Language of document : ECLI:EU:T:2012:323

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

26 ta’ Ġunju 2012 (*)

“Kompetizzjoni — Abbuż minn pożizzjoni dominanti — Sistemi operattivi għal clients PCs — Sistemi operattivi għal servers ta’ work group — Rifjut tal-impriża dominanti li tipprovdi l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà u li tawtorizza l-użu tagħha — Eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw minn deċiżjoni li tikkonstata ksur u li timponi miżuri ta’ mġiba — Pagament ta’ penalità”

Fil-Kawża T‑167/08,

Microsoft Corp., stabbilita f’Redmond, Washington (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn J.-F. Bellis, avukat, u I. Forrester, QC,

rikorrenti,

sostnuta minn

The Computing Technology Industry Association, Inc., stabbilita f’Oakbrook Terrace, Illinois (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn G. Van Gerven u T. Franchoo, avukati,

u minn

Association for Competitive Technology, Inc., stabbilita f’Washington, DC (l‑Istati Uniti), irrappreżentata inizjalment minn D. Went u H. Pearson, solicitors, sussegwentement minn M. H. Mercer, QC,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn T. Christoforou, V. Di Bucci, F. Castillo de la Torre u N. Khan, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Free Software Foundation Europe eV, stabbilita f’Hamburg (il‑Ġermanja), u

Samba Team, stabbilita f’New York, New York (l-Istati Uniti),

irrappreżentati minn C. Piana u T. Ballarino, avukati,

minn

Software & Information Industry Association, stabbilita f’Washington, DC, irrappreżentata minn MM. T. Vinje, D. Dakanalis, solicitors, u A. Tomtsis, avukat,

minn

European Committee for Interoperable Systems (ECIS), stabbilit fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentat minn T. Vinje, solicitor, u M. Dolmans, N. Dodoo u A. Ferti, avukati,

minn

International Business Machines Corp., stabbilita f’Armonk, New York (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn M. Dolmans u T. Graf, avukati,

minn

Red Hat Inc., stabbilita f’Wilmington, Delaware (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn C.-D. Ehlermann, S. Völcker, avukati, u C. O’Daly, solicitor,

u minn

Oracle Corp., stabbilita f’Redwood Shores, California (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn T. Vinje, solicitor, u D. Paemen, avukat,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 764 finali, tas-27 ta’ Frar 2008, li tistabbilixxi l-ammont definittiv tal-pagament perjodiku ta’ penalità impost fuq il-Korporazzjoni Microsoft permezz tad-Deċiżjoni C(2005) 4220 finali (Każ COMP/C‑3/37.792 — Microsoft) u, sussidjarjament, talba għat-tħassir jew tnaqqis tal-pagament ta’ penalità impost fuq ir-rikorrenti f’din id-deċiżjoni,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn N. J. Forwood (Relatur), President, F. Dehousse u J. Schwarcz, Imħallfin,

Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-24 ta’ Mejju 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Microsoft Corp., kumpannija stabbilita f’Redmond, Washington (l-Istati Uniti), tiddisinja, tiżviluppa u tikkummerċjalizza serje vasta ta’ prodotti ta’ software maħsuba għal tipi differenti ta’ apparat tal-informatika. Dawn il-prodotti ta’ software jinkludu, b’mod partikolari, sistemi operattivi għal client personal computers (iktar ’il quddiem il-“client PCs”), u sistemi operattivi għal servers ta’ work group.

2        Fl-24 ta’ Marzu 2004, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2007/53/KE, dwar proċedura skont l-Artikolu 82 [KE] u l-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE mibdija fil-konfront ta’ Microsoft Corp. (Każ COMP/C-3/37.792 — Microsoft) (ĠU 2007, L 32, p. 23, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-2004”).

3        Skont id-deċiżjoni tal-2004, Microsoft kisret l-Artikolu 82 KE u l-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE minħabba żewġ każijiet ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti, fosthom l-ewwel każ, li huwa l-uniku wieħed rilevanti fil-kuntest tal-kawża preżenti, kien ir-rifjut min-naħa ta’ Microsoft li tagħti lill-kompetituri tagħha l-“informazzjoni dwar l-interoperabbiltà” u li tawtorizza l-użu ta’ din l-informazzjoni għall-iżvilupp u d-distribuzzjoni ta’ prodotti li jikkompetu mal-prodotti ta’ Microsoft fis-suq tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group, u dan fir-rigward tal-perijodu bejn Ottubru 1998 u d-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-2004 [Artikolu 2(a) tad-deċiżjoni tal-2004].

4        Fis-sens tad-deċiżjoni tal-2004, l-“informazzjoni dwar l-interoperabbiltà” tfisser l-“ispeċifikazzjonijiet kompleti u korretti tal-protokolli kollha [implementati] fis-sistemi operattivi Windows għal servers ta’ work group u li jintużaw mis-servers ta’ work group li joperaw bil-Windows sabiex jipprovdu, lin-netwerks ta’ work groups li joperaw bil-Windows, servizzi ta’ użu komuni għal fajls u għal printers u servizzi ta’ amministrazzjoni ta’ utenti u ta’ gruppi [ta’ utenti], inklużi s-servizzi ta’ kontrollur ta’ domain tal-Windows (Windows Domain Controller), is-servizz ta’ direttorju Active Directory u s-servizz ‘Group Policy’” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni tal-2004).

5        In-“netwerks ta’ work groups li joperaw bil-Windows” huma ddefiniti bħala “kull grupp ta’ client PCs [li fuqhom tkun installata sistema operattiva Windows għal client PCs] u ta’ servers [li fuqhom tkun installata sistema operattiva Windows għal servers ta’ work group] imqabda flimkien permezz ta’ netwerk ta’ kompjuters” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (Artikolu 1(7) tad-deċiżjoni tal-2004).

6        Il-“protokolli” huma ddefiniti bħala “sett ta’ regoli dwar interkonnessjoni u interazzjoni bejn diversi sistemi operattivi Windows għal servers ta’ work group u sistemi operattivi Windows għal client PCs installati fuq kompjuters differenti f’netwerk ta’ work group li jopera bil-Windows” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni tal-2004).

7        Fid-deċiżjoni tal-2004, il-Kummissjoni tenfasizza li r-rifjut inkwistjoni ma jirrigwardax elementi ta’ “kodiċi sors” (source code) ta’ Microsoft, iżda jirrigwarda biss l-ispeċifikazzjonijiet tal-protokolli kkonċernati, jiġifieri deskrizzjoni dettaljata ta’ dak li s-software inkwistjoni għandu jkun kapaċi jagħmel, b’differenza mill-implementazzjonijiet li jimplementaw il-kodiċi fuq il-kompjuter (premessi 24 u 569 tad-deċiżjoni tal-2004). Hija tippreċiża, b’mod partikolari, li hija “ma għandhiex l-intenzjoni tordna lil Microsoft tħalli lil terzi jikkupjaw il-Windows” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 572 tad-deċiżjoni tal-2004).

8        Iż-żewġ każijiet ta’ abbuż identifikati fid-deċiżjoni tal-2004 ġew issanzjonati permezz tal-impożizzjoni ta’ multa li tammonta għal EUR 497 196 304 (Artikolu 3 tad-deċiżjoni tal-2004).

9        Bħala miżura intiża bħala rimedju għar-rifjut abbużiv imsemmi fl-Artikolu 2(a) tad-deċiżjoni tal-2004, l-Artikolu 5 ta’ din id-deċiżjoni jordna lil Microsoft dan li ġej:

“a)       Microsoft […] għandha, f’terminu ta’ 120 jum mid-data tan-notifika ta’ din id-deċiżjoni, tagħmel l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà disponibbli għal kull impriża li għandha interess li tiżviluppa u tiddistribwixxi sistemi operattivi għal servers ta’ work group, u hija għandha tawtorizza, b’kundizzjonijiet raġonevoli u mhux diskriminatorji, lil dawn l-impriżi jużaw l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà sabiex jiżviluppaw u jiddistribwixxu sistemi operattivi għal servers ta’ work group;

b)      Microsoft [...] għandha tiżgura li l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà disponibbli tinżamm aġġornata regolarment u mingħajr dewmien;

c)      Microsoft [...] għandha, f’terminu ta’ 120 jum mid-data tan-notifika ta’ din id-deċiżjoni, timplementa mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni li permezz tiegħu l-impriżi kkonċernati jkunu jistgħu jinformaw ruħhom b’mod effikaċi dwar il-portata u l-kundizzjonijiet tal-użu tal-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà; fir-rigward ta’ dan il-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni, Microsoft [...] tista’ timponi kundizzjonijiet raġonevoli u mhux diskriminatorji sabiex tiżgura li l-aċċess għall-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà jingħata biss għal raġunijiet ta’ evalwazzjoni;

d)      Microsoft […] għandha tikkomunika lill-Kummissjoni, f’terminu ta’ 60 jum mid-data tan-notifika ta’ din id-deċiżjoni, il-miżuri kollha li għandha l-intenzjoni li tieħu sabiex tikkonforma ruħha mal-punti a), b) u c) iktar ’il fuq, f’dan il-komunikazzjoni Microsoft […] għandha tikkomunika lill-Kummissjoni biżżejjed dettalji sabiex din tkun f’pożizzjoni li twettaq l-ewwel evalwazzjoni tal-miżuri msemmija iktar ’il fuq, bl-għan li tiddetermina jekk dawn josservawx effettivament din id-deċiżjoni; b’mod partikolari Microsoft […] għandha tindika fid-dettall il-kundizzjonijiet li taħthom hija ser tawtorizza l-użu tal-[i]nformazzjoni dwar l-interoperabbiltà;

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10      L-Artikolu 7 tad-deċiżjoni tal-2004 jipprovdi li:

“F’terminu ta’ 30 jum mid-data tan-notifika ta’ din id-deċiżjoni, Microsoft […] għandha tippreżenta lill-Kummissjoni proposta dwar l-implementazzjoni ta’ mekkaniżmu intiż li jgħin lill-Kummissjoni tiżgura li Microsoft […] tikkonforma ruħha ma’ din id-deċiżjoni. Dan il-mekkaniżmu għandu jinkludi trustee li jkun indipendenti minn Microsoft […]

Jekk il-Kummissjoni tqis li l-mekkaniżmu propost minn Microsoft […] ma huwiex adegwat, hija tista’ timponi tali mekkaniżmu permezz ta’ deċiżjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

11      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Ġunju 2004, Microsoft bdiet kawża kontra din id-deċiżjoni tal-2004.

12      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Ġunju 2004, Microsoft ressqet, skont l-Artikolu 242 KE, talba sabiex tiġi sospiża l-eżekuzzjoni tal-Artikolu 4, tal-Artikolu 5(a) sa (c), u tal-Artikolu 6(a) tad-deċiżjoni tal-2004.

13      Permezz ta’ digriet tat-22 ta’ Diċembru 2004, Microsoft vs Il‑Kummissjoni (T‑201/04 R, Ġabra p. II‑4463), il-President tal-Qorti Ġenerali ċaħad din it-talba.

14      Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2005) 2988 finali, tat-28 ta’ Lulju 2005 dwar proċedura skont l-Artikolu 82 [KE] (Każ COMP/C‑3/37.792 — Microsoft), il-Kummissjoni imponiet il-mekkaniżmu previst fl-Artikolu 7 tad-deċiżjoni tal‑2004. Fl-4 ta’ Ottubru 2005, il-Kummissjoni ħatret it-trustee indipendenti.

15      Permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Novembru 2005 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-2005”) li timponi pagament ta’ penalità skont l-Artikolu 24(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), il-Kummissjoni qieset li d-dokumentazzjoni teknika ppreparata minn Microsoft fl-20 ta’ Ottubru 2005, li kienet tinkludi l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà, la kienet preċiża u lanqas kompleta (premessa 101 tad-deċiżjoni tal-2005). Hija qieset ukoll li r-rati ta’ remunerazzjoni mitluba minn Microsoft sabiex tagħti aċċess u awtorizzazzjoni għall-użu tal-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà ma kinux raġonevoli (premessi 161 u 193 tad-deċiżjoni tal-2005). Għal dawn ir-raġunijiet, hija ordnat lil Microsoft tikkonforma ruħha mal-obbligi imposti mill-Artikolu 5(a) u (c) tad-deċiżjoni tal-2004 f’terminu li kellu jiskadi fil-15 ta’ Diċembru 2005, taħt piena ta’ pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 2 miljun għal kull jum ta’ dewmien.

16      Permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Lulju 2006 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-2006 ”) li tistabbilixxi l-ammont definittiv tal-ħlas perjodiku ta’ penali impost fuq […] Microsoft bid-Deċiżjoni C(2005) 4420 (Każ COMP/C‑3/37.792 — Microsoft) (ĠU 2008, C 138, p. 10), il-Kummissjoni qieset li d-dokumentazzjoni teknika ppreparata minn Microsoft fl-20 ta’ Ġunju 2006 , li kienet tinkludi l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà la kienet preċiża u lanqas kienet kompleta (premessa 232 tad-deċiżjoni tal-2006). Għaldaqstant hija imponiet pagament ta’ penalità ta’ EUR 280.5 miljun fuq Microsoft minħabba li din tal-aħħar ma kinitx ikkonformat ruħha mal-Artikolu 5(a) u (c) tad-deċiżjoni tal-2004 matul il-perijodu mis-16 ta’ Diċembru 2005 sal-20 ta’ Ġunju 2006. Barra minn hekk, hija żiedet il-pagament ta’ penalità li seta’ jiġi imposti taħt id-deċiżjoni tal-2005 għal EUR 3 miljun għal kull jum sa mill-31 ta’ Lulju 2006.

17      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Ottubru 2006, Microsoft attakkat id-deċiżjoni tal-2006.

18      Permezz tas-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il‑Kummissjoni (T‑201/04, Ġabra p. II‑3601), il-Qorti Ġenerali annullat l-Artikolu 7 tad-deċiżjoni tal-2004 u ċaħdet il-kumplament tar-rikors. L-ewwel punt tad-dispożittiv tas-sentenza Microsoft vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, jipprovdi dan li ġej:

“1.      L-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/53/CE ta’ l-24 ta’ Marzu 2004, dwar proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 82 [KE] u ta’ l-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE mibdija fil-konfront ta’ Microsoft [...] (każ COMP/C‑3/37.792 — Microsoft) huwa annullat safejn:

–        jordna lil Microsoft tippreżenta proposta dwar l-implementazzjoni ta’ mekkaniżmu li għandu jinkludi l-ħatra ta’ trustee indipendenti li jkollu poteri ta’ aċċess, indipendentement mill-Kummissjoni, għall-assistenza, għall-informazzjoni, għad-dokumenti, għall-uffiċċji u għall-impjegati ta’ Microsoft kif ukoll għall-“kodiċi sors” (source code) tal-prodotti rilevanti ta’ Microsoft;

–        jeżiġi li l-proposta dwar l-implementazzjoni ta’ dan il-mekkaniżmu tipprovdi li l-ispejjeż kollha marbuta mal-ħatra ta’ trustee, inkluża r-remunerazzjoni tiegħu, ikunu a karigu ta’ Microsoft;

–        jirriżerva lill-Kummissjoni d-dritt li timponi permezz ta’ deċiżjoni mekkaniżmu bħal dak imsemmi fl-ewwel u fit-tieni inċiżi iktar’il fuq.”

19      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Ottubru 2007, Microsoft irrinunzjat għar-rikors li kienet ippreżentata kontra d-deċiżjoni tal-2006 (ara l-punt 17 iktar ’il fuq).

 Id-deċiżjoni kkontestata

20      Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 764 finali, tas-27 ta’ Frar 2008 li tistabbilixxi l-ammont definittiv tal-pagament perjodiku ta’ penalità impost fuq [Microsoft] permezz tad-Deċiżjoni C(2005) 4220 finali (Każ COMP/C-3/37.792 — Microsoft) (ĠU 2009, C 166, p. 20, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni imponiet pagament ta’ penalità ta’ EUR 899 miljun fuq Microsoft minħabba li din tal-aħħar ma kinitx ikkonformat ruħha mal-obbligi imposti mill-Artikolu 5(a) tad-deċiżjoni tal-2004 matul il-perijodu mill-21 ta’ Ġunju 2006 sal‑21 ta’ Ottubru 2007.

21      Mill-premessa 14 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li din tikkonċerna esklużivament l-obbligu impost fuq Microsoft skont l-Artikolu 5(a) tad-deċiżjoni tal-2004, li tagħti aċċess għall-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà u li tawtorizza l-użu tagħha taħt kundizzjonijiet raġonevoli u mhux diskriminatorji.

 Programm ta’ protokolli għal servers ta’ work group

22      Mill-premessi 21 sa 23 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li permezz ta’ ittra tad‑29 ta’ Ottubru 2004, Microsoft issottomettiet lill-Kummissjoni żewġ abbozzi ta’ ftehim li kien beħsiebha tipproponi lill-kompetituri tagħha fil-kuntest ta’ “Work Group Server Protocol Program” (programm ta’ protokolli għal servers ta’ work group). Dan jirrigwarda, minn naħa, abbozz ta’ ftehim għall-ksib ta’ liċenzja fuq id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali relattivi għall-protokolli inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, abbozz ta’ ftehim għall-evalwazzjoni tal-imsemmija protokolli.

23      Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Mejju 2005 u fil-kuntest ta’ kuntatti kontinwi mal-Kummissjoni, Microsoft ippreżentat ħames tipi ta’ ftehim (iktar ’il quddiem meħuda flimkien il-“ftehim WSPP”), jiġifieri:

–        Microsoft Work Group Server Protocol Program License Agreement (All IP) for Development and Product Distribution (Work Group Server Operating System Software) [ftehim ta’ liċenzja (All IP) għall-iżvilupp u d-distribuzzjoni tal-prodotti ta’ software operattivi għal servers ta’ work group fil-kuntest tal-programm ta’ protokolli għal servers ta’ work group ta’ Microsoft, iktar ’il quddiem il-“ftehim All IP”)];

–        Microsoft Communications Protocol Program Agreement for Evaluation of Technical Documentation (3-Day) [ftehim għall-evalwazzjoni tad-dokumentazzjoni teknika fil-kuntest tal-programm ta’ protokolli ta’ komunikazzjoni ta’ Microsoft (3 ijiem)];

–        Microsoft Communications Protocol Program Agreement for Evaluation of Technical Documentation (30-Day) [ftehim għall-evalwazzjoni tad-dokumentazzjoni teknika fil-kuntest tal-programm ta’ protokolli ta’ komunikazzjoni ta’ Microsoft (30 jum)];

–        Microsoft Work Group Server Protocol Program License Agreement (No Patents) for Development and Product Distribution (Work Group Server Operating System Software); [ftehim ta’ liċenzja (No Patents) għall-iżvilupp u d-distribuzzjoni ta’ prodotti ta’ software ta’ sistemi operattivi għal servers ta’ work group fil-kuntest tal-programme ta’ protokolli għal servers ta’ work group ta’ Microsoft, iktar ’il quddiem il-“ftehim No Patent”];

–        Microsoft Work Group Server Protocol Program Patent Only License Agreement for Development and Product Distribution [ftehim ta’ liċenzja (Patent Only) għall-iżvilupp u d-distribuzzjoni ta’ prodotti ta’ software fil-kuntest tal-programm ta’ protokolli għal servers ta’ work group ta’ Microsoft, iktar ’il quddiem il-“ftehim Patent Only”] (premessi 32 u 33 tad-deċiżjoni kkontestata).

24      Mill-premessi 33, 37, 39, 40, 44, 57, 59, 66, 92 u 103 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fil-kuntest ta’ kuntatti kontinwi mal-Kummissjoni, mill-20 ta’ Mejju 2005 sal-21 ta’ Mejju 2007, Microsoft issottomettiet tlettax-il verżjoni suċċessivi u riveduti tal-ftehim WSPP li jinkludu skemi ta’ remunerazzjoni. Skema ta’ remunerazzjoni ssottomessa fit-22 ta’ Ottubru 2007 tipprovdi għall-konklużjoni ta’ ftehim No Patent li jippermetti l-aċċess għad-dokumentazzjoni teknika li tinkludi l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà u l-użu tagħha, bi ħlas fil-forma ta’ somma f’daqqa li tammonta għal EUR 10 000. Barra minn hekk, ftehim ta’ liċenzja ta’ teknoloġiji bi privattiva huwa wkoll disponibbli għal remunerazzjoni kkalkolata fuq il-bażi tad-dħul nett tal-persuna li tikseb liċenzja mingħand Microsoft (premessa 102 tad-deċiżjoni kkontestata).

25      Skont il-premessa 39 tad-deċiżjoni kkontestata, il-verżjoni tal-ftehim WSPP issottomessa minn Microsoft lill-Kummissjoni fil-31 ta’ Mejju 2005 kien fiha wkoll prinċipji ta’ evalwazzjoni tal-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà (iktar ’il quddiem il-“prinċipji ta’ evalwazzjoni WSPP”), imfassla wara negozjati bejn iż-żewġ partijiet. L-imsemmija prinċipji jiggwidaw lit-trustee indipendenti mhux biss fil-kuntest tat-tfassil ta’ opinjonijiet konsultattivi iżda wkoll meta jintalab minn persuna li tikseb liċenzja mingħand Microsoft sabiex jiddeċiedi dwar in-natura raġonevoli tar-rata ta’ remunerazzjoni kkonċernata, filwaqt li din id-deċiżjoni tiegħu tista’ tiġi ddikjarata eżekuttiva mill-High Court of Justice (England & Wales) [Qorti Superjuri tal-Ġustizzja (l-Ingilterra u Wales), ir-Renju Unit] (premessi 47 u 113 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet

26      Fl-1 ta’ Marzu 2007, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lil Microsoft (premessa 73 tad-deċiżjoni kkontestata).

27      Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Marzu 2007, Microsoft talbet lill-Kummissjoni tikkomunikalha r-rati ta’ remunerazzjoni preċiżi li hija għandha titlob sabiex tkun konformi mal-obbligi li jirriżultaw mid-deċiżjoni tal-2004. Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Marzu 2007, il-Kummissjoni wieġbet li ma kienx l-obbligu tagħha li tistabbilixxi r-rati ta’ remunerazzjoni preċiżi, iżda li tiżgura li kull remunerazzjoni mitluba minn Microsoft tkun raġonevoli u mhux diskriminatorja skont l-Artikolu 5(a) tad-deċiżjoni tal-2004 (premessa 75 tad-deċiżjoni kkontestata).

28      Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ April 2007, Microsoft ippreżentat ir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Fl-24 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni bagħtet lil Microsoft “ittra li tesponi l-fatti” bl-għan li tagħtiha l-possibbiltà tikkummenta dwar il-provi miġbura wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Microsoft ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fil-31 ta’ Awwissu 2007 (premessi 82, 98 u 99 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Evalwazzjoni dwar l-osservanza tal-obbligi imposti mill-Artikolu 5(a) tad-deċiżjoni tal-2004

 Il-kriterji għall-evalwazzjoni tan-natura raġonevoli tar-rati ta’ remunerazzjoni mitluba minn Microsoft

29      Fil-premessa 105 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni fakkret li, skont il-premessa 1003 tad-deċiżjoni tal-2004, kull remunerazzjoni mitluba inkambju għall-aċċess għall-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà u l-użu tagħha kellha tippermetti lill-utenti ta’ din l-informazzjoni jikkompetu b’mod vijabbli mas-sistema operattiva għal servers ta’ work group ta’ Microsoft. Barra minn hekk, skont il-premessa 1008(ii) tad-deċiżjoni tal-2004, tali remunerazzjoni ma tistax tirrifletti l-valur strateġiku li jirriżulta mis-setgħa li għandha Microsoft fis-suq tas-sistemi operattivi għal clients PCs jew tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group.

30      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni kkunsidrat li n-natura raġonevoli, fis-sens tal-Artikolu 5(a) tad-deċiżjoni tal-2004, ta’ kwalunkwe kundizzjoni imposta minn Microsoft li għandha l-effett potenzjali li tillimita l-aċċess għall-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà u l-użu tagħha timplika li tali kundizzjoni hija neċessarja u proporzjonata fid-dawl tal-interessi leġittimi ta’ Microsoft li għandha l-għan li tipproteġi. Għaldaqstant, sabiex tkun oġġettivament iġġustifikata, kwalunkwe remunerazzjoni mitluba minn Microsoft għandha tirrifletti s-sempliċi valur intrinsiku possibbli tal-informazzjoni inkwistjoni, bl-esklużjoni tal-valur strateġiku li jirriżulta mis-sempliċi possibbiltà ta’ interoperabbiltà mas-sistemi operattivi ta’ Microsoft li din tagħti. Huwa l-obbligu ta’ Microsoft li turi dan il-fatt (premessi 106 u 107 tad-deċiżjoni kkontestata).

31      Il-Kummissjoni qieset li l-prinċipji ta’ evalwazzjoni WSPP (ara l-punt 25 iktar ’il fuq) kienu konformi mal-għanijiet imsemmija fil-premessi 1003 u 1008(ii) tad-deċiżjoni tal-2004. Fil-fatt, minn naħa, dawn il-prinċipji jipprovdu li l-iskema ta’ remunerazzjoni għandha tippermetti li l-utenti tal-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà jikkompetu ma’ Microsoft b’mod vijabbli. Min-naħa l-oħra, huma jipprovdu li, sabiex issir evalwazzjoni dwar jekk l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà tippreżentax valur intrinsiku, jiġifieri li ma jikkonsistix fil-valur strateġiku deskritt fil-punt 29 iktar ’il fuq, hemm lok li, l-ewwel nett, jiġi eżaminat jekk il-protokolli kkonċernati humiex kreazzjonijiet ta’ Microsoft, it-tieni nett, jiġi evalwat jekk dawn il-kreazzjonijiet humiex innovattivi u, t-tielet nett, li tittieħed inkunsiderazzjoni evalwazzjoni ta’ suq li jirrigwarda teknoloġiji paragunabbli u li teskludi l-valur strateġiku li jirriżulta mill-eventwali pożizzjoni dominanti tagħhom (premessi 117 u 118 tad-deċiżjoni kkontestata).

32      Il-Kummissjoni sostniet ukoll, fil-premessi 119 u 158 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija kienet ser tapplika l-kriterji esposti fil-punt 31 iktar ’il fuq, sabiex tevalwa jekk ir-rati ta’ remunerazzjoni mitluba minn Microsoft kinux raġonevoli.

33      Barra minn hekk il-Kummissjoni enfasizzat li l-evalwazzjoni tagħha kienet ser issir għall-perijodu mill-21 ta’ Ottubru 2007, b’riferiment għall-verżjoni tal-ftehim WSPP sottomessa fil-21 ta’ Mejju 2007 (ara l-punt 24 iktar ’il fuq). Peress li l-iskema ta’ remunerazzjoni inkluża f’din il-verżjoni tal-ftehim WSPP kienet tipprevedi rati ta’ remunerazzjoni iktar baxxi minn dawk previsti fil-verżjonijiet preċedenti, il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni kienu japplikaw a fortiori għal dawn il-verżjonijiet tal-aħħar, skont il-premessa 103 tad-deċiżjoni kkontestata.

34      Fir-rigward tal-ewwel kriterju espost fil-punt 31 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni indikat li dan ma kienx issodisfat meta Microsoft kienet użat protokolli li jaqgħu taħt id-dominju pubbliku (premessa 129 tad-deċiżjoni kkontestata).

35      Fir-rigward tat-tieni kriterju espost fil-punt 31 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni enfasizzat li, jekk it-teknoloġiji inkwistjoni ma kinux ġodda, fis-sens li huma inklużi fl-aħħar żviluppi teknoloġiċi, jew jekk għall-persuna speċjalizzata fil-qasam huma jirriżultaw b’mod evidenti mill-aħħar żviluppi teknoloġiċi, Microsoft ma kinitx intitolata għal remunerazzjoni. Hija qieset li l-kriterji bbażati fuq in-novità u fuq in-nuqqas ta’ evidenza kienu xierqa, peress li huma kunċetti ferm stabbiliti fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (premessi 130 u 138 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dan il-kuntest, hija qieset li tibdil inkrementali minuri u titjib minuri, li ma jirrappreżentawx ħlief valur negliġibbli għad-destinatarji tal-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà, ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala innovattivi għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-2004 (premessa 144 tad-deċiżjoni kkontestata).

36      Il-Kummissjoni sostniet ukoll f’dan ir-rigward li, sa fejn Microsoft invokat privattivi li jirrigwardaw teknoloġiji relattivi għall-protokolli inklużi fid-dokumentazzjoni teknika żvelata, din assumiet provviżorjament, u għall-finijiet tad-deċiżjoni kkontestata, li dawn it-teknoloġiji kienu innovattivi (premessa 132 tad-deċiżjoni kkontestata).

37      Fir-rigward tat-tielet kriterju espost fil-punt 31 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni indikat li kien intiż sabiex jivverifika li r-rati ta’ remunerazzjoni mitluba minn Microsoft kienu kompatibbli ma’ evalwazzjoni tas-suq ta’ teknoloġiji paragunabbli (premessa 139 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Evalwazzjoni tan-natura raġonevoli tar-rati ta’ remunerazzjoni mitluba minn Microsoft

–       Il-kuntest ġenerali

38      Fil-premessi 159 sa 164 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ġabret fil-qosor il-kuntest ġenerali tal-iskema ta’ remunerazzjoni proposta minn Microsoft.

39      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni esponiet li Microsoft kienet qed tipproponi diversi tipi ta’ aċċess għall-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà fil-kuntest tal-ftehim WSPP. F’dan il-kuntest, Microsoft kienet qed toffri l-aċċess għal protokolli relattivi għal ħames xenarji għal dak li jikkonċerna s-servizz ta’ użu komuni ta’ fajls u ta’ printers, u għal sittax-il xenarju għal dak li jikkonċerna s-servizz ta’ amministrazzjoni ta’ utenti u ta’ gruppi ta’ utenti kif ukoll għas-servizz “general networking”.

40      Erba’ tipi ta’ ftehim kienu jagħtu aċċess għall-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà.

41      L-ewwel nett, il-ftehim No Patent kien jippermetti lid-destinatarji tal-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà li jiżviluppaw u jiddistribwixxu sistemi operattivi għal servers ta’ work group abbażi tad-dokumentazzjoni teknika.

42      It-tieni nett, taħt il-ftehim Patent Only, Microsoft kienet tagħti liċenzja fuq il-kontenut ta’ privattivi li, fil-fehma tagħha, kienu jirrigwardaw it-teknoloġija neċessarja għall-interoperabbiltà mas-sistemi operattivi Windows għal clients PCs u għal servers ta’ work group.

43      It-tielet nett, taħt il-ftehim All IP, Microsoft ma kinitx tagħti biss liċenzja fuq il-kontenut ta’ privattivi li, fil-fehma tagħha, kienu jirrigwardaw it-teknoloġija neċessarja għall-interoperabbiltà mas-sistemi operattivi Windows għal clients PCs u għal servers ta’ work group, iżda wkoll l-aċċess għad-dokumentazzjoni teknika u d-dritt għal użu tal-imsemmija dokumentazzjoni.

44      Ir-raba’ nett, taħt il-ftehim intitolat “Interface Definition Language Only”, Microsoft kienet tagħti l-aċċess għad-dokumentazzjoni teknika relattiva għal dawn il-fajls u d-dritt għal użu tal-imsemmija dokumentazzjoni.

45      Mill-premessa 160 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta wkoll li, għall-parti l-kbira tal-każijieti, Microsoft kienet titlob rati ta’ remunerazzjoni skont it-tip ta’ ftehim magħżul u għal tali rati kienet tindika l-ammont minimu u l-ammont massimu. Kienu previsti wkoll rati ta’ remunerazzjoni għax-xenarji miġbura fi gruppi skont is-servizz kif ukoll ix-xenarji kollha fi ħdan it-tliet servizzi msemmija fil-punt 39 iktar ’il fuq. Ir-remunerazzjoni mitluba kienet espressa jew f’perċentwali tad-dħul nett tal-persuna li tikseb liċenzja mingħand Microsoft miksub mill-bejgħ ta’ prodotti li jimplementaw il-protokolli inkwistjoni, jew fil-forma ta’somma f’daqqa għal kull server mibjugħ.

46      Fl-aħħar nett, mill-premessi 166, 167 u 297 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ffokat fuq in-natura raġonevoli tar-rati ta’ remunerazzjoni mitluba minn Microsoft għat-teknoloġija mingħajr privattiva inkluża fid-dokumentazzjoni teknika u żvelata fil-kuntest tal-ftehim No Patent.

–       In-natura innovattiva tal-protokolli deskritti fid-dokumentazzjoni teknika li għalihom Microsoft tagħti aċċess taħt il-ftehim No Patent

47      Skont il-premessa 169 tad-deċiżjoni kkontestata, Microsoft sostniet, fil-kuntest ta’ żewġ rapporti ssottomessi lill-Kummissjoni fil-31 ta’ Lulju u fl-24 ta’ Awwissu 2006 rispettivament, li 173 protokolli kienu jinkludu innovazzjonijiet mingħajr privattiva.

48      Sabiex tiġġustifika l-evalwazzjoni tagħha, Microsoft l-ewwel nett ivverifikat li t-teknoloġija inkwistjoni kienet ġiet żviluppata minnha jew għan-nom tagħha, it-tieni nett iddeskriviet il-problema solvuta minn din it-teknoloġija, it-tielet nett spjegat it-teknoloġiji li jagħmlu parti mill-aħħar żviluppi teknoloġiċi meħuda inkunsiderazzjoni sabiex tiġi stabbilita n-natura innovattiva tal-protokoll inkwistjoni u, r-raba’ nett identifikat dawn l-innovazzjonijiet fid-dokumentazzjoni teknika riveduta.

49      Mill-premessi 62, 69 u 171 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta wkoll li, fuq it-talba tal-Kummissjoni, it-trustee indipendenti eżamina l-evalwazzjonijiet ta’ Microsoft dwar it-teknoloġija mingħajr privattiva billi mexa fuq il-metodoloġija deskritta fil-punt 48 iktar ’il fuq u li l-Kummissjoni għamlet l-istess talba lil TAEUS, impriża speċjalizzata fix-xenarji intitolati “File Replication Service”, “Directory Replication Service” u “Network Access Protection”. Ir-rapporti ta’ TAEUS u tat-trustee indipendenti ġew issottomessi lill-Kummissjoni fil-15 ta’ Diċembru 2006 u fis-27 ta’ Frar 2007 rispettivament.

50      Il-Kummissjoni indikat li t-trustee indipendenti kien wasal għall-konklużjoni li ftit mill-materjal prodott minn Microsoft fil-kuntest tad-dokumentazzjoni teknika kien innovattiv u li, għaldaqstant, kien jiġġustifika remunerazzjoni. Barra minn hekk, TAEUS kienet ikkonkludiet li l-ebda waħda mill-21 teknoloġija inkorporata fit-tliet xenarji eżaminati minn din tal-aħħar ma kienet innovattiva (premessi 171 sa 174 tad-deċiżjoni kkontestata). Skont in-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 197 tad-deċiżjoni kkontestata, dawn il-konklużjonijiet ma kinux ġew emendati wara r-risposta ta’ Microsoft għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li kienet wasslet għal żewġ rapporti min-naħa tat-trustee indipendenti u għal rapport min-naħa ta’ TAEUS.

51      Għal dak li jirrigwarda l-173 teknoloġiji dwar protokolli ppreżentati minn Microsoft bħala innovattivi, il-Kummissjoni kkonkludiet li 166 teknoloġija kienu inklużi fl-aħħar żviluppi teknoloġiċi jew kienu jirriżultaw b’mod evidenti mill-aħħar żviluppi teknoloġiċi għall-persuna speċjalizzata fil-qasam u 7 teknoloġiji kienu innovattivi (premessi 175 u 219 tad-deċiżjoni kkontestata).

52      Il-173 teknoloġija inkwistjoni huma espoti fit-tabella annessa mad-deċiżjoni kkontestata, li tinkludi deskrizzjoni fil-qosor ta’ kull teknoloġija kif ukoll, għall-parti l-kbira tat-teknoloġiji, tinkludi informazzjoni li tikkonċerna d-data tal-ħolqien tagħhom, il-benefiċċji li jirriżultaw minnhom skont Microsoft, riferiment għall-fajl sottomess minn Microsoft, evalwazzjoni fil-qosor, riferiment għall-aħħar żviluppi teknoloġiċi u riferiment għas-sorsi li skont il-Kummissjoni jiġġustifikaw l-evalwazzjoni magħmula kif ukoll ir-riferimenti għall-aħħar żviluppi teknoloġiċi. Is-sorsi inkwistjoni jikkonsistu f’żewġ rapporti tat-trustee indipendenti tat-3 ta’ Marzu u t-8 ta’ Lulju 2007 kif ukoll f’osservazzjonijiet ifformulati fit-8 ta’ Mejju 2007 mill-European Committee for Interoperable Systems (ECIS) dwar ir-risposta ta’ Microsoft għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

53      Fil-premessi 187 sa 218 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni esponiet l-evalwazzjoni tagħha tan-natura innovattiva ta’ tmien teknoloġiji dwar protokolli li jaqgħu taħt ix-xenarju “Directory & Global Catalog Replication”, li jagħmel parti mis-servizz tal-amministrazzjoni ta’ utenti u ta’ gruppi ta’ utenti, u ta’ ħdax-il teknoloġija relattiva għal protokolli li jaqgħu taħt ix-xenarju “File Replication Service”, li jagħmel parti mis-servizz ta’ użu komuni ta’ fajls u ta’ printers. Bl-eċċezzjoni tal-argumenti dwar it-teknoloġija “File Staging”, l-allegazzjonijiet ta’ Microsoft favur in-natura innovattiva ta’ dawn it-teknoloġiji ġew miċħuda mill-Kummissjoni (premessa 219 tad-deċiżjoni kkontestata).

–       Evalwazzjoni tas-suq dwar teknoloġiji paragunabbli

54      Fil-premessi 220 sa 279 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni esponiet l-analiżi tagħha li tikkonċerna l-evalwazzjoni tas-suq dwar teknoloġiji paragunabbli għat-teknoloġiji mingħajr privattiva żvelati fil-kuntest tal-ftehim No Patent. Skont din l-evalwazzjoni, teknoloġiji paragunabbli huma offruti mingħajr remunerazzjoni kemm minn Microsoft kif ukoll minn impriżi oħrajn, b’tali mod li l-evalwazzjoni tas-suq kienet turi li r-rati ta’ remunerazzjoni mitluba minn Microsoft ma kinux raġonevoli.

 Pagament ta’ penalità

55      Fil-premessa 285 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni esponiet li din kienet tikkonċerna esklużivament il-perijodu bejn il-21 ta’ Ġunju 2006 u l-21 ta’ Ottubru 2007. Fil-premessa 298 tad-deċiżjoni kkontestata hija ppreċiżat li l-iskema adottata minn Microsoft fit-22 ta’ Ottubru 2007 (ara l-punt 24 iktar ’il fuq) ma kinitx tqajjem oġġezzjonijiet rigward in-natura raġonevoli tar-rati ta’ remunerazzjoni inklużi fiha. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ffissat l-ammont definittiv tal-pagament ta’ penalità għal EUR 899 miljun għal dan il-perijodu (premessi 299 u 300 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

56      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Mejju 2008, Microsoft bdiet din il-kawża.

57      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Awwissu 2008, il-Free Software Foundation Europe eV (iktar ’il quddiem l-“FSFE”) u s-Samba Team talbu sabiex jintervjenu fil-proċedura preżenti insostenn tal-Kummissjoni.

58      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Awwissu 2008, is-Software & Information Industry Association (iktar ’il quddiem l-“SIIA”) u l-ECIS talbu sabiex jintervjenu fil-proċedura preżenti insostenn tal-Kummissjoni.

59      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Awwissu 2008, International Business Machines Corp. (iktar ’il quddiem “IBM”) u Red Hat Inc. talbu sabiex jintervjenu fil-proċedura preżenti insostenn tal-Kummissjoni.

60      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Awwissu 2008, Oracle Corp. talbet sabiex tintervjeni fil-proċedura preżenti insostenn tal-Kummissjoni.

61      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 u fis-26 ta’ Awwissu 2008 rispettivament, The Computing Technology Industry Association, Inc. (iktar ’il quddiem il-“CompTIA”) u l-Association for Competitive Technology, Inc. (iktar ’il quddiem l-“ACT”) talbu sabiex jintervjenu fil-proċedura preżenti insostenn ta’ Microsoft.

62      Permezz ta’ digriet tal-20 ta’ Novembru 2008, il-President tas-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali aċċetta dawn l-interventi.

63      Il-partijiet intervenjenti ppreżentaw in-noti tagħhom u l-partijiet l-oħra ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuqhom fit-termini mogħtija.

64      Billi l-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, l‑Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tieni Awla, u lilha, għaldaqstant, ġiet assenjata din il-kawża.

65      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tibda l-proċedura orali u fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-partijiet ġew mistiedna jipproduċu ċerti dokumenti u xi informazzjoni oħra.

66      Microsoft titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tħassar jew tnaqqas l-ammont tal-pagament ta’ penalità;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni u lill-partijiet li intervjenew insostenn ta’ din tal-aħħar għall-ispejjeż.

67      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lil Microsoft għall-ispejjeż.

68      L-FSFE, is-Samba Team, l-SIIA, l-ECIS, IBM, Red Hat u Oracle jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lil Microsoft għall-ispejjeż marbuta mal-intervent tagħhom.

69      Il-CompTIA titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż marbuta mal-intervent tagħha.

70      L-ACT titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tħassar jew tnaqqas l-ammont tal-pagament ta’ penalità impost fuq Microsoft;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż marbuta mal-intervent tagħha.

 Id-dritt

71      Il-motivi mressqa minn Microsoft huma bbażati, l-ewwel nett, fuq in-natura illegali tal-impożizzjoni ta’ pagament ta’ penalità qabel ma l-obbligi taħt l-Artikolu 5 tad-deċiżjoni tal-2004 kienu ġew suffiċjentement ikkonkretizzati, it-tieni nett, fuq żball imwettaq mill-Kummissjoni rigward in-nuqqas ta’ natura raġonevoli tar-rati ta’ remunerazzjoni relattivi għall-ftehim No Patent, it-tielet nett, fuq żball imwettaq mill-Kummissjoni rigward il-kriterji applikati sabiex tevalwa n-natura innovattiva tat-teknoloġiji relattivi għall-protokolli li kienu s-suġġett tal-ftehim No Patent, ir-raba’ nett, fuq in-natura illegali tal-użu tar-rapporti tat-trustee indipendenti, il-ħames nett, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u s-sitt nett, fuq nuqqas ta’ bażi legali għall-impożizzjoni ta’ pagament ta’ penalità kif ukoll fuq in-natura eċċessiva u sproporzjonata tiegħu.

72      Barra minn hekk, fil-kuntest tal-ewwel, it-tieni, it-tielet u s-sitt motivi, Microsoft issostni li d-deċiżjoni kkontestata kienet ivvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq in-natura illegali tal-impożizzjoni ta’ pagament ta’ penalità qabel ma l-obbligi ta’ Microsoft taħt l-Artikolu 5(a) tad-deċiżjoni tal‑2004 kienu ġew ikkonkretizzati

 L-argumenti tal-partijiet

73      Insostenn tal-ewwel motiv tagħha Microsoft tinvoka sett ta’ erba’ lmenti.

74      L-ewwel nett, il-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha li tispeċifika b’mod pożittiv l-azzjonijiet li Microsoft kellha tieħu sabiex tikkonforma ruħha mal-Artikolu 5(a) tad-deċiżjoni tal-2004. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-prassi deċiżjonali tagħha, fid-deċiżjoni tal-2004 il-Kummissjoni kienet f’pożizzjoni li tispeċifika r-rati ta’ remunerazzjoni li Microsoft kienet intitolata għalihom. Issa, l-kunċett ta’ “rati raġonevoli” jinkludi rati ta’ diversi livelli. Din l-evalwazzjoni ma hijiex kontestazzjoni tal-legalità tad-deċiżjoni tal-2004 u lanqas ma tinnega l-possibbiltà li jiġu implementati dispożizzjonijiet li jinkludu kunċetti legali indeterminati, iżda tikkontesta d-dritt li jiġi impost pagament ta’ penalità għal ksur tad-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq qabel ma jiġu speċifikati l-obbligi li jirriżultaw minnha.

75      Bl-għan li tispeċifika dawn l-obbligi qabel ma ġġiegħel lil Microsoft tikkonforma ruħha magħhom, il-Kummissjoni stabbilixxiet il-proċedura prevista mill-Artikolu 5(d) tal-istess deċiżjoni. Madankollu, hekk kif il-Kummissjoni ddikjarat fid-dikjarazzjonijiet tal-oġġezzjonijiet mibgħuta lil Microsoft f’Awwissu 2000 u f’Awwissu 2003 u bħalma jirriżulta mill-premessa 995 tad-deċiżjoni tal-2004, fil-każ li l-miżuri proposti minn Microsoft ma kinux sodisfaċenti, hija kienet ser timponi l-miżuri neċessarji permezz ta’ deċiżjoni. Madankollu, il-Kummissjoni rrifjutat kontinwament li tikkonkretizza dak li kienet tfisser b’“rati ta’ remunerazzjoni raġonevoli”, minkejja li r-responsabbiltajiet li hija assumiet taħt l-Artikolu 5 tad-deċiżjoni tal-2004 kienu jobbligawha timponi kundizzjonijiet speċifikati b’mod pożittiv fuq Microsoft permezz ta’ deċiżjoni. Peress li l-prinċipji ta’ evalwazzjoni WSPP jipprovdu biss linji gwida ġenerali li ma jwasslux għal rata speċifika, ma jistgħux jitqiesu bħala suffiċjenti għal dan il-għan. L-allegazzjonijiet dwar in-nuqqas ta’ valur intrinsiku u l-provvista gratwita kurrenti tal-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà ma għandhom l-ebda bażi fattwali u huma skreditati mill-konklużjoni ta’ ftehim ta’ liċenzji skont l-iskema ta’ remunerazzjoni ta’ Microsoft.

76      It-tieni nett, Microsoft issostni li l-azzjoni tal-Kummissjoni tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1/2003 peress li l-impożizzjoni ta’ pagament ta’ penalità li għandu l-għan li jġiegħel lil persuna tadotta ċertu aġir tippreżumi li l-obbligi tal-persuna inkwistjoni jkunu speċifikati b’mod preċiż, altrimenti l-impożizzjoni tal-pagament ta’ penalità tikser drittijiet fundamentali. F’dan il-każ, il-Kummissjoni, li ma kinitx intitolata tibda l-proċedura tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1/2003 jekk ma kinitx taf b’mod preċiż dak li Microsoft kellha tagħmel sabiex tikkonforma ruħha mad-deċiżjoni tal-2004, setgħet tagħmel użu mit-trustee indipendenti sabiex jispeċifika l-obbligi ta’ Microsoft sal-grad meħtieġ.

77      It-tielet nett Microsoft, sostnuta mill-CompTIA, tenfasizza li billi imponiet pagament ta’ penalità qabel ma speċifikat l-obbligi ta’ Microsoft sal-grad meħtieġ, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. F’dan ir-rigward, il-CompTIA issostni li l-azzjoni tal-Kummissjoni hija kkaratterizzata b’nuqqas ta’ trasparenza, ta’ oġġettività u ta’ ekwità, filwaqt li l-pagament ta’ penalità impost huwa arbitrarju u sproporzjonat fid-dawl tal-fatti tal-każ. Skont il-CompTIA l-aġir tal-Kummissjoni huwa sors ta’ riskji u ta’ nuqqas ta’ sigurtà li jiskoraġġixxi l-innovazzjoni, u dan bi ħsara għall-konsumaturi.

78      Fir-raba’ u l-aħħar nett, Microsoft tallega li billi rrifjutat li tadotta deċiżjoni li tista’ tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju u li tispeċifika l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 5(a) tad-deċiżjoni tal-2004 fir-rigward tar-rati ta’ remunerazzjoni, il-Kummissjoni obbligat de facto lil Microsoft tikkonforma ruħha mat-talbiet tagħha sabiex tnaqqas ir-rati ta’ remunerazzjoni għall-ftehim WSPP kollha, mingħajr madankollu ma setgħet tippreżenta rikors quddiem il-qorti rigward il-legalità tat-talbiet inkwistjoni. B’dan il-mod, Microsoft ġiet imċaħħda mid-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva kontra l-evalwazzjonijiet, dejjem “preliminari”, imwettqa mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, anki kieku Microsoft irrifjutat li terġa’ tirrevedi l-proposti tagħha jew kieku pppreżentat rikors għad-danni jew rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni, dawn l-azzjonijiet ma kinux iwasslu għal deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddefinixxi rata ta’ remunerazzjoni raġonevoli.

79      Peress li Microsoft ripetutament żviluppat dawn l-argumenti matul il-proċedura amministrattiva mingħajr madankollu ma rċeviet risposta, inkluż fid-deċiżjoni kkontestata, din tal-aħħar hija wkoll ivvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni.

80      L-ACT issostni li Microsoft implementat l-iktar metodi adatti sabiex tiddefinixxi l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 5(a) tad-deċiżjoni tal-2004, filwaqt li l-Kummissjoni sempliċement ċaħdet ir-riżultati tal-investigazzjonijiet relatati magħhom mingħajr ma lanqas ipprovdiet il-kjarifiki li Microsoft kellha bżonn sabiex tosserva l-obbligi inkwistjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni talbet informazzjoni lill-impriżi li kienu qed isostnu l-pożizzjoni tagħha biss.

81      Il-Kummissjoni u l-partijiet intervenjenti insostenn tagħha jikkontestaw il-fondatezza tal-motiv preżenti u jsostnu wkoll li, fil-kuntest tar-rikors preżenti, Microsoft ma tistax teċċepixxi allegata impreċiżjoni tad-deċiżjoni tal-2004 fir-rigward tad-definizzjoni tal-obbligi tagħha.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

82      Qabel kollox għandu jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni li Microsoft timmina l-legalità tad-deċiżjoni tal-2004. Fil-fatt, mill-atti ta’ Microsoft jirriżulta li l-argumenti ta’ din tal-aħħar ma jibbażawx fuq allegata illegalità tal-Artikolu 5(a) ta’ din id-deċiżjoni, iżda fuq l-allegata impossibbiltà għall-Kummissjoni li timponi pagament ta’ penalità għal ksur tad-dispożizzjoni inkwistjoni mingħajr ma ġiet iddeterminata minn qabel, permezz ta’ deċiżjoni li tista’ tkun suġġetta għal azzjoni, ir-rata ta’ remunerazzjoni li hija tqis raġonevoli. Din il-kwistjoni tikkonċerna manifestament il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, li taħtha ġie impost il-pagament ta’ penalità.

83      Sussegwentement, għandu jitfakkar li kif jirriżulta mill-premessa 280 tad-deċiżjoni kkontestata, il-pagament ta’ penalità inkwistjoni ġie impost minħabba li Microsoft ma awtorizzatx l-aċċess għal informazzjoni dwar l-interoperabbiltà koperta mill-ftehim No Patent u l-użu tal-imsemmija informazzjoni taħt “kundizzjonijiet raġonevoli”, bi ksur tal-obbligu stabbilit fl-Artikolu 5(a) tad-deċiżjoni tal-2004.

84      Fir-rigward ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar, għandu jiġi rrilevat li l-użu ta’ kunċetti legali indeterminati sabiex jiġu fformulati regoli li l-ksur tagħhom iwassal għar-responsabbiltà ċivili, amministrattiva u saħansitra kriminali tal-persuna li twettaq il-ksur ma jirriżultax fl-impossibbiltà li jiġu imposti l-miżuri ta’ rimedju previsti mil-liġi, sakemm l-individwu jkun jista’ jkun jaf, mill-kliem tad-dispożizzjoni rilevanti u, jekk ikun hemm bżonn, bl-għajnuna tal-interpretazzjoni mogħtija lilha mill-qrati, liema atti u ommissjonijiet jagħtu lok għar-responsabbiltà tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Mejju 2007, Advocaten voor de Wereld, C‑303/05, Ġabra p. I‑3633, punt 50, u tat-22 ta’ Mejju 2008, Evonik Degussa vs Il‑Kummissjoni, C‑266/06 P, Ġabra p. I-0081, punt 39).

85      F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑10 ta’ Lulju 2001, Irish Sugar vs Il-Kummissjoni, C‑497/99 P, Ġabra p. I‑5333, punt 15; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Marzu 1999, Eurofer vs Il-Kummissjoni, T‑136/94, Ġabra p. II‑263, punt 271, u tal-10 ta’ April 2008, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, T‑271/03, Ġabra p. II‑477, punt 252), il-parti operattiva tad-deċiżjoni tal-2004 għandha tinqara u tiġi interpretata fid-dawl tal-motivi tagħha. Mill-premessa 1003 ta’ din id-deċiżjoni jirriżulta li l-għan tagħha huwa li tiżgura li l-kompetituri ta’ Microsoft jiżviluppaw, billi jimplementaw l-ispeċifikazzjonijiet żvelati, prodotti li huma interoperabbli mal-arkitettura tad-domain Windows oriġinarjament appoġġata mis-sistemi operattivi Windows għal clients PCs, u għaldaqstant ikunu jistgħu jikkompetu b’mod vijabbli mas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group ta’ Microsoft. Barra minn hekk, il-premessa 1008(ii) tad-deċiżjoni tal-2004 tipprovdi li kwalunkwe remunerazzjoni li Microsoft tista’ titlob inkambju għall-aċċess għall-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà u għall-użu tagħha ma tistax tirrifletti l-valur strateġiku li jirriżulta mis-setgħa li għandha Microsoft fis-suq tas-sistemi operattivi għal clients PCs jew tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group.

86      F’dan il-kuntest, wara negozjati mal-Kummissjoni (premessi 39, 111 u 113 tad-deċiżjoni kkontestata), f’Mejju 2005 Microsoft inkorporat il-prinċipji ta’ evalwazzjoni WSPP fil-ftehim WSPP. Għaldaqstant, fl-Artikolu 7.5 tal-ftehim No Patent (fil-verżjoni tiegħu tal-21 ta’ Mejju 2007), Microsoft tiddikjara li applikat l-imsemmija prinċipji ta’ evalwazzjoni sabiex tistabbilixxi t-tabella tar-remunerazzjonijiet tagħha u tindika li, skont l-Artikolu 7.7(d) tal-istess ftehim, it-trustee indipendenti u l-High Court of Justice huma kompetenti li jimponu fuqha l-konsegwentzi f’każ tal-ksur ta’ dawn il-prinċipji ta’ evalwazzjoni.

87      Fir-rigward tal-kontenut tal-prinċipji ta’ evalwazzjoni WSPP, illustrati fil-punt 31 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li huma jipprovdu kriterji kumulattivi u suffiċjentement preċiżi li jippermettu lil Microsoft tevalwa jekk ċertu teknoloġija partikolari tinkorporax valur intrinsiku li huwa distint mill-valur strateġiku tagħha, kif deskritt fil-premessa 1008(ii) tad-deċiżjoni tal-2004 kif ukoll fl-imsemmija prinċipji ta’ evalwazzjoni. Barra minn hekk, xejn ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li dawn il-prinċipji ta’ evalwazzjoni, ibbażati fuq l-Artikolu 5 tad-deċiżjoni tal-2004, jistgħu jiġu applikati mit-trustee indipendenti u mill-High Court of Justice, iżda ma humiex biżżejjed għal Microsoft sabiex tadotta aġir li huwa konformi ma’ din id-dispożizzjoni jew għall-Kummissjoni li teżerċita l-missjoni ta’ sorveljanza ta’ dan l-aġir.

88      Minn dan isegwi li l-Kummissjoni kienet intitolata timponi pagament ta’ penalità fuq Microsoft għan-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 5(a) tad-deċiżjoni tal-2004, peress li din id-dispożizzjoni tal-aħħar tissodisfa l-kundizzjonijiet illustrati fil-punt 84 iktar ’il fuq.

89      Għandu jingħad ukoll li, f’ittra tat-18 ta’ April 2005, il-Kummissjoni ddikjarat lil Microsoft li kwalunkwe remunerazzjoni kellha tkun fil-forma ta’ somma f’daqqa u mhux proporzjonata mad-dħul miksub mill-bejgħ ta’ prodotti mibjugħa mill-kompetituri ta’ Microsoft. Barra minn hekk, kif tenfasizza l-SIIA, fl-1 ta’ Marzu 2007, B., Senior Vice President, General Counsel and Corporate Secretary ta’ Microsoft iddikjara fil-kuntest ta’ konferenza stampa, li t-traskrizzjoni tagħha tinsab fuq is-sit tal-internet ta’ Microsoft, li l-prinċipji ta’ evalwazzjoni WSPP kienu “ċari ħafna” minkejja ċertu grad ta’ kumplessità.

90      L-argument ta’ Microsoft li l-Kummissjoni kien messha stabbilixxiet hija stess, permezz ta’ deċiżjoni li tista’ tkun suġġetta għal azzjoni ġudizzjarja, ir-rata ta’ remunerazzjoni adatta qabel ma setgħet timponi pagament ta’ penalità, huwa wkoll infondat.

91      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 84 iktar ’il fuq, l-użu ta’ kunċetti legali indeterminati f’dispożizzjoni ma jipprekludix id-determinazzjoni tar-responsabbiltà tal-persuna li twettaq il-ksur. Bħalma tenfasizza l-Kummissjoni, kieku dan ma kienx il-każ, ksur tal-Artikoli 101 jew 102 TFUE, ifformulati huma stess permezz ta’ kunċetti legali indeterminati, bħad-distorsjoni tal-kompetizzjoni jew l-“abbuż” ta’ pożizzjoni dominanti, ma jkunux jistgħu jagħtu lok għal multa qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni minn qabel li tistabbilixxi l-ksur.

92      Bil-kontra ta’ dak li ssostni Microsoft (ara l-punt 75 iktar ’il fuq), l-Artikolu 5(d) tad-deċiżjoni tal-2004 għandu l-uniku għan li jġiegħel lill-impriża tadotta u tiżvela lill-Kummissjoni l-miżuri li għandha l-intenzjoni tieħu sabiex tikkonforma ruħha mal-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 5(a) sa (c). Għaldaqstant, dan l-artikolu jistabbilixxi obbligu intiż, bħalma jesponi huwa stess, sabiex jippermetti lill-Kummissjoni tevalwa, qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ 120 jum impost fl-Artikolu 5(a), il-miżuri li Microsoft tipproponi li tieħu sabiex ittemm il-ksur. Għaldaqstant, la jirriżulta mill-Artikolu 5(d) tad-deċiżjoni tal-2004 u lanqas, a fortiori, mill-premessa 995, li l-Kummissjoni impenjat ruħha, bi kwalunkwe mod, li tiddefinixxi permezz ta’ deċiżjoni, rata ta’ remunerazzjoni raġonevoli qabel timponi pagament ta’ penalità.

93      Huwa importanti li jingħad ukoll, f’dan ir-rigward, li l-pagament ta’ penalità impost taħt id-deċiżjoni kkontestata jkopri l-perijodu mill-21 ta’ Ġunju 2006 sal-21 ta’ Ottubru 2007. Issa, kif jirriżulta mill-premessa 101 tad-deċiżjoni tal-2005 u mill-premessa 232 tad-deċiżjoni tal-2006 (ara l-punti 15 u 16 iktar ’il fuq), fl-20 ta’ Ġunju 2006 Microsoft lanqas kienet ipprovdiet verżjoni preċiża u kompleta tal-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà, b’tali mod li anki jekk il-Kummissjoni kienet ikkunsidrat xieraq li tistabbilixxi rati ta’ remunerazzjoni raġonevoli, kien ikun impossibbli għaliha li tagħmel dan.

94      Barra minn hekk, id-distinzjoni bejn multa u pagament ta’ penalità li Microsoft tipprova tistabbilixxi (ara l-punt 76 iktar ’il fuq) hija irrilevanti għall-finijiet tal-kwistjoni mqajma fil-kuntest tal-motiv preżenti. Fil-fatt, minn-naħa, multa imposta taħt l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 u pagament ta’ penalità definittiv, bħal dak inkwistjoni, impost taħt l-Artikolu 24(2) tal-istess regolament huma l-konsegwenzi ta’ ksur tal-Artikoli 101 TFUE jew 102 TFUE rispettivament, u ta’ deċiżjoni li tordna t-tmiem tal-ksur inkwistjoni u, jekk ikun il-każ, li timponi miżuri ta’ mġiba. Min-naħa l-oħra, il-multa u l-pagament ta’ penalità jirrigwardaw it-tnejn li huma l-imġiba tal-impriża kif manifestata fil-passat u t-tnejn li huma għandhom ikollhom portata dissważiva sabiex jipprojbixxu r-repetizzjoni jew il-kontinwazzjoni tal-ksur. Fid-dawl ta’ dawn il-karatteristiċi u għanijiet komuni, xejn ma jiġġustifika differenzjazzjoni fil-livelli ta’ preċiżjoni ta’ dak li l-impriża għandha tagħmel jew ma għandhiex tagħmel sabiex tikkonforma ruħha mar-regoli tal-kompetizzjoni qabel ma deċiżjoni li timponi multa jew deċiżjoni li timponi pagament ta’ penalità definittiv tiġi adottata fir-rigward tagħha.

95      Barra minn hekk, Microsoft għandha raġun issostni li diversi rati jistgħu jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “rati ta’ remunerazzjoni raġonevoli”. Madankollu, din l-evalwazzjoni tikkonferma l-fondatezza tat-teżi tal-Kummissjoni li ma huwiex l-obbligu tagħha li tagħżel ċertu rata ta’ remunerazzjoni fost ir-rati raġonevoli fis-sens tad-deċiżjoni tal-2004 u li timponiha fuq Microsoft. Fil-fatt, għalkemm il-Kummissjoni għandha ċertament is-setgħa li tikkonstata ksur u li tordna lill-partijiet ikkonċernati sabiex itemmuh, ma huwiex l-obbligu tagħha li timponi fuq il-partijiet l-għażla tagħha fost id-diversi possibbiltajiet ta’ mġiba li huma kollha konformi mat-trattat jew ma’ deċiżjoni li timponi miżuri ta’ mġiba, bħad-deċiżjoni tal-2004 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Settembru 1992, Automec vs Il-Kummissjoni, T‑24/90, Ġabra p. II‑2223, punt 52). Minn dan jirriżulta li jekk l-impriża għażlet waħda minn dawn il-possibbiltajiet, il-Kummissjoni ma hijiex f’pożizzjoni li tikkonstata ksur jew li timponi pagament ta’ penalità minħabba li l-possibbiltà l-oħra kienet il-favorita tagħha. Għaldaqstant, huwa l-obbligu ta’ Microsoft li tagħti drittijiet għal aċċess għall-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà u għal użu tal-imsemmija informazzjoni b’rati ta’ remunerazzjoni raġonevoli fis-sens tal-Artikolu 5(a) tad-deċiżjoni tal-2004, mingħajr ma l-Kummissjoni tista’ timponilha pagament ta’ penalità fil-każ li tqis li r-rati inkwistjoni huma raġonevoli imma li oħrajn li setgħu eventwalment ikunu “iktar raġonevoli” kien messhom ġew proposti.

96      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti ta’ Microsoft ibbażati fuq allegat ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba (ara l-punt 77 iktar ’il fuq) għandhom jiġu miċħuda.

97      Fl-aħħar nett, l-argument ta’ Microsoft ibbażat fuq ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva lanqas ma jista’ jintlaqa’. F’dan ir-rigward huwa biżżejjed li jingħad li, fil-kuntest tal-proċedura preżenti, Microsoft tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-natura innovattiva tat-teknoloġiji inkwistjoni u, konsegwentement, dwar in-natura raġonevoli tar-rati ta’ remunerazzjoni miltuba. Għaldaqstant, l-ilment ta’ Microsoft essenzjalment jikkonsisti f’li hija setgħet tikkontesta din l-evalwazzjoni iktar kmieni kieku l-Kummissjoni kienet stabbilixxiet, permezz ta’ deċiżjoni, ir-rata adatta. Kieku din kienet ir-rieda ta’ Microsoft, minflok ma bdiet djalogu twil mal-Kummissjoni u tnaqqas gradwalment ir-rati mitluba, hija setgħet qabel kollox tikkomunika mill-iktar fiss possibbli verżjoni preċiża u kompleta tal-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà u, sussegwentement, tadotta r-rati ta’ remunerazzjoni li hija kienet tikkunsidra adatti, b’mod definittivi. F’tali każ, jekk il-Kummissjoni kienet tqis li r-rati inkwistjoni ma kinux raġonevoli, deċiżjoni bħal dik ikkontestata f’dan il-każ setgħet tingħata iktar kmieni. Għaldaqstant, id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ta’ Microsoft ma ġie affettwat bl-ebda mod.

98      Il-parti tal-motiv preżenti li ssostni li kien hemm ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni minħabba li l-Kummissjoni ma rrisponditx għal dawn l-argument, li kienu ġew ifformulati wkoll waqt il-proċedura amministrattiva, għandha tiġi miċħuda wkoll.

99      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni mitluba mill-Artikolu 253 KE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, l-awtur tal-att, b’mod li l-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u li l‑qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari rigward il-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d‑destinatarji jew persuni oħra direttament jew individwalment ikkonċernati bl-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika kull punt ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il‑motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-kliem tagħha, iżda wkoll fir-rigward tal-kuntest tagħha kif ukoll fir-rigward tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 Marzu 2000, VBA vs Florimex et, C‑265/97 P, Ġabra p. I‑2061, punt 93).

100    Kif jirriżulta mill-analiżi preċedenti, ir-regoli legali li jirregolaw il-qasam ikkonċernat ma jostakolaw bl-ebda mod l-impożizzjoni ta’ pagament ta’ penalità mingħajr ma tiġi ddefinita minn qabel ir-rata ta’ remunerazzjoni li skont il-Kummissjoni hija raġonevoli fis-sens tal-Artikolu 5(a) tad-deċiżjoni tal-2004. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni tissodisfa l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni meta tesponi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunijiet għaliex ir-rati ta’ remunerazzjoni mitluba minn Microsoft ma kinux raġonevoli peress li motivazzjoni li, tirrigwarda speċifikament il-possibbiltà li timponi pagament ta’ penalità mingħajr ma tiġi ddefinita minn qabel ir-rata raġonevoli min-naħa tal-Kummissjoni, ma hijiex neċessarja għal dan il-għan.

101    Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball imwettaq mill-Kummissjoni rigward in-nuqqas ta’ natura raġonevoli tar-rati ta’ remunerazzjoni relattivi għall-ftehim No Patent

 L-argumenti tal-partijiet

102    Fid-dawl tan-natura indeterminata tal-kunċett ta’ remunerazzjoni raġonevoli u tar-rifjut tal-Kummissjoni li tispeċifika l-obbligi ta’ Microsoft, din tal-aħħar qablet li toħloq mekkaniżmu għan-negozjati dwar ir-rati ta’ remunerazzjoni mad-detenturi potenzjali ta’ liċenzja u li tissuġġetta lilha nnifisha għall-arbitraġġ mit-trustee indipendenti. Barra minn hekk, fuq talba tal-Kummissjoni, Microsoft stabbilixxiet rati ta’ remunerazzjoni li kienu anki inqas minn dawk issuġġeriti minn PricewaterhouseCoopers, kumpannija ta’ esperti ta’ reputazzjoni mondjali, ibbażati fuq l-evalwazzjoni ta’ teknoloġiji meqjusa, b’mod validu, bħala paragunabbli u bis-saħħa ta’ metodi aċċettati b’mod universali. Issa, bħalma huwa ferm magħruf, anki dawn ir-rati ma jservux ħlief bħala punt ta’ tluq għan-negozjati mal-persuni li potenzjalment jiksbu liċenzja, filwaqt li t-trustee indipendenti jista’ jiġi adit f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil sabiex jiddefinixxi rata raġonevoli skont il-prinċipji ta’ evalwazzjoni WSPP. Għalkemm il-Kummissjoni ma qablitx mal-evalwazzjoni ta’ esperti esterni mqabbda minn Microsoft in bona fide u bl-għan li tikkonforma ruħha mad-deċiżjoni tal-2004, ma jistax jiġi aċċettat li Microsoft applikat rati ta’ remunerazzjoni irraġonevoli, jew wisq inqas, diskriminatorji peress li l-ebda waħda mill-persuni li kisbu liċenzja ma qieset opportun li tidher quddiem it-trustee indipendenti, anki matul in-negozjati, minkejja li l-pożizzjoni ta’ Microsoft iddgħajfet minħabba t-theddida ta’ pagament ta’ penalità għoli ħafna. Fi kwalunkwe każ, l-implementazzjoni ta’ dan il-mekkaniżmu kkontestat flimkien mal-ftehim ta’ Microsoft kien jiggarantixxi li kwalunkwe remunerazzjoni finalment imħallsa tkun raġonevoli, inkwantu konformi mal-prinċipji ta’ evalwazzjoni WSPP applikati mit-trustee.

103    F’dawn iċ-ċirkustanzi għandu jiġi konkluż li r-raġuni għaliex ċerti impriżi lanqas biss innegozjaw ma’ Microsoft jew dehru quddiem it-trustee indipendenti ma kinitx li r-rati ta’ remunerazzjoni proposti minnha kienu irraġonevoli, iżda għaliex ma kinux jemmnu fl-argument ibbażat fuq in-nuqqas ta’ innovazzjoni tal-protokolli inkwistjoni.

104    Microsoft tiċħad ukoll l-argumenti, li l-impriżi li kkonkludew ftehim ta’ liċenzji ħallsu għal valur strateġiku tat-teknoloġiji inkwistjoni u li ma humiex kompetituri ta’ Microsoft, bħala materjalment impreċiżi.

105    Il-fatt li l-ftehim konklużi ma’ Microsoft jikkonċernaw il-ftehim All IP huwa irrilevanti peress li ma jirriżultax li r-rati ta’ remunerazzjoni proposti għall-ftehim No Patent kienu irraġonevoli u li d-dokumentazzjoni teknika kienet identika fiż-żewġ każijiet.

106    Peress li Microsoft żviluppat ripetutament dawn l-argumenti matul il-proċedura amministrattivi mingħajr madankollu ma rċevit risposta, inkluż fid-deċiżjoni kkontestata, din tal-aħħar hija wkoll ivvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni.

107    Ikkonfrontata bir-rifjut tal-Kummissjoni li tispeċifika r-rati ta’ remunerazzjoni li hija kienet tqis raġonevoli, Microsoft impenjat ruħha, barra minn hekk, li tapplika b’mod retroattiv għad-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-2004 kwalunkwe rata li tiġi ddefinita bħala raġonevoli wara kuntatti mal-Kummissjoni, b’tali mod li d-detenturi potenzjali ta’ liċenzja jkunu ċerti li finalment għandhom iħallsu biss prezz raġonevoli. L-allegazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-effett dissważiv tar-rati ta’ remunerazzjoni li kienu sempliċement proposti u mhux “applikati” minn Microsoft hija biss suppożizzjoni li ma hijiex sostnuta minn provi.

108    Jekk il-Kummissjoni kienet tagħti tant importanza għall-possibbiltà li d-detenturi potenzjali ta’ liċenzja jikkalkolaw bi preċiżjoni l-kost tagħhom, kien l-obbligu tagħha li tadotta deċiżjoni li tiddefinixxi r-rata raġonevoli massima minflok timponi mekkaniżmu ta’ arbitraġġ.

109    Sostnuta mill-CompTIA, Microsoft tenfasizza li r-riżultat ta’ negozjati mal-operaturi li ma humiex assoċjati ma’ Microsoft huwa l-iktar indikatur dgħajjef tan-natura raġonevoli ta’ rata ta’ remunerazzjoni partikolari. Issa, hemm diġà erba’ impriżi li kkonkludew, b’mod spontanju, il-ftehim għal aċċess għall-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà anki għal prezz ogħla minn dak meqjus mill-Kummissjoni bħala irraġonevoli, u dan huwa fatt li ma jistax jiġi injorat favur evalwazzjonijiet teoretiċi u astratti. Barra minn hekk, skont il-CompTIA huwa impossibbli li jkun magħruf, f’dan l-istadju tan-negozjati, jekk l-impriżi inkwistjoni kellhomx l-intenzjoni jiżviluppaw teknoloġiji li jikkompetu ma’ dawk ta’ Microsoft u, fi kwalunkwe każ, din il-kwistjoni hija irrilevanti fid-dawl tal-għan tad-deċiżjoni tal-2004.

110    Microsoft issostni wkoll li d-deċiżjoni tal-2004 la tipprekludiha milli titlob rati ta’ remunerazzjoni proporzjonati mad-dħul tad-detenturi ta’ liċenzji u lanqas ma timponilha tadatta ruħha għall-mudell ta’ impriża ta’ kull persuna li potenzjalment tikseb liċenzja mingħandha.

111    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni injorat li, minkejja ismu, il-ftehim No Patent kien jagħti lill-persuni kkonċernati d-dritt li jibbenefikaw mill-innovazzjonijiet ta’ Microsoft li għandhom privattiva. Jekk il-Kummissjoni tqis li l-wegħda ta’ Microsoft li ma tinvokax id-drittijiet li jirriżultaw mill-privattivi relatati magħhom ma għandhiex l-effett mixtieq, hija għandha tiddikjara dan, b’mod ċar, fil-kuntest tal-proċedura preżenti.

112    Il-Kummissjoni u l-partijiet intervenjenti insostenn tagħha jikkontestaw il-fondatezza ta’ dan il-motiv.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

113    Qabel kollox, għandu jiġi miċħud l-argument ta’ Microsoft li jipprovdi li r-rati ta’ remunerazzjoni mitluba matul il-perijodu kopert mid-deċiżjoni kkontestata ma kinux ħlief proposti intiżi sabiex jibdew in-negozjati li kellhom iwasslu għal rati raġonevoli. Fil-fatt, l-Artikolu 5(a) tad-deċiżjoni tal-2004 ma għandux biss l-għan li jobbliga lil Microsoft tibda negozjati ma’ kull impriża li tixtieq tiżviluppa u tiddistribwixxi sistemi operattivi għal servers ta’ work group, iżda wkoll li ġġiegħelha tiżvela, lil tali impriża, l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà u li tawtorizza l-użu tagħha għal dan il-għan taħt kundizzjonijiet raġonevoli u mhux diskriminatorji.

114    Minn dan jirriżulta li Microsoft kellha l-obbligu li tipproponi tali kundizzjonijiet b’mod spontanju sa mit-tmiem it-terminu ta’ 120 jum mogħti mill-Artikolu 5(a) tad-deċiżjoni tal-2004. Bħala korollarju, il-fatt li r-rati ta’ remunerazzjoni proposti minn Microsoft matul il-perijodu kopert mid-deċiżjoni kkontestata huma inqas minn dawk proposti minn PricewaterhouseCoopers fir-rapport tagħha tat-23 ta’ April 2007 huwa irrilevanti, speċjalment peress li dan ir-rapport ma jinkludix analiżi dwar in-natura innovattiva tat-teknoloġiji inkwistjoni. Għal dak li jikkonċerna, barra minn hekk, in-nuqqas ta’ definizzjoni tal-kunċett ta’ remunerazzjoni raġonevoli u l-obbligi tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward, għandhom jitfakkru l-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 84 sa 95 iktar ’il fuq.

115    L-argument ta’ Microsoft, li l-implementazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ trustee indipendenti b’mod spontanju min-naħa tagħha kien jiggarantixxi li kwalunkwe remunerazzjoni finalment imħallsa kienet raġonevoli inkwantu konformi mal-prinċipji ta’ evalwazzjoni WSPP applikati mit-trustee, ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, kif ġie enfasizzat fil-punti 113 u 114 iktar ’il fuq, l-obbligu impost fuq Microsoft taħt id-deċiżjoni tal-2004 kien jikkonsisti fl-iżvelar, b’mod spontanju, tal-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà u f’li tawtorizza l-użu tagħha taħt kundizzjonijiet raġonevoli u mhux diskriminatorji. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eżistenza ta’ mekkaniżmu ta’ arbitraġġ fdat lil trustee indipendenti hija intiża, l-iktar l-iktar, sabiex ittaffi l-konsegwenzi ta’ eventwali persistenza tal-impriża dominanti fuq aġir abbużiv, bl-għan li ssolvi malajr l-eventwali tilwim u, fuq kollox, bil-vantaġġ ta’ livell ta’ tagħrif partikolarment għoli fil-qasam. Madankollu, l-implementazzjoni ta’ tali mekkaniżmu ma jistax jiggarantixxi li tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni kif kienet tkun kieku Microsoft kienet ipproponiet, b’mod spontanju, aċċess għall-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà taħt kundizzjonijiet raġonevoli. Din il-konstatazzjoni hija iktar rilevanti fil-kuntest ta’ swieq li jevolvu malajr u li jissuġġettaw l-iżvilupp ta’ prodotti bħal dawk inkwistjoni għal investimenti li l-kost fiss tagħhom huwa għoli ħafna u għandu jkun jista’ jiġi kkalkolat minn qabel mill-persuni kkonċernati. Barra minn hekk, kif esponiet il-Kummissjoni bħala risposta għal domanda bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, mingħajr ma hija kontradetta minn Microsoft, l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà setgħet titqies bħala żvelata f’verżjoni preċiża u kompleta, fis-sens li setgħet tkun il-bażi ta’ proġett ta’ żvilupp ta’ prodott ta’ software, fit-23 ta’ Novembru 2006. Minn dan jirriżulta li l-bażi stess tal-missjoni tat-trustee indipendenti bħala arbitru tan-natura raġonevoli tal-prezzijiet proposti minn Microsoft kienet serjament kompromessa, għal-lanqas sa’ din id-data. L-eżistenza ta’ mekkaniżmu ta’ arbitraġġ implementat wara l-konklużjoni ta’ ftehim No Patent ma jistax għaldaqstant jiġi pperċepit bħala fattur kapaċi jistabbilixxi kompletament mill-ġdid il-konsegwenzi li jirriżultaw min-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi imposti taħt l-Artikolu 5(a) tad-deċiżjoni tal-2004.

116    L-istess jgħodd għall-klawżola ta’ “proċedura mħaffa ta’ reżoluzzjoni ta’ tilwim” inkluża fil-verżjonijiet tal-ftehim għall-evalwazzjoni tad-dokumentazzjoni teknika ta’ Ottubru 2005 u ta’ Frar 2006 (ara l-punt 23 iktar ’il fuq), li hemm riferiment għaliha fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 136 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-kliem tagħha, li skont Microsoft huwa fformulat f’termini identiċi fil-verżjonijiet ta’ Frar 2007, f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn Microsoft u detentur potenzjali ta’ liċenzja dwar il-konformità tal-prezzijiet mitluba jew il-klassifikazzjoni tat-teknoloġiji mal-prinċipji ta’ evalwazzjoni WSPP jew anki dwar l-istipulazzjonijiet ta’ ftehim WSPP, id-detentur ta’ liċenzja għandu jikkomunika lil Microsoft bil-miktub ir-raġunijiet għaliex huwa jqis li din tal-aħħar ma tikkonformax ruħha mal-obbligi tagħha. Jekk ma jkun hemm l-ebda qbil f’terminu ta’ ħmistax-il jum tax-xogħol, id-detentur potenzjali tal-liċenzja jista’ jidher quddiem it-trustee indipendenti, liema trustee huwa awtorizzat jesprimi l-opinjoni tiegħu dwar il-kwistjoni. F’tali każ, Microsoft ikollha l-obbligu tikkomunika bil-miktub, f’terminu ta’ ġimagħtejn, ir-raġunijiet li fil-fehma tagħha jiġġustifikaw il-prezzijiet jew l-istipulazzjonijiet inkwistjoni.

117    Mill-klawżola ta’ “proċedura mħaffa ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim” jirriżulta b’mod ċar li l-mekkaniżmu previst fiha ma jagħtix s-setgħa lit-trustee indipendenti li wara l-istħarriġ ex ante, bl-għan li fil-futur jiġi konkluż ftehim WSPP, jimponi rati ta’ remunerazzjoni konformi mal-prinċipji ta’ evalwazzjoni WSPP, iżda sempliċement il-fakultà li jesprimi opinjoni f’dan ir-rigward, peress li Microsoft tista’ żżomm il-pożizzjoni tagħha billi tesponi r-raġunijiet tad-deċiżjoni tagħha. Għaldaqstant, anki jekk jiġi injorat il-fatt li taħt l-Artikolu 5(a) tad-deċiżjoni tal‑2004 Microsoft kienet obbligata tipproponi kundizzjonijiet raġonevoli u mhux diskriminatorji b’mod spontanju, għandu jiġi kkonstatat li l-mekkaniżmu inkwistjoni ma kienx kapaċi jiggarantixxi riżultat ekwivalenti għal dak mixtieq mill-imsemmija dispożizzjoni.

118    Barra minn hekk, il-fatt li Microsoft impenjat ruħha li tapplika b’mod retroattiv ir-rati li jkunu aċċettati mill-Kummissjoni bħala raġonevoli ma għandux impatt fuq il-fatt li, matul il-perijodu kopert mid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-Artikolu 5(a) tad-deċiżjoni tal-2004, dawn ir-rati ma kinux proposti minn Microsoft lill-impriżi li xtaqu jiżviluppaw u jiddistribwixxu sistemi operattivi għal servers ta’ work group.

119    Barra minn hekk, il-fatt li ċerti impriżi kkonkludew ftehim ma’ Microsoft għar-rati mitluba minnha mingħajr ma dehru quddiem it-trustee indipendenti ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi mminata l-fondatezza tal-motivi esposti fil-premessi 165 sa 219 tad-deċiżjoni kkontestata li jirrigwardaw in-natura innovattiva tat-teknoloġiji inkwistjoni. Fil-fatt, l-ewwel nett, hekk kif tammetti Microsoft, il-ftehim inkwistjoni huma tat-tip All IP, u dan jimplika li jikkonċernaw teknoloġiji bi privatti ta’ Microsoft, li n-natura innovattiva tagħhom ma hijiex ikkontestata mill-Kummissjoni. Għaldaqstant, anki jekk il-fatt li l-ftehim inkwistjoni huma tat-tip All IP ma jurix li r-rati ta’ remunerazzjoni mitluba minn Microsoft fil-kuntest tal-ftehim No Patent huma irraġonevoli, huwa lanqas ma juri l-kuntrarju. It-tieni nett, jekk jiġi preżunt li d-diretturi ta’ dawn il-kumpanniji kienu konvinti min-natura innovattiva tat-teknoloġiji inkwistjoni, il-kwistjoni kruċjali hija dik dwar jekk l-analiżi tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward hijiex oġġettivament konformi mar-regoli applikabbli fil-qasam, u din il-kwistjoni ser tiġi eżaminata fil-kuntest tat-tielet motiv.

120    Barra minn hekk għandu jiġi ppreċiżat li, għalkemm id-deċiżjoni tal-2004 ma tipprojbixxix lil Microsoft milli titlob rati ta’ remunerazzjoni proporzjonali għad-dħul tad-detenturi ta’ liċenzji, tali rati ma jistgħux jintalbu ħlief jekk jirrappreżentaw valur ieħor li ma huwiex il-valur strateġiku tat-teknoloġiji inkwistjoni [ara l-premessa 1008(ii) tad-deċiżjoni tal-2004]. Issa, l-evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fil-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda preċiżament dan l-aspett tal-aħħar. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, bl-eċċezzjoni tal-obbligu li tingħata l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà taħt kundizzjonijiet mhux diskriminatorji, id-deċiżjoni tal-2004 hija newtrali fir-rigward tal-possibbiltà għal kull waħda mill-persuni li potenzjalment jiksbu liċenzja mingħand Microsoft li tikkonkludi ftehim magħha skont il-mudell ta’ impriża tagħha. Dan jgħodd ukoll, a fortiori, għad-deċiżjoni kkontestata, fis-sens li l-aġir ta’ Microsoft huwa analizzat abbażi tan-natura innovattiva tat-teknoloġiji inkwistjoni u mhux abbażi tal-possibbiltà għal kull waħda mill-persuni li potenzjalment jiksbu liċenzja li tikkonkludi ftehim magħha fid-dawl tal-mudell ta’ impriża tagħha. Għaldaqstant, l-argumenti ta’ Microsoft, miġbura fil-qosor fil-punt 110 iktar ’il fuq, għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi.

121    Għal dak li jirrigwarda l-argument ta’ Microsoft li l-ftehim No Patent jagħti lill-persuni kkonċernati d-dritt li jibbenefikaw mit-teknoloġiji bi privattivi huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 1.14 ta’ dan il-ftehim, il-kunċett ta’ “Microsoft licensed intellectual property” jinkludi n-“know-how”, is-sigrieti industrijali, is-sigrieti kummerċjali, l-informazzjoni kunfidenzjali u d-drittijiet tal-awtur bl-esklużjoni espliċita ta’ kwalunkwe dritt kopert minn privattiva jew minn applikazzjoni pendenti għal privattiva. Għal dak li jirrigwarda l-wegħda unilaterali ta’ Microsoft li ma tinvokax xi drittijiet tagħha marbuta mal-privattivi għandu jiġi rrilevat, bħalma tagħmel il-Kummissjoni, li din ma saritx ħlief fl-24 ta’ Ottubru 2007, jiġifieri wara t-tmiem tal-perijodu kopert mid-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, hekk kif tirrikonoxxi Microsoft fl-osservazzjonijiet tagħha dwar in-noti ta’ intervent, din il-wegħda tkopri biss id-distribuzzjoni għal finijiet mhux kummerċjali, bl-esklużjoni ta’ żviluppaturi “open source” li jiddistribwixxu għal finijiet kummerċjali. Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tal-ftehim No Patent, l-eventwali żvelar tal-informazzjoni dwar teknoloġiji koperti minn privattiva, jiġifieri teknoloġiji oħra minbarra dawk illustrati fl-anness tad-deċiżjoni kkontestata, bl-ebda mod ma jimplika dritt għall-persuna li tikseb liċenzja mingħand Microsoft li timplementahom b’tali mod li tikser il-privattivi inkwistjoni. Fil-fatt, hekk kif tesponi l-Kummissjoni, din l-informazzjoni hija disponibbli għall-pubbliku fil-kuntest tal-privattiva mogħtija, mingħajr ma dan il-fatt iwassal għall-possibbiltà għal żviluppatur li jużaha. F’dawn iċ-ċirkustanzi u fid-dawl tad-distinzjoni bejn informazzjoni dwar l-interoperabbiltà li għandha privattiva u li dik ma għandhiex (ara l-premessi 161 sa 164 tad-deċiżjoni kkontestata), ma jistax jitqies li l-ftehim No Patent jagħti lill-persuni li jiksbu liċenzja mingħand Microsoft id-dritt li jimplementaw teknoloġiji bi privattiva li dwarhom huma jiddikjaraw, barra minn hekk, li ma għandhomx bżonnhom sabiex jiżviluppaw sistemi operattivi għal servers ta’ work group.

122    Għal dak li jirrigwarda l-ilment ta’ Microsoft li huwa bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li, bħalma tikkonstata l-Kummissjoni fil-premessi 122 sa 127 u 273 sa 278 tad-deċiżjoni kkontestata, din irrispondiet għall-argumenti bbażati fuq il-konklużjoni ta’ ftehim ma’ ċerti operaturi. Barra minn hekk, jekk jiġi preżunt li matul il-proċedura amministrattiva Microsoft sostniet li hija kienet għada lesta li tinnegozja l-prezzijiet iċċitati fl-iskemi ta’ remunerazzjoni, mill-premessa 116 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar li l-prinċipji ta’ evalwazzjoni WSPP kellhom jiġu osservati fir-rigward ta’ kwalunkwe remunerazzjoni “proposta u/jew stabbilita minn Microsoft”. Dan jimplika li l-fatt li remunerazzjoni li tosserva l-prinċipji inkwistjoni tista’ eventwalment tirriżulta min-negozjati ma’ Microsoft huwa, skont l-istess premessa, irrilevanti fir-rigward tal-osservanza tal-obbligi imposti mill-Artikolu 5(a) tad-deċiżjoni tal-2004. Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud, kif ukoll it-tieni motiv kollu kemm hu.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żball imwettaq mill-Kummissjoni rigward il-kriterji applikati sabiex tevalwa n-natura innovattiva tat-teknoloġiji li kienu s-suġġett tal-ftehim No Patent

 L-argumenti tal-partijiet

123    Microsoft tenniet li l-Kummissjoni injorat il-valur tal-innovazzjonijiet bi privattivi deskritti fil-ftehim No Patent u qalet ukoll li l-applikazzjoni ta’ kriterju ta’ brevettabbiltà sabiex tiġi evalwata n-natura innovattiva tat-teknoloġiji mingħajr privattivi tammonta għal żball manifest ta’ evalwazzjoni. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni.

124    Il-motiv preżenti huwa effettiv, peress li Microsoft ma aċċettatx li l-analiżi tal-Kummissjoni dwar it-tielet kriterju tal-prinċipji ta’ evalwazzjoni WSPP huwa korrett. Fil-fatt, din l-analiżi tibbaża ruħha fuq perċezzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ innovazzjoni, u dan huwa fatt li neċessarjament jaffettwa l-għażla ta’ teknoloġiji li huma meqjusa bħala paragunabbli. Il-CompTIA tenfasizza li t-teknoloġiji magħżula mill-Kummissjoni bħala paragunabbli jaqgħu taħt mudell ta’ impriża li huwa differenti minn dak implementat minn Microsoft, b’tali mod li l-evalwazzjoni tas-suq mwettqa mill-Kummissjoni hija vvizzjata.

125    Il-pożizzjoni li tipprovdi li Microsoft hija intitolata tirċievi remunerazzjoni biss għal teknoloġiji ġodda u mhux evidenti fis-sens tad-dritt ta’ privattivi la hija sostnuta fid-deċiżjoni tal-2004, la fil-prinċipji ta’ evalwazzjoni WSPP u lanqas fid-dritt inġenerali. Microsoft ma aċċettatx li l-applikazzjoni minn din l-istituzzjoni jew mit-trustee indipendenti ta’ dawn il-kriterji kienet xierqa f’dan il-każ. Fil-fatt, sostnuna mill-CompTIA u l-ACT, Microsoft tfakkar li s-sigrieti tal-kummerċ għandhom valur importanti, dovut prinċipalment għall-kost fiss tal-iżvilupp, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk humiex, barra minn hekk, brevettabbli jew jekk humiex diġà koperti minn privattiva, peress li l-impriża kkonċernata għandha tibqa’ libera li tadotta politika f’dan ir-rigward. Bil-kontra ta’ dak li tindika IBM, il-funzjonalità tal-protokoll “File Replication Service” hija ta’ importanza kbira, u din hija r-raġuni għaliex wieħed mill-aspetti tiegħu huwa kopert minn privattiva fl-Istati Unit. Issa, il-Kummissjoni ma spjegatx skont liema loġika l-kriterju ta’ brevettibbiltà applikat minnha huwa intiż speċifikament sabiex jeskludi l-valur strateġiku tat-teknoloġiji ta’ Microsoft skont il-premessa 1008(ii) tad-deċiżjoni tal-2004. Skont l-ACT, hija biss evalwazzjoni tal-valur li jkollha l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà fin-nuqqas ta’ kwalunkwe operatur dominanti li jippermetti li jiġu evalwati, fid-dawl tad-deċiżjoni tal-2004, ir-rati proposti minn Microsoft.

126    Sostnuta mill-ACT, Microsoft issostni li l-Kummissjoni applikat il-kriterji ta’ novità u ta’ nuqqas ta’ evidenza b’mod wisq ristrett u għaldaqstant b’mod li jmur anki kontra d-dritt tal-privattivi. Għaldaqstant, bil-kontra tar-regoli ta’ evalwazzjoni stabbiliti mill-Kummissjoni f’oqsma oħra, huma biss l-invenzjonijiet li huma verament pijunieri u totalment differenti mill-aħħar żviluppi teknoloġiċi li, fil-kuntest preżenti, jistgħu jiġu kklassifikati bħala ġodda. Madankollu, l-eżistenza ta’ riferimenti inklużi fl-aħħar żviluppi teknoloġiċi relattivi għall-kunċetti analogi, b’mod ġenerali, għal dawk implementati minn Microsoft ma tfissirx li t-teknoloġiji koperti mid-deċiżjoni kkontestata huma, b’mod kollettiv, evidenti li, barra minn hekk, huma teknoloġiji li l-kompetituri ta’ Microsoft ma kinux kapaċi jiżviluppaw, bħalma jikkonfermaw il-CompTIA u l-ACT. Skont il-CompTIA, huwa s-suq u mhux il-Kummissjoni li għandu jistabbilixxi liema hija l-aħjar teknoloġija. Il-Kummissjoni saħansitra tiċħad, fir-risposta tagħha, in-natura xierqa tal-kriterju ta’ novità kif applikat fil-kuntest tad-dritt tal-proprjetà intellettwali, b’tali mod li ma huwiex ċar għal Microsoft liema kriterju ġie finalment adottat fid-deċiżjoni kkontestata.

127    Barra minn hekk, l-approċċ ifframmentat adottat fid-deċiżjoni kkontestata jeskludi mill-kunċett tal-innovazzjoni kwalunkwe kumbinazzjoni mhux evidenti ta’ elementi magħrufa. Issa, mill-ġurisprudenza tal-Bordijiet tal‑Appell tal‑Uffiċċju Ewropew tal‑Privattivi (EPO) jirriżulta li l-kwistjoni rilevanti ma hijiex jekk persuna speċjalizzata fil-qasam setgħetx tikkombina flimkien tali elementi, iżda jekk kinitx effettivament tagħmel dan bit-tama ta’ progress. Filwaqt li tosserva li l-Kummissjoni aċċettat in-natura innovattiva ta’ ċerti teknoloġiji kkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata, l-ACT tenfasizza li teknoloġija għandha tiġi kklassifikata bħala innovattiva kollha kemm hi, meta hija tikkonsisti f’kumbinazzjoni ta’ elementi ġodda u mhux evidenti u elementi mhux brevettabbli. Xejn ma juri li l-Kummissjoni effettivament eżaminat il-kumbinazzjonijiet teknoloġiċi ta’ Microsoft bħala tali.

128    Matul il-proċedura amministrattiva Microsoft issottomettiet diversi rapporti li juru l-veraċità tal-allegazzjonijiet tagħha li jirrigwardaw in-novità u n-nuqqas ta’ evidenza tal-invenzjonijiet mingħajr privattiva inklużi fid-dokumentazzjoni teknika, li l-Kummissjoni ċaħdet. Għaldaqstant, ma hemm l-ebda raġuni għaliex għandu jiġi kkumplikat iktar il-fajl ippreżentat lill-Qorti Ġenerali meta l-kwistjoni rilevanti hija jekk l-approċċ tal-Kummissjoni huwiex konformi mad-deċiżjoni tal-2004.

129    Id-deċiżjoni kkontestata hija wkoll ivvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni, peress li ma tinkludix risposta għall-analiżi inkluża fir-rapport stabbilit minn professur u barrister, ex membru tal-Bord tal-Appell tal-EPO, li jesponi fid-dettall l-iżbalji mwettqa mill-Kummissjoni fid-dritt tal-privattivi filwaqt li jikkonferma l-veraċità tal-allegazzjonijiet ta’ Microsoft. Barra minn hekk, minn dan ir-rapport jirriżulta li l-Kummissjoni u t-trustee indipendenti eżaminaw il-brevettibbiltà tat-teknoloġiji fid-dawl tal-aħħar avvanzi teknoloġiċi fl-2007 u mhux fil-mument meta Microsoft applikat sabiex tingħata privattiva u b’hekk, għaldaqstant, ħadu inkunsiderazzjoni t-teknoloġiji li ħarġu wara l-ewwel implementazzjoni tat-teknoloġiji kruċjali min-naħa ta’ Microsoft. Issa, b’dan il-mod, l-ebda impriża ma tista turi li t-teknoloġija tagħha hija ġdida u mhux evidenti, meta jkun hemm diskriminazzjoni arbitrarja fost id-diversi teknoloġiji skont l-għażla ta’ Microsoft li tapplika għal privattiva jew le. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata ma tinkludix ħlief riferimenti vagi mingħajr paraguni speċifiċi bejn it-talbiet ta’ dawn it-teknoloġiji u dawk tat-teknoloġiji li jaqgħu taħt l-aħħar avvanzi teknoloġiċi.

130    Irrispettivament mill-eżempji konkreti, l-iżbalji fundamentali identifikati minn Microsoft jivvizzjaw l-analiżi kollha tal-Kummissjoni, b’tali mod li l-Qorti Ġenerali għandha tikkonstata n-natura illegali tad-deċiżjoni kkontestata fil-kuntest tal-isħarriġ kollu li għandha l-obbligu li twettaq. Fi kwalunkwe każ, l-eżistenza ta’ innovazzjoni f’livelli inqas ifframmentat tirriżulta mill-fatt li fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni emendat l-evalwazzjoni tagħha u qieset li Microsoft kienet intitolata titlob remunerazzjoni għal-liċenzji mogħtija fil-kuntest ta’ ftehim oħrajn li ma humiex il-ftehim No Patent. Issa, id-dokumentazzjoni teknika hija identika fil-kuntest tal-ftehim WSPP kollha.

131    L-ACT tgħid ukoll li l-approċċ tal-Kummissjoni jiffavorixxi t-trasferiment ta’ teknoloġiji ta’ ċertu valur għal prezzijiet baxxi b’mod anormali, jipprojbixxi l-investiment fir-riċerka billi jiżvaluta b’mod orizzontali d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u jiffavorixxi b’mod sproporzjonat il-mudell “open source” bi ħsara għall-impriżi ż-żgħar u ta’ daqs medji li jaspiraw għall-innovazzjoni.

132    Sostnuta mill-SIIA u minn Oracle, il-Kummissjoni tenfasizza li l-motiv preżenti huwa ineffettiv peress li l-parti operattiva tad-deċiżjoni kkontestata ma kinitx tibbaża biss fuq l-evalwazzjoni tan-natura innovattiva tat-teknoloġiji inkwistjoni, iżda anki fuq ir-riżultat tal-evalwazzjoni tas-suq li jikkonċerna teknoloġiji paragunabbli. Issa, Microsoft ma kkontestatx il-konklużjoni li tinsab fil-punt 54 iktar ’il fuq, peress li sempliċi ċaħda ta’ din tal-aħħar fl-istadju tar-replika ma tissodisfax il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 44(1)(ċ) jew l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-premessi 165, 220, 221 u 280 tad-deċiżjoni kkontestata, l-analiżi tan-natura innovattiva hija indipendenti minn dik relattiva għall-evalwazzjoni tas-suq. Ad abundantiam, il-Kummissjoni u l-partijiet li intervjenew insostenn tagħha jqisu li l-ilment preżenti huwa infondat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

133    Qabel kollox it-teżi tal-Kummissjoni li l-motiv preżenti huwa ineffettiv, għandu jiġi miċħud.

134    Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li t-tliet kriterji li jagħmlu parti mill-prinċipji ta’ evalwazzjoni WSPP għandhom ikunu sodisfatti b’mod kumulattiv, it-tieni u t-tielet wieħed huma kunċettwalment marbuta fis-sens li, jekk it-teknoloġiji inkwistjoni huma kkunsidrati bħala innovattivi, ir-rekwiżit li l-evalwazzjoni tas-suq tirrigwarda teknoloġiji “paragunabbli” ma tkunx sodisfatta minħabba s-sempliċi fatt li dawn tal-aħħar huma relattivi għall-interoperabbiltà.

135    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, jekk it-teknoloġiji li jikkostitwixxu l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà jiġu kkunsidrati bħala innovattivi, iżda evalwazzjoni tas-suq dwar it-teknoloġiji ta’ interoperabbiltà mhux innovattivi turi li dawn tal-aħħar huma disponibbli mingħajr ħlas, sabiex il-paragun jibqa’ utli, għandu jiġi eskluż li din iċ-ċirkustanza hija dovuta għan-natura mhux innovattiva tat-teknoloġiji inkwistjoni.

136    Minn dan isegwi li jekk ikollu jirriżulta li l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar in-natura innovattiva tat-teknoloġiji koperti mill-ftehim No Patent ma humiex validi, dan il-fatt ikun jista’ jaffettwa l-premessi tal-evalwazzjoni tas-suq illustrata fil-premessi 222 sa 237 tad-deċiżjoni kkontestata, peress li minn dawn il-premessi ma jirriżultax li l-analiżi inkwistjoni kienet dwar it-tekonoloġiji innovattivi.

137    Din il-konklużjoni ma hijiex imminata mill-premessa 237 tad-deċiżjoni kkontestata li tipprovdi li, fir-rapport tiegħu ppreżentat fis-27 ta’ Frar 2007 (ara l-punt 51 iktar ’il fuq), it-trustee indipendenti identifika t-teknoloġiji paragunabbli mat-teknoloġiji innovattivi ta’ Microsoft. Fil-fatt, bil-kontra tar-rapporti tat-3 ta’ Marzu u tat-8 ta’ Lulju 2007 li minnhom tfasslet it-tabella annessa mad-deċiżjoni kkontestata, il-kostatazzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-rapport ma jagħmlux parti mill-motivi tad-deċiżjoni kkontestata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex possibbli li jiġi vverifikat jekk it-teknoloġiji meħuda inkunsiderazzjoni mit-trustee indipendenti humiex ukoll paragunabbli mat-teknoloġiji kkunsidrati bħala mhux innovattivi mill-Kummissjoni fil-każ li din l-evalwazzjoni tal-aħħar tirriżulta żbaljata. Dan huwa l-istess għad-dikjarazzjonijiet li jinsabu fil-premessi 223 u 231 tad-deċiżjoni kkontestata, li jipprovdu li t-teknoloġiji paragunabbli jinkludu “f’ċerti każijiet” teknoloġiji bi privattivi. Eżempji bħal dawn ta’ teknoloġiji relattivi għal protokolli huma mogħtija fil-premessi 224 u 232 tad-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, minn din il-preżentazzjoni fil-qosor ma jirriżultax li l-imsemmija teknoloġiji huma paragunabbli mill-perspettiva funzjonali mat-teknoloġiji kollha relattivi għall-protokolli kkonċernati.

138    Fir-rigward tal-fondatezza tal-motiv preżenti, preliminarjament għandu jiġi enfasizzat li d-distinzjoni bejn il-valur strateġiku u l-valur intrinsiku tat-teknoloġiji li huma s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi premessa fundamentali tal-evalwazzjoni dwar in-natura raġonevoli ta’ kwalunkwe remunerazzjoni mitluba minn Microsoft sabiex tagħti aċċess għall-imsemmija informazzjoni dwar l-interoperabbiltà u sabiex tawtorizza l-użu tagħha.

139    F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li sabiex ir-rifjut ta’ impriża proprjetarja ta’ drittijiet tal-awtur, li tagħti aċċess għal prodott jew servizz li huwa indispensabbli sabiex tiġi eżerċitata attività partikolari, jiġi kklassifikat bħala abbuż huwa biżżejjed li tliet kundizzjonijiet kumulattivi jiġu sodisfatti, jiġifieri li dan ir-rifjut jostakola l-introduzzjoni ta’ prodott ġdid li għalih teżisti domanda potenzjali mill-konsumaturi, li ma jkunx iġġustifikat u li jkun tali li jeskludi kwalunkwe kompetizzjoni f’suq derivat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, IMS Health, C‑418/01, Ġabra p. I‑5039, punt 38).

140    F’dan il-każ, ġie kkonstatat li sa fejn it-tliet kundizzjonijiet kumulattivi msemmija fil-punt 139 iktar ’il fuq kienu sodisfatti, ir-rifjut min-naħa ta’ Microsoft li tagħti aċċess għall-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà u li tawtorizza l-użu tagħha kien abbużiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Microsoft vs Il-Kummissjoni, punt 18 iktar ’il fuq, punti 711 u 712).

141    F’dan il-kuntest, kull miżura ta’ rimedju intiża ġġiegħel lil Microsoft tiżvela l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà u tawtorizza l-użu tagħha bl-għan li jiġu żviluppati u ddistribwiti sistemi operattivi għal servers ta’ work group kellha tiżgura li teskludi l-possibbiltà għal Microsoft li tapprofitta mill-korrispettivi simili għall-vantaġġi li hija tgawdi mill-użu abbużiv tal-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq tas-sistemi operattivi għal clients PCs.

142    Barra minn hekk, jekk Microsoft tiġi awtorizzata titlob rati ta’ remunerazzjoni li jirriflettu l-valur li jirriżulta mis-sempliċi possibbiltà ta’ interoperabbiltà mas-sistemi operattivi ta’ Microsoft, jiġifieri l-valur strateġiku li jirriżulta mis-setgħa li din għandha fis-suq tas-sistemi operattivi għal clients PCs jew tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group, tkun qisha ngħatat id-dritt li tittrasforma l-vantaġġi tal-abbuż f’remunerazzjoni għall-għoti ta’ liċenzji. Issa, l-għoti ta’ tali dritt imur, mid-definizzjoni tiegħu stess, kontra l-għan tal-premessa 1003 tad-deċiżjoni tal-2004 li hija intiża sabiex tippermetti kompetizzjoni vijabbli mas-sistema operattiva għal servers ta’ work group ta’ Microsoft, peress li din tal-aħħar tkun f’pożizzjoni li titlob lill-kompetituri potenzjali rati ta’ remunerazzjoni projbittivi. Għaldaqstant, tali rati ma jistgħux jitqiesu bħala raġonevoli fis-sens tal-premessa 1008(ii) u tal-Artikolu 5(a) tad-deċiżjoni tal-2004, bħalma jindikaw il-premessi 106 u 107 tad-deċiżjoni kkontestata.

143    Barra minn hekk, kif ġie rrilevat fil-premessa 118 tad-deċiżjoni kkontestata, l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ evalwazzjoni WSPP (ara l-punt 31 iktar ’il fuq) u b’mod partikolari l-kriterju dwar in-natura innovattiva tat-teknoloġiji inkwistjoni, hija tali li tindika jekk ir-rati ta’ remunerazzjoni mitluba minn Microsoft jirriflettux il-valur intrinsiku ta’ teknoloġija minflok il-valur strateġiku tagħha. Fil-fatt, il-valur intrinsiku ta’ prodotti bħal dawk inkwistjoni jikkonsisti fin-natura innovattiva tagħhom. Min-naħa l-oħra, il-fatt li dawn it-teknoloġiji kienu jikkostitwixxu sigrieti kummerċjali skont il-politika adottata minn Microsoft ma huwiex indikatur tal-eżistenza ta’ valur ieħor li ma huwiex dak strateġiku.

144    Barra minn hekk, filwaqt li għandu jiġi eskluż kull valur strateġiku tat-teknoloġiji inkwistjoni bħal dak espost fil-punt 142 iktar ’il fuq u fil-premessi 105 u 107 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 29 u 30 iktar ’il fuq), huwa wkoll neċessarju li ssir evalwazzjoni tas-suq ta’ teknoloġiji paragunabbli bħal dik esposta fil-punti 134 u 135 iktar ’il fuq, peress li għadu jrid jiġi eskluż li tali teknoloġiji jiġu offruti, skont il-prattiki kummerċjali, għal rati ta’ remunerazzjoni sostanzjalment inferjuri għal dawk mitluba minn Microsoft, jew saħansitra ineżistenti. Huwa preċiżament tali metodu li jwassal għal evalwazzjoni tal-valur li jkollha l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà kieku ma jkun hemm l-ebda operatur dominanti, bħalma titlob l-ACT. Min-naħa l-oħra, fin-nuqqas ta’ innovazzjoni, in-natura sigrieta waħedha ma tirrappreżentax, għad-detentur ta’ liċenzja, valur li ma huwiex dak strateġiku, filwaqt li l-kost fiss ta’ żvilupp ma jirrappreżentax, lanqas fil-fehma ta’ PricewaterhouseCoopers, esperta maħtura minn Microsoft, espressa f’rapport tal-24 ta’ Awwissu 2006, bażi korretta għall-evalwazzjoni tal-valur tal-proprjetà intellettwali.

145    Minn dan jirriżulta li l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ evalwazzjoni WSPP kienet tissodisfa oġġettivament u irrispettivament minn kwalunkwe ftehim bejn Microsoft u l-persuni li potenzjalment jiksbu liċenzja mingħandha, l-bżonn li jiġi evalwat jekk ir-rati ta’ remunerazzjoni mitluba minn Microsoft humiex raġonevoli fis-sens tal-premessa 1008(ii) u tal-Artikolu 5(a) tad-deċiżjoni tal-2004.

146    L-argument ta’ Microsoft li l-prinċipji ta’ evalwazzjoni WSPP huma rriżervati għall-użu mill-partijiet ta’ eventwali kuntratt ta’ liċenzja, mit-trustee indipendenti jew mill-High Court of Justice bl-esklużjoni tal-Kummissjoni ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, xejn ma jipprekludi lill-Kummissjoni milli tapplika l-prinċipji inkwistjoni jekk ikunu xierqa għall-finijiet tal-implementazzjoni tal-Artikolu 5(a) tad-deċiżjoni tal-2004.

147    Madankollu, din il-konklużjoni ma tippreġudikax l-applikazzjoni korretta ta’ dawn il-prinċipji, applikazzjoni li Microsoft timmina wkoll. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li Microsoft ma tikkritikax l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-natura innovattiva ta’ teknoloġija waħda jew iktar fost il-166 teknoloġija kkunsidrati mhux innovattivi, iżda tikkontesta d-definizzjoni tal-kriterji użati sabiex tiġi eżaminata l-preżenta ta’ innovazzjoni inġenerali.

148    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett għandu jiġi osservat li, bħalma jirriżulta mill-premessa 138 tad-deċiżjoni kkontestata, sabiex tevalwa n-natura innovattiva tat-teknoloġiji inkwistjoni, il-Kummissjoni użat il-kunċetti ta’ novità u ta’ nuqqas ta’ evidenza “bħala kunċetti komuni fil-qasam tal-proprjetà intellettwali”. Minn din il-kwotazzjoni tal-aħħar jirriżulta li l-Kummissjoni tat lill-kunċetti ta’ novità u nuqqas ta’ evidenza t-tifsira li huma għandhom fil-qasam tal-proprjetà intellettwali.

149    F’dan il-kuntest għandu jiġi osservat li, skont il-premessa 138 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddefinixxiet teknoloġija ġdida bħala waħda li ma hijiex inkluża fl-aħħar avvanzi teknoloġiċi u teknoloġija mhux evidenti bħala waħda li ma hijiex ovvja għal persuna speċjalizzata fil-qasam. Dawn id-definizzjonijiet jikkorrispondu għal dawk tan-novità u tal-attività inventiva li jidhru, rispettivament, fl-Artikolu 54 u fl-Artikolu 56 tal-Konvenzjoni dwar l-għoti tal-privattivi Ewropej, tal-5 ta’ Ottubru 1973, kif emendata. Sa fejn il-leġittimità tal-approċċ tal-Kummissjoni, li jikkonsisti f’evalwazzjoni tan-natura innovattiva tat-teknoloġiji ta’ Microsoft hija aċċettata (ara l-punti 133 sa 146 iktar ’il fuq), ma jistax jiġi kkontestat li l-Kummissjoni hija intitolata tevalwa n-natura innovattiva ta’ dawn it-teknoloġiji b’riferiment għall-komponenti tagħha, jiġifieri n-novità u n-nuqqas ta’ evidenza, fejn din tal-aħħar taqa’ taħt il-kunċett ta’ attività inventiva. F’dan ir-rigward għandu jingħad ukoll li f’ittra tal-4 ta’ Mejju 2006, Microsoft tiddikjara li l-innovazzjoni għandha tiġi evalwata skont il-kriterji tan-novità u tal-attività inventiva anki jekk hija tqis li l-evalwazzjoni tan-natura innovattiva ma tistax tieħu post il-liġi dwar is-sigrieti kummerċjali. F’ittra tal-31 ta’ Lulju 2006 (ara l-punt 47 iktar ’il fuq), Microsoft irrikonoxxiet, barra minn hekk, li l-kriterju tal-innovazzjoni, bħala “filtru li jieħu inkunsiderazzjoni l-valur strateġiku”, għandu s-sens mogħti lilu mid-dritt tal-privattivi u ssottomettiet ir-rapporti tagħha dwar l-innovazzjoni fid-dawl ta’ din id-definizzjoni.

150    Bil-kontra ta’ dak li ssostni Microsoft jekk fil-kuntest tal-kawża preżenti n-natura innovattiva tat-teknoloġiji, li huma s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata, tiġi evalwata b’riferiment għan-novità u għall-attività inventiva, dan la jirriżulta fl-annullament, b’mod ġenerali, tal-valur tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali, sigrieti kummerċjali jew informazzjoni kunfidenzjali oħrajn u lanqas, a fortiori, ma jkollu l-konsegwenza li jimponi din in-natura bħala kundizzjoni sabiex prodott jew informazzjoni jkun kopert minn tali dritt jew sabiex jikkostitwixxi sigriet kummerċjali inġenerali. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, tali evalwazzjoni għandha l-għan li tippermetti l-applikazzjoni tal-Artikolu 5(a) tad-deċiżjoni tal-2004, liema artikolu, meta moqri fid-dawl tal-premessi 1003 u 1008(ii) tal-istess deċiżjoni, jipprojbixxi, fid-dawl tal-abbuż speċifiku kkonstatat, li kwalunkwe remunerazzjoni mitluba minn Microsoft tirrifletti l-valur strateġiku tat-teknoloġiji inkwistjoni. Dan l-għan huwa ddikkjarat speċifikament fil-prinċipji ta’ evalwazzjoni WSPP imfassla wara negozjati bejn il-Kummissjoni u Microsoft (ara l-punti 25, 31 u 87 iktar ’il fuq).

151    Barra minn hekk, peress li Microsoft ma ssuġġeritx definizzjoni iktar xierqa tal-kunċetti ta’ novità u ta’ nuqqas ta’ evidenza, li tkun ukoll adatta sabiex teskludi kwalunkwe valur strateġiku ta’ dawn it-teknoloġiji, għandu jiġi konkluż li l-argument tagħha ma jiżvela l-ebda żball li jaffettwa l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Kummissjoni ħabbret li użat il-kunċetti ta’ novità u nuqqas ta’ evidenza.

152    Għandu jingħad ukoll li għalkemm, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Konvezjoni dwar l-għoti ta’ privattivi Ewropej, l-Awla Manja tal-Apell tal-EPO hija tal-fehma li l-evalwazzjoni tan-nuqqas ta’ evidenza għandha titwettaq biss fir-rigward tat-talbiet li jinvolvu programmi implementati minn kompjuter li għandu natura teknika (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni G 3/08, ĠU OEB 2011 1, punt 10.13 tal-motivi), Microsoft ma ssostnix li huwa inkonċepibbli li n-nuqqas ta’ evidenza tat-teknoloġiji inkwistjoni jiġi evalwat f’kuntest differenti minn dak tal-għoti ta’ privattiva mingħajr ma tiġi evalwata minn qabel in-natura teknika. Barra minn hekk, mill-perspettiva ġuridika, l-eżami tan-natura teknika tat-talbiet li jinvolvu programmi implementati minn kompjuter jikkostitwixxi pass speċifiku għall-proċedura tal-għoti ta’ privattiva, fid-dawl tan-natura mhux brevettibbli tal-programmi tal-kompjuter “bħala tali” (ara, pereżempju, l-Artikolu 52(2) u (3) tal-Konvenzjoni dwar l-għoti ta’ privattivi Ewropej).

153    L-argument ta’ Microsoft li l-Kummissjoni applikat il-kriterji tan-novità u tal-attività inventiva b’mod strett ħafna u, għaldaqstant, b’mod li jmur kontra d-dritt tal-privattivi, b’tali mod li huma biss it-teknoloġiji “verament pijunieri u totalment differenti mill-aħħar avvanzi teknoloġiċi” li huma kklassifikati bħala innovattivi u li l-eżistenza ta’ riferimenti għall-aħħar avvanzi teknoloġiċi relattivi għal kunċetti analogi, b’mod ġenerali, għal dawk implementati minn Microsoft hija ugwali għall-eżistenza tan-natura evidenti tat-teknoloġiji koperti mid-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 126 iktar ’il fuq), lanqas ma jista’ jintlaqa’. Fil-fatt, minbarra dikjarazzjonijiet ġenerali, Microsoft ma tressaq l-ebda argument li jimmina l-evalwazzjonijiet konkreti magħmula rigward in-natura innovattiva tat-teknoloġiji inkwistjoni u li jippermetti lill-Qorti Ġenerali tivverifika l-fondatezza ta’ din l-allegazzjoni.

154    Barra minn hekk, peress li t-teknoloġiji kollha li Microsoft ippreżentat bħala innovattivi ġew eżaminati waħda waħda u li saret evalwazzjoni dwar in-natura innovattiva ta’ kull waħda minnhom mill-Kummissjoni, Microsoft ma għandhiex raġun issostni li n-natura innovattiva tagħhom ġiet miċħuda b’mod kollettiv minħabba evalwazzjoni allegatament żbaljata tal-kriterji tan-novità u tal-attività inventiva.

155    L-istess jgħodd għall-evalwazzjoni tal-kumbinazzjonijiet allegatament innovattivi ta’ teknoloġiji li kull waħda minnhom, meta meħuda separatament, ma turi l-ebda attività inventiva. F’dan ir-rigward, skont il-premessi 146 sa 156 tad-deċiżjoni kkontestata, il-kumbinazzjonijiet ta’ teknoloġiji li Microsoft sostniet ġew eżaminati sew bħala tali u ma nstabux li kienu innovattivi. Dan il-fatt huwa kkonfermat mill-paġni 1, 5, 8, 13 21, 22, 29, 31, 34, 39, 61, 64 u 68 tat-tabella annessa mad-deċiżjoni kkontestata, li minnhom jirriżulta li l-Kummissjoni eżaminat in-natura innovattiva ta’ kull waħda mid-19-il kumbinazzjoni ta’ teknoloġiji. Skont l-ispjegazzjoni li tinsab f’dawn il-paġni tal-imsemmija tabella, moqrija flimkien mal-paġni 4, 8, 14, 15, 16, 17, 18, 19, 28, 29, 39, 40, 41, 43, 58, 66, 70, 111, 120 u 129 tar-rapport tat-trustee indipendenti tat-8 ta’ Lulju 2007 u l-paġni 7, 73 u 78 tar-rapport tal-imsemmi trustee tat-3 ta’ Marzu 2007 (ara l-punt 52 iktar ’il fuq), waqt il-proċedura amministrattiva Microsoft ma pproduċietx dettalji, provi jew ġustifikazzjonijiet oħra li permezz tagħhom setgħet tiġi murija n-natura innovattiva ta’ 18 mid-19-il kumbinazzjoni tat-teknoloġiji inkwistjoni. Barra minn hekk, fl-imsemmija rapporti huwa rrilevat ukoll li t-teknoloġiji li jikkostitwixxu l-kumbinazzjonijiet inkwistjoni jaqgħu taħt l-aħħar avvanzi teknoloġiċi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, kien l-obbligu ta’ Microsoft li tindika r-raġunijiet speċifiċi li jrendu innovattiva l-kumbinazzjoni ta’ teknoloġiji li ma humiex innovattivi, peress li t-trustee indipendenti jew il-Kummissjoni ma setgħux jiġu obbligati jispekolaw dwar ir-raġunijiet li fuqhom Microsoft xtaqet tibbaża l-imsemmija innovazzjoni.

156    Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-paġna 7 tat-tabella annessa mad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonfermat l-evalwazzjoni tat-trustee indipendenti esposta fil-paġna 32 tar-rapport tiegħu tat-8 ta’ Lulju 2007 li tirrikonoxxi n-natura innovattiva tat-teknoloġija “Referral Management” li tikkonsisti fil-kumbinazzjoni ġdida ta’ diversi metriċi fi ħdan algorithm kumplessa.

157    Fil-kuntest tar-rikors tagħha, Microsoft ma tiżviluppa l-ebda argument intiż li juri li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-natura innovattiva ta’ kumbinazzjoni waħda jew diversi ta’ dawn it-teknoloġiji, ibbażata fuq ir-rapporti tat-trustee indipendenti, hija vvizzjata bi żbalji speċifiċi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif ġie rrilevat fil-punt 153 iktar ’il fuq, l-allegazzjonijiet ġenerali dwar li l-approċċ adottat mill-Kummissjoni kien ifframmentat ma jistgħux ħlief jiġu miċħuda minħabba n-nuqqas ta’ riferimenti għall-elementi konkreti li jixhdu l-materjalità tagħhom.

158    Fir-rigward tal-allegazzjonijiet ta’ Microsoft, inklużi fir-risposta tagħha għal domanda bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, li matul il-proċedura amministrattiva hija indikat li n-natura innovattiva tat-teknoloġiji li jaqgħu taħt il-protokolli “File Replication Service” u “Directory Replication Service” kellha tiġi evalwata fil-“livell” ta’ dawn il-protokolli, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-paġni 13, 21 u 22 tat-tabella annessa mad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat in-natura innovattiva ta’ seba’ kumbinazzjonijiet ta’ teknoloġiji fi ħdan dawn il-protokolli. Issa, l-allegazzjonijiet ta’ Microsoft la jippermettu li jinftiehmu r-raġunijiet għaliex dan l-eżami ma jissodisfax it-talbiet ta’ innovazzjonijiet ifformolati minnha u lanqas ir-raġunijiet speċifiċi għaliex kien neċessarju eżami differenti.

159    Bil-kontra ta’ dak li ssostni Microsoft (ara l-punt 130 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni ma wettqet għaldaqstant l-ebda “żball ta’ prinċipju” li jivvizzja l-analiżi tagħha kollha kemm hi, indipendentement mill-eżempji konkreti ta’ evalwazzjoni vvizzjata minn tali żbalji.

160    Għal dak li jikkonċerna l-argument ta’ Microsoft li n-nuqqas ta’ oġġezzjoni min-naħa tal-Kummissjoni għall-ġbir ta’ rati ta’ remunerazzjoni għal-liċenzji mogħtija fil-kuntest ta’ ftehim li ma humiex il-ftehim No Patent jimplika l-eżistenza ta’ innovazzjoni f’livelli inqas “ifframmentat”, peress li d-dokumentazzjoni teknika hija identika fil-kuntest tal-ftehim WSPP kollha, ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, mill-premessi 132 u 162 sa 164 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni aċċettat il-possibbiltà li Microsoft tirċievi remunerazzjoni li ma hijiex biss simbolika għall-ftehim li ma humiex il-ftehim No Patent, sa fejn il-ftehim inkwistjoni jwasslu għall-għoti ta’ liċenzji li jirrigwardaw privattivi li jkopru t-teknoloġija li tagħmel parti mid-dokumentazzjoni teknika, u dan bla ħsara għall-validità tal-privattivi inkwistjoni. Issa, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 121 iktar ’il fuq, il-kunċett ta’ “Microsoft licensed intellectual property” jinkludi, fil-kuntest tal-ftehim No Patent, in-“know-how”, is-sigrieti industrijali, is-sigrieti kummerċjali, l-informazzjoni kunfidenzjali u d-drittijiet tal-awtur, bl-esklużjoni espliċita ta’ kwalunkwe dritt li huwa kopert minn privattiva jew minn applikazzjoni pendenti għal privattiva.

161    Mill-evalwazzjonijiet preċedenti jirriżulta li Microsoft ma setgħetx timmina l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni rigward in-nuqqas ta’ natura innovattiva tat-teknoloġiji u tal-kumbinazzjonijiet ta’ teknoloġiji. Barra minn hekk, ir-riferiment ġenerali għal dokumenti sottomessi matul il-proċedura amministrattiva, li jiżvelaw l-iżbalji tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward (ara l-punt 128 iktar ’il fuq), ma huwiex manifestament biżżejjed għal dan il-għan.

162    Fir-rigward tal-ilment ta’ Microsoft ibbażat fuq allegat nuqqas ta’ motivazzjoni relatat mal-evalwazzjoni tan-natura innovattiva tat-teknoloġiji inkwistjoni (ara l-punt 129 iktar ’il fuq), mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 99 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni għandha l-obbligu tesponi b’mod ċar u b’mod li jinftiehem ir-raġunijiet għaliex hija tqis li kull teknoloġija hija innovattiva jew ma hijiex. Dan ir-rekwiżit ma jimplikax li l-Kummissjoni hija obbligata tesponi, apparti l-elementi li fuqhom hija bbażata l-evalwazzjoni tagħha, ir-raġunijiet għaliex xi elementi jew xi raġunijiet esposti matul il-proċedura amministrattiva ma jimminawx il-konklużjoni tagħha. Il-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl ta’ dawn l-elementi u ta’ dawn l-argumenti, għandhomx jitqiesu invalidi l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni, taqa’ taħt l-eżami tal-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li Microsoft hija libera li ssostnihom quddiem il-Qorti Ġenerali u li titlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata fuq din il-bażi.

163    Għal dak li jirrigwarda l-argument ta’ Microsoft li l-Kummissjoni u t-trustee indipendenti eżaminaw in-natura innovattiva tat-teknoloġiji billi ħadu inkunsiderazzjoni l-aħħar avvanzi teknoloġiċi fl-2007 u mhux fid-data meta hija talbet tingħata privattiva (ara l-punt 129 iktar ’il fuq), għandu jiġi kkonstatat li dan huwa fattwalment infondat. Fil-fatt, skont in-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 149 tad-deċiżjoni kkontestata, kemm il-Kummissjoni kif ukoll it-trustee indipendenti ħadu inkunsiderazzjoni d-data sostnuta minn Microsoft. Issa, din tal-aħħar ma tipproduċi l-ebda element li jista’ jimmina din l-evalwazzjoni u ma tindikax każijiet konkreti li fihom ir-riferiment għall-aħħar avvanzi teknoloġiċi jiġi wara d-data sostnuta kull darba minn Microsoft.

164    Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq in-natura illegali tal-użu tar-rapporti tat-trustee indipendenti

 L-argumenti tal-partijiet

165    Skont Microsoft, l-annullament tal-Artikolu 7 tad-deċiżjoni tal-2004 permezz tas-sentenza Microsoft vs Il-Kummissjoni, punt 18 iktar ’il fuq, irendi illegali l-azzjonijiet kollha tat-trustee indipendenti, bħall-fatt li talab u rċieva dokumenti u elementi oħrajn li ġew direttament minn Microsoft u l-preparazzjoni ta’ rapporti fuq il-bażi ta’ dawn id-dokumenti u elementi. Issa, f’dan il-każ, il-Kummissjoni bbażat id-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi fuq ir-rapporti stabbiliti mit-trustee indipendenti, li kiseb xi provi bis-saħħa ta’ delegazzjoni illegali tas-setgħat. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma ħaditx il-miżuri kollha neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza Microsoft vs Il-Kummissjoni, punt 18 iktar ’il fuq.

166    Indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk it-trustee indipendenti użax is-setgħat li ngħatawlu b’mod illegali, id-deċiżjoni tat-28 ta’ Lulju 2005 (ara l-punt 14 iktar ’il fuq) hija bla dubju bbażata fuq id-delegazzjoni li l-Qorti Ġenerali ssanzjonat, b’tali mod li l-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża d-deċiżjoni kkontestata fuq dawn ir-rapporti.

167    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kwistjonijiet dwar jekk Microsoft kinitx obbligata tirrispondi għat-talbiet tat-trustee indipendenti u jekk il-Kummissjoni kisbitx b’mod legali aċċess għall-informazzjoni inkwistjoni mit-trustee indipendenti jew minn Microsoft huma irrilevanti, peress li t-trustee indipendenti aġixxa fil-kuntest tas-setgħat iddelegati lilu mill-Kummissjoni.

168    Fl-aħħar nett, peress li bħalma jirriżulta, barra minn hekk, mill-anness tad-deċiżjoni kkontestata, TAEUS ma eżegwietx l-istess karigi bħat-trustee indipendenti, l-intervent tagħha ma huwiex rilevanti f’dan il-kuntest.

169    Il-Kummissjoni u l-partijiet intervenjenti insostenn tagħha jikkontestaw il-fondatezza ta’ dan il-motiv.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

170    Għandu jitfakkar li l-Artikolu 7 tad-deċiżjoni tal-2004 ġie annullat sa fejn jordna lil Microsoft tippreżenta proposta fuq l-implementazzjoni ta’ mekkaniżmu li għandu jinkludi l-ħatra ta’ trustee indipendenti li għandu s-setgħat ta’ aċċess, indipendentement mill-Kummissjoni, għall-għajnuna, għall-informazzjoni, għad-dokumenti, għall-binjiet u għall-impjegati ta’ Microsoft kif ukoll għall-kodiċi sors tal-prodotti rilevanti ta’ Microsoft (ara l-punt 18 iktar ’il fuq).

171    Barra minn hekk, mill-punti 1268 u 1271 tas-sentenza Microsoft vs Il‑Kummissjoni, punt 18 iktar ’il fuq, jirriżulta li d-drittijiet mogħtija lit-trustee indipendenti u deskritti fil-punt 170 iktar ’il fuq imorru lil hinn mis-sitwazzjoni li fiha l-Kummissjoni taħtar l-espert tagħha stess, peress li l-Artikolu 7 tad-deċiżjoni tal-2004 jagħti setgħat lit-trustee indipendenti li l-Kummissjoni biss setgħet teżerċita.

172    Bil-kontra ta’ dak li ssostni Microsoft, il-fatt li l-premessa 33 u l-Artikolu 3.2 tad-deċiżjoni tat-28 ta’ Lulju 2005 (ara l-punt 14 iktar ’il fuq) huma bbażati fuq is-setgħat inkwistjoni tat-trustee indipendenti huwa irrilevanti peress li, l-iktar l-iktar, dan il-fatt jaffettwa l-legalità ta’ din id-deċiżjoni, li ġiet indirizzata lil Microsoft u li kontriha din tal-aħħar ma bdietx azzjoni.

173    Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk it-trustee indipendenti indirizzax xi domandi lil Microsoft skont l-Artikolu 3.2 tad-deċiżjoni tat-28 ta’ Lulju 2005, il-Kummissjoni ssostni li dan la uża din is-setgħa u lanqas uża, għall-finijiet tat-tfassil tar-rapporti tiegħu, il-kodiċi sors miksub minn Microsoft. Il-Kummissjoni tgħid ukoll li kull komunikazzjoni li kien hemm bejn Microsoft u t-trustee indipendenti seħħet fuq bażi volontarja skont l-Artikolu 4.1 tad-deċiżjoni tat-28 ta’ Lulju 2005.

174    F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li skont l-Artikolu 3.2 tad-deċiżjoni tat-28 ta’ Lulju 2005, it-trustee indipendenti jista’ b’mod partikolari jitlob li jikseb informazzjoni mingħand Microsoft. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 4.1 tal-istess deċiżjoni, Microsoft hija libera li tirrispondi għat-talbiet magħmula mit-trustee indipendenti, filwaqt li l-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li teżerċita l-kompetenzi tagħha skont ir-Regolament Nru 1/2003 f’każ li ma jkunx hemm risposta volontarja.

175    Għaldaqstant, l-Artikolu 3.2 tad-deċiżjoni tat-28 ta’ Lulju 2005, moqri flimkien mal-Artikolu 4.1 tagħha, ma huwiex affettwat mill-annullament parzjali tal-Artikolu 7 tad-deċiżjoni tal-2004 ddikjarat fl-ewwel inċiż tal-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza Microsoft vs Il-Kummissjoni, punt 18 iktar ’il fuq, peress li dawn id-dispożizzjonijiet joffru lit-trustee indipendenti l-possibbiltà biss li jkollu kuntatt dirett ma’ Microsoft sabiex iwettaq sew il-missjoni tiegħu mingħajr ma ttih is-setgħa li jadotta miżura ta’ koerċizzjoni, billi din it-tip ta’ azzjoni hija rriżervata b’mod espliċitu lill-Kummissjoni.

176    Barra minn hekk, f’dan il-każ ma huwiex ikkontestat li l-informazzjoni miksuba mingħand Microsoft intużat mit-trustee indipendenti bl-għan li jfassal rapporti li fuq il-bażi tagħhom il-Kummissjoni fformulat l-evalwazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata.

177    Barra minn hekk huwa importanti li jingħad ukoll li l-Kummissjoni implementat l-uniku mezz li kien jippermetti li s-sitwazzjoni tiġi rregolarizzata b’mod konformi mas-sentenza Microsoft vs Il-Kummissjoni, punt 18 iktar ’il fuq, fil-kuntest tal-Artikolu 233 KE, jiġifieri li Microsoft tintalab tikkomunika lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1/2003, id-dokumenti kollha u elementi oħrajn li t-trustee indipendenti kellu aċċess dirett għalihom.

178    Għaldaqstant, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

 L-argumenti tal-partijiet

179    Microsoft issostni li t-trażmissjoni tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fl-1 ta’ Marzu 2007, jiġifieri seba’ xhur qabel it-tmiem tal-perijodu li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni sabiex tistabbilixxi n-nuqqas ta’ konformità mal-Artikolu 5 tad-deċiżjoni tal-2004 (22 ta’ Ottubru 2007), ipprojbixxiet lil Microsoft milli tesponi l-perspettiva tagħha dwar l-elementi kollha meqjusa kontriha. Fil-fatt, kemm id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kif ukoll l-ittra li tesponi l-fatti kienu jinkludu biss evalwazzjonijiet preliminari fis-sens tal-Artikolu 5(d) tad-deċiżjoni tal-2004 u ma kinux joffru lil Microsoft il-possibbiltà li ssostni l-perspettiva tagħha dwar il-fatti kollha meqjusa għall-impożizzjoni tal-pagament ta’ penalità, li għandu għan differenti minn dak ta’ multa. Għaldaqstant, Microsoft ma setgħetx tieħu pożizzjoni dwar il-limitazzjoni tas-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata, li kienet iffokat fuq il-konformità mal-Artikolu 5(a) tad-deċiżjoni tal‑2004 biss mill-perspettiva tal-ftehim No Patent biss u li jiżvela li l-Kummissjoni aċċettat in-natura innovattiva ta’ tliet teknoloġiji addizzjonali meta mqabbla mal-pożizzjoni espressa fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Dawn iċ-ċirkustanzi huma kruċjali fid-dawl tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Barra minn hekk, Microsoft la setgħet tallega li l-konformità tal-aġir tagħha mal-obbligi imposti mid-deċiżjoni tal-2005 kellhom jagħtu lok għal tnaqqis sinjifikattiv tal-ammont tal-pagament ta’ penalità u lanqas tikkummenta dwar it-tul tal-perijodu meqjus mill-Kummissjoni. Fl-aħħar nett, Microsoft ma kellhiex il-possibbiltà tindika ċerti żbalji ta’ fatt imwettqa mill-Kummissjoni, bħall-kalkolu tal-pagament ta’ penalità sat-22 ta’ Ottubru 2007, filwaqt li Microsoft issottomettiet il-proposta meqjusa bħala raġonevoli fid-9 ta’ Ottubru 2007.

180    B’dan l-istess mod, il-Kummissjoni qiegħdet fil-perikolu wkoll ir-rwol tal-Kumitat ta’ Konsulenza fuq Prattiċi Restrittivi u Pożizjonijiet Dominanti li hija għandha l-obbligu li tikkonsulta skont l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1/2003.

181    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ dan il-motiv.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

182    Skont il-ġurisprudenza, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandha tinkludi espożizzjoni tal-oġġezzjonijiet li jkunu ċari biżżejjed, anki jekk sommarji, b’mod li l-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jifhmu sew l-aġir li tiegħu jkunu akkużati mill-Kummissjoni. Fil-fatt, huwa biss jekk tiġi mħarsa din il-kundizzjoni li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tista’ tissodisfa l-funzjoni attribwita lilha mir-regolamenti tal-Komunità u li tikkonsisti fl-għoti tal-informazzjoni kollha meħtieġa lill-impriżi sabiex huma jkunu jistgħu jippreżentaw b’mod effettiv id-difiża tagħhom qabel ma l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni definittiva (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2006, BASF vs Il-Kummissjoni, T‑15/02, Ġabra p. II‑497, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

183    Dan ir-rekwiżit jiġi sodisfatt meta d-deċiżjoni ma tallegax li l-persuni kkonċernati wettqu ksur differenti minn dak imsemmi fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u tieħu inkunsiderazzjoni biss il-fatti li tagħhom il-persuni kkonċernati kellhom l-opportunità jagħtu spjegazzjoni (ara s-sentenza BASF vs Il‑Kummissjoni, punt 182 iktar ’il fuq, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

184    Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tikkostitwixxi att proċedurali preparatorju meta mqabbla mad-deċiżjoni li tikkostitwixxi l-aħħar stadju tal-proċedura amministrattiva. Konsegwentement, sakemm tiġi adottata deċiżjoni finali, il-Kummissjoni tista’ fid-dawl b’mod partikolari tal-osservazzjonijiet bil-miktub jew orali tal-partijiet, jew tirrinunzja ċerti oġġezzjonijiet jew anki l-oġġezzjonijiet kollha li tkun oriġinarjament ifformulat kontrihom u tbiddel, għaldaqstant, il-pożizzjoni tagħha favorihom, jew inkella, bil-kontra ta’ dan, tiddeċiedi li żżid oġġezzjonijiet ġodda, sakemm tagħti lill-impriżi kkonċernati l-possibbiltà li jsostni l-perspettiva tagħhom rigward dan is-suġġett (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il‑Kummissjoni, T‑191/98, T‑212/98 sa T‑214/98, Ġabra p. II‑3275, punti 114 u 115).

185    Għal dak li jikkonċerna l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ multi, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, meta l-Kummissjoni tindika espressament, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li hija ser teżamina jekk għandhomx jiġu imposti multi fuq l-impriżi kkonċernati u meta hija tiddikjara l-punti prinċipali ta’ fatt u ta’ liġi li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ multa, bħall-gravità u t-tul ta’ żmien tal-ksur allegat u l-fatt li dan ikun twettaq “b’mod deliberat jew negliġenti”, hija tissodisfa l-obbligu tagħha li tirrispetta d-dritt tal-impriżi li jinstemgħu. Meta tagħmel dan, hija tagħtihom l-informazzjoni meħtieġa biex ikunu jistgħu jiddefendu ruħhom mhux biss kontra konstatazzjoni ta’ ksur, iżda wkoll kontra l-impożizzjoni ta’ multa (ara s-sentenza BASF vs Il‑Kummissjoni, punt 182 iktar ’il fuq, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

186    Fl-aħħar nett, meta l-Kummissjoni tindika fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tagħha jew fi kwalunkwe dokument ieħor li toħroġ sussegwentement bl-għan li jagħti lill-impriżi implikati l-possibbiltà li jkunu jistgħu effettivament jidentifikaw l-aġir li huma qegħdin jiġu akkużati bih, li l-ksur għadu ma ntemmx, hija tkun f’pożizzjoni li, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa, tieħu inkunsiderazzjoni ż-żmien li jkun għadda bejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u l-adozzjoni tad-deċiżjoni li ttemm il-proċedura amministrattiva sakemm hija tieħu inkunsiderazzjoni biss il-fatti li tagħhom il-persuni kkonċernati kellhom l-opportunità jagħtu spjegazzjoni (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, Ġabra p. II‑491, punti 575 u 576).

187    Għar-raġunijiet esposti fil-punt 94 iktar ’il fuq, il-kunsiderazzjonijiet preċedenti japplikaw bis-sħiħ fil-kuntest tal-pagamenti ta’ penalità imposti taħt l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1/2003. Barra minn hekk, bil-kontra ta’ dak li ssostni Microsoft, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u l-ittra li tesponi l-fatti huma komunikazzjonijiet fis-sens tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2003 u mhux evalwazzjonijiet preliminari fis-sens tal-Artikolu 5(d) tad-deċiżjoni tal-2004 (ara l-punt 9 iktar ’il fuq).

188    F’dan il-każ, mill-punti 267 u 276 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jirriżulta li l-Kummissjoni kienet tqis li, fl-1 ta’ Marzu 2007, l-aġir ta’ Microsoft ma kienx konformi mal-obbligi imposti mill-Artikolu 5(a) tad-deċiżjoni tal-2004 u li kienet qed tipproponi tiffissa b’mod definittiv ammont ta’ pagament ta’ penalità li jkopri l-perijodu bejn is-16 ta’ Diċembru 2005 u d-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni definittiva.

189    Barra minn hekk, mit-tielet paragrafu tal-ittra li tesponi l-fatti kif ukoll mill-punt 54 tal-Anness I tagħha jirriżulta li l-Kummissjoni kienet tqis li l-oġġezzjonijiet tagħha baqgħu validi fir-rigward tal-iskema ta’ remunerazzjoni ssottomessa fil-21 ta’ Mejju 2007 (ara l-punti 24 u 33 iktar ’il fuq).

190    Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li, billi l-aġir li Microsoft hija akkużata bih taħt id-deċiżjoni kkontestata ma huwiex differenti minn dak illustrat fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u fl-ittra li tesponi l-fatti, id-drittijiet tad-difiża ta’ Microsoft ma nkisrux f’dan ir-rigward.

191    Fir-rigward tal-fatt li l-Kummissjoni llimitat is-suġġett tal-investigazzjoni tagħha għall-ftehim No Patent u aċċettat, wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, in-natura innovattiva ta’ seba’ teknoloġiji, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li t-trażmissjoni ta’ oġġezzjonijiet addizzjonali lill-persuni kkonċernati ma hijiex neċessarja ħlief fil-każijiet fejn ir-riżultat tal-investigazzjoni twassal lill-Kummissjoni sabiex takkuża lill-impriżi b’atti ġodda u tbiddel b’mod sostanzjali l-provi tal-ksur ikkontestati u mhux meta l-Kummissjoni taqdi dmirha li tirrinunzja għall-oġġezzjonijiet li, fid-dawl tar-risposti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ikunu rriżultaw infondati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punti 67 u 192).

192    Għal dak li jikkonċerna l-iżball ta’ fatt li Microsoft ma kellhiex l-opportunità tgħarraf bih lill-Kummissjoni (ara l-punt 179 in fine iktar ’il fuq), għandu jiġi kkonstatat li dan l-iżball qatt ma ġie immaterjalizzat. Fil-fatt, peress li Microsoft kellha l-obbligu li tipproponi rati ta’ remunerazzjoni raġonevoli għall-persuni li potenzjalment jiksbu liċenzja mingħandha (ara l-punt 114 iktar ’il fuq), hija biss il-proposta effettiva ta’ dawn ir-rati li kienet ittemm il-ksur, filwaqt li s-sempliċi komunikazzjoni ta’ rati ta’ remunerazzjoni lill-Kummissjoni sabiex tevalwa n-natura raġonevoli tagħhom ma kinitx tissodisfa l-obbligi tal-Artikolu 5(a) tad-deċiżjoni tal-2004.

193    Fl-aħħar nett, minn ittra tal-15 ta’ Novembru 2007 jirriżulta li l-Kumitat ta’ Konsulenza fuq Prattiċi Restrittivi u Pożizzjonijiet Dominanti rċieva d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, l-ittra li tesponi l-fatti u r-risposti ta’ Microsoft għal dawn id-dokumenti, b’tali mod li seta’ jsir jaf bil-fatti li Microsoft kienet akkużata bihom.

194    Konsegwentement, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ bażi legali għall-impożizzjoni ta’ pagament ta’ penalità kif ukoll tan-natura eċċessiva u sproporzjonata tiegħu

 L-argumenti tal-partijiet

195    L-ewwel nett Microsoft issostni li l-Kummissjoni ma setgħetx timponilha multa mingħajr ma tiddefinixxi minn qabel u b’mod preċiż l-aġir li hija kellha tadotta sabiex tikkonforma ruħha mad-deċiżjoni tal-2004. Barra minn hekk, Microsoft ma għandhiex tkun obbligata tikkonforma ruħha mal-Artikolu 5(a) tal-imsemmija deċiżjoni qabel mal-proċedura deskritta fl-Artikolu 5(d) tkun intemmet.

196    It-tieni nett, permezz tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni akkużat lil Microsoft b’nuqqas ta’ konformità biss għal dak li jikkonċerna r-rati ta’ remunerazzjoni relattivi għall-ftehim No Patent u li kienu propost bħala punt ta’ tluq għal negozjati. Issa, ikun assurd li tingħata prijorità lil ftehim WSPP filwaqt li l-ftehim kollha ġew meqjusa bħala li jkopru informazzjoni indispensabbli għall-kompetituri ta’ Microsoft.

197    It-tielet nett, mid-deċiżjoni tal-2006 jirriżulta li l-Kummissjoni tat 75 % tal-pagament ta’ penalità massimu għall-obbligu ta’ Microsoft li tippreżenta verżjoni preċiża u kompleta tal-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà u 25 % tiegħu għall-obbligu li tipproponi rati ta’ remunerazzjoni raġonevoli u mhux diskriminatorji. Madankollu, billi f’dan il-każ imponiet madwar 60 % tal-pagament ta’ penalità massimu għall-ksur tal-ewwel parti tat-tieni wieħed mill-obbligi ċċitati iktar ’il fuq, b’mod inspjegabbli l-Kummissjoni ma segwietx l-evalwazzjoni inizjali u, għaldaqstant, kisret il-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni la spjegat il-metodu ta’ kalkolu tal-pagament ta’ penalità għal kuljum u lanqas il-prinċipji li użat sabiex tikkalkola t-tnaqqis, b’tali mod li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward. Minn dan jirriżulta wkoll li fir-realtà, il-Kummissjoni ma evalwatx b’mod koerenti d-diversi forom ta’ nuqqas ta’ konformità skont l-importanza tagħhom.

198    Ir-raba’ nett, Microsoft tenfasizza li minn 488 jum koperti mill-pagament ta’ penalità, 306 kienu ddedikati għall-evalwazzjoni tal-proposti ta’ Microsoft min-naħa tal-Kummissjoni, u dan jimmina l-pożizzjoni tagħha dwar in-natura evidenti tal-miżuri li Microsoft kellha tieħu u juri n-natura inġusta tal-pagament ta’ penalità impost.

199    Il-ħames nett, sostnuta mill-ACT, Microsoft ittenni li, fid-dawl tar-rifjut tal-Kummissjoni li tgħina b’mod sostanzjali billi tindikalha l-livell xieraq tar-rati ta’ remunerazzjoni, hija adottat il-miżuri kollha li kellha disponibbli sabiex tikkonforma ruħha mad-deċiżjoni tal-2004.

200    Is-sitt nett, il-pagament ta’ penalità huwa erbgħin darba l-ammont tar-remunerazzjoni li kienet tistenna Microsoft kieku l-kompetituri kollha tagħha kkonkludew ftehim No Patent bir-rati meqjusa irraġonevoli mill-Kummissjoni u jeċċedi b’mod sinjifikattiv il-multi kollha imposti reċentement għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

201    Is-seba’ nett, il-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li Microsoft finalment ikkonformat ruħha mad-deċiżjoni tal-2004 u naqset milli tnaqqas, abbażi ta’ dan, l-ammont tal-pagament ta’ penalità skont l-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

202    Fit-tmien u l-aħħar nett, Microsoft ittenn li l-perijodu ta’ nuqqas ta’ konformità ntemm fid-9 ta’ Ottubru 2007 (ara l-punt 179 iktar ’il fuq).

203    Il-Kummissjoni ssostni li, għall-488 jum koperti mid-deċiżjoni kkontestata, il-pagament ta’ penalità seta’ jammonta għal EUR 1.423 biljun. Issa, peress li, fl-ewwel lok, l-iskema adottat minn Microsoft fit-22 ta’ Ottubru 2007 ma tqajjimx oġġezzjonijiet rigward in-natura raġonevoli tar-rati ta’ remunerazzjoni inklużi fiha, li fit-tieni lok, Microsoft applikat rati sostanzjalment inferjuri sa mill-21 ta’ Mejju 2007 u li, fit-tielet lok, id-deċiżjoni kkontestata tikkonċerna biss il-ftehim No Patent, il-pagament ta’ penalità impost irrappreżenta madwar 63 % tal-pagament ta’ penalità massimu. Madankollu, it-tnaqqis ikopri wkoll il-perijodu ta’ qabel il-21 ta’ Mejju 2007, iżda ma għandux jestendi għall-perijodu kollu kkonċernat. Il-pagament ta’ penalità jista’ jitqies bħala jammonta għal EUR 2 miljun għal kull jum matul il-perijodu bejn il-21 ta’ Ġunju 2006 u l-20 ta’ Mejju 2007 u għal EUR 1.5 miljun għal kull jum matul il-perijodu bejn il-21 ta’ Mejju sal-21 ta’ Ottubru 2007. Skont ġurisprudenza stabbilita, mill-Artikolu 253 KE ma jirriżultax li ċ-ċifri relattivi għall-kalkolu ta’ multa għandhom ikunu esposti fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni, u din l-istess regola tapplika wkoll fir-rigward tal-pagament ta’ penalità. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-premessi 281 sa 299 tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdu motivazzjoni xierqa f’dan ir-rigward.

204    Barra minn hekk, il-Kummissjoni u l-partijiet intervenjenti insostenn tagħha jikkontestaw il-fondatezza tal-argumenti ta’ Microsoft.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

205    Għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel argument ta’ Microsoft illustrat fil-punt 195 iktar ’il fuq, jingħaqad mal-ewwel motiv u, konsegwentement, għandu jiġi miċħud għar-raġunijiet espost fil-punti 82 sa 97 iktar ’il fuq. Fir-rigward tal-argument ta’ Microsoft li hija ma għandhiex l-obbligu tikkonforma ruħha mal-Artikolu 5(a) tal-deċiżjoni tal-2004 qabel mal-proċedura deskritta fl-Artikolu 5(d) ta’ din tal-aħħar tkun intemmet, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li dan l-approċċ jagħti lil Microsoft dritt ta’ veto dwar l-eżekuzzjoni tal-imsemmija deċiżjoni. Fil-fatt, ikun biżżejjed għal Microsoft li ma tosservax l-obbligu tagħha li, barra minn hekk, huwa ċarament distint u li jirriżulta mill-Artikolu 5(d) tad-deċiżjoni tal-2004, sabiex id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(a) ma jkunux jistgħu jiġu infurzati.

206    Għal dak li jirrigwarda l-argumenti ta’ Microsoft dwar l-eżerċizzju min-naħa tal-Qorti Ġenerali tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, għandu jiġi rrilevat dan li ġej.

207    Fir-rigward tal-argument ta’ Microsoft illustrat fil-punt 196 iktar ’il fuq, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ħadet debitament inkunsiderazzjoni tal-limitazzjoni tas-suġġett tal-investigazzjoni tagħha billi ffissat l-ammont tal-pagament ta’ penalità għal livell nettament inferjuri għal dak previst mid-deċiżjoni tal-2006 (ara l-punt 203 iktar ’il fuq).

208    Barra minn hekk, bħalma jsostnu l-Kummissjoni u l-SIIA, peress li l-ftehim No Patent huwa importanti sa fejn il-persuni li potenzjalment jiksbu liċenzja mingħand Microsoft ma jkollhomx interess jiksbu liċenzji li jkopru l-privattivi, xejn ma jipprekludi li l-ammont definittiv tal-pagament ta’ penalità jiġi ffissat f’livell bħal dak tal-pagament ta’ penalità impost taħt id-deċiżjoni kkontestata.

209    F’dan ir-rigward u minkejja li Microsoft ma tinvokax dan l-argument b’mod partikolari insostenn tat-talba tagħha għal reviżjoni tal-ammont tal-pagament ta’ penalità min-naħa tal-Qorti Ġenerali, għandha tiġi miċħuda l-allegazzjoni tagħha bbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma mminatx il-possibbiltà ta’ Microsoft li toffri biss il-ftehim No Patent lid-detenturi ta’ liċenzji li jkunu diġà kisbu liċenzja li tkopri ċerti teknoloġiji bi privattivi.

210    B’mod iktar preċiż, kif jirriżulta mill-paragrafi 28, 29 u 38 sa 41 ta’ ittra tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Marzu 2005, din l-istituzzjoni indikat lil Microsoft li diversi benefiċjarji potenzjali tad-deċiżjoni tal-2004 kienu jqisu li ma kellhomx bżonn ta’ liċenzji li jirrigwardaw it-teknoloġiji bi privattivi ta’ Microsoft sabiex jiżviluppaw sistemi operattivi għal servers ta’ work group kompatibbli mas-sistemi operattivi għal clients PCs ta’ Microsoft. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ċaħdet il-proposta ta’ Microsoft li tikkonsisti fl-offerta ta’ tip wieħed ta’ liċenzja li toffri teknoloġiji bi privattivi flimkien ma’ teknoloġiji mingħajr privattivi, peress li tali bejgħ konness ma kienx oġġettivament iġġustifikat u Microsoft xorta setgħet tibda proċeduri quddiem il-qrati nazzjonali kompetenti kontra d-detenturi ta’ liċenzji li jirrigwardaw teknoloġiji mingħajr privattivi fil-każ li jimplementawhom b’tali mod li jikser il-privattivi tagħha, li għalihom ma jkunux kisbu liċenzja.

211    Fl-istess kuntest, permezz ta’ ittra tat-18 ta’ April 2005, il-Kummissjoni pproponiet lil Microsoft b’mod partikolari abbozz ta’ ftehim No Patent, disponibbli mingħajr ma tinkiseb liċenzja minn qabel, ta’ teknoloġiji bi privattivi, b’riżerva espliċita tad-drittijiet ta’ Microsoft li jirriżultaw mill-privattivi tagħha fis-sens imsemmi iktar ’il fuq. Barra minn hekk, b’risposta għal ittra ta’ Microsoft tat-2 ta’ Mejju 2005, il-Kummissjoni esponiet mill-ġdid, permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Ġunju 2005, li sabiex tiġi evitata l-impożizzjoni ta’ “liċenzji obligatorji” li jirrigwardaw teknoloġiji bi privattivi li ma humiex mixtieqa mill-kompetituri ta’ Microsoft, din tal-aħħar għandha trendi disponibbli ftehim li jirrigwarda teknoloġiji mingħajr privattivi, bla ħsara għad-drittijiet tagħha ta’ privattivi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa l-obbligu tal-persuna kkonċernata li tagħżel it-teknoloġiji mingħajr privattivi jew bi privattivi li huma jqisu neċessarji għall-iżvilupp tal-prodotti tagħhom. Għaldaqstant, fl-istess ittra, il-Kummissjoni ċaħdet il-verżjoni tal-Artikolu 2.4(b) tal-abbozz tal-ftehim No Patent tas-7 ta’ Ġunju 2005 propost minn Microsoft, li jipprovdi li l-imsemmi ftehim għandu jkun disponibbli biss għad-detenturi ta’ liċenzja li tirrigwarda talbiet għal privattivi “neċessarjament miksura” permezz tal-implementazzjoni ta’ teknoloġiji mingħajr privattivi li jagħmlu parti mill-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà.

212    Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Lulju 2005, Microsoft pproponiet, b’mod partikolari, li fil-ftehim No Patent tiddaħħal sentenza li tipprovdi li, meta l-ebda “talba neċessarja” ma tkun tikkorrispondi għall-elementi mingħajr privattiva li l-persuna kkonċernata tkun tixtieq liċenzji tagħhom, din tal-aħħar ma tkunx obbligata tikseb liċenzja li tirrigwarda l-elementi bi privattiva. F’din l-istess ittra, Microsoft iddikjarat li kienet tispera li din il-kjarifika kienet tirrispondi b’mod sodisfaċenti għall-oġġezzjoni tal-Kummissjoni.

213    Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Lulju 2005, il-Kummissjoni rrispondiet lil Microsoft li l-kjarifika kienet ferm apprezzata, b’mod partikolari fid-dawl “tal-Artikolu 11.4[(a)] li jistipula b’mod ċar li, jekk id-detentur tal-liċenzja jikkontesta t-talbiet neċessarji, Microsoft ma tistax ittemm din il-liċenzja minħabba din ir-raġuni”.

214    Fl-aħħar nett, kif jirriżulta mill-proċess verbali ta’ laqgħa li seħħet fil-31 ta’ Jannar u fl-1 ta’ Frar 2007 f’Londra, deher li matul din il-laqgħa, Microsoft interpretat il-kjarifika li għaliha sar riferiment fil-punt 212 iktar ’il fuq, bħala li timplika li, fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejnha u d-detentur potenzjali ta’ liċenzja No Patent dwar l-eżistenza ta’ “talbiet neċessarji”, dan tal-aħħar kien xorta obbligat li jieħu liċenzja li tirrigwarda l-privattivi relattivi għall-imsemmija talbiet. F’dan ir-rigward, minn ittra ta’ Microsoft tat-12 ta’ Frar 2007 jirriżulta li nġibdet l-attenzjoni fuq dan il-punt minn IBM f’dokument intitolat “Kummenti” tat-28 ta’ Jannar 2007 u li Microsoft minn dakinhar abbandunat din l-interpretazzjoni.

215    Mill-korrispondenza u mill-proċess verbali miġburin fil-qosor fil-punti 210 sa 214 iktar ’il fuq jirriżulta li sa mill-bidu l-Kummissjoni esponiet f’termini ċari lil Microsoft li l-bejgħ li jorbot flimkien il-liċenzji li jirrigwardaw teknoloġiji mingħajr privattivi u dawk bi privattivi ma kienx konformi mal-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 5 tad-deċiżjoni tal-2004 fin-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva għal tali rabta. Il-Kummissjoni ppreċiżat ukoll li, jekk detentur potenzjali ta’ liċenzja kien iqis li ma kellux bżonn liċenzja li tirrigwarda teknoloġiji bi privattiva ta’ Microsoft sabiex jiżviluppa prodotti interoperabbli mas-sistemi operattivi għal clients PCs ta’ Microsoft, huwa kellu jkun liberu il ma jiħux tali liċenzja filwaqt li jkun qiegħed jirriskja li jitressaq quddiem il-qrati nazzjonali fil-każ li jikser tali privattivi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qbil li l-Kummissjoni esprimiet wara l-kjarifika ta’ Microsoft (ara l-punti 212 u 213 iktar ’il fuq) kien juri biss l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi li l-kjarifika inkwistjoni kienet tagħti biss lid-detenturi potenzjali ta’ liċenzji d-dritt li jagħżlu l-elementi li tagħhom xtaqu jiksbu liċenzja, mingħajr ma r-rifjut tagħhom li jiksbu liċenzja fuq elementi bi privattivi jista’ jwassal għal rifjut minn Microsoft li tagħti liċenzja fuq l-elementi mingħajr privattivi. Għaldaqstant, il-fatt li l-kwistjoni dehret mill-ġdid f’Jannar 2007 kien biss il-konsegwenza tal-fatt li Microsoft kompliet tinterpreta l-kjarifika tagħha b’mod li jmur kontra dak mixtieq mill-Kummissjoni u mid-detenturi potenzjali ta’ liċenzji u mhux bħala konsegwenza ta’ allegat ftehim iffirmat mill-Kummissjoni fit-13 ta’ Lulju 2005.

216    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-ġustifikazzjoni mressqa minn Microsoft fil-kuntest tal-korrispondenza tagħha mal-Kummissjoni, li tipprovdi li l-kisba ta’ liċenzja ta’ “talbiet neċessarji” bħala kundizzjoni għad-disponibbiltà ta’ ftehim No Patent kienet tipproteġi lid-detenturi minn kull azzjoni ta’ Microsoft quddiem il-qrati nazzjonali, ma tistax tintlaqa’. Fil-fatt, indipendentement mill-fatt li d-detenturi ta’ liċenzja huma f’pożizzjoni aħjar minn dik ta’ Microsoft biex jagħmlu l-għażliet l-iktar adatti sabiex jipproteġu l-interessi tagħhom, huwa l-obbligu ta’ dawn tal-aħħar li jassumu r-riskji marbuta mal-evalwazzjoni tagħhom dwar in-neċessità ta’ talbiet ta’ privattivi fil-kuntest tal-iżvilupp ta’ prodotti interoperabbli mal-prodotti ta’ Microsoft. Issa, il-Kummissjoni indikat b’mod ċar mill-bidu li l-għoti ta’ liċenzji fil-kuntest tal-ftehim No Patent kien bla ħsara għad-drittijiet ta’ Microsoft taħt il-privattivi tagħha (ara l-punti 210 u 211 iktar ’il fuq).

217    Fir-rigward tal-argument ta’ Microsoft, illustrat fil-punt 197 iktar ’il fuq, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, jekk jiġi preżunt li f’dan il-każ il-Kummissjoni ma segwietx l-evalwazzjoni li hija wettqet fid-deċiżjoni tal-2006, xejn ma jobbligaha ssegwiha għall-finijiet ta’ kull deċiżjoni sussegwenti. Fil-fatt, jekk inizjalment Microsoft ma żvelat lanqas verżjoni waħda preċiża u kompleta tal-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà, kien perfettament loġiku f’dan l-istadju li jiġi impost pagament ta’ penalità pjuttost b’kunsiderazzjoni, b’mod partikolari, ta’ dan l-aspett tal-aġir milli tal-kwistjoni tal-kundizzjonijiet raġonevoli li taħthom issir dan l-iżvelar. Għal dak li jikkonċerna l-metodu ta’ kalkolu tal-pagament ta’ penalità, l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa min-naħa tal-Qorti Ġenerali jista’ jiġġustifika l-produzzjoni u t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi addizzjoni ta’ informazzjoni li r‑riferiment għalihom fid-deċiżjoni ma huwiex bħal dak rikjest mill-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 253 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, KNP BT vs Il-Kummissjoni, C‑248/98 P, Ġabra p. I‑9641, punt 40). Peress li l-ammont tal-pagament ta’ penalità ffissat b’mod definittiv kienet inferjuri għall-ammont massimu previst mid-deċiżjoni tal‑2006 u peress li l-informazzjoni li tinsab fil-punt 203 iktar ’il fuq hija suffiċjenti sabiex jinftiehem il-kalkolu tiegħu, l-argument ta’ Microsoft ma jistax jintlaqa’.

218    Barra minn hekk, għalkemm jekk ir-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni tiffissa l-ammont definittiv tal-pagament ta’ penalità għall-perijodu mill-1 ta’ Awwissu 2006 sal-20 ta’ Mejju 2007 fil-livell ekwivalenti għal żewġ terzi tal-pagament ta’ penalità impost mid-deċiżjoni tal-2006 huma wkoll validi għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont finali tal-pagament ta’ penalità għall-perijodu bejn il-21 ta’ Ġunju u l-31 ta’ Lulju 2006, kien xieraq li għal dan il-perijodu tal-aħħar jiġi ffissat ammont ta’ EUR 2 miljun, ekwivalenti għat-totalità tal-pagament ta’ penalità għal kull jum impost mid-deċiżjoni tal-2005. Fil-fatt, in-natura tal-aġir ta’ Microsoft kienet l-istess matul dawn iż-żewġ perijodi, b’tali mod li tiġġustifika pagament identiku ta’ penalità għal kull jum.

219    Fir-rigward tal-argument ta’ Microsoft illustrat fil-punt 198 iktar ’il fuq, huwa biżżejjed li jitfakkar li, b’kunsiderazzjoni tal-obbligu ta’ Microsoft li tipproponi rati ta’ remunerazzjoni raġonevoli għall-persuni li potenzjalment jiksbu liċenzja (ara l-punt 114 iktar ’il fuq), il-fatt li parti mill-pagament ta’ penalità tikkorrispondi għal perijodi li matulhom Microsoft kienet tkun qiegħda tistenna l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fuq proposta ġdida li hija tkun issottomettiet, ma jirrimedjax għall-effetti tan-nuqqas ta’ osservanza min-naħa ta’ Microsoft tad-deċiżjoni tal-2004 u għaldaqstant ma jikkostitwixxix ċirkustanza attenwanti. L-argument ta’ Microsoft illustrat fil-punt 199 iktar ’il fuq, lanqas ma jista’ jintlaqa’ għall-istess raġunijiet bħal dawk li jinsabu fil-punt 114 iktar ’il fuq.

220    Fir-rigward tal-argumenti ta’ Microsoft miġbura fil-qosor fil-punti 200 u 201 iktar ’il fuq, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li Microsoft ma tipproduċi l-ebda prova sabiex turi li l-pagament ta’ penalità impost huwa erbgħin darba ogħla mir-rimunerazzjoni li hija kienet tistenna kieku l-kompetituri kollha tagħha kienu kkonkludew ftehim No Patent għar-rati meqjusa irraġonevoli mill-Kummissjoni. It-tieni nett, fi kwalunkwe każ, fid-dawl tad-daqs ta’ Microsoft fir-rigward ta’ dħul mill-bejgħ, fid-dawl ta’ kemm damet din tal-aħħar sabiex tipprovdi verżjoni preċiża u kompleta tal-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà u fid-dawl tad-dewmien addizzjonali sabiex tipproponi rata ta’ remunerazzjoni raġonevoli bil-benefiċċji kollha li jirriżultaw minn dawn iċ-ċirkustanzi rigward l-ishma tas-suq, it-tnaqqis tal-ammont tal-pagament ta’ penalità mogħti mill-Kummissjoni (ara l-punt 203 iktar ’il fuq) jirrifletti debitament kemm il-bżonn ta’ natura dissważiva tal-ammont tal-pagament ta’ penalità kif ukoll il-fatt li Microsoft finalment ikkonformat ruħha mal-obbligi tagħha li jirriżultaw mill-Artikolu 5(a) tad-deċiżjoni tal-2004.

221    Barra minn hekk, kif ġie espost fil-punt 192 iktar ’il fuq, il-proposta effettiva ta’ rati ta’ remunerazzjoni raġonevoli biss kienet ittemm il-ksur, filwaqt li s-sempliċi komunikazzjoni ta’ rati ta’ remunerazzjoni lill-Kummissjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura raġonevoli tagħhom ma kinitx tissodisfa l-obbligi tal-Artikolu 5(a) tad-deċiżjoni tal-2004. Minn dan jirriżulta li l-argument li jinsab fil-punt 202 iktar ’il fuq għandu jiġi miċħud.

222    Madankollu, għandha wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa li l-Qorti Ġenerali għandha taħt l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003 u li tista’ tiġġustifika l-produzzjoni u t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi addizzjoni ta’ informazzjoni li r‑riferiment għalihom fid-deċiżjoni ma huwiex bħal dak rikjest (sentenza KNP BT vs Il‑Kummissjoni, punt 217 iktar ’il fuq, punt 40), ittra tal-1 ta’ Ġunju 2005 indirizzata lil Microsoft mid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Kompetizzjoni”. Din l-ittra, li ddaħħlet fil-proċess wara li nstemgħu l-partijiet, tikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk, fil-kuntest tad-deċiżjoni tal-2004, Microsoft kinitx intitolata tipprojbixxi lill-kompetituri tagħha d-distribuzzjoni taħt l-għamla ta’ kodiċi sors ta’ prodotti interoperabbli mas-sistemi operattivi għal clients PCs ta’ Microsoft li dawn il-kompetituri laħqu żviluppaw fil-frattemp. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kienet tqis li Microsoft kienet obbligata, taħt l-Artikolu 5 tad-deċiżjoni tal-2004, li tippermetti d-distribuzzjoni taħt l-għamla ta’ kodiċi sors tas-software żviluppati minn kompetituri abbażi ta’ protokolli ta’ Microsoft, sa fejn il-protokolli ta’ Microsoft implementati f’tali software ma humiex innovattivi. Madankollu, il-Kummissjoni esponiet ukoll li, għalkemm Microsoft setgħet tipprojbixxi tali distribuzzjoni sa ma tingħata s-sentenza fil-kawża Microsoft vs Il‑Kummissjoni, punt 18 iktar ’il fuq, hija riedet tieħu l-miżuri kollha neċessarji fil-frattemp sabiex tiżgura li, f’każ li r-rikors ta’ Microsoft jiġi miċħud għal dak li jikkonċerna l-Artikolu 5 tad-deċiżjoni tal-2004, hija tikkonforma ruħha immedjatament u bis-sħiħ mal-obbligu tagħha taħt l-imsemmija dispożizzjoni.

223    Minn dan isegwi li din l-ittra kienet tali li Microsoft temmen li setgħet iżżomm restrizzjonijiet fid-distribuzzjoni ta’ prodotti żviluppati mill-kompetituri tagħha abbażi tal-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà mhux koperta minn privattiva jew li ma hijiex inventiva, sakemm tingħata s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-kawża Microsoft vs Il-Kummissjoni, punt 18 iktar ’il fuq, jiġifieri sas-17 ta’ Settembru 2007.

224    Matul is-seduta, il-Kummissjoni esponiet f’dan ir-rigward, mingħajr ma ġiet kontradetta minn Microsoft, li l-ittra inkwistjoni kienet essenzjalment tikkostitwixxi tentattiv ta’ rikonċiljazzjoni bejn minn naħa, ir-realtà li kienu neċessarji sentejn jew tlieta sabiex prodott kompetitur ibbażat fuq l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà seta’ jiġi żviluppat u, min-naħa l-oħra, l-interess leġittimu ta’ Microsoft li tara li s-sitwazzjoni tiġi stabbilita mill-ġdid għall-istatus quo ante fil-każ tal-annullament tal-Artikolu 5 tad-deċiżjoni tal-2004 mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-kawża Microsoft vs Il‑Kummissjoni, punt 18 iktar ’il fuq. Peress li skont l-indizji disponibbli dak iż-żmien, il-Qorti Ġenerali kienet ser tagħti s-sentenza madwar l-iskadenza tal-perijodu neċessarju għall-iżvilupp ta’ prodott kompetittiv ibbażat fuq l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà, il-Kummissjoni kienet tqis li b’dan il-mod ibbilanċjat b’mod korrett id-diversi interessi involuti fil-kawża f’dak iż-żmien.

225    Għandu jiġi osservat li l-ittra tal-Kummissjoni tal-1 ta’ Ġunju 2005 tikkonċerna aspett tal-infurzar tal-Artikolu 5 tad-deċiżjoni tal-2004, jiġifieri l-aċċess għall-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà taħt kundizzjonijiet mhux diskriminatorji, li ma huwiex il-bażi tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, għalkemm matul il-proċedura amministrattiva l-Kummissjoni rreferiet għall-prattika ta’ esklużjoni tal-mudell ta’ żvilupp “open source” minħabba ċerti klawżoli inklużi fil-ftehim proposti minn Microsoft (ara, pereżempju, il-paragrafi 65 sa 70 tal-anness tal-ittra tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Marzu 2005), id-deċiżjoni kkontestata hija mmotivata min-natura irraġonevoli tal-prezzijiet imposti minn Microsoft għall-perijodu mill‑21 ta’ Ġunju 2006 sal-21 ta’ Ottubru 2007 (ara l-punt 55 iktar ’il fuq).

226    Madankollu, jekk il-Kummissjoni, fid-dawl tal-lis pendens, b’kunsiderazzjoni tan-natura tal-obbligi imposti mill-Artikolu 5 tad-deċiżjoni tal-2004 u tal-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw minn eventwali annullament, kienet tippermetti lil Microsoft timplementa, matul perijodu, prattika li jista’ jkollha effetti antikompetittivi, li d-deċiżjoni tal-2004 għandha l-għan li telimina, dan il-fatt jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont tal-pagament ta’ penalità.

227    Għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni diversi elementi. L-ewwel nett, minkejja l-portata tal-ittra tal-1 ta’ Ġunju 2005, li kienet limitata għad-distribuzzjoni ta’ prodotti żviluppati mill-kompetituri ta’ Microsoft, din tal-aħħar prattikament kompliet tirrifjuta lill-iżviluppaturi “open source” kull aċċess għall-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà, li ma kinitx rikonoxxut bħala possibbiltà leġittima fl-imsemmija ittra. Fil-fatt, skont l-ispritu tal-ittra inkwistjoni, Microsoft setgħet l-iktar l-iktar tillimita l-possibbiltà ta’ dawn l-iżviluppaturi li jiddistribwixxu l-prodotti tagħhom sakemm tingħata s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-kawża Microsoft vs Il‑Kummissjoni, punt 18 iktar ’il fuq.

228    It-tieni nett, bħalma jissemma fil-paragrafu 68 tal-anness tal-ittra tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Marzu 2005 u bħalma ġie espost ripetutament matul is-seduta, l-iżviluppaturi “open source” huma fost il-kompetituri prinċipali ta’ Microsoft.

229    It-tielet nett, id-dewmien ta’ Microsoft sabiex tagħmel disponibbli verżjoni preċiża u kompleta tal-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà (ara l-punt 115 iktar ’il fuq) wassal sabiex il-probabbiltà li prodott kompetitur jiġi żviluppat u ddistribwit qabel ma tingħata s-sentenza Microsoft vs Il-Kummissjoni, punt 18 iktar ’il fuq, purament waħda teoretika, u b’hekk ikkonferma l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni esposta fil-punt 224 iktar ’il fuq.

230    Ir-raba’ nett, il-prattika applikata minn Microsoft fir-rigward ta’ prezzijiet proposti sal-21 ta’ Ottubru 2007 kienet biżżejjed, fiha nnifisha, sabiex l-Artikolu 5 tad-deċiżjoni tal-2004 jsir ineffettiv fil-konfront tal-iżviluppaturi “open source”.

231    Il-ħames nett, Microsoft ma pproduċiet xejn li juri sa fejn l-effetti antikompetittivi li jirriżultaw mill-aġir issanzjonat mid-deċiżjoni kkontestata kienu jiġu prodotti kieku hija applikat it-tip ta’ aġir deskritt fl-ittra tal-1 ta’ Ġunju 2005, iżda ikkonformat ruħha mal-obbligu tagħha li tipproponi prezzijiet raġonevoli għat-teknoloġiji mingħajr privattiva jew teknoloġiji mhux inventivi. Issa, xejn ma jindika li l-effetti li kienu jkunu prodotti b’dan il-mod ma kinux ikunu ħlief marġinali, fid-dawl ta’ dak li huwa indikat fil-punti 224 u 229 iktar ’il fuq.

232    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ammont tal-pagament ta’ penalità impost fuq Microsoft għandu jiġi ffissat għal EUR 860 miljun.

 Fuq l-ispejjeż

233    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skont l-Artikolu 87(3) tal-imsemmija regoli, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha, jekk il-partijiet ikunu tilfu rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom, jew għal raġunijiet eċċezzjonali.

234    Peress li Microsoft tilfet rigward l-ewwel ħames motivi, iżda ingħata tnaqqis tal-ammont tal-pagament ta’ penalità fil-kuntest tas-sitt motiv, Microsoft għandha tbati l-ispejjeż tagħha, 95 % tal-ispejjeż tal-Kummissjoni, bl-eċċezzjoni tal-ispejjeż ta’ din tal-aħħar marbuta mal-interventi tal-CompTIA u tal-ACT, u 80 % tal-ispejjeż esposti mill-FSFE, is-Samba Team, l-SIIA, l-ECIS, IBM, Red Hat u Oracle.

235    Il-Kummissjoni għandha tbati 5 % tal-ispejjeż tagħha bl-eċċezzjoni ta’ dawk marbuta mal-interventi tal-CompTIA u tal-ACT.

236    Il-CompTIA u l-ACT għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll l-ispejjeż tal-Kummissjoni marbuta mal-interventi tagħhom.

237    L-FSFE, is-Samba Team, l-SIIA, l-ECIS, IBM, Red Hat u Oracle għandhom ibatu 20 % tal-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-ammont tal-pagament ta’ penalità impost fuq Microsoft Corp. fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 764 finali, tas-27 ta’ Frar 2008, li tistabbilixxi l-ammont definittiv tal-pagament perjodiku ta’ penalità impost fuq il-Korporazzjoni Microsoft permezz tad-Deċiżjoni C(2005) 4220 finali (Każ COMP/C‑3/37.792 — Microsoft) huwa ffissat għal EUR 860 miljun.

2)      Microsoft għandha tbati l-ispejjeż tagħha, 95 % tal-ispejjeż subiti mill-Kummissjoni Ewropea bl-eċċezzjoni tal-ispejjeż ta’ din tal-aħħar marbuta mal-interventi ta’ The Computing Technology Industry Association, Inc. u tal-Association for Competitive Technology, Inc. u 80 % tal-ispejjeż subiti mill-Free Software Foundation Europe e.V. u s-Samba Team, is-Software & Information Industry Association, il-European Committee for Interoperable Systems, International Business Machines Corp., Red Hat Inc. u Oracle Corp.

3)      Il-Kummissjoni għandha tbati 5 % tal-ispejjeż tagħha, bl-eċċezzjoni ta’ dawk marbuta mal-intervent ta’ The Computing Technology Industry Association, Inc. u l-Association for Competitive Technology, Inc.

4)      The Computing Technology Industry Association u l-Association for Competitive Technology għandhom ibati l-ispejjeż tagħhom kif ukoll l-ispejjeż tal-Kummissjoni marbuta mal-intervent tagħhom.

5)      Il-Free Software Foundation Europe u s-Samba Team, is-Software & Information Industry Association, il-European Committee for Interoperable Systems, International Business Machines, Red Hat u Oracle għandhom ibatu 20 % tal-ispejjeż tagħhom.

Forwood

Dehousse

Schwarcz

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-26 ta’ Ġunju 2012.

Firem



Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża3

Id-deċiżjoni kkontestata7

Programm ta’ protokolli għal servers ta’ work group7

Id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet9

Evalwazzjoni dwar l-osservanza tal-obbligi imposti mill-Artikolu 5(a) tad-deċiżjoni tal-20049

Il-kriterji għall-evalwazzjoni tan-natura raġonevoli tar-rati ta’ remunerazzjoni mitluba minn Microsoft9

Evalwazzjoni tan-natura raġonevoli tar-rati ta’ remunerazzjoni mitluba minn Microsoft11

— Il-kuntest ġenerali11

— In-natura innovattiva tal-protokolli deskritti fid-dokumentazzjoni teknika li għalihom Microsoft tagħti aċċess taħt il-ftehim No Patent12

— Evalwazzjoni tas-suq dwar teknoloġiji paragunabbli13

Pagament ta’ penalità14

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet14

Id-dritt15

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq in-natura illegali tal-impożizzjoni ta’ pagament ta’ penalità qabel ma l-obbligi ta’ Microsoft taħt l-Artikolu 5(a) tad-deċiżjoni tal‑2004 kienu ġew ikkonkretizzati16

L-argumenti tal-partijiet16

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali18

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball imwettaq mill-Kummissjoni rigward in-nuqqas ta’ natura raġonevoli tar-rati ta’ remunerazzjoni relattivi għall-ftehim No Patent22

L-argumenti tal-partijiet22

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali24

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żball imwettaq mill-Kummissjoni rigward il-kriterji applikati sabiex tevalwa n-natura innovattiva tat-teknoloġiji li kienu s-suġġett tal-ftehim No Patent28

L-argumenti tal-partijiet28

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali31

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq in-natura illegali tal-użu tar-rapporti tat-trustee indipendenti38

L-argumenti tal-partijiet38

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali38

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża40

L-argumenti tal-partijiet40

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali40

Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ bażi legali għall-impożizzjoni ta’ pagament ta’ penalità kif ukoll tan-natura eċċessiva u sproporzjonata tiegħu43

L-argumenti tal-partijiet43

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali45

Fuq l-ispejjeż51



* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.