Language of document : ECLI:EU:C:2010:14

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

14 ta’ Jannar 2010 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 2003/41/KE – Attivitajiet u superviżjoni tal-istituzzjonijiet għall-irtirar professjonali – Nuqqas ta’ traspożizzjoni parzjali fit-terminu previst – Assenza ta’ istituzzjonijiet għall-irtirar professjonali stabbiliti fit-territorju nazzjonali – Kompetenza tal-Istati Membri li jorganizzaw is-sistema nazzjonali tagħhom tal-pensjonijiet ta’ rtirar”

Fil-Kawża C‑343/08,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, ippreżentat fit-23 ta’ Lulju 2008,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Šimerdová u N. Yerrell, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek, bħala aġent,

konvenuta

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tat-Tieni Awla, li qed jaġixxi bħala l-President tat-Tielet Awla, P. Lindh, A. Rosas, U. Lõhmus u A. Ó Caoimh (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Settembru 2009,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ Ottubru 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill‑Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi naqset milli tittrasponi kompletament, id-Direttiva 2003/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-3 ta’ Ġunju 2003, dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet għall-provvista ta’ irtirar okkupazzjonali [professjonali] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4 p. 350) fid-dritt nazzjonali tagħha, u b’mod partikolari billi ma ttrasponietx l-Artikoli 8, 9, 13, 15 sa 18 u 20(2) sa (4) ta’ din id-direttiva, ir-Repubblika Ċeka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-imsemmija direttiva u, b’mod partikolari, l-Artikolu 22(1).

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

2        Il-premessi 1, 6, 8, 9, 20, 36 u 37 tad-Direttiva 2003/41 li ġiet adottata abbażi tal‑Artikoli 47(2) KE, 55 KE u 95(1) KE jipprovdu:

“(1)      Suq intern ġenwin għal servizzi finanzjarji huwa kruċjali għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien ta’ l-impjiegi fil-Komunità.

[…]

(6)      Din id-Direttiva għalhekk tirrappreżenta l-ewwel pass għat-triq lejn suq intern għall-provvista ta’ irtirar okkupazzjonali [ta’ skemi ta’ rtirar professjonali] organizzat[i] fuq skala Ewropea. Billi tiġi ffissata r-regola tal-‛persuna prudenti’ bħala l-prinċipju bażi għall-investiment kapitali [tal-kapital] u tagħmilha possibbli għal istituzzjonijiet li joperaw bejn il-fruntieri, id-direzzjoni mill-ġdid tat-tifdil fis-settur ta’ provvista ta’ rtirar okkupazzjonali [skemi ta’ rtirar professjonali] hija inkoraġġita, b’hekk tikkontribwixxi għall-progress ekonomiku u soċjali.

[…]

(8)      Istituzzjonijiet li huma kompletament separati minn xi impriża li tisponsorja u li topera fuq bażi ffinanzjat għall-iskop uniku li tipprovdi benefiċċji għall-irtirar għandu jkollhom il-libertà li jipprovdu servizzi u libertà ta’ investiment, bla ħsara biss għall-ħtiġiet koordinati ta’ prudenza, irrispettivament jekk dawn l-istituzzjonijiet humiex ikkunsidrati bħala entitajiet legali.

(9)      Skond il-prinċipju ts-sussidjarjetà, l-Istati Membri għandhom iżommu responsabbiltà sħiħa għall-organizzazzjoni tas-sistemi tagħhom tal-pensjoni kif ukoll għad-deċiżjonijiet dwar ir-rwol li kull waħda minn dawn it-tlett ‛kolonni’ [pilastri] tas-sistema ta’ irtirar fi Stati Membri individwali. Fil-kuntest ta-tieni kolonna [pilastru], għandhom iżommu responsabbiltà sħiħa għall-irwol u l-funzjonijiet ta’ l-istituzzjonijiet varji li jipprovdu benefiċċji għal irtirar okkupazzjonali [pensjonijiet professjonali], bħal fondi ta’ pensjonijiet ma’ firxa wiesgħa ta’ l-industrija, fondi ta’ pensjonijiet ta’ kumpaniji u kumpaniji ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja. Din id-Direttiva mhix intiża sabiex titfa’ xi dubji fuq din il-prerogattiva.

[…]

(20)      L-istituzzjonijiet għall-provvista ta’ irtirar okkupazzjonali [professjonali] huma provdituri ta’ servizz finanzjarju li jġorr responsabbiltà kbira għall-provvista ta’ benefiċċji ta’ irtirar ta’ okkupazzjoni u għalhekk għandhom jikkonformaw ma’ ċerti standardsminimi ta’ prudenza fir-rigward ta’ l-attivitajiet tagħhom u l-kondizzjonijiet ta’ operazzjoni.

[…]

(36)      Mingħajr preġudizzju għall-leġislazzjoni nazzjonali soċjali u tax-xogħol dwar l-organizzazzjoni ta’ sistemi ta’ pensjoni, inkluża sħubija obbligatorja u r-riżultati ta’ patti ta’ ftehim ta’ ikkurdar kollettiv, l-istituzzjonijiet għandu jkollhom il-possibbiltà li jipprovdu s-servizzi tagħhom fi Stati Membri oħra. […]

(37)      L-eżerċizzju tad-dritt ta’ istituzzjoni fi Stat Membru wieħed li timmaniġġja skema ta’ pensjoni okkupazzjonali [professjonali] kkuntrattata fi Stat Membru ieħor għandha tirrispetta għal kollox id-dispożizzjonijiet tal-liġi soċjali u tax-xogħol ta’ l-Istat Membru li jospita sal-limitu li huwa relevanti għal pensjonijiet okkupazzjonali [professjonali], per eżempju d-definizzjoni u l-ħlas ta’ benefiċċji ta’ l-irtirar u l-kondizzjonijiet għat-trasferibilità tad-drittijiet tal-pensjoni.”

3        Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/41, l-għan tagħha huwa li tistabbilixxi r‑regoli għall-bidu u t-tkomplija ta’ attivitajiet imwettqa minn istituzzjonijiet għall-irtirar professjonali.

4        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.      Din id-Direttiva għandha tapplika għall-istituzzjonijiet li jipprovdu irtirar okkupazzjonali.[professjonali] […]

2.      Din id-direttiva ma għandhiex tapplika għal:

(a)      istituzzjonijiet li jimmaniġġjaw skemi ta’ sigurtà soċjali li huma koperti bir‑Regolament [tal-Kunsill] (KEE) Nru 1408/71 [tal-14 ta’ Ġunju 1971], dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqalqu ġewwa l-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 350)] u r-Regolament [tal-Kunsill] (KEE) Nru 574/72 [tal-21 ta’ Marzu 1972, li jistipula l-proċedura għall‑implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 83];

(b)      istituzzjonijiet li huma koperti [bl-Ewwel] Direttiva [tal‑Kunsill] 73/239/KEE [tal-24 ta’ Lulju 1973, dwar il-koordinament ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrigwardaw il‑bidu u t-twettiq tan-negozju tal-assigurazzjoni diretta barra mill‑assigurazzjoni tal-ħajja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 14], id-Direttiva [tal-Kunsill] 85/611/KEE [tal-20 ta’ Diċembru 1985, dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għal impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 139], id-Direttiva [tal-Kunsill] 93/22/KEE [tal-10 ta’ Mejju 1993, dwar servizzi ta’ investiment fil-qasam ta’ titoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 43], id-Direttiva 2000/12/KE [tal-Parlament Ewopew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Marzu 2000, rigward il-bidu u l-eżerċizzju tan‑negozju tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3 p. 272] u d-Direttiva 2002/83/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Novembru 2002, li tikkonċerna l-assigurazzjoni fuq il-ħajja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 6 p. 3];

(ċ)      istituzzjonijiet li joperaw fuq il-bażi ta’ pay-as-you-go

(d)      istituzzjonijiet fejn impjegati ta’ l-impriżi li jisponsorjaw ma jkollhom ebda drittijiet legali għall-benefiċċji u fejn l-impriża li tisponsorja tista’ tifdi l-attiv f’kull żmien u mhux neċessarjament tħares l-obbligi tagħha għall-ħlas ta’ benefiċċji ta’ l-irtirar;

(e)      kumpaniji li jużaw skemi ta’ riżerva tal-kotba bil-ħsieb li jħallsu benefiċċji lill-impjegati tagħhom.”

5        Taħt l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/41, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li japplikaw ċerti dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva għan-negozju ta’ provvista ta’ rtirar professjonali ta’ impriżi ta’ assigurazzjoni li huma koperti bid-Direttiva 2002/83.

6        Skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/41, l-Istati Membri jistgħu wkoll jagħżlu li ma japplikawx din id-direttiva, kollha jew parti minnha, għal kull istituzzjoni li tinsab fit-territorju tagħhom li tamministra skemi ta’ rtirar li b’kollox għandhom inqas minn 100 membru u, jekk ikun il-każ, għal istituzzjonijiet fejn il-provvista ta’ rtirar professjonali ssir taħt statut, bis-saħħa ta’ leġiżlazzjoni, u hija garantita minn awtorità pubblika.

7        L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“[...] Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

(a)      ‘istituzzjoni għall-provvista ta’ irtirar okkupazzjonali [professjonali]’, jew ‛istituzzjoni’, tfisser istituzzjoni, irrispettivament mill-forma legali tagħha, li topera fuq bażi ffinanzjat, stabbilita separatament minn kull impriża li tisponsorja jew negozju bil-għan li tipprovdi benefiċċji ta’ l-irtirar fil-kuntest ta’ attività okkupazzjonali [professjonali] fuq il-bażi ta’ ftehim jew kuntratt miftiehem:

–        individwalment jew kollettivament bejn min iħaddem u l-impjegat/i jew ir-rappreżentanti rispetti tagħhom, jew

–        ma’ persuni li jaħdmu għal rashom, b’konformità mal-leġislazzjoni tal‑pajjiż ta’ oriġini u l-pajjiż li jospita,

u li twettaq attivitajiet li joħorġu direttament minnhom;

(b)      ‘skema ta’ pensjoni’ tfisser kuntratt, ftehim, kuntratt ta’ fiduċja jew regoli li jistipulaw liema benefiċċi ta’ l-irtirar jingħataw u taħt liema kondizzjonijiet;

(ċ)      ‛impriża li tisponsorja’ tfisser kull impriża jew korp ieħor, irrispettivament ta’ jekk jinkludix jew jikkonsistix minn persuna waħda jew aktar naturali [fiżika] jew ġuridika, li taġixxi bħala persuna li tħaddem jew f’kapaċità li taħdem għal rasha jew kombinazzjoni ta’ dawn u li tħallas kontribuzzjonijiet lill-istituzzjoni għall-provvista ta’ irtirar okkupazzjonali [professjonali];

[…]

i)      ‘Stat Membru ta’ oriġini’ tfisser l-Istat Membru li fih l-istituzzjoni jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha u l-amministrazzjoni prinċipali tagħha jew, jekk ma jkollhiex uffiċċju rreġistrat, l-amministrazzjoni prinċipali tagħha;

j)      ‘Stat Membru li jospita’ tfisser l-Istat Membru li l-liġi tiegħu soċjali jew tax-xogħol relevanti għall-qasam ta’ skemi ta’ pensjoni okkupazzjonali [professjonali] hija applikabbli għar-relazzjoni bejn impriża li tisponsorja u l-membri.”

8        L-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva jipprovdi li kull Stat Membru għandu jiżgura li jkun hemm separazzjoni legali bejn impriża li tisponsorja u istituzzjoni għall-irtirar professjonali sabiex l-attiv tal-istituzzjoni jiġi salvagwardat fl-interessi tal‑membri u l-benefiċjarji fil-każ ta’ falliment tal-impriża li tisponsorja.

9        L-Artikolu 9(1) tal-istess direttiva jipprovdi li kull Stat Membru għandu jiżgura li kull istituzzjoni għall-irtirar professjonali stabbilita fit-territorju tiegħu tosserva ċerti kundizzjonijiet ta’ operazzjoni u b’mod partikolari, li tkun irreġistrata f’reġistru nazzjonali mill-awtorità kompetenti superviżorja jew awtorizzata, li tkun immexxija minn nies ta’ reputazzjoni tajba li jkollhom il-kwalifiki u l‑esperjenza professjonali mixtieqa jew jimpjegaw persuni bil-kwalifiki professjonali u l-esperjenza msemmija, u li tkun suġġetta għal regoli adatti. L‑Artikolu 9(5) jipprovdi li, fil-każ ta’ attivitajiet transkonfinali, il-kundizzjonijiet ta’ operazzjoni tal-istituzzjoni għall-pensjonijiet professjonali għandhom ikunu suġġetti għall-awtorizzazzjoni minn qabel tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membru ta’ oriġini.

10      Skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/41, kull Stat Membru għandu jeħtieġ li kull istituzzjoni stabbilita fit-territorju tiegħu tħejji kontijiet u rapporti annwali li jagħtu kont ta’ kull skema ta’ rtirar amministrata mill-istituzzjoni.

11      Skont l-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva, kull Stat Membru għandu jiżgura li kull istituzzjoni stabbilita fit-territorju tiegħu tipprepara dikjarazzjoni bil-miktub dwar il-prinċipji tal-politka ta’ investiment tagħha.

12      Skont l-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva, kull Stat Membru għandu jiżgura li l‑awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħat u l-mezzi meħtieġa sabiex jikkontrollaw l-attivitajiet tal-instituzzjonijiet għall-irtirar professjonali fit‑territorju tiegħu.

13      L-Artikoli 15 sa 18 tal-istess direttiva jipprovdu li l-Istati Membri ta’ oriġini għandhom jiżguraw li l-istituzzjonijiet għall-irtirar professjonali, rispettivament, jikkostitwixxu provvisti tekniċi għad-diversi skemi ta’ rtirar, li għandhom biżżejjed attiv sabiex ikopri dawn il-provvisti, kif ukoll attiv addizzjonali sabiex iservi f’każ ta’ ħtieġa u għandhom jinvestu skont ir-regola tal-“persuna prudenti”.

14      Skont l-Artikolu 20(1) sa (4) tad-direttiva 2003/41:

“1.      Mingħajr preġudizzju għall-leġislazzjoni soċjali u tax-xogħol dwar l-organizzazzjoni ta’ skemi ta’ pensjoni, inkluża sħubija obbligatorja u r-riżultati ta’ patti ta’ ftehim ta’ negozjar kollettiv, l-Istati Membri għandhom jippermettu impriżi li jinsabu ġewwa t-territorji tagħhom li jisponsorjaw istituzzjonijiet għall-provvista ta’ irtirar okkupazzjonali [professjonali] awtorizzati fi Stati Membri oħra. Għandhom ukoll jippermettu istituzzjonijiet għall-provvista ta’ irtirar okkupazzjonali awtorizzati fit-territorji tagħhom li jaċċettaw li jkunu sponsorjati minn impriżi ġewwa t-territorji ta’ Stati Membri oħra.

2.      Istituzzjoni li tixtieq li taċċetta sponsorship minn impriża li tisponsorja li tinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għandha tkun suġġetta għall-awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ l‑oriġini tagħha, kif imsemmi fl-Artikolu 9(5). Għandha tinnotifika l-intenzjoni tagħha li taċċetta sponsorship minn impriża li tisponsorja li tinsab ġewwa t-territorju ta’ Stat Membru ieħor lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini fejn tkun awtorizzata.

3.      L-Istati Membri għandhom jeħtieġu istituzzjonijiet li jinsabu ġewwa t‑territorji tagħhom u li jipproponu li jkunu sponsorjati minn impriża li tinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor li tipprovdi l-informazzjoni li ġejja meta teffettwa notifikazzjoni taħt il-paragrafu 2:

(a)      l-Istat/i Membru/i li jospita/w;

(b)      l-isem ta’ l-impriża li tisponsorja;

(ċ)      il-karatteristiċi prinċipali ta’ l-iskema ta’ pensjoni li għandha tiġi operata għall-impriża li tisponsorja.

4. Fejn awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru li jospita tiġi nnotifikata taħt il‑paragrafu 2, u sakemm ma jkollhiex raġuni li tiddubita li l-istruttura amministrativa jew is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ l-sitituzzjoni jew ir-reputazzjoni tajba jew il-kwalifiki professjonali jew esperjenza tal-persuni li jmexxu l‑istituzzjoni huma kompatibbli ma’ l-operazzjonijiet proposti fl-Istat Membru li jospita, għandha fi żmien tliet xhur milli tirċievi l-informazzjoni kollha msemmija fil-paragrafu 3 tikkomunika dik l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l‑Istat Membru li jospita u lill-istituzzjoni.”

15      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 22(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva qabel it-23 ta’ Settembru 2005. Għandhom minnufih javżaw b’dan lill-Kummissjoni.”

16      Skont l-Artikolu 22(3) u (4), l-Istati Membri jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, jipposponu sat-23 ta’ Settembru 2010 l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet provduti fl-Artikoli 17 u 18 tal-imsemmija direttiva, għall-istituzzjonijiet għall‑irtirar professjonali stabbiliti fit-territorju tagħhom.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

17      Id-Direttiva 2003/41 ġiet trasposta fis-sistema legali Ċeka permezz tal-Liġi Nru 340/2006, tal-24 ta’ Mejju 2006, dwar l-attivitajiet tal-istituzzjonijiet għall-irtirar professjonali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u li temenda l-Liġi Nru 48/1997 dwar l-assigurazzjoni għas-saħħa pubblika, li temenda u tissupplimenta diversi liġijiet relatati.

 Il-proċedura prekontenzjuża

18      Fil-11 ta’ Lulju 2006, ir-Repubblika Ċeka informat lill-Kummissjoni li kienet ittrasponiet id-Direttiva 2003/41 fis-sistema legali nazzjonali tagħha permezz tal‑Liġi Nru 340/2006.

19      Fit-18 ta’ Ottubru 2006, skont l-Artikolu 226 KE, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Ċeka fejn sostniet li l-Artikoli 1 sa 5, 8, 9, 13 u 15 sa 21 tal-imsemmija direttiva ma kienux ġew trasposti jew dan kienu ġew trasposti biss parzjalment.

20      Fir-risposta tagħha tat-18 ta’ Diċembru 2006, ir-Repubblika Ċeka spjegat essenzjalment li, fid-dawl tal-fatt li ebda istituzzjoni għall-irtirar professjonali li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/41 ma kienet stabbilita fit‑territorju tagħha, il-Liġi Nru 340/2006 illimitat ruħha li tittrasponi d‑dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva li għandhom l-għan li jippermettu li istituzzjonijiet għall-irtirar professjonali stabbiliti fi Stati Membri oħra jeżerċitaw attivitajiet transkonfinali permezz ta’ provvista ta’ servizzi intiżi għat-territorju Ċek u, b’hekk, jippermettu li impriżi stabbiliti f’dan l-aħħar territorju jikkontribwixxu għall-iskemi ta’ rtirar proposti minn dawn l-istituzzjonijiet. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Ċeka fakkret li taħt l-ewwel inċiż tal‑Artikolu 137(4) KE, l-Istati Membri għandhom għażla ħielsa fir-rigward tal‑organizzazzjoni tas-sistema nazzjonali tas-sigurtà soċjali tagħhom.

21      Peress li ma kinitx sodisfatta b’din ir-ripsota, fit-23 ta’ Marzu 2007 il‑Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika Ċeka fejn talbitha tieħu l-miżuri neċessarji, fi żmien xahrejn minn meta tirċievi din l-opinjoni, sabiex skont l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2003/41 tittrasponi, fid-dritt nazzjonali, din id-direttiva fl-intier tagħha u b’mod partikolari l-Artikoli 8, 9, 13, 15 sa 18 u 20(2) u (4).

22      Permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Lulju 2007, dan l-Istat Membru rrisponda għall‑opinjoni motivata billi ddikjara mill-ġdid li l-obbligu li jitrasponi l‑imsemmija direttiva ma setax jippreġudika d-drittijiet tal-Istati Membri li jiddefinixxu l-prinċipji fundamentali tas-sistema nazzjonali tas-sigurtà soċjali tagħhom.

23      Peress li ma kinitx sodisfatta b’din ir-risposta, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

 Fuq ir-rikors

 Fuq l-ammissibbiltà

24      Permezzz ta’ dan ir-rikors, il-Kummissjoni titlob li, skont it-termini tad-dispożittiv tar-rikors tagħha, jiġi kkonstatat li r-Repubblika Ċeka naqset mill-obbligi tagħha taħt id-Direttiva 2003/41, “b’mod partikolari” billi ma trasponietx l-Artikoli 8, 9, 13, 15 sa 18 u 20(2) sa (4) tagħha.

25      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ teżamina ex officio jekk il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 226 KE għall-preżentata ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ġewx sodisfatti (sentenzi tal-31 ta’ Marzu 1992, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑362/90, Ġabra p. I‑2353, punt 8; tal-15 ta’ Jannar 2002, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑439/99, Ġabra p. I‑305, punt 8, u tal-4 ta’ Mejju 2006, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C‑98/04, Ġabra p. I‑4003, punt 16).

26      Madankollu, mill-Artikolu 38(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal‑Ġustizzja u mill-ġurisprudenza relatata miegħu jirriżulta li kull rikors promotur għandu jindika s-suġġett tal-kawża u sunt tal-motivi mressqa, u li din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed li tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha. Minn dan jirriżulta li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom huwa bbażat rikors għandhom jirriżultaw b’mod koerenti u li jiftihem mit-test tar-rikors stess, u li t-talbiet ta’ din tal-aħħar għandhom ikunu fformulati b’mod mhux ekwivoku sabiex jiġi evitat li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċidi ultra petita jew tonqos milli tiddeċiedi fuq ilment (ara s-sentenzi tas-26 ta’ Aprtil 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, C‑195/04, Ġabra p. I‑3351, punt 22 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tal-21 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑412/04, Ġabra p. I‑619, punt 103).

27      F’dan il-każ hemm lok li jiġi kkonstatat li, sa fejn bl-użu tal-kliem “b’mod partikolari” fid-dispożittiv tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tinkludi fih dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva 2003/41 apparti dawk imsemmija b’mod espliċitu, l-imsemmi rikors ma jissodisfax dawn ir-rekwiżiti peress li la l-identità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet l-oħra u lanqas ir-raġunijiet għaliex ir-Repubblika Ċeka naqset milli tittrasponihom fit-terminu preskritt, ma huma ppreċiżati f’dan ir-rikors.

28      Konsegwentement, dan ir-rikors huwa ammissibbli biss sa fejn jirrigwarda l‑allegat nuqqas ta’ traspożizzjoni, mir-Repubblika Ċeka, tal-Artikoli 8, 9, 13, 15 sa 18 u 20(2) sa (4) tad-Direttiva 2003/41.

 Fuq il-mertu

29      Huwa paċifiku li l-Artikoli 8, 9, 13, 15 sa 18 u 20(2) sa (4) tad-Direttiva  003/41 ma ġewx trasposti, mir-Repubblika Ċeka, fit-terminu previst minn din id-direttiva jew qabel l-iskadenza tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata. Dan l-Istat Membru, li ma jinvokax il-benefiċċju tal-fakultà ta’ posponiment parzjali prevista fl-Artikolu 22(3) u (4) tal-imsemmija direttiva, għal dak li jikkonċerna uħud mid‑dispożizzjonijiet tal-Artikoli 17 u 18 tagħha, effettivament jirrikonoxxi li d‑dispożizzjonijiet imsemmija b’mod espliċitu f’dan ir-rikors ma ġewx implementati fis-sistema legali nazzjonali fl-imsemmija termini. Madankollu, ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 2003/41 ma tipprovdi l-possibbiltà li l-Istati Membri jew uħud fosthom jevitaw tali traspożizzjoni.

30      Madankollu, ir-Repubblika Ċeka tqis li ma kinitx obbligata tittrasponi d‑dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/41 imsemmijin b’mod espliċitu fir-rikors, għaliex jekk tagħmel dan, hija jkollha temenda l-prinċipji fundamentali tas‑sistema nazzjonali tas-sigurtà soċjali tagħha, li skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 137(4) KE, l-organizzazzjoni tagħha taqa’ taħt is-setgħa tal-Istati Membri, billi fis-sistema ta’ pensjonijiet ta’ rtirar tagħhom, tintroduċi skema ta’ rtirar professjonali, minkejja li tali skema ma teżistix fid-dritt nazzjonali.

31      F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Ċeka tispjega li s-sistema tal-pensjonijiet ta’ rtirar tagħha hija magħmula minn żewġ partijiet biss li jikkonsistu, rispettivament, fl-ewwel pilastru u fit-tielet pilastru tas-sistemi tal-pensjonijiet ta’ rtirar. L-ewwel pilastru, irregolat mill-Liġi Nru 155/1995 dwar l-assigurazzjoni tal-pensjoni, huwa magħmul mill-pensjoni legali, ġenerali u vinkolanti għal kull persuna assigurata, u jaqa’ taħt l-iskema nazzjonali tas-sigurtà soċjali. Għal dak li jirrigwarda t-tielet pilastru, irregolat mil-Liġi Nru 42/1994 dwar l-assigurazzjoni tal-pensjoni addizzjonali li tibbenifika minn kontribuzzjoni statali, dan jikkonsisti f’kuntratti individwali ta’ assigurazzjoni tal-pensjoni magħmula volontarjament mill-persuni assigurati mal-fondi tal-pensjoni stabbiliti skont l-imsemmija liġi. Sħubija f’dawn il-fondi ma hijex marbuta ma’ impjieg, mal-persuna li timpjega jew mal-eżerċizzju ta’ attività indipendenti. Min-naħa l-oħra, is-sistema Ċeka tal‑pensjonijiet għall-iritrar ma tinkludix it-tieni pilastru magħmul mill‑pensjonijiet addizzjonali pprovduti b’konnessjoni mal-attività professjonali, sew jekk impjieg jew attività indipendenti.

32      Għaldaqstant, ir-Repubblika Ċeka tenfasizza li, taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali attwalment fis-seħħ, istituzzjoni għall-irtirar professjonali ma tistax tistabbilixxi ruħha fit-territorju Ċek sabiex hemmhekk teżerċita din l-attività, peress li dan ikun bi ksur tad-dispożizzjonijiet legali li jirregolaw l-eżerċizzju ta’ attività professjoni fis-suq finanzjarju u jista’ jkun is-suġġett ta’ proċeduri amministrattivi jew kriminali. Barra minn hekk, la hemm rieda politika u lanqas potenzjal ekonomiku biżżejjed sabiex tiġi introdotta skema ta’ rtirar professjonali f’dan l-Istat Membru.

33      Skont ir-Repubblika Ċeka, ladarba l-ewwel inċiż tal-Artikolu 137(4) KE jħalli f’idejn l-Istati Membri li jfasslu l-istruttura fundamentali tas-sistema nazzjonali tas-sigurtà soċjali tagħhom, ma tistax titwettaq traspożizzjoni tad-Direttiva 2003/41 li taffettwa l-eżerċizzju effettiv ta’ dritt garantit mil-liġi primarja. Peress li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva msemmija b’mod espliċitu f’dan ir-rikors jimponu preċiżament obbligi fuq l-Istati Membri li fit‑territorju tagħhom ikunu stabbiliti istituzzjonijiet għall-irtirar professjonali, għaldaqstant it-traspożizzjoni tagħhom bil-fors li ġġib magħha l-ħolqien tal-qafas legali meħtieġ għall-funzjonament tal-impriżi stabbiliti fit-territorju tar-Repubblika Ċeka fil-qasam tal-irtirar professjonali u, għaldaqstant, it-twaqqif, fil-fatt u fid-dritt, tat-tieni pilastru f’dan l-Istat Membru u dan kieku jaffettwa serjament il-bilanċ finanzjarju globali tas-sistema nazzjonali tal-pensjonijiet ta’ rtirar.

34      Bħala eżempju, ir-Repubblika Ċeka tirreferi, f’dan ir-rigward, għall-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2003/41 li jistabbilixxi l-obbligu li l-Istati Membri jirreġistraw l‑istituzzjonijiet għall-irtirar professjonali stabbiliti fit-territorju tagħhom, fir‑reġistru nazzjonali jew li jawtorizzawhom. Fil-fatt, il-ħolqien ta’ reġistru adegwat jew ta’ sistema adegwata għall-awtorizzazzjoni neċessarjament jeżiġi l‑adozzjoni tal-leġiżlazzjoni korrispondenti. Ma huwiex possibbli li tali leġiżlazzjoni tiġi adottata b’mod iżolat mingħajr ma tiġi stabbilita pensjoni professjonali bħala sistema kumplessa, jiġifieri mingħajr ma jiġu ddefiniti, pereżempju, id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet kontraenti.

35      Ir-Repubblika Ċeka tippreċiża li hija konxja mill-fatt li, b’mod ġenerali, l‑istituzzjonijiet għall-irtirar professjonali ma jistgħux jiġu mfixkla mas-sistema tat-tieni pilastru tas-sistemi tal-pensjonijiet ta’ rtirar. Madankollu, dawn l‑istituzzjonijiet huma element essenzjali f’dan il-pilastru u l-ħolqien ta’ qafas għat-twaqqif tagħhom, bil-fors li jġib miegħu emendi fis-sistemi ta’ pensjonijiet ta’ rtirar innifishom.

36      Barra minn hekk, ir-Repubblika Ċeka tenfasizza li t-traspożizzjoni li seħħet permezz tal-Liġi Nru 340/2006 tilħaq l-għan tad-Direttiva 2003/41. Fil-fatt, din il‑liġi tittrasponi d-dispożizzjonijiet kollha li jikkonċernaw il-provvista transkonfinali tas-servizzi tal-irtirar professjonali min-naħa tal-istituzzjonijiet stabbiliti fi Stati Membri oħra, biex b’hekk tippermetti li l-impriżi stabbiliti fit‑territorju tagħha jikkontribwixxu fi skemi tal-pensjonijiet għall-irtirar proposti minn dawn l-istituzzjonijiet, filwaqt li fl-istess ħin tippermetti li dawn tal-aħħar jipproponu s-servizzi adegwati fir-Repubblika Ċeka.

37      Minn dan jirriżulta li permezz ta’ dan l-argument, ir-Repubblika Ċeka essenzjalment tipprova tiġġustifika n-nuqqas ta’ traspożizzjoni tad‑dispożizzjonijiet inkwistjoni tad-Direttiva 2003/41, minn naħa, bil-fatt li ebda istituzzjoni għall-irtirar professjonali ma hija stabbilita fit-territorju tagħha minħabba l-projbizzjoni, imposta mid-dritt nazzjonali, ta’ tali stabbiliment u, min‑naħa l-oħra, bil-fatt li t-traspożizzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet tobbligaha temenda s-sistema nazzjonali tal-pensjonijiet ta’ rtirar tagħha billi tintroduċi t-tieni pilastru, mentri l-ewwel inċiż tal-Artikolu 137(4) KE jagħti lill‑Istati Membri l-kompetenza li jorganizzaw is-sistemi nazzjonali tagħhom f’dan il-qasam.

38      Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat jekk dawn il-kunsiderazzjonijiet ibbażati fuq id-dritt nazzjonali u d-dritt Komunitarju rispettivament, jistgħux jiġġustifikaw in‑nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/41 imsemmija b’mod espliċitu f’dan ir-rikors.

39      F’dan ir-rigward, f’dak li jikkonċerna l-allegat fatt li ebda istituzzjoni għall‑pensjonijiet professjonali ma hija stabbilita fir-Repubblika Ċeka, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ineżistenza fi Stat Membru speċifiku ta’ attività partikolari koperta minn direttiva ma tistax teħles lil dan l-Istat Membru mill-obbligu tiegħu li jadotta liġijiet jew regolamenti sabiex jiżgura traspożizzjoni xierqa tad-dispożizzjonijiet kollha ta’ din id-direttiva (sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-214/98, Ġabra. p. I‑9601, punt 22; tat-13 ta’ Diċembru 2001, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑372/00, Ġabra p. I‑10303, punt 11; tat-30 ta’ Mejju 2002, Il-Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit, C-441/00, Ġabra p. I-4699, punt 15, u tat-8 ta’ Ġunju 2006, Il‑Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C‑71/05, punt 12).

40      Fil-fatt, kemm il-prinċipju ta’ ċertezza legali, kif ukoll il-ħtieġa li tiġi żgurata l‑applikazzjoni sħiħa tad-direttiva, fid-dritt u mhux biss fil-fatt, jeżiġu li kull Stat Membru jirriproduċi r-rekwiżiti tad-direttiva inkwistjoni f’qafas legali ċar, preċiż u trasparenti li jipprovdi dispożizzjonijiet vinkolanti fil-qasam ikkonċernat minn din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Marzu 1990, Il‑Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C‑339/87, Ġabra p. I-851, punti 22 u 25, u Il‑Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23).

41      L-Istati Membri għandhom tali obbligu sabiex jiġi evitat kull tibdil tas-sitwazzjoni li teżisti f’dawn l-Istati Membri f’mument partikolari u bl-għan li jiġi żgurat li kull persuna fiżika jew ġuridika fil-Komunità, inklużi dawk fl-Istati Membri fejn attività partikolari koperta minn direttiva ma teżistix, tkun taf b’mod ċar u preċiż, liema huma d-drittijiet u l-obbligi tagħha f’kull ċirkustanza (ara, f’dan is-sens, is‑sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, punt 27; Il‑Kummissjoni vs L-Irlanda, punt 12; tat-30 ta’ Mejju 2002, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, punt 16, u Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, punt 13).

42      Skont il-ġurisprudenza, huwa biss meta t-traspożizzjoni ta’ direttiva tkun inutli ġeografikament li din ma tkunx vinkolanti (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Il‑Kummissjoni vs L-Irlanda, punt 13 u tat-30 ta’ Mejju 2002, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, punt 17).

43      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill‑premessi 1, 6 u 8 tad-Direttiva 2003/41, din tal-aħħar, adottata abbażi tal‑Artikoli 47(2) KE, 55 KE u 95 KE, hija intiża għat-twaqqif ta’ suq intern tal‑iskemi tal-pensjonijiet professjonali li fih l-istituzzjonijiet għall-pensjonijiet professjonali għandhom igawdu mil-libertà li jipprovdu servizzi u l-libertà ta’ investiment.

44      F’din ir-rigward, l-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2003/41 jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu, minn naħa, jawtorizzaw l-impriżi stabbiliti fit-territorju tagħhom jisponsorjaw istituzzjonijiet għall-irtirar professjonali awtorizzati fi Stati Membri oħra, u min-naħa l-oħra, jippermettu lill-istituzzjonijiet għall-irtirar professjonali awtorizzati fit-territorji tagħhom li jaċċettaw li jkunu sponsorjati minn impriżi ġewwa t-territorji ta’ Stati Membri oħra.

45      Kif jirriżulta mill-premessi 7 u 20, għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ tali attivitajiet transkonfinali, id-Direttiva 2003/41 timponi fuq l-Istati Membri li, għall‑istituzzjonijiet għall-irtirar professjonali stabbiliti fit-territorju tagħhom, japplikaw diversi regoli minimi ta’ prudenza għal dak li jikkonċerna l-attivitajiet u kundizzjonijiet sabiex jiżguraw livell għoli ta’ sigurtà tal-pensjonanti ta’ għada li ser jibbenefikaw mis-servizzi tagħhom.

46      Dawn ir-regoli jikkonsistu, b’mod partikolari, skont l-Artikoli 8, 9, 13 u 15 sa 18 tad-Direttiva 2003/41 fis-separazzjoni legali bejn l-istituzzjonijiet għall‑irtirar professjonali u l-impriżi li jissieħbu ma’ dawn l-istituzzjonijiet sabiex, f’każ ta’ falliment tal-impriżi, l-attiv tal-istituzzjonijiet ikun salvagwardjat, f’kundizzjonijiet ta’ operazzjoni intiżi li jiżguraw is-serjetá tal-istituzzjonijiet għall-irtirar professjonali, bħalma huma r-reġistrazzjoni f’reġistru nazzjonali jew awtorizzazzjoni, tmexxija minn persuni ta’ reputazzjoni tajba, l-adozzjoni ta’ regoli adegwati ta’ operazzjoni, it-twaqqif ta’ provvedimenti tekniċi ċċertifikati minn persuna speċjalizzata, u l-għoti ta’ informazzjoni lill-membri, f’lista ta’ informazzjoni li għandha tingħata lill-awtoritajiet kompetenti, kif ukoll il‑preżentazzjoni u l-amministrazzjoni tal-fondi suffiċjenti biex ikopru l-obbligi tagħhom, rispettivament.

47      Barra minn hekk, l-Artikolu 20(2) sa (4) tad-Direttiva 2003/41 jipprovdi l‑proċedura li istituzzjoni għall-irtirar professjonali awtorizzata fi Stat Membru għandha ssegwi meta tkun trid tipprovdi servizzi fi Stat Membru ieħor, kif ukoll ir-rwol, f’tali każ, tal-awtoritajiet kompetenti. B’mod partikolari, l-Artikolu 20(2), l-istess bħall-Artikolu 9(5) tal-imsemmija direttiva, jipprovdi li l-istituzzjonijiet għall-irtirar professjonali li jixtiequ jeżerċitaw tali attivitajiet transkonfinali għandhom jirċevu l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-awtoritajiet kompetenti tal‑Istat Membru ta’ oriġini, jiġifieri dak l-Istat li fit-territorju tiegħu jkollhom l‑uffiċċju rreġistrat u/jew l-amministrazzjoni prinċipali tagħhom.

48      Minn dan jirriżulta li, bħalma rrilevat ir-Repubblika Ċeka, id-dispożizzjonijiet tad‑Direttiva 2003/41 imsemmija b’mod espliċitu f’dan ir-rikors, jiġifieri l‑Artikoli 8, 9, 13, 15 sa 18 u 20(2) sa (4) tagħha, essenzjalment jimponu obbligi fuq l-Istati Membri li fit-territorju tagħhom huma stabbiliti istituzzjonijiet għall‑irtirar professjonali.

49      Huwa minnu li, skont dan l-Istat Membru, ebda istituzzjoni għall-irtirar professjonali ma tista’ legalment tistabbilixxi ruħha fit-territorju tiegħu.

50      Madankollu, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 39 sa 41 ta’ din is-sentenza, u fin-nuqqas ta’ raġuni ġeografika li tirrendi t-traspożizzjoni ta’ dawn id‑dispożizzjonijiet inkwistjoni inutli, huwa importanti li fil-każ fejn, jekk dan ikun meħtieġ, ir-Repubblika Ċeka tiddeċiedi li tikkomplementa s-sistema nazzjonali tal-pensjonijiet ta’ rtirar tagħha bi skema ta’ rtirar professjonali li taqa’ taħt it-tieni pilastru, kull persuna fiżika jew ġuridika f’dan l-Istat Membru, bħall‑persuni fiżiċi jew ġuridiċi fil-Kommunità, ikunu jafu liema huma d-drittijiet u l-obbligi tagħhom.

51      Żvilupp bħal dan fis-sistema nazzjonali tal-pensjonijiet ta’ rtirar ma jista’ bl-ebda mod jitqies bħala eskluż jew purament ipotetiku, bħalma ssostni r-Repubblika Ċeka, minħabba li dan jimplika emenda fil-qafas legali applikabbli u mhux sempliċiment l-eliminazzjoni ta’ ostakolu fattwali. Fil-fatt, kull leġiżlazzjoni tista’ tiġi emendata. F’dan il-każ, mill-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ dan l-Istat Membru stess jirrizulta, barra minn hekk, li qabel l-adozzjoni tad-Direttiva 2003/41 ir-Repubblika Ċeka kienet fasslet abbozzi ta’ liġi intiżi sabiex jintroduċi t-tieni pilastru fis-sistema nazzjonali ta’ pensjonijiet ta’ rtirar kemm fl‑1993 meta l-Ministru għax-Xogħol u l-Affarijiet Soċjali ppreżenta lill-Gvern Ċek proposta ta’ liġi f’dan is-sens, li fl-aħħar nett kien għamel għażla oħra, jiġifieri l-adozzjoni ta’ liġi dwar l-assigurazzjoni tal-pensjoni addizzjonali li tibbenifika minn kontribuzzjoni statali, kif ukoll fl-2001, meta l-imsemmi Gvern kien ippreżenta lill-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Parlament Ċek, proposta ta’ liġi dwar l-assigurazzjoni ta’ pensjonijiet professjonali. Barra minn hekk, matul is‑seduta, ir-Repubblika Ċeka ammettiet li dan it-tieni pilastru jista’ jiġi introdott fil-futur jekk tiżviluppa rieda politika f’dan is-sens.

52      Minn dan isegwi li, anki jekk skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, ebda istituzzjoni għall-irtirar professjonali ma tista’ legalment tistabbilixxi ruħha fit‑territorju tar-Repubblika Ċeka fin-nuqqas tat-tieni pilastru fis-sistema nazzjonali tal-pensjonijiet ta’ rtirar, dan l-Istat Membru għandu l-obbligu li jittrasponi d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 8, 9, 13, 15 sa 18 u 20(2) sa (4) tad‑Direttiva 2003/41 fl-intier tagħhom, billi jadotta u jimplementa fid-dritt nazzjonali tiegħu, il-liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi neċessarji għal dan il-għan, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 22(1) ta’ din id‑direttiva.

53      Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-Repubblika Ċeka, dan l-obbligu ta’ traspożizzjoni ma huwiex tali li jippreġudika l-kompetenza tagħha f’dak li jikkonċerna l-organizzazzjoni tal-imsemmija sistema nazzjonali tal-pensjonijiet ta’ rtirar u ż-żamma tal-bilanċ finanzjarju tagħha, billi jobbligaha timplementa, fil‑kuntest ta’ din it-traspożizzjoni, dan it-tieni pilastru bi ksur tal-prerogattivi li l‑ewwel inċiż tal-Artikolu 137(4) KE jirrikonoxxilha.

54      Fl-ewwel lok, it-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni tad-Direttiva 2003/41 fid-dritt nazzjonali, bla ebda mod ma tobbliga lir-Repubblika Ċeka temenda s-sistema nazzjonali tal-pensjonijiet ta’ rtirar tagħha.

55      F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Ċeka hija żbaljata meta ssostni li tali traspożizzjoni twassal ipso facto għall-introduzzjoni tat-tieni pilastru fis-sistema nazzjonali tal-pensjonijiet ta’ rtirar tagħha.

56      Skont l-ispjegazzjonijiet mogħtija minn dan l-Istat Membru stess b’risposta għad‑domandi bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq dan il-punt, il-ħolqien ta’ dan it-tieni pilastru, li jaqa’ taħt sistema kumplessa, jeżiġi fil-fatt l-adozzjoni mil‑leġiżlatur ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali kompluta bl-għan li tistabbilixxi, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-istabbiliment tal-istituzzjonijiet għall-irtirar professjonali fit-territorju tagħha kif ukoll ir-relazzjonijiet ġuridiċi kemm bejn it-tieni pilastru u l-pilastri l-oħra tas-sistema nazzjonali tal-pensjonijiet ta’ rtirar, kif ukoll fi ħdan dan l-istess tieni pilastru, bejn id-diversi elementi li huwa kompost minnhom, jiġifieri l-persuni li jimpjegaw, il-ħaddiema, il-korpi ta’ kontroll u superviżjoni flimkien ma’, skont il-każ, korpi statali oħra.

57      Hemm lok li jiġi kkonstatat li l-ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 2003/41 imsemmija b’mod espliċitu f’dan ir-rikors u lanqas l-ebda dispożizzjoni oħra ma timponi l-implementazzjoni ta’ tali leġiżlazzjoni fuq l-Istati Membri.

58      Għaldaqstant, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-Repubblika Ċeka, għalkemm it‑traspożizzjoni tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2003/41 fid-dritt nazzjonali teżiġi, inter alia, li kull Stat Memrbu jipprovdi, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, ir‑reġistrazzjoni f’reġistru jew l-awtorizzazzjoni tal-istituzzjonijiet għall-pensjonijiet professjonali stabbiliti fit-territorju tagħhom, din id-dispożizzjoni ma tinkludi ebda regola li tobbliga lill-imemmija Stati li jippermettu li tali istituzzjonijiet jistabbilixxu ruħhom fit-territorju tagħhom.

59      Kif jirriżulta mill-punti43 sa 47 ta’ din is-sentenza, id-Direttiva 2003/41 tirrappreżenta biss l-ewwel pass għat-triq lejn suq intern għal skemi ta’ irtirar professjonali, permezz tal-implementazzjoni, fuq skala Ewropea ta’ regoli minimi ta’ prudenza. Min-naħa l-oħra, hija ma għandhiex l-għan li tarmonizza, anki jekk parzjalment, is-sistemi nazzjonali tal-pensjonijiet ta’ rtirar billi tobbliga lill-Istati Membri jemendaw jew jeliminaw ir-regoli tad-dritt nazzjonali tagħhom li jiddeterminaw l-organizzazzjoni nnifisha ta’ dawn is-sistemi.

60      Għaldaqstant, fil-premessa 9 tagħha,, din id-diretiva tenfasizza b’mod espliċitu li skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà, l-Istati Membri għandhom iżommu r‑responsabbiltà sħiħa għall-organizzazzjoni tas-sistemi nazzjonali tal-pensjonijiet ta’ rtirar tagħhom, kif ukoll għad-deċiżjonijiet dwar ir-rwol li kull wieħed mill‑pilastri ta’ dawn is-sistemi, inklużi dawk assenjati għat-tieni pilastru, u għalhekk fl-ebda każ ma tista’ taffettwa tali prerogattivi.

61      F’dan l-istess rigward, l-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2003/41 jipprovdi, barra minn hekk b’mod konformi mal-premessi 36 u 37 tagħha, li l-attivitajiet transkonfinali tal-istituzzjonijiet għall-irtirar professjonali għandhom jiġu eżerċitati bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tad-dritt soċjali u d-dritt tax-xogħol tal-Istati Membri relatati mal-organizzazzjoni tas-sistemi nazzjonali tal-pensjonijiet ta’ rtirar.

62      Konsegwentement, u għall-kuntrarju ta’ dak li ssuġġeriet ukoll il-Kummissjoni fl‑osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, id-Direttiva 2003/41 bħala tali, ma tista’ bl-ebda mod tiġi interpretatat bħala li tobbliga lil Stat Membru li, bħar-Repubblika Ċeka, jipprojbixxi l-istabbiliment ta’ istituzzjonijiet għall-pensjonjiet professjonali fit-territorju tiegħu minħabba n-nuqqas tat-tieni pilastru fis-sistema nazzjonali tal-pensjonijiet ta’ rtirar tiegħu, li jelimina din il-projbizzjoni sabiex jippermetti li istituzzjonijiet għall-pensjonijiet professjonali jistabbilixxu ruħhom fl-imsemmi territorju bl-għan li jipprovdu servizzi li huwa paċifiku li jaqgħu taħt it-tieni pilastru tas-sistem nazzjonali tal-pensjonijiet ta’ rtirar.

63      Huwa minnu li tali projbizzjoni pprovduta mid-dritt nazzjonali għandha tkun konformi mar-regoli dwar il-moviment liberu previsti fit-Trattat KE, b’mod partikolari, mad-dispożizzjonijiet dwar il-libertà ta’ stabbiliment li jinkludu, bħala regola, il-projbizzjoni ta’ restrizzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ din il-libterà (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2006, Watts, C‑372/04, Ġabra p. I‑4325, punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-11 ta’ Settembru 2008, Petersen, C-228/07, Ġabra p. I-6989, punt 42), sakemm dawn ma jkunux jistgħu jiġu ġġustifikati minħabba r-raġunijiet imsemmija fit-Trattat jew għal raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, li jinkludu, b’mod partikolari, l-eżistenza ta’ riskju ta’ dannu gravi għall-bilanċ finanzjarju tas-sistema ta’ sigurtà soċjali (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-28 ta’ April 1998, Kohll, C‑158/96, Ġabra p. I‑1931, punt 41, u tal-5 ta’ Marzu 2009, Kattner Stahlbau, C-350/07, Ġabra p. I‑1513, punt 85).

64      Madankollu, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-fondatezza ta’ dan ir-rikors, peress li dan jirrigwards biss in-nuqqas ta’ implementazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad‑Direttiva 2003/41 u mhux l-eventwali ksur tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, liema dispożizzjonijiet ma ġew fl-ebda mument invokati mill-Kummissjoni insostenn tal-argumenti tagħha, ma hemmx lok li jiġi eżaminat jekk il-projbizzjoni imposta mid-dritt Ċek għall-istabbiliment tal-istituzzjonijiet għall–irtirar professjonali fit-territorju tar-Repubblika Ċeka tmurx kontra r-regoli dwar il‑moviment liberu u għaldaqstant, lanqas li jiġi eżaminat sa fejn dan l-Istat Membru jista’ jiġi obbligat li jintroduċi, jekk dan ikun il-każ, it-tieni pilastru fis‑sistema nazzjonali tal-pensjonijiet ta’ rtirar tiegħu, sabiex jikkonforma ruħu ma’ dawn ir-regoli.

65      Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-Repubblika Ċeka, l-obbligu li d-Direttiva 2003/41 tiġi trasposta fl-intier tagħha, permezz tal‑implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 8, 9, 13, 15 sa 18 u 20(2) sa (4) fid-dritt nazzjonali tagħha, bl-ebda mod ma jmur kontra d‑dispożizzjonijiet tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 137(4) KE.

66      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 137(4) KE, id-dispożizzjonijiet adottati taħt dan l-Artikolu “ma jaffettwawx id-dritt ta’ l-Istati Membri li jiddefinixxu l-prinċipji fundamentali tas‑sistemi tas-sigurtà soċjali tagħhom u ma jaffettwawx b’mod sinifikanti l‑ekwilibriju finanzjarju tagħhom”.

67      Għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li d-Direttiva 2003/41 li hija s-suġġett ta’ dan ir-rikors, ma ġietx adottata abbażi tal-Artikolu 137 KE, li fit-Trattat jikkostitwixxi l-bażi legali sabiex tinkiseb l-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qafas tal-politika soċjali. Kif diġà ġie indikat fil-punt 43 ta’ din is‑sentenza, din id-direttiva fil-fatt għandha l-Artikoli 47(2) KE, 55 KE u 95 KE bħala bażi legali, li huma intiżi għall-implementazzjoni tas-suq intern permezz tal‑libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-libertà ta’ stabbiliment.

68      Fit-tieni lok, skont l-Artikolu 2(2)(a) tagħha, id-Direttiva 2003/41 ma tapplikax għall-istituzzjnonijiet li jamministraw skemi ta’ sigurtà soċjali, b’tali mod li dawn l-istituzzjonijiet ma jistgħux jiġu affettwati mid-dispożizzjonijiet stabbiliti minn din id-direttiva.

69      Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li, billi ma adottatx, fit-terminu previst, il‑liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex tikkonforma ruħha mal-Artikoli 8, 9, 13, 15 sa 18 u 20(2) sa (4) tad-Direttiva 2003/41, ir-Repubblika Ċeka naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 22(1) ta’ din id-direttiva. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

70      Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Ċeka tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Billi ma adottatx, fit-terminu previst, il-liġijiet, ir-regolamenti u d‑dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mal-Artikoli 8, 9, 13, 15 sa 18 u 20(2) sa (4) tad-Direttiva 2003/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-3 ta’ Ġunju 2003, dwar l‑attivitajiet u s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali [professjonali], ir-Repubblika Ċeka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 22(1) ta’ din id-direttiva.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Ir-Repubblika Ċeka hija kkundannata għall-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.