Language of document : ECLI:EU:C:2018:293

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fis‑26 ta’ April 2018 (1)

Kawża C176/17

Profi Credit Polska S.A. w Bielsku Białej

vs

Mariusz Wawrzosek

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Rejonowy w Siemianowicach Śląskich (il-Qorti Distrettwali ta’ Siemianowice Śląskie, il-Polonja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur – Proċedura għall-adozzjoni ta’ ordni ta’ ħlas minħabba ċedola li tiggarantixxi krediti mnissla minn ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur – Impossibbiltà li l-qorti tikkonstata n-natura inġusta eventwali ta’ klawżoli kuntrattwali jekk il-konsumatur ma jippreżentax rimedju ġudizzjarju”






I.      Introduzzjoni

1.        Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà enfasizzat kemm-il darba li d-dritt proċedurali nazzjonali għandu rwol deċiżiv għall-garanzija effettiva tal-protezzjoni tal-konsumaturi. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat partikolarment li l-qorti nazzjonali għandha tevalwa (2)ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Klawżoli Inġusti (3). F’din it-talba għal deċiżjoni preliminari, għall-ewwel darba qed tiġi magħmula d-domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja, jekk dan l-obbligu tal-qorti nazzjonali jeżistix ukoll meta tevalwa obbligazzjoni minn kambjala u l-kambjala tiggarantixxi krediti mnissla minn ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur.

2.        Il-kambjala hija istituzzjoni ġuridika venerabbli li nħolqot fiż-żminijiet tal-bidu tal-Medjuevu minn negozji tal-kambju ta’ valuta fost in-negozjanti (4). Il-ħidma leġiżlattiva kbira tas-seklu 19, speċjalment il-Code de commerce Franċiż tal‑1807, ħelset il-kambjala minn dawn il-ktajjen korporattivi (5) u saret dak l-istrument per eċċellenza li fetaħ il-bibien għaċ-ċittadini tal-istrati kollha għal pagamenti mingħajr flus kontanti (6). Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea huma partijiet kontraenti tal-Konvenzjoni ta’ Genève tas‑7 ta’ Ġunju 1930 li tipprevedi liġi uniformi għal kambjali u ċedoli, li kienet timmira lejn l-uniformità internazzjonali tal-liġijiet dwar kambjali.

3.        B’differenza għal xi Stati Membri oħra (7), fil-Polonja l-użu ta’ ċedoli, jiġifieri ta’ kambjali fejn il-ġeneratur tal-kambjala jobbliga lilu nnifsu għall-ħlas ta’ somma bħala mezz ta’ garanzija għal ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur, huwa permess u huwa prattika komuni. Id-dritt proċedurali Pollakk jipprovdi proċedura ta’ ordni ta’ ħlas rapida abbażi ta’ ċedola, li tillimita lill-qorti nazzjonali għal verifika formali taċ-ċedola. Għaldaqstant, jekk il-kambjala sservi bħala garanzija għal kuntratt ta’ self, il-proċedura ta’ ordni ta’ ħlas teskludi l-verifika tal-kuntratt ta’ self sottostanti. Din it-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa tagħti l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tesprimi ruħha dwar il-kompatibbiltà tal-imsemmija proċedura mad-Direttiva dwar il-Klawżoli Inġusti u mad-Direttiva dwar Ftehim ta’ Kreditu għall-Konsumatur (8).

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

4.        Id-Direttiva dwar il-Klawżoli Inġusti tikkonċerna l-klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur. Skont l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva:

“Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.”

5.        Skont l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur […]”.

6.        L-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”

7.        Skont l-Artikolu 2(1) tagħha, id-Direttiva dwar Ftehim ta’ Kreditu għall-Konsumatur għandha tapplika għal ftehim ta’ kreditu. L-Artikolu 3(ċ) jiddefinixxi ftehim ta’ kreditu bħala “ftehim li bih kreditur jagħti jew iwiegħed li jagħti lil konsumatur kreditu fil-forma ta’ ħlas differit, self jew akkomodazzjoni finanzjarja simili oħra; […]”.

8.        L-Artikolu 17(1) tad-Direttiva dwar Ftehim ta’ Kreditu għall-Konsumatur jispeċifika:

“Fejn id-drittijiet tal-kreditur taħt ftehim ta’ kreditu jew il-ftehim innifsu jiġu ċeduti lil parti terza, il-konsumatur għandu jkun intitolat li jeċċepixxi kontra ċ-ċessjonarju kwalunkwe difiża li kienet disponibbli għalih kontra l-kreditur oriġinali, inkluża tpaċija fejn din ta’ l-aħħar tkun permessa fl-Istat Membru kkonċernat.”

9.        L-Artikolu 22 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.      Safejn din id-Direttiva fiha dispożizzjonijiet armonizzati, l-Istati Membri ma jistgħux iżommu jew jintroduċu fil-liġi nazzjonali tagħhom dispożizzjonijiet li jiddevjaw minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva.”

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsumaturi ma jkunux jistgħu jċedu d-drittijiet mogħtija lilhom bid-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li timplimenta jew tikkorrespondi għal din id-direttiva.

3.      L-Istati Membri għandhom, barra minn hekk, jiżguraw li d-dispożizzjonijiet li jadottaw fl-implimentazzjoni ta’ din id-direttiva ma jagħtux lok għal evitar li jirriżulta mill-mod li bih jiġu fformulati ftehim, b’mod partikolari billi jiġu integrati ġbid ta’ kreditu jew ftehim ta’ kreditu li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva fi ftehim ta’ kreditu li n-natura u l-iskop tagħhom jagħmluha possibbli li tiġi evitata l-applikazzjoni tagħha.

[…]”

B.      Id-dritt nazzjonali

10.      Il-Kodeks postępowania cywilnego (il-Kodiċi Pollakk tal-Proċedura Ċivili) jinkludi d-dispożizzjonijiet dwar il-proċedura ta’ ordni ta’ ħlas abbażi ta’ kambjala. L-Artikolu 485 § 2 tal-Kodeks postępowania cywilnego (il-Kodiċi Pollakk tal-Proċedura Ċivili, iktar ’il quddiem il-“KPC”) jistabbilixxi:

“Il-qorti toħroġ ukoll ordni ta’ ħlas fil-konfront tal-parti obbligata abbażi ta’ kambjala […] redatta kif suppost jekk l-awtentiċità u l-kontenut tal-kambjala ma jqajmux dubji. Jekk id-drittijiet imnissla mill-kambjala jkunu ġew ittrasferiti għal fuq l-applikant […], l-ordni ta’ ħlas tinħareġ biss jekk jiġu ppreżentati ċertifikati li jissostanzjaw id-dritt, sakemm it-trasferiment ta’ dawn id-drittijiet għal fuq l-applikant ma jirriżultax direttament mill-kambjala […]”

11.      L-Artikolu 486 § 1 tal-KPC jissupplimenta:

“Fl-assenza ta’ prerekwiżiti suffiċjenti għall-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas, il-president jistabbilixxi data għas-smigħ, sakemm il-kawża ma tkunx tista’ tiġi ttrattata mingħajr smigħ.”

12.      L-Artikolu 491 § 1 tal-KPC jipprovdi:

“Bl-ordni ta’ ħlas il-qorti titlob lill-konvenut biex jagħmel tajjeb għad-dejn sħiħ, inklużi l-ispejjeż imġarrba, fi żmien ġimagħtejn wara li jirċievi l-ordni ta’ ħlas, jew inkella li jressaq oppożizzjoni kontra din l-ordni f’dan it-terminu. […]”

13.      L-Artikolu 492 tal-KPC huwa fformulat kif ġej:

“§ 1.      Mal-ħruġ tagħha, l-ordni ta’ ħlas titqies bħala titolu ta’ garanzija infurzabbli mingħajr inklużjoni ta’ ordni ta’ infurzar. […]

§ 3.      L-ordni ta’ ħlas maħruġa abbażi ta’ kambjala […] hija infurzabbli immedjatament wara li jiskadi t-terminu għat-tpaċija tad-dejn. F’każ ta’ oppożizzjoni l-qorti tista’ tiddeċiedi li tissospendi l-eżekuzzjoni fuq talba mill-konvenut. […]”

14.      Fl-Artikolu 493 § 1 tal-KPC huwa stabbilit:

“L-oppożizzjoni titressaq quddiem dik il-qorti li tkun ħarġet l-ordni ta’ ħlas. Il-konvenut irid jindika jekk huwiex qed jikkontesta l-ordni ta’ ħlas fl-intier tagħha jew parzjalment, iressaq l-ilmenti li jridu jiġu invokati qabel id-difiża fil-mertu biex tiġi evitata l-preklużjoni tagħhom, kif ukoll jippreżenta fatti u provi. […]”

15.      L-Artikolu 19 § 4 tal-Ustawa o kosztach sądowych w sprawach cywilnych (il-Liġi dwar l-Ispejjeż tal-Qorti f’Materji Ċivili) jipprevedi li l-konvenut irid iġorr tliet kwarti tal-ispejjeż tal-qorti jekk iressaq oppożizzjoni kontra l-ordni ta’ ħlas.

16.      Fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet f’kuntratti mal-konsumatur, l-Artikolu 385 tal-Kodeks cywilny (il-Kodiċi Ċivili) jipprevedi:

“§ 1.      Id-dispożizzjonijiet ta’ kuntratt mal-konsumatur li ma jkunux ġew miftiehma individwalment ma humiex vinkolanti għall-konsumatur jekk dawn ifasslu d-drittijiet u d-dmirijiet tiegħu b’tali mod li jmur kontra l-prinċipji aċċettati tal-moralità u jippreġudikaw b’mod serju l-interessi tiegħu (klawżoli kuntrattwali inammissibbli). Dan ma jgħoddx għal dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-obbligi prinċipali tal-partijiet, partikolarment il-prezz jew ir-remunerazzjoni, jekk ikunu ġew ifformulati b’mod ċar.

§ 2.      Jekk dispożizzjoni kuntrattwali ma tkunx vinkolanti għall-konsumatur kif speċifikat f’§ 1, il-ftehim jibqa’ vinkolanti għall-partijiet fil-kumplament tiegħu.”

17.      Fir-rigward taċ-ċedola, l-Artikolu 101 tal-Prawo wekslowe (il-Liġi dwar il-Kambjali) jistabbilixxi:

“Iċ-ċedola tinkludi: 1) il-kelma ‘kambjala’ fit-test taċ-ċertifikat bil-lingwa li fiha din tkun inħarġet; 2) il-wegħda inkundizzjonata li ser titħallas somma ta’ flus speċifika; 3) terminu speċifiku għall-ħlas; 4) post speċifiku għall-ħlas; 5) l-isem tal-persuna li għall-benefiċċju jew li fuq ordni tagħha għandu jsir il-ħlas; 6) il-post u d-data tal-ħruġ tal-kambjala; 7) il-firma tal-emittent tal-kambjala.”

18.      Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar Ftehim ta’ Kreditu għall-Konsumatur ġew trasposti fid-dritt Pollakk bl-Ustawa o kredycie konsumenckim (il-Liġi dwar Ftehim ta’ Kreditu għall-Konsumatur, iktar ’il quddiem l-“UKK”) tat‑12 ta’ Mejju 2011. L-Artikolu 41 tal-UKK jipprovdi li:

“1.      Il-kambjala […] ta’ konsumatur li tingħata lill-kreditur għall-finijiet tal-issodisfar jew tal-garanzija ta’ tranżazzjoni li tirriżulta minn ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur trid tinkludi l-klawżola ‘mhux għan-nom’ jew klawżola bl-istess sinjifikat.

2.      Jekk il-kreditur jaċċetta kambjala […] li ma tinkludix il-klawżola ‘mhux għan-nom’, u din il-kambjala tiġi ttrasferita […] fuq persuna oħra, il-kreditur huwa obbligat jagħmel tajjeb għad-dannu tal-konsumatur billi jħallas il-kambjala. […]

3.      Il-paragrafu 2 japplika wkoll jekk il-kambjala […] tkun spiċċat fil-pussess ta’ persuna oħra kontra r-rieda tal-kreditur.”

III. Il-fatti u l-proċedura fil-kawża prinċipali

19.      Fit‑3 ta’ Diċembru 2015 ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, Profi Credit Polska S.A. b’sede f’Bielsko-Biała (iktar ’il quddiem il-“bank”) ikkonkluda kuntratt ta’ self mal-konvenut fil-kawża prinċipali, M. Wawrzosek. Kif il-qorti tar-rinviju hija informata abbażi ta’ kawżi oħra li ġiet adita bihom mir-rikorrent, huwa kkonċernat kuntratt standard ifformulat minn qabel, li jinkludi klawżola li tobbliga lill-persuna li tissellef sabiex toħroġ ċedola bħala garanzija għad-drittijiet tal-persuna li ssellef imnissla mill-kuntratt ta’ self. Konformement ma’ dan l-obbligu, il-konvenut ta lir-rikorrenti kambjala inbjank iffirmata.

20.      Sussegwentement, il-konvenut ma ħallasx lura s-self. Għaldaqstant, ir-rikorrenti tterminat l-kuntratt ta’ self u daħħlet l-ammont ta’ 3 268.38 zlote Pollakki (PLN) fil-kambjala inbjank.

21.      Quddiem il-qorti tar-rinviju, ir-rikorrenti talbet lil din tal-ewwel jogħġobha toħroġ ordni ta’ ħlas li tammonta għal PLN 3 268.38 fil-konfront tal-konvenut abbażi tal-kambjala. Ma’ din it-talba r-rikorrenti hemżet il-kambjala ffirmata u redatta kif suppost kif ukoll it-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ self, iżda mhux il-kuntratt innifsu.

22.      Kif tosserva l-qorti tar-rinviju, skont id-dritt nazzjonali l-proċedura ta’ ordni ta’ ħlas abbażi ta’ kambjala fiha żewġ stadji. L-ewwel stadju jibda mas-sottomissjoni tat-talba għall-ħruġ tal-ordni ta’ ħlas. Dan isir mingħajr ma jiġi nnotifikat il-konvenut. Kif speċifikat fl-Artikolu 485 § 2 tal-KPC, il-qorti għandha toħroġ l-ordni ta’ ħlas jekk ikollha quddiemha kambjala kif suppost u “l-awtentiċità u l-kontenut tal-kambjala ma jqajmux dubji”. Skont il-qorti tar-rinviju, il-ġurisprudenza nazzjonali tinterpreta din id-dispożizzjoni b’tali mod li fl-ewwel stadju tal-proċedura jiġi evalwat ex officio biss jekk iċ-ċertifikat tal-kambjala ppreżentat mill-applikant huwiex awtentiku u jissodisfa l-forma legali. Jekk dawn ir-rekwiżiti jiġu ssodisfatti, il-qorti hija obbligata toħroġ l-ordni ta’ ħlas indipendentement mill-kontenut tar-relazzjoni sottostanti. Jekk il-kambjala tiggarantixxi intitolament imnissel minn kuntratt ta’ self, fl-ewwel stadju tal-proċedura l-applikant jista’ jillimita ruħu għall-preżentazzjoni taċ-ċertifikat tal-kambjala waħdu bħala prova. Dan ma għandux għalfejn jipprovdi prova li l-intitolament iggarantit joħroġ mill-kuntratt ta’ self u li dan għandu effett.

23.      L-ordni ta’ ħlas tintbagħat lill-konvenut flimkien mal-att promotur tal-applikant u avviż dwar it-tressiq ta’ oppożizzjoni. It-terminu għall-oppożizzjoni huwa ta’ ġimagħtejn min-notifika tal-ordni ta’ ħlas. Imbagħad, kif speċifikat fl-Artikolu 492 § 3 tal-KPC, il-qorti tista’ tissospendi l-infurzar tal-ordni ta’ ħlas fuq applikazzjoni mill-konvenut. Skont il-qorti tar-rinviju, f’dan it-tieni stadju tal-proċedura l-konvenut mhux biss jista’ jressaq oġġezzjonijiet dwar l-obbligazzjoni minn kambjala iżda wkoll dwar drittijiet imnissla mir-relazzjoni sottostanti, pereżempju n-natura inġusta ta’ klawżola tal-ftehim sottostanti ta’ kreditu għall-konsumatur. Min-naħa l-oħra, kif speċifikat fl-Artikolu 492 § 1 tal-KPC, jekk il-konvenut ma jressaq l-ebda oppożizzjoni, l-ordni ta’ ħlas titqies bħala titolu ta’ garanzija infurzabbli mingħajr inklużjoni ta’ ordni ta’ infurzar. Dan għandu awtorità ta’ res judicata fir-rigward tal-obbligazzjoni minn kambjala, iżda mhux fir-rigward tad-dritt imnissel mir-relazzjoni sottostanti.

IV.    It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

24.      B’digriet tas‑17 ta’ Frar 2017, li wasal fis‑6 ta’ April 2017, is-Sąd Rejonowy w Siemianowicach Śląskich (il-Qorti Distrettwali ta’ Siemianowice Śląskie, il-Polonja) ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda li ġejja għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE:

“Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal‑5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1), kif ukoll id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE, u b’mod partikolari l-Artikolu 17(1) u l-Artikolu 22(1), għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu lil negozjant (persuna li ssellef) milli jeżegwixxi kreditu kkonstatat minn kambjala redatta kif suppost, fil-konfront ta’ konsumatur (il-persuna li tissellef), fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ordni ta’ ħlas kif iddefinita mid-dispożizzjoni tal-Artikolu 485(2) et seq. tal-kodeks postępowania cywilnego (kodiċi tal-proċedura ċivili) flimkien ma’ dik tal-Artikolu 41 tal-ustawa o kredycie konsumenckim (liġi tat‑12 ta’ Mejju 2011 dwar il-kreditu lill-konsumaturi, Dz.U.2014, 1497, verżjoni kkonsolidata, kif emendata), li jipprevedu li l-eżami tal-qorti nazzjonali għandu jkun limitat biss għall-verifika tal-validità tal-obbligazzjoni naxxenti mill-kambjala mill-perspettiva tal-osservanza tal-kundizzjonijiet formali applikabbli għaliha, mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni r-relazzjoni sottostanti?”

25.      Fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Repubblika tal-Polonja u l-Kummissjoni Ewropea ressqu l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, u l-istess partijiet ipparteċipaw ukoll fis-seduta tal‑1 ta’ Marzu 2018.

V.      L-analiżi ġuridika

26.      Sussegwentement l-ewwel nett ser nittratta l-interpretazzjoni u l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari u finalment ser niddiskuti d-Direttiva dwar Ftehim ta’ Kreditu għall-Konsumatur u mbagħad id-Direttiva dwar il-Klawżoli Inġusti.

A.      Fuq l-interpretazzjoni tad-domanda mressqa u fuq l-ammissibbiltà tar-rinviju

27.      Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment qiegħda tistaqsi jekk id-Direttiva dwar il-Klawżoli Inġusti u d-Direttiva dwar Ftehim ta’ Kreditu għall-Konsumatur għandhomx jiġu interpretati b’tali mod li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ordni ta’ ħlas abbażi ta’ ċedola tillimita lill-qorti nazzjonali għall-verifika tal-osservanza tal-kundizzjonijiet formali tal-kambjala u jeskludu eżami tal-kuntratt ta’ self protett biċ-ċedola.

28.      Fir-rinviju tagħha, il-qorti tar-rinviju tispjega li l-eżami tar-relazzjoni sottostanti jsir biss jekk il-konsumatur iressaq oppożizzjoni kontra l-ordni ta’ ħlas. Fil-fehma tiegħi, il-proċedura inkwistjoni għandha tiġi kkunsidrata fit-totalità tagħha, jiġifieri kemm l-ewwel stadju qabel ma titressaq l-oppożizzjoni kif ukoll it-tieni stadju sussegwenti.

29.      Barra minn hekk, id-domanda preliminari qiegħda ninterpretaha b’tali mod li permezz tagħha l-qorti nazzjonali tibbaża fuq il-possibbiltà ta’ eżami tar-relazzjoni sottostanti, jiġifieri tal-kuntratt ta’ self. B’hekk ma huwiex ta’ rilevanza jekk, meta kkunsidrata b’mod iżolat, iċ-ċedola tirrappreżentax ftehim li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Klawżoli Inġusti.

30.      Huwa minnu li fl-ewwel stadju ċ-ċedola hija l-uniku suġġett ikkontestat quddiem il-qorti nazzjonali. Ir-relazzjoni sottostanti ssir biss is-suġġett tat-tilwima fit-tieni stadju b’konsegwenza tal-oppożizzjoni tal-konsumatur. Iżda minn dan ma jirriżultax li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni manifestament ma għandhiex rabta mas-suġġett tal-kawża prinċipali u b’hekk tkun inammissibbli (9). Dan għaliex id-domanda mressqa fil-qofol tagħha tistaqsi jekk il-fatt li d-dritt Pollakk jitlob li konsumatur irid isir attiv sabiex il-kuntratt ta’ self isir is-suġġett tat-tilwima u sabiex il-qorti nazzjonali tkun tista’ tivverifikah huwiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, jew jekk id-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat b’tali mod li dan l-eżami jrid isir diġà fl-ewwel stadju.

B.      Fuq id-Direttiva dwar Ftehim ta’ Kreditu għall-Konsumatur

31.      L-iskop tad-Direttiva dwar Ftehim ta’ Kreditu għall-Konsumatur huwa li ċerti aspetti tad-dispożizzjonijiet tal-Istati Membri dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur jiġu armonizzati fl-intier tagħhom. Għall-protezzjoni tal-konsumatur din tipprevedi inter alia diversi obbligi ta’ informazzjoni tal-kreditur.

32.      Fir-rigward tal-garanziji ta’ kreditu, id-Direttiva dwar Ftehim ta’ Kreditu għall-Konsumatur tipprevedi li informazzjoni prekuntrattwali trid tispjega iktar fid-dettall il-garanziji li eventwalment jistgħu jintalbu (10). Il-garanziji mitluba jappartjenu wkoll għall-informazzjoni imperattiva fil-ftehim ta’ kreditu (11). Mill-bqija, id-Direttiva dwar Ftehim ta’ Kreditu għall-Konsumatur ma fiha l-ebda dispożizzjoni dwar garanziji, partikolarment mhux dwar ċedoli li jiggarantixxu intitolament imnissel minn ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur.

33.      Min-naħa l-oħra, id-dispożizzjoni li tippreċedi d-Direttiva dwar Ftehim ta’ Kreditu għall-Konsumatur kienet issemmi l-kambjala. Din kienet tipprevedi li l-Istati Membri li jippermettu lill-konsumatur joffri garanziji fil-forma ta’ kambjali, inklużi ċedoli u ċekkijiet, kellhom jieħdu ħsieb li l-konsumatur igawdi minn protezzjoni adegwata meta jagħmel użu minn dawn il-mezzi ta’ garanzija (12).

34.      Din id-dispożizzjoni ma ġietx adottata fid-Direttiva dwar Ftehim ta’ Kreditu għall-Konsumatur il-ġdida. Għalkemm il-proposta inizjali tal-Kummissjoni sabiex tiġi emendata d-Direttiva preċedenti saħansitra kienet tinkludi projbizzjoni stretta għall-kreditur li jitlob jew jissuġġerixxi kambjala bħala garanzija għall-kreditu lill-konsumatur (13), l-imsemmija dispożizzjoni dwar il-kambjali ma ġietx adottata fit-test finali tad-Direttiva dwar Ftehim ta’ Kreditu għall-Konsumatur.

35.      Minn dan kollu wieħed jista’ jikkonkludi biss li skont ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni għandu jkun fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri li jiddeċiedu jekk tistax tintuża kambjala bħala garanzija għal kreditu lill-konsumatur. L-ambitu diskrezzjonali tal-Istati Membri meta mqabbel mad-Direttiva preċedenti saħansitra ġie estiż. Filwaqt li taħt id-Direttiva preċedenti l-Istati Membri kienu għadhom iridu jieħdu ħsieb li l-konsumatur igawdi minn protezzjoni suffiċjenti meta jagħmel użu minn kambjala (14), id-Direttiva dwar Ftehim ta’ Kreditu għall-Konsumatur ma għadha tinkludi l-ebda dispożizzjoni korrispondenti li tistabbilixxi tali obbligu fil-konfront tal-Istati Membri.

 L-ebda ksur tal-Artikolu 22(1) tad-Direttiva dwar Ftehim ta’ Kreditu għall-Konsumatur

36.      Fl-istess waqt, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-leġiżlazzjoni Pollakka tiksirx l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva dwar Ftehim ta’ Kreditu għall-Konsumatur. Dan jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jżommu jew jintroduċu fil-liġi nazzjonali tagħhom dispożizzjonijiet diverġenti għal dawk stabbiliti f’din id-direttiva, sa fejn din fiha dispożizzjonijiet armonizzati. Madankollu, fir-rigward taċ-ċedola din id-domanda tisfa fix-xejn peress li, kif għadni kemm irrilevajt, id-Direttiva ma wasslet għal ebda armonizzazzjoni fil-qasam tal-kambjala bħala mezz ta’ garanzija għal kreditu lill-konsumatur. Barra minn hekk, iċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali ma jippermettux li jiġi identifikat jekk fl-oqsma li ġew speċifikament koperti mill-armonizzazzjoni (15) ġietx miżmuma jew introdotta liġi nazzjonali diverġenti. Għaldaqstant ma huwiex identifikabbli ksur kontra l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva.

 L-ebda ksur tal-Artikolu 22(2) tad-Direttiva dwar Ftehim ta’ Kreditu għall-Konsumatur

37.      Madankollu, il-Kummissjoni hija tal-fehma li sar ksur kontra l-Artikolu 22(2) tad-Direttiva dwar Ftehim ta’ Kreditu għall-Konsumatur. Dan jobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li l-konsumaturi ma jkunux jistgħu jċedu d-drittijiet mogħtija lilhom bid-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li huma adottati biex tiġi applikata din id-direttiva.

38.      Madankollu ma huwiex evidenti li M. Wawrzosek ċeda d-drittijiet tiegħu skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt Pollakk billi ħareġ kambjala. Dan għaliex ċessjoni fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 22(2) tad-Direttiva dwar Ftehim ta’ Kreditu għall-Konsumatur tirrikjedi li, permezz ta’ dikjarazzjoni espliċita jew permezz ta’ azzjoni koerenti, il-konsumatur iħassar, fl-intier tiegħu jew parzjalment, dritt eżistenti li dan għandu abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva. Madankollu, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tinkludi l-ebda indikazzjonijiet li M. Wawrzosek ċeda tali drittijiet b’rabta maċ-ċedola jew f’xi forma oħra.

 L-ebda evażjoni fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 22(3) tad-Direttiva dwar Ftehim ta’ Kreditu għall-Konsumatur

39.      Għall-kuntrarju tal-fehma tal-qorti tar-rinviju u tal-Kummissjoni, il-garanzija tal-intitolamenti mnissla minn ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur permezz ta’ ċedola lanqas ma tikkostitwixxi evażjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva, evażjoni li skont l-Artikolu 22(3) tad-Direttiva dwar Ftehim ta’ Kreditu għall-Konsumatur tkun inammissibbli.

40.      Tassew li wieħed mill-vantaġġi taċ-ċedola għall-kreditur huwa li fl-ewwel stadju tal-proċedura ta’ ordni ta’ ħlas dan jibbenefika minn semplifikazzjoni fl-oneru tal-prova, għax irid jagħti prova biss tal-awtentiċità u tal-validità formali tal-kambjala. Iżda dan ma jwassalx għall-qlib tal-oneru tal-prova fir-rigward tal-issodisfar tal-obbligi ta’ informazzjoni tal-kreditur, li jkun jikkostitwixxi evażjoni fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 22(3) tad-Direttiva dwar Ftehim ta’ Kreditu għall-Konsumatur.

41.      Kif il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat diġà, id-Direttiva dwar Ftehim ta’ Kreditu għall-Konsumatur ma tinkludi l-ebda dispożizzjoni espliċita dwar l-oneru tal-prova fir-rigward tal-issodisfar min-naħa tal-kreditur tal-obbligi ta’ informazzjoni tiegħu skont id-Direttiva (16). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet, mill-Artikolu 22(3), li klawżola kuntrattwali ma tistax twassal sabiex jinqaleb l-oneru tal-prova fir-rigward tal-issodisfar tal-obbligi ta’ informazzjoni tal-kreditur (17).

42.      Jekk fl-ewwel stadju tal-proċedura nazzjonali ma tiġix ivverifikata r-relazzjoni sottostanti, din ma tkunx dispożizzjoni dwar it-tqassim tal-oneru tal-prova iżda sempliċement limitazzjoni tal-materjal proċedurali. Min-naħa l-oħra, fl-ewwel stadju l-kreditur huwa obbligat, mingħajr restrizzjonijiet, jagħti prova dwar l-awtentiċità u l-validità formali tal-kambjala.

43.      Ladarba, permezz tal-oppożizzjoni tiegħu kontra l-ordni ta’ ħlas, il-konsumatur jagħti bidu għat-tieni stadju tal-proċedura, tiġi inkluża fil-materjal proċedurali anki r-relazzjoni sottostanti. Minn dan il-mument il-kreditur iġorr l-oneru tal-prova li huwa jkun issodisfa l-obbligi ta’ informazzjoni tiegħu.

44.      Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni tad-dritt Pollakk ma twassalx sabiex jinqaleb l-oneru tal-prova. B’hekk, il-klawżola tal-kuntratt ta’ self li tobbliga lil M. Wawrzosek joħroġ iċ-ċedola ma tikkostitwixxix arranġament kuntrattwali li jikser il-projbizzjoni ta’ evażjoni stabbilita fl-Artikolu 22(3) tad-Direttiva dwar Ftehim ta’ Kreditu għall-Konsumatur.

45.      Barra minn hekk, għandu jiġi miċħud ukoll l-argument tal-Kummissjoni fejn issostni li ċedola miftiehma tikkostitwixxi evażjoni tad-Direttiva dwar Ftehim ta’ Kreditu għall-Konsumatur peress li minħabba f’hekk allegatament jeżisti r-riskju li l-konformità tal-kreditur mal-obbligi ta’ informazzjoni ma tiġix suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju. Dan għaliex din il-fehma prattikament tkun twassal għall-inammissibbiltà taċ-ċedola bħala mezz ta’ garanzija fi ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur. Iżda dan ikun jippreġudika r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni, li jħalli fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri jekk jippermettux dan l-istrument bħala mezz ta’ garanzija għal ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur (18).

 Fuq il-kwistjoni ta’ ksur tal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva dwar Ftehim ta’ Kreditu għall-Konsumatur

46.      Barra minn hekk, it-talba għal deċiżjoni preliminari tqajjem il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva dwar Ftehim ta’ Kreditu għall-Konsumatur jipprekludix l-eżekuzzjoni ta’ kambjala maħruġa għall-garanzija tal-kreditu skont id-dritt Pollakk.

47.      Madankollu, l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva dwar Ftehim ta’ Kreditu għall-Konsumatur jikkonċerna sitwazzjoni fejn terz, li huwa differenti mill-partijiet inizjali tal-ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur, isir id-detentur tal-intitolamenti fil-konfront tal-konsumatur. Però M. Wawrzosek ikkonkluda l-kuntratt ta’ self inizjali mar-rikorrenti. B’hekk, il-benefiċjarju tal-kambjala huwa identiku mal-persuna li ssellef. Il-bank la ċeda d-drittijiet tiegħu taħt il-kuntratt ta’ self lil parti terza u lanqas ma saret ġira tal-kambjala. Konsegwentement, l-Artikolu 17(1) ma huwiex rilevanti biex tiġi deċiża l-kawża prinċipali u l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex għalfejn tindirizza din id-dispożizzjoni.

48.      B’mod supplimentari biss ninnota li l-Artikolu 41 tal-UKK jipprevedi li l-kambjala li tinħareġ minn konsumatur bħala garanzija għall-intitolament tal-kreditur imnissel minn ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur bilfors trid tinkludi klawżola li tipprevjeni t-trasferiment permezz ta’ ġira tal-kambjala. Jekk il-kreditur jaċċetta kambjala tal-konsumatur li ma fihiex din il-klawżola, u din il-kambjala tispiċċa għand terz – filwaqt li huwa irrilevanti jekk dan iseħħx bir-rieda jew kontra r-rieda tal-kreditur – il-kreditur irid jagħmel tajjeb għad-dannu li jkun ġarrab il-konsumatur minħabba din il-ġira.

 Konklużjoni provviżorja

49.      Għaldaqstant jista’ jiġi konkluż li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar Ftehim ta’ Kreditu għall-Konsumatur ma jipprekludux leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni hawnhekk.

C.      Fuq id-Direttiva dwar il-Klawżoli Inġusti

 Prinċipji bażiċi tad-Direttiva dwar il-Klawżoli Inġusti

50.      L-iskop tad-Direttiva dwar il-Klawżoli Inġusti huwa li jiġi evitat l-użu ta’ klawżoli inġusti fi ftehim konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumaturi.

51.      L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-Klawżoli Inġusti jipprevedi li l-klawżoli inġusti inklużi fi ftehim li bejjiegħ jew fornitur jikkonkludi ma’ konsumatur ma jorbtux lill-konsumatur. L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva jistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interess tal-konsumaturi u l-kompetituri kummerċjali, ikunu jeżistu mezzi adegwati u effettivi li jipprevjenu li bejjiegħ jew fornitur juża klawżoli inġusti fi ftehim konkluż ma’ konsumatur.

52.      Din is-sistema hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’pożizzjoni ta’ negozjar iktar dgħajfa meta mqabbel mal-bejjiegħ jew fornitur u li għandu inqas informazzjoni disponibbli u li b’hekk jaqbel mal-kundizzjonijiet ifformulati minn qabel tal-bejjiegħ jew fornitur mingħajr ma jkun jista’ jinfluwenza l-kontenut tagħhom (19).

53.      Konsegwentement, id-dritt nazzjonali jrid jiggarantixxi lill-konsumatur protezzjoni ġudizzjarja effettiva, filwaqt li tiġi offruta lilu l-possibbiltà li jattakka fil-qrati l-ftehim kontenzjuż, u dan taħt kundizzjonijiet proċedurali raġonevoli tali li l-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu ma jkunx suġġett għal kundizzjonijiet, b’mod partikolari ta’ dewmien jew ta’ spejjeż li jirrendu eċċessivament diffiċli jew fil-prattika impossibbli l-eżerċizzju tad-drittijiet iggarantiti mid-Direttiva dwar il-Klawżoli Inġusti (20).

54.      Il-Qorti tal-Ġustizzja repetutament stabbilixxiet li minħabba n-nuqqas ta’ uniformità fil-proċedura ċivili, skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, huwa l-ordinament ġuridiku nazzjonali illi għandu jirregola l-infurzar tad-drittijiet ċivili. F’dan ir-rigward għandhom jiżguraw li d-dispożizzjonijiet nazzjonali ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt nazzjonali (prinċipju ta’ ekwivalenza), u li ma jirrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (21).

55.      Peress li fil-każ ineżami ma jeżistux indikazzjonijiet li jistgħu jqajmu dubji dwar il-kompatibbiltà mal-prinċipju ta’ ekwivalenza għandu jiġi eżaminat biss jekk il-leġiżlazzjoni Pollakka tiksirx il-prinċipju ta’ effettività. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, f’dan ir-rigward għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tal-proċedura u d-dettalji tal-proċedura rispettiva (22).

56.      Skont il-ġurisprudenza stabbilita – inter alia dwar il-proċedura għal ordni ta’ ħlas – il-prinċipju ta’ effettività jitlob li l-qorti nazzjonali ex officio tevalwa n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, meta jkollha għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ liġi u ta’ fatt neċessarji għal dan il-għan (23).

 L-applikazzjoni għall-infurzar ta’ ċedola skont id-dritt Pollakk

57.      Skont dan il-kriterju, il-leġiżlazzjoni Pollakka hija kompatibbli mal-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva dwar il-Klawżoli Inġusti. Dan għaliex fl-ewwel stadju tal-proċedura ta’ ordni ta’ ħlas il-qorti jkollha tivverifika biss l-awtentiċità u l-validità formali tal-kambjala. Il-kuntratt ta’ self li fuqu hija bbażata l-kambjala ma jiġix ippreżentat lill-qorti. Għaldaqstant, din ma tkunx fil-pussess tal-punti ta’ liġi u ta’ fatt li huma meħtieġa sabiex tivverifika jekk il-kuntratt ta’ self jinkludix klawżola inġusta.

58.      Min-naħa l-oħra, fit-tieni stadju tal-proċedura, li għaliha jingħata bidu permezz tal-oppożizzjoni tal-konsumatur kontra l-ordni ta’ ħlas, il-qorti tivverifika l-oġġezzjonijiet li jirriżultaw mir-relazzjoni sottostanti. Huwa biss f’din il-parti tal-proċedura li l-qorti jkollha l-punti ta’ liġi u ta’ fatt meħtieġa għal dan il-għan, peress li skont l-Artikolu 493 § 1 tal-KPC din tingħata l-fatti u l-provi meħtieġa għall-eżami tan-natura inġusta tal-kuntratt ta’ self.

59.      Nixtieq nirrimarka li d-dritt proċedurali Pollakk jitlob rekwiżiti ogħla fl-ewwel stadju tal-proċedura għall-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas milli huma meħtieġa skont ir-Regolament 1896/2006 dwar il-proċedura Ewropea ta’ ordni għal ħlas (24), għall-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea li tista’ tintuża għall-infurzar ta’ talbiet fil-konfront tal-konsumaturi. Dan għaliex skont id-dritt Pollakk l-applikant irid jippreżenta ċ-ċertifikat tal-kambjala u b’hekk prova fl-ewwel stadju tal-proċedura. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 7(2)(e) tar-Regolament 1896/2006, il-prova għall-pretensjoni invokata trid tiġi deskritta biss u ma għandhiex għalfejn tiġi ppreżentata lill-qorti.

 Demarkazzjoni mill-ġurisprudenza eżistenti dwar l-inkompatibbiltà mad-Direttiva dwar il-Klawżoli Inġusti

60.      Is-sitwazzjoni sottostanti għall-kawża prinċipali tiddistingwi ruħha minn dik f’kawżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat l-inkompatibbiltà mad-Direttiva dwar il-Klawżoli Inġusti. Fil-kawża Banco Español de Crédito, il-qorti nazzjonali kienet ilha fil-pussess tal-punti ta’ liġi u ta’ fatt li kienu meħtieġa sabiex tiġi eżaminata n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali sa mill-bidu tal-proċedura għal ordni ta’ ħlas. Madankollu, minħabba dispożizzjoni tad-dritt proċedurali nazzjonali din kienet imfixkla milli tivverifika ex officio n-natura inġusta tal-klawżola, b’konsegwenza li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat din id-dispożizzjoni bħala inkompatibbli mad-Direttiva dwar il-Klawżoli Inġusti (25). Fil-kawża Finanmadrid EFC kemm il-proċedura għal ordni ta’ ħlas kif ukoll il-proċedura ta’ eżekuzzjoni sussegwenti spiċċaw mingħajr ma kienet ġiet ivverifikata ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola tal-ftehim li kellu jiġi infurzat fil-proċedura, minkejja li kemm is-Secretario Judicial adit bil-proċedura għal ordni ta’ ħlas kif ukoll il-qorti invokata fil-proċedura ta’ eżekuzzjoni kellhom quddiemhom il-materjal legali u fattwali neċessarju għall-verifika tan-natura inġusta (26).

61.      Il-leġiżlazzjoni rilevanti fil-kawża prinċipali lanqas ma tikkontradixxi l-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Aziz. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li sa fejn ikun hemm it-theddida jew diġà jkunu ttieħdu miżuri ta’ eżekuzzjoni għat-tkeċċija sfurzata tal-konsumatur u tal-familja tiegħu mill-akkomodazzjoni li sservi bħala r-residenza prinċipali tagħhom, il-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi dwar in-natura inġusta ta’ klawżola ta’ kuntratt mal-konsumatur irid ikollha s-setgħa li tieħu miżuri preliminari sabiex tiġi evitata jew sospiża proċedura ta’ eżekuzzjoni inammissibbli ta’ proprjetà immobbli sabiex tiggarantixxi l-effettività sħiħa tal-protezzjoni mixtieqa bid-Direttiva dwar il-Klawżoli Inġusti (27). Li konsumatur sempliċement jingħata dritt għal kumpens tad-danni li jkun ġarrab minħabba miżuri ta’ eżekuzzjoni għat-tkeċċija sfurzata mill-akkomodazzjoni ma jissodisfax il-livell ta’ protezzjoni mitlub mid-Direttiva dwar il-Klawżoli Inġusti (28).

62.      L-ewwel nett għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet dawn il-prinċipji għall-protezzjoni ġudizzjarja kontra miżuri ta’ eżekuzzjoni fir-rigward ta’ proprjetà immobbli li sservi bħala d-dar tal-konsumatur. Kif speċifikat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Kušionová, huwa partikolarment id-dritt għar-rispett tal-akkomodazzjoni, li huwa protett fl-Artikolu 8(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u fl-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jissuġġerixxi l-inkompatibbiltà mad-Direttiva dwar il-Klawżoli Inġusti (29). Min-naħa l-oħra, il-proċedura għall-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas abbażi ta’ ċedola hija sostanzjalment inqas sensittiva.

63.      Huwa minnu wkoll li skont id-dritt Pollakk l-ordni ta’ ħlas tikkostitwixxi titolu ta’ garanzija infurzabbli mingħajr l-inklużjoni ta’ ordni ta’ infurzar. Iżda t-tieni sentenza tal-Artikolu 492 § 3 tal-KPC tipprevedi li fuq talba l-qorti tista’ tissospendi l-infurzar wara li titressaq oppożizzjoni. Allura, din tista’ tieħu miżuri għall-prevenzjoni jew għas-sospensjoni ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni inammissibbli, b’tali mod li l-konsumatur ma jkunx limitat għal kawża għall-kumpens għad-danni.

64.      B’mod supplimentari biss ninnota li skont l-Artikolu 23 tar-Regolament 1896/2006 l-eżekuzzjoni abbażi ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea tista’ tiġi sospiża jew ristretta biss wara li ssir talba mill-konvenut. F’dan ir-rigward il-leġiżlazzjoni Pollakka ma tistabbilixxix rekwiżiti ogħla mill-proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea.

65.      Kif jargumenta fl-aħħar mill-aħħar il-Gvern Pollakk, it-tressiq ta’ oppożizzjoni jipprevjeni li l-ordni ta’ ħlas issir definittiva. Fil-kawża Finanmadrid EFC il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jkun inkompatibbli mad-Direttiva dwar il-Klawżoli Inġusti jekk in-natura definittiva ta’ deċiżjoni tagħmilha impossibbli għall-konsumatur li jikkontesta n-natura inġusta ta’ klawżola tal-kuntratt ta’ self fil-kuntest ta’ rikors tal-bejjiegħ jew fornitur li jirriżulta mill-kuntratt ta’ self (30). Skont id-dritt proċedurali nazzjonali, jekk il-konsumatur iressaq oppożizzjoni dan ikun qiegħed jevita li l-ordni ta’ ħlas issir definittiva. Barra minn hekk, fit-tieni stadju tal-proċedura dan jista’ jinvoka n-natura inġusta ta’ klawżola tal-kuntratt ta’ self. Jekk il-konsumatur iressaq oppożizzjoni ma jkunx jeżisti kunflitt mal-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Finanmadrid EFC.

66.      Anki jekk il-konsumatur ma jressaqx oppożizzjoni u l-ordni ta’ ħlas issir definittiva, il-prinċipji stabbiliti fil-kawża Finanmadrid EFC xorta waħda ma jistgħux jiġu applikati. Peress li l-bażi għall-ħruġ tal-ordni ta’ ħlas kienet biss iċ-ċedola, awtorità ta’ res judicata tal-ordni ta’ ħlas tkopri biss l-obbligazzjoni minn kambjala, iżda mhux il-kuntratt ta’ self.

67.      B’hekk is-sitwazzjoni sottostanti għall-kawża prinċipali tiddistingwi ruħha minn dik fil-kawża Finanmadrid EFC. Infatti, kif jissostanzja l-Gvern Pollakk, fi proċess sussegwenti mal-bejjiegħ jew fornitur il-konsumatur għadu jista’ jinvoka n-natura inġusta ta’ klawżola tal-kuntratt ta’ self li l-qorti nazzjonali għandha teżamina ex officio.

68.      Jekk il-bejjiegħ jew fornitur ikun eżegwixxa l-infurzar abbażi tal-ordni ta’ ħlas, il-konsumatur jista’, partikolarment skont il-prinċipji tal-arrikkiment indebitu jew tal-kumpens għad-danni, jitlob lura mingħand il-bejjiegħ jew fornitur dak li tal-aħħar ikun akkwista permezz tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni. Il-konsumatur imbagħad jista’ jiġġustifika l-kawża tiegħu ta’ arrikkiment jew għall-kumpens għad-danni bl-argument li l-kuntratt ta’ self jinkludi klawżola inġusta. L-awtorità ta’ res judicata tal-ordni ta’ ħlas ma tipprekludix tali rikors tal-konsumatur għax ma tkoprix l-oġġezzjonijiet dwar il-kuntratt ta’ self.

69.      Huwa minnu li fil-kawża Aziz il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fir-rigward ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni li jinvolvu t-tkeċċija sfurzata mill-akkomodazzjoni li huwa inkompatibbli mad-Direttiva dwar il-Klawżoli Inġusti li l-konsumatur sempliċement jingħata dritt għal kumpens tad-danni li jkun ġarrab minħabba t-tkeċċija sfurzata mill-akkomodazzjoni (31). Madankollu, kif diġà semmejt, dik id-deċiżjoni kienet ikkaratterizzata mill-fatt li l-miżura ta’ eżekuzzjoni kienet ser twassal għat-telf tal-akkomodazzjoni għall-konsumatur u familtu (32).

70.      Iżda t-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-qorti tar-rinviju ma fihiex indikazzjoni li fil-kawża prinċipali hemm it-theddida li M. Wawrzosek ser jitkeċċa minn daru jew ta’ xi żvantaġġ komparabbli.

71.      B’hekk ikun kompatibbli mad-Direttiva dwar il-Klawżoli Inġusti jekk il-konsumatur ikun jista’ jevita d-dħul fis-seħħ tal-awtorità ta’ res judicata tal-ordni ta’ ħlas billi jressaq oppożizzjoni u, apparti minn hekk, ikun jista’ jinvoka n-natura inġusta tal-kuntratt ta’ self fil-kuntest ta’ kawża ta’ arrikkiment jew għall-kumpens għad-danni.

 Fuq is-sinjifikat tal-oppożizzjoni kontra l-ordni ta’ ħlas

72.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti joħroġ biċ-ċar li l-oppożizzjoni tal-konsumatur kontra l-ordni ta’ ħlas għandha sinjifikat ċentrali sabiex il-protezzjoni tal-konsumaturi skont id-Direttiva dwar il-Klawżoli Inġusti ssir effettiva fil-prattika. Huwa fl-ambitu ta’ dak li huwa raġonevoli li l-konsumatur jieħu dan il-pass sabiex jinvoka id-drittijiet tiegħu.

73.      Tassew li d-Direttiva dwar il-Klawżoli Inġusti timponi, fit-tilwim li jinvolvi bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, intervent pożittiv, indipendenti mill-partijiet kontraenti, min-naħa tal-qorti nazzjonali adita b’tali tilwim (33). Fl-istess waqt, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat kemm-il darba li l-osservanza tal-prinċipju ta’ effettività ma tistax tasal sabiex tirrimedja għalkollox il-passività totali tal-konsumatur ikkonċernat (34). Għaldaqstant ma huwiex ta’ detriment li l-konsumatur irid iressaq oppożizzjoni kontra l-ordni ta’ ħlas sabiex jingħata bidu għat-tieni stadju tal-proċedura, fejn il-qorti tivverifika ex officio n-natura inġusta tal-klawżola.

74.      Dan joħroġ partikolarment biċ-ċar mill-fatt li l-leġiżlatur Ewropew stabbilixxa rekwiżiti simili fil-leġiżlazzjoni tal-proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea. Dan għaliex prinċipalment il-konvenut irid iressaq oppożizzjoni kontra l-ordni ta’ ħlas Ewropea sabiex il-fondatezza tal-intitolament invokat tiġi eżaminata fi proċedura ġudizzjarja skont l-Artikolu 17 tar-Regolament 1896/2006.

75.      Madankollu, il-Kummissjoni tirrimarka li skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 493 § 1 tal-KPC, il-konsumatur irid jippreżenta l-ilmenti tiegħu flimkien ma’ fatti u provi meta jressaq l-oppożizzjoni. Barra minn hekk għandu jġarrab l-ispejjeż tal-qorti.

76.      Madankollu, għall-kuntrarju tal-fehma tal-Kummissjoni, dan il-fatt ma jwassalx sabiex il-proċedura ta’ ordni ta’ ħlas abbażi ta’ kambjala inkwantu tali tkun inkompatibbli mad-Direttiva dwar il-Klawżoli Inġusti. Dan għaliex tali interpretazzjoni tad-Direttiva l-ewwel nett tkun tikkontradixxi r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni, li fir-rigward tal-użu taċ-ċedola bħala mezz ta’ garanzija f’każ ta’ ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur ħalla lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni (35). It-tieni nett din tkun tindaħal wisq fl-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri.

77.      Madankollu, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-arranġament ġenerali, l-iżvolġiment u d-dettalji tal-proċedura ma jistgħux iwasslu sabiex jinħoloq riskju li ma għandux jiġi injorat li l-konsumatur ma jippreżentax ir-rimedju ġudizzjarju meħtieġ (36).

78.      B’hekk il-Kummissjoni bir-raġun tikkritika li skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 493 § 1 tal-KPC, il-konsumatur irid jippreżenta l-ilmenti kollha flimkien ma’ fatti u provi diġà meta jressaq l-oppożizzjoni. Fis-seduta kien hemm nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet dwar jekk id-dritt proċedurali Pollakk jippermettix li l-qorti twettaq verifika tal-kuntratt ta’ self sottostanti fit-tieni stadju tal-proċedura ta’ ordni ta’ ħlas biss jekk il-konsumatur jippreżenta dan l-ilment meta jressaq l-oppożizzjoni filwaqt li jipprovdi l-fatti u l-provi meħtieġa. Iżda skont ġurisprudenza stabbilita, il-qorti nazzjonali trid teżamina n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali ex officio. Allura limitazzjoni tal-portata ta’ eżami għall-ilmenti ppreżentati mill-konsumatur hija inkompatibbli mad-Direttiva dwar il-Klawżoli Inġusti. Huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tiżgura, permezz ta’ interpretazzjoni korrispondenti mad-Direttiva, li d-dritt proċedurali nazzjonali ma jinkludix tali limitazzjoni, jew inkella li din ma tiġix applikata jekk ma tkunx possibbli interpretazzjoni konformi.

79.      F’dan ir-rigward għandha tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-kritika tal-Kummissjoni li t-terminu ta’ ġimagħtejn biex titressaq oppożizzjoni jwassal għal perikolu li ma għandux jiġi injorat li l-konsumatur ma jippreżentax ir-rimedju ġudizzjarju meħtieġ. Fid-dawl tal-fatti u l-provi li l-konsumatur irid jipprovdi fi ħdan dan it-terminu, dan l-argument jidher iġġustifikat. Madankollu terminu ta’ ġimagħtejn fl-istess waqt lanqas ma huwa wisq qasir jekk il-konsumatur irid biss isir attiv f’dan it-terminu. Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni Pollakka li tipprovdi li l-konsumatur irid iressaq l-oppożizzjoni fi żmien ġimagħtejn wara li jirċievi l-ordni ta’ ħlas hija kompatibbli mal-prinċipju ta’ effettività biss jekk fi ħdan dan it-terminu ma jkollux għalfejn jissottometti l-fatti u l-provi li fuqhom huwa bbażat l-eżami tan-natura inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt ta’ self.

80.      Finalment, l-ilment tal-Kummissjoni li l-ispejjeż tal-qorti miġbura huma ta’ żvantaġġ għall-konsumatur huwa ġġustifikat. L-Artikolu 19 § 4 tal-Ustawa o kosztach sądowych w sprawach cywilnych (il-Liġi dwar l-Ispejjeż tal-Qorti f’Materji Ċivili) jipprevedi li mat-tressiq tal-oppożizzjoni l-konsumatur irid iħallas tliet kwarti tal-miżati tal-qorti previsti mil-liġi. Min-naħa l-oħra l-applikant irid iħallas biss kwart tal-miżati tal-qorti meta jitlob li tinħareġ ordni ta’ ħlas. Allura, il-konsumatur ikollu jħallas miżata tliet darbiet iktar għolja meta jressaq oppożizzjoni kontra ordni ta’ ħlas sabiex jinvoka d-drittijiet tiegħu dderivati mid-Direttiva dwar il-Klawżoli Inġusti. Nassumi li huma kkonċernati depożiti fuq l-ispejjeż tal-proċeduri u li wara l-konklużjoni tal-proċedura biss jiġi deċiż definittivament dwar id-distribuzzjoni tal-istess spejjeż. Madankollu, il-ġbir ta’ tali depożitu fuq l-ispejjeż tal-proċeduri diġà jista’ jkun biżżejjed biex iżomm konsumatur milli jressaq oppożizzjoni. Naturalment, dan wisq iktar ikun ta’ żvantaġġ għall-konsumatur jekk, fi kwalunkwe każ u indipendentement mill-eżitu tal-proċedura, ikollu jħallas miżata tliet darbiet ogħla.

81.      Meta kkunsidrati waħedhom, dawn it-tliet prerekwiżiti previsti fid-dritt Pollakk huma biżżejjed sabiex jirrendu eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lill-konsumatur permezz tad-Direttiva dwar il-Klawżoli Inġusti, u għalhekk jiksru l-prinċipju ta’ effettività.

 Konklużjoni provviżorja

82.      Għaldaqstant jista’ jiġi kkonstatat li proċedura bħal dik Pollakka hija inkompatibbli mad-Direttiva dwar il-Klawżoli Inġusti sa fejn tirrendi eċċessivament diffiċli għall-konsumatur li jressaq oppożizzjoni kontra l-ordni ta’ ħlas maħruġa abbażi taċ-ċedola billi tawtorizza lill-qorti twettaq eżami tan-natura inġusta biss jekk il-konsumatur jippreżenta lment korrispondenti, billi titlob is-sottomissjoni mill-konsumatur tal-fatti u l-provi sa mhux iktar tard minn ġimagħtejn wara n-notifika tal-ordni ta’ ħlas sabiex il-qorti tkun tista’ twettaq dan l-eżami, u billi tqiegħed il-konsumatur fi żvantaġġ fil-ħlas tal-ispejjeż tal-qorti.

VI.    Konklużjoni

83.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mis-Sąd Rejonowy w Siemianowicach Śląskich (il-Qorti Distrettwali ta’ Siemianowice Śląskie, il-Polonja) kif ġej:

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-Klawżoli Inġusti għandhom jiġu interpretati b’tali mod li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn din tipprovdi li tinħareġ ordni ta’ ħlas abbażi ta’ ċedola formalment valida li tiggarantixxi intitolamenti ta’ bejjiegħ jew fornitur imnissel minn kuntratt ta’ self fil-konfront ta’ konsumatur, mingħajr eżami tan-natura inġusta tal-klawżoli ta’ dan il-kuntratt ta’ self u tirrendi eċċessivament diffiċli għall-konsumatur li jressaq oppożizzjoni kontra l-ordni ta’ ħlas, billi tawtorizza lill-qorti twettaq eżami tan-natura inġusta biss jekk il-konsumatur iressaq ilment, titlob mill-konsumatur li jissottometti fi żmien ġimagħtejn min-notifika tal-ordni ta’ ħlas il-fatti u l-provi li jippermettu dan l-eżami mill-qorti, u tqiegħed lill-konsumatur fi żvantaġġ fir-rigward tal-ħlas tal-ispejjeż tal-qorti.


1      Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2      Ara b’mod partikolari s-sentenzi tad‑9 ta’ Novembru 2010, VB Pénzügyi Lízing (C‑137/08, EU:C:2010:659, punt 49), tal‑14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 42) u tal‑21 ta’ April 2016, Radlinger u Radlingerová (C‑377/14, EU:C:2016:283, punt 52).


3      Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).


4      Ara Coing, H., Europäisches Privatrecht I, München, 1985, p. 543.


5      Coing, H., Europäisches Privatrecht II, München, 1989, p. 570.


6      Bergfeld, Ch., “Preußen und das Allgemeine Deutsche Handelsgesetzbuch”, Ius Commune XIV, 1987, p. 105 u 106.


7      Fosthom il-Belġju, il-Bulgarija, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Latvja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, is-Slovakkja, is-Slovenja, l-Isvezja, ir-Repubblika Ċeka u r-Renju Unit.


8      Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU 2008, L 133, p. 66).


9      Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 25).


10      Il-punt (n) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(1).


11      L-Artikolu 10(2)(o).


12      L-Artikolu 10 tad-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE tat‑22 ta’ Diċembru 1986 għall-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar il-kreditu lill-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 326).


13      L-Artikolu 18 tal-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar il-kreditu għall-konsumaturi, COM(2002) 443 finali (ĠU 2002 C 331E, p. 200). COM(2004) 747 finali ma wasslet għal ebda emenda essenzjali.


14      Ara l-punt 33 iktar ’il fuq.


15      Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2012, SC Volksbank România (C‑602/10, EU:C:2012:443, punt 38) u d-digriet tat‑12 ta’ Ottubru 2016, Horžić u Pušić (C‑511/15 u C‑512/15, EU:C:2016:787, punt 26).


16      Sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, CA Consumer Finance (C‑449/13, EU:C:2014:2464, punt 22).


17      Sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, CA Consumer Finance (C‑449/13, EU:C:2014:2464, punti 30u 31).


18      Ara l-punt 35 iktar ’il fuq.


19      Sentenzi tas‑7 ta’ Diċembru 2017, Banco Santander (C‑598/15, EU:C:2017:945, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata), tal‑14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 39) u tas‑27 ta’ Ġunju 2000, Océano Grupo Editorial u Salvat Editores (C‑240/98 sa C‑244/98, EU:C:2000:346, punt 25).


20      Sentenzi tas‑7 ta’ Diċembru 2017, Banco Santander (C‑598/15, EU:C:2017:945, punt 38) u tal‑1 ta’ Ottubru 2015, ERSTE Bank Hungary (C‑32/14, EU:C:2015:637, punt 59).


21      Sentenzi tas‑7 ta’ Diċembru 2017, Banco Santander (C‑598/15, EU:C:2017:945, punt 38), tat‑18 ta’ Frar 2016, Finanmadrid EFC (C‑49/14, EU:C:2016:98, punt 40), u tal‑14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 46).


22      Sentenzi tat‑18 ta’ Frar 2016, Finanmadrid EFC (C‑49/14, EU:C:2016:98, punt 43), u tal‑14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 49).


23      Sentenzi tat‑18 ta’ Frar 2016, Finanmadrid EFC (C‑49/14, EU:C:2016:98, punt 36), tal‑14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 57) u tal‑4 ta’ Ġunju 2009, Pannon GSM (C‑243/08, EU:C:2009:350, punt 35).


24      Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea (ĠU 2006, L 399, p. 1).


25      Sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349, punti 52 u 53).


26      Sentenza tat‑18 ta’ Frar 2016, Finanmadrid EFC (C‑49/14, EU:C:2016:98, punti 45, 46 u 50).


27      Sentenzi tas‑7 ta’ Diċembru 2017, Banco Santander (C‑598/15, EU:C:2017:945, punt 49), tal‑10 ta’ Settembru 2014, Kušionová (C‑34/13, EU:C:2014:2189, punt 66), u tal‑14 ta’ Marzu 2013, Aziz (C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 59).


28      Sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2013, Aziz (C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 60).


29      Sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2014, Kušionová (C‑34/13, EU:C:2014:2189, punti 64 u 65).


30      Sentenza tat‑18 ta’ Frar 2016, Finanmadrid EFC (C‑49/14, EU:C:2016:98, punti 47 u 51); ara wkoll id-digriet tal‑21 ta’ Ġunju 2016, Aktiv Kapital Portfolio (C‑122/14, mhux ippubblikat, EU:C:2016:486, punti 29 u 36).


31      Sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2013, Aziz (C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 60).


32      Sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2013, Aziz (C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 61).


33      Sentenzi tal‑14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 41) u tas‑27 ta’ Ġunju 2000, Océano Grupo Editorial u Salvat Editores (C‑240/98 sa C‑244/98, EU:C:2000:346, punt 27).


34      Sentenzi tal‑1 ta’ Ottubru 2015, ERSTE Bank Hungary (C‑32/14, EU:C:2015:637, punt 62), tal‑10 ta’ Settembru 2014, Kušionová (C‑34/13, EU:C:2014:2189, punt 56) u tas‑6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones (C‑40/08, EU:C:2009:615, punt 47); ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Finanmadrid EFC (C‑49/14, EU:C:2015:746, punt 43) u l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Aziz (C‑415/11, EU:C:2012:700, punt 55).


35      Ara l-punt 34 iktar ’il fuq.


36      Sentenzi tat‑18 ta’ Frar 2016, Finanmadrid EFC (C‑49/14, EU:C:2016:98, punt 52), tal‑14 ta’ Marzu 2013, Aziz (C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 58), u tal‑14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 54).