Language of document : ECLI:EU:C:2012:718

Kawża C‑417/11 P

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

vs

Nadiany Bamba

“Appell — Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi speċifiċi meħuda fir-rigward ta’ ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Côte d’Ivoire — Iffriżar ta’ fondi — Artikolu 296 TFUE — Obbligu ta’ motivazzjoni — Drittijiet tad-difiża — Dritt għal azzjoni ġudizzjarja effettiva — Dritt għar-rispett tal-proprjetà”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-15 ta’ Novembru 2012

1.        Appell — Aggravji — Insuffiċjenza ta’ motivazzjoni — Ammissibbiltà

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 58)

2.        Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Miżuri restrittivi ta’ iffriżar tal-fondi

(Artikolu 296 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 560/2005, kif emendat bir-Regolament Nru 25/2011, Anness I A, punt 6; Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/656, kif emendat bid-Deċiżjoni 2011/18, Anness II A, punt 6)

3.        Appell — Aggravji — Insuffiċjenza ta’ motivazzjoni — Raġuni distinta minn dik li tirrigwarda l-legalità fil-mertu

(Artikoli 256 TFUE u 296 TFUE)

4.        Unjoni Ewropea — Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet — Regolament li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi fir-rigward ta’ ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Côte d’Ivoire u deċiżjoni li ġġedded dawn il-miżuri — Obbligu tal-awtur tal-att li jagħti smigħ minn qabel lill-persuna kkonċernata waqt l-inklużjoni inizjali tagħha fil-lista tal-persuni annessa ma’ dak l-att — Assenza

(Regolament tal-Kunsill Nru 560/2005, kif emendat bir-Regolament Nru 25/2011, Anness I A; Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/656, kif emendat bid-Deċiżjoni 2011/18, Anness II)

1.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 39-41)

2.        Il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament segwit mill-istituzzjoni, li tkun adottat l-att, b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjoni tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Madankollu, peress li l-motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu 296 TFUE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għall-kuntest li fih dan ikun ġie adottat, att li jikkawża preġudizzju jkun immotivat b’mod suffiċjenti meta dan ikun sar f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata, li jkun jippermettilha tifhem il-portata tal-miżura meħuda fil-konfront tagħha.

Għalhekk, fir-rigward ta’ deċiżjoni inizjali ta’ iffriżar tal-fondi, peress li l-persuna kkonċernata ma għandhiex dritt ta’ smigħ qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni inizjali ta’ ffriżar tal-fondi, l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni hija iktar importanti, għaliex din tikkostitwixxi l-unika garanzija li tippermetti lill-persuna kkonċernata, speċjalment wara l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, li tagħmel użu effettiv mir-rimedji għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tikkontesta l-legalità tal-imsemmija deċiżjoni.

F’dan ir-rigward, fil-każ li l-inklużjoni tal-isem tal-persuna kkonċernata fost il-persuni li huma suġġetti għal miżuri restrittivi ta’ iffriżar tal-fondi saret minħabba l-allegata responsabbiltà tagħha, abbażi tal-funzjoni allegata tagħha ta’ direttur ta’ ġurnal, għal atti ta’ inċitament pubbliku għall-mibegħda u għall-vjolenza kif ukoll għal kampanji ta’ informazzjoni żbaljata, l-obbligu ta’ motivazzjoni jiġi sodisfatt jekk l-awtur tal-att jipprovdi indikazzjonijiet, fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ iffriżar tal-fondi, li jippermettu li jiġi mifhum minn fejn dan tal-aħħar ikun silet ir-raġuni speċifika u konkreta li wasslitu sabiex jadotta miżuri restrittivi fil-konfront ta-interessat. Dan jiġri wkoll jekk l-att jidentifika l-elementi speċifiċi u konkreti, f’termini ta’ funzjoni eżerċitata professjonalment, tal-grupp ta’ pubblikazzjoni, tal-ġurnal u tat-tipi ta’ atti u ta’ kampanji tal-istampa msemmija. Permezz tal-indikazzjonijiet tagħha, il-persuna kkonċernata titpoġġa f’pożizzjoni fejn tkun tista’ tikkontesta il-fondatezza tal-att. Fid-dawl ta’ dawn tal-aħħar, din tkun fil-libertà, fejn xieraq, li tikkontesta r-realtà tal-fatti msemmija fl-att jew li tikkontesta r-rilevanza ta’ dawn il-fatti kollha jew ta’ parti minnhom jew tal-klassifikazzjoni tagħhom.

(ara l-punti 50, 51, 53, 54, 56, 57, 59)

3.        Fil-kuntest ta’ appell, il-kwistjoni tal-motivazzjoni, li tikkonċerna formalità sostanzjali, hija distinta minn dik tal-prova tal-imġiba allegata, li taqa’ taħt il-legalità tal-mertu tal-att inkwistjoni u timplika l-verifikazzjoni tar-realtà tal-fatti msemmija f’dak l-att kif ukoll il-kwalifika ta’ dawn il-fatti bħala li jikkostitwixxu elementi li jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ miżuri restrittivi fil-konfront tal-persuna kkonċernata.

(ara l-punt 60)

4.        Bil-għan li jintlaħaq l-għan mill-atti li jikkonċernaw l-inklużjoni tal-isem ta’ persuna, ta’ entità jew ta’ organu fil-listi li jikkostitwixxu, rispettivament, l-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/656, li ġġedded il-miżuri restrittivi kontra l-Côte d’Ivoire, u l-Anness I A tar-Regolament Nru 560/2005, li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi kontra ċerti persuni u entitajiet minħabba s-sitwazzjoni fil-Côte d’Ivoire, il-miżuri restrittivi inkwistjoni għandhom, min-natura tagħhom stess, jibbenefikaw minn effett ta’ sorpriża. Għal din ir-raġuni, l-awtur tal-att ma huwiex obbligat li jisma’ lil-persuna kkonċernata qabel l-inklużjoni inizjali ta’ isimha fil-listi inkwistjoni.

(ara l-punt 74)