Language of document : ECLI:EU:C:2013:842

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fit-12 ta’ Diċembru 2013 (1)

Kawża C‑456/12

O.

vs

Minister voor Immigratie, Integratie en Asiel,

u

Minister voor Immigratie, Integratie en Asiel

vs

B.,

Kawża C‑457/12

S.

vs

Minister voor Immigratie, Integratie en Asiel,

u

Minister voor Immigratie, Integratie en Asiel

vs

G.

[talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi)]

“Id-dritt ta’ ċittadini mhux tal-Unjoni Ewropea li jirrisjedu fl-Istat Membru ta’ ċittadinanza u residenza taċ-ċittadin tal-Unjoni li miegħu għandhom rabtiet familjari”





1.        Erba’ ċittadini ta’ pajjiż terz (“O”, “B”, “S” u “G”) kollha kemm huma għandhom rabtiet familjari ma’ ċittadin Olandiż differenti (u għaldaqstant ċittadin tal-Unjoni) li jisponsorizzahom. Kollha kemm huma jfittxu residenza legali fil-Pajjiżi l-Baxxi fejn jirrisjedi l-isponsor rispettiv tagħhom. F’kull każ, l-isponsor qasam il-fruntieri għal Stati Membri oħra, u dan għal raġunijiet ta’ xogħol jew raġunijiet oħra. Ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) (il-Pajjiżi l-Baxxi) qiegħed essenzjalment jistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk tali ċaqliq huwiex biżżejjed biex jiġi stabbilit li d-dritt tal-Unjoni huwa applikabbli u biex jinħoloq dritt ta’ residenza sekondarju fil-Pajjiżi l-Baxxi għal dawn iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz.

2.        O, B u G huma miżżewwġin lil “sponsor O”, “sponsor B” u “sponsor G” rispettivament. Sponsor O u sponsor B diġà qattgħu xi żmien fi Stati Membri oħra iżda ma ħadmux hemmhekk. Sponsor G huwa impjegat ma’ persuna li timpjega Belġjana u jivvjaġġa kuljum biex imur jaħdem fl-Belġju. G u sponsor G għandhom it-tfal. S għandu ħaten (“sponsor S”) li huwa impjegat ma’ persuna li timpjega Olandiża iżda jqatta’ madwar 30 % minn ħinu jipprepara u jagħmel viżti ta’ negozju fil-Belġju. S tieħu ħsieb it-tifel ta’ sponsor S fil-Pajjiżi l-Baxxi.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

3.        L-Artikolu 20(1) TFUE jistabbilixxi ċ-ċittadinanza tal-Unjoni u jipprovdi li “[k]walunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru” hija ċittadina tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 20(2)(a), iċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom “id-dritt ta’ moviment liberu u d-dritt ta” residenza libera fit-territorju ta’ l-Istati Membri”.

4.        L-Artikolu 21(1) TFUE jżid li d-dritt huwa “salvi l-limitazzjonijiet u l-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati u ddispożizzjonijiet meħuda sabiex dan jitwettaq”.

5.        L-Artikolu 45 TFUE jiggarantixxi l-moviment liberu tal-ħaddiema li jimplika “l-abolizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza bejn il-ħaddiema ta’ l-Istati Membri dwar l-impjieg, il-paga u l-kondizzjonijiet l-oħra tax-xogħol”.

6.        Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 TFUE, “ir-restrizzjonijiet fuq il-liberta’ li jiġu provduti servizzi fl-Unjoni għandhom jiġu projbiti fir-rigward ta’ ċittadini ta’ Stati Membri li jkunu stabbiliti fi Stat Membru li ma jkunx dak tal-persuna li lilha jingħataw is-servizzi”

 Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

7.        L-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) għandu t-titlu “Ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja” u jipprovdi li “[k]ull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha [...]”.

8.        L-Artikolu 51 jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta

“1.      Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Karta huma intiżi [...] għall-Istati Membri wkoll biss meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi ta’ l-Unjoni. Huma għandhom għaldaqstant jirrispettaw id-drittijiet, josservaw il-prinċipji u jippromwovu l-applikazzjoni tagħhom, skond il-kompetenzi rispettivi tagħhom u fir-rispett tal-limiti tal-kompetenzi ta’ l-Unjoni kif mogħtija lilha fit-Trattati.

[...]”.

 Id-Direttiva 2004/38/KE (2)

9.        Il-premessa 1 tad-Direttiva 2004/38 tirriproduċi kliem l-Artikolu 21(1) TFUE. Il-premessa 3 tipprovdi li “[]ċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni għandha tkun l-istatus fondamentali” taċ-ċittadini tal-Istati Membri meta huma jeżerċitaw d-dritt tagħhom ta’ moviment liberu u ta’ residenza.

10.      Skont il-premessa 5, “[i]d-dritt taċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqalu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri għandu, jekk se jiġi eżerċitat taħt il-kondizzjonijiet objettivi tal-libertà u d-dinjità, jingħata wkoll lill-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza. [...]”.

11.      L-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi, inter alia, li “[]l-kondizzjonijiet li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt tal-moviment liberu u ta’ residenza fit-territorju ta’ l-Istati Membri miċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u mill-membri tal-familja tagħhom”.

12.      Għall-finijiet tad-Direttiva 2004/38, “ċittadin ta’ l-Unjoni” tfisser “kwalunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru” [Artikolu 2(1)], u “membru tal-familja” tinkludi “ir-raġel jew martu” [Artikolu 2(2)(a)] u “[]l-qraba diretti dipendenti u dawk tar-raġel jew tal-mara jew tas-sieħeb/sieħba [...]” [Artikolu 2(2)(d)] taċ-ċittadin tal-Unjoni. L-“[i]Stat Membru ospitanti” tfisser “l-Istat Membru li jmur fih ċittadin ta’ l-Unjoni sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu u residenza” [Artikolu 2(3)].

13.      L-Artikolu 3(1) jipprovdi li d-Direttiva 2004/38 għandha tapplika għaċ-“ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru għajr [dak li tiegħu huma ċittadini], u għall-membri tal-familja tagħhom kif imfissra fil-punt 2 ta’ l-Artikolu 2 li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom”.

14.      Għal dak li jirrigwarda membri oħra tal-familja li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(2)(a) u sieħeb/sieħba li miegħu/magħha ċ-ċittadin tal-Unjoni għandu/għandha relazzjoni stabbli, debitament iċċertifikata, l-Artikolu 3(2) jipprovdi li “l-Istat Membru ospitanti [...] għandu jiffaċilita d-dħul u r-residenza [...]” ta’ dawn il-persuni.

15.      L-Artikolu 6(1) jipprovdi li ċ-ċittadini tal-Unjoni għandu jkollhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perijodu ta’ mhux iktar minn tliet xhur. Huma għandhom biss ikollhom karta tal-identità jew passaport li huma validi mingħajr kundizzjonijiet jew formalitajiet oħra. Skont l-Artikolu 6(2), l-istess regoli japplikaw “għall-membri tal-familja li għandhom passaport validu li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru, li qed jakkumpanjaw jew li se jingħaqdu maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni”.

16.      Ċittadin tal-Unjoni u l-membri tal-familja tiegħu (li ma humiex ċittadini ta’ Stat Membru) għandhom ukoll id-dritt ta’ residenza għal iktar minn tliet xhur fl-Istat Membru ospitanti jekk dak iċ-ċittadin tal-Unjoni jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1)(a), (b) jew (ċ) jiġifieri: (a) għandu jkun ħaddiem jew persuna li taħdem għal rasha fl-Istat Membru ospitanti, jew (b) għandu jkollu biżżejjed riżorsi għalih u għall-membri tal-familja tiegħu u għandu jkollu assigurazzjoni għall-mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti, jew (ċ) għandu jkun student u għandu jkollu riżorsi biżżejjed u assigurazzjoni għall-mard komprensiva.

17.      Skont l-Artikolu 16(1), l-eliġibbiltà għad-dritt ta’ residenza permanenti titlob residenza legali għal perijodu kontinwu ta’ ħames snin fl-Istat Membru ospitanti.

18.      Skont l-Artikolu 35, l-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw, itemmu jew jirrevokaw kwalunkwe dritt mogħti bid-Direttiva 2004/38 f’każ ta’ abbuż jew frodi. Kwalunkwe miżura meħtieġa għal dan il-għan għandha tkun proporzjonata u għandha tosserva l-garanziji proċedurali previsti fl-Artikoli 30 u 31.

 Id-dritt Olandiż

19.      Il-Vreemdelingenwet 2000 (Liġi dwar iċ-ċittadini barranin tal-2000, iktar ’il quddiem il-“Vw 2000”) tiddefinixxi ċ-“ċittadini tal-Komunità” bħala ċittadini tal-Istati Membri u membri tal-familja ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għandhom dritt li jidħlu u jirrisjedu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor abbażi ta’ (dak li llum hu) t-TFUE (fir-rigward taċ-ċittadini msemmija l-ewwel) jew deċiżjoni meħuda skont dan it-Trattat (fir-rigward taċ-ċittadini msemmija l-aħħar). Tali ċittadini ta’ pajjiżi terzi jistgħu jiksbu mingħand il-Minister voor Immigratie, Integratie and Asiel (iktar ’il quddiem il-“Ministru għall-Immigrazzjoni, Integrazzjoni u Ażil” jew il-“Ministru”) dokument jew dikjarazzjoni bil-miktub li tiċċertifika r-residenza legali. Jekk il-Ministru jiddikjara ċittadin ta’ pajjiż terz bħala “mhux mixtieq”, huwa jista’, fuq talba tal-persuna kkonċernata, jirrevoka dik id-dikjarazzjoni. Il-kundizzjonijiet rilevanti huma stabbiliti fil-Vreemdelingenbesluit (Digriet dwar iċ-ċittadini barranin), li timplementa l-Vw 2000.

20.      Permess ta’ residenza għal żmien definit jingħata suġġett għal ċerti restrizzjonijiet li jirrigwardaw l-iskop li għalih hija awtorizzata r-residenza. Hemm kundizzjonijiet oħra li jistgħu jiġu imposti mal-permess.

 Il-fatti

 Kawża C‑456/12 O

 Il-kawża ta’ O

21.      F’Ottubru 2006, O, ċittadin Niġerjan, iżżewweġ lil sponsor O fi Franza. Huwa beda jirrisjedi fi Spanja fl-2007. B’effett minn Awwissu 2009, O u l-isponsor O bdew jiġu rreġistrati bħala li jirrisjedu hemmhekk flimkien. Dokument ta’ residenza validu sa Settembru 2014 jattesta li O jirrisjedi fi Spanja fil-kapaċità tiegħu ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni.

22.      Madankollu, xahrejn wara li waslet fi Spanja, l-isponsor O fil-fatt rritornat fil-Pajjiżi l-Baxxi peress li ma setgħetx issib xogħol fi Spanja. Mill-2007 sa April 2010, hija xorta waħda ripetutament qattgħet xi ħin, l-iktar tmiem il-ġimgħa, fi Spanja flimkien ma’ O u, matul dawk il-viżti, ibbenefikat mis-servizzi hemmhekk. B’effett mill-1 ta’ Lulju 2010, O ġie irreġistrat bħala li jirrisjedi mal-isponsor O fil-Pajjiżi l-Baxxi.

23.      Jidher li ma hemmx evidenza li matul dan iż-żmien kollu, l-isponsor O kkanċellat ir-reġistrazzjoni ta’ residenza tagħha fil-Pajjiżi l-Baxxi.

24.      O applika għal dokument li juri residenza legali. Il-Ministru ċaħad dik it-talba u ddikjara bħala infondata l-kontestazzjoni ta’ O ta’ dik id-deċiżjoni. O appella kontra din id-deċiżjoni quddiem ir-rechtbank ’s-Gravenhage (Il-Qorti tad-distrett, Den Haag; iktar ’il quddiem ir-“rechtbank”) li, fis-7 ta’ Lulju 2011, ċaħdet l-appell. Sussegwentement, O appella quddiem il-qorti tar-rinviju.

 Il-kawża ta’ B

25.      B huwa ċittadin Marokkin. F’Diċembru 2002, huwa beda joqgħod flimkien ma’ sponsor B fil-Pajjiżi l-Baxxi għal diversi snin. Dak iż-żmien huma ma kinux miżżewġin. Jidher li huma ltaqgħu meta B kien qiegħed jistenna deċiżjoni fuq it-talba għal ażil tiegħu. Dik it-talba ġiet miċħuda.

26.      Wara li B ġie kkundannat għal xahrejn priġunerija talli uża passaport falz, il-Ministru, fil-15 ta’ Ottubru 2005, iddikjara lil B bħala li kien barrani mhux mixtieq. F’Jannar 2006, B imbagħad mar joqgħod f’Retie (il-Belġju) u għex hemmhekk f’appartament mikri minn sponsor B. Jidher li sponsor B, inizjalment, irrisjediet hemmhekk weħidha u li B ngħaqad magħha wara li ġie meħlus mill-ħabs. L-isponsor B ġiet irreġistrata bħala li tirrisjedi f’Retie b’permess ta’ residenza validu sat-18 ta’ Mejju 2011. Madankollu, hija ma setgħetx issib xogħol fil-Belġju. Għaldaqstant, hija żammet darha fil-Pajjiżi l-Baxxi u qagħdet fiha matul il-ġimgħa meta kienet taħdem fil-Pajjiżi l-Baxxi, filwaqt li qattgħet tmiem il-ġimgħa ma’ B fil-Belġju. Matul dawk l-okkażjonijiet ta’ tmiem il-ġimgħa, hija kienet tibbenefika mis-servizzi fil-Belġju. Għalkemm kienu ħasbu li jiżżewwġu fil-Belġju, fil-fatt huma żżewwġu iktar tard fil-Marokk.

27.      F’April 2007, B telaq lejn il-Marokk peress li ma setax jibqa’ jirrisjedi fil-Belġju wara li l-awtoritajiet Belġjani skoprew li huwa kien is-suġġett ta’ dikjarazzjoni bħala persuna mhux mixtieqa fil-Pajjiżi l-Baxxi. Fil-31 ta’ Lulju 2007, B u sponsor B żżewwġu fil-Marokk.

28.      Fuq talba ta’ B, il-Ministru rrevoka d-dikjarazzjoni ta’ persuna mhux mixtieqa f’Marzu 2009. F’Ġunju 2009, B irritorna fil-Pajjiżi l-Baxxi biex jirrisjedi hemmhekk ma’ sponsor B.

29.      Fit-30 ta’ Ottubru 2009, it-talba ta’ B għal dokument li juri residenza legali ġiet irrifjutata. F’Marzu 2010, il-Ministru ddikjara bħala infondata kemm il-kontestazzjoni tiegħu għal dak ir-rifjut u kif ukoll l-oġġezzjoni tiegħu biex titpoġġa stiker fil-passaport tiegħu li tgħid li huwa ma kellux permess biex jaħdem.

30.      B appella miż-żewġ deċiżjonijiet quddiem ir-rechtbank, li qalbithom u ordnat lill-Ministru biex jiddeċiedi fuq il-kontestazzjoni mill-ġdid. F’Diċembru 2010, il-Ministru ta deċiżjoni ġdida bl-istess effett bħad-deċiżjoni preċedenti tiegħu u appella quddiem il-qorti tar-rinviju kontra d-deċiżjoni tar-rechtbank.

 Il-Kawża C‑457/12 S

 Il-kawża ta’ S

31.      S hija ċittadina Ukrajna. Ir-raġel ta’ bintha, l-isponsor S, ilu jaħdem għal persuna li timpjega stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi b’effett mill-2002, din il-persuna li timpjega ddikjarat li l-isponsor S iqatta’ 30 % minn ħinu biex jipprepara u jagħmel vjaġġi ta’ negozju lejn il-Belġju. L-isponsor S imur hemm tal-inqas darba fil-ġimgħa u jmur għand il-klijenti u jattendi konferenzi fi Stati Membri oħra. S iddikjarat ukoll li hija tieħu ħsieb it-tifel ta’ sponsor S (in-neputi tagħha).

32.      S applikat għal dokument li jiċċertifika r-residenza legali tagħha. F’Awwissu 2009, l-applikazzjoni tagħha ġiet miċħuda. Il-Ministru ċaħad il-kontestazzjoni tagħha kontra dik id-deċiżjoni. F’Ġunju 2010, ir-rechtbank ċaħdet l-appell tagħha. Għalhekk, S appellat kontra din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

 Il-kawża ta’ G

33.      G hija ċittadina Peruvjana. Hija żżewġet lill-isponsor G fil-Peru fl-2009. L-isponsor G joqgħod fil-Pajjiżi l-Baxxi iżda ilu jaħdem għal persuna li timpjega Belġjana mill-2003. Huwa jivvjaġġa kuljum lejn u mill-Belġju minħabba xogħlu.

34.      L-applikazzjoni ta’ G għal dokument li jiċċertifika r-residenza legali ġiet miċħuda f’Diċembru 2009. Il-kontestazzjoni tagħha ġiet miċħuda mill-Ministru. F’Ġunju 2011, ir-rechtbank laqgħet l-appell ta’ G, u ordnat lill-Ministru biex jiddeċiedi fuq il-kontestazzjoni tagħha mill-ġdid. Il-Ministru appella kontra din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju. Quddiem dik il-qorti, G qalet li hija u żewġha għandhom wild (li huwa ċittadin Olandiż) u li wild li hija kellha qabel ma żżewġet lil Sponsor G ukoll jagħmel parti mill-familja l-ġdida tagħhom.

 Il-proċedura u d-domandi preliminari

35.      Fil-Kawża C‑456/12 O, il-qorti tar-rinviju tistaqsi:

“Fil-kawżi [li jinvolvu lil B] u [lil O]:

(1)      Id-Direttiva 2004/38/KE [...]fir-rigward tal-kundizzjonijiet għad-dritt ta’ residenza għall-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li għandhom in-nazzjonalità ta’ pajjiż terz, tapplika b’analoġija, bħal fis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Singh [(3)], C‑370/90, u Eind [(4)], C‑291/05, meta ċittadin tal-Unjoni jirritorna fl-Istat Membru li tiegħu huwa għandu n-nazzjonalità wara li jkun irresjeda, fl-ambitu tal-Artikolu 21(1) TFUE, bħala benefiċjarju ta’ provvisti ta’ servizzi fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE, fi Stat Membru ieħor?

(2)      Jekk iva, huwa rikjest li r-residenza taċ-ċittadin tal-Unjoni fi Stat Membru ieħor tkun saret għal perijodu minimu determinat sabiex, wara r-ritorn taċ-ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru li tiegħu huwa għandu n-nazzjonalità, il-membru tal-familja tiegħu li għandu n-nazzjonalità ta’ pajjiż terz jingħatalu dritt ta’ residenza f’dan l-Istat Membru tal-aħħar?

(3)      Jekk iva, dan ir-rekwiżit jista’ jkun sodisfatt jekk ir-residenza fl-Istat Membru l-ieħor ma tkunx [kontinwa], iżda permezz ta’ ċerta frekwenza bħal minħabba okkorrenzi ta’ residenza ta’ kull ġimgħa, matul tmiem-il ġimgħa, jew minħabba okkorrenzi ta’ residenza regolari?

Fil-kawża [li tinvolvi lil B]:

(4)      Id-dritt eventwali tal-membru tal-familja li għandu n-nazzjonalità ta’ pajjiż terz għal dritt ta’ residenza taħt id-dritt tal-Unjoni huwa, f’ċirkustanzi bħalma huma dawk tal-kawża, milqut minn dekadenza minħabba li jkun għadda ż-żmien bejn ir-ritorn taċ-ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru li tiegħu huwa għandu n-nazzjonalità u l-wasla tal-membru tal-familja li għandu n-nazzjonalità ta’ pajjiż terz fl-Istat Membru inkwistjoni?”

36.      Fil-Kawża C‑457/12 S, il-qorti tar-rinviju tistaqsi:

“(1)      Fil-kawża [li tinvolvi lil G]:

Membru, li għandu n-nazzjonalità ta’ pajjiż terz, tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni b’residenza fl-Istat Membru tan-nazzjonalità tiegħu iżda li jaħdem fi Stat Membru ieħor għal persuna li timpjega li hija stabbilita f’dan l-Istat Membru l-ieħor jista’, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, jinvoka dritt ta’ soġġorn taħt id-dritt tal-Unjoni?

(2)      Fil-kawża [li tinvolvi lil S]:

Membru, li għandu n-nazzjonalità ta’ pajjiż terz, tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni b’residenza fl-Istat Membru tan-nazzjonalità tiegħu iżda li, fil-kuntest tal-attivitajiet tiegħu għal persuna li timpjega li hija stabbilita f’dan l-istess Stat Membru jmur fi Stat Membru ieħor u jirritorna minnu regolarment jista’, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, jinvoka dritt ta’ soġġorn taħt id-dritt tal-Unjoni?”

37.      Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati minn O, B, G, mill-Gvernijiet tal-Belġju, tar-Repubblika Ċeka, tad-Danimarka, tal-Estonja, tal-Pajjiżi l-Baxxi u tar-Renju Unit, u mill-Kummissjoni Ewropea. Waqt is-seduta magħquda, li nżammet fil-25 ta’ Ġunju 2013, l-istess partijiet, bl-eċċezzjoni ta’ G u tal-Gvern Belġjan u tal-Estonja u S għamlu sottomissjonijiet orali.

 Evalwazzjoni

 Rimarki preliminari

38.      Bħala prinċipju, id-dritt tal-immigrazzjoni huwa materja li taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istat Membru. Sakemm is-sitwazzjoni ma tkunx waħda fejn ċittadin ta’ Stat Membru (li, minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu, huwa ċittadin tal-Unjoni wkoll) qasam fruntiera ta’ Stat Membru ieħor jew ikun hemm possibbiltà reali li dan jagħmel hekk, id-drittijiet tal-Unjoni dwar il-moviment u residenza liberi, bħala prinċipju, ma jiskattawx u japplika biss d-dritt nazzjonali (5).

39.      Madankollu, f’dawn il-każijiet, kull wieħed mill-isponsors tal-Unjoni, għalkemm residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi, qasmu fil-fatt tali fruntiera. Huma għamlu dan minħabba xogħol jew divertiment; (preżumibbilment) huma eżerċitaw id-dritt “passiv” li jibbenefikaw mis-servizzi hemmhekk; f’xi każijiet, ġew irreġistrati formalment bħala li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor filwaqt li żammu xi forma ta’ residenza fl-Istat Membru ta’ ċittadinanza (iktar ’il quddiem l-“Istat Membru ta’ ċittadinanza”). Dan ifisser li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi, imbagħad, lill-Istat Membru ta’ ċittadinanza tagħhom milli jirrifjuta milli jagħti dritt ta’ residenza lill-membri tal-familja tagħhom (O, B, S and G)? U tagħmel differenza jekk l-isponsor u l-membru tal-familja ma jirritornawx flimkien lejn l-Istat Membru ta’ ċittadinanza tal-isponsor?

40.      Huwa ċar li l-isponsors innifishom igawdu minn dritt ta’ residenza bla kundizzjonijiet fl-Istat Membru ta’ ċittadinanza bis-saħħa tad-dritt nazzjonali (6). Stat Membru huwa prekluż milli “jkeċċi liċ-ċittadini tiegħu mit-territorju tiegħu jew li inkella jirrifjuta r-residenza tagħhom f’dan it-territorju jew jissuġġettaha għal kundizzjonijiet” (7). Madankollu, id-dħul u r-residenza taċ-ċittadini fl-Istat Membru ta’ ċittadinanza huma suġġett ukoll għad-dritt tal-Unjoni inkwantu meħtieġ biex tiġi żgurata l-effettività tal-libertajiet fundamentali tagħhom għall-moviment u residenza liberi taħt id-dritt tal-Unjoni (8).

41.      Kwalunkwe dritt ta’ residenza sekondarju li O, B, S u G jistgħu jgawdu taħt id-dritt tal-Unjoni ma jkunx assolut, iżda jkun irregolat bil-kundizzjonijiet u l-limitazzjonijiet stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni. Għal din ir-raġuni, ser nikkunsidra separatament id-dritt ta’ residenza u mbagħad il-kundizzjonijiet u l-limitazzjonijiet li jirregolaw l-eżerċizzju tiegħu.

42.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha ebda materjal quddiemha li jindika jekk O, B, S u G humiex f’pożizzjoni li jinvokaw dritt ta’ residenza taħt id-dritt nazzjonali, inkluż id-dritt nazzjonali li jipproteġi d-drittijiet fundamentali, jew taħt il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). Fuq il-fatti, ma hemm ebda indikazzjoni li xi wieħed miż-żwiġijiet kien żwieġ ta’ konvenjenza jew li kien hemm frodi jew abbuż ta’ dritt. F’ċirkustanzi oħra, il-konstatazzjoni ta’ tali abbuż tista’ fil-fatt trendi żejjed l-eżami dwar jekk id-dritt ta’ residenza sekondarju jistax jiġi legalment irrifjutat. Madankollu, is-sempliċi fatt li f’mument partikolari kemm O u l-isponsor O u B u l-isponsor B ittrasferew ruħhom għal Stat Membru ieħor fejn kien iggarantit trattament iktar favorevoli ma huwiex abbuż ta’ dritt (9).

43.      F’dawn il-konklużjonijiet jiena ser niffoka fuq jekk ir-rifjut ta’ residenza legali liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi bħalma huma O, B, S u G huwiex restrizzjoni tad-dritt tal-isponsors tagħhom li jiċċaqalqu u jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri. Fit-teorija, tali restrizzjoni tista’ tkun iġġustifikata. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha ebda informazzjoni li tippermettilha tevalwa tali ġustifikazzjoni.

44.      Fl-aħħar nett, f’dawn il-konklużjonijiet ser nipprova nagħti spjegazzjoni koerenti tal-parametri li fihom ikunu jeżistu d-drittijiet ta’ residenza sekondarji għall-membri tal-familja ċittadini ta’ pajjiżi terzi, fl-Istat Membru ta’ ċittadinanza ta’ ċittadin tal-Unjoni li eżerċita d-drittijiet ta’ moviment liberu mingħajr ma eżerċita, neċessarjament, id-drittijiet ta’ residenza (sħaħ) fi Stat Membru ieħor. Jekk tingħata soluzzjoni ad hoc li ma tidentifikax b’mod ċar il-parametri rilevanti, filwaqt li tista’ tgħin lill-qorti nazzjonali tiddeċiedi dawn l-erba’ każijiet individwali, tkun tirrisjka li żżid l-inċertezza preżenti fost il-prattikanti u l-amministrazzjonijiet nazzjonali dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jistax jiġi invokat jew le; bir-riskju konkomitanti li jista’ jkun hemm “okkażjonijiet oħra” sinjifikattivi peress li l-qrati nazzjonali jibdew jitolbu iktar kjarifika permezz ta’ rinviji oħra għal deċiżjoni preliminari.

 Ir-raġuni għaliex jeżistu d-drittijiet ta’ residenza sekondarju

45.      L-Artikoli 20(2)(a) u 21(1) TFEU jagħtu liċ-ċittadini tal-Unjoni d-dritt li jiċċaqalqu u jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri. Is-sustanza ta’ dan id-dritt huwa l-libertà li wieħed jagħżel jekk jittrasferixxix ruħu fi Stat Membru ieħor u/jew jirrisjedix hemmhekk. Miżuri li jirrestrinġu dik l-għażla, sakemm ma jkunux iġġustifikati, imorru kontra dawk id-dispożizzjonijiet.

46.      Il-kunċett li l-membri tal-familja ta’ dawn iċ-ċittadini tal-Unjoni għandu jkollhom drittijiet ta’ residenza sekondarji ġie żviluppat fil-kuntest tal-libertajiet ta’ moviment ekonomiċi, b’mod partikolari dawk tal-ħaddiema migranti. Il-ħaddiema huma bnedmin, mhux magni. Huma ma għandhomx ikollhom iħallu warajhom lill-konjuġi jew lill-membri tal-familja tagħhom, b’mod partikolari dawk li jiddependu minnhom, sabiex isiru ħaddiema migranti fi Stat Membru ieħor (10). Jekk huma ma jistgħux iġibu lill-familja tagħhom magħhom meta jittrasferixxu ruħhom, huma jistgħu jkunu skoraġġuti milli jeżerċitaw dawk id-drittijiet għall-moviment liberu. Barra minn hekk, il-preżenza tal-familja tista’ tgħin lil ħaddiem jintegra fl-Istat ospitanti u għaldaqstant, tikkontribwixxi għal moviment liberu ta’ suċċess (11).

47.      Bl-introduzzjoni taċ-ċittadinanza tal-Unjoni fit-Trattat ta’ Maastricht, iċ-ċittadini ta’ Stat Membru kisbu d-dritt li jiċċaqalqu u jirrisjedu liberament fit-territorju ta’ Stati Membri oħra indipendentement mil-libertajiet ta’ moviment ekonomiċi u għaldaqstant mit-twettiq ta’ attività ekonomika (12). L-istess bħalma japplika fir-rigward tal-ħaddiema migranti, l-effettività tal-libertajiet ta’ moviment u ta’ residenza taċ-ċittadini tista’ tkun tiddependi fuq jekk ċerti membri tal-familja għandhomx id-dritt, taħt id-dritt tal-Unjoni, li jingħaqdu magħhom jew jakkumpanjawhom fit-territorju fejn ittrasferixxew ruħhom jew fejn jirrisjedu. Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja reċentement, “[l]-għan u l-ġustifikazzjoni ta’ dawn id-drittijiet huma bbażati fuq il-konstatazzjoni li r-rifjut tar-rikonoxximent tagħhom huwa ta’ natura li jippreġudika l-libertà ta’ moviment taċ-ċittadin tal-Unjoni, billi jiddisswadih milli jeżerċita d-drittijiet tiegħu ta’ dħul u ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti” (13).

48.      Taħt id-Direttiva 2004/38, l-eżistenza ta’ dritt ta’ residenza sekondarju ma għadux jiddependi fuq it-turija tal-effett li r-rifjut tar-residenza tal-membri tal-familja jista’ jkollu fuq iċ-ċittadin tal-Unjoni (14). Ir-rationale biex jingħataw id-drittijiet ta’ residenza sekondarji huwa, madankollu, rifless fil-fatt li tali drittijiet huma disponibbli awtomatikament għal grupp magħżul ta’ membri tal-familja li l-kapaċità li jingħaqdu ma’ jew jakkumpanjaw liċ-ċittadini tal-Unjoni hija preżunta mil-leġiżlatur bħala li taffettwa l-għażla tiegħu, u għaldaqstant l-eżerċizzju tad-dritt tiegħu li jittrasferixxi ruħu. Id-Direttiva 2004/38, għaldaqstant, tiddistingwi bejn il-familja nukleari u membri tal-familja oħra. Il-familja nukleari tinkludi ċ-ċittadin tal-Unjoni, il-konjuġi jew is-sieħeb/sieħba rreġistrat/a tiegħu jew tagħha u d-dixxendenti diretti tagħhom li għadhom taħt l-età ta’ 21 sena. Dawn il-membri tal-familja għandhom drittijiet ta’ residenza sekondarji awtomatiċi. Id-dixxendenti diretti li għandhom iktar minn 21 sena u d-dixxendenti diretti taċ-ċittadini tal-Unjoni (jew tal-konjuġi jew imsieħba rreġistrati tagħhom), madankollu, iridu jissodisfaw il-kundizzjoni tad-dipendenza biex ikunu jistgħu jinvokaw dritt ta’ residenza sekondarju. Fil-kuntest tad-Direttiva 2004/38, jidhirli li d-dipendenza ġiet interpretata b’mod limitat biex tiffoka fuq jekk ċittadin tal-Unjoni jsostnix materjalment lil dawn il-membri tal-familja (15). Filwaqt li ma hemmx dubju li tali dipendenza tista’ tkun indikattiva ħafna ta’ kemm ir-rifjut ta’ residenza jostakola l-eżerċitar tad-drittijiet ta’ moviment u residenza liberi, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat — mhux fil-kuntest tad-Direttiva 2004/38 — li d-dipendenza tista’ titkejjel billi jintużaw indikaturi ta’ rabtiet legali jew emozzjonali jew li jista’ jkun rilevanti li ċittadin tal-Unjoni jiddependi minn membru tal-familja ċittadin ta’ pajjiż terz (“dipendenza inversa”) (16).

 Minn xhiex jinħolqu d-drittijiet ta’ residenza sekondarji

49.      Fl-istat preżenti tad-dritt tal-Unjoni, id-drittijiet ta’ residenza sekondarji, bħala prinċipju, jeżistu biss meta dawn huma neċessarji biex jiżguraw li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet ta’ moviment u residenza libera tagħhom b’mod effettiv. L-ewwel domanda hija, għaldaqstant, jekk ċittadin tal-Unjoni partikolari eżerċitax jew huwiex qiegħed jeżerċita tali drittijiet. Jekk dan hu l-każ, it-tieni domanda hija jekk il-fatt li l-membri tal-familja jiġu mċaħħda mir-residenza jirrestrinġix l-eżerċitar ta’ dawn id-drittijiet (jekk ma hemmx restrizzjoni, ma hemmx raġuni għalfejn jingħataw drittijiet ta’ residenza sekondarji). Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk huwiex meħtieġ li jiġu kkunsidrati t-tip u l-intensità tal-eżerċitar tad-drittijiet tiegħu ta’ moviment u residenza libera taċ-ċittadin qabel ma nduru fuq dik it-tieni domanda.

50.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet konsistentement li r-regoli li jirregolaw il-moviment liberu ma jistgħux jiġu applikati għal każijiet li ma juru ebda konnessjoni mas-sitwazzjonijiet irregolati mid-dritt tal-Unjoni (17). Il-prospettiva purament ipotetika tal-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet jew li dawn ser ikunu ostakolati ma hijiex suffiċjenti biex tikkostitwixxi r-rabta meħtieġa (18).

51.      F’dan il-każ, l-isponsors O, B, S u G eżerċitaw kollha kemm huma d-drittijiet ta’ moviment u/jew residenza liberi fis-sens tal-Artikolu 21 TFUE. Dawn il-każijiet, għaldaqstant, ma jikkonċernawx sitwazzjonijiet kompletament interni li jaqgħu barra mill-portata tad-dritt tal-Unjoni. Dan huwa biżżejjed biex irendi d-dritt tal-Unjoni applikabbli; iżda ma jwassalx awtomatikament għall-konklużjoni li O, B, S u G għandhom dritt, taħt id-dritt tal-Unjoni, għal residenza legali fil-Pajjiżi l-Baxxi.

52.      Preċiżament minħabba li ma kienx hemm moviment transkonfinali, il-fatti li wasslu għal dawn il-każijiet jiddistingwuhom minn kawżi bħalma huma Ruiz Zambrano, McCarthy jew Dereci, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b’mod eċċezzjonali, li l-konnessjoni mad-dritt tal-Unjoni u l-bażi għad-drittijiet ta’ residenza sekondarji taħt l-Artikolu 20 TFUE jistgħu jeżistu mingħajr ma jiġu eżerċitati d-drittijiet ta’ moviment liberu lejn, jew residenza fi Stat Membru (ospitanti) ieħor, jekk miżura nazzjonali tobbliga liċ-ċittadini tal-Unjoni (inklużi ċ-ċittadini stess tal-Istat Membru) biex jitilqu mit-territorju tal-Unjoni Ewropea (19). Fis-sentenza Iida, li kienet tinvolvi żewġ ċittadini Ġermaniżi li kienu ttrasferew ruħhom lejn l-Awstrija u ċittadin Ġappuniż li kien qiegħed jipprova jikseb residenza fil-Ġermanja, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara li dan it-test ma kienx limitat għal sitwazzjonijiet li, altrimenti, jiġu kklassifikati bħala purament interni (20).

53.      Fis-sentenza Ruiz Zambrano il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li l-fatt li l-missier jiġi mċaħħad mir-residenza jkun ifisser li t-tfal minuri jiġu mċaħħda “mit-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet mogħtija mill-istatus tagħhom bħala ċittadini tal-Unjoni” (21). B’mod partikolari, dan iġiegħelhom jitilqu mit-territorju tal-Unjoni Ewropea (22).

54.      Fis-sentenza McCarthy ntlaħqet il-konklużjoni opposta fir-rigward ta’ żewġ McCarthy li kien Ġamajkan. S. McCarthy kellha ċittadinanza doppja tar-Renju Unit u tal-Irlanda li kienet għexet dejjem fir-Renju Unit. Hija qatt ma marret l-Irlanda jew eżerċitat id-drittijiet għall-moviment liberu tagħha f’xi parti oħra mill-Unjoni Ewropea, u kienet applikat għal passaport Irlandiż li għalih kellha dritt legalment biss wara ż-żwieġ ma’ ċittadin Ġamajkan fir-Renju Unit. Lanqas ma sostniet li hija kienet ħaddiema, persuna li taħdem għal rasha jew persuna finanzjarjament indipendenti. Ir-raġel tagħha ġie rrifjutat ir-residenza fir-Renju Unit peress li huwa l-konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni b’ċittadinanza li ma hijiex dik tar-Renju Unit (23).

55.      Fis-sentenza Dereci, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li ċ-ċaħda tal-essenzjal tad-drittijiet mogħtija mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni jirreferi għal sitwazzjonijiet “ikkaratterizzati mill-fatt li ċ-ċittadin tal-Unjoni jkun fil-fatt obbligat jitlaq mhux biss mit-territorju tal-Istat Membru li huwa ċittadin tiegħu, iżda wkoll mit-territorju tal-Unjoni fl-intier tiegħu” (24). Dik is-sitwazzjoni kienet deskritta mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala eċċezzjonali (25). Il-Qorti tal-Ġustizzja ma elaboratx fuq liema ċirkustanzi jistgħu jobbligaw lil ċittadin tal-Unjoni biex jitlaq mit-territorju tal-Unjoni Ewropea, għalkemm hija ddeċidiet li “s-sempliċi fatt li jista’ jidher desiderabbli għal ċittadin ta’ Stat Membru, għal raġunijiet ekonomiċi jew sabiex iżomm il-familja tiegħu flimkien fit-territorju tal-Unjoni” li jingħataw id-drittijiet ta’ residenza ma kienx suffiċjenti, minnu nnifsu biex jiġi konkluż li ċ-ċaħda ta’ residenza tikkaġuna tali tluq (26). Għaldaqstant, dawn il-fatturi ma jurux li jekk tiġi rrifjutata r-residenza dan iwassal biex jintilef id-dritt ta’ ċittadinanza tal-Unjoni, jiġifieri, id-dritt li wieħed jirrisjedi fit-territorju tal-Unjoni Ewropea.

56.      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma eskludietx il-possibbiltà, apparti l-Artikoli 20 u 21 TFUE, li qorti nazzjonali tista’ teżiġi li r-residenza tingħata abbażi tal-Artikolu 7 tal-Karta (għal sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni) jew l-Artikolu 8(1) tal-KEDB (għal sitwazzjonijiet oħra) (27). Għaldaqstant, meta ċittadin ta’ pajjiż terz b’rabtiet familjari ma’ ċittadin tal-Unjoni ma jistax jinvoka dritt ta’ residenza taħt id-dritt tal-Unjoni, qorti nazzjonali tista’ xorta waħda tikkonkludi li, meta sitwazzjoni tkun irregolata mid-dritt tal-Unjoni, id-dritt għar-rispett tal-ħajja familjari jitlob li huwa jingħata dritt ta’ residenza.

57.      Fil-fehma tiegħi din is-silta hija vaga peress li tista’ tinftiehem li tissuġġerixxi li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet tliet bażijiet separati taħt id-dritt tal-Unjoni: id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u familjari (Artikolu 7 tal-Karta); id-dritt għall-moviment u residenza liberi [Artikolu 21(1) TFUE] u ċ-ċaħda tat-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet mogħtija liċ-ċittadin tal-Unjoni (Artikolu 20 TFUE). Għal sitwazzjonijiet li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u familjari taħt l-Artikolu 8 tal-KEDB jista’ jifforma bażi oħra biex jiġi stabbilit id-dritt ta’ residenza.

58.      Jekk dan hu dak li ħasbet il-Qorti tal-Ġustizzja, hija għad trid tiddeċiedi jekk għandux jiġi applikat l-istess test sabiex jiġi stabbilit kemm jekk japplikax id-dritt tal-Unjoni (u wkoll, għaldaqstant, il-Karta) kif ukoll jekk miżura li ċċaħħad ir-residenza tmurx kontra l-Artikolu 20 jew 21 TFUE (28).

59.      Madankollu, nemmen li hemm mod differenti kif din il-kwistjoni tiġi ttrattata.

60.      Il-Karta tapplika biss jekk japplika d-dritt tal-Unjoni (29). Għaldaqstant, il-Karta ma tapplikax għal sitwazzjoni interna, bħalma hija dik ta’ S. McCarthy, fejn ċittadin tal-Unjoni la huwa prekluż milli jeżerċita d-drittijiet ta’ moviment u residenza liberi taħt id-dritt tal-Unjoni u lanqas imċaħħad mid-dritt fundamentali ta’ ċittadinanza separat biex jirrisjedi fit-territorju tal-Unjoni minħabba l-miżura nazzjonali. F’dawn is-sitwazzjonijiet, huwa ċar li, tal-inqas fil-preżent, il-Karta ma tagħtix drittijiet fundamentali “awtonomi” — jiġifieri, drittijiet li ma għandhom ebda rabta ma’ dak li huwa fil-kompetenza tal-Unjoni — li jistgħu mbagħad jintużaw sabiex qorti nazzjonali tħassar miżura nazzjonali li tkun ta’ żvantaġġ għaċ-ċittadin tal-Unjoni biex jorganizza l-ħajja familjari tiegħu kif jixtieq.

61.      Għaldaqstant, jekk ma huwiex possibbli li tiġi identifikata dispożizzjoni rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, il-Karta ma tkunx tapplika. Biex nagħmel l-istess punt b’mod kemmxejn differenti, jeħtieġ li wieħed iħares lejn is-sitwazzjoni legali mill-perspettiva tal-Karta jekk, u biss jekk teżisti dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li timponi obbligu pożittiv jew negattiv fuq l-Istat Membru (kemm jekk dak l-obbligu joħroġ mit-trattati jew mil-leġiżlazzjoni sekondarja tal-Unjoni) (30).

62.      Jekk u sa fejn sitwazzjoni partikolari li tikkonċerna liċ-ċittadini tal-Unjoni taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, l-interpretazzjoni mogħtija lil dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tagħti drittijiet lil dawk iċ-ċittadini (u li, għaldaqstant, timponi obbligu fuq l-Istati Membri li jirrispettaw dawk id-drittijiet) għandha tkun konsistenti ma’ kull dritt tal-Karta rilevanti (31), inkluż id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u familjari ggarantita mill-Artikolu 7 tal-Karta. Dan ifisser li dispożizzjoni bħall-Artikolu 20 jew l-Artikolu 21 TFUE ma hijiex sempliċiment bażi għal status ta’ residenza separata mill-Artikolu 7 tal-Karta. Fil-fatt, kunsiderazzjonijiet li jirrigwardaw l-eżerċitar tad-dritt għall-ħajja familjari jidħlu fis-sustanza tad-drittijiet taċ-ċittadinanza tal-Unjoni. Id-drittijiet taċ-ċittadinanza taħt l-Artikolu 20 jew 21 TFUE għandhom, għaldaqstant, jiġu interpretati b’mod li jiġi żgurat li l-kontenut sostantiv tagħhom ikun “konformi mal-Karta”. Dak il-proċess huwa separat mill-punt dwar jekk ġustifikazzjoni invokata sabiex tiġġustifika restrizzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, meta dawn jiskattaw, hijiex konsistenti mal-Karta (32).

63.      Dan l-approwċ ma “jestendix” il-portata tad-dritt tal-Unjoni u għaldaqstant ma jmurx kontra s-separazzjoni tal-ġurisdizzjoni bejn l-Unjoni u l-Istati Membri kostitwenti. Dan sempliċiment josserva l-prinċipju fundamentali li, fl-Unjoni bbażata fuq l-istat tad-dritt, id-dritt rilevanti kollu (inkluż, naturalment, id-dritt primarju rilevanti li jirrifletti l-Karta) għandu jittieħed inkunsiderazzjoni meta tiġi interpretata dispożizzjoni ta’ dak l-ordinament ġuridiku. Minn din il-perspettiva, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-Karta ma huwiex “indħil” jew “diżrispett għall-ġurisdizzjoni tal-Istat Membru” iktar milli hija l-interpretazzjoni tajba tal-moviment liberu tal-merkanzija.

64.      Barra minn hekk, meta tapplika l-Karta u meta d-drittijiet stabbiliti fil-Karta jikkorrispondu għad-drittijiet diġà koperti mill-KEDB, id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti ta’ Strasburgu”) (33). L-Artikolu 7 tal-Karta, li jipproteġi d-dritt għall-ħajja familjari, huwa eżempju ta’ artikolu ta’ dan it-tip; u hemm ġurisprudenza abbundanti tal-Qorti ta’ Strasburgu li tiċċara t-tifisra li għandha tingħata lill-artikolu korrispondenti tal-KEDB (Artikolu 8 tal-KEDB).

65.      Minn dan isegwi li ma għandhiex tagħmel differenza jekk wieħed jikkunsidrax jekk l-applikazzjoni ta’ miżura nazzjonali partikolari tiksirx l-Artikolu 7 tal-Karta jew l-Artikolu 8 tal-KEDB. L-istandard li jiġi applikat (kemm jekk mill-qorti nazzjonali, minn din il-Qorti tal-Ġustizzja jew mill-Qorti ta’ Strasburgu) huwa, minnu nnifsu, l-istess. Għaldaqstant, għandu jkun impossibbli li wieħed jasal għal konklużjoni differenti li tkun tiddependi fuq liema minn dawn l-artikoli jiġi invokat. (Għall-iskopijiet ta’ din il-kawża, ser nevita t-tielet komponent tat-triloġija ta’ sorsi ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, jiġifieri d-dritt kostituzzjonali nazzjonali, li, naturalment, jista’ jkun rilevanti wkoll).

66.      Fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, huwa ovvjament neċessarju għal din il-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti gwida ċara lill-qorti nazzjonali dwar iċ-ċirkustanzi li fihom jiskatta d-dritt tal-Unjoni, interpretat b’mod konformi mal-Karta. Bl-istess mod, hija l-qorti nazzjonali — li waħidha għandha l-kompetenza li tevalwa l-fatti — li għandha tagħmel l-evalwazzjoni dettaljata neċessarja ta’ dawk il-fatti u li tistabbilixxi, abbażi ta’ dik il-gwida, jekk id-dritt tal-Unjoni, hekk kif interpretat, jipprekludix l-applikazzjoni tal-miżura nazzjonali. B’dan il-mod, il-qorti nazzjonali tkun qegħda twettaq l-istess eżerċizzju fir-rigward tal-allegazzjoni li “inkella d-drittijiet fundamentali tiegħi jiġu miskura” kif inhi d-drawwa li jsir meta tiġi evalwata allegazzjoni simili taħt il-KEDB fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti ta’ Strasburgu.

 L-applikabbiltà tad-Direttiva 2004/38

67.      Id-Direttiva 2004/38 timplementa l-Artikolu 21(1) TFUE. Din hija intiża li tiffaċilita u ssaħħaħ l-eżerċizzju tad-dritt fundamentali u individwali ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera (34). Skont ġurisprudenza stabbilita, tali leġiżlazzjoni sekondarja ma tistax tiġi interpretata b’mod restrittiv (35) u d-dispożizzjonijiet tagħha “m’għandhomx, f’kull każ, jiġu pprivati mill-effett utli [effettività] tagħhom” (36).

68.      Huwa biss il-benefiċjarju fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/38 li jista’ jinvoka drittijiet għal moviment u residenza liberi taħt id-direttiva. Tali benefiċjarju jista’ jkun ċittadin tal-Unjoni jew membru tal-familja kif iddefinit fl-Artikolu 2(2) (37).

69.      Madankollu, filwaqt li d-Direttiva 2004/38 tapplika għal kategoriji partikolari ta’ membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni u indipendentement minn jekk huma irrisjedewx diġà legalment fi Stat Membru ieħor (38) jew qattx irrisjedew fi Stat Membru (39), huma jiksbu d-drittijiet tagħhom permezz tal-istatus tagħhom bħala membri tal-familja taċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat (40). F’dan is-sens, id-drittijiet huma awtomatiċi (41). Għaldaqstant, iċ-ċittadin tal-Unjoni li miegħu jkollhom konnessjoni familjari għandhom l-ewwel jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-direttiva.

70.      Ma huwiex ikkontestat li O, B, S u G huma membri tal-familja fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) u (d) tad-Direttiva 2004/38. Dak il-fatt huwa biżżejjed: ma huwiex meħtieġ li jintwera li inkella kien ikun hemm effett restrittiv fuq id-drittijiet ta’ ċittadinanza tal-Unjoni li jirrigwardaw il-moviment u r-residenza libera sabiex jiġi stabbilit li jekk tkun tapplika d-Direttiva 2004/38, huma jkollhom dritt ta’ residenza sekondarju (42). Il-problema qegħda x’imkien ieħor.

71.      L-Artikolu 3(1) japplika għaċ-ċittadini tal-Unjoni kollha “li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi” Stat Membru li ma huwiex dak li tiegħu huma ċittadini (43). Sabiex jirrisjedi fi Stat Membru, ċittadin tal-Unjoni li ma twelidtx hemmhekk, normalment għandu jittrasferixxi ruħu hemmhekk (44). Min-naħa l-oħra, iċ-ċaqliq lejn Stat Membru huwa possibbli mingħajr ma jirrisjedi hemmhekk. F’dak il-każ, ċittadin tal-Unjoni jeżerċita biss id-dritt tiegħu ta’ moviment liberu u mhux dak tar-residenza. Imbagħad, huma biss dawk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38 li jirrigwardaw il-ħruġ u d-dħul li japplikaw. Bħala prinċipju, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi ma jiksbux, abbażi tad-dritt tal-Unjoni, dritt ta’ residenza fi Stat Membru jekk il-membru tal-familja tagħhom li huwa ċittadin tal-Unjoni ma jinvokax huwa stess dritt ta’ residenza u ma jirrisjedix hemmhekk (45). Għaldaqstant, hemm element ta’ paralelliżmu bejn id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u d-drittijiet sekondarji tal-membri tal-familja tiegħu.

72.      Ċittadini ta’ pajjiżi terzi jistgħu jinvokaw tali dritt fl-Istat Membru ospitanti meta jakkumpanjaw jew jingħaqdu ma’ ċittadin tal-Unjoni li jeżerċita d-dritt li jirrisjedi f’dak it-territorju skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 6(1), 7(1) jew 16(1) tad-Direttiva 2004/38 (46).

73.      L-Artikolu 3(1) ma jagħmel ebda distinzjoni skont l-iskop tal-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ moviment u residenza liberi, għalkemm il-kundizzjonijiet li fihom jistgħu jiġi eżerċitati d-drittijiet ta’ residenza għal iktar minn tliet xhur ivarjaw skont jekk iċ-ċittadin tal-Unjoni huwa jew ma huwiex ħaddiem migrant jew persuna li taħdem għal rasha (47). Fil-fatt, l-għan proprju tad-Direttiva 2004/38 kien li tirrimedja l-approwċ frammentat preċedenti għal dawk id-drittijiet filwaqt li żżomm ċerti vantaġġi għal dawk iċ-ċittadini tal-Unjoni li jwettqu attività ekonomika fi Stat Membru ieħor (48).

74.      Madankollu, kliem l-Artikolu 3(1) jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38 bid-direzzjoni li fiha jiċċaqalqu ċ-ċittadini tal-Unjoni: għal Stat Membru li ma huwiex dak li tiegħu għandhom iċ-ċittadinanza (49).

75.      Għaldaqstant, bħala prinċipju, iċ-ċittadini tal-Unjoni li dejjem irrisjedew fl-Istat Membru ta’ ċittadinanza u qatt ma eżerċitaw drittijiet ta’ moviment liberu ma jistgħux ikunu benefiċjarji fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38 (50). Konsegwentement, lanqas ma jistgħu jkunu benefiċjarji l-membri tal-familja tagħhom.

76.      Ebda wieħed mill-isponsors f’dawn il-każijiet ma huma f’dik is-sitwazzjoni. Kollha kemm huma eżerċitaw tal-inqas xi tip ta’ dritt ta’ moviment liberu.

77.      B’mod ġenerali, iċ-ċittadini tal-Unjoni jistgħu jiċċaqalqu fi tliet direzzjonijiet fl-Unjoni Ewropea: (i) bejn żewġ Stati Membri li tagħhom ma humiex ċittadini; (ii) mill-Istat Membru ta’ ċittadinanza tagħhom lejn Stat Membru ieħor u (iii) minn Stat Membru ieħor lura lejn l-Istat Membru ta’ ċittadinanza tagħhom. Naturalment, huma jistgħu jiċċaqalqu diversi drabi f’direzzjoni differenti (51).

78.      Huwa ċar li d-Direttiva 2004/38 tapplika għall-movimenti (i) u (ii). F’dawn iċ-ċirkustanzi, ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni (li ċċaqlaq f’xi direzzjoni minnhom) għandu d-dritt li jakkumpanja jew jingħaqad ma’ dak iċ-ċittadin tal-Unjoni (52).

79.      Madankollu, ma tapplikax għall-moviment (iii). Għalkemm konvinta li ċittadin tal-Unjoni (u kwalunkwe membri tal-familja ċittadini ta’ pajjiż terz) li jkun ibbenefika mill-protezzjoni taħt id-Direttiva 2004/38 ma għandux jitlef il-protezzjoni meta jiċċaqlaq it-tieni darba (53), jekk jiġi konkluż mod ieħor fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38 stess ikun ifisser li mill-Artikolu 3(1) titneħħa l-frażi “għajr iċ-ċittadini ta’ l-istess Stat Membru” [għajr dak li tiegħu huma ċittadini].

80.      Inżid ngħid li, kieku l-leġiżlatur ried ikopri l-moviment (iii), huwa kien ikollu bżonn jikteb dispożizzjonijiet dettaljati biex jindirizza din is-sitwazzjoni. Dawn ma jeżistux.

81.      Fis-sentenza McCarthy, il-Qorti tal-Ġustizzja kważi qalet hekk meta ddeċidiet li “[]d-Direttiva 2004/38, [...] ma tistax titqies li hija intiża li tapplika għal ċittadin tal-Unjoni li jgawdi minn dritt ta’ residenza li ma huwa suġġett għal ebda kundizzjoni minħabba li jirrisjedi fl-Istat Membru taċ-ċittadinanza tiegħu” (54). Fil-kawża Iida, l-Avukat Ġenerali Trstenjak kienet tal-fehma li d-Direttiva 2004/38 bl-ebda mod ma tkopri dak il-każ li kien jinvolvi dritt ta’ residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz fl-Istat Membru tal-oriġini taċ-ċittadin tal-Unjoni (55) għalkemm tidher li ma teskludix kompletament il-possibbiltà li r-risposta tista’ tkun differenti f’ċirkustanzi differenti (56).

82.      Huwa minnu li fis-sentenza Singh (57) il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat drittijiet ta’ residenza sekondarji għall-membri tal-familja ta’ ħaddiem migrant li jirritorna, u dan abbażi tal-Artikolu 52 tat-Trattat KEE (illum l-Artikolu 59 TFUE) u abbażi tad-Direttiva 73/148 (58) (imħassra u ssostitwita bid-Direttiva 2004/38 (59)). Id-Direttiva 73/148, l-istess bħad-Direttiva 2004/38, ma kinitx tittratta ċ-ċirkustanza ta’ persuna li jirritorna lura lejn l-Istat Membru tiegħu; u r-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja jidher li huwa bbażat esklużivament fuq id-dispożizzjonijiet tat-Trattat iktar milli fuq dawk tad-direttiva. Jidhirli li din id-deċiżjoni hija ta’ importanza partikolari għall-analiżi tal-Artikolu 21 TFUE (60).

83.      Peress li d-Direttiva 2004/38 ma tapplikax, il-pożizzjoni ta’ O, B, S u G u l-isponsors tagħhom għandha tiġi kkunsidrata taħt it-Trattati. Jekk ir-riżultat ta’ dik l-analiżi huwa li biex iċ-ċittadini tal-Unjoni jkunu jistgħu jgawdu mill-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet ta’ moviment liberu tagħhom taħt l-Artikolu 21 TFUE, il-membri tal-familja ċittadini ta’ pajjiż terz jeħtieġ li jkollhom drittijiet sekondarji, ikun xieraq imbagħad li fl-Istat Membru ta’ ċittadinanza jiġi applikat it-trattament minimu iggarantit mid-Direttiva 2004/38 fl-Istati Membri ospitanti (61).

 L-Artikolu 21 TFUE

 Drittijiet ta’ residenza sekondarji fl-Istat Membru ta’ ċittadinanza

84.      Taħt l-Artikolu 21(1) TFUE (u bla ħsara għall-miżuri ta’ implementazzjoni tiegħu), l-Istati Membri għandhom jippermettu liċ-ċittadini tal-Unjoni li ma humiex ċittadini tagħhom li jiċċaqalqu u jirrisjedu fit-territorju tagħhom flimkien mal-konjuġi tagħhom u possibbilment membri tal-familja oħra li ma humiex ċittadini tal-Unjoni.

85.      F’dawn il-każijiet, il-Pajjiżi l-Baxxi, essenzjalment, jirrifjutaw milli jagħtu, taħt id-dritt tal-Unjoni, drittijiet ta’ residenza lil ċittadini ta’ pajjiż terz li huma membri tal-familja taċ-ċittadini tagħhom stess f’ċirkustanzi fejn, taħt id-dritt tal-Unjoni, huwa meħtieġ, bħala prinċipju, li tali drittijiet jingħataw lill-membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni li huma ċittadini ta’ Stati Membri oħra.

86.      Hija kurjuża r-raġuni għaliex Stat Membru jkun jixtieq, għaldaqstant, jittratta liċ-ċittadini tiegħu stess b’mod inqas favorevoli minn ċittadini tal-Unjoni oħra (li, ħlief għaċ-ċittadinanza tagħhom, jistgħu fil-fatt ikunu f’ċirkustanzi identiċi jew simili). L-istess huwa l-fatt li, bir-rijfut tar-residenza, l-Istat Membru jista’ jkun qiegħed jirriskja li “jkeċċi” de facto liċ-ċittadini tiegħu stess, u jġiegħelhom jew li jittrasferixxu ruħhom fi Stat Membru ieħor fejn id-dritt tal-Unjoni jiggarantixxi li huma jistgħu jirrisjedu mal-membri tal-familja tagħhom jew inkella biex jitilqu mill-Unjoni Ewropea kompletament. Tali miżura tistona mas-solidarjetà li fuqha hija preżubbilment ibbażata r-relazzjoni bejn Stat Membru u ċ-ċittadini tiegħu stess. Huwa diffiċli wkoll li din tiġi rrikonċiljata mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni sinċiera li, fil-fehma tiegħi, tapplika bejn l-Istati Membri l-istess kif tapplika bejn Stati Membri u l-Unjoni (62).

87.      Madankollu l-osservazzjonijiet bil-miktub u s-sottomissjonijiet orali f’dan il-każ juru li numru kunsiderevoli ta’ Stati Membri jikkunsidraw li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludihomx milli jagħmlu preċiżament dan.

88.      Reazzjoni sempliċi għal dan l-argument hija li, skont l-Artikolu 21(1) TFUE, l-Istati Membri ma jistgħux jirrestrinġu d-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea biex jiċċaqalqu u jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Unjoni. Jew, kif poġġiha l-Avukat Ġenerali Jacobs “ħlief għal-limiti stabbiliti f’[dak l-artikolu] stess, ebda piż mhux ġustifikat ma għandu jiġi impost” (63).

89.      Dan l-istess prinċipju japplika għaċ-ċittadini tal-Unjoni li jkunu qegħdin jeżerċitaw id-dritt għall-moviment liberu, li jiżżewġu ċittadin ta’ pajjiż terz. Tali koppja ta’ spiss (forsi, normalment) ikunu jridu jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-ħajja familjari fi prossimità fiżika ta’ xulxin. Jekk huma jkunu preklużi milli jgħixu flimkien fi Stat Membru li tiegħu ċ-ċittadin tal-Unjoni huwa ċittadin (li jirritorna fih wara preżenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jew li minnu jeżerċita d-dritt ta’ moviment liberu), huma jew jibdew ma jgħixux flimkien jew ikunu obbligati jittrasferixxu ruħhom x’imkien ieħor. Huma jafu jittrasferixxu ruħhom barra mill-Unjoni Ewropea li tippermettilhom li jirrisjedu flimkien; jew jittrasferixxu ruħhom fi Stat Membru ieħor u jinvokaw id-Direttiva 2004/38. Fl-ewwel każ li semmejt, iċ-ċittadin tal-Unjoni jiġi hekk imneżża’ miċ-ċittadinanza tal-Unjoni peress li dak l-istatus għandu biss importanza limitata barra mill-Unjoni Ewropea (64). Fit-tieni każ, jista’ jingħad li tali miżura twassal għal iktar moviment. Madankollu, filwaqt li l-fatt li l-moviment liberu jkun iffaċilitat jista’ jkun wieħed mill-għanijiet tal-Artikolu 21(1) TFUE, l-impożizzjoni ta’ moviment liberu ma huwiex. Min-naħa l-oħra, iċ-ċittadini tal-Unjoni ma humiex iggarantiti d-dritt li jiċċaqalqu u jirrisjedu liberament fl-Unjoni Ewropea. Jekk hemm il-possibbiltà li miżura taffettwa l-għażla libera ta’ ċittadin tal-Unjoni biex jeżerċita dak id-dritt, allura dik hija restrizzjoni li, sakemm ma tkunx iġġustifikata, tmur kontra l-Artikolu 21(1) TFUE.

90.      Fl-opinjoni tiegħi, l-istess raġunament japplika fejn jikkonċerna membri tal-familja qraba oħra (bħalma huma l-ġenituri tar-rispett, bħalma huwa l-każ ta’ S), bil-kundizzjoni li jiġi muri li, altrimenti, iċ-ċittadin tal-Unjoni jmur x’imkien ieħor flimkien mal-familja tiegħu (inklużi tali membri tal-familja oħra) sabiex jgħix flimkien magħhom, jew inkella jieqaf jeżerċita d-drittijiet ta’ moviment liberu.

91.      Il-Qorti diġà applikat dan it-test meta ċittadin tal-Unjoni li jkun eżerċita d-dritt ta’ moviment u residenza liberi jirritorna biex jirrisjedi fl-Istat Membru ta’ ċittadinanza tiegħu (is-sentenzi Singh u Eind) jew fejn eżerċita d-dritt ta’ moviment liberu filwaqt li baqa’ jirrisjedi fl-Istat Membru ta’ ċittadinanza tiegħu (is-sentenza Carpenter (65), li ġiet deċiża wara s-sentenza Singh (66) iżda qabel is-sentenza Eind (67)). Essenzjalment, dawn l-ewwel żewġ sentenzi juru (68) li, meta ċittadin tal-Unjoni ċċaqlaq għal u rrisjeda fi Stat Membru ieħor, il-membri tal-familja jistgħu, imbagħad, jakkumpanjawh, jew jingħaqdu miegħu, fl-Istat Membru ta’ ċittadinanza tiegħu taħt kundizzjonijiet li ma humiex inqas favorevoli minn dawk li japplikaw, taħt id-dritt tal-Unjoni, fl-Istat Membru ospitanti.

92.      S. Singh u R. Eind, bħala ħaddiema migranti, it-tnejn li huma ttrasferixxew ruħhom u mbagħad irrisjedew fi Stat Membru li ma huwiex dak taċ-ċittadinanza tagħhom. It-tnejn li huma rritornaw, imbagħad, fl-Istat Membru tagħhom. S. Singh sar persuna li taħdem għal rasha; R. Eind ma ħadimx. kull wieħed minnhom kellu membru tal-familja ċittadin ta’ pajjiż terz li għex miegħu fl-Istat Membru ospitanti u li pprova jgħix miegħu fl-Istat Membru ta’ ċittadinanza.

93.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li S. Singh, malli jirritorna għall-Istat Membru ta’ ċittadinanza tiegħu, għandu jiġi ttrattat b’mod tal-inqas ekwivalenti għal dak li huwa kien igawdi fl-Istat Membru ospitanti li minnu huwa kien telaq (69). Għaldaqstant, membru tal-familja jista’ jakkumpanjah fl-Istat Membru ta’ ċittadinanza taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Komunità Ewropea ta’ qabel id-Direttiva 2004/38 (70).

94.      Fis-sentenza Singh, il-Qorti tal-Ġustizzja ftit tat kunsiderazzjoni espressa lid-dritt għar-rispett tal-ħajja familjari, għalkemm ir-raġunament tagħha kien li jekk ċittadin tal-Unjoni jkun prekluż milli jeżerċita dak id-dritt billi joqgħod flimkien mal-konjuġi u t-tfal tiegħu malli jirritorna fl-Istat Membru tiegħu, huwa jaf ikun skoraġġut milli jeżerċita l-libertajiet fundamentali biex jidħol jew jirrisjedi fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor (dak l-imsejjaħ “chilling effect”) (71). Fis-sentenza Eind, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iktar espliċita fl-aċċettazzjoni tagħha li l-ostakli għar-riunifikazzjoni tal-familja jistgħu jwasslu għal ostakli għad-dritt għall-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni (72). B’kuntrast mas-sentenza Singh (li kienet deċiża fl-1992), is-sentenza Eind iġġib id-data 2007, jiġifieri wara l-introduzzjoni taċ-ċittadinanza tal-Unjoni.

95.      Għaldaqstant, ċittadin tal-Unjoni jikseb id-dritt li jkun akkumpanjat jew li jingħaqad miegħu grupp partikolari tal-membri tal-familja meta jeżerċita d-drittijiet ta’ moviment u residenza liberi. Il-fatt li huwa jkun jaf li ser jitlef dak id-dritt malli jirritorna lejn l-Istat Membru ta’ ċittadinanza tiegħu, x’aktarx li jiskoraġġih milli qatt jiċċaqlaq jew joħloq limitazzjonijiet fuq dak li jista’ jagħmel wara li jagħmel l-ewwel moviment. F’dan ir-rigward, ma tagħmilx differenza li membru tal-familja, qabel l-ewwel moviment, ma gawdiex mid-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ta’ ċittadinanza: id-Direttiva 2004/38 tiggarantixxi li ċ-ċittadini tal-Unjoni jistgħu jirrisjedu, wara t-tieni moviment, mal-membri tal-familja tagħhom li għexu magħhom qabel l-ewwel moviment, li jingħaqdu magħhom minn barra l-Unjoni Ewropea jew li jsiru membri tal-familja wara l-ewwel moviment (73). Għal din ir-raġuni, l-Istat Membru ta’ ċittadinanza ma jistax jittratta liċ-ċittadini tiegħu stess li jirritornaw biex jirrisjedu fit-territorju tiegħu b’mod inqas favorevoli mit-trattament li huma bbenefikaw minnu bħala ċittadini tal-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti. Dak li hu importanti huwa t-trattament li għalih huwa intitolat ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti. It-trattament li attwalment jibbenefika minnu ċ-ċittadin tal-Unjoni ma huwiex importanti (74). Dan minħabba li, wara l-ewwel moviment, id-drittijiet taħt id-dritt tal-Unjoni jiġu “passaportati” u jibqgħu maċ-ċittadin tal-Unjoni malli jirritorna lejn l-Istat Membru ta’ ċittadinanza tiegħu, fejn il-kundizzjonijiet u limitazzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 2004/38 japplikaw ukoll indirettament għaċ-ċittadini tal-Unjoni li jirritornaw lejn l-Istat Membru ta’ ċittadinanza tagħhom.

 Id-definizzjoni ta’ residenza

96.      Jekk iċ-ċittadin tal-Unjoni ma jkunux bdew jirrisjedu fi Stat Membru ieħor, huwa inqas ċar li meta l-membri tal-familja jiġu mċaħħda mid-dritt ta’ residenza taħt id-dritt tal-Unjoni fl-Istat Membru ta’ ċittadinanza dan jaffettwa b’mod negattiv id-drittijiet għal moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni. Iżda, x’ifisser li wieħed jirrisjedi fi Stat Membru ieħor? Din id-domanda hija fil-bażi tat-tieni u t-tielet domanda fil-Kawża C‑456/12.

97.      Id-Direttiva 2004/38 tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom ċittadin tal-Unjoni jista’ jirrisjedi fi Stat Membru ieħor mingħajr ma tiddefinixxi xi tfisser “residenza”. Lanqas it-Trattati ma fihom deskrizzjoni ġenerali. Ċerti strumenti leġiżlattivi sekondarji jiddefinixxu “residenza” għall-finijiet ta’ dik il-leġiżlazzjoni partikolari, billi jirreferu għal kunċetti bħalma huma “residenza normali” (75) jew “residenza abitwali” (76).

98.      Ir-residenza għandha funzjonijiet differenti fid-dritt tal-Unjoni. F’ċerti kuntesti, tista’ tintuża bħala kriterju biex tiġi stabbilita l-liġi applikabbli (pereżempju, fid-dritt fiskali jew fid-dritt privat internazzjonali) u biex jiġi evitat dak li jissejjaħ it-turiżmu għall-benefiċċji (77). Fi bnadi oħra, hija tista’ tkun is-sustanza ta’ dritt (78) jew element li l-assenza tiegħu jwassal biex ikun eskluż l-aċċess għal xi benefiċċju (79). F’ċerti kuntesti, dan jinsab iddefinit b’mod espress. F’kuntesti oħra, ma huwiex iddefinit. Għaldaqstant, ir-residenza ma hijiex kunċett uniformi fid-dritt tal-Unjoni.

99.      Fil-kuntest tad-dritt taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, apparti li hija dritt, ir-residenza fi Stat Membru ieħor hija xi kultant kundizzjoni biex jiġu eżerċitati drittijiet anċillari marbutin ma’ dak l-istatus (pereżempju, id-dritt għall-vot u biex wieħed jipproponi ruħu bħala kandidat fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew u l-elezzjonijiet muniċipali (80)), iżda tista’ tkun ukoll rekwiżit li jirrestrinġi libertajiet oħra ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni.

100. Fis-sentenza Swaddling, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-definizzjoni ta’ residenza fl-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 1408/71 (81) kienet “residenza abitwali” u ssuġġeriet, għaldaqstant, li din kellha tifsira applikabbli fl-Unjoni kollha (82). Il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat il-frażi “l-Istat Membru li fih jirrisjedu” bħala li huwa l-post “fejn jinsab iċ-ċentru abitwali tal-interessi tagħhom”, li għandu jkun stabbilit filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni s-“sitwazzjoni familjari tal-persuna impjegata; ir-raġunijiet li wassluh biex jiċċaqlaq; il-perijodu u l-kontinwità tar-residenza tiegħu; il-fatt (fejn dan ikun il-każ) li huwa f’impjieg stabbli; u l-intenzjoni tiegħu kif tirriżulta miċ-ċirkustanzi kollha” (83). Wara li qalet dan, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-evalwazzjoni dwar jekk persuna hijiex residenti jew le għandha tkun ibbażata, mhux fuq fattur wieħed, imma fuq ġabra ta’ elementi li flimkien jippermettu li s-sitwazzjoni tal-individwu tiġi evalwata u kklassifikata bħala residenza jew le.

101. F’oqsma oħra tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tat definizzjoni simili ta’ residenza: din hija l-post fejn persuna għandha ċ-ċentru tal-interessi abitwali jew tas-soltu tagħha u għandha tiġi stabbilita fid-dawl tal-fatti ineżami, li jinkludu kemm elementi oġġettivi u kif ukoll suġġettivi (84).

102. Ma naħsibx li r-residenza teħtieġ preżenza fiżika kontinwa fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed (it-tielet domanda magħmula fil-Kawża C‑456/12). Għax inkella, wieħed jista’ jinsab li huwa residenti fi Stat Membru biss jekk ma kienx eżerċita d-dritt għall-moviment liberu (li mid-definizzjoni jfisser li qabel ma ċċaqlaq, huwa għex x’imkien ieħor) (85). Madankollu, il-kunċett jista’ jeżiġi raġonevolment preponderanza ta’ preżenza.

103. Lanqas ma naħseb li l-punt dwar jekk ċittadin tal-Unjoni sarx residenti fi Stat Membru ieħor jiddependi minn jekk dak huwiex l-unika post ta’ residenza tiegħu. F’ħafna każijiet, l-eżerċizzju tad-dritt li wieħed jirrisjedi liberament fl-Unjoni Ewropea jkun jinvolvi li wieħed iċċaqlaq ir-residenza minn Stat Membru għall-ieħor, mingħajr ma jżomm xi konnessjoni sinjifikattiva mal-ewwel post ta’ residenza. F’każijiet oħra, madankollu, ikun xieraq, għal diversi raġunijiet, li jinżammu rabtiet sinjifikattivi.

104. Sakemm iċ-ċittadini tal-Unjoni jissodisfaw it-test biex jistabbilixxu residenza fi Stat Membru, ma għandhiex tagħmel differenza li huma jistgħu jżommu xi tip ta’ residenza banda oħra (86). Ma hemmx regola ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li tgħid li r-residenza fi Stat Membru wieħed tipprekludi residenza konkorrenti fi Stat Membru ieħor (87). Din tidher li hija l-implikazzjoni li toħroġ mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38 li tagħmel residenza itwal minn tliet xhur dipendenti fuq il-kundizzjoni li ċittadin tal-Unjoni jew huwa ħaddiem jew persuna li taħdem għal rasha jew għandu biżżejjed riżorsi disponibbli sabiex jevita li jsir piż fuq is-sistema ta’ assistenza soċjali tal-Istat Membru ospitanti. Min-naħa l-oħra, għandha tintwera solidarjetà sħiħa mar-residenti permanenti (meta l-kundizzjoni tar-“riżorsi suffiċjenti” ma tibqax tapplika) (88).

105. Filwaqt li ċ-ċittadini tal-Unjoni li ma humiex ħaddiema migranti jew persuni li jaħdmu għal rashom fl-Istat Membru ospitanti jaf ikunu jridu juru li huma għandhom riżorsi suffiċjenti, id-Direttiva 2004/38 hija newtrali fir-rigward tas-sors(i) ta’ dawk ir-riżorsi, li jistgħu, għaldaqstant, joriġinaw minn attivitajiet jew interessi banda oħra, kemm ġewwa jew kif ukoll minn barra l-Unjoni Ewropea. Kieku dan ma kienx il-każ, kien ikun hemm restrizzjoni lampanti tal-libertajiet fundamentali.

106. Tagħmel differenza jekk iċ-ċittadin tal-Unjoni inizjalment ittrasferixxa ruħu fl-Istat Membru ospitanti biex jeżerċita liberta ekonomika u jekk irritornax lejn l-Istat Membru ta’ ċittadinanza sabiex ikun attiv ekonomikament hemmhekk?

107. Ma naħsibx.

108. R. Eind telaq mill-Pajjiżi l-Baxxi lejn ir-Renju Unit biex ikun attiv ekonomikament hemmhekk; meta rritorna lejn il-Pajjiżi l-Baxxi, huwa ma ħadimx. It-tifla tiegħu, madankollu, kellha d-dritt li tingħaqad miegħu fil-Pajjiżi l-Baxxi, għalkemm suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament Nru 1612/68 dwar ir-residenza ta’ dixxendenti ta’ ħaddiem migrant (89). Dan kien it-trattament li kellu dritt għalih R. Eind fir-Renju Unit u, meta rittorna lura lejn il-Pajjiżi l-Baxxi, dan id-dritt ma setax jitilfu.

109. Għaldaqstant, ċittadin tal-Unjoni jista’ jitlob, fl-Istat Membru ta’ ċittadinanza tiegħu, trattament mhux inqas favorevoli minn dak li kellu dritt għalih bħala ħaddiem jew persuna li taħdem għal rasha fl-Istat Membru ospitanti. Il-fatt li wieħed ma jibqax attiv ekonomikament ma jbiddilx dak id-dritt. Lanqas il-fatt li ċittadin tal-Unjoni ma kellux status ta’ ħaddiem jew ta’ persuna li taħdem għal rasha fl-Istat Membru ospitanti, u dan peress li llum-il ġurnata d-drittijiet għall-moviment u residenza libera ta’ ċittadin tal-Unjoni ma għadhomx jiddependu fuq l-eżerċizzju ta’ attività ekonomika. Madankollu, il-kundizzjonijiet li taħthom il-membri tal-familja jistgħu jirrisjedu fl-Istat Membru ospitanti jistgħu jvarjaw (90).

110. Minix konvinta bl-argument li ċittadin tal-Unjoni (kemm jekk huwa jew ma huwiex ħaddiem migrant jew persuna li taħdem għal rasha) irid ikun irrisjeda fi Stat Membru ieħor għal perijodu kontinwu ta’ mill-inqas tliet xhur jew xi perijodu “sostanzjali” ieħor qabel ma l-membri tal-familja ċittadini ta’ pajjiż terz jistgħu jinvokaw drittijiet ta’ residenza taħt id-dritt tal-Unjoni fl-Istat Membru ta’ ċittadinanza (is-suġġett tat-tieni domanda fil-Kawża C‑456/12). Dan l-argument jippreżumi li s-separazzjoni sfurzata minn membru tal-familja, bħalma huwa konjuġi, ma tipprekludix lil ċittadin tal-Unjoni, li jkun jixtieq jittrasferixxi ruħu biex joqgħod temporanjament fi Stat Membru ieħor, milli jeżerċita d-drittijiet ta’ moviment u residenza liberi tiegħu. Ma nara ebda bażi biex ngħid li, f’dawk iċ-ċirkustanzi, iċ-ċittadin tal-Unjoni għandu jkun mitlub jissagrifika temporanjament id-dritt għall-ħajja familjari tiegħu (jew, fi kliem ftit differenti, li għandu jkun ippreparat iħallas dak il-prezz sabiex ikun jista’ jinvoka d-dritt tal-Unjoni kontra l-Istat Membru ta’ ċittadinanza tiegħu stess). Fil-fatt, taħt id-Direttiva 2004/38, il-membri tal-familja għandhom dritt jakkumpanjaw liċ-ċittadin tal-Unjoni immedjatament fl-Istat Membru ospitanti. Id-Direttiva 2004/38 ma trendix id-dritt tagħhom għal dak id-dritt sekondarju suġġett għall-kundizzjoni ta’ residenza minima għaċ-ċittadin tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, il-kundizzjonijiet li japplikaw għall-persuni dipendenti jvarjaw skont it-tul tal-perijodu ta’ residenza fit-territorju.

111. It-tul tal-perijodu tas-soġġorn ta’ ċittadin tal-Unjoni fi Stat Membru huwa (ovvjament) kriterju kwantitattiv rilevanti. Madankollu, nikkunsidra li dan ma jistax jiġi applikat bħala kriterju assolut biex jiġi deċiż min eżerċita jew ma eżerċitax id-drittijiet ta’ residenza u għaldaqstant, jista’ jingħaqad jew jiġi akkumpanjat (91) mill-membri tal-familja tagħhom. Dan huwa wieħed mill-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni.

 Moviment liberu mingħajr residenza

112. Xi tkun is-sitwazzjoni jekk ċittadin tal-Unjoni jittrasferixxi ruħu fi Stat Membru li ma huwiex dak li tiegħu huwa ċittadin iżda ma jiksibx ir-residenza hemmhekk? Il-membri tal-familja tiegħu li huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandhom dritt jingħaqdu miegħu fl-Istat Membru ta’ ċittadinanza u residenza tiegħu? Din hija s-sustanza tal-ewwel u tat-tieni domanda fil-Kawża C‑457/12.

113. Ir-raġunament f’Singh (92) u f’Eind (93) ma jkoprix din is-sitwazzjoni. Madankollu, is-sentenza Carpenter (94) turi mill-ewwel li d-drittijiet ta’ residenza sekondarji fl-Istat Membru ta’ ċittadinanza u residenza jistgħu jiġu invokati mill-membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni, membri tal-familja li huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jeżerċitaw il-libertajiet tas-suq uniku (pereżempju, biex jipprovdu servizzi) iżda li ma jittrasferixxux il-post ta’ residenza tagħhom għal Stat Membru ieħor.

114. Fis-sentenza Carpenter, il-qorti nazzjonali kienet ikkonstatat li t-trobbija tat-tfal u x-xogħol fid-dar magħmul minn M. Carpenter jistgħu indirettament jgħinu u jassistu lil żewġha fid-dritt tiegħu li jipprovdi servizzi fi Stat Membru ieħor. Dan kien ifisser li P. Carpenter seta’ jqatta’ iktar ħin fuq in-negozju tiegħu li parti sostanzjali minnu kien immexxi fi Stati Membri oħra (95). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rifjut ta’ residenza lil M. Carpenter u allura s-separazzjoni taż-żewġ konjuġi “tkun ta’ detriment għall-ħajja tal-familja tagħhom, u, għaldaqstant, għall-kundizzjonijiet li fihom P. Carpenter jeżerċita libertà fundamentali” (96). Filwaqt li applikat ir-raġunament adottat fis-sentenza Singh, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li din il-libertà ma tkunx tista’ tkun kompletament effettiva kieku P. Carpenter kellu jsib ostakoli magħmula fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu għad-dħul u r-residenza tal-konjuġi tiegħu (97).

115. Fl-eżaminazzjoni dwar jekk dik ir-restrizzjoni tistax tkun iġġustifikata, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat imbagħad li d-deċiżjoni biex M. Carpenter tiġi ddeportata kienet tikkostitwixxi indħil fl-eżerċitar tad-dritt għar-rispett tal-ħajja familjari fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (98).

116. Inħarsu issa lejn id-deċiżjoni fis-sentenza Carpenter b’mod iktar mill-qrib.

117. Ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa bbażat neċessarjament fuq il-premessa li kien hemm rabta kawżali bejn l-eżerċizzju tal-moviment liberu ta’ P. Carpenter u r-residenza ta’ martu, Filippina, fl-Istat Membru ta’ ċittadinanza u residenza ta’ P. Carpenter. L-attività ekonomika pprovdiet sostenn għall-martu li kienet ċittadina ta’ pajjiż terz. Min-naħa l-oħra, P. Carpenter kien jiddependi fuq martu inkwantu hija kienet tieħu ħsieb it-tfal tiegħu, kienet tagħmel ix-xogħol fid-dar u għaldaqstant, ikkontribwixxiet għas-suċċess tiegħu (99). Il-kundizzjonijiet li taħthom kien eżerċitat id-dritt għal ħajja familjari setgħu, għaldaqstant, jaffettwaw l-eżerċitar tad-drittijiet ta’ moviment liberu. Kieku d-dritt ta’ residenza ta’ M. Carpenter ġie rrifjutat fl-Istat Membru ta’ ċittadinanza u residenza ta’ P. Carpenter, dan x’aktarx li kien iġiegħlu jew (i) jittrasferixxi ruħu fi Stat Membru ieħor sabiex jippermetti lil martu tingħaqad miegħu hemmhekk (suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 2004/38) jew (ii) jaċċetta l-limitazzjoni fuq id-dritt tiegħu għall-ħajja familjari u jitlef il-preżenza ta’ martu miegħu fl-Istat Membru ta’ ċittadinanza tiegħu, li dan imbagħad jaffettwa l-kundizzjonijiet li taħthom jeżerċita l-libertà tiegħu li jipprovdi servizzi fi Stat Membru ieħor (mingħajr ma jirrisjedi hemmhekk). Il-punt dwar jekk dan, fil-fatt, kienx iwasslu biex iwaqqaf l-attività tiegħu barra mill-pajjiż ma huwiex ċar u ma ssemmiex fir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja.

118. X’inhi r-rilevanza ta’ din l-analiżi għall-eżerċizzju attiv tad-drittijiet ta’ moviment mingħajr residenza bħala ħaddiem u t-tieni nett, għall-eżerċizzju “passiv” tad-dritt li wieħed jibbenefika mis-servizzi?

 Qsim tal-fruntieri bħala ħaddiem mingħajr trasferiment tar-residenza

119. Iċ-ċittadini tal-Unjoni li, mingħajr ma jittrasferixxu r-residenza, jeżerċitaw id-dritt għall-moviment liberu inkonnessjoni ma’ attività li tgħin biex issostni, jew li tagħmilhom jiddependu minn, membri tal-familja jistgħu, għal din ir-raġuni, ikollhom bżonn li jingħaqdu magħhom ċerti membri tal-familja fl-Istat Membru ta’ ċittadinanza tagħhom. Il-konnessjoni bejn residenza u l-eżerċizzju tad-drittijiet għall-moviment liberu f’dawn il-każijiet tista’ tkun pjuttost viżibbli u faċli biex tiġi stabbilita. Pereżempju, jekk il-membri tal-familja ta’ ħaddiem transkonfinali jiġu rrifjutati r-residenza, dan tal-aħħar jista’ jkun skoraġġut milli jaħdem fi Stat Membru ieħor jew imġiegħel ibiddel ir-residenza tiegħu u jittrasferixxu ruħu flimkien mal-familja fi Stat Membru ieħor. L-istess japplika għaċ-ċittadini tal-Unjoni li jiddependu minn membru tal-familja minħabba li dan tal-aħħar jiffaċilita jew jippermetti l-eżerċitar tad-dritt għall-moviment liberu tagħhom. Dan joħroġ direttament minn dak li diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Carpenter fir-rigward tal-provvista “attiva” ta’ servizzi lil klijenti residenti fi Stat Membru ieħor.

120. Hemm differenza essenzjali bejn li wieħed jgħix fi Stat Membru A imma jaħdem għal persuna li timpjega fi Stat Membru B (il-pożizzjoni tal-isponsor G), u li wieħed jgħix fi Stat Membru A, jaħdem għal persuna li timpjega residenti fl-Istat Membru A wkoll iżda li jagħmel xogħol li jeħtieġ li l-ħaddiem imur fi Stat Membru ieħor (il-pożizzjoni tal-isponsor S)? Din il-kwistjoni toħroġ mis-sustanza taż-żewġ domandi magħmula fil-Kawża C‑457/12.

121. Ma naħsibx. Fiż-żewġ każijiet, l-impjieg tal-ħaddiem jitlob li huwa jaqsam il-fruntieri biex huwa jonora l-kuntratt ta’ impjieg tiegħu. Huwa ma jistax iżomm l-impjieg tiegħu u fl-istess ħin jibqa’ ma jagħmel xejn fl-Istat Membru ta’ ċittadinanza tiegħu. Id-domanda mbagħad issir: ir-restrizzjoni fuq il-preżenza ta’ membru tal-familja ċittadin ta’ pajjiż terz fl-Istat Membru ospitanti twassal biex jew tipprekludi lill-ħaddiem milli jaqsam il-fruntiera biex jonora l-kuntratt ta’ impjieg tiegħu jew tagħmilielu ħafna iktar diffiċli jagħmel dan? Iċ-ċirkustanzi jistgħu jkunu tali li, fuq il-fatti, ma tagħmilx differenza għall-eżerċitar tad-dritt għall-moviment liberu. Madankollu, jekk il-kapaċità tal-ħaddiem biex jonora l-kuntratt tiegħu tkun affettwata b’mod sostanzjali jekk ma jkunx jista’ jistrieħ fuq is-sostenn mogħti mill-membru tal-familja ċittadin ta’ pajjiż terz (jew jekk, fil-fatt, ix-xogħol transkonfinali jsir impossibbli), l-eżerċitar effettiv tad-drittijiet għall-moviment liberu miċ-ċittadin tal-Unjoni jitlob li d-drittijiet ta’ residenza sekondarji fl-Istat Membru ta’ ċittadinanza għandhom jingħataw taħt id-dritt tal-Unjoni lill-membru tal-familja ċittadin ta’ pajjiż terz.

122. Il-punt dwar jekk il-membru tal-familja ċittadin ta’ pajjiż terz jistax jitlob dan id-dritt fl-Istat Membru ta’ ċittadinanza ta’ ċittadin tal-Unjoni jiddependi fuq l-istess tliet fatturi varjabbli li inizjalment kienu jiffurmaw il-bażi biex jiġu stabbiliti drittijiet sekondarji għal ċittadini ta’ pajjiż terz taħt id-dritt tal-Unjoni. Dawn huma:

–        il-konnessjoni familjari maċ-ċittadin tal-Unjoni;

–        l-eżerċitar tad-drittijiet għall-moviment liberu taċ-ċittadin tal-Unjoni u

–        ir-rabta kawżali bejn ir-residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz u l-eżerċitar tad-drittijiet għall-moviment liberu taċ-ċittadin tal-Unjoni.

123. L-evalwazzjoni ta’ dawn il-kriterji ma twassalx awtomatikament għal sempliċi risposta ta’ “iva” jew “le”. Il-portata ta’ restrizzjoni fuq id-dritt għall-moviment liberu tista’ tvarja kunsiderevolment u dan skont, pereżempju, il-prossimità tal-konnessjoni familjari. Fl-istess ħin, ir-rilevanza ta’ dik il-konnessjoni u dipendenza għall-għażla taċ-ċittadin tal-Unjoni dwar jekk jeżerċitax id-dritt għall-moviment liberu jew le tista’ wkoll tvarja ħafna. Restrizzjoni ta’ dan it-tip tkun teżisti jekk jintwera li r-rifjut ta’ residenza lil membru tal-familja ċittadin ta’ pajjiż terz tista’ twassal, b’mod plawsibbli, liċ-ċittadin tal-Unjoni biex jittrasferixxi ruħu, biex jieqaf milli jittrasferixxi ruħu jew biex jabbanduna l-possibbiltà reali li jittrasferixxi ruħu.

 It-tgawdija tal-libertà “passiva” li wieħed jirċievi servizzi fi Stat Membru ieħor mingħajr ma jittrasferixxi ruħu hemmhekk

124. Din hija l-kwistjoni ċentrali tad-domanda fil-Kawża C‑456/12.

125. Fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, kull ċittadin tal-Unjoni huwa ggarantit l-istess livell ta’ protezzjoni tal-libertajiet fundamentali u d-dritt għall-ħajja familjari. Ċittadin tal-Unjoni li jittrasferixxi ruħu fi Stat Membru ieħor biex jirċievi servizz hemmhekk, ikun x’ikun is-servizz, jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (100). Madankollu, minn dan ma jsegwix li kull eżerċitar tad-dritt għall-moviment liberu biex wieħed jirċievi servizzi jiġġenera, neċessarjament, drittijiet ta’ residenza sekondarji fl-Istat Membru ta’ ċittadinanza għall-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, membri li huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Dan minħabba li mhux kull ċaħda ta’ residenza tikkostitwixxi ostaklu għar-riunifikazzjoni tal-familja tali li tirrestrinġi d-dritt fundamentali ta’ ċittadin tal-Unjoni biex jiċċaqlaq (101).

126. Illum saret li ma tistax timmaġina soċjetà jew ekonomija mingħajr servizzi (102). Iċ-ċittadini tal-Unjoni qegħdin jaqsmu l-fruntieri dejjem iktar biex jibbenefikaw mis-servizzi. Għal ħafna nies, din tista’ tkun l-unika tip ta’ dritt għall-moviment liberu li huma qatt jeżerċitaw: imorru għall-vaganzi, jagħmlu vjaġġi ta’ ġurnata, jordnaw il-kotba onlajn u l-bqija.

127. Madankollu, mhux dawn it-tip kollha ta’ eżerċitar minn ċittadin tal-Unjoni Ewropea tal-libertà passiva ta’ servizzi jiddependu fuq jekk il-membri tal-familja ċittadini ta’ pajjiżi terzi humiex residenti fl-Istat Membru fejn jirrisjedi dak iċ-ċittadin tal-Unjoni.

128. Filwaqt li t-trasferiment għal Stat Membru ieħor biex wieħed jibbenefika minn servizz ċertament li jikkostitwixxi l-eżerċizzju ta’ libertà ekonomika, din ma hijiex normalment it-tip ta’ attività li tippermetti liċ-ċittadin tal-Unjoni Ewropea biex isostni, jew li tagħmlu jiddependi fuq il-membri tal-familja tiegħu (possibbilment minħabba l-ispiża marbuta ma’ dak l-eżerċitar tad-dritt għall-moviment liberu). Għal dawn ir-raġunijiet, l-ostakli għall-unifikazzjoni tal-familja x’aktarx li jaffettwaw inqas il-kunsiderazzjonijiet li jwasslu lil ċittadin tal-Unjoni biex jiċċaqlaq u/jew jirrisjedi x’imkien ieħor.

129. F’ħafna ċirkustanzi, id-drittijiet ta’ residenza sekondarji għall-membri tal-familja (li jistgħu jwasslu għar-residenza permanenti) ma humiex neċessarji għal ċittadin tal-Unjoni biex jibbenefika minn servizz li huwa essenzjalment temporanju “mhux biss fid-dawl ta’ kemm idum l-għoti tas-servizz, iżda wkoll tar-regolarita, tal-frekwenza jew tal-kontinwità tiegħu” (103), u li spiss huwa servizz tal-konsumatur li għalih iċ-ċittadin tal-Unjoni iħallas iktar milli attività li tiġġenera dħul.

130. Il-fatt li s-servizz jista’ jkun gawdut iktar jekk gawdut flimkien ma’ membru tal-familja ma huwiex biżżejjed biex joħloq restrizzjoni fuq id-dritt għall-moviment liberu, peress li din il-kunsiderazzjoni ma hijiex inerenti għar-raġunijiet li jwasslu liċ-ċittadini tal-Unjoni biex jaqsmu l-fruntieri sabiex jibbenefikaw minn servizz (pereżempju, ikla f’ristorant partikolarment sabiħ) flok jibqgħu fl-Istat Membru ta’ ċittadinanza u residenza tagħhom biex jagħmlu hekk.

131. Madankollu, ma neskludix il-possibbiltà li, b’mod eċċezzjonali, ikunu meħtieġa d-drittijiet ta’ residenza sekondarji għall-membri tal-familja ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Dan ikun il-każ, b’mod partikolari, meta ċittadin tal-Unjoni isir jiddependi fuq membru tal-familja minħabba ċ-ċirkustanzi stess li jwassluh biex jaqsam il-fruntieri sabiex jibbenefika minn servizzi fi Stat Membru ieħor. Bħala eżempju nistgħu nieħdu każ ta’ ċittadin Ġermaniż li jirrisjedi fil-Ġermanja u miżżewweġ lil mara ta’ nazzjonalità Ċiniża li ma ġietx awtorizzata tirrisjedi hemmhekk, u dan jimrad u jeħtieġ kura fit-tul. Huwa jiddeċiedi, għal raġunijiet mediċi, li jirċievi dik il-kura fil-Belġju. Huwa ma għandu l-ebda intenzjoni li jbiddel ir-residenza tiegħu u jirrisjedi hemmhekk. Madankollu, huwa jeħtieġ assistenza biex jivvjaġġja regolarment lejn il-Belġju. Huwa għandu bżonn ukoll li jieħu ħsieb affarijiet oħra li ma għadux jista’ jieħu ħsiebhom waħdu. Huwa jsir jiddependi fuq xi ħadd li jieħu ħsiebu. Naturalment, huwa jixtieq li dik il-persuna li tieħu ħsiebu tkun martu ċ-Ċiniża. Din id-deċiżjoni taqa’ fl-isfera tal-ħajja privata u familjari; iżda fl-istess ħin hija konnessa mal-kundizzjonijiet li fihom jeżerċita d-drittijiet għall-moviment liberu.

 Ċaqliq fi Stati Membri differenti sabiex jitgawda d-dritt għall-ħajja familjari

132. X’jiġri jekk ċittadin tal-Unjoni jiċċaqlaq biss sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu għall-ħajja familjari tiegħu flimkien ma’ membru tal-familja li jirrisjedi x’imkien ieħor fl-Unjoni Ewropea? Jista’ huwa jallega li hemm restrizzjoni fuq l-eżerċitar tal-libertà ta’ moviment tiegħu jekk dak il-membru tal-familja ma jitħalliex, taħt id-dritt tal-Unjoni, jikseb residenza legali fl-Istat Membru ta’ ċittadinanza u residenza tiegħu? Dawn id-domandi huma rilevanti għall-pożizzjoni ta’ B u O (Kawża C‑456/12), li t-tnejn li huma jidhru li qasmu l-fruntieri biex ikunu mas-sieħeb jew konjuġi tagħhom.

133. Wieħed jista’ jargumenta li, jekk tali miżura nazzjonali restrittiva tirriżulta f’ċittadin tal-Unjoni li jikseb residenza fi Stat Membru ieħor, dan huwa l-veru funzjonament taċ-ċittadinanza tal-Unjoni u turi kif id-drittijiet ta’ moviment liberi jistgħu jtejbu l-eżerċitar tad-dritt għall-ħajja familjari.

134. Madankollu, il-kwistjoni ma hijiex jekk tali miżura nazzjonali twassalx (jew tippermettix) li jsir il-moviment liberu. Dak li hu rilevanti huwa l-libertà li wieħed jagħżel jiċċaqlaqx jew le. Miżura li timponi moviment tirrestrinġi dik l-għażla. Għaldaqstant din tkun tikser l-Artikolu 21(1) TFUE (104).

 X’kundizzjonijiet jirregolaw l-eżerċitar tad-drittijiet ta’ residenza sekondarji

135. Filwaqt li d-domandi tal-qorti tar-rinviju jiffokaw fuq l-eżistenza ta’ drittijiet ta’ residenza sekondarji, tali drittijiet ma humiex mingħajr kundizzjonijiet. L-eżerċitar tagħhom jista’ jkun irregolat mit-Trattati jew mil-leġiżlazzjoni ta’ implementazzjoni.

136. L-Artikolu 21(1) TFUE jipprovdi li kull ċittadin tal-Unjoni għandu d-dritt ta’ moviment u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri, “salvi l-limitazzjonijiet u l-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati u d-dispożizzjonijiet meħuda sabiex dan jitwettaq”.

137. Ċittadin tal-Unjoni li jittrasferixxi ruħu fi Stat Membru li ma huwiex dak li tiegħu huwa ċittadin għandu d-dritt li jidħol fit-territorju u jirrisjedi hemmhekk taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 2004/38. Għal residenza sa tliet xhur, pereżempju, huwa għandu jkollu biss karta tal-identità jew passaport validi (105). L-istess japplika għall-membri tal-familja ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jakkumpanjawh jew jingħaqdu miegħu hemmhekk (106). Għal residenza li tkun itwal minn tliet xhur u r-residenza permanenti japplikaw kundizzjonijiet oħra. Meta ċ-ċittadin tal-Unjoni jirritorna, imbagħad, fl-Istat Membru ta’ ċittadinanza, huwa għandu jgawdi mid-dritt li jkun akkumpanjat jew li jingħaqdu miegħu l-membri tal-familja ċittadini ta’ pajjiż terz taħt kundizzjonijiet li ma humiex inqas favorevoli minn dawk li japplikaw, taħt id-dritt tal-Unjoni, fl-Istat Membru ospitanti.

138. Ejja nieħdu l-każ ta’ ċittadin tal-Unjoni li rrisjeda għal xahrejn fl-Istat Membru ospitanti u miegħu ngħaqdet il-konjuġi tiegħu li hija ċittadina ta’ pajjiż terz. Minħabba ċirkustanzi partikolari (pereżempju, mard serju ta’ xi ġenitur tiegħu), huwa jkollu jirritorna fl-Istat Membru ta’ ċittadinanza tiegħu fejn huwa jkun fi ħsiebu jirrisjedi mal-konjuġi tiegħu għall-futur prevedibbli. Huwa jista’ jagħmel dan sakemm il-konjuġi tiegħu tissodisfa l-kundizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2004/38. Il-fatt li hija għexet miegħu għal xahrejn fl-Istat Membru ospitanti ma jimplikax li t-tul tar-residenza tagħha fl-Istat Membru ta’ ċittadinanza ta’ ċittadin tal-Unjoni għandu jkun limitat bl-istess mod. Kieku dan kien il-każ, iċ-ċittadin tal-Unjoni jista’ jkun sfurzat jew li jevita milli jirritorna lura lejn l-Istat Membru tiegħu biex ikompli jirrisjedi x’imkien ieħor fl-Unjoni Ewropea flimkien mal-konjuġi tiegħu, jew iħalliha warajh meta jirritorna fl-Istat Membru tiegħu minħabba li hija tista’ tinvoka dritt ta’ residenza għal xahrejn biss u huwa għandu bżonn idum id-dar għal żmien itwal. Kieku huma qagħdu fl-Istat Membru ospitanti, u sakemm kienu ssodisfatti l-kundizzjonijiet rilevanti, martu kienet tkun tista’ toqgħod għal iktar minn tliet xhur u possibbilment tikseb ir-residenza permanenti hemmhekk.

139. Fl-aħħar nett, id-dritt ta’ residenza sekondarju jiskadi jekk ikun hemm xi qabża (mhux iddefinita) bejn ir-ritorn taċ-ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru ta’ ċittadinanza tiegħu u l-wasla tal-membru tal-familja hemmhekk? Din hija l-kwistjoni li tqajmet bir-raba’ domanda fil-Kawża C‑456/12 (li tikkonċerna lil B).

140. Ir-risposta tiddependi, fil-fehma tiegħi, fuq ir-raġuni li għaliha ċ-ċittadin tal-Unjoni u l-membru(i) tal-familja tiegħu ma kinux qegħdin jiċċaqalqu flimkien.

141. Taħt id-Direttiva 2004/38, l-Istat Membru ospitanti ma jistax jirrifjuta r-residenza lil ċittadin ta’ pajjiż terz abbażi taż-żmien li għadda. Id-dritt tagħhom huwa li “jakkumpanjaw jew li jingħaqdu” maċ-ċittadin tal-Unjoni li miegħu huma għandhom rabtiet familjari rilevanti (107). Dan il-kliem ifisser li qabża ta’ żmien wara li ċ-ċittadin tal-Unjoni daħal u kiseb residenza ma tistax tipprekludi lil ċittadin ta’ pajjiż terz milli “jingħaqad” miegħu iktar tard. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva 2004/38 ma teżiġix li l-membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni għandhom jidħlu fi Stat Membru ospitanti fl-istess żmien bħaċ-ċittadin tal-Unjoni li minħabba l-istatus tiegħu jiksbu d-drittijiet tagħhom (108).

142. Jien ma nikkunsidrax li r-raġuni għad-dewmien hija rilevanti. Dak li huwa rilevanti hija li d-deċiżjoni biex isir iċ-ċaqliq għall-finijiet ta’ residenza ma’ ċittadin tal-Unjoni tittieħed fil-kuntest tal-eżerċitar tad-dritt għall-ħajja familjari. Iċ-ċittadini tal-Unjoni jgawdu l-libertà li jiddeċiedu huma stess kif jeżerċitaw id-dritt għall-ħajja familjari (kieku dan ma jkunx il-każ, id-dritt ftit li xejn ikun ta’ siwi). Ħafna nies jippreferu jgħixu mal-membri tal-familja tagħhom; oħrajn jistgħu, f’mument partikolari, ikollhom prijoritajiet oħra (li jistgħu jitbiddlu biż-żmien) jew inkella jista’ jkun hemm xi ostakli prattiċi biex huma jgħixu flimkien immedjatament. Min-naħa l-oħra, jekk membru tal-familja ċittadin ta’ pajjiż terz u ċittadin tal-Unjoni ddeċidew li huma ma jixtiqux jibqgħu jgħixu flimkien bħala koppja u jeżerċitaw id-dritt għall-ħajja familjari tagħhom, ma jkun hemm ebda dritt ta’ residenza sekondarju għaċ-ċittadin ta’ pajjiż terz.

143. F’dan l-isfond, indur issa biex nikkunsidra fil-qosor kif il-qorti tar-rinviju għandha tanalizza s-sitwazzjonijiet ta’ O, B, S u G.

 X’inhu dak li jiddetermina d-drittijiet ta’ residenza sekondarji ta’ O, B, S u G

–       O

144. L-isponsor O telqet mill-Pajjiżi l-Baxxi, iżżewġet lil O fi Franza u mbagħad ittrasferixxiet ruħha ma’ żewġha fi Spanja. Jekk O irrisjeda legalment fi Spanja flimkien mal-isponsor O bħala membru tal-familja ċittadin ta’ pajjiż terz ta’ ċittadin tal-Unjoni taħt id-Direttiva 2004/38, allura l-isponsor O ma għandhiex, meta tirritorna lura biex taħdem u tgħix fil-Pajjiżi l-Baxxi, tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli minn kif hija ġiet ittrattata meta hija ttrasferixxiet ruħha fi Spanja biex tikseb ir-residenza hemmhekk. Minn dan isegwi li, jekk dawn il-fatti jiġu kkonfermati (li ovvjament hija l-qorti tar-rinviju li għandha tagħmel dan), O ikollu, skont id-dritt tal-Unjoni, dritt għal residenza legali fil-Pajjiżi l-Baxxi. Dak id-dritt la huwa mingħajr kundizzjonijiet u lanqas assolut. Fil-fatt, huwa suġġett għall-kundizzjonijiet u limitazzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 2004/38 bl-istess mod bħad-dritt ta’ residenza preċedenti tiegħu fi Spanja.

–       B

145. L-isponsor B eżerċitat drittijiet ta’ moviment liberu u possibbilment kisbet residenza fil-Belġju biex tgħix hemmhekk flimkien (dak iż-żmien) ma’ seħibha B. (Ma huwiex ċar jekk l-isponsor B kinitx qegħda tfittex xogħol fil-Belġju u din hija kwistjoni li għandha tiġi vverifikata mill-qorti nazzjonali). Bħala sempliċi sieħeb, madankollu, B ma kienx jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 u ma setax, għaldaqstant, jikseb dritt ta’ residenza fil-Belġju taħt id-dritt tal-Unjoni minħabba l-preżenza tal-isponsor B hemmhekk. Il-fatt dwar jekk l-isponsor B kisbitx residenza fil-Belġju ma huwiex, għaldaqstant, deċiżiv għat-talba ta’ B biex jikseb residenza fil-Pajjiżi l-Baxxi.

146. Lanqas ma huwa rilevanti għall-finijiet tal-Artikolu 21(1) TFUE li l-isponsor B għexet ma’ jew marret tara lil B fil-Marokk wara li żżewwġu, peress li dik id-dispożizzjoni tiggarantixxi biss drittijiet ta’ moviment u residenza liberi fl-Unjoni Ewropea.

147. Lanqas ma jidher li hemm rabta bejn ir-rifjut ta’ residenza fil-Pajjiżi l-Baxxi u l-eżerċitar, min-naħa tal-isponsor B, tad-drittijiet iggarantiti taħt l-Artikolu 21(1) TFUE. Kwalunkwe forma ta’ eżerċitar ta’ dawn id-drittijiet tlestiet f’mument meta kien għad ma hemmx konnessjoni familjari bejn B u l-isponsor B.

148. Madankollu, is-sempliċi mogħdija ta’ perijodu ta’ żmien bejn ir-ritorn tal-isponsor B lejn il-Pajjiżi l-Baxxi u l-wasla ta’ B ma jaffettwax xi talba li dan tal-aħħar kellu għad-dritt ta’ residenza sekondarja, u dan sakemm li d-deċiżjoni biex jingħaqad mal-isponsor B fil-Pajjiżi l-Baxxi ttieħdet fil-kuntest tal-eżerċitar tad-dritt għall-ħajja familjari tagħhom (109).

–       S

149. L-isponsor S ma huwiex “ċittadin ta’ Stat Membru, indipendentement mill-post ta’ residenza tiegħu u min-nazzjonalità tiegħu, li eżerċita d-dritt għall-moviment liberu tal-ħaddiema u li eżerċita attività professjonali fi Stat Membru għajr dak tar-residenza tiegħu” (110). Huwa impjegat fl-Istat Membru ta’ residenza u ta’ ċittadinanza tiegħu u, meta jmur il-Belġju u Stati Membri oħra, ma jidħolx fis-suq tax-xogħol hemmhekk (111). Ma huwiex ħaddiem ikkollokat (112) u lanqas ma jaqsam il-fruntieri biex jipprovdi servizzi fil-Belġju fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE. Min-naħa l-oħra, hija l-persuna li timpjegah li preżumibbilment tipprovdi servizzi fi Stati Membri oħra permezz tal-intervent tal-isponsor S.

150. Madankollu, jibqa’ l-fatt li l-isponsor S jeżerċita d-dritt għall-moviment liberu tiegħu inkonnessjoni ma’ attività ekonomika (l-impjieg tiegħu fil-Pajjiżi l-Baxxi), li r-riżultati tagħha (salv li dan jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali) jikkontribwixxu għal-benesseri ta’ familtu. Ir-raġuni biex jikseb dan it-tip ta’ impjieg hija l-bżonn li huwa għandu biex ifittex min jieħu ħsieb lill-ibnu. Hija l-qorti nazzjonali li għandha teżamina jekk huwa jkollux dan il-bżonn li jfittex min jieħu ħsieb lil ibnu (u jekk iva, sa fejn) kieku huwa jkun qiegħed sempliċiment jaħdem fil-Pajjiżi l-Baxxi).

151. U x’jiġri miż-żewġ fatturi varjabbli l-oħra li ġew identifikati iktar ’il fuq (113), jiġifieri l-konnessjoni familjari u r-rabta kawżali?

152. Għal dak li jirrigwarda l-konnessjoni familjari bejn S u l-isponsor S, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li S hija membru tal-familja dipendenti fil-linja axxendenti fis-sens tal-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 2004/38. Din il-konstatazzjoni timplika li l-qorti nazzjonali tikkunsidra li l-isponsor S jiffinanzja lil S (fl-isfond tal-interpretazzjoni stretta ta’ dipendenza taħt id-Direttiva 2004/38 mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja). Min-naħa l-oħra, l-isponsor S jidher li jiddependi minn S inkwantu din tal-aħħar tieħu ħsieb lill-ibnu filwaqt li huwa jeżerċita d-drittijiet għall-moviment liberu inkonnessjoni mal-impjieg tiegħu.

153. Ir-rechtbank, li inizjalment irrevediet id-deċiżjoni tal-Ministru, tidher li kkunsidrat dan il-fatt bħala li ma huwiex rilevanti peress li lill-ibnu jistgħu jieħdu ħsiebu jew mart S (li hija wkoll residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi) jew inkella s-servizzi professjonali għall-kura tat-tfal.

154. Fuq din il-bażi, il-qorti tar-rinviju ħadet il-pożizzjoni preliminari li jekk S ma titħalliex tirrisjedi fil-Pajjiżi l-Baxxi, l-isponsor S ma jkunx f’pożizzjoni agħar f’dak li jirrigwarda l-eżerċitar tad-drittijiet għall-moviment liberu. Sabiex tistabbilixxi jekk hemmx fil-fatt ebda rabta kawżali raġonevoli bejn dawk iż-żewġ fatturi, il-qorti tar-rinviju jkollha teżamina jekk ir-rifjut ta’ residenza lil S jwassalx lill-isponsor S biex ifittex impjieg alternattiv li ma jkunx jinvolvi l-eżerċitar ta’ drittijiet ta’ moviment liberu jew iġiegħlux jittrasferixxu ruħu, flimkien ma’ familtu, inkluża S, fi Stat Membru ieħor.

–       G

155. L-isponsor G huwa ħaddiem li jaqsam il-fruntieri u baqa’ hekk wara li żżewweġ lil G fil-Peru, li magħha għandu t-tfal. Bħala miżżewġin, G u l-isponsor G għandhom ikunu preżunti li huma dipendenti fuq xulxin f’termini materjali, legali u emozzjonali. L-impjieg tal-isponsor G fi Stat Membru ieħor jidher li huwa rilevanti għal dik il-konnessjoni familjari.

156. Il-fatt li G tiġi rrifjutata r-residenza fil-Pajjiżi l-Baxxi jista’, b’mod plawsibbli, jwassal lill-isponsor G, li jixtieq jgħix ma’ G, biex jikseb ir-residenza fil-Belġju (sabiex jirrisjedi flimkien magħha abbażi tad-Direttiva 2004/38) u għaldaqstant biex isir ħaddiem migrant residenti fi Stat Membru ieħor. Dik tkun restrizzjoni fuq l-għażla tiegħu biex ikun ħaddiem transkonfinali – libertà ekonomika li hija, madankollu, iggarantita mill-Artikolu 45 TFUE.

157. Jekk dan iwasslux biex jieqaf milli jaħdem barra mill-pajjiż ma huwiex daqshekk ċert. Apparti l-fatt li tali deċiżjoni twassal fit-telf tal-mezzi li bihom isostni lill-familtu, inkluża G, din ma ttejjibx il-pożizzjoni tar-residenza ta’ G fil-Pajjiżi l-Baxxi.

 Rimarka addizzjonali

158. Indipendentement minn jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taqbilx mal-analiżi li jien għamilt hawnhekk, nipproponilha li tieħu l-opportunità mogħtija b’dawn iż-żewġ rinviji għal deċiżjoni preliminari biex tagħti gwida ċara u strutturata fir-rigward taċ-ċirkustanzi li fihom il-membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, membru li jkun ċittadin ta’ pajjiż terz, li jirrisjedi fl-Istat Membru ta’ ċittadinanza tiegħu iżda li qiegħed jeżerċita d-drittijiet tiegħu għall-moviment liberu, jista’ jinvoka dritt ta’ residenza sekondarju fl-Istat Membru ta’ ċittadinanza taħt id-dritt tal-Unjoni.

 Konklużjoni

159. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, fl-opinjoni tiegħi l‑Qorti tal-Ġustizzja għandha twieġeb id-domandi magħmula mit-Raad van State f’dan is-sens:

Fil-Kawża C‑456/12 O:

1)         Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri ma tapplikax direttament għaċ-ċittadini tal-Unjoni li jirritornaw lejn l-Istat Membru ta’ ċittadinanza tagħhom. Madankollu, l-Istat Membru ta’ ċittadinanza ma jistax jagħti lil dawk iċ-ċittadini tal-Unjoni trattament inqas favorevoli minn dak li suppost jingħataw taħt id-dritt tal-Unjoni fl-Istat Membru li minnu telqu għall-Istat membru ta’ ċittadinanza. Konsegwentement, id-Direttiva 2004/38 tistabbilixxi indirettament l-istandard ta’ trattament minimu li ċittadin tal-Unjoni li jkun qiegħed jirritorna lura u l-membri tal-familja tiegħu għandhom jingħataw fl-Istat Membru ta’ ċittadinanza taċ-ċittadin tal-Unjoni.

2)         Id-dritt tal-Unjoni ma jeżiġix li ċ-ċittadin tal-Unjoni jrid ikun irrisjeda għal xi perijodu minimu ta’ żmien fi Stat Membru ieħor biex il-membri tal-familja tiegħu li huma ċittadini ta’ pajjiż terz jkunu jistgħu jinvokaw id-dritt ta’ residenza sekondarju fl-Istat Membru ta’ ċittadinanza li fih jirritorna mbagħad iċ-ċittadin tal-Unjoni.

3)         Ċittadin tal-Unjoni jeżerċita d-dritt ta’ residenza tiegħu fi Stat Membru ieħor jekk jagħmel dak l-Istat Membru l-post fejn ikun jinsab iċ-ċentru abitwali tal-interessi tiegħu. Sakemm dan it-test ikun issodisfatt, wara li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatti rilevanti kollha, huwa irrilevanti, f’dan il-kuntest, jekk iċ-ċittadin tal-Unjoni jżommx forma ta’ residenza oħra x’imkien ieħor jew jekk il-preżenza fiżika tiegħu fl-Istat Membru ta’ residenza tiġix interrotta regolarment jew irregolarment.

4)         Meta jgħaddi ż-żmien bejn ir-ritorn taċ-ċittadin tal-Unjoni lejn l-Istat Membru li tiegħu huwa ċittadin u l-wasla tal-membru tal-familja ċittadin ta’ pajjiż terz f’dak l-Istat Membru, id-dritt tal-membru tal-familja għal dritt ta’ residenza sekondarju f’dak l-Istat Membru ma jintilifx, sakemm id-deċiżjoni biex jingħaqad maċ-ċittadin tal-Unjoni tittieħed fil-kuntest tal-eżerċitar tad-dritt għall-ħajja familjari tagħhom.

Fil-Kawża C‑457/12 S:

Meta ċittadin tal-Unjoni li jirrisjedi fl-Istat Membru ta’ ċittadinanza jeżerċita drittijiet ta’ moviment liberu inkonnessjoni mal-impjieg tiegħu, id-dritt tal-membri tal-familja ċittadini ta’ pajjiż terz biex jirrisjedu f’dak l-Istat jiddependi fuq il-prossimità tal-konnessjoni familjari maċ-ċittadin tal-Unjoni u fuq ir-rabta kawżali bejn il-post ta’ residenza tal-familja u l-eżerċizzju tad-drittijiet għal moviment liberu taċ-ċittadin tal-Unjoni. B’mod partikolari, il-membru tal-familja għandu jgawdi dritt ta’ residenza jekk bir-rifjut ta’ dak id-dritt iċ-ċittadin tal-Unjoni jkollu jfittex impjieg alternattiv li jkun jinvolvi l-eżerċitar tad-drittijiet ta’ moviment liberu jew twasslu biex jittrasferixxi ruħu fi Stat Membru ieħor. Huwa irrilevanti, f’dan ir-rigward, jekk iċ-ċittadin tal-Unjoni huwiex ħaddiem transkonfinali jew jeżerċitax id-dritt għall-moviment liberu tiegħu biex jonora l-kuntratt ta’ impjieg tiegħu konkluż ma’ persuna li timpjega bbażata fl-Istat Membru ta’ ċittadinanza u residenza tiegħu.


1 –      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 5, p. 46).


3 –      Sentenza tas-7 ta’ Lulju 1992 (Ġabra p. I‑4265).


4 –      Sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2007 (Ġabra p. I‑10719).


5 – Naturalment, mhux id-drittijiet taċ-ċittadinanza kollha jiddependu fuq il-fatt jekk iċ-ċittadin tal-Unjoni qasamx il-fruntieri. Ara, pereżempju, l-Artikolu 20(2)(d) TFUE. Barra minn hekk, hemm sitwazzjonijiet eċċezzjonali fejn, għalkemm ma jkunux inqasmu l-fruntieri bejn l-Istati Membri, ċittadin tal-Unjoni jkun imċaħħad mit-“tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet mogħtija” miċ-ċittadinanza tal-Unjoni fin-nuqqas ta’ drittijiet ta’ residenza sekondarji għall-membri tal-familja ċittadini ta’ pajjiżi terzi: ara s-serje ta’ ġurisprudenza magħmula mis-sentenzi Ruiz Zambrano, McCarthy u Dereci, diskussi fil-punti 52 sa 66 iktar ’il quddiem.


6 – Sentenza tal-5 ta’ Mejju 2011, McCarthy (C‑434/09, Ġabra p. I‑3375, punti 29 u 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).


7 – Sentenza McCarthy, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata.


8 – Ara, pereżempju, is-sentenza Singh, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 23, u s-sentenza Eind, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 32.


9 – Ara, pereżempju, is-sentenza tat-23 ta’ Settembru 2003, Akrich (C‑109/01, Ġabra p. I‑9607, punti 55 u 56).


10 – Ara, pereżempju, il-premessa 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15) u l-premessa 6 tar-Regolament (UE) Nru 492/2011, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2011, dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (ĠU, L 141, p. 1).


11 – Ara, pereżempju, is-sentenza tas-17 ta’ April 1986, Reed (59/85, Ġabra p. 1283, punt 28) fejn il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet dak il-punt dwar il-preżenza ta’ sieħeb mhux miżżewweġ.


12 – Ara, pereżempju, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2002, Baumbast u R (C‑413/99, Ġabra p. I‑7091, punt 83).


13 – Sentenza tat-8 ta’ Mejju 2013, Ymeraga et (C‑87/12, punt 35; kif ukoll is-sentenza tal-10 ta’ Ottubru 2013, Alokpa et (C‑86/12, punt 22).


14 – Ara, pereżempju, il-premessa 6 tad-Direttiva 2004/38.


15 – Sentenza tad-9 ta’ Jannar 2007, Jia (C‑1/05, Ġabra p. I‑1, punti 35 u 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, pereżempju, is-sentenza tal-5 ta’ Setembru 2012, Rahman et (C‑83/11, punti 32, 33 u 35) u s-sentenza Alokpa et, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata.


16 – Ara s-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2012, O u S (C‑356/11 u C‑357/11, punt 56). Fis-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2002, Carpenter (C‑60/00, Ġabra p. I‑6279), il-Qorti tal-Ġustizzja dehret li qisitha bħala rilevanti li P. Carpenter kien jiddependi fuq martu inkwantu din kienet tieħu ħsieb it-tfal tiegħu. Ara l-punti 113 sa 117 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


17 – Ara, pereżempju, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 1997, Uecker u Jacquet (C‑64/96 u C‑65/96, Ġabra p. I‑3171, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).


18 – Sentenza tat-8 ta’ Novembru 2012, Iida (C‑40/11, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).


19 – Dan jidher li huwa l-effett kumulattiv tas-sentenzi tat-8 ta’ Marzu 2011, Ruiz Zambrano (C‑34/09, Ġabra p. I‑1177, punti 43 u 44); McCarthy, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punti 46 u 47 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-15 ta’ Novembru 2011, Dereci (C‑256/11, Ġabra p. I‑11315, punt 66).


20 – Sentenza Iida, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 76. Biex waslet għal din il-konklużjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja nnutat li Y. Iida ma kienx qiegħed ifittex dritt ta’ residenza mal-konjuġi u bintu fl-Istat Membru ospitanti (l-Awstrija) iżda fl-Istat Membru ta’ ċittadinanza (il-Ġermanja), li ż-żewġ ċittadini tal-Unjoni ma kinux ġew skoraġġuti milli jeżerċitaw id-drittijiet għall-moviment tagħhom u li Y. Iida stess xorta waħda kellu ċerti drittijiet ta’ residenza kemm taħt id-dritt nazzjonali kif ukoll taħt dak tal-Unjoni (ara l-punti 73 sa 75).


21 – Sentenza Ruiz Zambrano, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata. Il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat, għaldaqstant, li G. Ruiz Zambrano, ċittadin Kolombjan, seta’ jirrisjedi fl-Istat Membru ta’ ċittadinanza u residenza tat-tfal minuri tiegħu, li kienu ċittadini tal-Unjoni (iżda li ma kienu qatt telqu mill-Istat Membru li fih kienu twieldu) u kienu jiddependu fuqu.


22 – Sentenza Ruiz Zambrano, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 44. F’dan ir-rigward, ma ssemmew ebda drittijiet fundamentali. Lanqas ma ġiet spjegata r-rationale għal dik il-konklużjoni.


23 – Sentenza McCarthy, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6. Filwaqt li huwa ċar li S. McCarthy setgħet toqgħod fir-Renju Unit waħidha bis-saħħa taċ-ċittadinanza tagħha u li hija ma kinitx qiegħda tiġi mċaħħda minn dritt ta’ moviment taħt id-dritt tal-Unjoni billi żewġha jiġi mċaħħad minn drittijiet sekondarji bħala membru tal-familja li huwa ċittadin ta’ pajjiż terz, huwa inqas ċar il-punt dwar jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidratx l-implikazzjonijiet dettaljati. Probabbli r-risposta qsira kienet sempliċiment “id-dritt tal-Unjoni ma jgħinx: ipprova l-KEDB”.


24 – Sentenza Dereci, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 66. M. Dereci kien ċittadin Tork li martu u t-tfal tiegħu kienu Awstrijaċi u kienu dejjem rrisjedew fl-Awstrija, fejn huwa xtaq jgħix magħhom.


25 – Sentenza Dereci, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 67. Ara wkoll is-sentenza Iida, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 71.


26 – Sentenza Dereci, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 68.


27 – Sentenza Dereci, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 72.


28 – Fis-sentenza Iida (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 80), il-Qorti tal-Ġustizzja tidher li applikat test kemmxejn differenti [jiġifieri, jekk Y. Iida kienx intitolat għal benefiċċju partikolari taħt id-dritt tal-Unjoni (karta ta’ residenza)] sabiex tiddeċiedi jekk l-applikazzjoni ta’ dritt nazzjonali li jimplementa d-dritt tal-Unjoni setax jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.


29 – Artikolu 51 tal-Karta. Ara wkoll is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, punti 20 u 21 kif reċentement ikkonfermata fis-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2013, TEXDATA Software, C‑418/11, punt 73).


30 – F’dan ir-rigward, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża C‑390/12, Pfleger [2013] pendent quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, punti 35 sa 47, li huma bbażati fuq il-materjal li jinsab fl-iSpjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007 C 303, p. 17). Taħt l-Artikolu 52(7) tal-Karta, dawn tal-aħħar għandhom “jingħataw il-kunsiderazzjoni dovuta” mill-qrati tal-Unjoni u tal-Istati Membri. Fil-kuntest taċ-ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea, eżempju ta’ obbligu negattiv ikun meta Stat Membru jipprova jinvoka r-raġunijiet ta’ politika pubblika biex jeskludi lil ċittadin tal-Unjoni li kien ċittadin ta’ Stat Membru ieħor mit-territorju tiegħu. Il-libertà ta’ azzjoni ta’ Stat Membru hija limitata, hawnhekk, mir-rekżwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, li huwa ma jista’ qatt jikser. Għal diskussjoni iktar estiża, ara l-punti 151 sa 177 tal-Konklużjoniiet tiegħi f’Ruiz Zambrano, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19 iktar ’il fuq.


31 – Ara, pereżempju, is-sentenza Iida, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata.


32 – Ara, pereżempju, is-sentenza Carpenter, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata.


33 – L-Artikolu 52(3) tal-Karta jgħid li: “Safejn din il-Karta fiha drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-[KEDB], it-tifsira u l-ambitu ta’ dawk id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-[KEDB]. Madankollu, l-Artikolu 52(3) “ma żżommx lil-liġi ta’ l-Unjoni milli [t]ipprevedi protezzjoni aktar estensiva”.


34 – Sentenza McCarthy, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata.


35 – Sentenza Eind, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata.


36 – Sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, Metock et (C‑127/08, Ġabra p. I‑6241, punt 84, li tiċċita s-sentenza Eind, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 43).


37 – Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38.


38 – Sentenza Metock et, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 36, punti 54, 58, 70 u 80. Fis-sentenza Metock et, il-Qorti tal-Ġustizzja reġgħet ikkunsidrat il-pożizzjoni tagħha fis-sentenza Akrich, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9 (ara l-punt 58). Is-sentenza Metock et ġiet wara d-deċiżjoni ta’ B li jittrasferixxi ruħu lejn il-Marokk iżda, fi kwalunkwe każ, B u l-isponsor B kienu għadhom ma humiex miżżewġin dak iż-żmien. Ara l-punt 27 iktar ’il fuq.


39 – Sentenza Metock et, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 36, punt 49.


40 – Sentenza Dereci, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 55, u fir-rigward tal-konjuġi, is-sentenza McCarthy, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata.


41 – Ara l-punt 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


42 – Sentenza Iida, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 57. Ara wkoll il-punt 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


43 – Korsiv miżjud.


44 – Huwa possibbli wkoll li wieħed jitwieled fi Stat Membru A u ma jitlaq minn hemm qatt iżda dejjem ikollu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru B biss (ara, pereżempju, Catherine Zhu fis-sentenza tal-19 ta’ Ottubru 2004, Zhu u Chen (C‑200/02, Ġabra p. I‑9925), iżda din ma hijiex sitwazzjoni komuni.


45 – Qabbel, pereżempju, mas-sentenza Iida, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 64.


46 – Sentenza Iida, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata. Fil-punt 51 (u fil-ġurisprudenza ċċitata), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-drittijiet sekondarji ta’ dħul u residenza jiddependu fuq jekk ċittadin tal-Unjoni “eżerċita[x i]d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu billi stabbilixxa ruħu fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità”.


47 – Ara l-Artikoli 7(1) u 16(1) tad-Direttiva 2004/38.


48 – Ara l-premessi 4 u 19 tad-Direttiva 2004/38.


49 – Ma nara ebda bażi biex nikkonkludi li, minkejja kliem l-Artikolu 3(1), il-leġiżlatur ried iwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38 meta f’dispożizzjonijiet oħra rrefera għall-“Istat Membru ospitanti” jew “Stat Membru ieħor”.


50 – Ara s-sentenza McCarthy, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 39, u s-sentenza Dereci, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 54.


51 – Ċirkustanzi oħra iktar speċifiċi jistgħu jinvolvu, pereżempju, ċittadini tal-Unjoni li għandhom ċittadinanza doppja u jiċċaqalqu bejn l-Istati Membri taċ-ċittadinanza tagħhom.


52 – Sentenza Iida, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata.


53 – Ara l-punt 95 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


54 – Sentenza McCarthy, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 34 kif ukoll il-punt 37. Ara wkoll il-punti 28 u 29 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott.


55 – Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawża Iida, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, speċjalment il-punti 48 u 54.


56 – Ara, pereżempju, il-punt 47 tal-konklużjonijiet tagħha f’Iida, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18.


57 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.


58 – Direttiva tal-Kunsill 73/148/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1973, dwar l-abolizzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq il-moviment u r-residenza fil-Komunità għal ċittadini ta’ Stati Membri f’dak li għandu x’jaqsam mal-istabbiliment u l-proviżjoni tas-servizzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 1, p. 167.


59 – Ara l-Artikolu 38(2) tad-Direttiva 2004/38.


60 – Ara l-punti 91 sa 96 iktar ’il quddiem.


61 – Ara l-punti 91 sa 97, u 110 u 111 iktar ’il quddiem.


62 – L-Arikolu 4(3) TUE li jipprovdi li “[s]kond il-prinċipju tal-koperazzjoni leali, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom, f'rispett reċiproku sħiħ, jgħinu lil xulxin fit-twettiq tal-kompiti li joħorġu mit-Trattati”.


63 – Sentenza tad-29 ta’ April 2004, Pusa (C‑224/02, Ġabra p. I‑5763), punt 22 tal-konklużjonijiet.


64 – Tali ċaħda estrema ta’ dritt ta’ ċittadinanza fundamentali hija ttrattata fir-riformulazzjoni li saret bis-sentenza Dereci tal-prinċipju stabbilit fis-sentenza Ruiz Zambrano (iż-żewġ każijiet huma ċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19). Għall-preċiżjoni, infakkar li ċerti dispożizzjonijiet, bħalma huwa l-Artikolu 20(2)(ċ) TFUE (protezzjoni diplomatika f’pajjiż terz) jagħtu, fil-fatt, drittijiet liċ-ċittadini tal-Unjoni li jistgħu jitgawdew barra mit-territorju tal-Unjoni Ewropea.


65 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16.


66 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.


67 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4.


68 – Ser nanalizza s-sentenza Carpenter, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, iktar ’il quddiem, fil-punti 113 et seq.


69 – Sentenza Singh, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punti 19 u 23.


70 – Ara s-sentenza Singh, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 21; ara wkoll is-sentenza Eind, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 39, u s-sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2010, Lassal (C‑162/09, Ġabra p. I‑9217, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).


71 – Sentenza Singh, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 20.


72 – Sentenza Eind, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punti 37 u 44 u l-ġurisprudenza ċċitata (li tinkludi riferiment għas-sentenza Carpenter, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16); ara wkoll is-sentenza Iida, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 70.


73 – Ara, pereżempju, Metock, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 36, punti 88, 89 u 92 (fir-rigward tal-istabbiliment ta’ familja wara li jiġi eżerċitat id-dritt għall-moviment liberu).


74 – Dan isegwi mill-mod kif il-Qorti tal-Ġustizzja kitbet il-punti 19 u 23 tas-sentenza tagħha Singh, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3. Ara wkoll is-siltiet mis-sentenza Metock iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna preċedenti.


75 – Ara, pereżempju, l-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 83/182/KEE, tat-28 ta’ Marzu 19834, dwar eżenzjonijiet mit-taxxa ġewwa l-Komunità għal ċerti mezzi ta’ trasport temporanjament importati fi Stat Membru minn Stat Membru ieħor (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol 1, p. 112) kif emendata.


76 – Ara, pereżempju, ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 5, p. 72) kif emendat ripetutament; ir-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU L 177 , p. 6); ir-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Lulju 2007, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II) (ĠU 2007 L 199, p. 40) u d-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009, dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU 2009 L 335, p. 1).


77 – Ara, pereżempju, is-sentenza tas-16 ta’ mejju 2013, Wencel (C‑589/10, punti 48 sa 51, li tirrigwarda l-possibbiltà li jkun hemm żewġ residenzi abitwali taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 1, p. 35), imħassar bir-Regolament (KE) Nru 883/2004.


78 – Ara, pereżempju, id-Direttiva 2004/38.


79 – Ara, pereżempju, is-sentenza tad-9 ta’ Ottubru 1984, Witte vs Il-Parlament (188/83, Ġabra p. 3465, punti 8 sa 11) rigward l-għoti ta’ allowance ta’ espatrijazzjoni.


80 – Ara l-Artikolu 22 TFUE.


81 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 77.


82 – Sentenza tal-25 ta’ Frar 1999, Swaddling (C‑90/97, Ġabra p. I‑1075, punt 28).


83 – Sentenza Swaddling, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 82, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata.


84 – Ara, pereżempju, is-sentenza tas-17 ta’ Frar 1977, Di Paolo (76/76, Ġabra p. 315); sentenza tat-8 ta’ Lulju 1992, Knoch (C‑102/91, Ġabra p. I‑4341); ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saggio fil-kawża Swaddling, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 82, punt 17. Ara wkoll, pereżempju, is-sentenza tat-23 ta’ April 1991, Ryborg (C‑297/89, Ġabra p. I‑1943, punti 24 u 25) u s-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2001, Louloudakis (C‑262/99, Ġabra p. I‑5547, punt 55).


85 – Biex tiġi evitata din il-problema loġika, ħafna mit-testijiet għar-residenza legali jispeċifikaw perijodu “kwalifikanti” ta’ preżenza speċifiku (u għaldaqstant neċessarjament arbitarju) qabel ma tinkiseb ir-residenza. Madankollu, ma hemm ebda differenza oġġettiva bejn il-preżenza fil-ġurnata ta’ qabel u l-preżenza fil-ġurnata ta’ wara, wara li tinkiseb iċ-ċifra maġika.


86 – Ara, pereżempju, is-sentenza Di Paolo, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 84, punti 17 u 21.


87 – Pereżempju, l-Istati Membri qatt ma jikkunsidraw li persuna ma tistax tkun residenti għall-fini ta’ taxxa fit-territorju tagħhom sempliċiment minħabba li huwa (wkoll) residenti għall-fini ta’ taxxa f’territorju ieħor.


88 – Ara l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38.


89 – Sentenza Eind, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punti 38 u 39. Ir-Regolament Nru 1612/68 ġie emendat bid-Direttiva 2004/38. Illum dan ġie mħassar bir-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2011, dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (ĠU 2011 L 141, p. 1).


90 – Ara l-punti 135 sa 142 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


91 – Fil-fatt, jekk iċ-ċittadin tal-Unjoni kellu jirrisjedi kontinwament għal X xhur qabel ma jkun intitolat ikollu lill-familtu miegħu, huwa seta’ biss jiġi “akkumpanjat” minnhom billi jiltaq mit-territorju wara li jissodisfa l-perijodu maġiku u mbagħad jerġa’ jidħol u jġib lill-familtu miegħu, li ftit li xejn jiffaċilita l-eżerċitar tad-drittijiet għall-moviment tiegħu.


92 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.


93 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4.


94 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16.


95 – Carpenter, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punti 14 u 19.


96 – Carpenter, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 39.


97 – Carpenter, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 39.


98 – Ara s-sentenza Carpenter, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 41.


99 – L-Immigration Adjudicator ikkonstata bħala fatt li M. Carpenter kienet indirettament ikkontribwixxiet għas-suċċess dejjem jikber ta’ żewġha: sentenza Carpenter, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 18. L-Avukat Ġenerali Stix-Hackl ikkunsidrat li dak il-fatt ma kienx rilevanti għad-dritt ta’ residenza taħt id-dritt tal-Unjoni (ara l-punti 103 sa 105 tal-konklużjonijiet tagħha). Jien interpretajt il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja bbażat b’mod espliċitu fuq dak il-fatt bħala li jindika li hija ma kinitx taqbel mal-Avukat Ġenerali fuq dan il-punt.


100 – F’dan ir-rigward, ara s-sentenza tal-24 ta’ Settembru 2013, Demirkan (C‑221/11), punti 35 u 36.


101 – F’dan ir-rigward, ara wkoll il-punt 5 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tesauro fis-sentenza Singh, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.


102 – Ara wkoll, pereżempju, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fis-sentenza Demirkan, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 97, speċjalment il-punti 49 u 50.


103 – Sentenza tat-30 ta’ Novembru 1995, Gebhard (C‑55/94, Ġabra p. I‑4165, punt 27).


104 – Ara wkoll il-punt 89 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Infakkar li, fuq il-fatti, ma hemm ebda suġġeriment ta’ żwiġijiet ta’ konvenjenza, frodi jew abbuż ta’ dritt (ara l-punt 42 iktar ’il fuq).


105 – Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2004/38.


106 – Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2004/38. Naturalment, malli jidħlu fit-territorju tal-Istat Membru, dawn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jridu wkoll jissodisfaw kwalunkwe rekwiżiti ta’ viża tad-dħul rilevanti. Ara l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2004/38.


107 – Ara, pereżempju, l-Artikoli 6(2), 7(2) u 16(2) tad-Direttiva 2004/38. Ara wkoll is-sentenza Eind, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 38.


108 – Ara, pereżempju, is-sentenza Metock, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 36, punt 90; id-digriet tad-19 ta’ Diċembru 2008, fil-kawża Sahin (C‑551/07, Ġabra p. I‑10453, punt 28) u s-sentenza O u S, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 54.


109 – Ara l-punti 141 sa 142 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


110 – Sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2012, Caves Krier Frères (C‑379/11, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).


111 – F’dan ir-rigward, ara s-sentenza tad-9 ta’ Awwissu 1994, Vander Elst (C‑43/93, Ġabra p. I‑3803, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata.


112 – Ara l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 1996, dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malt, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 431)


113 – Fil-punt 122 ta’ dawn il-konklużjonijiet.