Language of document : ECLI:EU:T:2018:71

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

7 ta’ Frar 2018 (*)

“Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Dikjarazzjonijiet UE‑Turkija tat‑8 u tat‑18 ta’ Marzu 2016 – Implimentazzjoni mill-Unjoni Ewropea jew mill-Istati Membri tal-miżuri previsti – Dokumenti mfassla jew irċevuti mis-Servizz Ġuridiku ta’ istituzzjoni – Pariri legali – Analiżijiet li jirrigwardaw il-legalità tal-miżuri previsti fil-kuntest tal-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni UE‑Turkija tat‑18 ta’ Marzu 2016 – Rifjut ta’ aċċess – Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interess pubbliku fir-rigward tar-relazzjonijiet internazzjonali – It-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-pariri legali”

Fil-Kawża T‑852/16,

Access Info Europe, stabbilita f’Madrid (Spanja), irrappreżentata minn O. Brouwer, E. Raedts u J. Wolfhagen, avukati,

rikorrenti,

vs

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Buchet u M. Konstantinidis, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 6030 final tad‑19 ta’ Settembru 2016 li tikkonferma r-rifjut tagħha li tagħti aċċess lir-rikorrenti għal dokumenti li joriġinaw mis-Servizz Ġuridiku ta’ din l-istituzzjoni u li allegatament jirrigwardaw il-legalità tal-miżuri adottati mill-Unjoni Ewropea u mill-Istati Membri tagħha bil-għan li jiġu implimentati l-azzjonijiet deskritti fid-Dikjarazzjoni tal-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-Unjoni Ewropea tat‑18 ta’ Marzu 2016, adottata wara l-laqgħa tagħhom fl-istess jum mal-Prim Ministru Tork,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn I. Pelikánová, President, P. Nihoul u J. Svenningsen (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,

wara l-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat-8 ta’ Novembru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 Fuq id-Dikjarazzjonijiet UETurkija

1        Fil-15 ta’ Ottubru 2015, ir-Repubblika tat-Turkija u l-Unjoni Ewropea ftiehmu dwar pjan ta’ azzjoni konġunt intitolat “EU‑Turkey joint action plan” (iktar ’il quddiem il-“pjan ta’ azzjoni konġunt”) intiż li jsaħħaħ il-kooperazzjoni tagħhom, fir-rigward tas-sostenn taċ-ċittadini Sirjani li jgawdu minn protezzjoni internazzjonali temporanja u fir-rigward tal-ġestjoni tal-migrazzjoni, sabiex tiġi indirizzata l-kriżi li nħolqot minħabba s-sitwazzjoni fis-Sirja.

2        Il-pjan ta’ azzjoni konġunt kien jaspira li jindirizza s-sitwazzjoni ta’ kriżi fis-Sirja bi tliet modi, jiġifieri, l-ewwel nett, billi jittratta mill-għerq ir-raġunijiet li jwasslu għal eżodu enormi ta’ Sirjani, it-tieni nett, billi jingħata sostenn lis-Sirjani li jgawdu minn protezzjoni internazzjonali temporanja u lill-komunitajiet ta’ akkoljenza tagħhom fit-Turkija u, it-tielet nett, billi tissaħħaħ il-kooperazzjoni fil-qasam ta’ prevenzjoni tal-flussi ta’ migrazzjoni illegali diretta lejn l-Unjoni.

3        Fid-29 ta’ Novembru 2015, il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-Istati Membri tal-Unjoni ltaqgħu mal-kontroparti Torka tagħhom. Fi tmiem din il-laqgħa, huma ddeċidew li jattivaw il-pjan ta’ azzjoni konġunt u, b’mod partikolari, li jintensifikaw il-kooperazzjoni attiva tagħhom fir-rigward tal-migranti li ma kellhomx bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali, billi dawn jiġu preklużi milli jidħlu fit-Turkija u fl-Unjoni, billi tiġi żgurata l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet bilaterali li kienu ġew stabbiliti fil-qasam ta’ riammissjoni u billi l-migranti li ma kellhomx bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali jintbagħtu lura fil-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom mingħajr dewmien.

4        Fit-8 ta’ Marzu 2016, dikjarazzjoni tal-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-Unjoni, ippubblikata mid-dipartimenti konġunti tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, indikat li l-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-Unjoni kienu ltaqgħu mal-Prim Ministru Tork fejn iddiskutew ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u r-Repubblika tat-Turkija u li kien sar progress fl-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni konġunt (iktar ’il quddiem id-“Dikjarazzjoni UE‑Turkija tat‑8 ta’ Marzu 2016”). Din il-laqgħa seħħet fis-7 ta’ Marzu 2016.

5        Fit-18 ta’ Marzu 2016, permezz tal-Istqarrija għall-Istampa Nru 144/16, ġiet ippubblikata fuq is-sit internet tal-Kunsill dikjarazzjoni intiża sabiex tagħti rendikont tar-riżultati tat-“tielet laqgħa minn Novembru 2015 ’il hawn iddedikata lill-approfondiment tar-relazzjonijiet bejn it-Turkija u l-UE kif ukoll lill-indirizzar tal-kriżi tal-migrazzjoni” bejn “il-Membri tal-Kunsill Ewropew” u l-“kontroparti Torka tagħhom” (iktar ’il quddiem id-“Dikjarazzjoni UE-Turkija tat-18 ta’ Marzu 2016”). Skont din id-dikjarazzjoni, il-migranti irregolari ġodda kollha li jaqsmu mit-Turkija lejn il-gżejjer Griegi sa mill-20 ta’ Marzu 2016 ser jiġu rritornati lit-Turkija u, għal kull Sirjan li jiġi rritornat lit-Turkija mill-gżejjer Griegi, Sirjan ieħor ser ikun irreinstallat mit-Turkija lejn l-Unjoni b’kont meħud tal-Kriterji ta’ Vulnerabbiltà tan-Nazzjonijiet Uniti.

 Fuq it-talba għal aċċess għad-dokumenti

 Fuq it-talba preċedenti għal aċċess għad-dokumenti

6        Permezz ta’ komunikazzjoni bil-posta elettronika tas-17 ta’ Marzu 2016, ir-rikorrenti, l-assoċjazzjoni Access Info Europe, talbet lid-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Migrazzjoni u Affarijiet Interni” tal-Kummissjoni Ewropea (iktar ’il quddiem id-“DĠ ‘Affarijiet Interni’”), abbażi tal-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), aċċess għad-“dokumenti kollha ġġenerati jew irċevuti mill-Kummissjoni li jinkludu l-pariri legali u/jew analiżijiet tal-legalità [fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni] u tad-dritt internazzjonali tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tat-Turkija dwar ir-riammissjoni ta’ persuni li jirrisjedu mingħajr awtorizzazzjoni (ĠU [2014,] L 134[, p. 3])” kif ukoll għad-“dokumenti kollha ġġenerati jew irċevuti mill-Kummissjoni li jinkludu pariri legali u/jew analiżijiet tal-legalità tal-azzjonijiet meħuda mill-U[njoni] u mill-Istati Membri tagħha fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-azzjonijiet deskritti fid-dikjarazzjoni dwar il-ftehim konkluż mat-Turkija fil-laqgħa tas-7 ta’ Marzu 2016[,] […] dokumenti fformulati kemm qabel ma nżammet din il-laqgħa kif ukoll minn dak iż-żmien ’il quddiem, sal-lum”.

7        Permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Ġunju 2016, id-Direttur Ġenerali tas-Servizz Ġuridiku tal-Kummissjoni (iktar ’il quddiem is-“Servizz Ġuridiku”) irrifjuta l-aċċess għal tmien sensiliet ta’ dokumenti, magħmula minn noti u minn komunikazzjonijiet bil-posta elettronika skambjati bejn is-Servizz Ġuridiku u d-DĠ “Affarijiet Interni” bejn is-7 u l-31 ta’ Marzu 2016, li huwa kien identifika bħala li kienu koperti mit-talba għal aċċess għad-dokumenti marbuta mad-Dikjarazzjoni UE‑Turkija tat-8 ta’ Marzu 2016.

8        Wara li r-rikorrenti ressqet talba konfermattiva abbażi tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-Kummissjoni, permezz tad-Deċiżjoni C(2016) 6029 final tad‑19 ta’ Settembru 2016, ikkonfermat, essenzjalment, id-deċiżjoni tat-3 ta’ Ġunju 2016 li tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti marbuta mad-Dikjarazzjoni UE‑Turkija tat-8 ta’ Marzu 2016 u l-motivi għal dan ir-rifjut kif esposti fid-deċiżjoni tat-3 ta’ Ġunju 2016. Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Novembru 2016, ir-rikorrenti, abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, ippreżentat rikors kontra d-Deċiżjoni C(2016) 6029 final, li ġie rreġistrat bin-numru ta’ riferiment T‑851/16.

 Fuq it-talba għal aċċess għad-dokumenti inkwistjoni f’dan il-każ

9        Permezz ta’ komunikazzjoni bil-posta elettronika tas-26 ta’ April 2016, ir-rikorrenti, abbażi tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1049/2001, talbet lis-Servizz Ġuridiku tal-Kummissjoni l-aċċess għad-“dokumenti kollha ġġenerati jew irċevuti mill-Kummissjoni li jinkludu pariri legali u/jew analiżijiet tal-legalità tal-azzjonijiet meħuda mill-U[njoni] u mill-Istati Membri tagħha fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-azzjonijiet deskritti fid-dikjarazzjoni dwar il-ftehim konkluż [mar-Repubblika tat‑]Turkija fil-laqgħa tat-18 ta’ Marzu 2016[,] […] dokumenti fformulati qabel ma nżammet din il-laqgħa u minn dak iż-żmien ’il quddiem, sal-lum” (iktar ’il quddiem it-“talba għal aċċess”).

10      Permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Ġunju 2016, id-Direttur Ġenerali tas-Servizz Ġuridiku indika lir-rikorrenti li kien identifika tliet sensiliet ta’ dokumenti, jiġifieri total ta’ tmien dokumenti, fosthom seba’ komunikazzjonijiet bil-posta elettronika, li għalihom irrifjuta l-aċċess (iktar ’il quddiem id-“dokumenti kontenzjużi”).

11      Insostenn tar-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti kontenzjużi ġew invokati, l-ewwel nett, preġudizzju għall-protezzjoni tal-pariri legali u tal-proċeduri ġudizzjarji fis-sens tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u, it-tieni nett, preġudizzju għall-proċess deċiżjonali intern tal-Kummissjoni fis-sens tal-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-regolament. It-tielet nett, ġiet invokata l-protezzjoni tar-relazzjonijiet internazzjonali fis-sens tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001 sabiex jiġi ġġustifikat, fi kwalunkwe każ, ir-rifjut li r-rikorrenti tingħata aċċess.

12      Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Lulju 2016, ir-rikorrenti, abbażi tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, ressqet talba konfermattiva sabiex il-Kummissjoni tirrevedi l-pożizzjoni tagħha.

13      Permezz tad-Deċiżjoni C(2016) 6030 final tad‑19 ta’ Settembru 2016 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni, essenzjalment, ikkonfermat id-deċiżjoni inizjali ta’ rifjut ta’ aċċess u l-motivi għal dan ir-rifjut kif esposti fid-deċiżjoni inizjali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat li l-parti tat-talba għal aċċess għad-dokumenti li tirrigwarda dawk miżmuma mid-DĠ “Affarijiet Interni” kienet intbagħtet lil dan tal-aħħar, li, permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Novembru 2016, ta lir-rikorrenti aċċess għal tliet dokumenti fil-pussess tiegħu, iżda rrifjuta l-aċċess għar-raba’ dokument, jiġifieri ittra tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati, billi invoka l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1049/2001.

14      Id-dokumenti kontenzjużi f’dan il-każ huma dawn li ġejjin:

–        sensiela ta’ erba’ komunikazzjonijiet bil-posta elettronika mibgħuta fit-8 ta’ April 2016 mis-Servizz Ġuridiku lid-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Politika Ewropea tal-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir” (iktar ’il quddiem id-“DĠ ‘Tkabbir’”), li jinkludu l-osservazzjonijiet tas-Servizz Ġuridiku dwar ittra, annessa ma’ dawn il-komunikazzjonijiet bil-posta elettronika, li tirrigwarda l-assigurazzjonijiet dwar it-trattament li għandu jingħata mit-Turkija liċ-ċittadini Sirjani u li ġġib ir-referenza Ares(2016) 2655082 (iktar ’il quddiem l-“ewwel dokument kontenzjuż”);

–        komunikazzjoni bil-posta elettronika tal-11 ta’ April 2016 tas-Servizz Ġuridiku mibgħuta bi tweġiba lill-Uffiċċju ta’ F. Timmermans, Viċi President Ewlieni tal-Kummissjoni, kif ukoll lid-DĠ “Affarijiet Interni” u lid-DĠ “Tkabbir” dwar il-kwistjoni tal-Kumitati tal-Appell Griegi, li ġġib ir-referenza Ares(2016)2655468 u li ssegwi mistoqsija magħmula mill-Presidenza Olandiża tal-Unjoni permezz ta’ komunikazzjoni bil-posta elettronika tad-9 ta’ April 2016 (iktar ’il quddiem it-“tieni dokument kontenzjuż”);

–        sensiela ta’ żewġ komunikazzjonijiet bil-posta elettronika, tat-12 ta’ April 2016, tas-Servizz Ġuridiku mibgħuta lid-DĠ “Affarijiet Interni” dwar il-kwistjoni relatata mal-prassi tal-Kumitati tal-Appell Griegi u li ġġib ir-referenza Ares(2016) 2655140 (iktar ’il quddiem it-“tielet dokument kontenzjuż”).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

15      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Novembru 2016, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

16      Fir-replika, ir-rikorrenti talbet lill-Qorti Ġenerali tikkunsidra li titlob lill-konvenuta tipproduċi d-dokumenti kontenzjużi permezz ta’ miżura istruttorja. Konformement mal-Artikolu 88(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni setgħet tieħu pożizzjoni dwar din it-talba fil-kuntest tal-kontroreplika.

17      Peress li r-rikorrenti kienet qiegħda tikkontesta l-legalità ta’ deċiżjoni li tirrifjuta li tagħtiha l-aċċess għal dokumenti skont diversi eċċezzjonijiet fost dawk previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, u dan billi kienet qiegħda tallega li l-eċċezzjonijiet invokati mill-istituzzjoni kkonċernata ma kinux applikabbli għad-dokumenti mitluba, il-Qorti Ġenerali, li f’dan il-każ kienet obbligata tordna l-produzzjoni ta’ dawn id-dokumenti u teżaminahom (sentenza tat-28 ta’ Novembru 2013, Jurašinović vs Il‑Kunsill, C‑576/12 P, EU:C:2013:777, punt 27), permezz ta’ digriet tal-4 ta’ Lulju 2017, ordnat lill-Kummissjoni, abbażi tal-Artikolu 91(c) u tal-Artikolu 92 tar-Regoli tal-Proċedura, tipproduċi d-dokumenti kontenzjużi, filwaqt li speċifikat li, konformement mal-Artikolu 104 tar-Regoli tal-Proċedura, dawn tal-aħħar ma għandhomx jiġu kkomunikati lir-rikorrenti.

18      Wara skambju dupliċi ta’ noti, ingħalqet il-fażi bil-miktub tal-proċedura u l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura.

19      Fit-13 ta’ Lulju 2017, il-Kummissjoni pproduċiet id-dokumenti kontenzjużi.

20      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu waqt is-seduta tat-8 ta’ Novembru 2017, li għaliha din il-kawża ngħaqdet mal-kawża Access Info Europe vs Il‑Kummissjoni, T‑851/16. Fil-kuntest tas-sottomissjonijiet orali tagħha, ir-rikorrenti b’mod partikolari kkonfermat li ma kellhiex l-intenzjoni li tikkontesta l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li hija ma kinitx irċeviet dokumenti mill-Istati Membri li jinkludu pariri legali tat-tip ta’ dawk imfassla mis-Servizz Ġuridiku tagħha.

21      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

22      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

23      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem essenzjalment erba’ motivi, ibbażati, l-ewwel nett, fuq ksur tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001; it-tieni nett, fuq ksur tal-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament; it-tielet nett, fuq ksur tal-ewwel u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tal-imsemmi regolament, u, ir-raba’ nett u sussidjarjament, fuq ksur tal-Artikolu 4(6) ta’ dan l-istess regolament, rispettivament.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001

24      Insostenn tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li, billi rrifjutat l-aċċess għad-dokumenti kontenzjużi għar-raġuni ipotetika li l-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti jippreġudika r-relazzjonijiet internazzjonali, il-Kummissjoni kisret it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza li tirriżulta mill-punt 64 tas-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2014, Il‑Kunsill vs in ’t Veld (C‑350/12 P, EU:C:2014:2039), hija kienet obbligata turi kif l-iżvelar tad-dokumenti kontenzjużi seta’ jippreġudika konkretament u effettivament il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-konfront tar-Repubblika tat-Turkija, ħaġa li ma għamlitx f’dan il-każ.

25      Filwaqt li tafferma li d-dokumenti kontenzjużi kienu jinkludu informazzjoni dwar punti partikolari tad-Dikjarazzjoni UE‑Turkija tat-18 ta’ Marzu 2016 u dwar l-interpretazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ diversi atti tal-Unjoni rilevanti għas-suġġett ta’ din id-dikjarazzjoni, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni ma tistax tiġġustifika rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti kontenzjużi mill-biża’ li l-iżvelar tad-dokumenti kontenzjużi jiżvela opinjonijiet diverġenti fir-rigward tal-għażliet u tal-legalità ta’ ċerti miżuri ta’ implimentazzjoni tal-imsemmija dikjarazzjoni. Barra minn hekk, hija tafferma li d-dokumenti kontenzjużi kellhom neċessarjament jinkludu analiżijiet dwar il-kompetenzi tal-Unjoni jew l-acquis tal-Unjoni fil-qasam tal-ażil, għaliex il-Kummissjoni kienet invokat, insostenn tar-rifjut tal-iżvelar tagħhom, l-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji b’rabta mal-kawżi li wasslu għad-digrieti tat-28 ta’ Frar 2017, NF vs Il‑Kunsill Ewropew (T‑192/16, EU:T:2017:128), tat-28 ta’ Frar 2017, NG vs Il‑Kunsill Ewropew (T‑193/16, EU:T:2017:129), u tat-28 ta’ Frar 2017, NM vs Il‑Kunsill Ewropew (T‑257/16, EU:T:2017:130) (iktar ’il quddiem il-“kawżi dwar l-ażil”). Issa, fid-dawl tal-kwistjonijiet maqtugħa mill-Qorti Ġenerali f’dawn id-digrieti, huwa ċar li n-noti ta’ intervent, li l-Kummissjoni setgħet tippreżenta li kieku kienet ġiet awtorizzata tintervjeni fl-imsemmija kawżi, kienu neċessarjament jirrigwardaw il-kwistjoni tat-taqsim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.

26      Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax issostni, mingħajr ma tipproduċi elementi oħra, li r-relazzjonijiet internazzjonali tal-Unjoni jiġu affettwati mill-iżvelar tad-dokumenti kontenzjużi. Barra minn hekk, hija ma tispeċifikax kif l-allegat djalogu kostanti bejn l-Unjoni u r-Repubblika tat-Turkija jista’ jiġi affettwat konkretament mill-iżvelar tal-kontenut ta’ dawn id-dokumenti.

27      Barra minn hekk, fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, L-Isvezja u Turco vs Il‑Kunsill (C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374), il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, f’sens favorevoli għal aċċess għal tali dokumenti, li l-iżvelar ta’ dokumenti ta’ dan it-tip mill-istituzzjonijiet kien jikkontribwixxi sabiex jagħti leġittimità ikbar lil dawn tal-aħħar f’għajnejn iċ-ċittadini tal-Unjoni u sabiex iżid il-fiduċja ta’ dawn tal-aħħar f’sistema demokratika. Issa, skont ir-rikorrenti, dibattitu trasparenti dwar l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjonijiet UE‑Turkija tat-8 u tat-18 ta’ Marzu 2016 għandu jikkonsolida l-fiduċja tar-Repubblika tat-Turkija fil-miżuri adottati mill-Unjoni u, għaldaqstant, isaħħaħ ir-relazzjoni tal-Unjoni ma’ dan il-pajjiż terz iktar milli jikkompromettiha. F’dan ir-rigward, hija ssostni li ma jistax jiġi kkonstatat effett fuq ir-relazzjonijiet internazzjonali għas-sempliċi raġuni li l-kontroparti tal-Unjoni, f’dan il-każ ir-Repubblika tat-Turkija, ma tapplikax prinċipju ta’ trasparenza u, konsegwentement, ma hijiex obbligata tiżvela l-kontenut tal-pariri legali mogħtija mid-dipartimenti tagħha fil-kuntest tad-diskussjonijiet mal-Unjoni. Fi kwalunkwe każ, huwa fl-interess ta’ dan l-Istat terz li l-miżuri ta’ implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni UE‑Turkija tat-18 ta’ Marzu 2016 ikollhom bażi legali valida li tippermetti li tiġi evitata l-kontestazzjoni ġudizzjarja sussegwenti tagħhom, b’mod partikolari għal motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ kompetenza tal-awturi ta’ dawn l-atti.

28      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tqis li ż-żamma tas-segretezza dwar il-fatt li jeżistu dubji fir-rigward tal-bażi legali u fir-rigward tal-użu ta’ ċerti miżuri ta’ implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni UE‑Turkija tat-18 ta’ Marzu 2016 tista’ fl-aħħar mill-aħħar tippreġudika serjament ir-relazzjonijiet internazzjonali tal-Unjoni. Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda dawn il-miżuri, hija tosserva li, fid-data li fiha ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, il-proċess ta’ adozzjoni tal-emendi għad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1601 tat-22 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja (ĠU 2015, L 248, p. 80) u għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta’ Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 65, rettifika fil-ĠU 2011, L 194, p. 39), kien fi stadju avvanzat. Fil-fatt, fl-4 ta’ Mejju 2016, il-Kummissjoni kienet diġà adottat il-proposta COM(2016) 279 final għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament Nru 539/2001, filwaqt li, fid-29 ta’ Settembru 2016, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2016/1754 li temenda d-Deċiżjoni 2015/1601 (ĠU 2016, L 268, p. 82).

29      Il-Kummissjoni titlob li l-ewwel motiv jiġi miċħud bħala infondat.

30      F’dan ir-rigward, hija tfakkar qabelxejn li, fid-deċiżjoni kkontestata, hija indikat lir-rikorrenti li “id-Dikjarazzjoni UE‑Turkija u l-implimentazzjoni tagħha mid-diversi atturi kkonċernati [kienu] tal-ikbar importanza għar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni [mar-Repubblika tat‑]Turkija” u li, speċifikament, “[l‑]iżvelar tal-analiżi ġuridika li tinsab fid-dokumenti [rrifjutati], li jinkludu parir legali mogħti fi ħdan il-Kummissjoni, jippreżenta riskju konkret li tiġi kkomplikata l-pożizzjoni tal-U[njoni] fid-djalogu [mar-Repubblika tat‑]Turkija, u, għaldaqstant, li jiġu ppreġudikati r-relazzjonijiet internazzjonali tal-U[njoni]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

31      Barra minn hekk, filwaqt li tfakkar li jeżisti djalogu permanenti bejn l-Unjoni u r-Repubblika tat-Turkija dwar il-kwistjoni sensittiva u importanti ħafna tal-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjonijiet UE‑Turkija tat-8 u tat-18 ta’ Marzu 2016 fir-rigward tal-kriżi tal-migrazzjoni, il-Kummissjoni tqis li huwa imperattiv li dan id-djalogu jiżvolġi fi klima ta’ fiduċja reċiproka u li fil-kuntest tiegħu l-Unjoni u r-Repubblika tat-Turkija għandhom jinsabu fuq livell ugwali. Issa, l-iżvelar tad-dokumenti kontenzjużi, li jinkludu pariri legali interni li għandhom jintużaw mir-rappreżentanti tal-Kummissjoni fil-kuntest tar-relazzjonijiet tal-Unjoni ma’ dan l-Istat terz, jaqleb dan l-ekwilibriju, minn naħa, billi jippermetti lill-imsemmi Stat jikseb il-pariri legali interni tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, billi joħloq malintiż f’għajnejn iċ-ċittadini tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni n-natura sensittiva tal-kwistjoni tal-migrazzjoni u l-fraġilità tas-sitwazzjoni. Barra minn hekk, waqt is-seduta, il-Kummissjoni spjegat li hija kienet diġà wriet trasparenza billi aċċettat li tiżvela lir-rikorrenti s-suġġett tad-dokumenti kontenzjużi identifikati bħala li jidħlu fl-ambitu tat-talba tagħha għal aċċess.

32      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tfakkar li, kuntrarjament għal dak li ssemmi r-rikorrenti, hija spjegat b’mod ċar, fid-deċiżjoni kkontestata, li d-dokumenti kontenzjużi ma kinux jinkludu pariri legali dwar il-kwistjoni tad-delimitazzjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha fil-qasam ikkonċernat mid-Dikjarazzjonijiet UE‑Turkija tat-8 u tat-18 ta’ Marzu 2016, li, fl-opinjoni ta’ din l-istituzzjoni, ma jikkostitwixxux ftehimiet internazzjonali fis-sens tal-Artikolu 218 TFUE, indipendentement mill-forma u min-natura ta’ dawn l-atti. Dwar dan l-aspett, id-digrieti tat-28 ta’ Frar 2017, NF vs Il‑Kunsill Ewropew (T‑192/16, EU:T:2017:128), tat-28 ta’ Frar 2017, NG vs Il‑Kunsill Ewropew (T‑193/16, EU:T:2017:129), u tat-28 ta’ Frar 2017, NM vs Il‑Kunsill Ewropew (T‑257/16, EU:T:2017:130), mogħtija fil-kawżi dwar l-ażil, ma humiex rilevanti sabiex tiġi evalwata l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, peress li ngħataw wara l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni.

 Kunsiderazzjonijiet ġenerali dwar ir-Regolament Nru 1049/2001

33      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont il-premessa 1 tiegħu, ir-Regolament Nru 1049/2001 jirrifletti r-rieda, espressa fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tat-Trattat UE, li jsir “pass ġdid lejn il-ħolqien ta’ għaqda dejjem iżjed ravviċinata fost il-popli ta’ l-Ewropa, li fiha d-deċiżjonijiet jittieħdu kemm jista’ jkun qrib iċ-ċittadin”, u b’mod kemm jista’ jkun miftuħ. Kif tfakkar il-premessa 2 tal-imsemmi regolament, id-dritt ta’ aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet huwa marbut man-natura demokratika ta’ dawn tal-aħħar (sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2008, L-Isvezja u Turco vs Il‑Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punt 34, u tas-17 ta’ Ottubru 2013, Il‑Kunsill vs Access Info Europe, C‑280/11 P, EU:C:2013:671, punt 27).

34      Għal dan il-għan, ir-Regolament Nru 1049/2001 huwa intiż, kif jindikaw il-premessa 4 u l-Artikolu 1 tiegħu, li jagħti lill-pubbliku dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet li jkun kemm jista’ jkun wiesa’ (sentenzi tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il‑Kunsill, C‑266/05 P, EU:C:2007:75, punt 61; tal-21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541, punt 69, u tas-17 ta’ Ottubru 2013, Il‑Kunsill vs Access Info Europe, C‑280/11 P, EU:C:2013:671, punt 28).

35      Dan id-dritt huwa madankollu suġġett għal ċerti limiti bbażati fuq raġunijiet ta’ interessi pubbliċi jew privati (sentenza tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il‑Kunsill, C‑266/05 P, EU:C:2007:75, punt 62). B’mod iktar speċifiku, u konformement mal-premessa 11 tiegħu, ir-Regolament Nru 1049/2001 jipprevedi, fl-Artikolu 4 tiegħu, sistema ta’ eċċezzjonijiet li tawtorizza lill-istituzzjonijiet jirrifjutaw l-aċċess għal dokument fil-każ li l-iżvelar ta’ dan tal-aħħar jippreġudika wieħed mill-interessi protetti minn dan l-artikolu (sentenzi tal-21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541, punt 71, u tas-17 ta’ Ottubru 2013, Il‑Kunsill vs Access Info Europe, C‑280/11 P, EU:C:2013:671, punt 29).

36      Peress li tali eċċezzjonijiet jidderogaw mill-prinċipju ta’ aċċess pubbliku għad-dokumenti kemm jista’ jkun wiesa’, huma għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett (sentenzi tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il‑Kunsill, C‑266/05 P, EU:C:2007:75, punt 63; tal-1 ta’ Lulju 2008, L-Isvezja u Turco vs Il‑Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punt 36, u tas-17 ta’ Ottubru 2013, Il‑Kunsill vs Access Info Europe, C‑280/11 P, EU:C:2013:671, punt 30) b’mod li s-sempliċi fatt li dokument jikkonċerna interess protett minn eċċezzjoni ma jistax ikun suffiċjenti sabiex jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ din tal-aħħar (sentenzi tas-27 ta’ Frar 2014, Il‑Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punt 64; tat-13 ta’ April 2005, Verein für Konsumenteninformation vs Il‑Kummissjoni, T‑2/03, EU:T:2005:125, punt 69, u tas-7 ta’ Ġunju 2011, Toland vs Il‑Parlament, T‑471/08, EU:T:2011:252, punt 29).

37      Fil-fatt, meta l-istituzzjoni kkonċernata tiddeċiedi li tirrifjuta l-aċċess għal dokument li tkun intalbet tikkomunika, hija għandha, bħala prinċipju, l-obbligu li tipprovdi spjegazzjonijiet dwar kif l-aċċess għal dan id-dokument jista’ jippreġudika konkretament u effettivament l-interess protett minn eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 li tinvoka din l-istituzzjoni. Barra minn hekk, ir-riskju ta’ tali preġudizzju għandu jkun raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku (ara s-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013, Il‑Kunsill vs Access Info Europe, C‑280/11 P, EU:C:2013:671, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tat-3 ta’ Lulju 2014, Il‑Kunsill vs in ’t Veld, C‑350/12 P, EU:C:2014:2039, punt 52).

 Fuq is-sistema speċifika tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1049/2001 u l-applikazzjoni tagħha għal dan il-każ

38      F’dak li jirrigwarda l-interessi protetti mill-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li kellu jiġi rrikonoxxut li n-natura partikolarment sensittiva u essenzjali ta’ dawn l-interessi, flimkien man-natura obbligatorja tar-rifjut ta’ aċċess li, skont l-imsemmija dispożizzjoni, għandha tagħti l-istituzzjoni meta l-iżvelar lill-pubbliku ta’ dokument jippreġudika dawn l-interessi, jagħtu lid-deċiżjoni li għandha hekk tittieħed mill-istituzzjoni natura kumplessa u delikata li teħtieġ grad ta’ prudenza partikolari ħafna u li, f’dan il-każ, tali deċiżjoni għalhekk tirrikjedi marġni ta’ diskrezzjoni (sentenza tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il‑Kunsill, C‑266/05 P, EU:C:2007:75, punt 35). Dan huwa kkorroborat mill-fatt li l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1049/2001 huma fformulati f’termini imperattivi sa fejn l-istituzzjonijiet huma obbligati jirrifjutaw l-aċċess għad-dokumenti li jaqgħu taħt dawn l-eċċezzjonijiet obbligatorji meta tiġi prodotta l-prova taċ-ċirkustanzi previsti minn dawn l-eċċezzjonijiet, mingħajr ma huwa neċessarju li l-protezzjoni tal-interess pubbliku tiġi bbilanċjata ma’ interess ġenerali superjuri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ April 2007, WWF European Policy Programme vs Il‑Kunsill, T‑264/04, EU:T:2007:114, punti 44 u 45, u tat-12 ta’ Settembru 2013, Besselink vs Il‑Kunsill, T‑331/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:419, punt 44).

39      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-kriterji msemmija fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001 huma ġenerali ħafna, u rifjut ta’ aċċess għandu jingħata, kif jirriżulta mit-termini ta’ din id-dispożizzjoni, meta l-iżvelar tad-dokument ikkonċernat jista’ “jdgħajjef” il-protezzjoni tal-“interess pubbliku” f’dak li jirrigwarda b’mod partikolari is-“sigurtà pubblika” jew ir-“relazzjonijiet internazzjonali” u mhux biss, kif kien ġiet propost matul il-proċedura leġiżlattiva li wasslet għall-adozzjoni ta’ dan ir-regolament, meta jiġi kkonstatat preġudizzju “sinjifikattiv” għal din il-protezzjoni (sentenza tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il‑Kunsill, C‑266/05 P, EU:C:2007:75, punti 36 sa 38).

40      Għaldaqstant, il-prinċipju ta’ interpretazzjoni stretta tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 ma jipprekludix li, fir-rigward tal-eċċezzjonijiet relatati mal-interess pubbliku previsti fil-paragrafu 1(a) ta’ dan l-artikolu, l-istituzzjoni kkonċernata jkollha marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ għall-finijiet li jiġi ddeterminat jekk l-iżvelar lill-pubbliku ta’ dokument jippreġudikax l-interessi protetti minn din id-dispożizzjoni u, bħala korollarju għal dan, l-istħarriġ tal-legalità mwettaq mill-Qorti Ġenerali fir-rigward ta’ deċiżjoni tal-istituzzjoni li tirrifjuta l-aċċess għal dokument abbażi ta’ waħda mill-imsemmija eċċezzjonijiet għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli proċedurali u ta’ motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti kif ukoll tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ abbuż ta’ poter (sentenzi tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il‑Kunsill, C‑266/05 P, EU:C:2007:75, punt 64, u tat-12 ta’ Settembru 2013, Besselink vs Il‑Kunsill, T‑331/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:419, punt 34).

41      Konsegwentement, għandu jiġi ddeterminat f’dan il-każ jekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni pprovdietx spjegazzjonijiet plawżibbli dwar kif l-aċċess għad-dokumenti kontenzjużi jista’ jippreġudika konkretament u effettivament il-protezzjoni tar-relazzjonijiet internazzjonali tal-Unjoni u jekk, fil-limiti tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-Kummissjoni fir-rigward tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-allegat preġudizzju jistax jitqies li huwa raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku.

42      F’dan ir-rigward, l-ispjegazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni sabiex tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti kontenzjużi abbażi tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1049/2001 kienet tirrigwarda l-fatt li, skontha, kieku ngħata aċċess pubbliku għal dawn id-dokumenti, dan kien jippreġudika serjament ir-relazzjonijiet kruċjali bejn l-Unjoni u r-Repubblika tat-Turkija f’sitwazzjoni sensittiva ferm, jiġifieri l-ġestjoni tal-kriżi tal-migrazzjoni.

43      F’dak li jirrigwarda l-ewwel dokument kontenzjuż, dan tal-aħħar jinkludi l-osservazzjonijiet tas-Servizz Ġuridiku dwar ittra, annessa ma’ dawn il-komunikazzjonijiet bil-posta elettronika, li tirrigwarda l-assigurazzjonijiet mogħtija mir-Repubblika tat-Turkija dwar it-trattament li għandu jingħata minnha liċ-ċittadini Sirjani.

44      F’dan ir-rigward, diġà ġie deċiż, essenzjalment, li l-iżvelar ta’ elementi li għandhom rabta mal-għanijiet li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jfittxu li jilħqu f’deċiżjonijiet, b’mod partikolari meta jittrattaw il-kontenut speċifiku ta’ ftehim previst jew l-għanijiet strateġiċi li l-Unjoni tfittex li tilħaq fin-negozjati, kien jolqot ħażin il-klima ta’ fiduċja fin-negozjati li kienu pendenti fil-mument tad-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti li jinkludu dawn l-elementi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2012, in ’t Veld vs Il‑Kunsill, T‑529/09, EU:T:2012:215, punti 35, 36 u 39).

45      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, b’mod partikolari, fil-kuntest tan-negozjati internazzjonali, il-pożizzjonijiet meħuda mill-Unjoni jistgħu, teoretikament, jinbidlu skont l-andament ta’ dawn in-negozjati, tal-konċessjonijiet u tal-kompromessi miftiehma f’dan il-kuntest mid-diversi partijiet involuti. Għaldaqstant, il-formulazzjoni ta’ pożizzjonijiet ta’ negozjati tista’ timplika ċertu numru ta’ kunsiderazzjonijiet tattiċi min-naħa tan-negozjaturi, fosthom l-Unjoni stess, b’mod li l-iżvelar tal-pożizzjonijiet tal-Unjoni f’negozjati internazzjonali jista’ jippreġudika l-protezzjoni tal-interess pubbliku fir-rigward tar-relazzjonijiet internazzjonali (sentenza tat-12 ta’ Settembru 2013, Besselink vs Il‑Kunsill, T‑331/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:419, punti 70 u 72).

46      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tqis f’dan il-każ li, fid-dawl, minn naħa, tan-natura provviżorja tas-suġġerimenti għal emendi proposti mill-membri tas-Servizz Ġuridiku, li, f’dan l-istadju, ma kinux ġew adottati min-naħa tal-Kummissjoni bħala istituzzjoni u, min-naħa l-oħra, tal-kontenut ta’ din l-ittra intiża li tiġi approvata u ffirmata mir-Repubblika tat-Turkija wara d-diskussjonijiet u n-negozjati mar-Repubblika Ellenika u mal-Unjoni, il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta invokat, fir-rigward tal-ewwel dokument kontenzjuż, l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tar-relazzjonijiet internazzjonali prevista fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1049/2001.

47      F’dak li jirrigwarda t-tieni dokument kontenzjuż, dan jinkludi l-parir tas-Servizz Ġuridiku mibgħut lill-Uffiċċju ta’ F. Timmermans, Viċi President Ewlieni tal-Kummissjoni, kif ukoll lid-DĠ “Affarijiet Interni” u lid-DĠ “Tkabbir”, bi tweġiba għal mistoqsija magħmula informalment mill-Presidenza Olandiża tal-Unjoni permezz ta’ komunikazzjoni bil-posta elettronika tad-9 ta’ April 2016. Dan il-parir jirrigwarda esklużivament il-kwistjoni jekk il-Kumitati tal-Appell Griegi stabbiliti mil-leġiżlazzjoni Griega l-ġdida dwar l-ażil setgħux jitqiesu li huma qrati jew tribunali fis-sens tal-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60).

48      Bħala tali u kuntrarjament għal dak li sostniet il-Kummissjoni, l-iżvelar ta’ dan it-tieni dokument kontenzjuż ma kienx jippreġudika l-protezzjoni tal-interess pubbliku relatat mar-relazzjonijiet internazzjonali, sa fejn l-evalwazzjonijiet inklużi fl-imsemmi dokument jirrigwardaw esklużivament il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tal-Unjoni u, għaldaqstant, ma jinkludux teħid ta’ pożizzjoni b’rabta mar-Repubblika tat-Turkija u sa fejn, barra minn hekk, il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ma invokatx preġudizzju għar-relazzjonijiet internazzjonali tar-Repubblika Ellenika ma’ dan l-Istat terz li kien jirriżulta minn żvelar ta’ evalwazzjonijiet ġuridiċi dwar l-ordinament ġuridiku ta’ dan l-Istat Membru fil-kuntest ta’ negozjati bilaterali bejn dawn iż-żewġ Stati dwar id-definizzjoni tal-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tad-Dikjarazzjonijiet UE‑Turkija.

49      F’dak li jirrigwarda t-tielet dokument kontenzjuż, dan jirrigwarda, ukoll u essenzjalment, il-Kumitati tal-Appell Griegi, b’eċċezzjoni tal-komunikazzjoni bil-posta elettronika li tinsab fl-aħħar paġna ta’ dan id-dokument, li tirreferi għal negozjati mal-awtoritajiet Torok. Bħal fil-każ tat-tieni dokument kontenzjuż, il-Qorti Ġenerali tqis li, minkejja s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni naqset milli turi kif il-protezzjoni tal-interess pubbliku fir-rigward tar-relazzjonijiet internazzjonali tal-Unjoni setgħet tiġi affettwata mill-iżvelar tat-tielet dokument kontenzjuż bit-tneħħija tal-aħħar komunikazzjoni bil-posta elettronika li tinsab f’dan id-dokument, minkejja li dan id-dokument ma jinkludix teħid ta’ pożizzjoni b’rabta mar-Repubblika tat-Turkija u li, barra minn hekk, il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ma invokatx preġudizzju għar-relazzjonijiet internazzjonali tar-Repubblika Ellenika ma’ dan l-Istat terz li kien jirriżulta minn żvelar ta’ evalwazzjonijiet ġuridiċi dwar l-ordinament ġuridiku tagħha fil-kuntest ta’ negozjati bilaterali bejn dawn iż-żewġ Stati dwar id-definizzjoni tal-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tad-Dikjarazzjonijiet UE‑Turkija.

50      Għaldaqstant, billi rrifjutat l-aċċess għat-tieni u għat-tielet dokument kontenzjuż abbażi tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-Kummissjoni vvizzjat l-evalwazzjoni tagħha bi żball manifest.

51      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud f’dak li jirrigwarda r-rifjut tal-Kummissjoni li tagħti aċċess fir-rigward tal-ewwel dokument kontenzjuż, peress li, minn naħa, hija setgħet, mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, tiġġustifika dan ir-rifjut bil-fatt li l-iżvelar ta’ tali dokumenti kien jippreżenta riskju konkret li tiġi kkomplikata l-pożizzjoni tal-Unjoni fid-djalogu mar-Repubblika tat-Turkija u, konsegwentement, li jiġu ppreġudikati r-relazzjonijiet tal-Unjoni u li, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni kellha dritt tillimita ruħha li tesponi tali motiv fil-qosor meta, kif kien il-każ inkwistjoni, l-għoti ta’ spjegazzjonijiet iktar fid-dettall kien jimplika li jiġi żvelat, bi ksur tal-portata tal-protezzjoni imperattiva prevista mil-leġiżlatur fil-formulazzjoni tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-kontenut tad-dokumenti li jaqgħu taħt il-protezzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni.

52      Min-naħa l-oħra, l-ewwel motiv għandu jintlaqa’ parzjalment sa fejn jirrigwarda r-rifjut tal-Kummissjoni li tagħti aċċess, abbażi tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, fir-rigward tat-tieni u tat-tielet dokument kontenzjuż, bit-tneħħija, fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, tal-komunikazzjoni bil-posta elettronika inkluża fl-aħħar paġna tiegħu.

53      Madankollu, sa fejn ir-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti kontenzjużi ġie ġġustifikat ukoll abbażi tal-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 1049/2001, għandu jiġi ddeterminat ukoll jekk dawn il-motivi l-oħra għal rifjut kinux applikabbli f’dan il-każ, b’mod li jiġġustifikaw, fi kwalunkwe każ, is-sens tad-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001

54      Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Dan il-motiv jinqasam fi tliet partijiet li għandhom jiġu eżaminati waħda wara l-oħra.

 Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, dwar il-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji

55      Insostenn tal-ewwel parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, sa fejn, f’dan il-każ, hija applikat preżunzjoni ġenerali ta’ rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti kontenzjużi. Fil-fatt, minn naħa, il-ġurisprudenza tirrikonoxxi l-possibbiltà li tiġi applikata tali preżunzjoni biss f’dak li jirrigwarda l-proċeduri ġudizzjarji pendenti. Issa, fid-data li fiha ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, ebda proċedura ġudizzjarja ma kienet pendenti. Min-naħa l-oħra, dejjem skont il-ġurisprudenza, il-preżunzjoni ġenerali ta’ preġudizzju għall-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji tirrigwarda biss in-noti ppreżentati fil-kuntest ta’ tali proċeduri, li ma huwiex il-każ tad-dokumenti kontenzjużi.

56      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tqis li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma wrietx kif l-iżvelar tad-dokumenti kontenzjużi kien jippreġudika konkretament u effettivament il-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji. Issa, f’dan ir-rigward, hija tenfasizza li d-dokumenti kontenzjużi ma ġewx ifformulati għall-finijiet ta’ proċedura ġudizzjarja. Fil-fatt, minkejja l-preżentata, wara d-data li fiha tressqet it-talba għal aċċess, tar-rikorsi li wasslu għad-digrieti fil-kawżi dwar l-ażil, ir-rikorrenti ssostni li d-dokumenti kontenzjużi tfasslu sabiex jiġi eżaminat l-acquis rilevanti tal-Unjoni, ħaġa li tmur lil hinn sewwa mis-suġġett ta’ dawn ir-rikorsi.

57      Fi kwalunkwe każ, minn naħa, ir-rikorrenti tosserva li l-Kummissjoni ma kinitx konvenuta fil-kawżi dwar l-ażil u li, konsegwentement, hija ma tistax tinvoka l-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, u lanqas, b’mod iktar ġenerali, ma tista’ tinvoka l-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji fir-rigward tad-dokumenti kollha li għandhom rabta mas-suġġett ta’ dawn il-proċeduri ġudizzjarji li dak iż-żmien kienu pendenti. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni tikkontradixxi ruħha meta tinvoka din il-protezzjoni f’dan il-każ billi tallega li d-dokumenti kontenzjużi għandhom rabta mal-imsemmija kawżi, filwaqt li tafferma li dawn id-dokumenti kienu jirrigwardaw essenzjalment l-emendi għad-Deċiżjoni 2015/1601 u dawk għar-Regolament Nru 539/2001. Fir-realtà, l-imsemmija dokumenti jinkludu biss elementi oġġettivi li l-iżvelar tagħhom, skont ir-rikorrenti, ma setax jaffettwa l-pożizzjoni tal-Kummissjoni fil-proċeduri ġudizzjarji msemmija.

58      Il-Kummissjoni titlob li l-ewwel parti tat-tieni motiv tiġi miċħuda, billi tirrileva qabelxejn li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, hija ma invokatx, fid-deċiżjoni kkontestata, preżunzjoni ġenerali ta’ nuqqas ta’ żvelar, ibbażata fuq l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji jew fuq eċċezzjoni oħra prevista mir-Regolament Nru 1049/2001. Fil-fatt, ir-rifjut ta’ aċċess ġie deċiż wara eżami individwali tal-kontenut tad-dokumenti kontenzjużi u, f’dak li jirrigwarda l-fatt li d-dokumenti kontenzjużi ma jikkostitwixxux noti ppreżentati fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji, il-Kummissjoni tinvoka s-sentenzi tal-15 ta’ Settembru 2016, Philip Morris vs Il‑Kummissjoni (T‑796/14, EU:T:2016:483, punt 88), u tal-15 ta’ Settembru 2016, Philip Morris vs Il‑Kummissjoni (T‑18/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:487, punt 64), li r-rikorrenti tqis li jmorru kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li fihom il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji kienet tkopri wkoll dokumenti li ma ġewx ifformulati biss għall-finijiet ta’ proċedura ġudizzjarja.

59      Issa, skont il-Kummissjoni, fid-data li fiha ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, li hija l-unika data rilevanti f’dan il-każ, l-iżvelar tad-dokumenti kontenzjużi kien inevitabbilment iwassal għall-iżvelar tal-kontenut tan-noti ta’ intervent futuri tagħha fil-kuntest tal-kawżi dwar l-ażil, li jissemmew espressament fid-deċiżjoni kkontestata, għaliex, dak iż-żmien, id-dokumenti kontenzjużi kellhom rabta rilevanti ma’ dawn il-kawżi. Għaldaqstant, f’isem il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet u minkejja li hija ma kinitx konvenuta f’dawn il-kawżi, li fl-aħħar mill-aħħar ma ġietx awtorizzata tintervjeni minħabba li dawn il-kawżi ġew riżolti permezz ta’ digrieti u li, għaldaqstant, ma setgħetx tippreżenta noti ta’ intervent, kien neċessarju u ġġustifikat li l-aċċess għad-dokumenti kontenzjużi jiġi rrifjutat abbażi tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tikkontesta l-affermazzjoni tar-rikorrenti li n-noti ta’ intervent futuri tagħha kienu neċessarjament jirrigwardaw it-taqsim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, filwaqt li tenfasizza li, f’dawn il-kawżi, hija llimitat ruħha li twieġeb il-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 24 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

60      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, minn naħa, meta l-istituzzjoni kkonċernata tiddeċiedi li tirrifjuta l-aċċess għal dokument li tkun intalbet tikkomunika, hija għandha, bħala prinċipju, l-obbligu li tipprovdi spjegazzjonijiet dwar kif l-aċċess għal dan id-dokument jista’ jippreġudika konkretament u effettivament l-interess protett minn eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 li tinvoka din l-istituzzjoni, filwaqt li jiġi enfasizzat li tali preġudizzju għandu jkun raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku (ara s-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013, Il‑Kunsill vs Access Info Europe, C‑280/11 P, EU:C:2013:671, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tat-3 ta’ Lulju 2014, Il‑Kunsill vs in ’t Veld, C‑350/12 P, EU:C:2014:2039, punt 52).

61      Min-naħa l-oħra, meta istituzzjoni tapplika waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 1049/2001, hija għandha l-obbligu li tibbilanċja l-interess speċifiku li għandu jiġi protett min-nuqqas ta’ żvelar tad-dokument ikkonċernat u, b’mod partikolari, l-interess ġenerali li dan id-dokument jiġi reż aċċessibbli, fid-dawl tal-vantaġġi li jirriżultaw, kif tirrileva l-premessa 2 tar-Regolament Nru 1049/2001, minn trasparenza ikbar, jiġifieri parteċipazzjoni aħjar miċ-ċittadini fil-proċess deċiżjonali kif ukoll iktar leġittimità, effettività u responsabbiltà min-naħa tal-amministrazzjoni fir-rigward taċ-ċittadini f’sistema demokratika (ara s-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013, Il‑Kunsill vs Access Info Europe, C‑280/11 P, EU:C:2013:671, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tat-3 ta’ Lulju 2014, Il‑Kunsill vs in ’t Veld, C‑350/12 P, EU:C:2014:2039, punt 53).

62      F’dak li jirrigwarda l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-“proċedimenti fil-qrati”, prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, din timplika li l-protezzjoni tal-interess pubbliku tipprekludi l-iżvelar tal-kontenut mhux biss tad-dokumenti fformulati biss għall-finijiet ta’ proċedura ġudizzjarja partikolari (ara s-sentenzi tas-6 ta’ Lulju 2006, Franchet u Byk vs Il‑Kummissjoni, T‑391/03 u T‑70/04, EU:T:2006:190, punti 88 u 89 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-3 ta’ Ottubru 2012, Jurašinović vs Il‑Kunsill, T‑63/10, EU:T:2012:516, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata), jiġifieri mhux biss tan-noti jew tal-atti ppreżentati, iżda wkoll tad-dokumenti interni tal-istituzzjoni marbuta mal-istruttorja tal-kawża pendenti u tal-komunikazzjonijiet marbuta mal-kawża bejn id-DĠ ikkonċernat u s-Servizz Ġuridiku tal-istituzzjoni jew uffiċċju ta’ avukati, peress li din id-delimitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni fl-imsemmija kawża hija intiża li tiggarantixxi, minn naħa, il-protezzjoni tal-ħidma interna tal-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, il-kunfidenzjalità u l-ħarsien tal-prinċipju tas-sigriet professjonali tal-avukati (sentenzi tal-15 ta’ Settembru 2016, Philip Morris vs Il‑Kummissjoni, T‑796/14, EU:T:2016:483, punt 76, u tal-15 ta’ Settembru 2016, Philip Morris vs Il‑Kummissjoni, T‑18/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:487, punt 52).

63      F’dan il-kuntest, ġiet irrikonoxxuta l-eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali ta’ nuqqas ta’ żvelar għan-noti li jagħmlu parti minn proċedura ġudizzjarja, prevista mit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, sakemm l-imsemmija proċedura tkun għadha pendenti (sentenzi tal-21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541, punt 94; tal-15 ta’ Settembru 2016, Philip Morris vs Il‑Kummissjoni, T‑796/14, EU:T:2016:483, punt 77, u tal-15 ta’ Settembru 2016, Philip Morris vs Il‑Kummissjoni, T‑18/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:487, punt 53), għalkemm din il-preżunzjoni kienet applikabbli biss fil-każ ta’ proċedura speċifika pendenti u ma setgħetx, bħala prinċipju, tiġi invokata iktar mill-istituzzjoni kkonċernata meta l-proċedura inkwistjoni tkun ingħalqet permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja (sentenza tal-21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541, punt 130).

64      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji kienet timplika li jiġu żgurati l-osservanza tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet kif ukoll l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. Fil-fatt, l-aċċess għad-dokumenti minn parti tista’ tikkawża distorsjoni fl-ekwilibriju indispensabbli bejn il-partijiet f’tilwima, ekwilibriju li huwa l-bażi tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, peress li hija biss l-istituzzjoni kkonċernata minn talba għal aċċess għal dokumenti, u mhux il-partijiet kollha fil-proċedura, li hija suġġetta għall-obbligu ta’ żvelar (sentenza tal-21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541, punti 85 sa 87).

65      Huwa b’mod partikolari għal din ir-raġuni li, fil-kuntest ta’ kawżi li jirrigwardaw l-aċċess għal pariri preliminari mfassla minn istituzzjoni b’rabta mal-elaborazzjoni ta’ proposta leġiżlattiva, il-Qorti Ġenerali qieset li, minkejja dak li kienet iddeċidiet fis-sentenza tas-6 ta’ Lulju 2006, Franchet u Byk vs Il‑Kummissjoni (T‑391/03 u T‑70/04, EU:T:2006:190, punti 88 sa 91 u l-ġurisprudenza ċċitata), il-ġurisprudenza msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza ma kinitx teskludi li dokumenti oħra minbarra dawk magħmula min-noti u mid-dokumenti skambjati mas-Servizz Ġuridiku ta’ istituzzjoni speċifikament b’rabta ma’ kawża pendenti jistgħu jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji. F’dan ir-rigward, filwaqt li enfasizzat li l-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet kif ukoll l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja kienu jinsabu fil-qalba tal-protezzjoni prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-Qorti Ġenerali qieset li l-ħtieġa li jiġu żgurati opportunitajiet ugwali għall-partijiet quddiem il-qorti kienet tiġġustifika l-protezzjoni mhux biss tad-dokumenti fformulati esklużivament għall-finijiet ta’ tilwima partikolari, bħalma huma n-noti, iżda wkoll tad-dokumenti li l-iżvelar tagħhom kien jista’ jikkomprometti, fil-kuntest ta’ tilwima partikolari, l-opportunitajiet ugwali inkwistjoni, li kienu jikkostitwixxu korollarju tal-kunċett stess ta’ smigħ xieraq (sentenzi tal-15 ta’ Settembru 2016, Philip Morris vs Il‑Kummissjoni, T‑796/14, EU:T:2016:483, punt 88, u tal-15 ta’ Settembru 2016, Philip Morris vs Il‑Kummissjoni, T‑18/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:487, punt 64).

66      Fil-fatt, f’dawn iż-żewġ każijiet, għalkemm l-imsemmija dokumenti ma ġewx elaborati fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja partikolari, l-integrità tal-proċedura ġudizzjarja kkonċernata u l-opportunitajiet ugwali għall-partijiet jistgħu jiġu ppreġudikati serjament jekk partijiet jibbenefikaw minn aċċess privileġġat għal informazzjoni interna ta’ parti oħra li tkun marbuta mill-qrib mal-aspetti legali ta’ tilwima pendenti jew potenzjali, iżda imminenti (sentenzi tal-15 ta’ Settembru 2016, Philip Morris vs Il‑Kummissjoni, T‑796/14, EU:T:2016:483, punt 90, u tal-15 ta’ Settembru 2016, Philip Morris vs Il‑Kummissjoni, T‑18/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:487, punt 65).

67      Madankollu, sabiex din l-eċċezzjoni tkun tista’ tapplika, jeħtieġ li d-dokumenti mitluba, fil-mument tat-teħid tad-deċiżjoni li tirrifjuta l-aċċess għalihom, ikollhom rabta rilevanti jew ma’ proċedura ġudizzjarja pendenti quddiem il-qorti tal-Unjoni u li fir-rigward tagħha l-istituzzjoni kkonċernata tinvoka din l-eċċezzjoni, jew ma’ proċedura pendenti quddiem qorti nazzjonali, bil-kundizzjoni li dawn il-proċeduri jqajmu kwistjoni ta’ interpretazzjoni jew ta’ validità ta’ att tad-dritt tal-Unjoni b’mod li, fid-dawl tal-kuntest tal-kawża, ikun jidher partikolarment plawżibbli li jsir rinviju għal deċiżjoni preliminari (sentenzi tal-15 ta’ Settembru 2016, Philip Morris vs Il‑Kummissjoni, T‑796/14, EU:T:2016:483, punti 88 u 89, u tal-15 ta’ Settembru 2016, Philip Morris vs Il‑Kummissjoni, T‑18/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:487, punt 64).

68      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet ġurisprudenzjali tal-Qorti Ġenerali li għandha tiġi ttrattata l-ewwel parti tat-tieni motiv, filwaqt li jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-ġurisprudenza ddettaljata dwar l-eċċezzjoni prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, kif tfakkret qabel u kif tirriżulta mis-sentenzi tal-15 ta’ Settembru 2016, Philip Morris vs Il‑Kummissjoni (T‑796/14, EU:T:2016:483), u tal-15 ta’ Settembru 2016, Philip Morris vs Il‑Kummissjoni (T‑18/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:487), ma tirriżultax minn interpretazzjoni wiesgħa ta’ din l-eċċezzjoni li tmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li, barra minn hekk, sal-lum, għadha ma ħaditx konjizzjoni diretta ta’ tali kwistjoni.

69      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li d-dokumenti kontenzjużi ma tfasslux speċifikament b’rabta ma’ proċedura ġudizzjarja pendenti.

70      Madankollu, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li, fid-19 ta’ Settembru 2016, li hija d-data li fiha ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata u l-unika data rilevanti f’dan il-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2010, Internationaler Hilfsfonds vs Il‑Kummissjoni, C‑362/08 P, EU:C:2010:40, punt 54), tliet proċeduri ġudizzjarji, jiġifieri l-kawżi dwar l-ażil, kienu pendenti u kienu jirrigwardaw speċifikament il-legalità tad-Dikjarazzjoni UE‑Turkija tat-18 ta’ Marzu 2016, li kienet issuċċediet id-Dikjarazzjoni UE‑Turkija tat-8 ta’ Marzu 2016. Barra minn hekk, f’dawn il-kawżi, il-Kummissjoni, li ma kinitx konvenuta, kienet diġà ppreżentat talba għal intervent skont l-Artikolu 143 tar-Regoli tal-Proċedura f’din id-data.

71      Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali tirrileva li d-dokumenti kontenzjużi kienu tfasslu mis-Servizz Ġuridiku, li huwa stess kien responsabbli mir-rappreżentazzjoni tal-Kummissjoni f’dawn il-proċeduri ġudizzjarji, u għandhom rabta stretta mal-aspetti ġuridiċi tat-tilwima li tinsab fil-qalba ta’ dawn il-proċeduri ġudizzjarji. Fil-fatt, dawn id-dokumenti jirrigwardaw il-modalitajiet ta’ ritorn tal-migranti li jirrisjedu irregolarment b’osservanza tal-proċeduri ta’ ażil stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, il-proċeduri previsti wara li l-applikazzjonijiet tagħhom għall-ażil ikunu ġew iddikjarati inammissibbli jew infondati, liema deċiżjonijiet, fil-Greċja, jiġu adottati mill-Kumitati tal-Appell.

72      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi aċċettat li l-Kummissjoni setgħet tinvoka, fid-deċiżjoni kkontestata, l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji kif prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, fir-rigward tad-dokumenti kontenzjużi kollha.

73      F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma applikatx preżunzjoni ta’ nuqqas ta’ żvelar abbażi tal-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji, iżda wettqet eżami individwali ta’ kull wieħed mid-dokumenti kontenzjużi.

74      Konsegwentement, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, dwar il-protezzjoni tal-pariri legali

75      Fil-kuntest tat-tieni parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-pariri u l-analiżijiet legali li huma s-suġġett tat-talba għal aċċess jirrigwardaw l-adozzjoni ta’ strumenti legali li ġew jew ser jiġu adottati bil-għan li jimplimentaw id-Dikjarazzjonijiet UE‑Turkija tat-8 u tat-18 ta’ Marzu 2016, b’mod li, fil-fehma tagħha, kienu relatati ma’ proċess leġiżlattiv, f’dan il-każ dak għall-emenda tad-Deċiżjoni 2015/1601 u tar-Regolament Nru 539/2001, ħaġa li timplika li l-Kummissjoni ma setgħetx tirrifjuta li tiżvelahom.

76      Minkejja dan l-aspett u anki jekk jitqies li “il-kuntest tal-pożizzjonijiet preliminari li jinsabu fid-dokumenti mitluba ma kienx jirrigwarda l-proċeduri leġiżlattivi msemmija iktar ’il fuq”, ir-rikorrenti tqis li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni fi kwalunkwe każ ma speċifikatx kif l-iżvelar tad-dokumenti kontenzjużi kien iċaħħadha mill-possibbiltà li tirċievi pariri sinċieri, oġġettivi u kompleti fis-sens tal-ġurisprudenza. Fil-fatt, f’dan ir-rigward, hija llimitat ruħha li tafferma b’mod perentorju li l-iżvelar tagħhom “kien iċaħħadha minn element essenzjali […] dwar l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni UE‑Turkija”. Issa, fis-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, L-Isvezja u Turco vs Il‑Kunsill (C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punti 57 sa 64), il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet il-prinċipju li l-pariri legali li jirrigwardaw il-qasam leġiżlattiv kellhom jiġu żvelati. Fi kwalunkwe każ, sa fejn, skont ir-rikorrenti, id-dokumenti kontenzjużi kienu intiżi li jinformaw lill-Kummissjoni dwar il-kompetenza tal-Unjoni sabiex tadotta d-Dikjarazzjonijiet UE‑Turkija tat-8 u tat-18 ta’ Marzu 2016 u dwar l-acquis tal-Unjoni fil-qasam tal-ażil, din l-istituzzjoni ma setgħetx raġonevolment tistenna li dawn il-pariri legali jibqgħu kunfidenzjali. Għall-kuntrarju, hija messha stenniet li dawn xi darba jsiru pubbliċi u, f’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma tarax kif, b’mod ġenerali, l-iżvelar ta’ dokumenti bħad-dokumenti kontenzjużi kien iżomm lil din l-istituzzjoni milli titlob pariri legali.

77      Fir-replika, ir-rikorrenti tindika li, anki li kieku l-protezzjoni tal-pariri legali setgħet tiġġustifika d-deċiżjoni kkontestata, din tal-aħħar għandha madankollu tiġi annullata għal “nuqqas ta’ raġunament” (“lack of reasoning”) minħabba d-deskrizzjoni inkoerenti u l-argumenti konfużi tal-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda n-natura, il-kontenut u l-kuntest ta’ elaborazzjoni tad-dokumenti kontenzjużi.

78      Il-Kummissjoni titlob li t-tieni parti tat-tieni motiv tiġi miċħuda bħala infondata, billi tispeċifika qabelxejn li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, id-dokumenti kontenzjużi ma tfasslux jew ma ġewx irċevuti fil-kuntest ta’ proċeduri għall-adozzjoni ta’ atti legalment vinkolanti fi ħdan l-Istati Membri jew għal dawn tal-aħħar fis-sens tal-punt 68 tas-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, L-Isvezja u Turco vs Il‑Kunsill (C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374). Fil-fatt, dawn id-dokumenti jikkostitwixxu biss pariri preliminari relatati ma’ kwistjonijiet li kienu qegħdin jiġu diskussi dwar il-proposti għal emenda tad-Deċiżjoni 2015/1601 u tar-Regolament Nru 539/2001. Għaldaqstant, ma jistgħux jitqiesu li huma dokumenti mfassla għall-finijiet tal-proċeduri leġiżlattivi relatati ma’ dawn iż-żewġ atti tad-dritt tal-Unjoni attwalment fis-seħħ. Skont il-Kummissjoni, minħabba li jikkostitwixxu biss pariri legali preliminari interni tal-istituzzjoni, dawn jistgħu jiġu interpretati ħażin jew jinftiehmu ħażin li kieku kellhom jiġu żvelati barra mill-kuntest li fih ġew elaborati.

79      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat lir-rikorrenti l-eżistenza ta’ ħidma li kienet għaddejja flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti dwar il-kwistjoni sensittiva tal-kriżi tar-refuġjati. Issa, l-iżvelar tad-dokumenti kontenzjużi, li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-acquis tal-Unjoni fil-qasam tal-ażil, kien ikollu impatt serju fuq l-interess tal-Kummissjoni li tfittex li tikseb pariri sinċieri, oġġettivi u kompleti, u dan f’kuntest li fih din l-istituzzjoni kienet ilha minn Marzu 2016 f’kuntatt permanenti u intensiv mal-awtoritajiet tal-Istati Membri kkonċernati, b’mod partikolari r-Repubblika Ellenika, dwar il-miżuri neċessarji li kellhom jittieħdu sabiex jiġu ggarantiti l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjonijiet UE‑Turkija tat-8 u tat-18 ta’ Marzu 2016 u l-kontroll tal-kriżi tal-migrazzjoni.

80      F’dan ir-rigward, il-fatt, imsemmi mir-rikorrenti, li d-dokumenti kontenzjużi jinkludu interpretazzjoni allegatament oġġettiva u li l-kwistjonijiet hekk ittrattati f’dawn id-dokumenti kienu s-suġġett ta’ dibattitu bejn speċjalisti ma huwiex ta’ natura li jimpedixxi lill-Kummissjoni milli tipproteġi l-kapaċità tagħha li tirċievi pariri sinċieri, oġġettivi u kompleti f’qasam sensittiv u matul perijodu delikat ferm għall-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni UE‑Turkija tat-18 ta’ Marzu 2016, filwaqt li jitfakkar li l-Kummissjoni żgurat li żżomm informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-imsemmija dikjarazzjoni għad-dispożizzjoni tal-pubbliku b’mod regolari.

81      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tqis li l-motiv ta’ annullament ibbażat fuq allegat “nuqqas ta’ raġunament” min-naħa tagħha ġie invokat biss fir-replika u, fl-assenza ta’ raġunijiet validi invokati mir-rikorrenti sabiex tiġġustifika t-tardività tiegħu, huwa għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti bl-ebda mod ma ssostanzjat din l-allegazzjoni, li barra minn hekk hija manifestament infondata.

82      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-eċċezzjoni dwar il-pariri legali prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 hija intiża li tipproteġi l-interess ta’ istituzzjoni li titlob pariri legali u li tirċievi pariri sinċieri, oġġettivi u kompleti u li, sabiex istituzzjoni tkun tista’ tinvoka din l-eċċezzjoni, jeħtieġ ukoll li r-riskju li dan l-interess jiġi ppreġudikat ikun raġonevolment prevedibbli, u mhux purament ipotetiku (sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, L-Isvezja u Turco vs Il‑Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punti 42 u 43).

83      F’dan ir-rigward, f’dak li jirrigwarda l-fatt li l-iżvelar ta’ parir tas-Servizz Ġuridiku relatat ma’ proposta leġiżlattiva jista’ jwassal għal dubji dwar il-legalità tal-att leġiżlattiv ikkonċernat, diġà ġie deċiż li hija preċiżament it-trasparenza f’dan ir-rigward li, billi tippermetti li d-diverġenzi bejn diversi fehmiet jiġu dibattuti fil-miftuħ, tikkontribwixxi sabiex tagħti lill-istituzzjonijiet leġittimità ikbar f’għajnejn iċ-ċittadini Ewropej u sabiex iżżid il-fiduċja tagħhom. Fil-fatt, hija pjuttost l-assenza ta’ informazzjoni u ta’ dibattitu li jistgħu jqajmu dubji f’moħħ iċ-ċittadini, mhux biss fir-rigward tal-legalità ta’ att iżolat, iżda wkoll fir-rigward tal-leġittimità tal-proċess deċiżjonali fl-intier tiegħu (sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, L-Isvezja u Turco vs Il‑Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punt 59).

84      F’dan il-każ, għandu madankollu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti meta ssemmi r-riferiment, fid-deċiżjoni kkontestata u b’rabta mal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, għall-proposti għal emenda tad-Deċiżjoni 2015/1601 u tar-Regolament Nru 539/2001, id-dokumenti kontenzjużi ma jikkostitwixxux pariri legali relatati ma’ proposta leġiżlattiva speċifika. Fil-fatt, huma jikkostitwixxu teħid ta’ pożizzjonijiet, preliminari, tas-Servizz Ġuridiku dwar diversi aspetti tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-ażil, kif implimentati fl-ordinament ġuridiku Grieg u b’rabta mal-impenji politiċi nnegozjati u konklużi, taħt l-isem ta’ “Dikjarazzjonijiet UE‑Turkija”, bejn il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-Unjoni u l-kontroparti Torka tagħhom.

85      Madankollu, l-attività mhux leġiżlattiva tal-istituzzjonijiet ma taqax barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-Artikolu 2(3) ta’ dan ir-regolament jispeċifika li dan tal-aħħar “għandhu jgħodd lil [għal] kull dokument miżmum minn istituzzjoni, jiġifieri, dokumenti miktuba minnha jew li rċiviet u fil-pussess tagħha, f’kull qasam ta’ attività ta’ l-Unjoni” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, L-Isvezja vs MyTravel u Il‑Kummissjoni, C‑506/08 P, EU:C:2011:496, punti 87, 88 u 109, u tat-3 ta’ Lulju 2014, Il‑Kunsill vs in ’t Veld, C‑350/12 P, EU:C:2014:2039, punt 107 u l-ġurisprudenza ċċitata).

86      F’dan il-każ, id-dokumenti kontenzjużi jinkludu konsultazzjonijiet legali indirizzati b’mod partikolari lill-Uffiċċji tal-President tal-Kummissjoni, tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u tal-membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-Affarijiet Interni, li ntalbu b’terminu qasir sabiex jassistu lir-rappreżentanti tal-Kummissjoni fil-laqgħat tagħhom mar-rappreżentanti tar-Repubblika Ellenika u tar-Repubblika tat-Turkija, bil-għan li jiġu ddefiniti l-miżuri li dawn tal-aħħar kellhom jadottaw fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-impenji meħuda skont id-Dikjarazzjonijiet UE‑Turkija tat-8 u tat-18 ta’ Marzu 2016.

87      F’dan ir-rigward, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, l-iżvelar ta’ tali pariri legali, preparatorji u interni, elaborati għall-finijiet ta’ djalogu politiku bejn l-istituzzjoni u r-rappreżentanti ta’ Stat Membru u ta’ Stat terz kien effettivament jippreġudika, b’mod prevedibbli, l-interess tal-Kummissjoni li titlob u tirċievi pariri legali sinċieri, oġġettivi u kompleti mid-diversi dipartimenti tagħha sabiex tipprepara l-pożizzjoni finali tagħha bħala istituzzjoni, iktar u iktar f’qasam ta’ ċerta sensittività politika u f’kuntest ta’ urġenza sabiex tiġi rrimedjata sitwazzjoni delikata ta’ migrazzjoni.

88      Fil-fatt, il-konsultazzjonijiet bejn id-dipartimenti, li f’dan il-każ ħadu l-forma tad-dokumenti kontenzjużi, iżda li kienu ġew akkumpanjati minn komunikazzjonijiet telefoniċi, jikkostitwixxu xogħol preparatorju indispensabbli għall-funzjonament tajjeb ta’ din l-istituzzjoni. Issa, is-sinċerità, l-oġġettività il-kompletezza kif ukoll il-ħeffa ta’ dawn il-konsultazzjonijiet legali, mogħtija b’urġenza, kif juru b’mod partikolari s-sigħat kultant tard filgħaxija li fihom intbagħtu l-komunikazzjonijiet bil-posta elettronika inkwistjoni, mill-membri tas-Servizz Ġuridiku lill-Presidenza tal-Kummissjoni u lid-DĠ imqiegħed taħt l-awtorità tal-membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-Affarijiet Interni, kienu jiġu affettwati, f’dan il-każ, li kieku l-awturi ta’ tali konsultazzjonijiet, ifformulati bil-għaġġla bil-għan li jiġu ppreparati laqgħat bejn uffiċjali ta’ din l-istituzzjoni u dawk ta’ Stat Membru u ta’ Stat terz, kellhom jipprevedu li tali komunikazzjonijiet bil-posta elettronika jistgħu jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

89      Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda l-ilment ifformulat fir-replika mir-rikorrenti u bbażat fuq “nuqqas ta’ raġunament” min-naħa tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata jew fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, id-deskrizzjoni tan-natura u tal-kontenut tad-dokumenti mitluba kif ukoll il-motivi ta’ rifjut esposti mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, inkluża l-espożizzjoni tal-kuntest li fih huma ġew elaborati, ma humiex kontradittorji u jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE. Konsegwentement, dan l-ilment għandu, fi kwalunkwe każ, jiġi miċħud, mingħajr ma hemm bżonn li tiġi eżaminata l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni fil-kontroreplika.

90      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tielet parti tat-tieni motiv, dwar l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri fl-iżvelar tad-dokumenti kontenzjużi

91      Jekk jitqies li f’dan il-każ jista’ jiġi rrikonoxxut li teżisti preżunzjoni ġenerali ta’ preġudizzju jew ta’ preġudizzju konkret għall-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji u tal-pariri legali, ir-rikorrenti ssostni sussidjarjament, fit-tielet parti tat-tieni motiv, li kien jeżisti interess pubbliku superjuri fl-iżvelar tad-dokumenti kontenzjużi fis-sens tal-aħħar frażi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Fil-fatt, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jagħtu rendikont u juru l-leġittimità tad-deċiżjonijiet li jieħdu f’isem iċ-ċittadini tagħha biss jekk dawn tal-aħħar ikunu f’pożizzjoni li jifhmu l-kuntest ġuridiku li fih jittieħdu dawn id-deċiżjonijiet. Għaldaqstant, iċ-ċittadini għandhom jingħataw aċċess għad-dokumenti kontenzjużi, anki jekk dan l-iżvelar ikollu potenzjalment jippreġudika l-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji u tal-pariri legali.

92      Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-aħħar frażi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, sa fejn il-Kummissjoni naqset milli teżamina l-eżistenza ta’ interess pubbliku fl-iżvelar u, b’mod iktar ġenerali, milli tibbilanċja l-interessi mħarsa mill-iżvelar ma’ dawk opposti għal tali żvelar. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tikkontesta l-affermazzjoni ta’ din l-istituzzjoni li hija ressqet biss kunsiderazzjonijiet ġenerali li ma kinux ta’ natura li jistabbilixxu li l-prinċipju ta’ trasparenza kien ta’ importanza partikolari f’dan il-każ. Fil-fatt, ir-riferiment għan-natura partikolari tal-kriżi tal-migrazzjoni u tal-miżuri adottati sabiex din tiġi rrimedjata kien suffiċjenti sabiex, f’dan il-każ, jiġġustifika l-eżistenza ta’ interess pubbliku partikolari fl-iżvelar fis-sens tal-aħħar frażi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

93      Il-Kummissjoni titlob li t-tielet parti tat-tieni motiv jiġi miċħud bħala infondat, billi tenfasizza li, fid-deċiżjoni kkontestata, hija indikat lir-rikorrenti li din tal-aħħar illimitat ruħha li tinvoka l-prinċipju ta’ trasparenza mingħajr ma wriet kif, f’dan il-każ, dan il-prinċipju kien ta’ importanza partikolari li setgħet tipprevali fuq ir-raġunijiet leġittimi li jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ żvelar tad-dokumenti kontenzjużi.

94      F’dan il-każ, il-Kummissjoni eżaminat l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri, iżda, skont din l-istituzzjoni, jibqa’ l-fatt li kien il-kompitu tar-rikorrenti li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ tali interess pubbliku. Issa, dwar dan l-aspett, din tal-aħħar illimitat ruħha li ssemmi kunsiderazzjonijiet ġenerali, relatati mad-dritt tas-soċjetà li tiġi informata u mad-dritt taċ-ċittadini li jifhmu l-kuntest ġuridiku inkwistjoni, li, fil-fehma tal-Kummissjoni, bl-ebda mod ma kienu ta’ natura li juru li, f’dan il-każ, il-prinċipju ta’ trasparenza kien ta’ importanza partikolari li kienet tipprevali fuq ir-raġunijiet li jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ żvelar tad-dokumenti kontenzjużi, iktar u iktar billi l-Kummissjoni kienet żgurat speċifikament li tinforma ċ-ċittadini permezz tax-xandir ta’ informazzjoni aġġornata, bħall-Komunikazzjoni tas-16 ta’ Marzu 2016 intitolata “Il-Passi Operattivi li jmiss fil-Kooperazzjoni bejn l-UE u t-Turkija fil-Qasam tal-Migrazzjoni”. Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ diskussjonijiet akkademiċi ma tistax tikkostitwixxi l-prova tal-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri fis-sens tal-aħħar frażi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

95      Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ssostni li, għal uħud mid-dokumenti kontenzjużi, kienet applikabbli l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tar-relazzjonijiet internazzjonali. Issa, f’dak li jirrigwarda din l-eċċezzjoni, li hija rregolata mill-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, ebda bbilanċjar ma’ interess pubbliku superjuri fl-iżvelar ma kien previst mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

96      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, meta istituzzjoni tapplika waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 1049/2001, hija għandha l-obbligu li tibbilanċja l-interess speċifiku li għandu jiġi protett min-nuqqas ta’ żvelar tad-dokument ikkonċernat u, b’mod partikolari, l-interess ġenerali li dan id-dokument jiġi reż aċċessibbli, fid-dawl tal-vantaġġi li jirriżultaw, kif tirrileva l-premessa 2 tar-Regolament Nru 1049/2001, minn trasparenza ikbar, jiġifieri parteċipazzjoni aħjar miċ-ċittadini fil-proċess deċiżjonali kif ukoll iktar leġittimità, effettività u responsabbiltà min-naħa tal-amministrazzjoni fir-rigward taċ-ċittadini f’sistema demokratika (ara s-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013, Il‑Kunsill vs Access Info Europe, C‑280/11 P, EU:C:2013:671, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

97      Madankollu, huwa r-rikorrent li għandu jinvoka b’mod konkret ċirkustanzi li juru li jeżisti interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni (sentenzi tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il-Finlandja vs Il‑Kummissjoni, C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738, punt 94; tas-16 ta’ Lulju 2015, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni, C‑612/13 P, EU:C:2015:486, punt 90, u tat-23 ta’ Jannar 2017, Justice & Environment vs Il‑Kummissjoni, T‑727/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:18, punt 49).

98      Madankollu, l-interess pubbliku superjuri li jista’ jiġġustifika l-iżvelar ta’ dokument ma għandux neċessarjament ikun distint mill-prinċipji li fuqhom huwa bbażat ir-Regolament Nru 1049/2001 (sentenzi tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il-Finlandja vs Il‑Kummissjoni, C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738, punt 92, u tas-16 ta’ Lulju 2015, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni, C‑612/13 P, EU:C:2015:486, punt 92).

99      F’dan ir-rigward, il-prinċipju ta’ trasparenza, li fuqu huwa bbażat ir-Regolament Nru 1049/2001 u li huwa invokat mir-rikorrenti, jikkontribwixxi sabiex isaħħaħ id-demokrazija billi jippermetti liċ-ċittadini jikkontrollaw l-informazzjoni kollha li tkun ikkostitwixxiet il-bażi ta’ att leġiżlattiv. Fil-fatt, il-possibbiltà, għaċ-ċittadini, li jsiru jafu l-bażijiet tal-azzjonijiet leġiżlattivi hija kundizzjoni għall-eżerċizzju effettiv, minn dawn tal-aħħar, tad-drittijiet demokratiċi tagħhom (sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, L-Isvezja u Turco vs Il‑Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punt 46).

100    F’dan il-każ, għandu jitfakkar li d-dokumenti kontenzjużi ma tfasslux fil-kuntest ta’ proċedura leġiżlattiva fis-sens tat-Trattat FUE.

101    Madankollu, ir-rikorrenti invokat kunsiderazzjonijiet ġenerali relatati mal-prinċipju ta’ trasparenza, li jimplikaw, fl-interess ġenerali, parteċipazzjoni aħjar miċ-ċittadini fil-proċess deċiżjonali kif ukoll iktar leġittimità, effettività u responsabbiltà min-naħa tal-amministrazzjoni fir-rigward taċ-ċittadini f’sistema demokratika (sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, L-Isvezja u Turco vs Il‑Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punt 45).

102    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, peress li ġie kkonstatat li r-rifjut ta’ żvelar tal-ewwel dokument kontenzjuż kien jaqa’ taħt l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, it-tielet parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala ineffettiva f’dak li jirrigwarda dan id-dokument. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni, l-istituzzjonijiet huma obbligati jirrifjutaw l-aċċess għad-dokumenti li jaqgħu taħt dawn l-eċċezzjonijiet obbligatorji meta jiġu pprovati ċ-ċirkustanzi previsti minn dawn l-eċċezzjonijiet, mingħajr ma huwa neċessarju li l-protezzjoni tal-interess pubbliku tiġi bbilanċjata ma’ interess ġenerali superjuri (sentenzi tal-25 ta’ April 2007, WWF European Policy Programme vs Il‑Kunsill, T‑264/04, EU:T:2007:114, punti 44 u 45, u tat-12 ta’ Settembru 2013, Besselink vs Il‑Kunsill, T‑331/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:419, punt 44).

103    It-tieni nett, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-kunsiderazzjonijiet ġenerali relatati mal-prinċipju ta’ trasparenza, invokati minnha fit-talba konfermattiva, ittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, iżda din tal-aħħar qieset li dawn ma kinux ta’ natura li jistabbilixxu li, f’dan il-każ, l-prinċipju ta’ trasparenza kien ta’ importanza partikolari li setgħet tipprevali fuq ir-raġunijiet li jiġġustifikaw ir-rifjut ta’ żvelar tad-dokumenti kontenzjużi.

104    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat ukoll li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, l-awturi tad-dokumenti kontenzjużi ma kinux wettqu evalwazzjoni, f’dawn id-dokumenti, dwar it-taqsim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha bil-għan li jiġu adottati d-Dikjarazzjonijiet UE‑Turkija tat-8 u tat-18 ta’ Marzu 2016.

105    F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-argumenti mressqa mir-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li din tal-aħħar naqset milli tistabbilixxi kif, f’dan il-każ, il-prinċipju ta’ trasparenza kien ta’ importanza partikolari li tiġġustifika, tal-inqas f’dak li jirrigwarda d-dokumenti li ma kinux koperti mill-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-iżvelar tad-dokumenti kontenzjużi li n-nuqqas ta’ żvelar tagħhom kien jaqa’ taħt il-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji u tal-pariri legali. Għall-kompletezza, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li dan japplika wkoll għad-dokumenti koperti mill-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1049/2001.

106    Għaldaqstant, it-tielet parti għandha tiġi miċħuda u, għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001

107    Taħt ir-raba’ motiv, ippreżentat sussidjarjament u li għandu jiġi eżaminat qabel it-tielet motiv, ir-rikorrenti tikkontesta l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li aċċess parzjali għad-dokumenti kontenzjużi ma kienx possibbli. Fil-fatt, fid-dawl tan-natura ta’ dawn id-dokumenti, huwa inkonċepibbli li t-test intier li jinsab fihom ikun kopert mill-eċċezzjonijiet invokati mill-Kummissjoni. Konsegwentement, billi rrifjutat li tagħti aċċess parzjali lir-rikorrenti fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001.

108    Il-Kummissjoni titlob li l-motiv jiġi miċħud, billi tenfasizza li, fid-deċiżjoni kkontestata, kienet spjegat li hija kienet ikkunsidrat il-possibbiltà li tagħti aċċess parzjali għad-dokumenti kkontestata, iżda eskludietha għar-raġuni dawn id-dokumenti fl-intier tagħhom kienu jaqgħu taħt l-eċċezzjonijiet li jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ żvelar skont ir-Regolament Nru 1049/2001.

109    F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001, “[j]ekk partijiet biss tad-dokument mitlub huma koperti minn xi eċċezzjoni, il-biċċiet l-oħra tad-dokument għandhom jiġu żvelati”.

110    Skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżami tal-aċċess parzjali għal dokument tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandu jitwettaq fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (sentenza tat-12 ta’ Settembru 2013, Besselink vs Il‑Kunsill, T‑331/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:419, punt 83; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2001, Il‑Kunsill vs Hautala, C‑353/99 P, EU:C:2001:661, punti 27 u 28).

111    Mill-kliem innifsu tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001 jirriżulta li istituzzjoni hija marbuta li teżamina jekk għandux jingħata aċċess parzjali għad-dokumenti koperti minn talba għal aċċess, billi tillimita eventwali rifjut biss għall-informazzjoni koperta mill-eċċezzjonijiet ikkonċernati. L-istituzzjoni għandha tagħti tali aċċess parzjali jekk l-għan li din l-istituzzjoni tfittex li tilħaq, meta tirrifjuta l-aċċess għad-dokument, ikun jista’ jintlaħaq fil-każ li din l-istituzzjoni tillimita ruħha li tgħatti s-siltiet li jistgħu jippreġudikaw l-interess pubbliku protett (sentenzi tal-25 ta’ April 2007, WWF European Policy Programme vs Il‑Kunsill, T‑264/04, EU:T:2007:114, punt 50, u tat-12 ta’ Settembru 2013, Besselink vs Il‑Kunsill, T‑331/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:419, punt 84; ara wkoll is-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2001, Il‑Kunsill vs Hautala, C‑353/99 P, EU:C:2001:661, punt 29).

112    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, fid-deċiżjoni kkontestata u kif hija indikat f’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni evalwat il-possibbiltà li tagħti lir-rikorrenti aċċess parzjali għad-dokumenti kontenzjużi.

113    Madankollu, mid-dokumenti kontenzjużi prodotti mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali ma jirriżultax li kien ikun possibbli li jingħata aċċess parzjali għall-imsemmija dokumenti mingħajr ma din l-azzjoni timplika l-iżvelar tal-kontenut tal-partijiet mid-dokumenti li għalihom ir-rifjut ta’ aċċess kien iġġustifikat u, b’mod partikolari, l-għanijiet strateġiċi li fuqhom kienu bbażati d-diskussjonijiet dwar l-implimentazzjoni, taħt id-direzzjoni tal-Unjoni, tad-Dikjarazzjonijiet UE‑Turkija mir-Repubblika Ellenika u mir-Repubblika tat-Turkija.

114    Issa, f’dan ir-rigward, il-qorti tal-Unjoni diġà rrikonoxxiet li, f’każ bħal dan, l-istituzzjoni konvenuta, f’dan il-każ il-Kummissjoni, ma hijiex obbligata, fil-motivi tal-att ikkontestat, tidentifika l-kontenut sensittiv tad-dokumenti kontenzjużi li ma jistax jinkixef bl-iżvelar, meta tali azzjoni timplika li tiġi żvelata informazzjoni li l-protezzjoni tagħha hija prevista mill-eċċezzjoni invokata, dwar il-protezzjoni tal-interess pubbliku fir-rigward tar-relazzjonijiet internazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il‑Kunsill, C‑266/05 P, EU:C:2007:75, punt 82, u tat-12 ta’ Settembru 2013, Besselink vs Il‑Kunsill, T‑331/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:419, punt 106), li kien il-każ fir-rigward tal-ewwel dokument kontenzjuż.

115    L-istess japplika għat-tieni u għat-tielet dokumenti kontenzjuż li l-kontenut tagħhom ma setax jiġi żvelat parzjalment mingħajr ma tiġi ppreġudikata l-protezzjoni mogħtija lill-proċeduri ġudizzjarji u lill-pariri legali.

116    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001

117    Peress li ċ-ċaħda tal-ewwel, tat-tieni u tar-raba’ motiv timplika li l-Kummissjoni kellha dritt tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti kontenzjużi billi tinvoka l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1) u (2) tar-Regolament Nru 1049/2001, ma huwiex iktar neċessarju li tiġi eżaminata l-fondatezza tat-tielet motiv.

118    Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar it-tielet motiv.

 Fuq l-ispejjeż

119    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

120    Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Access Info Europe hija kkundannata għall-ispejjeż.

Pelikánová

Nihoul

Svenningsen

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-7 ta’ Frar 2018.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.