Language of document : ECLI:EU:T:2018:77

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

8 ta’ Frar 2018 (*)

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ revoka – Trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea Vieta – Użu ġenwin tat-trade mark – Deċiżjoni meħuda wara l-annullament mill-Qorti Ġenerali ta’ deċiżjoni preċedenti – Artikolu 65(6) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 72(6) tar-Regolament (UE) 2017/1001) – Awtorità ta’ res judicata”

Fil-Kawża T‑879/16,

Sony Interactive Entertainment Europe Ltd, stabbilita f’Londra (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn S. Malynicz, QC,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn J. Crespo Carrillo u minn D. Walicka, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO kienet

Marpefa, SL, stabbilita f’Barcelona (Spanja),

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO, tal-4 ta’ Ottubru 2016 (Każ R 1010/2016‑4), dwar proċedimenti ta’ revoka bejn Sony Computer Entertainment Europe Ltd u Marpefa,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn A. M. Collins (Relatur), President, M. Kancheva u J. Passer, Imħallfin,

Reġistratur: X. Lopez Bancalari, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Diċembru 2016,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ Marzu 2017,

wara s-seduta tal-10 ta’ Novembru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-3 ta’ Awwissu 2000, Gedelson SA ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea quddiem l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intelletwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat (sostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009 L 79, p. 1), kif emendat, huwa stess issostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017 L 154, p. 1)).

2        It-trade mark li għaliha ntalbet ir-reġistrazzjoni huwa s-sinjal figurattiv li ġej:

Image not found

3        Il-prodotti u s-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark jaqgħu taħt il-klassi 9 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta’ Trade marks tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u li inizjalment kienu jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: “Diski akustiċi, apparat għat-tindif ta’ diski akustiċi, sistemi ta’ lawdspikers, sistemi ta’ spikers għal twassil ta’ diskors lill-pubbliku, amplifikaturi tal-ħoss, kasetts tal-vidjo, strixxi manjetiċi, kabinetti għall-amplifikaturi tal-ħoss, kameras tal-vidjos, films ċinematografiċi esposti, diski kumpatti, folji trasparenti fotografiċi, kameras, kompjuters, skrins tal-vidjo, apparat għar-riproduzzjoni tal-ħsejjes u l-immaġini, apparat tat-televiżjoni, tagħmir li jdoqq diski rreġistrati”.

4        It-trade mark ikkontestata ġiet irreġistrata fit-13 ta’ Settembru 2001 bin-numru 1790674 għall-prodotti imsemmija fil-punt 3 hawn fuq.

5        Fit-12 ta’ Diċembru 2002, it-trasferiment tat-trade mark favur Marpefa, SL ġie rreġistrat fir-reġistru tal-EUIPO.

6        Fil-25 ta’ Lulju 2010, ir-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata ġiet imġedda sat-3 ta’ Awwissu 2020.

7        Fl-14 ta’ Novembru 2011, ir-rikorrenti, Sony Interactive Entertainment Europe Ltd, li, f’dik id-data kien jisimha Sony Computer Entertainment Europe Ltd, ressqet talba għal revoka tat-trade mark ikkontestata, skont l-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 58(1)(a) tar-Regolament Nru 2017/1001), għall-prodotti kollha li għalihom kienet ġiet irreġistrata. F’din it-talba, hija sostniet li din it-trade mark ma kinitx is-suġġett ta’ użu ġenwin fl-Unjoni Ewropea matul il-perijodu rilevanti ta’ ħames snin u li ma kinux jeżistu raġunijiet ġusti għan-nuqqas ta’ użu.

8        Fil-21 ta’ Marzu 2012, bi tweġiba għat-talba ta’ revoka tat-trade mark ikkontestata, Marpefa affermat li t-trade mark ikkontestata kienet is-suġġett ta’ użu ġenwin, għall-inqas fi Spanja, bejn l-14 ta’ Novembru 2006 u t-13 ta’ Novembru 2011, għall-prodotti kollha msemmija fil-punt 3 hawn fuq, u ppreżentat serje ta’ provi li fihom b’mod partikolari l-kelma “vieta” kif ukoll it-trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea segwenti (ukoll rrappreżentata fil-kulur griż):

Image not found

9        Permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Awwissu 2013, id-Diviżjoni ta’ Kanċellazzjoni ċaħdet it-talba għal revoka għall-prodotti segwenti: “lawdspikers, sistemi ta’ spikers għal twassil ta’ diskors lill-pubbliku, amplifikaturi tal-ħoss” u “kompjuters, skrins tal-vidjo, apparat għar-riproduzzjoni tal-ħsejjes u l-immaġini, apparat tat-televiżjoni, tagħmir li jdoqq diski reġistrati” Hija laqgħet it-talba għall-prodotti l-oħra koperti mit-trade mark ikkontestata.

10      Fit-28 ta’ Ottubru 2013, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l-EUIPO intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ Kanċellazzjoni sa fejn hija ċaħdet it-talba għal revoka.

11      Permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Lulju 2014 (iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni”), it-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO ċaħad l-appell. Essenzjalment, huwa qies li l-provi prodotti minn Marpefa kienu juru li t-trade mark ikkontestata kienet is-suġġett ta’ użu ġenwin fl-Unjoni matul il-perijodu rilevanti fir-rigward ta’ “lawdspikers, sistemi ta’ spikers għal twassil ta’ diskors lill-pubbliku, amplifikaturi tal-ħoss” u “kompjuters, skrins tal-vidjo, apparat għar-riproduzzjoni tal-ħsejjes u l-immaġini, apparat tat-televiżjoni, tagħmir li jdoqq diski reġistrati”, li jaqgħu fil-klassi 9.

12      Fl-ewwel deċiżjoni, fl-ewwel lok, il-Bord tal-Appell indika li l-perijodu rilevanti għall-evalwazzjoni tal-użu ġenwin tat-trade mark ikkontestata kien jestendi mill-14 ta’ Novembru 2006 sat-13 ta’ Novembru 2011 iż-żewġ dati inklużi. Fit-tieni lok, huwa qies li r-rekwiżiti dwar il-post tal-użu kienu sodisfatti f’dan il-każ. Fit-tielet lok, fir-rigward tal-perijodu tal-użu, huwa qies, essenzjalment, li meħuda flimkien, il-provi prodotti minn Marpefa kienu juru il-“frekwenza” u r-“regolarità” tal-użu tat-trade mark ikkontestata fl-Unjoni, b’mod partikolari bejn l-2008 u l-2011. Fir-raba’ lok, fir-rigward tan-natura tal-użu, huwa kkonstata li t-trade mark ikkontestata ma kinitx użata taħt forma li tbiddel il-karattru distintiv meta mqabbla mal-forma taħt liema kienet ġiet irreġistrata. Fil-ħames lok, huwa qies li evalwazzjoni globali tal-provi tirrileva li t-trade mark ikkontestata kienet ġiet użata sabiex tiddeskrivi l-prodotti msemmija fil-punt 11 hawn fuq. F’dan il-kuntest, huwa b’mod partikolari rrileva, fil-punt 46 tal-ewwel deċiżjoni, li kien ċar li dawn il-prodotti kienu “sistemi, artikoli u prodotti elettroniċi u awdjo-viżivi li kienu komposti jew jiffurmaw parti minn ‘apparat għar-riproduzzjoni tal-ħsejjes u l-immaġini’ li huma kellhom in-natura jew għan li jixxiebhu jew identiċi u ma kinux komplementari, iżda intriżikament marbuta”, u li kienu jaqgħu taħt il-“kamp ta’ estensjoni naturali”, kif iddefinit mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tal-14 ta’ Lulju 2005, Reckitt Benckiser (España) vs UASI – Aladin (ALADIN), T‑126/03, EU:T:2005:288. Fl-istess punt 46, huwa żied li l-espressjoni “apparat għar-riproduzzjoni tal-ħsejjes u l-immaġini” kienet iddefinita b’mod suffiċjentement “preċiż u delimitat” sabiex tiddeskrivi l-prodotti li għalihom l-użu ġie muri u li ma kellu l-ebda raġuni valida li jadotta diviżjonijiet sinjifikanti fi ħdan din il-kategorija.

13      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Settembru 2014 u rreġistrat bin-numru tal-kawża T‑690/14, ir-rikorrenti ppreżentat rikors għall-annullament tal-ewwel deċiżjoni. Insostenn ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti invokat tliet motivi. It-tielet motiv kien ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju tal-użu parzjali msemmi fl-Artikolu 51(2) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 58(2) tar-Regolament Nru 2017/1001) u kien dirett kontra l-konstatazzjonijiet magħmula mill-Bord tal-Appell fil-punt 46 tal-ewwel deċiżjoni. Fil-kuntest tal-imsemmi motiv, ir-rikorrenti sostniet, essenzjalment, li l-protezzjoni mogħtija lit-trade mark ikkontestata għal “apparat għar-riproduzzjoni tal-ħsejjes u l-immaġini” tapplika għal kategorija ta’ prodotti ferm iktar wiesgħa u li din għandha tiġi sub-diviża f’sub-kategoriji. Matul is-seduta fil-kawża hawn fuq imsemmija, hija żiedet li l-imsemmija kategorija ma kinitx iddelimitata suffiċjentement b’mod ċar u preċiż.

14      Permezz ta’ sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2015, Sony Computer Entertainment Europe vs UASI – Marpefa (Vieta) (T‑690/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:950), il-Qorti Ġenerali laqgħet it-tielet motiv tar-rikors għar-raġuni, essenzjalment, li, kuntrarjament għal dak li ġie affermat fil-punt 46 tal-ewwel deċiżjoni, ma jistax jitqies li l-espressjoni “apparat għar-riproduzzjoni tal-ħsejjes u l-immaġini” kienet iddefinita b’mod suffiċjentement “preċiż u delimitat”. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali rrilevat, li l-EUIPO, mistieden matul is-seduta sabiex jindika x’kienet tkopri din l-espressjoni, ma kienx f’pożizzjoni li jipprovdi tweġiba konklużiva. Il-Qorti Ġenerali kkonstatat ukoll li l-imsemmija espressjoni, mifhuma fis-sens proprju u tas-soltu tagħha, setgħet tinkludi firxa wiesgħa ta’ tagħmir awdjo-viżiv u elettroniku, inkluż tagħmir li d-Diviżjoni ta’ Kanċellazzjoni kienet qieset li l-prova ta’ użu ġenwin tiegħu ma kinitx ġiet prodotta. Konsegwentement, fil-punt 69 tas-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2015, Vieta (T‑690/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:950), il-Qorti Ġenerali ddikjarat li kien hemm lok li “tannulla l-ewwel deċiżjoni […] peress li hija kienet tipprevedi li l-prova tal-użu ġenwin tat-trade mark ikkontestata kienet ippruvata għal ‘apparat għar-riproduzzjoni tal-ħsejjes u l-immaġini’ u, għaldaqstant, hija ċaħdet ir-rikors kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni li tiċħad it-talba għal revoka tat-trade mark ikkontestata għat-tagħmir imsemmi”.

15      Il-punti 1 u 2 tad-dispożittiv tas-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2015, Vieta (T-690/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:950) jaqraw kif ġej:

“Il-Qorti Ġenerali

1)      L-ewwel deċiżjoni […] hija annullata sa fejn hija ċaħdet l-appell kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni li tiċħad it-talba għal revoka tat-trade mark ikkontestata għal ‘apparat għar-riproduzzjoni tal-ħsejjes u l-immaġini’.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.”

16      Wara s-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2015, Vieta (T‑690/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:950) il-Presidju tal-Bordijiet tal-Appell tal-EUIPO, permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Ġunju 2016, bagħat il-kawża quddiem ir-Raba’ Bord tal-Appell bir-riferenza R 1010/2016-4.

17      Permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Ottubru 2016 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO ċaħad l-appell fil-kawża R 1010/2016‑4.

18      Fid-deċiżjoni kkontestata, qabel kollox, il-Bord tal-Appell indika li, wara l-annullament parzjali tal-ewwel deċiżjoni permezz tas-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2015, Vieta (T‑690/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:950), kien il-kompitu tiegħu li jeżamina jekk it-trade mark ikkontestata kinitx is-suġġett ta’ użu ġenwin għal “apparat għar-riproduzzjoni tal-ħsejjes u l-immaġini” matul il-perijodu rilevanti (punt 13 tad-deċiżjoni kkontestata). Huwa ppreċiża li l-ewwel deċiżjoni kienet definittiva fir-rigward tal-“lawdspikers, sistemi ta’ spikers għal twassil ta’ diskors lill-pubbliku, amplifikaturi tal-ħoss, kompjuters, skrins tal-vidjo, apparat għar-riproduzzjoni tal-ħsejjes u l-immaġini, apparat tat-televiżjoni u tagħmir li jdoqq diski rreġistrati” u li, konsegwentement, l-użu ġenwin tat-trade mark ikkontestata għal dawn il-prodotti ġie ppruvat (punt 14 tad-deċiżjoni kkontestata).

19      Sussegwentement, il-Bord tal-Appell espona li l-espressjoni “apparat għar-riproduzzjoni tal-ħsejjes u l-immaġini” kienet tkopri t-tagħmir kollu li jista’ jirriproduċi fl-istess ħin ħsejjes u immaġini (punt 15 tad-deċiżjoni kkontestata). Huwa qies li apparat tat-televiżjoni kien sinonimu ma’ apparat speċifiku għar-riproduzzjoni tal-ħsejjes u l-immaġini u li, għal din ir-raġuni, l-appell ippreżentat quddiemu mir-rikorrenti kellu jiġi miċħud (punt 17 tad-deċiżjoni kkontestata). Huwa żied li l-espressjoni “apparat għar-riproduzzjoni tal-ħsejjes u l-immaġini” kienet “espressjoni speċifika u […] sinonima ta’ ‘apparat tat-televiżjoni’, suffiċjentement ċara u preċiża”, u li ma kinitx tagħmel parti mit-titolu tal-klassi 9 (punt 18 tad-deċiżjoni kkontestata).

20      Fl-aħħar nett, il-Bord tal-Appell afferma li ma kienx rilevanti f’dan il-każ il-prinċipju magħmul mill-ġurisprudenza, kif mfakkar fil-punt 61 tas-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2015, Vieta (T‑690/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:950), li biha, fil-każ ta’ trade mark irreġistrata għal kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi suffiċjentement wiesgħa sabiex tkun tista’ ssir distinzjoni, fi ħdanha, ta’ diversi sub-kategoriji li jistgħu jkunu previsti b’mod awtonomu, il-prova tal-użu ġenwin tat-trade mark għal parti minn dawn il-prodotti jew dawn is-servizzi tipproteġi biss is-sub-kategoriji li fiha jaqgħu l-prodotti jew is-servizzi li għalihom ġiet effettivament użata t-trade mark (punt 19 tad-deċiżjoni kkontestata).

 It-talbiet tal-partijiet

21      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-EUIPO u lill-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell għall-ispejjeż.

22      L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

23      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 65(6) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 72(6) tar-Regolament Nru 2017/1001). It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju li bih il-prodotti jew is-servizzi li għalihom intalbet il-protezzjoni għat-trade mark tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu identifikati mill-applikant b’mod suffiċjentement ċar u preċiż.

24      Fir-rigward tal-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 65(6) tar-Regolament Nru 207/2009, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell, bl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ma osservax id-dispożittiv tas-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2015, Vieta (T‑690/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:950), lanqas ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali li wassal għaliha.

25      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell b’mod żbaljat qies li kien ħieles li jeżamina mill-ġdid il-kwistjoni ta’ dritt u ta’ fatt dwar jekk l-espressjoni “apparat għar-riproduzzjoni tal-ħsejjes u l-immaġini” kinitx iddefinita b’mod suffiċjentement preċiż sabiex tissodisfa l-prinċipju tal-użu parzjali, peress li l-Qorti Ġenerali kienet iddeċidiet il-kuntrarju fis-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2015, Vieta (T‑690/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:950). Hija tqis li din il-konklużjoni kienet saret definittiva, minħabba li ma ġietx ikkontestata fil-kuntest ta’ appell kontra din is-sentenza. Hija tqis li huwa b’mod żbaljat li l-Bord tal-Appell ipprova jargumenta li, peress li apparat tat-televiżjoni seta’ jitqies bħala eżempju ta’ apparat għar-riproduzzjoni tal-ħsejjes u l-immaġini, din l-espressjoni kienet aċċettabbli. Barra minn hekk, dan l-argument ma jikkostitwixxix tweġiba valida għall-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li biha l-espressjoni “apparat għar-riproduzzjoni tal-ħsejjes u l-immaġini” hija wiesgħa wisq fir-rigward tal-prinċipju tal-użu parzjali. Fil-fatt, huwa preċiżament minħabba li huwa possibbli li ssir distinzjoni, fi ħdan din l-espressjoni “ġenerika”, tas-sub-kategoriji li jistgħu jkunu previsti b’mod awtonomu li l-prinċipju tal-użu parzjali għandu japplika.

26      Ir-rikorrenti tqis li l-fatt li l-Bord tal-Appell afferma, fil-punt 19 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-prinċipju tal-użu parzjali stabbilit mill-Qorti Ġenerali ma kienx għadu rilevanti f’dan il-każ jikkostitwixxi eżempju ieħor ta’ nuqqas ta’ għarfien tal-Artikolu 65(6) tar-Regolament Nru 207/2009.

27      L-EUIPO jirrileva li d-deċiżjoni kkontestata tikkjarifika ċerti kunċetti, b’mod partikolari l-fatt li l-“apparat għar-riproduzzjoni tal-ħsejjes u l-immaġini” huwa dak li, esklużivament jew prinċipalment, jirriproduċi fl-istess ħin ħsejjes u immaġini, li jeskludi l-vidjo-kameras jew il-kameras. Huwa jirrileva wkoll li l-Bord tal-Appell qies li l-espressjoni “apparat għar-riproduzzjoni tal-ħsejjes u l-immaġini” kienet sinonima mal-espressjoni “apparat tat-televiżjoni” jiġifieri prodott li għalih ġie ppruvat użu ġenwin tat-trade mark ikkontestata.

28      L-EUIPO jallega li l-Bord tal-Appell ikkonforma mas-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2015, Vieta (T‑690/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:950), billi eżamina jekk kienx possibbli li ssir distinzjoni, fi ħdan il-kategorija tal-“apparat għar-riproduzzjoni tal-ħsejjes u l-immaġini”, kwalunkwe sub-kategorija omoġenja ta’ prodotti li jistgħu jkunu previsti b’ mod awtonomu. Il-Bord tal-Appell, madankollu, ma setax jidentifika tali sub-kategorija, peress li l-imsemmija kategorija kien fiha tip wieħed ta’ prodotti, f’dan il-każ l-apparat tat-televiżjoni. L-EUIPO jżid li r-rikorrenti ma pproponietx tali sub-kategorija.

29      L-EUIPO iżid li bl-inklużjoni fil-kategorija “apparat għar-riproduzzjoni tal-ħsejjes u l-immaġini”, minbarra l-apparat tat-televiżjoni, il-projetturi ċinematografiċi u l-plejers (DVD) u vidjo, “spjegazzjoni alternattiva” tas-sens tal-espressjoni “apparat għar-riproduzzjoni tal-ħsejjes u l-immaġini” setgħet tinkiseb. Huwa jqis, madankollu, li dawn it-tliet tipi ta’ prodotti ma humiex suffiċjentement differenzjati sabiex jistgħu jikkostitwixxu kategoriji jew sub-kategoriji koerenti, li jistgħu jkunu previsti b’mod awtonomu. Fi kliem ieħor, ma huwiex possibbli li jiġu operati diviżjonijiet sinjifikanti fi ħdan il-kategorija tal-“apparat għar-riproduzzjoni tal-ħsejjes u l-immaġini”. Għaldaqstant, il-prova tal-użu ġenwin tat-trade mark ikkontestata mill-apparat tat-televiżjoni, il-projetturi ċinematografiċi u l-plejers (DVD) u vidjo, kienet tkopri l-kategorija kollha hawn fuq imsemmija. F’dan ir-rigward, huwa jirrileva li, fil-punt 41 tal-ewwel deċiżjoni, il-Bord tal-Appell ikkonstata li użu ġenwin tat-trade mark ikkontestata ġie ppruvat għall-projetturi u l-plejers (DVD) portable.

30      Għandu jiġi rrilevat li l-ġurisprudenza diġà enfasizzat l-importanza li għandu l-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata, kemm fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni kif ukoll fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali. Fil-fatt, sabiex jiġu ggarantiti kemm l-istabbiltà tad-dritt u tar-relazzjonijiet ġuridiċi kif ukoll l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa essenzjali li deċiżjonijiet ġudizzjarji li jkunu saru definittivi wara li jkunu ntużaw ir-rimedji ġudizzjarji kollha disponibbli jew wara li jkunu skadew it-termini previsti għal dawn ir-rimedji ma jkunux jistgħu jiġu kkontestati iktar (ara s-sentenza tad-19 ta’ April 2012, Artegodan vs Il-Kummissjoni, C‑221/10 P, EU:C:2012:216, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      F’dan il-kuntest, kien ġie deċiż li l-awtorità ta’ res judicata, minn naħa, hija marbuta biss mal-punti ta’ fatt u ta’ liġi li kienu ġew deċiżi effettivament jew neċessarjament mid-deċiżjoni ġudizzjarja inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, li din l-awtorità ma hijiex marbuta biss mad-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni, iżda testendi għall-motivi ta’ din id-deċiżjoni li jikkostitwixxu l-bażi neċessarja tad-dispożittiv tagħha u huma, għalhekk, inseparabbli (ara s-sentenza tad-19 ta’ April 2012, Artegodan vs il-Kummissjoni, C‑221/10 P, EU:C:2012:216, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Fir-rigward tal-prodotti msemmija fl-ewwel deċiżjoni minbarra l-“apparat għar-riproduzzjoni tal-ħsejjes u l-immaġini”, jiġifieri il-“lawdspikers”, is-“sistemi ta’ spikers għal twassil ta’ diskors lill-pubbliku”, l-“amplifikaturi tal-ħoss”, il-“kompjuters”, l-“iskrins tal-vidjo”, l-“apparat tat-televiżjoni” u t-“tagħmir li jdoqq diski reġistrati”, mis-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2015, Vieta (T‑690/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:950), jirriżulta li l-Qorti Ġenerali approvat il-konklużjoni tal-Bord tal-Appell, fl-ewwel deċiżjoni, li biha l-prova tal-użu ġenwin tat-trade mark ikkontestata għall-imsemmija prodotti kienet ġiet ippruvata. Jibqa’ l-fatt li din il-konklużjoni ma hija bl-ebda mod ikkontestata fil-kuntest ta’ din il-kawża.

33      Fir-rigward tal-“apparat għar-riproduzzjoni tal-ħsejjes u l-immaġini” mill-punti 63 u 68 tas-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2015, Vieta (T‑690/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:950), jirriżulta li l-Qorti Ġenerali qieset li din l-espressjoni ma kinitx tiddeskrivi kategorija preċiża u ddelimitata ta’ prodotti, kif afferma l-Bord tal-Appell fil-punt 46 tal-ewwel deċiżjoni, iżda kategorija wiesgħa ta’ prodotti awdjo-viżivi u elettroniċi. Għaldaqstant, bl-applikazzjoni tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 61 tas-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2015, Vieta (T‑690/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:950), il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 68 tal-istess sentenza, li l-prova tal-użu ġenwin tat-trade mark ikkontestata ma ġiex ippruvat minn dan l-apparat.

34      Abbażi tal-konsegwenzi tal-kunsiderazzjonijiet u tal-konklużjonijiet imsemmija fil-punti 32 u 33 hawn fuq, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 69 tas-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2015, Vieta (T‑690/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:950), u fil-punt 1 tad-dispożittiv tal-istess sentenza, li l-ewwel deċiżjoni għandha tiġi annullata sa fejn hija ċaħdet ir-rikors kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ Kanċellazzjoni li tiċħad it-talba għal revoka tat-trade mark ikkontestata għall-“apparat għar-riproduzzjoni tal-ħsejjes u l-immaġini”.

35      Peress li s-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2015, Vieta (T‑690/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:950), saret definittiva, għaliex ma kinitx is-suġġett ta’ appell, għandu jiġi kkonstatat li kisbet l-awtorità ta’ res judicata. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-konstatazzjonijiet imwettqa mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2015, Vieta (T‑690/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:950), fir-rigward tal-portata tal-espressjoni “apparat għar-riproduzzjoni tal-ħsejjes u l-immaġini” u l-assenza tal-prova tal-użu ġenwin tat-trade mark ikkontestata għal dan l-apparat (ara l-punt 33 hawn fuq), kienu determinanti insostenn tal-punt 1 tad-dispożittiv tal-imsemmija sentenza, li parzjalment annullat l-ewwel deċiżjoni. Għaldaqstant, huma koperti mill-awtorità ta’ res judicata li tibbenefika minnha s-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2015, Vieta (T‑690/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:950), u għandhom jiġu meqjusa bħala deċiżi definittivament.

36      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 65(6) tar-Regolament Nru 207/2009 huwa l-EUIPO li għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma mas-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2015, Vieta (T‑690/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:950).

37      Skont ġurisprudenza stabbilita, sentenza ta’ annullament topera ex tunc u għalhekk ikollha l-effett li telimina b’mod retroattiv l-att annullat mis-sistema legali (ara sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Marzu 2009, Kaul vs UASI – Bayer (ARCOL), T‑402/07, EU:T:2009:85, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Mill-istess ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza ta’ annullament u sabiex din tingħata eżekuzzjoni sħiħa, l-istituzzjoni li tkun l-awtur tal-att annullat għandha tosserva mhux biss id-dispożittiv tas-sentenza, iżda wkoll il-motivi li wasslu għal tali sentenza u li jikkostitwixxu l-bażi meħtieġa tagħha, fis-sens li huma indispensabbli sabiex tiġi ddeterminata t-tifsira eżatta ta’ dak li ġie deċiż fid-dispożittiv. Huma fil-fatt dawn ir-raġunijiet li, minn naħa, jidentifikaw id-dispożizzjoni eżatta meqjusa bħala illegali u, min-naħa l-oħra, li juru r-raġunijiet eżatti tal-illegalità kkonstatata fid-dispożittiv u li l-istituzzjoni kkonċernata għandha tieħu inkunsiderazzjoni meta tissostitwixxi l-att annullat (sentenzi tat-13 ta’ April 2011, Safariland vs UASI – DEF‑TEC Defense Technology (FIRST DEFENSE AEROSOL PEPPER PROJECTOR), T‑262/09, EU:T:2011:171, punt 41, u tat-8 ta’ Ġunju 2017, Bundesverband Deutsche Tafel vs EUIPO – Tiertafel Deutschland (Tafel), T‑326/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:380, punt 19).

39      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat lil-Bord tal-Appell korrettement eżegwixxa s-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2015, Vieta (T‑690/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:950) billi ddikjara, fil-punt 14 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ewwel deċiżjoni kienet definittiva fir-rigward tal-“lawdspikers”, is-“sistemi ta’ spikers għal twassil ta’ diskors lill-pubbliku”, l-“amplifikaturi tal-ħoss”, il-“kompjuters”, l-“iskrins tal-vidjo”, l-“apparat tat-televiżjoni” u t-“tagħmir li jdoqq diski rreġistrati” u li l-użu ġenwin tat-trade mark ikkontestata għalhekk ġie ppruvat għal dawn il-prodotti.

40      Il-Bord tal-Appell ukoll korrettement eżegwixxa s-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2015, Vieta (T‑690/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:950), billi kkunsidra, fil-punt 13 tad-deċiżjoni kkontestata, li, wara l-annullament parzjali tal-ewwel deċiżjoni ppronunzjata mill-Qorti Ġenerali, kellu jieħu deċiżjoni ġdida fir-rigward tal-“apparat għar-riproduzzjoni tal-ħsejjes u l-immaġini” peress li r-rikors ippreżentat quddiemu mir-rikorrenti kien għal darba oħra pendenti għal dan l-aspett partikolari tal-kawża.

41      Min-naħa l-oħra, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell b’mod ċar eskluda s-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2015, Vieta (T‑690/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:950), billi ddikjara, f’kontradizzjoni totali mal-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li kisbet l-awtorità ta’ res judicata (ara l-punt 35 hawn fuq) li l-espressjoni “apparat għar-riproduzzjoni tal-ħsejjes u l-immaġini” kellha kontenut ċar u preċiż u kienet tkopri tip wieħed biss ta’ prodotti, jiġifieri, l-apparat tat-televiżjoni, u billi ddeduċa li l-prova tal-użu ġenwin kien ippruvat għall-“apparat għar-riproduzzjoni tal-ħsejjes u l-immaġini”. Għaldaqstant huwa wkoll b’kontradizzjoni totali mal-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2015, Vieta (T‑690/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:950), li wkoll kisbet l-awtorità ta’ res judicata (ara l-punt 35 hawn fuq), li r-Raba’ Bord tal-Appell ċaħad l-appell tar-rikorrenti kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ Kanċellazzjoni tat-23 ta’ Awwissu 2013, billi afferma għalhekk mill-ġdid il-fondatezza taċ-ċaħda tat-talba għal revoka tat-trade mark ikkontestata għall-“apparat għar-riproduzzjoni tal-ħsejjes u l-immaġini”, hekk kif deċiż mid-Diviżjoni ta’ Kanċellazzjoni fid-deċiżjoni tagħha hawn fuq imsemmija imbagħad mit-tieni Bord tal-Appell fl-ewwel deċiżjoni tiegħu.

42      Minn dan isegwi li l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 65(6) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu jintlaqa’.

43      Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata mingħajr li huwa meħtieġ li jiġi eżaminat it-tieni motiv.

 Fuq l-ispejjeż

44      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-EUIPO tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, kif mitluba mir-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tal-4 ta’ Ottubru 2016 (Każ R 1010/2016-4), dwar proċedimenti ta’ revoka bejn Sony Computer Entertainment Europe Ltd u Marpefa, SL hija annullata.

2)      L-EUIPO huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Collins

Kancheva

Passer

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-8 ta’ Frar 2018.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.