Language of document :

Rikors ippreżentat fil-15 ta' Settembru 2008 - Ellinika Nafpigeia vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-391/08)

Lingwa tal-kawża: Il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: Ellinika Nafpigeia (Skaramagkas, il-Greċja) (rappreżentanti: I. Drosos, K. Loukopoulos, A. Chiotellis, Ch. Panagoulea, P. Tzioumas, A. Balla, B. Voutsakis u X. Gkousta, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla l-Artikoli 1(2), 2, 3, 5, 6, 8(2), 9, 11, 12, 13, 14, 15, 16, 18 u 19 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2008 "dwar l-għajnuna Nru C 6 16/2001 (li qabel kienet NN 29/2004, CP 71/2002 u CP 133/2005) mogħtija mill-Greċja lill-impriża Ellinika Nafpigeia A.E".

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tar-rikorrenti f'din il-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti (iktar 'il quddiem "ENAE") tikkontesta tnax mis-sittax-il miżuri imposti mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 3118 finali, tat-2 ta' Lulju 2008, rigward l-għajnuna C 16/2004 (li qabel kienet NN 29/2004, C 71/2002 u C 133/2005), billi invokat disa' motivi ta' annullament insostenn tar-rikors tagħha.

Skont l-ewwel motiv ta' annullament, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma applikatx l-Artikolu 298 KE, billi fid-deċiżjoni kkontestata ssostni li ENAE hija tarzna militari.

Fil-kuntest tat-tieni motiv ta' annullament, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma applikatx, jew applikat b'mod żbaljat, l-Artikolu 296 KE.

Fit-tielet motiv ta' annullament, ir-rikorrenti tallega żball manifest ta' evalwazzjoni kif ukoll motivazzjoni insuffiċjenti fid-deċiżjoni kkontestata, billi tipprovdi li s-solvenza ta' ENAE naqset minn 1997 sa Ġunju 1999 u kienet ineżistenti sa minn dik is-sena. B'mod konkret, il-Kummissjoni (a) ma qisietx is-solvenza ta' ENAE fid-dawl tan-natura speċifika tagħha bħala entità industrijali militari; b) tefgħet dubji b'mod inġustifikat fuq l-informazzjoni ekonomika pprovduta minn ENAE kif ukoll il-garanziji ammissibbli kollha li kienet fil-kundizzjoni li toffri sabiex tirċievi finanzjament minn kwalunkwe bank privat ; c) injorat b'mod inġustifikat u evalwat b'mod żbaljat l-interess ta' Elliniki Trapeza Biomichanikis Anaptixis (Bank Grieg ta' Żvilupp Industrijali) (iktar 'il quddiem "ETBA") bħala azzjonist prinċipali ta' ENAE, fil-valur u d-dħul minn dan is-sehem azzjonarju.

Fil-kuntest tar-raba' motiv ta' annullament, fir-rigward tal-applikazzjoni abbużiva tal-għajnuna fil-forma ta' stralċ ta' djun għal ammont ta' EUR 160 miljun, ir-rikorrenti ssostni li d-Deċiżjoni ta' approvazzjoni C-10/1999 ma imponietx kundizzjonijiet u lanqas ma ġiet applikata b'mod abbużiv u, sussidjarjament, li ENAE ma kinitx igħatat totalment il-kwantità msemmija iktar 'il fuq u, b'konsegwenza, ma jistgħux jiġu rkuprati l-kwantitajiet li ma ngħatawx. Għalhekk, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-Artikolu 296 KE għandu jiġi applikat kemm fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-eżistenza eventwali ta' għajnuna kif ukoll fir-rigward tal-kalkolu ta' kwalunkwe benefiċċju rkuprabbli. Fl-aħħar nett, skont ir-rkorrenti, l-irkupru tal-għajnuna jikser il-prinċipji ta' proporzjonalità, ta' ċertezza legali u tal-aspettativi leġittimi ta' min jirċievi l-għajnuna.

Bħala ħames motiv ta' annullament, fir-rigward tal-applikazzjoni abbużiva tal-għajnuna bl-għeluq tal-installazzjonijiet għal valur ta' EUR 29,5 miljun, approvata fl-2002, minħabba l-allegat nuqqas ta' twettiq tar-rekwiżit kumpensatorju dwar il-limitazzjoni tal-kapaċità ta' tiswija tar-rikorrenti, hija tallega li d-Deċiżjoni ta' approvazzjoni N 513/2001 ġiet applikata b'mod żbaljat.

Permezz tas-sitt u tas-seba' motivi ta' annullament, fir-rigward tal-applikazzjoni abbużiva tal-għajuna għall-investiment għal valur ta' EUR 22,9 miljun, u s-sehem illegali preżuppost ta' ETBA fiż-żieda tal-kapital permezz tal-konkretizzazzjoni ta' dan l-investiment, ir-rikorrenti ssostni li d-Deċiżjoni ta' approvazzjoni N 401/1997 ġiet applikata b'mod żbaljat, li l-Artikolu 87(1) KE ġie miksur, li l-Kummissjoni sostniet b'mod żbaljat li l-miżura E 10 tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat illegali, li l-prinċipju tal-aspettativi leġittimi ġie miksur u li ma ġiex applikat l-Artikolu 296 KE.

Permezz tat-tmien motiv ta' annullament, relatat mas-self u mal-garanziji li r-rikorrenti rċeviet matul il-perijodu rilevanti, jiġifieri 1997-2001, hekk kif intqal ukoll f'dan ir-rigward fit-tielet motiv ta' annullament invokat fir-rigward tal-evalwazzjoni żbaljata tal-solvenza tar-rikorrenti, qed jiġi allegat li ġej : a) applikazzjoni żbaljata tal-kriterju ta' investitur privat f'kundizzjonijiet ta' ekonomija tas-suq ; b) applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 87(2) KE, tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1540/19981, u tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 90/684/KEE2 ; c) ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità u ta' żball manifest ta' evalwazzjoni fir-rigward tas-solvenza ta' ENAE wara l-privatizzazzjoni sħiħa tagħha f'Ġunju 2002, fir-rigward tal-kalkolu tal-kwantitajiet li għandhom jiġu rkuprati permezz tal-miżuri eżaminati, kif ukoll li d-deċiżjoni kkontestata ma naqqsitx l-interess ta' referenza applikabbli; (d) żball ta' fatt fir-rigward tas-self u tal-garanziji li ETBA ta lir-rikorrenti, fejn peress li d-deċiżjoni kkontestata ħadet inkunsiderazzjoni wara biss il-privatizzazzjoni ta' ETBA, il-miżuri eżaminati ma fihomx elementi ta' għajnuna.

Skont id-disa' motiv ta' annullament, relatat mal-finanzjament illegali ta' attività mhux militari permezz tal-attività militari ta' ENAE, ir-rikorrenti tinvoka : a) ksur tal-Artikoli 296 KE, 298 KE u 88 KE(1) ; b) applikazzjoni żbaljata tal-kriterju tal-investitur privat fir-rigward ta' kuntratti militari u c) nuqqas ta' motivazzjoni u evalwazzjoni żbaljata tad-determinazzjoni tal-kwantitajiet li għandhom jiġu rkuprati.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1540/98 tad-29 ta' Ġunju 1998, dwar l-għajnuna għall-kostruzzjoni ta' basitmenti (ĠU L 202, p. 1).

2 - Regolament tal-Kunsill 90/684/KEE tal-21 ta' Diċembru 1990, dwar l-għajnuna għall-kostruzzjoni ta' bastimenti (ĠU L 380, p. 27).