Language of document : ECLI:EU:T:2011:288

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

16 ta’ Ġunju 2011 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE – Iffissar tal-prezzijiet – Tqassim tas-suq – Manipulazzjoni ta’ sejħiet għal offerti – Ksur uniku u kontinwu – Oneru tal‑prova”

Fil-Kawża T‑210/08,

Verhuizingen Coppens NV, stabbilita fi Bierbeek (il-Belġju), irrappreżentata minn J. Stuyck u I. Buelens, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Bouquet u S. Noë, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 926 finali, tal-11 ta’ Marzu 2008, dwar proċedura skont l‑Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38.543 – Servizzi ta’ ġarr internazzjonali), kif ukoll, sussidjarjament, talba għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-multa imposta lir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn S. Papasavvas, li qed jaġixxi bħala President, N. Wahl u A. Dittrich (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Mejju 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti

 Is-suġġett

1        Skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 926 finali, tal-11 ta’ Marzu 2008, dwar proċedura skont l‑Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38.543 – Servizzi ta’ ġarr internazzjonali) (iktar ’il quddiem id‑“Deċiżjoni”), li sommarju tagħha huwa ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal‑Unjoni Ewropea, tal-11 ta’ Awwissu 2009 (ĠU C 188 p. 16), ir-rikorrenti, Verhuizingen Coppens NV, ipparteċipat f’akkordju fis-suq tas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju, li jirrigwarda l-iffissar tal-prezzijiet, b’mod dirett u indirett, it-tqassim tas-suq u l-manipulazzjoni tal-proċedura f’sejħiet għal offerti. Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej issostni li l-akkordju tħaddem għal kważi 19-il sena (minn Ottubru 1984 sa Settembru 2003). Il-membri tiegħu ffissaw il-prezzijiet, ippreżentaw kwotazzjonijiet foloz (magħrufa bħala “kwotazzjoni ta’ konvenjenza”, iktar ’il quddiem il-“KTK”) lill-klijenti u għamlu tajjeb għal xulxin fil-każ ta’ offerti miċħuda permezz ta’ sistema ta’ kumpensi finanzjarji (iktar ’il quddiem il-“kummissjonijiet”).

 Ir-rikorrenti

2        Il-predeċessur tar-rikorrenti ġie maħluq madwar 30 sena ilu mis-Sur Coppens. Din il‑kumpannija kienet is-suġġett ta’ kontribuzzjoni in specie fil-kapital minn Verhuizingen Coppens (iktar ’il quddiem “Coppens”) meta din ġiet ikkostitwita f’Mejju 1998. Skont id-Deċiżjoni, is-Sur Coppens jieħu d-deċiżjonijiet kollha dwar il‑kumpannija. Qabel Mejju 1998, huwa kien jagħmel hekk bħala l-uniku proprjetarju u minn Mejju 1998 huwa jagħmel hekk bħala amministratur delegat. Matul is-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2006, Coppens kellha dħul mill‑bejgħ ikkonsolidat ta’ EUR 1 046 318.

 Il-proċedura amministrattiva

3        Skont id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura fuq inizjattiva tagħha stess minħabba li kellha informazzjoni li tindika li xi kumpanniji Belġjani attivi fis‑settur tal-ġarr internazzjonali kienu involuti fi ftehim li huma suxxettibbli li jaqgħu taħt il-projbizzjoni fl-Artikolu 81 KE.

4        Għalhekk, fuq il-bażi tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), twettqu verifiki għand Allied Arthur Pierre NV, Interdean NV, Transworld International NV u Ziegler SA f’Settembru 2003. Insegwitu għal dawn il-verifiki, Allied Arthur Pierre ressqet applikazzjoni għal immunità jew tnaqqis tal-multa skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155). Allied Arthur Pierre ammettiet il‑parteċipazzjoni tagħha fil-ftehim dwar il-kummissjonijiet u l-KTK, elenkat il‑kompetituri involuti, b’mod partikolari kompetitur li preċedentement ma kienx magħruf mill-Kummissjoni, u sssottomettiet dokumenti li jikkorroboraw id‑dikjarazzjonijiet orali tagħha.

5        Bl-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), diversi talbiet bil-miktub, għal informazzjoni, ġew indirizzati lill-impriżi involuti fil-ftehim antikompetittiv, kif ukoll lil organizzazzjoni professjonali. Fit-18 ta’ Ottubru 2006, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġiet adottata u nnotifikata lil numru ta’ kumpanniji. Id-destinatarji kollha wieġbu. Ir-rappreżentanti tagħhom, ħlief għal dawk ta’ Amertranseuro International Holdings Ltd, ta’ Stichting Administratiekantoor Portielje, ta’ Team Relocations Ltd u ta’ Trans Euro Ltd, invokaw id-dritt tagħhom ta’ aċċess għad-dokumenti fil-fajl tal-Kummissjoni, li kienu disponibbli biss fil-bini tal-Kummissjoni. Ġew mogħtija aċċess bejn is-6 u d-29 ta’ Novembru 2006. Is-seduta saret fit-22 ta’ Marzu 2007.

6        Il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni fil-11 ta’ Marzu 2008.

 Id-deċiżjoni

7        Il-Kummissjoni ssostni li d-destinatarji tad-Deċiżjoni, fosthom ir-rikorrenti, ipparteċipaw f’akkordju fis-settur tas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju, jew inżammu responsabbli ta’ dan. Il-parteċipanti fl-akkordju ffissaw il-prezzijiet, qassmu bejniethom il-klijenti u mmanipulaw is-sejħiet għal offerti mill-inqas mill-1984 sal-2003. Bħala riżultat, huma wettqu ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 81 KE.

8        Skont il-Kummissjoni, is-servizzi kkonċernati jinkludu kemm il-ġarr ta’ beni ta’ persuna fiżika, li huma individwi jew impjegati ta’ impriża jew ta’ istituzzjoni pubblika, kif ukoll il-ġarr ta’ beni ta’ impriżi jew ta’ istituzzjonijiet pubbliċi. Dan il-ġarr huwa kkaratterizzat mill-fatt li l-Belġju huwa l-punt ta’ oriġini jew id-destinazzjoni. Fid-dawl ukoll tal-fatt li l-kumpanniji internazzjonali tal-ġarr inkwistjoni kollha jinsabu fil-Belġju u li l-attività tal-akkordju jsir fil-Belġju, il-Kummissjoni għalhekk ikkunsidrat iċ-ċentru ġeografiku tal-akkordju bħala li kien il-Belġju.

9        Id-dħul mill-bejgħ kollu tal-parteċipanti fl-akkordju għas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju, ġie stmat mill-Kummissjoni għal EUR 41 miljun għas-sena 2002. Billi hija qieset li d-daqs tas-settur huwa ta’ madwar EUR 83 miljun, il-parti tas-suq tal-kumpanniji involuti ġie stabbilit għal madwar 50 %.

10      Il-Kummissjoni tiddikjara li, b’mod partikolari, l-akkordju kien intiż sabiex jistabbilixxi u jżomm prezzijiet għoljin u sabiex fl-istess ħin, jew iktar tard, jitqassam is-suq f’modi differenti: ftehim dwar il-prezzijiet, ftehim dwar il-qsim tas-suq permezz ta’ sistema ta’ kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza (il-KTK) u ftehim dwar sistema ta’ kumpens finanzjarju għal offerti miċħuda jew f’każijiet ta’ nuqqas ta’ provvista (il-kummissjonijiet).

11      Il-Kummissjoni tqis li bejn l-1984 u l-bidu tas-snin 90, l-akkordju b’mod partikolari ffunzjona fuq il-bażi ta’ ftehim bil-miktub ta’ ffissar tal-prezzijiet. Fl-istess ħin, il-kummissjonijiet u l-KTK ġew introdotti. Kummissjoni hija element moħbi fil-prezz finali li l-konsumatur kellu jħallas mingħajr ma jirċievi xi benefiċċju ekwivalenti. Fil-fatt, din tirrappreżenta somma ta’ flus li l-kumpannija tal-ġarr li tkun kisbet il-kuntratt għal ġarr internazzjonali għandha tħallas lill-kompetituri li ma jiksbux il-kuntratt, kemm jekk dawn ikunu ressqu offerta jew jekk ikunu astjenew milli jagħmlu dan. Din għalhekk hija tip ta’ kumpens finanzjarju għall-kumpanniji tal-ġarr li ma jiksbux il-kuntratt. Il-membri tal-akkordju joħorġu kontijiet lil xulxin ibbażati fuq il-kummissjonijiet għal offerti miċħuda jew li jkunu astjenew għalihom, billi jibbażawhom fuq servizzi fittizji, u l-ammont ta’ dawn il-kummissjonijiet jintalbu lill-klijenti. Il-Kummissjoni ssostni li din il-prattika għandha titqies bħala ffissar indirett tal-prezzijiet għas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju.

12      Il-membri ta’ dan l-akkordju kkooperaw ukoll sabiex jippreżentaw KTK, li jħallu lill-klijenti jaħsbu, jiġifieri dawk li qed iħallsu għall-ġarr, li huma jistgħu jagħżlu skont kriterji bbażati fuq il-kompetizzjoni. KTK hija kwotazzjoni inkorretta mogħtija lill-klijent jew lill-persuna li ser iġġorr permezz ta’ kumpannija tal-ġarr li ma għandhiex l-intenzjoni li teżegwixxi l-ġarr. Billi tipprovdi KTK, il-kumpannija tal-ġarr li riedet tirbaħ il-kuntratt (iktar ’il quddiem il-“kumpannija li talbet għal KTK”) kienet tiżgura li l-istituzzjoni jew l-impriża tirċievi numru ta’ kwotazzjonijiet, kemm direttament jew indirettament permezz tal-persuna li biħsieba ġġorr. Għal dan il-għan, il-kumpannija li talbet għal KTK tindika lill-kompetituri l-prezz, ir-rati ta’ assigurazzjoni u l-ispejjeż għall-ħażna li huma kellhom jitolbu għas-servizz. Dan il-prezz ogħla mill-prezz propost mill-kumpannija li talbet għal KTK, kien sussegwentement indikat fil-KTK. Skont il-Kummissjoni, billi l-persuna li biħsieba ġġorr normalment tagħżel il-kumpannija tal-ġarr li toffri l-iktar prezz baxx, il-kumpanniji involuti fl-istess ġarr internazzjonali, fil-prinċipju jafu minn qabel liema minnhom tista’ tirbaħ il-kuntratt għal dan il-ġarr.

13      Barra minn dan, il-Kummissjoni tqis li l-prezz mitlub mill-kumpannija li talbet għal KTK jista’ jkun ogħla milli kieku kien ikun għaliex il-kumpanniji l-oħra involuti fl-istess ġarr ippreżentaw KTK li inkludew prezz speċifikat mill-kumpannija li talbet għal KTK. Pereżempju, il-Kummissjoni tirreferi, fil-premessa 233 tad-Deċiżjoni, għal posta elettronika interna ta’ Allied Arthur Pierre, datata 11 ta’ Lulju 1997 li tgħid: “[I]l-klijent talab għal żewġ [KTK], nistgħu għalhekk nitolbu prezz għoli”. Għalhekk, il-Kummissjoni ssostni li l-għoti ta’ KTK lill-klijenti kienet manipulazzjoni tal-proċedura tas-sejħa għal offerti b’mod li l-prezzijiet fl-offerti kienu deliberatament mill-prezz tal-kumpannija li talbet għal KTK, u ogħla milli kienu jkunu f’ambjent kompetittiv.

14      Il-Kummissjoni ssostni li dawn l-arranġamenti ġew stabbiliti sal-2003. Hija tqis li dawn l-attivitajiet kumplessi kellhom l-istess għan li jiġu ffissati l-prezzijiet, li jitqassam is-suq, u b’hekk li jkun hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni.

15      Għalhekk, fl-aħħar nett il-Kummissjoni adottat id-dispożittiv tad-Deċiżjoni, fejn l-Artikolu 1 huwa fformulat hekk kif ġej:

“L-impriżi segwenti kisru l-Artikolu 81(1) [KE] billi stabbilixxew b’mod dirett u indirett il-prezzijiet għas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju, billi qassmu bejniethom parti minn dan is-suq u billi mmanipulaw il-proċedura ta’ sejħiet għal offerti matul il-perijodi indikati:

[…]

i)      [Coppens], mit-13 ta’ Ottubru 1992 sad-29 ta’ Lulju 2003;

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

16      Konsegwentement, fl-Artikolu 2(k) tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni imponiet multa ta’ EUR 104 000 fuq ir-rikorrenti.

17      Sabiex jiġi kkalkolat l-ammont tal-multi, il-Kummissjoni applikat, fid-Deċiżjoni, il-metodu spjegat fil-Linji gwida tagħha dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“linji gwida tal-2006”).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

18      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Ġunju 2008, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

19      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-5 ta’ Mejju 2010.

20      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata fil-parti li tikkonċernaha;

–        tannulla l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni fil-parti li tikkonċernaha;

–        sussidjarjament, tnaqqas sostanzjalment il-multa li għandha tiġi ffissata għal ammont massimu ta’ 10 % mid-dħul mill-bejgħ tagħha fis-suq tas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali;

–        f’kull każ, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

21      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

22      Ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi prinċipali u motiv sussidjarju għat-tneħħija jew għat-tnaqqis tal-multa.

23      L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 81(1) KE.

24      Dan il-motiv huwa maqsum fi tliet partijiet. L-ewwel nett, ir-rikorrenti tikkontesta, billi tinvoka r-rwol imnaqqas tagħha, il-konstatazzjoni li hija pparteċipat f’akkordju kumpless. It-tieni nett, hija tikkontesta d-determinazzjoni tat-tul tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju. It-tielet nett, hija tilmenta li l-Kummissjoni naqset milli tevalwa l-piż relattiv tal-parteċipazzjoni tagħha.

 L-argumenti tal-partijiet

25      Fir-rigward tal-ewwel parti tal-motiv, ir-rikorrenti tenfasizza li hija ġiet ikkritikata minħabba fl-istabbiliment tal-KTK. Il-Kummissjoni espressament indikat fil-premessa 296 tad-Deċiżjoni, li Coppens hija l-unika impriża li ma pparteċipatx fil-ftehim dwar il-kummissjonijiet. Il-Kummissjoni ma wrietx li r-rikorrenti kienet taf b’dan il-ftehim. Għalhekk, il-konklużjoni milħuqa mill-Kummissjoni fil-premessa 345 tad-Deċiżjoni, li r-rikorrenti kienet ipparteċipat fl-aġir inkwistjoni hija ineżatta. Barra minn dan, ir-rikorrenti tqis li l-ftehim dwar KTK, minnhom nfushom ma għandhomx suġġett jew effett li jirrestrinġi l-kompetizzjoni. Fil-fatt, ikun impossibbli għar-rikorrenti sabiex ikunu jafu l-kompetituri kollha tagħhom li l-klijent jista’ jitlobhom kwotazzjoni, b’mod li r-rikorrenti ma tkunx tista’ ssir taf jekk tistax titlob prezzijiet ogħla. Għalhekk, il-ġarr mir-rikorrenti effettivament twettaq biss f’madwar 23 % tal-każijiet fejn talbet għal KTK lill-membri l-oħra tal-akkordju.

26      Fir-replika, ir-rikorrenti tinvoka wkoll is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Ġunju 1966, LTM (56/65, Ġabra p. 337), tad-9 ta’ Lulju 1969, Völk (5/69, Ġabra p. 295), u tat-28 ta’ Frar 1991, Delimitis (C‑234/89, Ġabra p. I‑935), sabiex tikkontesta l-applikabbiltà tal-Artikolu 81 KE.

27      Il-Kummissjoni ssostni li huwa irrilevanti li l-kompetizzjoni hija distorta minħabba fi KTK jew kummissjonijiet, billi fiż-żewġ każijiet din hija distorsjoni tal-kompetizzjoni li normalment tirriżulta f’żieda fil-prezzijiet għall-klijent. Dan ifisser li l-forom differenti ta’ akkordju jistgħu jiġu kkunsidrati bħala ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 81 KE. Il-Kummissjoni tindika li r-rikorrenti ma tikkontestax li hija kienet taf bl-eżistenza tal-ftehim dwar il-kummissjonijiet. Il-ksur ikkonstatat f’dan il-każ ma jaqax fl-ambitu tar-regola de minimis, billi l-parteċipanti flimkien jokkupaw pożizzjoni importanti ħafna fis-suq tal-ġarr internazzjonali.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

28      F’dak illi jirrigwarda l-ewwel parti tal-motiv, huwa stabbiliti li l-parteċipazzjoni attiva tar-rikorrenti fl-akkordju kienet limitata għall-istabbiliment tal-KTK (ara l-premessi 173 u 296 tad-Deċiżjoni). Fil-fatt, skont il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni, Coppens hija l-unika impriża li ma pparteċipatx fil-ftehim dwar il-kummissjonijiet.

29      Madankollu, ir-rikorrenti tikkontesta li pparteċipat fi ksur uniku u kontinwu. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont il-ġurisprudenza, impriża li tkun ipparteċipat fi ksur multiformi tar-regoli tal-kompetizzjoni permezz ta’ aġir tagħha stess, li jaqa’ taħt il-kunċetti ta’ akkordju jew prattika miftiehma li għandhom għan antikompetittiv skont l-Artikolu 81(1) KE, u li huma intiżi biex jikkontribwixxu sabiex jitwettaq il-ksur kollu kemm hu tista’ tinsab responsabbli wkoll għall-aġir ta’ impriżi oħrajn fil-kuntest tal-istess ksur għall-perijodu kollu tal-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmi ksur, ladarba jiġi stabbilit li l-impriża inkwistjoni kienet taf bl-aġir illeċitu tal-parteċipanti l-oħra, jew li hija setgħet raġonevolment tipprevedih u li hija kienet lesta taċċetta r-riskju (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, Ġabra p. I‑4125, punti 87 u 203). Għalhekk, sabiex impriża tiġi kkunsidrata responsabbli ta’ ksur uniku u kontinwu, huwa meħtieġ l-għarfien (kemm jekk ippruvat jew issuspettat) ta’ aġir illeċitu tal-parteċipanti l-oħra f’dan il-ksur.

30      Barra minn dan, għandu jiġi kkonstatat li s-sempliċi fatt li l-għan ta’ ftehim li fih ipparteċipat impriża u ta’ akkordju globali jkun l-istess, ma huwiex biżżejjed biex din l-impriża titqies responsabbli għall-parteċipazzjoni fl-akkordju globali. Fil-fatt, huwa biss jekk l-impriża, meta hija pparteċipat f’dan il-ftehim, kienet taf jew kellha tkun taf li, billi għamlet hekk, hija kienet qed tinvolvi ruħha fl-akkordju globali li l-parteċipazzjoni tagħha fil-ftehim ikkonċernat jista’ jikkostitwixxi l-espressjoni tal-adeżjoni tagħha ma’ dan l-akkordju globali (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, Sigma Tecnologie vs Il‑Kummissjoni, T‑28/99, Ġabra p. II‑1845, punt 45).

31      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma wrietx li r-rikorrenti, matul il-parteċipazzjoni tagħha fil-ftehim dwar il-KTK, kienet konxja tal-attivitajiet antikompetittivi ta’ impriżi oħra li jirrigwardaw il-kummissjonijiet, jew li setgħet raġonevolment tipprevedi dan. Fil-fatt, il-Kummissjoni ammettiet espressament li, f’dak li jirrigwarda l-għarfien tar-rikorrenti tal-aġir illegali tal-parteċipanti l-oħra, id-Deċiżjoni ma hijiex ibbażata fuq provi konkreti. Hija ssostni li r-rikorrenti ma tikkontestax li kienet taf bil-ftehim dwar il-kummissjonijiet u li naqset milli tindika sa fejn hija ġiet informata bl-aġir tal-parteċipanti l-oħra fil-ksur. Madankollu, ir-rikorrenti mhux meħtieġa tindika fuq inizjattiva tagħha stess, sa fejn hija kienet taf bl-aġir tal-parteċipanti l-oħra fil-ksur, billi l-oneru tal-prova huwa tal-Kummissjoni. Din l-ewwel nett għandha tipprova fatt qabel ma r-rikorrenti tkun tista tikkontestah. Barra minn dan, waqt is-seduta, ir-rikorrenti, fuq talba tal-Qorti Ġenerali, espliċitament enfasizzat li hija ma kinitx taf bil-ftehim dwar il-kummissjonijiet. Għalhekk, il-Kummissjoni ma ssodisfatx l-oneru tal-prova.

32      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkunsidra li r-rikorrenti kienet ipparteċipat fi ksur uniku u kontinwu.

33      Fir-rigward tal-konsegwenzi li jirriżultaw minn din il-konklużjoni, għandu jiġi osservat li l-fatt li d-dispożittiv tad-Deċiżjoni ma ssemmix in-natura unika u kontinwa tal-ksur huwa irrilevanti. Fil-fatt, l-ewwel nett għandu jiġi osservat li l-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward ma hijiex uniformi. Filwaqt li l-Kummissjoni rrikonoxxiet espliċitament in-natura unika u kontinwa tal-ksur fid-dispożittiv ta’ xi deċiżjonijiet tagħha [ara, pereżempju, l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 4180, tal-20 ta’ Settembru 2006, dwar proċedura skont l‑Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F‑1/38.121 - Attrezzaturi), li sommarju tiegħu huwa ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, tas-27 ta’ Ottubru 2007 (ĠU L 283, p. 63)], hija ma għamlitx dan f’deċiżjonijiet oħra, bħad-Deċiżjoni. Madankollu, il-portata tal-annullament ma ddependitx fuq l-għażla tal-Kummissjoni jekk għandhiex tinkludi jew le din il-konstatazzjoni fid-dispożittiv tad-Deċiżjoni.

34      It-tieni nett, għandu jitfakkar li d-dispożittiv ta’ att huwa inseparabbli mill-motivi tiegħu, u għalhekk għandu jiġi interpretat, jekk meħtieġ, fid-dawl tal-motivi li wasslu għall-adozzjoni tiegħu (ara d-digriet tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ April 2007, EnBW Energie Baden‑Württemberg vs Il‑Kummissjoni, T‑387/04, Ġabra p. II‑1195, punt 127, u l-ġurisprudenza ċċitata). Filwaqt li d-dispożittiv ta’ deċiżjoni biss huwa suxxettibbli li jipproduċi effetti legali, jibqa’ il-fatt l-evalwazzjonijiet magħmula fil-motivi ta’ deċiżjoni jistgħu jiġu suġġetti għall-istħarriġ tal-legalità mill-qorti tal-Unjoni sa fejn, bħala motivi ta’ att li jikkawża preġudizzju, huma jikkostitwixxu l-bażi neċessarja tad-dispożittiv ta’ dan l-att jew jekk dawn il-motivi jistgħu jbiddlu s-sustanza ta’ dak li ġie deċiż fid-dispożittiv tal-att inkwistjoni (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-1 ta’ Lulju 2009, KG Holding et vs Il‑Kummissjoni, T‑81/07 sa T‑83/07, Ġabra p. II‑2411, punt 46, u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Madankollu, huwa ċar mill-motivi tad-Deċiżjoni, u b’mod partikolari mill-premessi 307 u 345 tiegħu, li l-Kummissjoni żżomm ir-rikorrenti responsabbli għall-allegat involviment tagħha fi ksur uniku u kontinwu. Barra minn dan, il-fatt li, minkejja l-parteċipazzjoni limitata tar-rikorrenti, il-Kummissjoni għażlet, sabiex jirrifletti l-gravità tal-ksur li r-rikorrenti pparteċipat fih, rata ta’ 17 % tal-valur tal-bejgħ, jiġifieri r-rata unika applikata għall-kumpanniji kollha involuti, jista’ jiġi biss spjegat mill-fatt li hija kkunsidrata bħala li pparteċipat fi ksur uniku u kontinwu. Fl-aħħar nett, din in-natura tal-ksur tidher li influwenzat ukoll l-evalwazzjoni tat-tul tal-parteċipazzjoni fil-ksur (ara l-premessa 380 tad-Deċiżjoni u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali ta’ din il-ġurnata, Gosselin vs Il‑Kummissjoni, T‑208/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 167).

36      Għalhekk, minkejja li l-parteċipazzjoni fis-sistema ta’ KTK tista’ tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 81 KE li jista’ jiġi ssanzjonat b’multa, hemm lok li hekk kif talbet ir-rikorrenti, jiġu annulati l-Artikolu 1(i) u l-Arikolu 2(k) tad-Deċiżjoni.

37      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ma hemmx lok li jiġu eżaminati la l-partijiet l-oħra ta’ dan il-motiv, u lanqas il-motivi l-oħra invokati mir-rikorrenti.

 Fuq l-ispejjeż

38      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Billi l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 1(i) u l-Artikolu 2(k) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 926 finali, tal-11 ta’ Marzu 2008, dwar proċedura skont l‑Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38.543 – Servizzi ta’ ġarr internazzjonali), huma annullati.

2)      Il‑Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall‑ispejjeż.

Papasavvas

Wahl

Dittrich

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Ġunju 2011.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.