Language of document : ECLI:EU:C:2015:85

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

12 ta’ Frar 2015 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Prekursuri ta’ drogi — Monitoraġġ tal-kummerċ bejn l-Istati Membri — Regolament (KE) Nru 273/2004 — Monitoraġġ tal-kummerċ bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi terzi — Regolament (KE) Nru 111/2005 — Kunċett ta’ ‘sustanza skedata’ — Sustanza ‘alpha-phenylacetoacetonitrile’ (APAAN) — Sustanza skedata ‘1‑phenyl‑2‑propanone’ (BMK)”

Fil-Kawża C‑369/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Rechtbank Oost-Brabant ’s-Hertogenbosch (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Ġunju 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta’ Lulju 2013, fil-proċeduri kriminali kontra

N. F. Gielen,

M. M. J. Geerings,

F. A. C. Pruijmboom,

A. A. Pruijmboom,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, C. Vajda, A. Rosas, E. Juhász u D. Šváby (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn K. Bulterman u B. Koopman, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol, minn L. Banciella Rodríguez-Miñón, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J.‑F. Brakeland u K. Talabér-Ritz, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1), (b), (d) u (f) tar-Regolament (KE) Nru 273/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, dwar prekursuri tad-droga (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 8, p. 46), u tal-Artikolu 2(a) u (f) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 111/2005, tat-22 ta’ Diċembru 2004, li jistabbilixxi regoli għall-monitoraġġ ta’ kummerċ fil-prekursuri ta’ drogi bejn il-Komunità u l-pajjiżi terzi (ĠU 2008, L 333M, p. 472).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali meħuda kontra N. F. Gielen, M. M. J. Geerings, F. A. C. Pruijmboom u A. A. Pruijmboom għal atti ta’ importazzjoni u/jew ta’ esportazzjoni fi ħdan it-territorju doganali Ewropew ta’ sustanza msejħa “alpha-phenylacetoacetonitrile” (iktar ’il quddiem l-“APAAN”), mingħajr ma kellhom il-liċenzja meħtieġa għal dan il-għan, u, sussidjarjament, talli, dejjem mingħajr liċenzja, żammew din l-istess sustanza u qegħduha fis-suq.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Sabiex jiġi evitat l-użu ħażin tas-sustanzi li sikwit jintużaw għall-manifattura illegali ta’ drogi narkotiċi u ta’ sustanzi psikotropiċi, il-leġiżlatur tal-Unjoni adotta miżuri ta’ monitoraġġ u ta’ kontroll li jinkludu parti interna fil-forma tar-Regolament Nru 273/2004 u parti esterna fil-forma tar-Regolament Nru 111/2005.

 Ir-Regolament Nru 273/2004

4        Il-premessi 13 u 17 tar-Regolament Nru 273/2004 jiddikjaraw:

“(13) Numru sinifikanti ta’ sustanzi oħra, ħafna minnhom negozjati legalment fi kwantitajiet kbar, ġew identifikati bħala prekursuri għall-fabbrikazzjoni illeċita ta’ drogi sintetiċi u sustanzi psikotropiċi. Li tissuġġetta dawn is-sustanzi għall-istess kontrolli stretti bħal dawn imniżżla f’lista fl-Anness I ikun jippreżenta ostaklu mhux meħtieġ għal kummerċ li jinvolvi liċenzi għall-operat u d-dokumentazzjoni ta’ transazzjonijiet. Għalhekk, mekkaniżmu aktar flessibbli fil-livell tal-Komunità għandu jiġi stabbilit li bih l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membi jiġu mgħarrfa b’dawn it-transazzjonijiet.

[…]

(17)      Ladarba l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, prinċipalment il-monitorjar armonizzat tal-kummerċ fil-prekursuri tad-droga u li jiġi evitat il-bdil tar-rotta għall-fabbrikazzjoni illeċita ta’ drogi sintetiċi u sustanzi psikotropiċi, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għalhekk jistgħu, minħabba fin-natura internazzjonali u li jinbidel ta’ dan il-kummerċ, jinkisbu aħjar f’livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, bi qbil mal-prinċipju ta’ sussidjarjeta kif dikjarat fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Bi qbil mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif dikjarat f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkisbu dawk il-għanijiet.”

5        L-Artikolu 2(a), (b), (d) u (f) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)      ‘sustanza skedata’ tfisser kull sustanza mniżżla f’lista fl-Anness I, inkluż taħlitiet u prodotti naturali li jikkontjentu dawn is-sustanzi. Dan jeskludi prodotti mediċinali kif definit mid-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandha x’taqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 69)], tħejjijiet farmaċewtiċi, taħlitiet, prodotti naturali u tħejjijiet oħra li jikkontjentu sustanzi skedati li huma komposti b’tali mod li ma jistgħux jintużaw faċilment jew jiġu estratti minn mezzi applikabbli faċilment jew vijabbli ekonomikament [;]

(b)      ‘sustanza mhux skedata’ tfisser kull sustanza li, għalkemm mhijiex imniżżla fl-Anness I, hija identifikata bħala li ntużat għall-fabbrikazzjoni illeċita ta’ drogi narkotiċi jew sustanzi psikotropiċi;

[…]

(d)      ‘operatur’ ifisser kull persuna naturali jew legali mqabbda fit-tqegħid fis-suq ta’ sustanzi skedati;

[…]

(f)      ‘liċenza speċjali’ tfisser liċenza li tingħata lil tip partikolari ta’ operatur;

[…]”

6        Skont l-Artikolu 3(2) tal-imsemmi regolament, “[o]peraturi għandhom jinħtieġu li jiksbu liċenza mill-awtoritajiet kompetenti qabel ma jippossjedu jew joħorġu fis-suq [Komunitarju] sustanzi skedati ta’ kategorija 1 ta’ l-Anness I”.

7        L-Artikolu 9 tal-istess regolament jipprovdi:

“1.      Sabiex tiġi faċilitata koperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti, l-operaturi, u l-industrija kimika, b’mod partikolari rigward sustanzi mhux skedati, il-Kummissjoni għandha, bi qbil mal-proċedura riferita fl-Artikolu 15(2), tfassal u taġġorna linji ta’ gwida biex tgħin lill-industrija kimika.

2.      Il-linji ta' gwida għandhom jipprovdu b’ mod partikolari:

(a)      tagħrif dwar kif jintgħarfu u jiġu mgħarrfa transazzjonijiet suspettużi;

(b)      lista aġġornata b’mod regolari ta’ sustanzi mhux skedati biex tgħin lill-industrija timmonitorja fuq bażi volontarja il-kummerċ f’dawn is-sustanzi;

(ċ)      tagħrif ieħor li jista’ jitqies ta’ użu.

[…]”

8        L-Anness I tar-Regolament Nru 273/2004 jelenka l-lista tas-“sustanzi skedati” fis-sens tal-Artikolu 2(a) tar-Regolament Nru 273/2004, li fosthom, fil-kategorija 1, tinsab il-“1-phenyl-2-propanone” (iktar ’il quddiem il-“BMK”). Min-naħa l-oħra, l-APAAN ma hijiex inkluża f’din il-lista.

 Ir-Regolament Nru 111/2005

9        Il-kunċett ta’ “sustanza kklassifikata [skedata]”, iddefinit fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament Nru 111/2005, huwa essenzjalment identiku għal dak li jinsab fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament Nru 273/2004. L-Anness tar-Regolament Nru 111/2005 li għalih jirreferi l-Artikolu 2(a) ta’ dan l-istess regolament huwa wkoll essenzjalment identiku għall-Anness I tar-Regolament Nru 273/2004.

10      L-Artikolu 2(f) tar-Regolament Nru 111/2005 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “operatur” bħala “kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika involuta f’importazzjoni, esportazzjoni ta’ sustanzi klassifikati [skedati] jew attivitajiet intermedjarji relatati magħhom, inklużi persuni li għandhom il-kompitu li jagħmlu dikjarazzjonijiet doganali għal klijenti fuq bażi ta’ self-employed jew bħala attività prinċipali jew bħala attività sekondarja relatata ma’ attività oħra”.

11      L-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Operaturi stabbiliti fil-Komunità, ħlief għal aġenti doganali u trasportaturi li jaġixxu unikament f’dik il-kapaċità, involuti f’importazzjoni, esportazzjoni jew attivitajiet intermedjarji li jinvolvu sustanzi klassifikati [skedati] mniżżla fil-Kategorija 1 ta’ l-Anness, għandu jkollhom liċenza. Il-liċenza għandha tinħareġ mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru li fih l-operatur huwa stabbilt.

[…]”

12      L-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“1.      Biex tiffaċilta l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri, l-operaturi stabbiliti fil-Komunità u l-industrija kimika, b’mod partikulari fir-rigward ta’ sustanzi mhux klassifikati [skedati], il-Kummissjoni għandha, b’konsultazzjoni ma’ l-Istati Membri, tfassal u taġġorna linji gwida.

2.      Dawn il-linji gwida għandhom jipprovdu, b’mod partikolari:

(a)      informazzjoni dwar kif jiġu identifikati u notifikati operazzjonijiet suspettużi;

(b)      lista aġġornata regolarment ta’ sustanzi mhux klassifikati biex l-industrija tkun tista’ tissorvelja fuq bażi volontarja l-kummerċ f’tali sustanzi.

[…]”

13      Ir-Regolamenti (UE) Nru 1258/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Novembru 2013 (ĠU L 330, p. 21), u (UE) Nru 1259/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Novembru 2013 (ĠU L 330, p. 30), emendaw ir-Regolamenti Nru 273/2004 u Nru 111/2005, rispettivament. Minbarra l-emendi magħmula għad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “sustanza skedata” fis-sens ta’ dawn iż-żewġ regolamenti, huma inkludew l-APAAN fil-lista tas-“sustanzi skedati” inklużi fl-Anness I tar-Regolament Nru 273/2004 u fl-Anness tar-Regolament Nru 111/2005. Madankollu, billi r-Regolamenti Nru 1258/2013 u Nru 1259/2013 daħlu fis-seħħ biss fit-30 ta’ Diċembru 2013, huma ma humiex applikabbli għall-kawża prinċipali.

 Id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi

14      Ir-Regolamenti Nru 273/2004 u Nru 111/2005 ġew applikati fil-Pajjiżi l-Baxxi permezz tal-Liġi dwar il-prevenzjoni tal-abbuż minn sustanzi kimiċi (Wet Voorkoming Misbruik Chemicaliën, iktar ’il quddiem il-“WVMC”).

15      L-Artikolu 2(a) tal-WVMC jipprovdi:

“Huwa pprojbit l-aġir bi ksur tal-kundizzjonijiet stabbiliti minn jew permezz ta’:

a.      l-Artikoli 3(2) u (3) u 8 tar-Regolament Nru 273/2004 u tal-Artikoli 6(1), 8(1), 9, 12(1) u 20 tar-Regolament Nru 111/2005 […]”

16      Il-ksur deliberat ta’ din id-dispożizzjoni jikkostitwixxi reat ekonomiku punibbli b’massimu ta’ sitt snin priġunerija.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17      Ittieħdu proċeduri kriminali, abbażi tal-Artikolu 2 tal-WVMC, kontra N. F. Gielen, M. M. J. Geerings, F. A. C. Pruijmboom u A. A. Pruijmboom għal atti ta’ importazzjoni u/jew ta’ esportazzjoni ta’ APAAN fi ħdan it-territorju doganali Ewropew, sustanza li l-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi jqisu li taqa’ taħt il-klassifikazzjoni ta’ “sustanza kklassifikata [skedata]” li tinsab fil-Kategorija 1 tal-Anness tar-Regolament Nru 111/2005. Sussidjarjament u fuq l-istess bażi legali, huma jinsabu akkużati wkoll li, mingħajr ma kellhom liċenzja, żammew u qiegħdu fis-suq din l-istess sustanza, meqjusa li taqa’ taħt il-Kategorija 1 tal-Anness I tar-Regolament Nru 273/2004.

18      Fit-2 ta’ Jannar 2013, l-Openbaar Ministerie ħarrek lill-akkużati, li jinsabu attwalment f’“detenzjoni provviżorja sospiża”, sabiex jidhru quddiem il-qorti tar-rinviju.

19      Fil-kuntest ta’ dik il-proċedura, ir-Rechtbank Oost-Brabant ’s-Hertogenbosch ikkonstata li l-APAAN ma tinsabx espliċitament fil-lista tas-“sustanzi skedati” previsti mill-Kategorija 1 tal-Anness I tar-Regolament Nru 273/2004 u minn dik tal-Anness tar-Regolament Nru 111/2005. Għalhekk, b’applikazzjoni, b’mod partikolari, tal-prinċipju ta’ legalità, operazzjonijiet li jirrigwardaw din is-sustanza ma għandhomx ikunu jistgħu jagħtu lok għal proċeduri kriminali bbażati fuq l-Artikolu 2(a) tal-WVMC.

20      Madankollu u minkejja prassi ġurisprudenzjali kuntrarja, dik il-qorti ma teskludix li din is-sustanza tista’ xorta waħda tiġi kklassifikata bħala “sustanza skedata” fis-sens tal-Artikoli 2(a) tar-Regolamenti Nru 273/2004 u Nru 111/2005, fid-dawl tal-fatt, minn naħa, li l-APAAN tista’ faċilment tiġi ttrasformata f’BMK — sustanza skedata li taqa’ taħt il-Kategorija 1 tal-annessi rilevanti ta’ dawn ir-regolamenti — u, min-naħa l-oħra, li jistgħu jinsiltu vantaġġi pekunjarji sinjifikattivi minn din it-trasformazzjoni.

21      Anki jekk jitqies li l-APAAN għandha tiġi kklassifikata bħala “sustanza skedata”, fis-sens tal-Artikoli 2(a) tal-imsemmija regolamenti, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar il-portata tal-kunċett ta’ “operatur”, iddefinit fl-Artikoli 2(d) tar-Regolament Nru 273/2004 u 2(f) tar-Regolament Nru 111/2005.

22      F’dawn il-ċirkustanzi, ir-Rechtbank Oost-Brabant ’s-Hertogenbosch iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      a)     Is-sustanza kimika [APAAN] tista’ tiġi assimilata [għall-BMK]? B’mod partikolari, ir-Rechtbank titlob kjarifika dwar jekk it-terminu Olandiż ‘bevatten’, it-terminu Ingliż ‘containing’ u t-terminu Franċiż ‘contenant’ għandhomx jiġu interpretati li jfissru li l-BMK għandha bħala tali tkun diġà preżenti fl-APAAN.

b)      F’każ ta’ risposta fin-negattiv għad-domanda 1a:

L-APAAN għandha jew ma għandhiex titqies bħala [waħda minn] ‘stoffen [...], die zodanig zijn vermengd dat genoemde stoffen niet gemakkelijk of met economisch rendabele middelen kunnen worden gebruikt of geëxtraheerd’, jew ‘substance that is compounded in such a way that it cannot be easily used or extracted by readily applicable or economically viable means’ jew ‘une autre préparation contenant des substances classifiées qui sont composées de manière telle que ces substances ne peuvent pas être facilement utilisées, ni extraites par des moyens aisés à mettre en œuvre ou économiquement viables’? Skont l-informazzjoni tal-pulizija li tidher fl-Anness 3, apparentement dawn huwa proċess ta’ trasformazzjoni li ma huwiex ikkumplikat, anzi huwa faċli timplementah.

c)      Sabiex tingħata risposta għad-domanda 1b, b’mod partikolari fir-rigward tal-kunċett ta’ ‘economische rendabele middelen/economically viable means/économiquement viable’ huwa importanti li t-trasformazzjoni minn APAAN għal BML [BMK] manifestament tippermetti — anki jekk b’mod illegali — li jiġu ggwadanjati somom konsiderevoli, jekk jiġi tittrasformat l-APAAN f’BMK u/jew f’amfetammina u/jew permezz tal-kummerċjalizzazzjoni (illegali) tal-BMK magħmula mill-APAAN?

2)      Il-kunċett ta’ ‘operatur’ huwa ddefinit fl-Artikolu 2(d) tar-Regolament Nru 273/2004 u fl-Artikolu 2(f) tar-Regolament Nru 111/2005. Fir-risposta għad-domanda segwenti, ir-Rechtbank titlob [lill-Qorti tal-Ġustizzja] tipproċedi abbażi li dak li qed jiġi diskuss f’dan il-każ hija sustanza skedata fis-sens tal-Artikolu 2(a), jew sustanza skedata fis-sens tal-Anness I ‘sustanzi skedata fis-sens tal-Artikolu 2(a)’ tar-Regolamenti.

Il-kunċett ta’ ‘operatur’ jinkludi wkoll persuna fiżika li, waħidha jew ma’ persuni ġuridiċi jew fiżiċi, jkollha (volontarjament) mingħajr awtorizzazzjoni ‘sustanza skedata’, mingħajr ma jkun hemm ċirkustanzi suspettużi oħra?”

23      Fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju ressqet talba għall-applikazzjoni tal-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

24      Madankollu, fl-assenza ta’ urġenza, din it-talba ġiet miċħuda b’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja Gielen et (C‑369/13, EU:C:2013:708).

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

25      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 2(a) tar-Regolamenti Nru 273/2004 u Nru 111/2005 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-klassifikazzjoni bħala “sustanza skedata”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, ma tapplikax għal sustanza, bħall-APAAN, li ma hijiex prevista fl-Anness I tar-Regolament Nru 273/2004 jew fl-Anness tar-Regolament Nru 111/2005, iżda li, b’mezzi applikabbli faċilment jew vijabbli ekonomikament, fis-sens ta’ dawn ir-regolamenti, tista’ tiġi ttrasformata f’sustanza prevista fl-imsemmija annessi.

26      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ “sustanza skedata” huwa ddefinit fl-Artikoli 2(a) tar-Regolamenti Nru 273/2004 u Nru 111/2005 bħala kull sustanza mniżżla fl-annessi rilevanti ta’ dawn ir-regolamenti, inklużi taħlitiet u prodotti naturali li jikkontjenu dawn is-sustanzi, bl-esklużjoni ta’ prodotti mediċinali, kif iddefiniti mid-Direttiva 2001/83, tħejjijiet farmaċewtiċi, taħlitiet, prodotti naturali jew tħejjijiet oħra li jikkontjenu sustanzi skedati li huma komposti b’tali mod li ma jistgħux jintużaw faċilment jew jiġu estratti b’mezzi applikabbli faċilment jew vijabbli ekonomikament.

27      Mill-kliem ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-lista ta’ sustanzi li tinsab fl-annessi rilevanti tar-Regolamenti Nru 273/2004 u Nru 111/2005 hija eżawrjenti u li, għalhekk, huma biss is-sustanzi li jinsabu espliċitament fil-lista stabbilita fl-imsemmija annessi li jistgħu jagħtu lok għall-klassifikazzjoni bħala “sustanzi skedati”, fis-sens ta’ dawn ir-regolamenti, bl-esklużjoni ta’ kull sustanza assimilata ma’ sustanza skedata.

28      Din l-interpretazzjoni stretta hija kkorroborata, minn naħa, mill-fatt li r-Regolamenti Nru 273/2004 u Nru 111/2005 ma jinkludu ebda indikazzjoni intiża sabiex tistabbilixxi li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jistabbilixxi tali kunċett ta’ sustanza assimilata u, min-naħa l-oħra, mill-premessa 13 tar-Regolament Nru 273/2004 li skontha l-leġiżlatur tal-Unjoni jenfasizza li l-issuġġettar tas-sustanzi prekursuri ta’ drogi sintetiċi jew ta’ sustanzi psikotropiċi għall-istess kontrolli stretti bħal dawk applikabbli għas-sustanzi tal-Anness I tar-Regolament Nru 273 jkun joħloq ostakolu mhux meħtieġ għall-kummerċ.

29      Mit-tifsira ordinarja tat-termini “li jikkontjentu [jikkontjenu]” użat mid-definizzjoni ta’ “sustanza skedata” jirriżulta li, meta jkunu inkwistjoni tħejjijiet farmaċewtiċi, taħlitiet, prodotti naturali jew tħejjijiet oħra, il-klassifikazzjoni ta’ tali prodotti bħala “sustanza skedata” teżiġi li sustanza li tinsab fl-annessi rilevanti ta’ dawn ir-regolamenti tkun kontenuta bħala tali f’dawn tal-aħħar, jiġifieri li tkun tinsab fost il-komponenti tagħhom.

30      F’dan il-każ, huwa paċifiku, minn naħa, li l-APAAN ma tinsabx fil-lista ta’ sustanzi skedati, fis-sens tal-Artikoli 2(a) tar-Regolamenti Nru 273/2004 u Nru 111/2005, elenkati fl-annessi rilevanti ta’ dawn ir-regolamenti, fil-verżjoni tagħhom applikabbli għall-kawża prinċipali u, min-naħa l-oħra, li l-BMK, bħala tali, hija assenti mill-kompożizzjoni tal-APAAN.

31      F’dan ir-rigward tal-aħħar, mid-deċiżjoni tar-rinviju, ikkonfermata fuq dan il-punt mill-osservazzjonijiet tal-partijiet interessati kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet f’din il-proċedura, jirriżulta li l-manifattura tal-BMK mill-APAAN titwettaq permezz ta’ operazzjoni mhux ta’ estrazzjoni, iżda ta’ idroliżi tal-APAAN, li tippresupponi trasformazzjoni ta’ din tal-aħħar.

32      Issa, kif jirriżulta mill-punt 29 ta’ din is-sentenza, prodott li ma jikkontjenix, bħala tali, sustanza li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 273/2004 u fl-Anness tar-Regolament Nru 111/2005, iżda li minnu tinkiseb tali sustanza permezz ta’ operazzjoni ta’ trasformazzjoni, ma jistax jiġi kklassifikat bħala “sustanza skedata”, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tar-Regolamenti Nru 273/2004 u Nru 111/2005.

33      Konsegwentement, peress li l-APAAN ma tissemmiex espressament fl-annessi rilevanti tar-Regolamenti Nru 273/2004 u Nru 111/2005, din is-sustanza ma tistax tiġi kklassifikata bħala “sustanza skedata”, fis-sens tal-Artikoli 2(a) ta’ dawn ir-regolamenti, jew bħala sustanza assimilata ma’ tali sustanza.

34      F’dan ir-rigward u fid-dawl tal-assenza bħala tali ta’ BMK fil-kompożizzjoni tal-APAAN, huwa irrilevanti l-fatt, irrilevat mill-qorti tar-rinviju, li l-operazzjoni ta’ trasformazzjoni tal-APAAN f’BMK ma hijiex ikkumplikata u hija vijabbli ekonomikament.

35      Din il-konklużjoni ma tistax titqiegħed fid-dubju mill-għan li r-Regolamenti Nru 273/2004 u Nru 111/2005 jfittxu li jilħqu, kif jirriżulta mill-premessa 13 ta’ dan l-ewwel regolament, jew min-natura dinamika tal-kummerċ fid-drogi, imsemmija fil-premessa 17 tal-istess regolament, kif isostni r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

36      Għalkemm l-għan ta’ dawn ir-regolamenti huwa tabilħaqq il-ġlieda kontra l-użu ħażin tas-sustanzi użati komunement fil-manifattura illeċita ta’ drogi narkotiċi jew ta’ sustanzi psikotropiċi billi tiġi stabbilita sistema ta’ monitoraġġ tal-kummerċ f’dawn is-sustanzi akkumpanjata b’sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi, jibqa’ l-fatt li l-għan repressiv tal-imsemmija regolamenti la jista’ jinfluwenza d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “sustanza skedata” u lanqas l-eventwali klassifikazzjoni tas-sustanza kkonċernata bħala sustanza skedata abbażi ta’ din id-definizzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza D. u G., C‑358/13 u C‑181/14, EU:C:2014:2060, punt 49).

37      Dan iktar u iktar għandu jkun il-każ billi, fl-Artikoli 9 tar-Regolament Nru 273/2004 u 10 tar-Regolament Nru 111/2005, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, l-operaturi u l-industrija kimika bil-għan li jiġi kkontrollat il-moviment tas-“sustanzi mhux skedati”, iddefiniti fl-Artikoli 2(b) ta’ dawn ir-regolamenti bħala kwalunkwe sustanza li, għalkemm ma tinsabx fl-annessi rilevanti tal-imsemmija regolamenti, hija identifikata bħala li ntużat għall-manifattura illeċita ta’ drogi narkotiċi jew ta’ sustanzi psikotropiċi.

38      Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikoli 2(a) tar-Regolamenti Nru 273/2004 u Nru 111/2005 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-klassifikazzjoni bħala “sustanza skedata”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, ma tapplikax għal sustanza, bħall-APAAN, li ma hijiex prevista fl-Anness I tar-Regolament Nru 273/2004 jew fl-Anness tar-Regolament Nru 111/2005, anki jekk jitqies li, b’mezzi applikabbli faċilment jew vijabbli ekonomikament, fis-sens ta’ dawn ir-regolamenti, hija tista’ tiġi ttrasformata faċilment f’sustanza prevista fl-imsemmija annessi.

 Fuq it-tieni domanda

39      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

 Fuq l-ispejjeż

40      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikoli 2(a) tar-Regolament (KE) Nru 273/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, dwar prekursuri tad-droga, u tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 111/2005, tat-22 ta’ Diċembru 2004, li jistabbilixxi regoli għall-monitoraġġ ta’ kummerċ fil-prekursuri ta’ drogi bejn il-Komunità u l-pajjiżi terzi, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-klassifikazzjoni bħala “sustanza skedata”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, ma tapplikax għal sustanza, bħall-alpha-phenylacetoacetonitrile, li ma hijiex prevista fl-Anness I tar-Regolament Nru 273/2004 jew fl-Anness tar-Regolament Nru 111/2005, anki jekk jitqies li, b’mezzi applikabbli faċilment jew vijabbli ekonomikament, fis-sens ta’ dawn ir-regolamenti, hija tista’ tiġi ttrasformata faċilment f’sustanza prevista fl-imsemmija annessi.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.