Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-12 ta' Lulju 2012 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Oberster Gerichtshof - l-Awstrija) - Compass-Datenbank GmbH vs Ir-Repubblika tal-Awstrija

(C-138/11) 

(Kompetizzjoni - Artikolu 102 TFUE - Kunċett ta' 'impriża' - Data tar-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji miżmuma f'database - Attività ta' ġbir u ta' tqegħid għad-dispożizzjoni ta' din id-data bi ħlas - Effett tar-rifjut tal-awtoritajiet pubbliċi li jawtorizzaw l-użu mill-ġdid ta' din id-data - Dritt 'sui generis' previst fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9/KE)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Oberster Gerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Compass-Datenbank GmbH

Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Awstrija

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari - Oberster Gerichtshof - Interpretazzjoni tal Artikolu 102 TFUE - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li għandu jsir ħlas għall konsultazzjoni tar-reġistru pubbliku tal-kummerċ u tal-kumpanniji (Firmenbuch) u li tipprojbixxi kwalunkwe użu kummerċjali ieħor ta' dan ir-reġistru - Kunċett ta' attività ekonomika - Abbuż ta' pożizzjoni dominanti - Portata tad-duttrina tal-faċilitajiet essenzjali (essential facilities doctrine)

Dispożittiv

L-attività ta' awtorità pubblika li tikkonsisti fl-issejvjar, f'database, ta' data li l-impriżi għandhom jikkomunikaw abbażi ta' obbligi legali, li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jikkonsultaw din id-data u/jew li tipprovdilhom kopji stampati tagħha ma tikkostitwixxix attività ekonomika, u din l-awtorità pubblika ma għandhiex, konsegwentement, tiġi kkunsidrata, fil-kuntest ta' din l-attività, bħala impriża fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE. Il-fatt li din il-konsultazzjoni u/jew din il-provvista ta' kopji jitwettqu inkambju għal remunerazzjoni prevista fil-liġi u mhux iddeterminata, direttament jew indirettament, mill-entità kkonċernata ma huwiex ta' natura li jbiddel il-kwalifikazzjoni ġuridika tal-imsemmija attività. Barra minn hekk, sa fejn tali awtorità pubblika tipprekludi kull użu ieħor tad-data hekk miġbura u mqegħda għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, billi tinvoka l-protezzjoni sui generis mogħtija lilha bħala produttur tad-database inkwistjoni skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta' Marzu 1996, dwar il-protezzjoni legali ta' databases, jew skont kull dritt ieħor ta' proprjetà intellettwali, hija lanqas ma teżerċita attività ekonomika u ma għandhiex għalhekk tiġi kkunsidrata, fil-kuntest ta' din l-attività, bħala impriża fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE.

____________

1 - ĠU C 186, 25.06.2011.