Language of document : ECLI:EU:C:2012:115

Kawża C-604/10

Football Dataco Ltd et

vs

Yahoo! UK Ltd et

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division))

“Direttiva 96/9/KE — Protezzjoni legali taʼ databases — Drittijiet tal-awtur — Kalendarji tal-logħbiet tal-kampjonati tal-futbol”

Sommarju tas-sentenza

1.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Protezzjoni ġuridika tad-databases — Direttiva 96/9 — Drittijiet tal-awtur u dritt sui generis

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 96/9, Artikoli 3(1) u 7(1))

2.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Protezzjoni ġuridika tad-databases — Direttiva 96/9 — Protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur — Kundizzjonijiet

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 96/9, Artikolu 3(1))

3.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Protezzjoni ġuridika tad-databases — Direttiva 96/9 — Protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 96/9, Artikoli 3(1) u 14(2))

1.        Kemm minn paragun tal-kliem rispettiv tal-Artikoli 3(1) u 7(1) tad-Direttiva 96/9, dwar il-protezzjoni legali ta’ databases, kif ukoll mid-dispożizzjonijiet jew premessi tagħha, bʼmod partikolari mill-Artikolu 7(4) tagħha u mill-premessa 39 tagħha, jirriżulta li d-drittijiet tal-awtur u d-dritt sui generis jikkostitwixxu żewġ drittijiet indipendenti li l-għan u l-kundizzjonijiet taʼ applikazzjoni tagħhom huma differenti. Għaldaqstant, il-fatt li database, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 96/9, ma tissodisfax il-kundizzjonijiet taʼ eliġibbiltà għall-protezzjoni mogħtija bid-dritt sui generis, taħt l-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva ma jfissirx awtomatikament li din l-istess database ma hijiex eliġibbli għall-protezzjoni mogħtija bid-drittijiet tal-awtur, taħt l-Artikolu 3 tal-istess direttiva.

(ara l-punti 27, 28)

2.        L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/9/KE, dwar il-protezzjoni legali taʼ databases, għandu jiġi interpretat fis-sens li database, skont l-Artikolu 1(2) taʼ din id-direttiva, hija protetta permezz tad-drittijiet tal-awtur previsti fʼdin tal-aħħar bil-kundizzjoni li l-għażla jew l-arranġament tad-data li hija tinkludi, tikkostitwixxi espressjoni oriġinali tal-libertà kreattiva tal-awtur tagħha, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

Għalhekk:

- l-isforzi intellettwali u l-ħila għall-ħolqien tal-imsemmija data ma humiex rilevanti biex tiġi ddeterminata l-eliġibbiltà tal-imsemmija database għall-protezzjoni mogħtija minn dan id-dritt;

- huwa indifferenti, għal dan l-għan, jekk l-għażla jew l-arranġament taʼ din id-data tinkludix jew le żieda sinjifikattiva għaliha; u

- ix-xogħol u l-ħila sinjifikattiva meħtieġa għall-ħolqien taʼ din id-database ma jistgħux, bħala tali, jiġġustifikaw tali protezzjoni jekk dawn ma jesprimu l-ebda oriġinalità fl-għażla jew fl-arranġament tad-data li l-imsemmija database tinkludi.

Fil-fatt, fl-ewwel lok, minn qari flimkien tal-Artikolu 3(2) u tal-premessa 15 tad-Direttiva 96/9 jirriżulta li l-protezzjoni mogħtija bid-drittijiet tal-awtur prevista bʼdin id-direttiva tikkonċerna l-“istruttura” tad-database, u mhux il-“kontenut” u, għalhekk, lanqas l-elementi kostituttivi tagħha. Il-kunċetti taʼ “għażla” u taʼ “arranġament”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/9 jirrigwardaw, rispettivament, l-għażla u l-format tad-data, li permezz tagħhom l-awtur tad-database jagħtiha l-istruttura tagħha. Min-naħa l-oħra, dawn il-kunċetti ma jkoprux il-ħolqien tad-data li tinsab fʼdin id-database.

Fit-tieni lok, kif jirriżulta mill-premessa 16 tad-Direttiva 96/9, il-kunċett taʼ kreazzjoni intellettwali tal-awtur innifsu jirreferi għall-kriterju tal-oriġinalità. Fir-rigward tal-ħolqien taʼ database, dan il-kriterju taʼ oriġinalità huwa sodisfatt meta, permezz tal-għażla jew tal-arranġament tad-data li hija tinkludi, l-awtur tagħha jesprimi l-kapaċità kreattiva tiegħu bʼmod oriġinali billi jwettaq għażliet liberi u kreattivi. Min-naħa l-oħra, l-imsemmi kriterju ma huwiex sodisfatt meta l-ħolqien tad-database huwa impost minn kunsiderazzjonijiet tekniċi, regolatorji jew minn restrizzjonijiet li ma jħallux post għal libertà kreattiva. Għalhekk, l-ebda kriterju ieħor għajr dak tal-oriġinalità ma huwa applikabbli għall-finijiet biex tiġi evalwata l-eliġibbiltà taʼ database għall-protezzjoni mogħtija bid-drittijiet tal-awtur prevista bʼdin id-direttiva.

(ara l-punti 30, 32, 37-40, 45, 46 u d-dispozittiv 1)

3.        Id-Direttiva 96/9, dwar il-protezzjoni legali taʼ databases, għandha tiġi interpretata fis-sens li, bla ħsara għad-dispożizzjoni tranżitorja li tinsab fl-Artikolu 14(2) tagħha, hija tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lil databases li jaqgħu taħt id-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 1(2) tagħha, protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur bʼkundizzjonijiet differenti mill-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(1) tagħha.

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/9 fil-fatt jipproċedi, kif jirriżulta wkoll mill-premessa 60 taʼ din id-direttiva, bʼarmonizzazzjoni tal-kriterji biex ikun stabbilit jekk database għandhiex tkun protetta bid-dritt tal-awtur.

(ara l-punti 49, 52 u d-dispożittiv 2)