Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-6 ta' Diċembru 2011 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Cour d'appel de Paris - Franza) - Alexandre Achughbabian vs Préfet du Val-de-Marne

(Kawża C-329/11) 

(Spazju ta' libertà, ta' sigurtà u ta' ġustizzja - Direttiva 2008/115/KE - Standards u proċeduri komuni fil-qasam tar-ritorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment - Leġiżlazzjoni nazzjonali li, f'każ ta' residenza illegali, tipprovdi piena ta' priġunerija u multa)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Cour d'appel de Paris

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Alexandre Achughbabian

Konvenut: Préfet du Val-de-Marne

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari - Cour d'appel de Paris - Interpretazzjoni tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta' Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU L 348, p. 98) - Konformità ta' leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-impożizzjoni ta' piena ta' priġunerija għal ċittadin ta' pajjiż terz biss minħabba l-irregolarità tad-dħul tiegħu jew tar-residenza tiegħu fit-territorju nazzjonali - Tqegħid f'detenzjoni għall-finijiet ta' teħid lura lejn il-fruntiera - Possibbiltà ta' irregolarità tal-kustodja

Dispożittiv

Id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta' Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, għandha tiġi interpretata fis-sens li

-    tipprekludi leġiżlazzjoni ta' Stat Membru li trażżan ir-residenza illegali permezz ta' sanzjonijiet kriminali sa fejn din tippermetti l-priġunerija ta' ċittadin ta' pajjiż terz li, filwaqt li jkun irrisjeda illegalment fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru u ma jkunx lest jitlaq volontarjament minn dan it-territorju, ma jkunx ġie suġġett għal miżuri restrittivi fis-sens tal-Artikolu 8 ta' din id-direttiva u, fil-każ ta' detenzjoni bil-ħsieb li tiġi ppreparata u mwettqa t-tneħħija tiegħu, ma jkunx laħaq l-iskadenza tat-tul massimu ta' tali detenzjoni;

-    ma tipprekludix leġiżlazzjoni sa fejn tippermetti l-priġunerija ta' ċittadin ta' pajjiż terz li fir-rigward tiegħu ġiet applikata l-proċedura ta' ritorn stabbilita mill-imsemmija direttiva u li jirrisjedi illegalment fl-imsemmi territorju mingħajr raġuni ġġustifikata għan-nuqqas ta' ritorn tiegħu.

____________

1 - ĠU C 298, 08.10.2011