Language of document : ECLI:EU:C:2012:602

OPINJONI TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

tat-2 ta’ Ottubru 2012(1)

Kawża C‑286/12

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

L-Ungerija


“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Politika soċjali – Direttiva 2000/78/KE – Ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol – Differenzi fit-trattament ibbażati fuq l-età – Irtirar obbligatorju tal-imħallfin, tal-prosekuturi pubbliċi u tan-nutara malli jagħlqu t-62 sena – Tnaqqis u żieda sussegwenti tal-età tal-irtirar – Ġustifikazzjoni u proporzjonalità tal-miżuri”





I –    Introduzzjoni

1.        Taħt liema kundizzjonijiet id-dritt tal-Unjoni jippermetti li tiġi stabbilita età massima għall-eżerċizzju ta’ funzjonijiet pubbliċi fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja? Din ma hijiex l-ewwel darba li din il-kwistjoni tqajmet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minn meta ġiet adottata d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (2).

2.        Filwaqt li fis-sentenza Fuchs (3) tqajmet il-kwistjoni ta’ jekk fil-fatt jistax ikun hemm età ta’ rtirar massima obbligatorja, dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jikkonċerna t-tnaqqis tal-età massima għal imħallfin, prosekuturi pubbliċi u nutara minn 70 sena għal 62 sena. B’dan it-tnaqqis l-Ungerija aġġustat l-età tal-irtirar tal-ġudikatura skont l-età tal-irtirar applikabbli b’mod ġenerali. Sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ din il-leġiżlazzjoni l-ġdida, l-uffiċjali pubbliċi kollha li kienu diġà qabżu dan il-limitu ġdid ta’ età, jiġifieri li kienu jaqgħu fi tmien gruppi ta’ etajiet, ġew irtirati. Fis-snin li ġejjin, l-età tal-irtirar applikabbli b’mod ġenerali, li issa tapplika wkoll għall-ġudikatura, għandha tiżdied b’sitt xhur kull sena sakemm tintlaħaq età tal-irtirar ġenerali ta’ 65 sena.

3.        Essenzjalment, il-punt li għandu jiġi ċċarat huwa jekk din il-leġiżlazzjoni hijiex iġġustifikata.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-Direttiva 2000/78

4.        Il-premessi 8, 9, 11 u 25 tad-Direttiva 2000/78 jipprovdu:

“(8)      Il-Linji Gwida ta’ l-Impjieg għall-2000 miftehma mill-Kunsill Ewropew f’Helsinki fl-10 u l-11 ta’ Diċembru 1999 emfasizzaw il-bżonn li jiġi promoss suq tax-xogħol favorevoli għall-integrazzjoni soċjali permezz tal-formolazzjoni ta’ għadd ta’ linji politiċi koerenti bl-iskop li jikkumbattu diskriminazzjoni kontra gruppi bħal ta’ persuni b’diżabilità. Jenfasizzaw wkoll il-bżonn li tingħata attenzjoni partikolari lis-sostenn ta’ ħaddiema anzjani, sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni tagħhom fil-forza tax-xogħol.

(9)      L-Impjieg u x-xogħol huma elementi ewlenija biex jiggarantixxu opportunitajiet ugwali għal kulħadd u jikkontribwixxu f’miżura wiesgħa għall-parteċipazzjoni sħiħa taċ-ċittadini fil-ħajja ekonomika, kulturali u soċjali u biex jilħqu l-potenzjal tagħhom.

[…]

(11)      Id-diskriminazzjoni bbażata fuq reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali tista’ tikkomprometti t-twettiq tal-miri tat-Trattat tal-KE, speċjalment li jintlaħaq livell għoli ta’ mpjieg u protezzjoni soċjali, li jiġi mgħolli l-istandard tal-ħajja u l-kwalità tal-ħajja, kif ukoll il-koeżjoni ekonomika u soċjali u s-solidarjetà, u l-moviment liberu tal-persuni.

[…]

(25)      Il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni marbuta ma’ l-età hija element essenzjali biex jintlaħqu l-miri stabbiliti fil-Linji Gwida ta’ l-Impjieg u biex tiġi inkoraġġita d-diversità fl-impjieg. Madankollu, id-differenzi fit-trattament marbuta ma’ l-età jistgħu jiġu ġġustifikati f’ċerti ċirkostanzi u għalhekk jeħtieġu dispożizzjonijiet speċifiċi li jistgħu jvarjaw skond is-sitwazzjoni fl-Istati Membri. Huwa għalhekk essenzjali li jkun hemm distinzjoni bejn id-differenzi fi trattament li huma ġġustifikati, b’mod partikulari minn politika leġittima ta’ mpjieg, objettivi tas-suq tax-xogħol u taħriġ professjonali, u diskriminazzjoni li għandha tiġi pprojbita.”

5.        Skont l-Artikolu 1 tagħha, l-għan tad-Direttiva 2000/78 huwa li “tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament”.

6.        L-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78 jistabbilixxu projbizzjoni tad-diskriminazzjoni:

“(1)      Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

(2)      Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

a)      għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1.”

7.        Fil-paragrafu 1 tiegħu, l-Artikolu 3 (“Il-kamp ta’ applikazzjoni”) tad-Direttiva 2000/78 jipprovdi:

“Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda:

[…]

(ċ)      il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga;

[…]”

8.        L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 jinkludi numru ta’ ġustifikazzjonijiet possibbli għal trattament differenti fuq il-bażi tal-età:

“(1)      Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji.

Dan it-trattament differenti jista’ b’mod partikolari jinkludi:

(a)      l-istabbiliment ta’ kondizzjonijiet speċjali għall-aċċess għall-impjieg u t-taħriġ professjonali, l-impjieg u x-xogħol, inkluzi l-kundizzjonijiet ta’ sensji u pagi, għaż-żgħażagħ, ħaddiema ta’ età, u persuni li jkollhom responsabbilitajiet li jieħdu ħsieb persuni oħra sabiex jippromwovu l-integrazzjoni professjonali tagħhom jew jiżguraw il-protezzjoni tagħhom;

(b)      L-iffissar ta’ kondizzjonijiet minimi ta’ età, esperjenza professjonali jew anzjanità f’servizz għall-aċċess ta’ mpjieg jew għal ċerti vantaġġi marbuta ma’ l-impjieg;

(ċ)      l-iffissar ta’ età massima għal reklutaġġ li tkun ibbażata fuq ħtiġiet ta’ formazzjoni tal-post inkwistjoni jew fuq il-ħtieġa ta’ perijodu raġjonevoli ta’ mpjieg qabel l-irtirar.”

B –    Id-dritt Ungeriż

9.        Sal-1 ta’ Jannar 2012, l-Artikolu 57(2) tal-Liġi Nru LXVIII tal-1997 kien jippermetti lill-imħallfin jibqgħu fil-kariga tagħhom sakemm jilħqu l-età ta’ 70 sena.

10.      L-Artikolu 90(ha) tal-Liġi Nru CLXII tal-2011, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2012, issa jipprovdi li l-imħallfin li jkunu laħqu l-età massima tal-irtirar applikabbli għandhom jiġu rtirati.

11.      Sal-1 ta’ Jannar 2010, l-età tal-irtirar fl-Ungerija kienet ta’ 62 sena. Skont l-Artikolu 18(1) tal-Liġi Nru LXXXI tal-1997, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2010, l-età tal-irtirar issa għadha ta’ 62 sena biss fir-rigward ta’ dawk il-persuni li twieldu qabel l-1952. L-età tal-irtirar tiżdied b’sitt xhur għal kull sena ta’ età iżgħar sakemm, fir-rigward tal-persuni li twieldu fl-1957, tintlaħaq l-età tal-irtirar ġenerali ġdida ta’ 65 sena.

12.      Skont l-Artikolu 230 tal-Liġi Nru CLXII tal-2011, l-imħallfin li jkunu laħqu l-età ta’ 62 sena qabel l-1 ta’ Jannar 2012 għandhom jiġu rtirati b’effett mit-30 ta’ Ġunju 2012 filwaqt li l-imħallfin li ser jilħqu din l-età matul is-sena 2012 għandhom jiġu rtirati fil-31 ta’ Diċembru 2012.

13.      Regoli ekwivalenti japplikaw għal prosekuturi pubbliċi. Fir-rigward tan-nutara, il-limitu l-ġdid tal-età japplika mill-31 ta’ Diċembru 2013.

III – Il-fatti li wasslu għall-kawża u t-talbiet

14.      Fis-17 ta’ Jannar 2012, il-Kummissjoni intimat lill-Ungerija, skont l-Artikolu 258 TFUE, sabiex twieġeb għall-akkuża li kienet kisret l-Artikoli 1, 2 u 6(1) tad-Direttiva 2000/78 bl-introduzzjoni tal-limitu l-ġdid tal-età għall-imħallfin, għall-prosekuturi pubbliċi u għan-nutara. Minkejja li fit-tweġiba tagħha tas-17 ta’ Frar 2012 l-Ungerija nnegat li kien hemm ksur, fl-opinjoni motivata tagħha tas-7 ta’ Marzu 2012 il-Kummissjoni tenniet il-pożizzjoni tagħha. F’din l-opinjoni motivata l-Ungerija ngħatat terminu ta’ xahar sabiex ittemm l-allegat ksur. Madankollu, fit-tweġiba tagħha tat-30 ta’ Marzu 2012, l-Ungerija ħadet l-istess pożizzjoni.

15.      Għaldaqstant, fis-7 ta’ Ġunju 2012, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors, fejn titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tiddikjara li l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 2 u 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, sa fejn adottat leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-imħallfin, il-prosekuturi pubbliċi u n-nutara jitwaqqfu mis-servizz b’mod obbligatorju malli jagħlqu t-62 sena, b’tali mod li twassal għal differenza fit-trattament fuq il-bażi tal-età li ma hijiex iġġustifikata minn għan leġittimu u li barra minn hekk la hija adegwata u lanqas neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan segwit, u

–        tikkundanna lill-Ungerija għall-ispejjeż.

16.      L-Ungerija titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tiċħad ir-rikors, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

17.      Skont l-informazzjoni mogħtija mill-Ungerija, il-limitu tal-età l-ġdid wassal sabiex fit-30 ta’ Ġunju 2012 twaqqfu mis-servizz 194 mill-2996 imħallef Ungeriż. Fir-rigward ta’ 37 imħallef ieħor, diġà kienet ġiet ippubblikata d-deċiżjoni tal-President Ungeriż fis-sens li kellhom jitwaqqfu mis-servizz fil-31 ta’ Diċembru 2012. L-istess jista’ jingħad rispettivament għal 79 u 20 minn 1784 prosekuturi pubbliċi. Fil-31 ta’ Diċembru 2013 huwa mistenni li 61 minn 315-il nutar jieqfu mis-servizz.

18.      Fuq talba tal-Kummissjoni, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, permezz ta’ digriet tat-13 ta’ Lulju 2012, iddeċieda li r-rikors għandu jinstema’ skont il-proċedura mħaffa fis-sens tal-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 62a tar-Regoli tal-Proċedura. Il-partijiet fil-kawża ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u pparteċipaw fis-seduta tal-1 ta’ Ottubru 2012.

19.      Fis-16 ta’ Lulju 2012, il-Qorti Kostituzzjonali Ungeriża ddikjarat li l-bidla fl-età tal-irtirar tal-imħallfin kienet tmur kontra l-kostituzzjoni (4). Għalkemm id-deċiżjoni ta’ dik il-qorti tapplika b’mod retroattiv sa mill-1 ta’ Jannar 2012, dan ma jfissirx awtomatikament li dawk l-imħallfin li diġà twaqqfu mis-servizz ser jerġgħu jingħataw lura l-pożizzjoni tagħhom. Għal dan il-għan huma għandhom iressqu talba quddiem il-qrati Ungeriżi kompetenti.

IV – Analiżi legali

A –    Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

20.      L-Ungerija hija tal-fehma li, permezz tad-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali Ungeriża, il-kawża tilfet is-suġġett tagħha fir-rigward tal-miżuri li tħassru b’effett retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2012. Din l-eċċezzjoni tikkonċerna l-età tal-irtirar tal-imħallfin.

21.      Prima facie jidher li l-miżuri kontenzjużi ma kinux eżistenti fiż-żmien rilevanti, jiġifieri fl-iskadenza tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata (5) fis-7 ta’ April 2012 għaliex dawn il-miżuri ġew annullati b’mod retroattiv permezz tas-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali. B’hekk, dan wassal sabiex il-kawża sussegwentement tilfet is-suġġett tagħha sa fejn huma kkonċernati l-imħallfin.

22.      Fil-fatt, it-tħassir retroattiv tar-regoli li jikkonċernaw lill-imħallfin huwa biss tħassir parzjali. Il-fatt li, fit-30 ta’ Ġunju 2012, 194 imħallef u 79 prosekutur pubbliku ġew irtirati fuq il-bażi ta’ dawn ir-regoli juri li fil-fatt ir-regoli msemmija kienu għadhom eżistenti fiż-żmien rilevanti. Barra minn hekk, lanqas is-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali ma għandha effett retroattiv dirett f’dan ir-rigward għaliex dawn l-imħallfin ma reġgħux ingħataw il-pożizzjoni tagħhom permezz ta’ din is-sentenza.

23.      Għaldaqstant, is-sitwazzjoni li allegatament tikser id-dritt tal-Unjoni ma ġietx irrimedjata kompletament (6).

24.      Dan ifisser li s-sentenza msemmija ma pprovdietx soluzzjoni għall-kwistjoni fir-rigward tal-imħallfin ikkonċernati.

B –    Evalwazzjoni sostantiva tat-talbiet

25.      Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 1 tagħha, ma għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta fuq il-bażi tal-età. Madankollu, trattament differenti jista’ jkun iġġustifikat taħt l-Artikolu 6.

26.      Id-Direttiva 2007/78 tapplika għall-imħallfin, għall-prosekuturi pubbliċi u għan-nutara sa fejn l-Artikolu 3(1) tagħha jipprovdi li din id-direttiva tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku u kif ukoll f’dak privat, u inklużi l-persuni f’korpi pubbliċi. Barra minn hekk, b’differenza minn dak li huwa pprovdut fir-rigward tal-forzi armati, id-Direttiva 2000/78 ma tipprevedi ebda deroga għall-ġudikatura.

1.      L-eżistenza ta’ trattament differenti

27.      It-terminazzjoni tas-servizz malli jintlaħaq il-limitu tal-età, limitu li jintitola lil dak li jkun għal pensjoni tal-irtirar, tikkostitwixxi f’kull każ trattament differenti fuq il-bażi tal-età fis-sens tal-Artikolu 2(1) u tal-Artikolu 6(1)(a) tad-Direttiva 2000/78.

28.      Tali dispożizzjoni taffettwa b’mod partikolari l-kundizzjonijiet ta’ impjieg u ta’ xogħol, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78, minħabba li tipprekludi lill-imħallfin, lill-prosekuturi pubbliċi u lin-nutara kkonċernati milli jkomplu jaħdmu wara l-età ta’ 62 sena. Barra minn hekk, billi tittratta lil dawn il-persuni b’mod inqas favorevoli minn kif titratta lill-persuni li ma jkunux laħqu din l-età, din id-dispożizzjoni tintroduċi trattament differenti bbażat direttament fuq l-età, fis-sens tal-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva (7).

29.      Sa fejn limitu tal-età, bħala tali, diġà jwassal għal trattament differenti, dan jgħodd ukoll, a fortiori, għal tnaqqis fil-limitu tal-età.

2.      Fuq il-ġustifikazzjoni tat-trattament differenti

30.      L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 jipprovdi li trattament differenti bbażat fuq l-età ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni meta jkun oġġettivament u raġonevolment ġustifikat, fil-kuntest tad-dritt nazzjonali, minħabba għan leġittimu, b’mod partikolari minħabba għanijiet leġittimi marbuta mal-politika tal-impjieg, mas-suq tax-xogħol u mat-taħriġ professjonali. Huwa meħtieġ ukoll li l-mezzi magħżula sabiex jintlaħaq dan l-għan ikunu adegwati u neċessarji.

31.      Il-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa din il-ġustifikazzjoni f’żewġ stadji: l-ewwel teżamina l-għanijiet tal-miżura u mbagħad, fil-kuntest ta’ eżami ġenerali tal-kuntest leġiżlattiv kif ukoll tal-vantaġġi u tal-iżvantaġġi tagħha, teżamina jekk din il-miżura hijiex adegwata u neċessarja (8). Madankollu, fil-fehma tiegħi jkun iktar ċar jekk, fl-evalwazzjoni tan-natura adegwata u neċessarja, nibbaża ruħi fuq l-iskema ta’ evalwazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (9).

32.      Dan il-prinċipju jeżiġi li l-miżuri ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa adegwat u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi li jridu jintlaħqu permezz tagħhom. Meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri adegwati, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva. L-inkonvenjenzi li jinħolqu minħabba din il-miżura ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet previsti (10).

33.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fuq livell nazzjonali, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fl-għażla mhux biss ta’ għan partikolari minn fost diversi għanijiet fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjieg, iżda wkoll fl-adozzjoni tal-miżuri sabiex jintlaħaq tali għan (11). Dan il-marġni ta’ diskrezzjoni jissodisfa fuq kull livell l-eżami tal-proporzjonalità. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tissostitwixxix l-evalwazzjoni magħmula mill-Istati Membri iżda tivverifika biss jekk jidhirx li din l-evalwazzjoni kienet irraġonevoli (12).

34.      Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, hija l-Kummissjoni li għandha l-obbligu li tistabbilixxi l-eżistenza tal-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Hija l-Kummissjoni li, mingħajr ma tista’ tibbaża ruħha fuq xi preżunzjoni, għandha tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-provi neċessarji sabiex tkun tista’ tivverifika l-eżistenza ta’ dan in-nuqqas (13).

35.      Jekk, min-naħa l-oħra, Stat Membru jinvoka eċċezzjoni għall-prinċipju ġenerali, f’dan il-każ ikun l-obbligu tal-Istat Membru li jistabbilixxi l-eżistenza tal-kundizzjonijiet meħtieġa għal din l-eċċezzjoni (14). Fl-applikazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, ir-rekwiżiti fir-rigward ta’ dan l-obbligu ma għandhomx ikunu applikati b’mod strett iżżejjed fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ tal-Istati Membri.

36.      Ser ngħaddi issa sabiex neżamina, fuq il-bażi ta’ dawn il-kriterji, jekk il-ħames għanijiet invokati mill-Ungerija humiex leġittimi kif ukoll jekk il-miżuri magħżula sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet humiex adegwati u neċessarji. Jekk ikun il-każ, ser neżamina mbagħad jekk l-iżvantaġġi kkawżati mill-miżura humiex raġonevolment proporzjonati mal-vantaġġi tal-għanijiet li jissodisfaw l-ewwel eżami. Madankollu, qabel kollox, għandu jiġi eżaminat l-argument tal-Kummissjoni fis-sens li l-għanijiet tal-limitu tal-età l-ġdid ma jistgħux jiġu identifikati b’mod adegwatament ċar.

a)      Fuq in-natura identifikabbli tal-għanijiet segwiti

37.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet li mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 ma jistax jiġi dedott li l-fatt li leġiżlazzjoni nazzjonali ma tippreċiżax l-għan segwit iwassal sabiex jiġi eskluż awtomatikament li din il-leġiżlazzjoni tista’ tkun ġustifikata taħt id-dispożizzjoni msemmija. Fin-nuqqas ta’ tali preċiżazzjoni, huma elementi oħra – misluta mill-kuntest ġenerali tal-miżura kkonċernata – li għandhom jippermettu l-identifikazzjoni tal-għan li fuqu tkun ibbażata din il-miżura għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ stħarriġ ġudizzjarju fir-rigward tal-leġittimità tagħha u fir-rigward tan-natura adegwata u neċessarja tal-mezzi implementati sabiex jintlaħaq dan l-għan (15).

38.      Madankollu, fir-rigward ta’ dawn l-elementi ma jistgħux jiġu imposti kundizzjonijiet stretti żżejjed. Għal din ir-raġuni l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat anki argument imqajjem minn Stat Membru matul is-seduta għas-sottomissjonijiet orali sabiex jippreċiża l-għan ta’ limitu tal-età (16). Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi hemm lok li jintlaqa’ l-argument tal-Ungerija fis-sens li l-għanijiet ippreżentati iktar ’il quddiem jirriżultaw b’mod ċar biżżejjed mill-proċess leġiżlattiv, minkejja li dan ma ġiex issostanzjat f’iktar dettall. Barra minn hekk, sa ċertu punt l-għanijiet possibbli huma evidenti anki jekk ma jissemmewx b’mod espliċitu.

b)      Fuq l-għan li tiġi żgurata s-sistema tal-pensjoni

39.      Skont l-Ungerija, il-limitu tal-età l-ġdid huwa intiż li jiżgura li s-sistema tal-pensjoni tkompli tiffunzjona.

40.      Dan l-għan ma huwiex fost l-għanijiet mogħtija bħala eżempju taħt l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 (17). Madankollu, il-lista ta’ eżempji mogħtija ma hijiex waħda eżawrjenti. Tali għanijiet jinkludu għanijiet ta’ politika soċjali, bħala dawk relatati mal-politika leġittima tal-impjieg, mas-suq tax-xogħol jew mat-taħriġ professjonali (18). L-ibbilanċjar finanzjarju ta’ sistema tal-pensjoni huwa wkoll tali għan ta’ politika soċjali (19).

41.      Madankollu, it-tnaqqis fil-limitu tal-età jfisser li l-grupp ta’ persuni li jirċievu pensjoni tkabbar filwaqt li l-grupp li jista’ jiffinanzja l-pensjonijiet tnaqqas. B’hekk il-piż fuq is-sistema żdied. Għaldaqstant, anki fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ tal-Istati Membri, il-miżura ma hijiex waħda adegwata sabiex tikkontribwixxi għall-ibbilinċjar finanzjarju tas-sistema tal-pensjoni.

42.      Għaldaqstant, dan l-argument tal-Ungerija għandu jiġi miċħud.

c)      Fuq l-istruttura tal-età

43.      Skont l-Ungerija, il-limitu tal-età l-ġdid huwa intiż ukoll li joħloq struttura tal-età bbilanċjata. Ir-relazzjoni bejn il-limiti tal-età u l-istruttura tal-età hija evidenti. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-għan li tiġi stabbilita struttura tal-età bbilanċjata bejn uffiċjali ta’ età żgħira u uffiċjali iktar anzjani sabiex jiġu ffavoriti r-reklutaġġ u l-promozzjoni ta’ persuni ta’ età żgħira jista’ jikkostitwixxi għan leġittimu tal-politika tal-impjieg u tas-suq tax-xogħol (20).

44.      Madankollu, għandi d-dubji tiegħi kemm l-introduzzjoni f’daqqa tal-limitu tal-età l-ġdid tista’ tikkontribwixxi sabiex tiġi stabbilita struttura tal-età bbilanċjata fis-servizz ġudizzjarju. Din l-introduzzjoni twassal b’mod partikolari sabiex tmien gruppi ta’ etajiet jiġu ssostitwiti b’ġuristi li attwalment jinsabu disponibbli fis-suq tax-xogħol. Għaldaqstant, il-gruppi ta’ età rreklutati issa ser ikollhom, eventwalment, piż sproporzjonalment ikbar meta mqabbla mal-gruppi tal-età l-oħra fis-servizz ġudizzjarju. Barra minn hekk, meta dawn il-gruppi ta’ età jiġu sabiex jirtiraw, ser tinħoloq ħtieġa sproporzjonalment kbira ta’ reklutaġġ.

45.      Jekk dan l-effett jimmaterjalizzax jiddependi mill-istruttura tal-età attwali u mill-politika ta’ reklutaġġ tal-Ungerija. Madankollu, l-Ungerija ma ressqitx argumenti dwar dan il-punt.

46.      Madankollu, anki jekk wieħed jista’ jikkunsidra, fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ tal-Istati Membri fl-applikazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, li l-introduzzjoni tal-limitu tal-età l-ġdid tista’ tikkontribwixxi għal struttura tal-età bbilanċjata, dan il-limitu, fil-forma konkreta tiegħu, ma huwiex neċessarju. Struttura tal-età bbilanċjata tista’ tiġi stabbilita b’mod ħafna aħjar jekk il-limitu tal-età jiġi introdott ftit ftit fuq numru ta’ snin. Fil-fatt, f’dak il-każ ma jkunx meħtieġ li tmien gruppi ta’ etaijiet ta’ ġuristi jiġu ssostitwiti f’daqqa.

47.      Għaldaqstant, l-għan ta’ struttura tal-età bbilanċjata ma jistax jiġġustifika l-leġiżlazzjoni inkwistjoni.

d)      L-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja

48.      L-Ungerija ssostni wkoll li l-limitu tal-età l-ġdid għandu jwassal għal iktar effiċjenza fis-servizz pubbliku tal-ġustizzja.

49.      Jidher li dan l-għan huwa bbażat fuq il-premessa li l-ġuristi ta’ età iżgħar li jkunu għadhom kemm ġew irreklutati jistgħu jaqdu l-funzjoni tagħhom b’mod aħjar mill-ġuristi ta’ età ikbar li jkunu ġew irtirati. F’dan ir-rigward, fir-rigward ta’ prosekuturi pubbliċi, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet, bħala prinċipju, li l-provvista ta’ servizz tal-ġustizzja ta’ kwalità tista’ tikkostitwixxi għan leġittimu ta’ limitu tal-età (21).

50.      L-Ungerija għandha raġun targumenta li limitu tal-età ta’ 62 sena jnaqqas iktar ir-riskju ta’ tnaqqis fir-rendiment minħabba l-età minn limitu tal-età ta’ 70 sena. F’dan id-dawl, dan il-limitu huwa, bħala prinċipju, adegwat sabiex jikkontribwixxi għall-kwalità tas-sistema ġudizzjarja.

51.      Barra minn hekk, l-Ungerija ssostni li l-ġuristi ta’ età iżgħar, minħabba li t-taħriġ tagħhom huwa iktar reċenti, għandhom konoxxenza legali attwali, bħal pereżempju dwar id-dritt tal-Unjoni Ewropea, li fl-Ungerija beda jiġi mgħallem biss reċentement. Ma hemm ebda dubju li l-irtirar ta’ ġuristi u s-sostituzzjoni tagħhom b’ġuristi ta’ età iżgħar huwa mod kif tali konoxxenza legali attwali tista’ tiġi introdotta fil-ġudikatura.

52.      Madankollu, għandi dubji kbar dwar kemm ġuristi li jkunu għadhom kemm ġew irreklutati jistgħu jwettqu l-professjoni ta’ mħallef, ta’ prosekutur pubbliku u ta’ nutar aħjar mill-ġuristi li jkunu fil-proċess li jiġu rtirati. Meta mqabbla ma’ professjonijiet oħra, il-ġuristi jistgħu effettivament jaħdmu sa età relattivament kbira. B’mod partikolari, l-esperjenza miksuba u l-awtorità naturali li ħafna drabi tikber flimkien mal-età huma utli ħafna f’din il-professjoni.

53.      Hemm ukoll ir-riskju li, sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet straordinarji ta’ reklutaġġ, ikollu jiġi aċċettat, sa ċertu punt, livell ta’ kwalifiki sostanzjalment iktar baxx tal-ġuristi ġodda li jkunu rreklutati. Pereżempju, jekk minħabba l-persuni kollha rtirati fis-sena 2012 ikun meħtieġ li jiġu rreklutati mħallfin u prosekuturi pubbliċi ġodda, ikun meħtieġ li jiġu aċċettati l-aħjar 273 kandidati. Għall-kuntrarju, jekk ikun meħtieġ li jiġi ssostitwit biss grupp ta’ età wieħed, in-numru ta’ pożizzjonijiet li jkun meħtieġ li jimtlew ikun imnaqqas għal wieħed minn tmienja tan-numru msemmi, jiġifieri l-aħjar 35 kandidat.

54.      Fir-rigward b’mod partikolari tal-grupp ta’ mħallfin ikkonċernati, għandu jiġi kkunsidrat li l-irtirar f’daqqa tagħhom jista’ joħloq dubji dwar l-indipendenza u għalhekk dwar il-kwalità tal-qrati (22). Skont l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u skont l-Artikolu 47(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-qrati għandhom ikunu indipendenti u imparzjali u għandhom ikunu stabbiliti bil-liġi. Il-Qorti tal-Ġustizzja wkoll enfasizzat, b’mod partikolari fil-kuntest tar-rinviji għal deċiżjoni preliminari, in-natura essenzjali tal-indipendenza tal-qrati (23).

55.      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett tal-indipendenza tal-ġudikatura għandu żewġ aspetti: wieħed estern u l-ieħor intern. F’dan il-każ huwa l-aspett estern li huwa rilevanti. Dan l-aspett jippresupponi li l-istanza li tkun meħtieġa tiddeċiedi għandha tkun protetta minn interventi jew minn pressjonijiet esterni li jistgħu jipperikolaw l-indipendenza tad-deċiżjoni tal-membri tagħha fir-rigward tal-kawżi mressqa quddiemha (24).

56.      Għaldaqstant, l-eżekuttiv ma jistax ineħħi mħallfin mill-funzjoni tagħhom matul it-tul tal-mandat tagħhom (25). Fil-fatt, hawnhekk ma humiex involuti miżuri tal-eżekuttiv fir-rigward ta’ mħallfin jew ta’ proċeduri individwali. Madankollu, xorta waħda jista’ jingħad li hemm interferenza serja fis-sistema ġudizzjarja, jiġifieri t-tneħħija ta’ numru kbir ta’ mħallfin li, taħt il-leġiżlazzjoni preċedenti, kienu jkunu jistgħu jibqgħu fis-servizz sa tmien snin oħra. Din l-interferenza ma tkunx rilevanti biss jekk effettivament issir bl-intenzjoni li tiġi influwenzata l-ġudikatura. Għall-kuntrarju, hija saħansitra kull impressjoni ta’ influwenza li għandha tiġi evitata (26) .

57.      Anki jekk, minkejja dan, jiġi kkunsidrat, fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ tal-Istati Membri, li t-tnaqqis tal-limitu tal-età għal 62 sena jista’ jwassal għal iktar effiċjenza fis-sistema ġudizzjarja, tali tnaqqis xorta waħda ma huwiex neċessarju. Dan jirriżulta l-ewwel nett min-natura kontradittorja tal-leġiżlazzjoni Ungeriża. Peress li fis-snin li ġejjin il-limitu tal-età ser jerġa’ jiżdied għal 65 sena, jidher li l-Ungerija wkoll tikkunsidra li l-kwalità tal-ġudikatura ma teħtieġx limitu tal-età ta’ 62 sena (27).

58.      Barra minn hekk, fir-rigward b’mod partikolari tal-introduzzjoni ta’ konoxxenza legali iktar attwali, jeżistu mezzi oħra li huma inqas restrittivi: ġuristi jistgħu jakkwistaw konoxxenza legali attwali mhux biss permezz tat-taħriġ universitarju tagħhom iżda wkoll filwaqt li jkunu qegħdin jeżerċitaw il-professjoni permezz, pereżempju, ta’ studju waħedhom jew fil-kuntest ta’ taħriġ organizzat.

59.      Għaldaqstant, lanqas l-għan li tittejjeb il-kwalità tal-ġudikatura ma jista’ jiġġustifika l-leġiżlazzjoni Ungeriża.

e)      Fuq l-armonizzazzjoni tal-limiti tal-età

60.      Wieħed mill-argumenti ċentrali tal-Ungerija huwa li l-limitu tal-età l-ġdid jarmonizza s-sitwazzjoni tal-imħallfin ma’ dik tal-bqija tal-uffiċjali fis-servizz pubbliku. Għalkemm il-Kummissjoni ssostni li dan l-għan ma jistax jiġi identifikat b’mod suffiċjentement ċar, dan l-għan fil-fatt huwa diġà evidenti sa fejn il-limiti tal-età ġew fil-fatt armonizzati.

61.      Bħala prinċipju, dispożizzjoni li tipprovdi li l-ħaddiema għandhom jirtiraw mill-ħajja tax-xogħol u joħorġu bil-pensjoni fi żmien partikolari taqa’ taħt l-għanijiet koperti mill-Artikolu 6(1).

62.      Il-leġittimità tal-għan li l-limiti tal-età jiġu armonizzati tidher b’mod partikolari mill-fatt li leġiżlazzjoni nazzjonali tkun adegwata sabiex tiżgura li jintlaħaq l-għan segwit biss jekk din il-leġiżlazzjoni tkun effettivament tirrifletti l-volontà li dan l-għan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku (28). Dubji dwar il-koerenza ta’ leġiżlazzjoni jirriżultaw b’mod partikolari minn derogi. F’dan is-sens, il-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward tal-limiti tal-età għal prosekuturi pubbliċi, diġà eżaminat jekk derogi għal gruppi ta’ uffiċjali oħra jqajmux dubji dwar il-koerenza (29). Għaldaqstant, l-armonizzazzjoni tal-limiti tal-età tista’ ssaħħaħ il-koerenza tas-sistema fl-intier tagħha.

63.      Fadal li jiġi eżaminat, fl-aħħar nett, jekk huwiex issodisfat il-prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali. Dan il-prinċipju, li issa jinsab rikonoxxut ukoll fl-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali (30). Bħala prinċipju, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li s-sitwazzjoni tal-ġuristi fil-ġudikatura hija paragunabbli mas-sitwazzjoni tal-kollegi professjonali tagħhom fis-servizz pubbliku b’mod ġenerali. Il-Kummissjoni lanqas ma kkontestat tali kunsiderazzjoni.

64.      Armonizzazzjoni immedjata tal-etajiet tal-irtirar fis-servizz pubbliku kollu tista’ tintlaħaq biss permezz tal-limitu tal-età l-ġdid. Għal dan il-għan, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni tista’ titqies li hija adegwata u neċessarja.

65.      Madankollu, meta wieħed jikkunsidra l-prinċipju ta’ ugwaljanza, għan iddefinit b’dan il-mod ma jibqax leġittmu fis-sitwazzjoni ineżami. B’mod partikolari, l-imħallfin, il-prosekuturi pubbliċi u n-nutara Ungeriżi jinsabu f’sitwazzjoni differenti minħabba punt importanti mill-bqija tal-ġuristi fis-servizz pubbliku: preċedentement dawn setgħu jassumu li kien biss malli jilħqu l-età ta’ 70 sena li kien ser ikollhom jirtiraw. L-Ungerija ma spjegatx għalfejn, minkejja din l-aspettattiva leġittima, hemm interess leġittimu li l-limitu tal-età jitnaqqas immedjatament bi tmien snin sabiex ikun hemm koerenza.

66.      Il-fatt li l-Ungerija firxet iż-żieda ta’ sempliċement tliet snin fil-limitu tal-età għas-servizz pubbliku ġenerali fuq diversi snin juri, barra minn hekk, li f’din is-sitwazzjoni pjuttost hemm interess leġittimu li jiġu stabbiliti regoli tranżitorji. Dawn id-differenzi fir-regoli tranżitorji jindikaw li l-interessi tal-persuni kkonċernati mit-tnaqqis fil-limitu tal-età ma kinux ġew ikkunsidrati bl-istess mod bħall-interessi tal-uffiċjali l-oħra fis-servizz pubbliku li fir-rigward tagħhom żdied il-limitu tal-età.

67.      Barra minn hekk, kif sostniet il-Kummissjoni mingħajr ma ġiet ikkontestata (31), huwa inkoerenti li l-bqija tal-uffiċjali fis-servizz pubbliku ma jiġux irtirati awtomatikament malli jilħqu l-limitu tal-età iżda biss meta jilħqu n-numru ta’ snin ta’ servizz meħtieġa sabiex ikunu intitolati għal pensjoni sħiħa. Għaldaqstant, huwa possibbli li l-imħallfin, il-prosekuturi pubbliċi u n-nutara jiġu obbligati jirtiraw anki jekk ikunu intitolati biss għal pensjoni mnaqqsa. Dan ifisser li l-limitu tal-età l-ġdid għall-ġudikatura jippreġudika d-drittijiet tal-persuni kkonċernati b’mod iktar sinjifikattiv milli huwa meħtieġ sabiex jiġu armonizzati l-limiti tal-età fis-servizz pubbliku b’mod ġenerali.

68.      Għaldaqstant, l-għan tal-armonizzazzjoni tal-limiti tal-età fis-servizz pubbliku ma jistax jiġġustifika t-tnaqqis immedjat tal-limitu tal-età bi tmien snin.

f)      Aċċess ta’ ġuristi ta’ età iżgħar għas-servizz ġudizzjarju

69.      L-aħħar għan invokat mill-Ungerija huwa t-tnaqqis tal-ostakoli għall-aċċess ta’ ġuristi ta’ età iżgħar għas-servizz ġudizzjarju. Dan huwa konsegwenza evidenti ta’ limiti massimi tal-età u b’mod partikolari tat-tnaqqis tagħhom. Skont ġurisprudenza stabbilita, il-promozzjoni tar-reklutaġġ tikkostitwixxi, b’mod li ma jistax jiġi kkontestat, għan leġittimu tal-politika soċjali jew tal-politika tal-impjieg tal-Istati Membri, b’mod partikolari meta tiffavorixxi l-aċċess ta’ persuni ta’ età iżgħar għall-eżerċizzju ta’ professjoni (32).

70.      Il-limitu tal-età l-ġdid huwa adegwat sabiex jiġi ffavorit l-aċċess ta’ ġuristi ta’ età iżgħar fis-servizz ġudizzjarju. Madankollu, għandhom jiġu osservati d-differenzi bejn l-effetti fit-tul u l-effetti immedjati ta’ dan il-limitu.

71.      Meta kkunsidrat fit-tul, dan il-limitu jnaqqas it-tul tal-perijodu tas-servizz tal-ġuristi fis-servizz ġudizzjarju għaliex dawn issa jiġu rtirati tmien snin iktar kmieni. Madankollu, fis-snin li ġejjin, dan l-effett ser jiġi ristrett sa fejn l-età tal-irtirar ser terġa’ tiżdied gradwalment għal 65 sena, b’tali mod li fl-aħħar mill-aħħar ser ikun hemm biss tnaqqis ta’ ħames snin. Minkejja dan, il-pożizzjonijiet fis-servizz ġudizzjarju xorta ser ikunu disponibbli iktar kmieni meta mqabbla mas-sitwazzjoni taħt il-limitu tal-età preċedenti.

72.      Madankollu, fl-immedjat, huwa l-effett dirett li jippredomina. Fl-2012, minħabba li ġew irtirati tmien gruppi ta’ etajiet ta’ ġuristi, għandu jimtela numru eċċezzjonalment kbir ta’ pożizzjonijiet u dan huwa ta’ benefiċċju għall-ġuristi ta’ età żgħira li attwalment jinsabu disponibbli fis-suq tax-xogħol. Madankollu, dawn il-pożizzjonijiet ma humiex ser ikunu disponibbli għall-gruppi ta’ etajiet ta’ ġuristi sussegwenti minħabba li ser ikunu okkupati fit-tul mill-ġuristi rreklutati fil-preżent. B’hekk, l-għan li jiġi inkoraġġut b’mod dewwiemi l-aċċess ta’ ġuristi ta’ età iżgħar ma huwiex eskluż iżda huwa serjament ostakolat.

73.      Għaldaqstant, l-introduzzjoni immedjata tal-limitu tal-età l-ġdid ma hijiex neċessarja sabiex tippromwovi b’mod dewwiemi l-aċċess ta’ ġuristi ta’ età iżgħar għas-servizz ġudizzjarju. Għall-kuntrarju, id-distorsjoni potenzjali fl-istruttura tal-età (33) twassal sabiex, fuq perijodu twil ta’ żmien, jiġu ristretti l-opportunitajiet ta’ aċċess tal-ġuristi ta’ età iżgħar. Bilanċ ġust bejn id-diversi ġenerazzjonijiet ta’ ġuristi kien jipprova jaqsam il-pożizzjonijiet li saru disponibbli minħabba t-tnaqqis fil-limitu tal-età bl-iktar mod ġust bejn il-gruppi ta’ etajiet futuri. Għal dan il-għan, kien ikun ideali li l-limitu tal-età jitnaqqas gradwalment għal 65 sena, li huwa, f’kull każ, il-limitu tal-età finalment mixtieq.

74.      Madankollu, jekk l-għan ikun li jiġi ffavorit kemm jista’ jkun l-aċċess immedjat tal-ġuristi li attwalment jinsabu disponibbli fis-suq tax-xogħol, effettivament ma tista’ tiġi identifikata ebda miżura oħra li tista’ tkun daqstant effettiva daqs it-tnaqqis immedjat tal-limitu tal-età għal 62 sena.

75.      Għan iddefinit b’dan il-mod, iżda, jista’ jiġi rikonoxxut bħala leġittimu biss jekk ikun hemm raġunijiet speċifiċi għalfejn għandu jiġi ffavorit dan il-grupp ta’ ġuristi. Dan minħabba li dan il-għan mhux biss jippreġudika l-ġuristi li ġew obbligatorjament irtirati iżda jostakola wkoll, meta kkunsidrat fuq żmien medju u twil, il-pożizzjonijiet li altrimenti kienu jkunu disponibbli għall-gruppi ta’ etajiet sussegwenti ta’ ġuristi. L-Ungerija ma ppreżentat ebda raġuni speċifika ta’ dan it-tip.

76.      Għaldaqstant, lanqas l-għan li jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-ġuristi ta’ età iżgħar għas-servizz ġudizzjarju ma jista’ jiġġustifika l-limitu tal-età l-ġdid.

g)      Fuq il-kwistjoni tal-effetti negattivi eċċessivi fuq il-persuni kkonċernati

77.      Normalment, jekk il-miżuri adottati jirriżultaw li huma adegwati u neċessarji sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi mixtieqa, ikun meħtieġ li jiġi eżaminat ukoll jekk dawn il-miżuri joħolqux effetti negattivi eċċessivi fuq il-persuni kkonċernati (projbizzjoni ta’ effetti negattivi eċċessivi) (34). Madankollu, sa fejn l-introduzzjoni tal-limitu tal-età la hija adegwata u lanqas neċessarja għall-ebda wieħed mill-għanijiet invokati, ma huwiex meħtieġ li din il-kwistjoni tiġi eżaminata. Għall-kuntrarju, ir-rikors jista’ diġà jitqies li huwa fondat fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti.

78.      Minkejja dan, ser ngħaddi sabiex neżamina l-kwistjoni tal-projbizzjoni ta’ effetti negattivi eċċessivi fl-eventwalità biss li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-evalwazzjoni tiegħi fir-rigward tal-għanijiet kollha. F’tali każ, ikun meħtieġ li jinstab bilanċ ġust bejn id-diversi interessi kunfliġġenti (35).

79.      Sabiex inkun nista’ nagħmel tali evalwazzjoni, irrid nassumi – minkejja l-fehma li għadni kemm espremejt – li l-limitu tal-età l-ġdid huwa adegwat u neċessarju sabiex jintlaħaq wieħed jew iktar mill-ħames għanijiet eżaminati iktar ’il fuq.

80.      Barra minn hekk, sabiex l-evalwazzjoni tkun kompleta, ikun meħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-vantaġġi ipotetiċi li jirriżultaw mill-eżami tal-għanijiet imsemmija.

81.      Madankollu, tali spekulazzjoni ma hijiex utli. Għaldaqstant, ser nillimita l-evalwazzjoni tiegħi tal-projbizzjoni ta’ effetti negattivi eċċessivi għal kunsiderazzjoni tal-iżvantaġġi tal-limitu tal-età l-ġdid. Fuq din il-bażi mbagħad tkun tista’ tintlaħaq konklużjoni dwar il-portata tal-vantaġġi li għandhom jirriżultaw mil-limitu tal-età l-ġdid sabiex dan ikun iġġustifikat.

82.      Il-ġuristi kkonċernati huma direttament ikkonċernati sa fejn huwa milqut id-dritt tagħhom li jipprattikaw il-professjoni magħżula minnhom. Huwa minnu li, teoretikament, dawn il-ġuristi jistgħu jkomplu jipprattikaw, pereżempju bħala avukati. Madankollu, huma jitilfu l-possibbiltà li jkomplu jaħdmu fil-pożizzjoni li kienu jeżerċitaw b’mod attiv sakemm ikunu laħqu l-limitu tal-età.

83.      Din l-interferenza fil-libertà li tiġi eżerċitata professjoni hija marbuta ma’ żvantaġġi ekonomiċi. Dan minħabba li din l-interferenza twassal, bħala prinċipju, sabiex il-persuni kkonċernati jirċievu, minflok is-salarju sħiħ, pensjoni ta’ ammont inqas (36).

84.      Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li miżura li tippermetti l-irtirar obbligatorju ta’ ħaddiema meta jilħqu l-età ta’ 65 sena tista’ tissodisfa l-għan li jiġi promoss ir-reklutaġġ u tista’ titqies li hija miżura li ma tippreġudikax b’mod eċċessiv l-aspettattivi leġittimi tal-ħaddiema kkonċernati sakemm dawn il-persuni jkunu jistgħu jgawdu minn pensjoni li l-livell tagħha ma jistax jitqies li huwa irraġonevoli (37). Madankollu, in-natura adegwata tal-miżura tiddependi minn diversi fatturi.

85.      B’hekk, it-telf ta’ dħul ikun ta’ importanza partikolari meta l-persuni kkonċernati jkunu ħadu deċiżjonijiet ekonomiċi fid-dawl tal-aspettattiva li ser ikomplu jeżerċitaw il-pożizzjoni tagħhom. Dawn il-persuni jkunu setgħu, pereżempju, ikkonkludew kuntratt ta’ self jew kuntratt dwar pensjoni privata supplimentari jew inkella jkunu setgħu rrifjutaw impjieg b’salarju attraenti fis-settur privat. Ma tista’ tiġi identifikata ebda miżura intiża sabiex ittaffi dawn l-iżvantaġġi. Barra minn hekk, jista’ jkun ukoll li wħud mill-persuni kkonċernati jkollhom ibatu tnaqqis kunsiderevoli fil-pensjoni tagħhom minħabba li ma jkunux laħqu ħadmu biżżejjed sabiex ikunu intitolati għal pensjoni sħiħa (38).

86.      Huwa minnu li l-Ungerija targumenta li l-limitu tal-età l-ġdid kien ilu magħruf minn Ġunju 2011. Madankollu, fir-rigward tal-arranġamenti ekonomiċi kollha konklużi qabel, il-persuni kkonċernati ma setgħux jipprevedu li kien ser ikollhom jirtiraw qabel ma jilħqu l-età ta’ 70 sena.

87.      Dawn il-konsegwenzi negattivi serji għall-persuni kkonċernati kienu jkunu mnaqqsa b’mod kunsiderevoli u fl-istess ħin ħafna mill-iżvantaġġi għall-għanijiet mixtieqa kienu jkunu evitati li kieku l-Ungerija sempliċement introduċiet il-limitu tal-età b’mod differenti. Soluzzjoni evidenti kienet tkun, b’mod partikolari, li t-tnaqqis fl-età tal-irtirar għall-imħallfin, għall-prosekuturi pubbliċi u għan-nutara jiġi kkoordinat maż-żieda fl-età tal-pensjoni għall-uffiċjali kollha l-oħra fis-servizz pubbliku. B’hekk l-Ungerija kien ikollha sempliċement tnaqqas gradwalment l-età tal-pensjoni tal-ġudikatura għall-65 sena b’tali mod li din l-età tibda tapplika għaż-żewġ gruppi fl-istess żmien.

88.      Il-fatt li l-Ungerija lanqas biss eżaminat din il-possibbiltà jwassal forzament għall-konklużjoni li ma twettaqx ibbilanċjar ġust bejn l-interessi tal-ġuristi kkonċernati u l-interess li jiġi introdott il-limitu tal-età l-ġdid.

89.      Barra minn hekk, minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-vantaġġi tal-introduzzjoni immedjata tal-limitu tal-età l-ġdid sabiex jintlaħaq għan leġittimu għandhom ikunu ta’ portata ferm kunsiderevoli sabiex ikunu jistgħu jegħlbu l-iżvantaġġi serji li għadhom kemm ġew identifikati. Indipendentement minn jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidrax, għall-kuntrarju tal-fehma tiegħi, li l-miżura hija adegwata u neċessarja sabiex jintlaħaq wieħed jew iktar mill-għanijiet segwiti, ma jidhirx li jeżistu tali vantaġġi kunsiderevoli.

3.      Konklużjoni

90.      Għaldaqstant, ir-rikors għandu jintlaqa’.

V –    Fuq l-ispejjeż

91.      Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il‑parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni rebħet il-kawża, l-Ungerija għandha tbati l-ispejjeż.

VI – Konklużjoni

92.      Għalhekk, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

1.      L-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 2 u 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, sa fejn adottat leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-imħallfin, il-prosekuturi pubbliċi u n-nutara ma għadhomx jitwaqqfu mis-servizz b’mod obbligatorju malli jagħlqu s-70 sena iżda malli jagħlqu t-62 sena.

2.      L-Ungerija hija kkundannata għall-ispejjeż.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79.


3 – Ara s-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Fuchs (C‑159/10 u C‑160/10, Ġabra p. I‑6919).


4 – Deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali Ungeriża Nru 33/2012 (VII.17.).


5 – Sentenza tal-15 ta’ Marzu 2012, Il-Kummissjoni vs Ċipru (C‑340/10, punt 27, u l-ġurisprudenza hemmhekk iċċitata).


6  – Ara s-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑394/02, Ġabra p. I‑4713, punt 19).


7 – Ara s-sentenza Fuchs (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 34).


8 – Ara s-sentenzi tat-12 ta’ Ottubru 2010, Rosenbladt (C‑45/09, Ġabra p. I‑9391, punt 73), u tal-5 ta’ Lulju 2012, Hörnfeldt (C‑141/11, punt 38).


9 – Ara l-konklużjonijiet tiegħu tas-6 ta’ Mejju 2010 fil-Kawża Andersen (C‑499/08, Ġabra p. I‑9343, punt 47).


10 – Sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2001, Jippes et (C‑189/01, Ġabra p. I‑5689, punt 81); tas-7 ta’ Lulju 2009, S.P.C.M. et (C‑558/07, Ġabra p. I‑5783, punt 41), kif ukoll tat-8 ta’ Lulju 2010, Afton Chemical (C‑343/09, Ġabra p. I‑7023, punt 45, u l-ġurisprudenza hemmhekk iċċitata).


11 – Sentenzi tas-16 ta’ Ottubru 2007, Palacios de la Villa (C‑411/05, Ġabra p. I‑8531, punt 68), u Rosenbladt (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 41).


12 – Ara s-sentenzi Palacios de la Villa (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 72), Rosenbladt (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punti 41 u 69), kif ukoll Hörnfeldt (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 32).


13 – Sentenzi tal-25 ta’ Mejju 1982, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (96/81, Ġabra p. 1791, punt 6), u tal-14 ta’ Ġunju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (C‑342/05, Ġabra p. I‑4713, punt 23).


14  – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (C‑344/03, Ġabra p. I‑11033, punti 36, 39 u 42).


15 – Sentenzi Fuchs (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 39, u l-ġurisprudenza hemmhekk iċċitata), kif ukoll Hörnfeldt (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 24).


16 – Sentenza Fuchs (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 40).


17 – Sentenzi tal-5 ta’ Marzu 2009, Age Concern England (C‑388/07, Ġabra p. I‑1569, punt 43), u tat-13 ta’ Settembru 2011, Prigge et (C‑447/09, Ġabra p. I‑8003, punt 80).


18 – Ara s-sentenzi Age Concern England (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 46); tat-18 ta’ Ġunju 2009, Hütter (C‑88/08, Ġabra p. I‑5325, punt 41), kif ukoll Prigge et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 81).


19 – Ara s-sentenzi tat-30 ta’ Marzu 1993, Thomas et (C‑328/91, Ġabra p. I‑1247, punt 12); tat-23 ta’ Mejju 2000, Buchner et (C‑104/98, Ġabra p. I‑3625, punt 26), u tal-1 ta’ April 2008, Maruko (C‑267/06, Ġabra p. I‑1757, punt 78), kif ukoll, fir-rigward tal-ibbilanċjar finanzjarju ta’ sistema tal-assigurazzjoni għall-mard, is-sentenzi tat-28 ta’ April 1998, Kohll (C‑158/96, Ġabra p. I‑1931, punt 41); tas-16 ta’ Mejju 2006, Watts (C‑372/04, Ġabra p. I‑4325, punt 103); tal-10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer (C‑169/07, Ġabra p. I‑1721, punt 47), u tat-12 ta’ Jannar 2010, Petersen (C‑341/08. Ġabra p. I‑47, punt 45).


20 – Sentenza Fuchs (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 50).


21 – Sentenza Fuchs (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 50).


22 – Ara wkoll is-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali Ungeriża (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4).


23 – Ara, fost oħrajn, is-sentenzi tal-11 ta’ Ġunju 1987, X (14/86, Ġabra 2545, punt 7); tas-17 ta’ Settembru 1997, Dorsch Consult (C‑54/96, Ġabra p. I‑4961, punt 23); tal-31 ta’ Mejju 2005, Syfait et (C‑53/03, Ġabra p. I‑4609, punt 29), u tal-14 ta’ Ġunju 2011, Miles et (C‑196/09, Ġabra p. I‑5105, punt 37).


24 – Sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2006, Wilson (C‑506/04, Ġabra p. I‑8613, punti 50 u 51), u tat-22 ta’ Diċembru 2010, RTL Belgium (C‑517/09, Ġabra p. I‑14093, punt 39), kif ukoll is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tat-28 ta’ Ġunju 1984, Campbell u Fell vs Ir-Renju Unit (Rikorsi Nru 7819/77 u 7878/77, Serie A Nru 80, § 78).


25 – Sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Campbell u Fell vs Ir-Renju Unit (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, § 80).


26 – Ara s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-24 ta’ Mejju 1989, Hauschildt vs Id-Danimarka (Rikors Nru 10486/83, punt 48); tal-25 ta’ Ġunju 1992, Thorgeir Thorgeirson vs L-Islanda (Rikors Nru 13778/88, Serie A, Nru 239, § 51), u tad-9 ta’ Ġunju 1998, Incal vs It-Turkija (Rikors Nru 22678/93, punt 71).


27 – Fir-rigward tan-natura kontradittorja tal-evalwazzjoni tal-limitu tal-età għall-piloti, ara s-sentenza Prigge et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punti 73 sa 75).


28 – Sentenzi Petersen (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 53), u Fuchs (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 85). Ara wkoll, bħala eżempju, is-sentenza Hütter (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 46).


29 – Sentenza Fuchs (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 91).


30 – Sentenzi tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA (C‑344/04, Ġabra p. I‑403, punt 95), tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et (C‑127/07, Ġabra p. I‑9895, punt 23), tas-7 ta’ Lulju 2009, S.P.C.M. et (C‑558/07, Ġabra p. I‑5783, punt 74), kif ukoll tal-14 ta’ Settembru 2010, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni et (C‑550/07 P, Ġabra p. I‑8301, punt 55).


31 – Punt 60 tar-rikors. Skont l-Artikolu 18(2)(b) tal-Liġi LXXXI tal-1997 huwa meħtieġ perijodu ta’ servizz ta’ minn tal-inqas 20 sena.


32 – Sentenzi tat-18 ta’ Novembru 2010, Georgiev (C‑250/09 u C‑268/09, Ġabra p. I‑11869, punt 45), u Fuchs (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 49).


33 –      Ara l-punt 44 iktar ’il fuq.


34 –      Sentenzi Palacios de la Villa (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 73); tat-12 ta’ Ottubru 2010, Andersen (C‑499/08, Ġabra p. I‑9343, punti 41 sa 48, u b’mod partikolari l-punt 47), kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi f’dik il-kawża (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 67).


35 –      F’dan ir-rigward ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Andersen (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 68).


36 – Matul is-seduta, il-Gvern Ungeriż ikkalkola li l-livell tal-pensjoni jkun madwar 60 % sa 80 % tad-dħul medju matul il-karriera. Fil-proċeduri quddiem il-Qorti Kostituzzjonali Ungeriża (imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4) kien argumentat li l-pensjoni kienet ta’ madwar 30 % tad-dħul.


37 –      Sentenzi Palacios de la Villa (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 73) u Fuchs (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 66).


38 – Ara l-punt 67 iktar ’il fuq.