Language of document : ECLI:EU:C:2016:42

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

21 ta’ Jannar 2016 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kompetizzjoni — Akkordji — Prattika miftiehma — Aġenziji tal-ivvjaġġar li jipparteċipaw fis-sistema komuni kompjuterizzata ta’ offerti ta’ vjaġġi — Limitazzjoni awtomatika tar-rati ta’ roħs fuq ix-xiri ta’ vjaġġi online — Messaġġ tal-amministratur tas-sistema dwar l‑imsemmija limitazzjoni — Ftehim taċitu li jista’ jiġi kklassifikat bħala prattika miftiehma — Elementi li jikkostitwixxu ftehim u prattika miftiehma — Evalwazzjoni tal-provi u livell ta’ prova meħtieġ — Awtonomija proċedurali tal‑Istati Membri — Prinċipju ta’ effettività — Preżunzjoni ta’ innoċenza”

Fil-Kawża C‑74/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (qorti amministrattiva suprema tal-Litwanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-17  ta’ Jannar 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Frar 2014, fil-proċedura

“Eturas” UAB,

“AAA Wrislit” UAB,

“Baltic Clipper” UAB,

“Baltic Tours Vilnius” UAB,

“Daigera” UAB,

“Ferona” UAB,

“Freshtravel” UAB,

“Guliverio kelionės” UAB,

“Kelionių akademija” UAB,

“Kelionių gurmanai” UAB,

“Kelionių laikas” UAB,

“Litamicus” UAB,

“Megaturas” UAB,

“Neoturas” UAB,

“TopTravel” UAB,

“Travelonline Baltics” UAB,

“Vestekspress” UAB,

“Visveta” UAB,

“Zigzag Travel” UAB,

“ZIP Travel” UAB

vs

Lietuvos Respublikos konkurencijos taryba,

fil-preżenza ta’:

“Aviaeuropa” UAB,

“Grand Voyage” UAB,

“Kalnų upė” UAB,

“Keliautojų klubas” UAB,

“Smaragdas travel” UAB,

“700LT” UAB,

“Aljus ir Ko” UAB,

“Gustus vitae” UAB,

“Tropikai” UAB,

“Vipauta” UAB,

“Vistus” UAB,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tar-Raba’ Awla, li qed jaġixxi bħala President tal-Ħames Awla, D. Šváby, A. Rosas, E. Juhász (Relatur) u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Mejju 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal “AAA Wrislit” UAB, minn L. Darulienė u T. Blažys, advokatai,

–        għal “Baltic Clipper” UAB, minn J. Petrulionis, L. Šlepaitė u M. Juonys, advokatai,

–        għal “Baltic Tours Vilnius” UAB u “Kelionių laikas” UAB, minn P. Koverovas u R. Moisejevas, advokatai,

–        għal “Guliverio kelionės” UAB, minn M. Juonys u L. Šlepaitė, advokatai,

–        għal “Kelionių akademija” UAB u “Travelonline Baltics” UAB, minn L. Darulienė, advokatė,

–        għal “Megaturas” UAB, minn E. Kisielius, advokatas,

–        għal “Vestekspress” UAB, minn L. Darulienė, R. Moisejevas u P. Koverovas, advokatai,

–        għal “Visveta” UAB, minn T. Blažys, advokatas,

–        għal-Lietuvos Respublikos konkurencijos taryba, minn E. Pažėraitė u S. Tolušytė, bħala aġenti,

–        għal “Keliautojų klubas” UAB, minn E. Burgis u I. Sodeikaitė, advokatai,

–        għall-Gvern Litwan, minn D. Kriaučiūnas u K. Dieninis kif ukoll minn J. Nasutavičienė, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Biolan u V. Bottka kif ukoll minn A. Steiblytė, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Lulju 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn “Eturas” UAB (iktar ’il quddiem “Eturas”), “AAA Wrislit” UAB, “Baltic Clipper” UAB, “Baltic Tours Vilnius” UAB, “Daigera” UAB, “Ferona” UAB, “Freshtravel” UAB, “Guliverio Kelionės” UAB, “Kelionių akademija” UAB, “Kelionių gurmanai” UAB, “Kelionių laikas” UAB, “Litamicus” UAB, “Megaturas” UAB, “Neoturas” UAB, “Top Travel” UAB, “Travelonline Baltics” UAB, “Vestekspress” UAB, “Visveta” UAB, “Zigzag Travel” UAB u “ZIP Travel” UAB, li huma aġenziji tal-ivvjaġġar, u l-Lietuvos Respublikos konkurencijos taryba (kunsill tal-kompetizzjoni tar-Repubblika tal-Litwanja, iktar ’il quddiem il-“Kunsill tal-Kompetizzjoni” dwar deċiżjoni li permezz tagħha dan tal-aħħar ikkundanna lil dawn l-aġenziji tal-ivvjaġġar għall-ħlas ta’ multi talli kkonkludew u pparteċipaw prattiki antikompetittivi.

 Il-kuntest ġuridiku

3        Il-premessa 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102] tat-Trattat [FUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), jistabbilixxi:

“Sabiex jiżgura l-infurzar effetiv tal-liġijiet kompettitivi tal-Komunità u biex fl-istess ħin tirrispetta d-dritt fundamentali tad-difiża, dan ir-Regolament għandu jirregola l-piż tal-provi taħt l-Artikolu [101] u [102] tat-Trattat. Għandhom jkunu l-awtoritajiet li jallegaw ksur ta’ l-Artikolu [101(1)] u l-Artikolu [102] tat-Trattat li jipprovaw l-eżistenza tal-istandard legali meħtieġ. Għandhom jkunu l-impriżi jew assoċjazzjoni tal-impriża li jinvokaw l-benefiċju tad-difiża kontra s-sejba ta’ ksur li jiddemonsrta l-istandard legali meħtieġ bex jissoddisfaw il-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ difiża bħal din. Dan ir-Regolament ma jaffetwax l-liġijiet nazzjonali fuq l-istandard tal-provi [meħtieġ] u lanqas l-oblikazzjonijiet ta’ l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u qrati tal-Istati Membri biex jaċċertaw l-fatti relevanti tal-każ, iżda dawn il-liġijiet u obligazzjonijiet huma kumpattibli mal-prinċipji ġenerali tal-liġijiet tal-Komunità.”

4        L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, bit-titolu “L-oneru tal-Prova”, jipprovdi:

“F’kwalunkwe proċedura nazzjonali jew tal-Komunità għal-applikazzjoni ta’ l-Artikoli [101] u [102] tat-Trattat, il-piż tal-prova ta’ ksur ta’ l-Artikolu [101(1)] jew ta’ l-Artikolu [102] tat-Trattat ħa jpoġġi fuq il-parti jew l-awtorità li qed tallega xi ksur. L-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ l-impriża li tapplika għall-benefiċċji ta’ l-Artikolu [101(3)] tat-Trattat ħa jġorr il-piż tal-prova li il-kondizzjonijiet ta’ dak il-paragrafu huma mwettqa.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

5        Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Eturas hija detentriċi ta’ drittijiet esklużivi fuq is-softwer E-TURAS, li tiegħu hija wkoll l-amministratur.

6        Dan is-softwer huwa sistema komuni ta’ riżervazzjoni ta’ vjaġġi online. Huwa jippermetti lill-aġenziji tal-ivjaġġar, li, permezz ta’ kuntratt akkwistaw liċenzja ta’ operat mingħand Eturas, sabiex joffru l-bejgħ ta’ vjaġġi permezz tas-sit tal-internet tagħhom, skont mod ta’ preżentazzjoni ta’ riżervazzjoni uniformi u ddeterminat minn Eturas. Il-kuntratt imsemmi hawn fuq ma fih ebda klawżola li tippermetti lill-amministratur tal-imsemmi softwer li jemenda l-prezzijiet stabbiliti mill-aġenziji tal-ivvjaġġar li jużaw l-imsemmija sistema għas-servizzi li huma jbigħu.

7        Fis-softwer E-TURAS, kull aġenzija tal-ivvjaġġar għandha kont elettroniku personali li tista’ taqbad miegħu permezz ta’ password li ngħatatilha fil-mument tal-iffirmar tal-kuntratt ta’ liċenzja. Huwa f’dan il-kont li l-aġenziji tal-ivvjaġġar għandhom aċċess għal sistema ta’ messaġġi speċifika għas-sistema ta’ riżervazzjoni E-TURAS, li taħdem bħal sistema ta’ mailbox elettronika. Il-messaġġi mibgħuta permezz ta’ din is-sistema ta’ messaġġi għaldaqstant jinqraw bħal posta elettronika u għaldaqstant, sabiex jinqraw, għandhom jinfetħu minn qabel mid-destinatarju tagħhom.

8        Matul is-sena 2010, il-Kunsill għall-Kompetizzjoni fetaħ investigazzjoni fuq il-bażi tal-informazzjoni mogħtija minn waħda mill-aġenziji li jużaw is-sistema ta’ riżervazzjoni E‑TURAS li skont din l-informazzjoni l-aġenziji tal-ivvjaġġar kienu qegħdin jikkoordinaw bejniethom l-iskontijiet fuq il-vjaġġi mibjugħa permezz ta’ din is-sistema.

9        Din l-investigazzjoni ppermettiet li jiġi stabbilit li, fil-25 ta’ Awwissu 2009, id-direttur ta’ Eturas bagħat lil diversi aġenziji tal-ivvjaġġar, u fi kwalunkwe każ lil tal-inqas waħda fosthom, posta elettronika bit-titolu “Vote”, li permezz tagħha d-destinatarju ntalab jesprimi ruħu dwar l-opportunità ta’ tnaqqis tar-rata tal-iskont fuq l-internet, sabiex minn 4 % jinżel għal minn 1 % sa 3 %.

10      Fis-27 ta’ Awwissu 2009, f’nofsinhar u għoxrin minuta, l-amministratur tas-softwer E-TURAS, permezz tas-sistema ta’ messaġġi interna ta’ dan is-softwer, bagħat, fi kwalunkwe każ minn tal-inqas lil tnejn mill-aġenziji tal-ivvjaġġar ikkonċernati, messaġġ bit-titolu “Messaġġ li jikkonċerna t-tnaqqis tal-iskont għar-riżervazzjonijiet ta’ vjaġġi bl-internet, bejn 0 u 3 %” (iktar ’il quddiem il-“messaġġ inkwistjoni fil-kawża prinċipali”) u fformulat kif ġej:

“B’teħid inkunsiderazzjoni tad-dikjarazzjonijiet, tas-suġġerimenti, u tax-xewqat espressi mill-aġenziji tal-ivvjaġġar f’dak li jikkonċerna l-applikazzjoni ta’ rata ta’ skont għar-riżervazzjonijiet ta’ vjaġġi permezz tal-internet, qegħdin nintroduċu l-possibbiltà li jingħataw skontijiet fuq l-internet li jvarjaw bejn 0 u 3 % skont l-għażla tal-aġenzija partikolari. Dan l-‘istabbiliment ta’ limitazzjoni’ tar-rata tal-iskont għandu jgħin sabiex l-ammont tal-kummissjoni jiġi ppreżervat u sabiex il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni jiġu normalizzati. Twissija! għall-aġenziji tal-ivvjaġġar li jagħtu skontijiet ta’ iktar minn 3 % sa mis-sagħtejn ta’ waranofsinhar. Jekk xerridtu informazzjoni dwar ir-rati ta’ skont, nissuġġerixxu li temendawhom konsegwentement.”

11      Wara d-data tas-27 ta’ Awwissu 2009, is-siti tal-internet ta’ tmien aġenziji tal-ivvjaġġar kienu juru messaġġi pubbliċitarji dwar skont ta’ 3 % fuq il-vjaġġi offruti. Meta wieħed kien jibda jagħmel riżervazzjoni, kienet tinfetaħ tieqa u kienet issemmi li fuq il-vjaġġ magħżul kien hemm skont ta’ 3 %.

12      L-investigazzjoni mnedija mill-Kunsill għall-Kompetizzjoni ppermettiet li jiġi stabbilit li l-emendi tekniċi magħmula lis-softwer E‑TURAS wara li ntbagħat il-messaġġ inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu jfissru li, minkejja li l-aġenziji tal-ivvjaġġar ma kinux imxekkla milli jagħtu lill-klijenti tagħhom skontijiet ta’ iktar minn 3 %, madankollu l-għoti ta’ tali skontijiet kien jeħtieġ li jitwettqu formalitajiet tekniċi addizzjonali min-naħa ta’ dawn l-aġenziji.

13      Fid-deċiżjoni tiegħu tas-7 ta’ Ġunju 2012, il-Kunsill għall-Kompetizzjoni qies li, bejn is-27 ta’ Awwissu 2009 u tmiem ix-xahar ta’ Marzu 2010, 30 aġenzija tal-ivvjaġġar kif ukoll Eturas wettqu prattika antikompetittiva li tikkonċerna l-iskontijiet mogħtija fuq riżervazzjonijiet magħmula permezz tas-softwer E‑TURAS.

14      Skont din id-deċiżjoni, il-prattika antikompetittiva bdiet fil-jum fejn il-messaġġ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li kien jikkonċerna t-tnaqqis tar-rata tal-iskontijiet, deher fis-sistema ta’ riżervazzjoni E‑TURAS u li l-limitazzjoni sistematika ta’ din ir-rata fil-kuntest tal-operat ta’ din is-sistema ġiet implementata.

15      Il-Kunsill għall-Kompetizzjoni qies li l-aġenziji tal-ivvjaġġar li użaw is-sistema ta’ riżervazzjoni E‑TURAS matul il-perijodu inkwistjoni u li ma kinux esprimew oġġezzjoni kienu responsabbli għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, peress li huma setgħu raġonevolment jaħsbu li l-utenti l-oħra kollha ta’ din is-sistema wkoll kienu ser jillimitaw l-iskontijiet tagħhom għal massimu ta’ 3 %. Minn dan huwa ddeduċa li dawn l-aġenziji b’mod reċiproku informaw lil xulxin bir-rati li huma kellhom l-intenzjoni japplikaw fil-futur u għaldaqstant kienu esprimew b’mod indirett, permezz ta’ qbil impliċitu jew taċitu, rieda komuni fir-rigward tal-aġir tagħhom fis-suq inkwistjoni. Minn dan ikkonkluda li dan l-aġir tal-imsemmija aġenziji fis-suq inkwistjoni kellu jiġi analizzat bħala li jikkostitwixxi prattika miftiehma u qies li, minkejja li Eturas ma kinitx topera fis-suq inkwistjoni, hija kellha rwol billi ffaċilitat din il-prattika.

16      Il-Kunsill għall-Kompetizzjoni għaldaqstant iddikjara lil Eturas u lill-aġenziji tal-ivvjaġġar ikkonċernati li kienu ħatja, b’mod partikolari, ta’ ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE u impona multi fuqhom. L-aġenzija tal-ivvjaġġar li kienet informat lill-Kunsill għall-Kompetizzjoni bl-eżistenza ta’ dan il-ksur ibbenefikat minn immunità minn multi skont programm ta’ klemenza.

17      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kkontestaw id-deċiżjoni tal-Kunsill għall-Kompetizzjoni quddiem il-Vilniaus apygardos administracinis teismas (qorti amministrattiva distrettwali ta’ Vilnius). Permezz ta’ sentenza tat-8 ta’ April 2013, dik il-qorti laqgħet ir-rikors parzjalment u naqqset l-ammont tal-multi imposti.

18      Kemm ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kif ukoll il-Kunsill għall-Kompetizzjoni appellaw mill-imsemmija sentenza quddiem il-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (qorti amministrattiva suprema tal-Litwanja).

19      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li ma wettqux prattika miftiehma fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE jew tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali korrispondenti. Huma jsostnu li huma ma jistgħux jinżammu responsabbli għall-aġir unilaterali ta’ Eturas. Uħud minn dawn ir-rikorrenti jsostnu li ma rċevewx jew li ma qrawx il-messaġġ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li l-operat tas-softwer E‑TURAS kien jirrappreżenta biss parti żgħira ħafna mid-dħul mill-bejgħ tagħhom u li huma ma kinux jagħtu każ il-modifiki li jsiru f’dan is-softwer. Huma jindikaw li komplew jużaw is-sistema ta’ informazzjoni anki wara l-implementazzjoni teknika tal-istabbiliment ta’ limitazzjoni tal-iskontijiet, peress li ma kinitx teżisti sistema ta’ informazzjoni u kien wisq oneruż finanzjarjament sabiex tiġi żviluppata waħda minnhom stess. Fl-aħħar nett huma jsostnu li, fil-prinċipju, l-iskontijiet ma kinux limitati, peress li l-aġenziji tal-ivvjaġġar ikkonċernati dejjem kellhom il-possibbiltà li jagħtu lill-klijenti tagħhom skontijiet individwali ta’ lealtà li jkunu addizzjonali.

20      Il-Kunsill għall-Kompetizzjoni jsostni li s-sistema ta’ riżervazzjoni E‑TURAS kienet toffri lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali l-mezz li bih jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom u elimina kull bżonn li jiġu organizzati laqgħat. Għaldaqstant, huwa jsostni, minn naħa, li l-kundizzjonijiet ta’ użu ta’ din is-sistema kienu jippermettu lill-imsemmija rikorrenti, anki mingħajr kuntatt dirett, li jaslu għal “qbil tar-ridiet” fir-rigward ta’ limitazzjoni tal-iskontijiet u, min-naħa l-oħra, li l-fatt li wieħed ma jopponix għal-limitazzjoni tal-iskontijiet huwa ekwivalenti għal qbil taċitu għaliha. Huwa jindika li l-imsemmija sistema kienet tiffunzjona f’kundizzjonijiet uniformi u kienet identifikabbli faċilment fuq is-siti tal-internet tal-aġenziji tal-ivvjaġġar inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fuqhom kienet tiġi ppubblikata informazzjoni dwar l-iskontijiet mogħtija. Dawn l-aġenziji tal-ivvjaġġar ma opponewx għal-limitazzjoni tal-iskontijiet hekk implementata u għaldaqstant taw x’jifhmu lil xulxin b’mod reċiproku li huma kienu qed japplikaw skontijiet b’rata limitata, b’eliminazzjoni ta’ kull inċertezza dwar ir-rata tal-iskontijiet. Skont il-Kunsill għall-Kompetizzjoni, kienu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali li kellhom jaġixxu b’mod avżat u responsabbli u huma ma setgħux jinjoraw messaġġi dwar l-istrumenti użati fil-kuntest tal-attività ekonomika tagħhom u ma jagħtuhomx attenzjoni.

21      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni li għandha tagħti lill-Artikolu 101(1) TFUE u, b’mod partikolari, dwar it-tqassim tal-oneru tal-prova għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, hija għandha dubji dwar l-eżistenza ta’ kriterji suffiċjenti ta’ natura li jistabbilixxu, f’dan il-każ, il-parteċipazzjoni tal-aġenziji tal-ivvjaġġar ikkonċernati fi prattika miftiehma ta’ natura orizzontali.

22      Il-qorti tar-rinviju għal dan l-għan tenfasizza li, f’dan il-każ, il-prova prinċipali sabiex tkun ta’ bażi għal kundanna hija kkostitwita biss minn preżunzjoni, li skontha l-aġenziji tal-ivvjaġġar ikkonċernati qraw jew kellhom jaqraw il-messaġġ inkwistjoni fil-kawża prinċipali u kellhom jifhmu l-elementi u l-konsegwenzi tad-deċiżjoni relatata mal-limitazzjoni tar-rati tal-iskontijiet fuq il-vjaġġi offruti. Għal dan l-għan, hija ssemmi li l-preżunzjoni ta’ innoċenza tapplika fil-kuntest tar-ripressjoni tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni u tagħmel parti mid-dubji tagħha dwar il-possibbiltà li tikkundanna lill-aġenziji tal-ivvjaġġar inkwistjoni fil-kawża prinċipali fuq is-sempliċi bażi tal-ewwel waħda minn dawn il-preżunzjonijiet, iktar u iktar peress li wħud fosthom ċaħdu li kienu jafu bil-messaġġ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, filwaqt li oħrajn biegħu l-ewwel vjaġġ tagħhom biss wara l-emendi tekniċi jew ukoll ma biegħu ebda vjaġġ permezz tas-sistema ta’ riżervazzjoni E‑TURAS.

23      Fl-istess waqt, il-qorti tar-rinviju taċċetta li l-aġenziji tal-ivvjaġġar li jużaw is-sistema ta’ riżervazzjoni E‑TURAS kienu jafu jew kellhom neċessarjament ikunu jafu li l-kompetituri tagħhom ukoll kienu jużaw din is-sistema, raġuni li għaliha huwa possibbli li jitqies li l-imsemmija aġenziji kellhom jagħtu prova kemm ta’ prudenza kif ukoll ta’ diliġenza u, għaldaqstant, li huma ma setgħux jonqsu milli jaqraw il-messaġġi li huma kienu jirċievu. Għal dan l-għan, il-qorti tar-rinviju tirrileva li parti mill-aġenziji ssanzjonati mill-Kunsill għall-Kompetizzjoni rrikonoxxew li saru jafu bil-kontenut tal-messaġġ inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

24      Il-qorti tar-rinviju għaldaqstant tfittex li tiddetermina jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża li għandha quddiemha, is-sempliċi trażmissjoni ta’ messaġġ dwar limitazzjoni tar-rata tal-iskontijiet jistax jikkostitwixxi prova suffiċjenti, li tistabbilixxi jew li tippermetti li wieħed jippreżupponi, li l-operaturi ekonomiċi li jipparteċipaw fis-sistema ta’ riżervazzjoni E‑TURAS kienu jafu jew kellhom neċessarjament ikunu jafu b’tali limitazzjoni, filwaqt li numru kunsiderevoli minnhom isostnu li ma sarux jafu b’din il-limitazzjoni, uħud ma emendawx ir-rata ta’ skont applikat effettivament u oħrajn ma biegħu ebda vjaġġ permezz ta’ din is-sistema matul il-perijodu inkwistjoni.

25      F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (qorti suprema amministrattiva tal-Litwanja) iddeċidiet li tissospendi l-kawża quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’każ fejn operaturi ekonomiċi jipparteċipaw f’sistema ta’ informazzjoni komuni bħal dik deskritta f’dan il-każ u fejn il-Kunsill għall-kompetizzjoni jipprova li avviż tas-sistema fuq limitazzjoni tal-iskontijiet ixxandar fi ħdan din is-sistema u restrizzjoni teknika stabbilita għad-dħul informatiku tar-rata tal-iskontijiet, jista’ jiġi preżunt li dawn l-operaturi kienu jafu jew kellhom neċessarjament ikunu jafu bl-avviż imxandar u li, billi ma opponewx ruħhom għal-limitazzjoni tal-iskontijiet imwettqa, huma qablu magħha b’mod taċitu, u dan jippermetti li huma jinżammu responsabbli għal prattika mifthiema fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE?

2)      Fil-każ li tingħata risposta negattiva għall-ewwel domanda, liema huma l-fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi deċiż jekk operaturi ekonomiċi li jipparteċipaw f’sistema komuni ta’ informazzjoni f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jipparteċipawx fi prattika miftiehma fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE?”

 Fuq id-domandi preliminari

26      Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 101(1) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta l-amministratur ta’ sistema kompjuterizzata, intiża li tippermetti lil xi aġenziji tal-ivvjaġġar ibigħu vjaġġi fis-sit tal-internet tagħhom, skont metodu ta’ riżervazzjoni uniformi, jibgħat lil dawn l-operaturi ekonomiċi, permezz ta’ sistema ta’ messaġġi elettronika personali, messaġġ li javżahom li l-iskontijiet relatati mal-prodotti mibjugħa permezz ta’ din is-sistema ser ikunu limitati minn dak il-mument ’il quddiem u li, b’riżultat tat-trażmissjoni ta’ dan il-messaġġ, is-sistema inkwistjoni jsirulha l-modifiki tekniċi neċessarji sabiex din il-miżura tiġi implementata, l-imsemmija operaturi jistgħu jiġu preżunti li saru jafu bl-imsemmi messaġġ u, fl-assenza ta’ oppożizzjoni min-naħa tagħhom għal tali prattika, bħala li pparteċipaw fi prattika miftiehma fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

27      Preliminarjament għandu jitfakkar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li kull operatur ekonomiku għandu jiddetermina b’mod awtonomu l-politika li għandu l-intenzjoni jsegwi fis-suq komuni. Tali rekwiżit ta’ awtonomija għaldaqstant jipprekludi b’mod nett kull kuntatt dirett jew indirett bejn tali operaturi ta’ natura li jinfluwenza l-aġir fis-suq ta’ kompetitur attwali jew potenzjali, jew jiġi żvelat lil dan il-kompetitur l-aġir li wieħed ikun iddeċieda li jsegwi huwa stess f’dan is-suq jew li wieħed ikollu l-intenzjoni jadotta fih, meta dawn il-kuntatti jkollhom bħala għan jew bħala effett li jwasslu għal kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li ma jikkorrispondux għall-kundizzjonijiet normali tas-suq inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza T‑Mobile Netherlands et, C‑8/08, EU:C:2009:343, punti 32 u 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

28      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-metodi passivi ta’ parteċipazzjoni fil-ksur, bħall-preżenza ta’ impriża f’laqgħat li matulhom ikunu ġew konklużi ftehimiet b’għan antikompetittiv, mingħajr ma tkun opponiet għalihom b’mod manifest, jiġu tradotti bħala kompliċità li hija ta’ natura li tiskatta r-responsabbiltà tagħha fil-kuntest tal-Artikolu 101 TFUE, peress li l-approvazzjoni taċita ta’ inizjattiva illeċita, mingħajr ma tbiegħed ruħha b’mod pubbliku mill-kontenut tagħha jew mingħajr ma tirrapportaha lill-entitajiet amministrattivi, għandha l-effett li tinkoraġġixxi l-kontinwazzjoni tal-ksur u li tikkomprometti s-sejba tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza AC-Treuhand vs Il‑Kummissjoni, C‑194/14 P, EU:C:2015:717, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Fl-ewwel lok, sa fejn il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk it-trażmissjoni ta’ messaġġ, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tistax tikkostitwixxi prova suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li l-operaturi li pparteċipaw fis-sistema kienu jafu jew kellhom neċessarjament ikunu jafu l-kontenut tiegħu, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003, fil-proċeduri nazzjonali ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE kollha, l-oneru tal-prova ta’ ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE, jaqa’ fuq il-parti jew l-awtorità li tallegah.

30      Minkejja li l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003 b’mod espress jirregola l-attribuzzjoni tal-oneru tal-prova, dan ir-regolament ma għandux dispożizzjonijiet dwar l-aspetti proċedurali iktar speċifiċi. Għaldaqstant, b’mod partikolari l-imsemmi regolament ma fih ebda dispożizzjoni dwar il-prinċipji li jirregolaw l-evalwazzjoni tal-provi u l-livell ta’ prova meħtieġ fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE.

31      Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-premessa 5 tar-Regolament Nru 1/2003, li b’mod espliċitu tipprevedi li dan ir-regolament ma jaffettwax ir-regoli nazzjonali fuq il-livell ta’ prova meħtieġ.

32      Madankollu, hija ġurisprudenza stabbilita li, fl-assenza ta’ regoli tal-Unjoni fil-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jistabbilixxi tali regoli, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, madankollu taħt il-kundizzjoni li dawn ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li dawn ma jirrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi VEBIC, C‑439/08, EU:C:2010:739, punt 63, kif ukoll Nike European Operations Netherlands, C‑310/14, EU:C:2015:690, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-preżunzjoni ta’ rabta kawżali bejn prattika miftiehma u l-aġir, fis-suq, tal-impriżi li jipparteċipaw fih, li skontha l-imsemmija impriżi, meta dawn jibqgħu attivi f’dan is-suq, jieħdu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni skambjata mal-kompetituri tagħhom sabiex jiddeterminaw l-aġir tagħhom f’dan is-suq, tirriżulta mill-Artikolu 101(1) TFUE u konsegwentement tagħmel parti integrali mid-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali hija obbligata tapplika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza T-Mobile Netherlands et, C‑8/08, EU:C:2009:343, punti 51 sa 53).

34      Madankollu, b’differenza minn din il-preżunzjoni, ir-risposta għall-kwistjoni dwar jekk is-sempliċi trażmissjoni ta’ messaġġ, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tistax, fir-rigward taċ-ċirkustanzi kollha ppreżentati quddiem il-qorti tar-rinviju, tikkostitwixxi prova suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li d-destinatarji tiegħu kienu jafu jew kellhom neċessarjament ikun jafu l-kontenut tiegħu, ma taqax taħt il-kunċett ta’ “prattika miftiehma” u lanqas ma hija marbuta miegħu b’mod intrinsiku. Fil-fatt, tali kwistjoni għandha titqies li hija kwistjoni li tirrelata mal-evalwazzjoni tal-provi u mal-livell ta’ prova meħtieġ, b’tali mod li, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali u bla ħsara għall-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, din taqa’ taħt id-dritt nazzjonali.

35      Il-prinċipju ta’ effettività għaldaqstant jeħtieġ li r-regoli nazzjonali li jirregolaw l-evalwazzjoni tal-provi u l-livell ta’ prova meħtieġ ma għandhomx jirrendu impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, u b’mod partikolari ma għandhomx jippreġudikaw l-applikazzjoni effettiva tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Pfleiderer, C‑360/09, EU:C:2011:389, punt 24).

36      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta’ prattika miftiehma jew ta’ ftehim għandha, fil-parti l-kbira tal-każijiet, tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u ta’ indizji li, meta kkunsidrati flimkien, jistgħu jikkostitwixxu, fl-assenza ta’ spjegazzjoni koerenti oħra, il-prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Total Marketing Services vs Il-Kummissjoni, C‑634/13 P, EU:C:2015:614, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Konsegwentement, il-prinċipju ta’ effettività jeħtieġ li l-prova ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni tkun tista’ tinġieb mhux biss permezz ta’ provi diretti, iżda wkoll permezz ta’ indizji, dejjem sakemm dawn ikunu oġġettivi u konkordanti.

38      Sa fejn il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-possibbiltà li jiġi kkonstatat li l-aġenziji tal-ivvjaġġar kienu jafu jew kellhom neċessarjament ikunu jafu bil-messaġġ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fir-rigward tal-preżunzjoni ta’ innoċenza għandu jitfakkar li din tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li issa huwa stabbilit fl-Artikolu 48(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenza E.ON Energie vs Il-Kummissjoni, C‑89/11 P, EU:C:2012:738, punt 72) li l-Istati Membri huma obbligati josservaw meta jimplementaw id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi VEBIC, C‑439/08, EU:C:2010:739, punt 63, u N., C‑604/12, EU:C:2014:302, punt 41).

39      Il-preżunzjoni ta’ innoċenza tipprekludi li l-qorti tar-rinviju tiddeduċi mis-sempliċi trażmissjoni tal-messaġġ inkwistjoni fil-kawża prinċipali li l-aġenziji tal-ivvjaġġar ikkonċernati kellhom neċessarjament ikunu jafu l-kontenut tiegħu.

40      Madankollu, il-preżunzjoni ta’ innoċenza ma tipprekludix li l-qorti tar-rinviju tqis li t-trażmissjoni tal-messaġġ inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’, fir-rigward ta’ indizji oġġettivi u konkordanti oħra, tkun ta’ bażi għall-preżunzjoni li l-aġenziji tal-ivvjaġġar inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu jafu l-kontenut tiegħu sa mid-data tat-trażmissjoni ta’ dan il-messaġġ, suġġett għal li l-aġenziji jżommu l-possibbiltà li jikkonfutawha.

41      Fir-rigward ta’ din il-konfutazzjoni, il-qorti tar-rinviju ma tistax teħtieġ li jittieħdu passi eċċessivi jew irrealisti. L-aġenziji tal-ivvjaġġar inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu jkollhom il-possibbiltà li jikkonfutaw il-preżunzjoni li huma kienu jafu l-kontenut tal-messaġġ inkwistjoni fil-kawża prinċipali sa mid-data li fiha ntbagħat dan il-messaġġ, pereżempju billi juru li huma ma rċivewx l-imsemmi messaġġ jew li huma ma kkonsultawx it-titolu inkwistjoni jew ikkonsultawh biss wara li kien għadda ċertu żmien minn din it-trażmissjoni.

42      Fit-tieni lok, f’dak li jikkonċerna l-parteċipazzjoni tal-aġenziji tal-ivvjaġġar ikkonċernati fi prattika miftiehma fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, minn naħa għandu jitfakkar li, b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, il-kunċett ta’ “prattika miftiehma” tfisser, minbarra l-ftehim bejn l-impriżi kkonċernati, aġir fis-suq bħala riżultat ta’ dan il-ftehim u rabta kawżali b’effett bejn dawn iż-żewġ elementi (sentenza Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punt 126 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

43      Min-naħa l-oħra għandu jiġi rrilevat li l-kawża prinċipali, kif ippreżentata skont il-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, hija kkaratterizzata mill-fatt li l-amministratur tas-sistema kompjuterizzata inkwistjoni bagħat messaġġ b’għan ta’ azzjoni antikompetittiva komuni tal-aġenziji tal-ivvjaġġar parteċipanti f’din is-sistema, messaġġ li seta’ biss jiġi kkonsultat fit-taqsima “messaġġ ta’ informazzjoni” fis-sistema kompjuterizzata kkonċernata u li għalih dawn naqsu milli jirrispondu b’mod espliċitu. Wara t-trażmissjoni ta’ dan il-messaġġ, ġiet implementata restrizzjoni teknika li llimitat l-iskontijiet li setgħu jingħataw fuq ir-riżervazzjonijiet fis-sistema għal 3 %. Minkejja li din ir-restrizzjoni ma pprekludietx lill-aġenziji tal-ivvjaġġar ikkonċernati milli jagħtu lill-klijenti tagħhom skontijiet ta’ iktar minn 3 %, madankollu hija kienet timplika t-twettiq ta’ formalitajiet tekniċi addizzjonali sabiex jagħmlu dan.

44      Tali ċirkustanzi jistgħu jkunu ta’ bażi għal prattika miftiehma bejn l-aġenziji tal-ivvjaġġar li kienu jafu l-kontenut tal-messaġġ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, billi dawn jistgħu jitqiesu li b’mod taċitu qablu ma’ prattika antikompetittiva komuni, peress li ż-żewġ elementi oħra li jikkostitwixxu prattika miftiehma, imfakkra fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, ukoll huma ssodisfatti. Skont l-evalwazzjoni tal-provi mill-qorti tar-rinviju, aġenzija tal-ivvjaġġar tista’ tiġi preżunta li pparteċipat f’din il-prattika miftiehma sa mill-mument fejn din saret taf b’dan il-kontenut.

45      Għall-kuntrarju, jekk l-għarfien, minn aġenzija tal-ivvjaġġar, tal-imsemmi messaġġ ma jistax jiġi stabbilit, il-parteċipazzjoni tagħha fi ftehim ma jistax jiġi dedott mis-sempliċi eżistenza tar-restrizzjoni teknika stabbilita fis-sistema inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mingħajr ma dan jiġi stabbilit abbażi ta’ indizji oħra oġġettivi u konkordanti li b’mod taċitu hija qablet ma’ azzjoni antikompetittiva.

46      Fit-tielet lok, għandu jiġi kkonstatat li aġenzija tal-ivvjaġġar tista’ tikkonfuta l-preżunzjoni tal-parteċipazzjoni tagħha fi prattika miftiehma billi turi li hija tbiegħdet b’mod pubbliku minn din il-prattika jew hija rrapportatha lill-entitajiet amministrattivi. Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali fejn ma hemmx involuta laqgħa kollużorja, it-tbegħid pubbliku jew ir-rapportaġġ lill-entitajiet amministrattivi ma humiex l-uniċi mezzi sabiex wieħed jikkonfuta l-preżunzjoni tal-parteċipazzjoni ta’ impriża fi ksur, iżda provi oħra jistgħu wkoll jiġu ppreżentati għal dan l-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Total Marketing Services vs Il-Kummissjoni, C‑634/13 P, EU:C:2015:614, punti 23 u 24).

47      Fir-rigward tal-eżami li jirrigwarda jekk l-aġenziji tal-ivvjaġġar ikkonċernati tbegħdux b’mod pubbliku mill-prattika miftiehma inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi kkonstatat li, f’ċirkustanzi partikolari bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jistax jinħtieġ li d-dikjarazzjoni tal-aġenzija tal-ivvjaġġar li jkollha l-intenzjoni li tbiegħed ruħha ssir fir-rigward tal-kompetituri kollha li rċevew il-messaġġ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li tali aġenzija ma huwiex materjalment possibbli għaliha li tkun taf lil dawn id-destinatarji.

48      F’din is-sitwazzjoni, il-qorti tar-rinviju tista’ taċċetta li oġġezzjoni ċara u espliċita mibgħuta lill-amministratur tas-softwer E‑TURAS tkun ta’ natura li tippermetti li l-imsemmija preżunzjoni tiġi kkonfutata.

49      Fir-rigward tal-possibbiltà ta’ konfutazzjoni tal-preżunzjoni tal-parteċipazzjoni fi prattika miftiehma permezz ta’ provi minbarra dik ta’ tbegħid pubbliku jew ta’ rapportaġġ lill-entitajiet amministrattivi, għandu jiġi kkonstatat li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-preżunzjoni ta’ rabta kawżali bejn prattika miftiehma u l-aġir fis-suq tal-impriżi li jipparteċipaw fiha, imsemmija fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, tista’ tkun ikkonfutata mill-prova ta’ applikazzjoni sistematika ta’ skont li jeċċedi l-limitu inkwistjoni.

50      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha ta’ hawn fuq, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li:

–        L-Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li meta l-amministratur ta’ sistema kompjuterizzata, intiża sabiex tippermetti lil xi aġenziji tal-ivvjaġġar ibigħu vjaġġi fis-sit tal-internet tagħhom skont metodu ta’ riżervazzjoni uniformi, jibgħat lil dawn l-operaturi ekonomiċi, permezz ta’ sistema ta’ messaġġi elettronika personali, messaġġ li javżahom li l-iskontijiet relatati mal-prodotti mibjugħa permezz ta’ din is-sistema issa ser ikunu limitati u li, b’riżultat tat-trażmissjoni ta’ dan il-messaġġ, is-sistema inkwistjoni sarulha l-modifiki tekniċi neċessarji sabiex din il-miżura tiġi implementata, l-imsemmija operaturi ekonomiċi jistgħu, sa mill-mument minn meta saru jafu bil-messaġġ mibgħut mill-amministratur tas-sistema, jiġu preżunti li pparteċipaw fi prattika miftiehma fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, jekk huma astjenew milli jbiegħdu ruħhom b’mod pubbliku minn din il-prattika, ma rrapportawhiex lill-entitajiet amministrattivi jew ma ġabux provi oħra sabiex jikkonfutaw din il-preżunzjoni, bħall-prova ta’ applikazzjoni sistematika ta’ skont li jeċċedi l-limitu inkwistjoni.

–        Hija l-qorti tar-rinviju li, fuq il-bażi tar-regoli nazzjonali li jirregolaw l-evalwazzjoni tal-provi u l-livell ta’ prova meħtieġ, għandha teżamina jekk, fir-rigward taċ-ċirkustanzi kollha ppreżentati quddiemha, it-trażmissjoni ta’ messaġġ, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tistax tikkostitwixxi prova suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li d-destinatarji tiegħu kienu jafu l-kontenut tiegħu. Il-preżunzjoni ta’ innoċenza tipprekludi li l-qorti tar-rinviju tqis li s-sempliċi trażmissjoni ta’ dan il-messaġġ tista’ tikkostitwixxi prova suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li d-destinatarji tiegħu kellhom neċessarjament ikunu jafu l-kontenut tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

51      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li meta l-amministratur ta’ sistema kompjuterizzata, intiża sabiex tippermetti lil xi aġenziji tal-ivvjaġġar ibigħu vjaġġi fis-sit tal-internet tagħhom skont metodu ta’ riżervazzjoni uniformi, jibgħat lil dawn l-operaturi ekonomiċi, permezz ta’ sistema ta’ messaġġi elettronika personali, messaġġ li javżahom li l-iskontijiet relatati mal-prodotti mibjugħa permezz ta’ din is-sistema issa ser ikunu limitati u li, b’riżultat tat-trażmissjoni ta’ dan il-messaġġ, is-sistema inkwistjoni sarulha l-modifiki tekniċi neċessarji sabiex din il-miżura tiġi implementata, l-imsemmija operaturi ekonomiċi jistgħu, sa mill-mument minn meta saru jafu bil-messaġġ mibgħut mill-amministratur tas-sistema, jiġu preżunti li pparteċipaw fi prattika miftiehma fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, jekk huma astjenew milli jbiegħdu ruħhom b’mod pubbliku minn din il-prattika, ma rrapportawhiex lill-entitajiet amministrattivi jew ma ġabux provi oħra sabiex jikkonfutaw din il-preżunzjoni, bħall-prova ta’ applikazzjoni sistematika ta’ skont li jeċċedi l-limitu inkwistjoni.

Hija l-qorti tar-rinviju li, fuq il-bażi tar-regoli nazzjonali li jirregolaw l-evalwazzjoni tal-provi u l-livell ta’ prova meħtieġ, għandha teżamina jekk, fir-rigward taċ-ċirkustanzi kollha ppreżentati quddiemha, it-trażmissjoni ta’ messaġġ, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tistax tikkostitwixxi prova suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li d-destinatarji tiegħu kienu jafu l-kontenut tiegħu. Il-preżunzjoni ta’ innoċenza tipprekludi li l-qorti tar-rinviju tqis li s-sempliċi trażmissjoni ta’ dan il-messaġġ tista’ tikkostitwixxi prova suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li d-destinatarji tiegħu kellhom neċessarjament ikunu jafu l-kontenut tiegħu.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Litwan.