Language of document :

Appell ippreżentat fit-8 ta’ Ġunju 2016 minn Eurallumina SpA mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla, Estiża) fit-22 ta’ April 2016 fil-Kawża T-60/06 RENV II u T-62/06 RENV II, Ir-Repubblika Taljana u Eurallumina SpA vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-323/16 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Eurallumina SpA (rappreżentanti: L. Martin Alegi, A. Stratakis, L. Philippou, Solicitors)

Partijiet oħra fil-proċedura: Ir-Repubblika Taljana, Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla s-sentenza

tannulla d-deċiżjoni 1 sa fejn din tordna lir-Repubblika Taljana tirkupra l-għajnuna jew, fin-nuqqas ta’ dan

tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti tqajjem aggravju uniku maqsum f’ħames partijiet, ibbażat fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-atti. Il-ħames partijiet huma s-segwenti:

Il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat is-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2013 safejn qieset lilha nnifisha obbligata li tiddeċiedi li l-aspettattivi leġittimi ta’ Eurallumina ntemmu bil-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura tat-2 ta’ Frar 2002.

B’konsegwenza ta’ dan l-iżball, il-Qorti Ġenerali naqset milli tindirizza l-għan innifsu tar-rikors u ma eżaminatx l-argumenti ta’ Eurallumina dwar il-kontinwazzjoni tal-aspettattivi leġittimi tagħha jew eżaminathom f’kuntest ġuridiku distort u b’mod żbaljatament.

Anki fl-applikazzjoni tal-kuntest ġuridiku żbaljat tagħha, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li d-dewmien mhux raġonevoli tal-Kummissjoni fit-twettiq tal-investigazzjoni ma kienx ta’ natura tali li joħloq fi ħdan Eurallumina aspettattivi leġittimi li jimpedixxu l-irkupru tal-għajnuna.

Il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat id-Direttiva 2003/96 2 contra legem, bi ksur tad-dritt tal-Unjoni u tal-prinċipji ta’ interpretazzjoni tiegħu.

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet l-argumenti ta’ Eurallumina bbażati fuq l-investimenti tagħha fil-fabbrika ta’ Sardegna.

____________

1 Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/323/KE, tas-7 ta’ Diċembru 2005, dwar l-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa fuq iż-żjut minerali użati bħala kombustibbli għall-produzzjoni tal-alumina fir-reġjun ta’ Gardanne, fir-reġjun ta’ Shannon u f’Sardegna, implementata rispettivament minn Franza, l-Irlanda u l-Italja (ĠU 2006, L 119, p. 12),

2 Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE, tas-27 ta’ Ottubru 2003, li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 405)