Language of document : ECLI:EU:T:2011:112

Kawża T-382/06

Tomkins plc

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Settur tal-attrezzaturi tar-ram u tal-liga tar-ram — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur — Tul tal-ksur”

Sommarju tas-sentenza

1.      Kompetizzjoni – Multi — Responsabbiltà in solidum għall-ħlas — Portata

(Artikolu 81(1) KE)

2.      Rikors għal annullament — Rikorsi ppreżentati separatament minn kumpannija parent u mis-sussidjarja tagħha kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li timputa l-aġir ta’ din tal-aħħar fuq il-kumpannija parent — Teħid inkunsiderazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tar-rikors tal-kumpannija parent, tal-eżitu tar-rikors ippreżentat mis-sussidjarja — Ksur tal-projbizzjoni li tiddeċiedi ultra petita — Assenza

3.      Kompetizzjoni — Akkordji — Prova — Prova tal-kontinwità tal-parteċipazzjoni ta’ impriża fl-akkordju — Oneru tal-prova

(Artikolu 81(1) KE)

1.      Ir-responsabbiltà ta’ kumpannija parent ma tistax teċċedi dik tas-sussidjarja tagħha, meta hija ma tinżammx responsabbli għall-akkordju inkwistjoni minħabba l-parteċipazzjoni diretta tagħha għall-attivitajiet ta’ dan l-akkordju iżda tinżamm responsabbli biss minħabba l-parteċipazzjoni tas-sussidjarja tagħha fil-ksur. It-tul tal-parteċipazzjoni tas-sussidjarja fil-ksur huwa determinanti f’dak li jirrigwarda l-portata tar-responsabbiltà tal-kumpannija parent.

F’dak li jirrigwarda deċiżjoni tal-Kummissjoni li timputa fuq il-kumpannija parent l-aġir li jikkostitwixxi ksur tas-sussidjarja tagħha u li tikkundanaha in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq din tal-aħħar, din ir-responsabbiltà in solidum tqiegħed lill-kumpannija parent u lis-sussidjarja tagħha f’sitwazzjoni partikolari, li ġġib magħha konsegwenzi għall-kumpannija parent li nżammet responsabbli għall-aġir li jikkostitwixxi ksur tas-sussidjarja tagħha, fil-każ ta’ annullament jew ta’ bdil tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ aġir li jikkostitwixxi ksur min-naħa tas-sussidjarja, il-kumpannija parent la kienet tiġi imputata bl-aġir tas-sussidjarja tagħha u lanqas ma kienet tiġi kkundannata in solidum mas-sussidjarja tagħha għall-ħlas tal-multa.

(ara l-punti 35, 37, 38, 45)

2.      F’dak li jirrigwarda rikors għal annullament, peress li l-qorti tal-Unjoni Ewropea ma tistax tiddeċiedi ultra petita, l-annullament li hija tiddikjara ma jistax jeċċedi dak mitlub mir-rikorrenti. Jekk id-destinatarju ta’ deċiżjoni jiddeċiedi li jippreżenta rikors għal annullament, il-qorti tal-Unjoni għandha tiddeċiedi biss fuq l-elementi tad‑deċiżjoni li jikkonċernawh. Min-naħa l-oħra, l-elementi li jikkonċernaw destinatarji oħra, li ma ġewx ikkontestati, ma jifformawx parti mis-suġġett tal‑kawża li l-qorti tal-Unjoni għandha tiddeċiedi.

Fid-dritt tal-kompetizzjoni, fir-rigward ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li timputa fuq il-kumpannija parent l-aġir li jikkostitwixxi ksur tas-sussidjarja tagħha u li tikkundannaha in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq din tal-aħħar, l-imputazzjoni magħżula mill-Kummissjoni fil-konfront tal-kumpannija parent timplika li din tal-aħħar għandha tibbenefika mill-annullament parzjali ta’ din id-deċiżjoni b’konsegwenza ta’ rikors għal annullament ippreżentat mis-sussidjarja tagħha f’kawża parallela.

Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali, meta quddiema jkollha rikorsi għal annullament ippreżentat separatament minn kumpannija parent u mis-sussidjarja tagħha, ma tkunx qed tiddeċiedi ultra petita meta tieħu inkunsiderazzjoni, sabiex tiddeċiedi fuq ir-rikors ippreżentat mill-kumpannija parent, l-eżitu tar-rikors ippreżentat mis-sussidjarja, ladarba t-talbiet tar-rikors ippreżentat mill‑kumpannija parent ikollhom l-istess suġġett.

(ara l-punti 35, 40-42, 44)

3.      Hija l-Kummissjoni li għandha tipprova t-tul tal-parteċipazzjoni ta’ kull wieħed mill-parteċipanti f’akkordju, u dan jimplika li tkun magħrufa d-data tal-bidu u dik tat-tmiem ta’ din il-parteċipazzjoni.

Fin-nuqqas ta’ prova jew ta’ indizju li jistgħu jiġu interpretati bħala intenzjoni ddikjarata ta’ impriża li tiddisassoċja ruħha mis-suġġett tal-ftehim, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra li għandha provi suffiċjenti f’dak li jirrigwarda l-kontinwità tal-parteċipazzjoni tal-impriża fl-akkordju sad-data ta’ meta hija qieset li l-akkordju kien intemm, jiġifieri d-data ta’ meta hija wettqet l-ispezzjonijiet għal għarrieda.

(ara l-punti 49, 53)