-eżerċizzju ta’ attività professjonali ħlief jekk din tkun prevista mil-liġi u ġġustifikata, li ma huwiex il-każ hawnhekk, b’mod partikolari minħabba n-nuqqas ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva korrispondenti. Il-paragun bejn id-dispożizzjonijiet applikabbli għas-setturi tal-elettriku u tal-gass lanqas ma huwa rilevanti, peress li dawn id-dispożizzjonijiet ġew adottati biss reċentement, mingħajr ma ġew adottati għas-settur tal-linji tal-ferrovija.

48.      Fil-fatt, il-Gvern Awstrijak iqis li huwa implementa miżuri ta’ salvagwardja suffiċjenti u li l-għan li jiġi ggarantit suq ferrovjarju li jiffunzjona mingħajr diskriminazzjoni huwa sodisfatt. Fil-fatt, kemm l-indipendenza tad-diretturi u tal-entità inkarigata mill-funzjonijiet essenzjali kif ukoll il-kontroll fir-rigward tal-kompetizzjoni li huwa eżerċitat mill-awtorità regolatorja huma konformi mad-Direttivi 2001/14 u 91/440.

49.      Il-Gvern Taljan ifakkar li l-obbligu ta’ separazzjoni previst mil-leġiżlatur tal-Unjoni, f’dak li jirrigwarda l-funzjonijiet ta’ trasport ferrovjarju u ta’ ġestjoni tal-infrastruttura, huwa relatat mal-kontabbilità.

50.      Huwa jenfasizza li l-Kummissjoni, fir-rigward tal-mudell ta’ kumpannija holding, tiddefendi approċċ kontradittorju peress li twassal għal preżunzjoni ta’ inkompatibbiltà, sa fejn dan il-mudell huwa rikonoxxut legalment, iżda ma jistax ikun kompatibbli mad-direttiva inkwistjoni ħlief fil-każ fejn il-kumpannija holding ma jkollhiex u ma teżerċitax prerogattivi li normalment ikollha kumpannija holding.

51.      Il-leġiżlazzjoni ma kinitx intiża sabiex tintroduċi obbligu li jiġu sseparati l-istrutturi ta’ proprjetà jew is-sistemi organizzattivi li għandhom effetti ekwivalenti fuq il-livell tal-awtonomija tal-ġestjoni, iżda pjuttost li tiġu osservata u ggarantita s-setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri u tal-impriżi li jixtiequ jadottaw mudelli ta’ organizzazzjoni ta’ tipi differenti.

52.      Il-Gvern Taljan, kemm fid-dawl tat-test kif ukoll tal-għan tal-leġiżlazzjoni, ma jaqbilx mal-Kummissjoni meta tqis li l-funzjonijiet essenzjali kellhom jiġu attribwiti lil entitajiet esterni tal-grupp li għalih tappartjeni impriża ferrovjarja.

V –    Analiżi

A –    Osservazzjonijiet preliminari

1.      L-ipoteżi bażika tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

53.      Fl-Awstrija, diversi funzjonijiet essenzjali msemmija fl-Anness II tad-Direttiva 91/440 huma fdati lill-amministratur tal-infrastruttura, jiġifieri ÖBB-Infrastruktur AG. Din il-kumpannija hija ġuridikament indipendenti, iżda tagħmel parti minn grupp ta’ kumpanniji mmexxija minn kumpannija holding u li jinkludu wkoll impriżi li jipprovdu servizzi ta’ trasport ferrovjarju.

54.      Il-Kummissjoni takkuża lir-Repubblika tal-Awstrija li ma stabbilixxitx mekkaniżmi effikaċi biex tiggarantixxi l-indipendenza organizzattiva u deċiżjonali tal-amministratur tal-infrastruttura ÖBB-Infrastruktur AG u l-eżerċizzju indipendenti minn din tal-aħħar tal-funzjonijiet essenzjali, b’hekk naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/440.

55.      L-argument tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq tliet ipoteżi.

56.      L-ewwel waħda hija li, anki jekk struttura fejn l-amministratur tal-infrastruttura jagħmel parti mill-istess grupp ta’ impriżi bħal kumpannija ferrovjarja, fejn it-tnejn ikunu kumpanniji sussidjarji ta’ kumpannija holding, hija fiha nfisha ammissibbli, l-indipendenza tal-funzjonijiet essenzjali prevista fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/440 ma tistax, f’każ bħal dan, tinkiseb ħlief jekk ikun iggarantit ir-rekwiżit ta’ indipendenza ekonomika, li huwa inkluż impliċitament f’din id-dispożizzjoni.

57.      It-tieni ipoteżi hija li tali indipendenza ekonomika ma tistax tinkiseb taħt il-kundizzjonijiet ta’ struttura ta’ kumpannija holding, ħlief jekk l-Istat Membru jipprovdi miżuri ta’ sigurtà supplimentari li jikkorrispondu għal obbligu pożittiv għall-Istat Membru li jadotta regoli speċifiċi u dettaljati. Skont il-Kummissjoni, il-miżuri li jinsabu fl-Anness 5 tad-dokument ta’ ħidma SEC(2006) 530 tas-servizzi tal-Kummissjoni jikkostitwixxu tali miżuri, minkejja n-natura mhux vinkolanti tad-dokument.

58.      It-tielet ipoteżi li l-Kummissjoni tidher tippreżumi hija li, minħabba l-istruttura ta’ holding, l-entitajiet Awstrijaki kkonċernati jistgħu jevitaw jew jiksru l-obbligi previsti mil-leġiżlatur tal-Unjoni jew mil-leġiżlatur nazzjonali.

2.      Fuq l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mill-Istat Membru

59.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha bosta okkażjonijiet biex tippreċiża l-portata tal-obbligi li jirriżultaw mid-direttivi fir-rigward tat-traspożizzjoni korretta tagħhom fl-Istati Membri. Hija b’mod partikolari kkonstatat li ma huwiex fil-kompetenza tagħha li tipproċedi għal interpretazzjoni li tikkoreġi l-formulazzjoni ta’ artikolu tad-Direttiva.

60.      Fil-fatt, f’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (11), li r-Repubblika Ellenika tista’ tibbaża b’mod leġittimu l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha fuq il-formulazzjoni ċara tal-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 92/83/KEE (12), li jawtorizzaha li tapplika għall-ouzo rata ta’ sisa inqas mir-rata minima. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet ir-rikors tal-Kummissjoni, li permezz tiegħu hija allegat ksur minn dan l-Istat Membru tal-obbligi li jirriżultaw mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 90 KE, inkwantu sostniet li l-Istati Membri ma kinux eżentati, lanqas fil-preżenza ta’ tali awtorizzazzjoni fid-dritt sekondarju, mill-ħarsien tad-dritt primarju, u abbażi ta’ dan ikkonkludiet li fil-każ fejn il-miżura nazzjonali tirriżulta li ma hijiex konċiljabbli mad-dritt primarju, l-Istat Membru ma jistax juża din l-awtorizzazzjoni.

61.      Bl-istess mod, fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (13), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li r-Renju Unit tal-Gran Brettanja u tal-Irlanda ta’ Fuq, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu hija konformi mal-formulazzjoni ċara u preċiża tal-Artikolu 2(1) tat-tlettax-il Direttiva 86/560/KEE (14), ma jistax jiġi akkużat milli jwettaq l-obbligi tiegħu preċiżament taħt din id-dispożizzjoni minħabba l-fatt li naqas milli jipproċedi għal interpretazzjoni li tikkoreġi din id-dispożizzjoni sabiex tikkonforma mal-loġika ġenerali tas-sistema komuni tal-VAT u li jirrimedja żball tal-leġiżlatur Komunitarju, allegat mill-Kummissjoni u li jirriżulta, skont din tal-aħħar, mill-preambolu ta’ proposta ta’ direttiva.

62.      Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat fl-imsemmija sentenza li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ċertezza ġuridika jeħtieġ li leġiżlazzjoni tal-Unjoni tippermetti lill-partijiet ikkonċernati li jkunu jafu b’ċertezza l-portata tal-obbligi imposti fuqhom. L-individwi kkonċernati għandhom, effettivament, ikunu f’pożizzjoni fejn jistgħu jsiru jafu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom sabiex jimxu b’mod konformi (15). Ċertament, din il-ġurisprudenza tirrigwarda r-relazzjonijiet bejn l-individwi u l-awtorità pubblika. Madankollu, dik il-ġurisprudenza hija rilevanti wkoll fil-qafas tat-traspożizzjoni ta’ direttiva dwar il-qasam fiskali.

63.      F’kawża reċenti, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat in-natura oġġettiva tal-konstatazzjoni ta’ ksur (16). Madankollu, ma jistax jiġi kkonstatat ksur jekk l-azzjoni li l-Kummissjoni titlob mingħand l-Istat Membru ma tkunx speċifikata fit-test tad-direttiva u jekk tkun tirrappreżenta biss waħda mill-azzjonijiet possibbli sabiex tiġi trasposta d-direttiva.

64.      Il-Kummissjoni tenfasizza li din il-kawża tirrigwarda t-traspożizzjoni inkompleta, u mhux l-applikazzjoni ħażina tad-Direttiva. Għaldaqstant għandu jiġi vverifikat jekk l-istruttura ta’ holding, li tinkludi l-amministratur tal-infrastruttura inkarigat minn funzjonijiet essenzjali u kumpanniji ferrovjarji, hijiex kompatibbli mal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/440 biss jekk l-amministratur tal-infrastruttura jkun ekonomikament indipendenti mill-kumpannija parent tiegħu, u jekk tali indipendenza tistax tinkiseb mingħajr ma l-Istat Membru jieħu l-miżuri pożittivi meħtieġa mill-Kummissjoni.

B –    Indipendenza tal-korpi inkarigati mill-funzjonijiet essenzjali

65.      Id-Direttiva 91/440 bdiet il-liberalizzazzjoni tat-trasport ferrovjarju billi stabbilixxiet dritt ta’ aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja favur l-impriżi tat-trasport. Il-miżura importanti li takkumpanja dan id-dritt ta’ aċċess kienet is-separazzjoni tal-amministrazzjoni tal-infrastruttura mill-attività ta’ servizzi tat-trasport. Madankollu, il-prinċipju ta’ separazzjoni ma kienx jirrigwarda l-istrutturi, iżda l-funzjonijiet, u dan biss fir-rigward tal-funzjoni ta’ kontabbiltà. Huwa indikat biss fuq bażi opzjonali li din il-firda tista’ titlob “l-organizzazzjoni ta’ firdiet distinti bejn kull impriża jew li l-infrastruttura tkun immexxija minn kull entità separata”. Il-mudell nazzjonali integrat b’hekk jibqa’ ppreżervat.

66.      Id-Direttivi 95/18/KE u 95/19/KE (17), kif ukoll dawk tal-ewwel pakkett ferrovjarju tal-2001, kellhom l-għan li jimplementaw dritt ta’ aċċess ekwu u nondiskriminatorju, billi jipprovdu għall-ħolqien ta’ liċenzji għall-impriżi tat-trasport u regoli għall-allokazzjoni tal-kapaċitajiet u l-impożizzjoni ta’ tariffi. Sabiex jiġi żgurat tali aċċess, l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/440 ikkristalizza l-prinċipju tal-indipendenza tal-korp inkarigat mill-funzjonijiet essenzjali.

67.      Il-funzjonijiet essenzjali jissemmew fl-Anness II tad-Direttiva 91/440. Dawn jikkonsistu fil-ħruġ ta’ liċenzji lill-impriżi ferrovjarji, l-allokazzjoni tal-kapaċitajiet, l-allokazzjoni tal-mogħdijiet tal-ferrovija individwali, l-iffissar tal-ħlas li għandu jsir mill-impriżi tat-trasport u l-kontroll tal-ħarsien tal-obbligi ta’ servizz pubbliku.

68.      L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/440 u l-Artikoli 4(2) u 14(2) tad-Direttiva 2001/14 jirreferu rispettivament għall-indipendenza ta’ “awtorità jew impriża” li tamministra l-aċċess għan-netwerk, ta’ “korp għall-impożizzjoni tat-tariffi” u ta “korp għall-allokazzjoni” tal-kapaċitajiet. Dawn huma tliet funzjonijiet li fi kwalunkwe każ ma jistgħux jiġu eżerċitati minn impriża tat-trasport. Dawn il-funzjonijiet jistgħu jiġu eżerċitati jew mill-amministratur jekk ma jkunx “huwa stess” fornitur ta’ servizzi tat-trasport, indipendenti minn kull impriża ferrovjarja, b’mod partikolari l-operatur storiku, jew inkella, fil-każ kuntrarju, minn “korp”, jiġifieri awtorità jew impriża li tkun indipendenti mill-impriżi ferrovjarji fuq “livell ġuridiku, organizzattiv jew deċiżjonali”.

69.      Id-deċiżjonijiet kollha tal-korpi inkarigati minn funzjonijiet essenzjali jistgħu jkunu suġġetti għal rikors quddiem korp ta’ kontroll indipendenti stabbilit mill-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2001/14.

70.      Fis-sistema integrata tal-kumpannija holding, l-amministratur tal-infrastruttura huwa wkoll il-korp indipendenti responsabbli mill-allokazzjoni tal-mogħdijiet tal-ferrovija, mill-impożizzjoni ta’ tariffi għall-użu tal-mogħdijiet tal-ferrovija, miċ-ċertifikazzjoni fir-rigward tas-sigurtà u l-istabbiliment tar-regoli dwar il-funzjonament. Anki wara l-adozzjoni tal-ewwel pakkett ferrovjarju, kien rikonoxxut li dik is-sistema kienet għadha awtorizzata (18). Fir-rapport tal-2006 dwar l-implementazzjoni tal-ewwel pakkett ferrovjarju, is-servizzi tal-Kummissjoni esprimew l-opinjoni li l-firda istituzzjonali fi kwalunkwe każ ma setgħetx tiġi dedotta mit-test tad-direttiva; huma indikaw ukoll li din il-firda istituzzjonali kienet il-preferenza tagħhom (19).

71.      Mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/440 jirriżulta li firda istituzzjonali ma tistax tiġi imposta fuq l-Istati Membri. L-Artikolu 6(1) jimponi, essenzjalment fil-kuntest tal-għajnuna mill-Istat, separazzjoni fil-kontabbiltà bejn l-attività ta’ servizzi ta’ trasport u l-attività ta’ amministrazzjoni tal-infrastruttura. It-test tal-paragrafu 2 juri biċ-ċar li fil-prinċipju ma hemm ebda obbligu ta’ separazzjoni istituzzjonali: “l-Istati Membri jistgħu wkoll jagħtu lok li din il-firda titlob ukoll l-organizzazzjoni ta’ firdiet distinti bejn kull impriża jew li l-infrastruttura tkun immexxija minn kull entità separata”.

72.      Huwa biss fil-paragrafu 3 tal-istess Artikolu 6 li, fir-rigward tal-“funzjonijiet li jiddeterminaw aċċess ekwu u mhux diskriminatorju għall-infrastruttura, elenkati fl-Anness II”, li hija meħtieġa firda, peress li l-awtorità jew impriża ma tistax tkun hija stess fornitriċi ta’ servizzi ta’ trasport bil-ferrovija. Madankollu, dik l-istess dispożizzjoni tippreċiża li ma hemmx imperattivi ta’ natura istituzzjonali “irrispettivament mill-istrutturi organizzattivi”, inkwantu “irid jintwera” li jkun inkiseb dan l-għan ta’ aċċess ekwu u nondiskriminatorju.

73.      Għaldaqstant għandu jiġi konkluż li d-direttiva tawtorizza s-sistema integrata tal-kumpannija holding u ma timponix separazzjoni istituzzjonali bejn l-amministratur u l-operatur storiku. Madankollu, huwa fil-kuntest tal-amministrazzjoni tal-funzjonijiet essenzjali li l-mudell ta’ holding jista’ joħloq diffikultajiet, peress li tali kumpannija holding tinsab fil-quċċata tal-impriża tat-trasport u l-impriża li tamministra l-infrastruttura.

74.      Id-Direttiva 2001/14 issemmi li l-grad ta’ indipendenza meħtieġ għall-korpi inkarigati mill-funzjonijiet essenzjali jfisser indipendenza fuq il-livelli “ġuridiċi, organizzattivi u deċiżjonali” (20).

75.      L-istruttura ta’ holding tosserva mingħajr dubju l-ewwel kriterju, kif ukoll it-tieni kriterju. L-indipendenza ġuridika permezz tal-ħolqien ta’ kumpannija sussidjarja fi ħdan kumpannija holding hija ċerta. L-indipendenza organizzattiva tirriżulta parzjalment mill-personalità ġuridika separata, li teżiġi li l-kumpannija jkollha l-korpi tagħha stess għat-teħid ta’ deċiżjonijiet. Dan ir-rekwiżit jestendi parzjalment għal-livell fattwali tal-organizzazzjoni. L-entità ma tistax tibqa’ qoxra vojta, iżda għandu jkollha r-riżorsi personali u fattwali tagħha stess. Finalment, l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/440 jeżiġi li “għandu jintwera li” jkun inkiseb l-għan ta’ indipendenza tal-korpi inkarigati minn funzjonijiet essenzjali. B’hekk huwa t-tielet kriterju li huwa problematiku.

76.      Il-Kummissjoni teżiġi li diversi miżuri pożittivi li ma jinsabux fit-test tad-Direttivi 91/440 u 2001/14 jittieħdu sabiex tiġi żgurata l-indipendenza deċiżjonali tal-korp inkarigat mill-funzjonijiet essenzjali, f’dan il-każ fil-mudell tal-holding, jiġifieri l-amministratur tal-infrastruttura. Huwa minnu li dawn il-miżuri kollha flimkien jiżguraw indipendenza deċiżjonali effettiva tal-amministratur tat-trasport.

77.      Nirrileva li l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/440 ma jippreċiżax il-kundizzjonijiet ta’ din l-indipendenza. Hija din il-lakuna li l-Kummissjoni qiegħda tipprova timla, b’mod partikolari billi tirreferi għall-Anness 5 tad-dokument ta’ ħidma SEC(2006) 530 tad-dipartimenti tal-Kummissjoni, anness mar-rapport dwar l-implementazzjoni tal-ewwel pakkett ferrovjarju.

78.      L-imsemmi anness isemmi l-intervent tal-korp regolatorju sabiex jiġi vverifikat li l-indipendenza tiġi rrispettata sew kif ukoll sabiex isir intervent fil-ħatra u r-revoka tad-diretturi tal-amministratur tal-infrastruttura. Barra minn hekk, huwa jeżiġi l-projbizzjoni ta’ funzjonijiet doppji fi ħdan il-korpi ta’ tmexxija tal-grupp kollu, perijodu ta’ stennija għall-membri tal-Bord tad-Diretturi meta jmorru minn entità għal oħra tal-kumpannija holding u l-aċċess protett tal-informazzjoni pproċessata mill-imsemmi amministratur.

79.      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba sabiex timponi fuq l-Istati Membri dawn il-kundizzjonijiet speċifiċi kollha, li ma jinsabux fir-rapport dwar l-implementazzjoni tal-ewwel pakkett ferrovjarju u li, għaldaqstant, ma jinsabux fit-test tad-Direttiva 91/440.

80.      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-oneru tal-prova dwar in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huwa tal-Kummissjoni, li “għandha tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-provi neċessarji sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tivverifika l-eżistenza ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, mingħajr ma tista’ tibbaża ruħha fuq kwalunkwe preżunzjoni”.

81.      Il-Kummissjoni stess tirrikonoxxi li dak li hija titlob lill-Istati Membri u li mmotivaha biex tressaq il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja huwa l-interpretazzjoni tagħha tad-Direttiva 91/440 fl-Anness 5 tad-dokument ta’ ħidma SEC(2006) 530. Dan l-anness ma għandux valur ġuridiku vinkolanti. Hija tesprimi interpretazzjoni li d-dipartiment tal-Kummissjoni jipproponu f’dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ indipendenza ġuridika, organizzattiva u deċiżjonali. Għandu jitfakkar li l-obbligi pożittivi inkwistjoni qatt ma kienu jinsabu fit-test tal-imsemmija direttiva jew f’test obbligatorju ieħor tad-dritt tal-Unjoni, la fiż-żmien meta ġiet adottata d-direttiva u lanqas meta skada t-terminu għat-traspożizzjoni.

82.      Il-Kummissjoni tissottometti, flimkien ma’ interpretazzjoni kostruttiva tal-prinċipju ta’ indipendenza organizzattiva u deċiżjonali ddikjarat fid-Direttivi 91/440 u 2001/14, argument li jikkonsisti f’żewġ partijiet u li huwa marbut mal-effett utli.

83.      L-ewwel wieħed jibbaża fuq id-dritt tal-kompetizzjoni u, meta jitqies il-mudell tal-holding u b’hekk il-preżenza ta’ kumpannija parent u l-kumpanniji sussidjarji tagħha, fuq interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ indipendenza tal-amministratur li tgħid li dan tal-aħħar jista’ jitqies biss bħala “impriża awtonoma” għall-finijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni. Ċerti poteri normali tal-kumpannija holding fuq il-kumpannija sussidjarja tagħha fis-sens tad-dritt tal-kumpanniji b’hekk jiġu maqbuża.

84.      It-tieni argument jibbaża fuq id-dritt regolatorju li jibbaża fuq l-idea li għas-settur ferrovjarju għandu japplika dritt komuni regolatorju fir-rigward tal-indipendenza tal-amministratur u s-setgħat tal-korp regolatorju. Il-Kummissjoni tirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar in-netwerks.

85.      Skont il-Kummissjoni, ħlief jekk ikun hemm prova kuntrarja, hemm lok li jiġi preżunt li l-kumpannija holding effettivament teżerċita kontroll ekonomiku fuq il-kumpannija sussidjarja li hija l-amministrattriċi tal-infrastruttura inkarigata minn funzjonijiet essenzjali. Madankollu, fil-fehma tiegħi, l-applikazzjoni tal-analoġija mal-unità ekonomika tal-kumpanniji sussidjarji u l-kumpannija parent fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni ma hijiex konvinċenti, għaliex tikkundanna s-sistema nfisha tal-kumpannija holding, meta din hija rikonoxxuta espressament mid-Direttivi 91/440 u 2001/14. Ir-Repubblika tal-Awstrija ġustament ikkonkludiet li jekk is-sussidjarja ta’ kumpannija parent ma tkunx tista’ teżerċita l-funzjonijiet essenzjali ta’ amministratur tal-infrastruttura meta sussidjarja oħra tal-istess kumpannija holding tipprovdi servizzi ta’ trasport ferrovjarju, l-opzjoni li tintuża struttura ta’ holding, li hija leġittima skont id-dritt tal-Unjoni, fir-realtà ssir impossibbli.

86.      Barra minn hekk, fil-kuntest tad-dritt tal-kompetizzjoni, l-unità ekonomika għandha tiġi pprovata. Dan huwa a fortiori l-każ fil-kuntest ta’ rikors għall-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li jirrigwarda traspożizzjoni inkompleta u li jiġi ppreżentat minkejja l-fatt li t-test tad-Direttiva ma jgħidx hekk. Madankollu, l-obbligu li jimplika d-dritt tal-kompetizzjoni li li trid tinġieb prova tal-indipendenza tal-kumpannija sussidjarja ma jistax jiġi traspost għall-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Is-sempliċi fatt li l-kumpannija holding ikollha l-maġġoranza jew it-totalità tal-ishma jew tad-drittijiet ta’ vot relatati tal-entità inkarigata mill-funzjonijiet essenzjali ma huwiex suffiċjenti, għaliex inkella s-sistema “normali” ta’ kumpannija holding tkun ikkundannata fiha nfisha. Barra minn hekk, jidhirli li huwa diskutibbli li jiġi applikat l-approċċ propost mill-Kummissjoni għal każijiet fejn l-għan espliċitu tal-istruttura holding ikun li tiġi stabbilita kumpannija sussidjarja inkarigata b’missjonijiet ta’ natura pubblika u li l-indipendenza tagħha tkun prevista minn dispożizzjonijiet speċifiċi. Fil-fehma tiegħi, l-eventwali kollużjoni fattwali bejn il-kumpanniji sussidjarji ta’ kumpannija holding għandha tiġi pprovata.

87.      Għaldaqstant, hija l-Kummissjoni li għandha tipprova li s-sistema toħloq konflitt ta’ interessi ovvju li jwassal għall-konklużjoni ta’ nuqqas ta’ indipendenza fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet essenzjali. Kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kontroll ta’ 100 % mill-kumpannija parent ma jeskludix aġir indipendenti min-naħa tal-kumpannija sussidjarja tagħha (21). Għaldaqstant, hija l-Kummissjoni li għandha l-oneru li tipprova li r-riskju ta’ konflitt ta’ interessi huwa tant kbir li jeħtieġ miżuri preventivi mhux previsti fit-test tad-Direttiva.

88.      L-argument tal-Kummissjoni li huwa bbażat fuq l-ipoteżi ta’ forma ta’ “abbuż awtomatiku” li jirriżulta mill-istruttura stess tal-kumpannija holding, ma jistax jiġi aċċettat fil-kuntest ta’ proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, li ma jirrigwardawx applikazzjoni ħażina, iżda traspożizzjoni inkompleta tad-Direttiva.

89.      Barra minn hekk, ma jidhirlix li huwa koerenti li Stat Membru jiġi eżiġiet li jadotta regoli supplimentari jekk is-suġġetti kkonċernati ma josservawx, ex hypothesi, l-obbligi ġuridiċi li jipproteġu l-indipendenza tal-kumpannija sussidjarja.

90.      Għandu jingħad ukoll li l-kwistjoni tal-amministratur tan-netwerk kienet l-iktar waħda kontroversjali mit-tielet pakkett tal-enerġija. Id-dispożizzjonijiet li jittrasformaw lill-impriżi integrati f’kumpanniji b’responsabbiltà limitata li fi ħdanhom l-amministratur jibbenefika minn tmexxija u minn Bord ta’ Diretturi separati mill-kumpannija parent jinsabu fl-Artikoli 9 et seq. tal-Kapitoli IV u V tad-Direttiva 2009/72/KE, kif ukoll fid-dispożizzjonijiet identiċi tad-Direttiva 2009/73 (22). Id-dispożizzjonijiet ikkonċernati tad-Direttiva 2009/72 jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha li l-Kummissjoni fformulat kontra r-Repubblika tal-Awstrija.

91.      Bħala konklużjoni, fil-fehma tiegħi, il-Kummissjoni ma rnexxilhiex turi li l-uniku motiv biex jiġi sodisfatt ir-rekwiżit tal-indipendenza ġuridika, organizzattiva u deċiżjonali huwa sabiex jiġu previsti regoli leġiżlattivi, regolamentari jew kuntrattwali li jikkorrispondu għall-miżuri elenkati fir-rikors.

92.      Fil-fatt, ir-rekwiżiti li jirrigwardaw il-kompetenzi tal-korp regolatorju indipendenti stabbilit mill-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2001/14 ma jistgħux jiġu dedotti mill-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/440, għaliex din il-kwistjoni hija rregolata bis-sħiħ mill-ewwel dispożizzjoni ċċitata, li tagħti setgħat lill-korp regolatorju fil-każ ta’ trattament inugwali jew diskriminatorju ta’ kandidat, u f’dak li jirrigwarda l-osservanza tar-regoli dwar l-impożizzjoni ta’ tariffi (23).

93.      Projbizzjoni ta’ funzjonijiet doppji hija marbuta mal-prinċipju ta’ inkompatibbiltà, li hija inerenti għall-kunċett ta’ indipendenza deċiżjonali. Madankollu, dan il-prinċipju, li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma ddefinixxiex fid-Direttivi 91/440 u 2001/14, jista’ jiġi ddikjarat b’diversi gradi ta’ astrazzjoni, u huwa kkristalizzat b’modi differenti mid-diversi leġiżlazzjonijiet.

94.      Fil-kuntest ta’ struttura ta’ holding, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-kumpanniji għandhom influwenza fuq l-applikazzjoni korretta tal-prinċipju tal-inkompatibbiltà; funzjoni doppja fis-sistema ta’ Stat Membru A tista’ tirriżulta li hija mingħajr konsegwenzi reali, anki jekk tista’ titqies bħala inkompatibbli mal-indipendenza deċiżjonali tal-kumpannija sussidjarja fis-sistema ta’ Stat Membru B. Għal dik ir-raġuni, in-nuqqas ta’ regola f’dan is-sens ma tistax titqies awtomatikament bħala ksur min-naħa tal-Istat Membru.

95.      Fi kwalunkwe każ, il-miżura li teżiġi l-Kummissjoni u li tirrigwarda projbizzjoni tal-funzjonijiet doppji ma tkoprix is-sitwazzjonijiet kollha fejn l-indipendenza tal-funzjonijiet essenzjali tista’ tkun suġġetta għal dubju minħabba inkompatibbiltajiet. Wieħed jista’ jsemmi pereżempju s-sitwazzjoni fejn tliet aħwa jkunu membri tal-Bord tad-Diretturi, il-kbir fil-kumpannija holding u t-tnejn l-oħrajn fil-kumpanniji sussidjarji inkarigati rispettivament mill-ġestjoni tal-infrastruttura u tas-servizzi ferrovjarji. Ma huwiex possibbli li jiġi dedott mill-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/440 obbligu li tiġi prevista ex ante regola li tipprojbixxi l-funzjonijiet doppji, anki jekk is-sitwazzjonijiet konkreti ta’ funzjonijiet doppji speċifiċi jistgħu fil-fehma tiegħi faċilment jitqiesu bħala applikazzjoni żbaljata ta’ din id-dispożizzjoni.

96.      L-istess raġunament japplika għar-rekwiżit li l-amministraturi tal-entità inkarigata mill-funzjonijiet essenzjali kif ukoll l-uffiċjali superjuri u l-persunal inkarigati mill-funzjonijiet essenzjali għandhom ikunu preklużi, għal numru raġonevoli ta’ snin wara li jkunu telqu mill-entità kkonċernata, milli jaċċettaw kwalunkwe impjieg ta’ grad superjuri fi ħdan il-kumpannija holding jew awtoritajiet oħrajn taħt il-kontroll tagħha.

97.      Ġiet adottata regola f’dan is-sens fl-Artikolu 19(3) tad-Direttivi 2009/72 u 2009/73, li tipprovdi li l-uffiċjali responsabbli mit-tmexxija u l-membri tal-korpi amministrattivi ma jistgħux jinħatru jekk ma jiġġustifikawx in-nuqqas ta’ relazzjoni professjonali għal perijodu ta’ tliet snin mal-impriża integrata. L-Artikolu 19(7) jipprovdi li, fit-tmiem tal-mandat tagħhom, dawn il-persuni ma jistax ikollhom relazzjoni mal-impriża integrata għal perijodu ta’ erba’ snin. Finalment, matul l-attività tagħhom, l-Artikolu 19(4) jipprovdi li l-impjegati tal-amministratur tan-netwerk ma jistgħux iwettqu attivitajiet oħrajn ma’ parti oħra tal-kumpannija holding tas-settur tal-enerġija.

98.      Tali leġiżlazzjoni dettaljata ma hijiex inkluża fid-Direttivi ferrovjarji kkonċernati u ma tistax tiġi dedotta permezz ta’ interpretazzjoni.

99.      Fir-rigward tar-rekwiżit li jeħtieġ li l-amministratur tal-infrastruttura jkollu persunal u bini tiegħu, nikkonstata li dan huwa segwit fil-prattika mir-Repubblika tal-Awstrija u li obbligu li tiġi prevista regola partikolari f’dan is-sens ma tistax tiġi dedotta mill-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/440. Rigward il-komunikazzjoni bejn il-persunal tal-amministratur tal-infrastruttura u dak ta’ impriżi oħrajn tal-grupp, naqbel mal-argument tar-Repubblika tal-Awstrija, jiġifieri li l-Kummissjoni ma stabbilixxitx b’liema mod il-klawsoli ta’ protezzjoni tal-kunfidenzjalità stipulati fil-kuntratti tal-kollaboraturi ma humiex suffiċjenti.

100. Fl-aħħar nett, l-ilment dwar is-sigurtà tal-informazzjoni ġie abbandunat mill-Kummissjoni fir-replika tagħha, u għaldaqstant ma hijiex meħtieġa diskussjoni dwar dan il-punt.

101. B’hekk nikkonkludi li r-rikors, li jirrigwarda t-traspożizzjoni inkompleta tad-Direttiva, ma jistax jiġi aċċettat. Rigward l-applikazzjoni tad-Direttiva, il-mudell ta’ holding ma huwiex mingħajr problemi, kif diġà rrilevajt fil-kuntest tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Westbahn Management (24). Madankollu, fil-kuntest ta’ din il-kawża, il-Kummissjoni ma takkużax lir-Repubblika tal-Awstrija li għamlet applikazzjoni ħażina u lanqas ma ressqet provi probatorji f’dan is-sens.

VI – Fuq l-ispejjeż

102. Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tħallas l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

103. Peress li r-Repubblika tal-Awstrija talbet li l-Kummissjoni tiġi ordnata tħallas l-ispejjeż, din it-talba għandha tintlaqa’ jekk, kif nipproponi jien, ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

104. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 69(4) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Repubblika Taljana li talbet l-awtorizzazzjoni biex tintervjeni f’din il-kawża għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

VII – Konklużjoni

105. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi kif ġej:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

3)      Ir-Repubblika Taljana għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.



1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Direttiva tal-Kunsill 91/440/KEE, tad-29 ta’ Lulju 1991, dwar l-iżvilupp tal-ferroviji tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 341).


3 – Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2001, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 376).


4 – Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2001, dwar l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta’ piżijiet għall-użu ta' infrastruttura tal-ferroviji u ċertifikazzjoni tas-sigurtà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 404).


5 – Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 227). Għandu jiġi osservat li t-titolu tad-Direttiva 2001/14 ġie emendat bl-Artikolu 30 tad-Direttiva 2004/49/KE. Din issa jisimha “Id-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2001 fuq l-allokazzjoni tal-kapaċità ta’ l-infrastruttura tal-ferrovija u l-intaxxar tal-piżijiet għall-użu tal-infrastruttura tal-ferrovija”.


6 – Dawn huma l-kawżi pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (C‑473/10); Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑483/10); Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (C‑512/10); Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑528/10); Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka (C‑545/10); Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑556/10); Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑557/10); Il-Kummissjoni vs Franza (C‑625/10); Il-Kummissjoni vs Is-Slovenja (C‑627/10); Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑369/11), u Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C‑412/11), pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.


7 – BGBl. 825/1992, fil-verżjoni tagħha emendata u ppubblikata fil-BGBl. I, 95/2009.


8 – BGBl. 60/1957, fil-verżjoni tagħha emendata u ppubblikata fil-BGBl. I, 95/2009.


9 – BGBl. 98/1965.


10 – Commission staff working document SEC(2006) 530, tat-3 ta’ Mejju 2006, “Annexes to the Communication on the implementation of the railway infrastructure package Directives (‘First Railway Package’), COM(2006)189 final”, p. 31. Disponibbli biss bl-Ingliż.


11 – Sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2004 (C‑475/01, Ġabra p. I‑8923).


12 – Direttiva tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku  (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 206).


13 – Sentenza tal-15 ta’ Lulju 2010 (C-582/08, Ġabra p. I‑7191, punti 46 sa 51).


14 – It-Tlettax-il Direttiva tal-Kunsill tas-17 ta’ Novembru 1986 fir-rigward ta’ l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-taxxi ta’ ċaqliq ta’ flus - Arranġamenti għar-rifond tat-taxxa fuq il-valur miżjud lil persuni taxxabbli li ma humiex stabbiliti fit-territorju tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 129).


15 – Sentenza tal-10 ta’ Marzu 2009, Heinrich (C‑345/06, Ġabra p. I‑1659, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).


16 – Ara s-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2012, Il-Kummissjoni vs L-Estonja (C-39/10, punt 63).


17 – Direttiva tal-Kunsill 95/18/KE, tad-19 ta’ Ġunju 1995 dwar il-liċenzjar ta’ impriżi ferrovjarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 2, p. 258), u d-Direttiva 95/19/KE tal-Kunsill, tad-19 ta’ Ġunju 1995, dwar l-allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura ferrovjarja u l-ġbir tal-ħlasijiet għall-użu tal-infrastruttura (ĠU L 143, p. 75).


18 – Matul l-adozzjoni ta’ dan il-pakkett mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ddikjarat li l-funzjonijiet essenzjali u s-servizz ta’ trasport setgħu jitwettqu minn “impriżi indipendenti fuq livell ġuridiku, iżda magħquda fil-qafas ta’ kumpannija holding” (2324 sessjoni tal-Kumitat “Trasport”, tal-20 u l-21 ta’ Diċembru 2000). Ir-Repubblika tal-Awstrija tispjega fid-dettall l-evoluzzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan ir-rigward.


19 – “The Directives do not formally require institutional separation between the activities of infrastructure manager and railway undertaking, but this separation seems to be the best way of ensuring fair and non-discriminatory treatment for all railway undertakings wishing to gain access to the infrastructure”, ara Commission staff working document SEC(2006)530, p. 31.


20 – Għandu jiġi enfasizzat li din l-“indipendenza” hija ta’ natura differenti minn dik li, pereżempju, fl-espressjoni “b’indipendenza sħiħa”, tapplika għall-awtoritajiet inkarigati li jiggarantixxu l-protezzjoni tad-data personali, li tinsab fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE ta’ l-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355). Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑518/07, Ġabra p. I‑1885, punti 17 et seq.), u l-punti 20 et seq. tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mazák fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑614/10, pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja).


21 – Il-Kummissjoni tirreferi għas-sentenzi tal-14 ta’ Lulju 1972, Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni (48/69, Ġabra p. 619, punt 134), u tal-24 ta’ Ottubru 1996, Viho vs Il-Kummisjoni (C‑73/95 P, Ġabra p. I‑5457, punti 6 u 13 sa 18).


22 – Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU L 211, p. 55), u Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (ĠU L 211, p. 94).


23 – F’dan ir-rigward, nirreferi għar-raba’ ilment tal-Kummissjoni fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, fejn il-Kummissjoni tipproponi interpretazzjoni estensiva tal-Artikolu 30(4) tad-Direttiva 2001/14 u tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 91/440.


24 – Ara l-punti 47 et seq. tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Westbahn Management (C‑136/11, pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja).